EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0500

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-17 ta' Lulju 2008.
Corporación Dermoestética SA vs To Me Group Advertising Media.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Giudice di pace di Genova - l-Italja.
Artikoli 3(g) KE, 4 KE, 10 KE, 43 KE, 49 KE, 81 KE, 86 KE u 98 KE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar li jikkonċerna l-kura mediko-kirurġika fil-qasam tal-kura estetika.
Kawża C-500/06.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:421

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Artikoli 3(1)(g) KE, 4 KE, 10 KE, 43 KE, 49 KE, 81 KE, 86 KE u 98 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar li jikkonċerna l-kura medikokirurġika fil-qasam tal-kura estetika”

Fil-Kawża C-500/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Giudice di pace di Genova (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-8 ta’ Diċembru 2006, fil-proċeduri

Corporación Dermoestética SA

vs

To Me Group Advertising Media,

fil-preżenza ta’:

Cliniche Futura Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur) u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Corporación Dermoestética SA, minn G. Conte, ġurista, kif ukoll minn G. Giacomini, E. Boglione u S. Cavanna, avvocati,

għal To Me Group Advertising Media, minn A. Fornesi u C. Prudenzano, avvocatesse,

għal Cliniche Futura Srl, minn S. Cavanna u E. Boglione, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u F. Amato, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 (g) KE, 4 KE, 10 KE, 43 KE, 49 KE, 81 KE, 86 KE u 98 KE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Corporación Dermoestética SA (iktar ’il quddiem “Dermoestética”), impriża rregolata bid-dritt Spanjol li teżerċita l-attività tagħha fis-settur tal-kura u tal-mediċina estetika, u l-aġenzija tar-reklamar To Me Group Advertising Media (iktar ’il quddiem “To Me Group”) dwar l-eventwali nuqqas ta’ eżekuzzjoni minn din tal-aħħar ta’ kuntratt li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta’ kampanja ta’ reklamar għal Dermoestética.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23) kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 202, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/552”) jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jitolbu lix-xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex iħarsu regoli iktar dettaljati jew iktar stretti fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.”

4

Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 89/552:

“Ir-reklamar fuq it-televiżjoni għal prodotti mediċinali u kura medika disponibbli biss bir-riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu x-xandar għandu jiġi pprojbit.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 175, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet fir-rigward tar-reklamar mediku u tal-prevenzjoni tal-eżerċizzju abbużiv tal-professjonijiet mediċi (legge n. 175, norme in materia di pubblicità sanitaria e di repressione dell’esercizio abusivo delle professioni sanitarie), tal-5 ta’ Frar 1992 (GURI Nru 50, tad-29 ta’ Frar 1992, p. 4), kif emendata bil-Liġi Nru 112, tat-3 ta’ Mejju 2004 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 104, tal-5 ta’ Mejju 2004. iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 175/1992”):

“Ir-reklamar dwar l-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u l-professjonijiet mediċi awżiljarji previsti u regolati permezz tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ huwa awtorizzat biss fil-forma ta’ plakki mwaħħla fuq il-bini li fih tiġi eżerċitata l-attività professjonali, kif ukoll permezz ta’ avviżi ppubblikati fid-direttorji telefoniċi, fid-direttorji professjonali ġenerali, f’perjodiċi intiżi esklużivament għal dawk li jeżerċitaw il-professjonijiet mediċi, fil-gazzetti ta’ kuljum u f’rivisti ta’ informazzjoni u fuq l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni lokali.

[…]”

6

L-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 175/1992 jaqra kif ġej:

“Ir-reklamar dwar il-kliniċi għall-kura privati u ċ-ċentri ta’ konsultazzjoni u ta’ kura li jispeċjalizzaw f’kamp wieħed jew iktar tal-kura tas-saħħa, li huwa suġġett għall-awtorizzazzjonijiet legali, huwa permess fil-forma ta’ plakki jew sinjali mwaħħla mal-bini li fih tiġi eżerċitata l-attività professjonali, kif ukoll fil-forma ta’ inserzjoni fid-direttorji telefoniċi, fid-direttorji professjonali ġenerali u f’perjodiċi intiżi esklużivament għall-membri tal-professjonijiet mediċi, fil-gazzetti ta’ kuljum u f’rivisti perjodiċi ta’ informazzjoni u fuq l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni lokali, bil-fakultà li jiġu indikati l-attivitajiet mediċi u kirurġiċi speċifiċi u r-riċetti dijanjostiċi u terapewtiċi effettivament imwettqa, bil-kundizzjoni li dawn l-indikazzjonijiet ikunu akkompanjati bl-isem, bil-kunjom u bit-titoli professjonali tal-persuni responsabbli għal kull settur speċjalizzat.”

7

Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi:

“1.   Ir-reklamar imsemmi fl-Artikolu 4 huwa awtorizzat mir-Reġjun, fuq parir tal-federazzjonijiet reġjonali tal-assoċjazzjonijiet jew tal-gruppi professjonali, meta dawn jeżistu, li għandhom jiżguraw il-pussess u l-validità tat-titoli akkademiċi u xjentifiċi, kif ukoll il-konformità tal-karatteristiċi estetiċi tal-plakka, tas-sinjal jew tar-riklam ma’ dawk stabbiliti mir-regolament imsemmi fl-Artikolu 2(3).

[…]

3.   Ir-riklami previsti f’dan l-artikolu għandhom jindikaw l-elementi msemmija mill-awtorizzazzjoni reġjonali.

4.   Il-proprjetarji u d-diretturi mediċi responsabbli mill-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 4, li jirreklamaw fil-forom permessi mingħajr l-awtorizzazzjoni reġjonali, għandhom jinkorru s-sanzjonijiet dixxiplinari taċ-ċanfira jew tas-sospensjoni tal-eżerċizzju tal-professjoni medika, skont l-Artikolu 40 tar-Regolament approvat bid-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 221, tal-5 ta’ April 1950.

5.   Meta r-riklam jikkontjeni informazzjoni falza fuq l-attivitajiet jew is-servizzi li l-isptar huwa awtorizzat li jipprovdi jew ma jinkludix l-indikazzjoni tad-direttur mediku, l-awtorizzazzjoni amministrattiva għall-eżerċizzju tal-attività medika għandha tiġi sospiża għal perijodu minn sitt xhur sa sena.

[…]”

8

L-Artikolu 9a tal-Liġi Nru 175/1992 jistipula:

“Il-persuni li jeżerċitaw il-professjonijiet mediċi msemmija fl-Artikolu 1, kif ukoll l-istabbilimenti mediċi msemmija fl-Artikolu 4 jistgħu jirreklamaw fil-forom awtorizzati b’din il-liġi u sal-limitu ta’ infiq ekwivalenti għal 5 % tad-dħul iddikjarat għas-sena preċedenti.”

9

Id-digriet li jimplementa l-Liġi Nru 175/1992, jiġifieri d-Digriet Ministerjali Nru 657, tas-16 ta’ Settembru 1994 (GURI Nru 280, tat-30 ta’ Novembru 1994, p. 18, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 657/1994”) jirregola l-karatteristiċi estetiċi tal-plakki, sinjali u avviżi fir-rigward ta’ reklamar mediku. Madankollu, dan ir-regolament ma jikkontjeni ebda dispożizzjoni speċifika dwar ir-reklamar fuq it-televiżjoni.

10

Il-Liġi Nru 248, intitolata “Konverżjoni f’liġi, b’emendi, tad-Digriet Liġi Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006, dwar miżuri urġenti għar-rilanċ ekonomiku u soċjali, għal-limitazzjoni u għar-razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku, u miżuri fir-rigward tad-dħul u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali” (legge n. 248, conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 4 luglio 2006, n. 223, recante disposizioni urgenti per il rilancio economico e sociale, per il contenimento e la razionalizzazione della spesa pubblica, nonché interventi in materia di entrate e di contrasto all’evasione fiscale), tal-4 ta’ Awwissu 2006 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 186, tal-11 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 248/2006”), ġiet adottata wara li seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali.

11

L-Artikolu 2(1) u (2) tal-Liġi Nru 248/2006, li jinsab taħt it-Titolu I ta’ din tal-aħħar u huwa intitolat “Miżuri urġenti għall-iżvilupp, għat-tkabbir u għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni u tal-kompetittività, għall-protezzjoni tal-konsumaturi u għal-liberalizzazzjoni tas-setturi produttivi”, jaqra kif ġej:

“1.   F’konformità mal-prinċipju Komunitarju ta’ kompetizzjoni ħielsa u ma’ dak tal-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi, u sabiex jiġi żgurat li l-utenti jkollhom għażla effettiva fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u l-fakultà li jipparagunaw is-servizzi offerti fuq is-suq, mid-data tal-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet għandhom jiġu mħassra d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari li jipprevedu, fir-rigward tal-professjonijiet liberali u l-attivitajiet intellettwali:

[…]

b)

il-projbizzjoni, anki parzjali, milli jsir reklamar ta’ informazzjoni dwar id-diplomi u l-ispeċjalizzazzjonijiet professjonali, il-karatteristiċi tas-servizz offert kif ukoll il-prezzijiet u l-ispejjeż globali tas-servizzi, skont kriterji ta’ trasparenza u ta’ veraċità tal-messaġġ li l-osservanza tagħhom għandha tiġi żgurata mill-assoċjazzjoni;

[…]

2.   Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-professjonijiet fil-kuntest tas-Servizz nazzjonali ta’ saħħa pubblika jew ta’ relazzjoni kuntrattwali ma’ dan tal-aħħar, kif ukoll għall-eventwali tariffi massimi stabbiliti minn qabel, b’mod ġenerali, fl-interessi tal-protezzjoni tal-utenti […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fl-10 ta’ Ottubru 2005, Dermoestética inkarigat, b’kuntratt, lil To Me Group sabiex twettaq kampanja ta’ reklamar ta’ servizzi ta’ mediċina estetika li kellha tiġi mxandra fuq l-istazzjon nazzjonali tat-televiżjoni Taljan Canale 5. Il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt seħħet fl-uffiċċji tal-kumpannija sussidjarja Taljana ta’ Dermoestética, Cliniche Futura Srl.

13

Wara li rċeviet ħlas akkont ta’ EUR 2000, To Me Group informat lil Dermoestética bl-impossibbiltà, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 175/1992, li xxandar il-preżentazzjonijiet televiżivi previsti fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni nazzjonali, filwaqt li indikat li hija kienet lesta sabiex issib spazji ta’ reklamar fuq stazzjonijiet lokali.

14

Billi To Me Group irrifjutat li tħallas lura l-ħlas akkont li kienet irċeviet, minħabba li s-somma korrispondenti lanqas kopriet l-ispejjeż fis-siegħa inkorsi sabiex tiġi llanċjata l-kampanja ta’ reklamar, Dermoestética ressqet talba quddiem il-qorti tar-rinviju għat-terminazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar imputabbli lil To Me Group. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat ukoll talba sabiex din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallasha lura l-imsemmi ħlas akkont.

15

Bħala difiża, To Me Group invokat, billi rreferiet għal-Liġi Nru 175/92 u għad-Digriet Ministerjali Nru 657/1994, l-impossibbiltà li sabet ruħha fiha li teżegwixxi l-obbligi kuntrattwali tagħha.

16

Matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, Dermoestética u Cliniche Futura Srl sostnew l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana dwar ir-reklamar tal-istabbilimenti mediċi, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu x-xandir ta’ tali reklamar fuq l-istazzjonijiet televiżivi ta’ xandir nazzjonali, ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

17

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-projbizzjoni ta’ reklamar mediku fuq l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali mhijiex konformi mad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, skont din il-qorti, din tikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata fid-dawl kemm tal-Artikolu 43 KE kif ukoll tal-Artikolu 49 KE.

18

Kien f’dan il-kuntest li l-Giudice di pace di Genova ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 49 KE huwa kompatibbli ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk tal-Artikoli 4, 5 u 9a tal-Liġi Nru 175[/1992] u tad-Digriet Ministerjali Nru 657[/1994] u/jew ma’ prassi amministrattivi li jipprojbixxu r-reklamar fuq it-televiżjoni ta’ xandir nazzjonali fir-rigward ta’ kura medika u kirurġika mwettqa fi stabbilimenti mediċi privati debitament awtorizzati għal dan il-għan, u dan anki meta l-istess reklamar huwa awtorizzat fuq stazzjonijiet televiżivi ta’ xandir lokali, filwaqt li jimponu, għax-xandir ta’ dan ir-reklamar, limitu ta’ infiq ekwivalenti għal 5 % tad-dħul iddikjarat għas-sena preċedenti?

2)

L-Artikolu 43 KE huwa kompatibbli ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk tal-Artikoli 4, 5 u 9a tal-Liġi Nru 175[/1992] u tad-Digriet Ministerjali Nru 657/1994 u/jew ma’ prassi amministrattivi li jipprojbixxu r-reklamar fuq it-televiżjoni ta’ xandir nazzjonali fir-rigward ta’ kura medika u kirurġika mwettqa fi stabbilimenti mediċi privati debitament awtorizzati għal dan il-għan, u dan anki meta l-istess reklamar huwa awtorizzat fuq l-istazzjonijiet televiżivi ta’ xandir lokali, filwaqt li jimponu, għall-imsemmi xandir lokali, awtorizzazzjoni minn qabel li tinħareġ minn kull komun, fuq parir tal-assoċjazzjoni professjonali tal-provinċja ta’ referenza, kif ukoll limitu ta’ infiq ekwivalenti għal 5 % tad-dħul iddikjarat għas-sena preċedenti?

3)

L-Artikoli 43 KE u/jew 49 KE jipprekludu li x-xandir tar-reklamar ta’ informazzjoni fuq il-kura medika u kirurġika ta’ natura estetika mwettqa fi stabbilimenti mediċi privati debitament awtorizzati għal dan il-għan ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel addizzjonali li tinħareġ mill-awtoritajiet amministrattivi lokali u/jew mill-assoċjazzjonijiet professjonali?

4)

Billi adottaw kodiċi ta’ etika li jipprovdi limiti għar-reklamar tal-professjonijiet mediċi kif ukoll prassi interpretattiva tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward ta’ reklamar mediku li tillimita ħafna d-dritt tat-tobba li jirreklamaw l-attivitajiet tagħhom, liema miżuri għandhom, it-tnejn li huma, natura vinkolanti fil-konfront tat-tobba kollha, il-Federazione nazionale degli ordini dei medici (Fnomceo) u l-assoċjazzjonijiet tat-tobba assoċjati illimitaw il-kompetizzjoni b’mod li jmur lil hinn minn dak li huwa permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u bi ksur tal-Artikolu 81(1) KE?

5)

F’kull każ, il-prassi interpretattiva adottata mill-Fnomceo tmur kontra l-Artikoli 3(1)(g) KE, 4 KE, 98 KE, 10 KE, 81 KE u eventwalment 86 KE, inkwantu din il-prassi hija permessa b’leġiżlazzjoni nazzjonali li titlob lill-assoċjazzjonijiet professjonali kompetenti fuq livell provinċjali li jivverifikaw it-trasparenza u l-veraċità tar-riklami mingħajr ma tindika l-kriterji u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan il-poter?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

19

Il-Gvern Taljan iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kollu kemm hu. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà tar-raba’ u tal-ħames domandi.

20

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi Nru 223/2006 għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kawża prinċipali, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni tiddeċiedi fuq l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali għad-determinazzjoni ta’ tali kawża, iżda hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest leġiżlattiv li fih tidħol id-domanda preliminari, kif definit permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 10; tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri, C-153/02, Ġabra p. I-13555, punti 34 u 35, u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s u Tod’s France, C-28/04, Ġabra p. I-5781, punt 14).

21

Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE, il-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma kjarament separati u hija esklużivament din tal-aħħar li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C-295/97, Ġabra p. I-3735, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq l-applikabbiltà tad-Digriet Liġi Nru 223/2006 għall-kawża prinċipali.

23

Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss, b’mod partikolari, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li għalihom jirreferu dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61; tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C-355/97, Ġabra p. I-4977, punt 22, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22).

24

Madankollu, dan mhuwiex il-każ tal-ewwel sat-tielet domandi preliminari, billi d-diffikultajiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Liġi Nru 175/1992 fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 49 KE jinsabu fil-qalba tal-kawża prinċipali.

25

Għaldaqstant, l-argument tal-Gvern Taljan inkwantu jirrigwarda l-inammissibbiltà tal-imsemmija domandi għandu jiġi miċħud.

26

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-raba’ u tal-ħames domandi, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax b’liema mod l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja kemm tal-kodiċi ta’ etika tat-tobba kif ukoll tal-prassi interpretattiva fir-rigward tar-reklamar adottata mill-Fnomceo huwa utli għad-determinazzjoni tal-kawża prinċipali. Hija lanqas ma tindika x’inhi r-rabta bejn dawn l-elementi tad-dritt nazzjonali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom.

27

F’kull każ, id-digriet tar-rinviju la jikkontjeni d-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta’ etika inkwistjoni u lanqas id-deskrizzjoni tal-prassi interpretattiva tal-Fnomceo (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 34).

28

Għaldaqstant, ir-raba’ u l-ħames domandi għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

29

Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, safejn hija twassal sabiex tipprojbixxi r-reklamar tal-kura medika u kirurġika fi stabbilimenti mediċi privati fuq l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali.

30

Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skont il-Liġi Nru 175/1992, ir-reklamar televiżiv għall-kura medika u kirurġika mwettqa fi stabbilimenti mediċi privati huwa awtorizzat, bil-kundizzjoni li tinkiseb awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi lokali, fuq parir tal-assoċjazzjoni professjonali, u bil-kundizzjoni li jiġi rrispettat limitu ta’ infiq ekwivalenti għal 5 % tad-dħul iddikjarat għas-sena preċedenti, biss fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, li jfisser, skont il-qorti tar-rinviju, li dan l-istess reklamar huwa pprojbit fuq l-istazzjonijiet televiżivi ta’ xandir nazzjonali.

31

Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, regoli dwar ir-reklamar, bħal dawk previsti fil-Liġi Nru 175/1992, jinvolvu projbizzjoni tar-reklamar li tmur lil hinn minn dik prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 89/552. Minkejja li l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu regoli iktar dettaljati jew iktar stretti fl-oqsma koperti minn din tal-aħħar, tali kompetenza għandha tiġi eżerċitata filwaqt li jiġu rrispettati l-libertajiet fundamentali ggarantiti permezz tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, ARD, C-6/98, Ġabra p. I-7599, punt 49).

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi msemmija rispettivament fl-Artikoli 43 KE u 49 KE huma kkostitwiti minn miżuri li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 22; tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 31, u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-65/05, Ġabra p. I-10341, punt 48, u tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-248/06, Ġabra p. I-47, punt 21).

33

Issa regoli dwar ir-reklamar bħal dawk previsti fil-Liġi Nru 175/1992, inkwantu jaċċettaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, ix-xandir fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali tar-reklamar għall-kura medika u kirurġika mogħtija mill-istabbilimenti mediċi privati, li jfisser li dan l-istess reklamar huwa pprojbit fuq l-istazzjonijiet televiżivi ta’ xandir nazzjonali, jikkostitwixxu, għall-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra barra mir-Repubblika Taljana, bħal Dermoestética, ostakolu serju għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom permezz ta’ kumpannija sussidjarja stabbilita f’dan l-aħħar Stat Membru. Dawn ir-regoli huma, għaldaqstant, ta’ natura li jirrendu iktar diffiċli l-aċċess ta’ dawn l-operaturi ekonomiċi għas-suq Taljan (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C-442/02, Ġabra p. I-8961, punti 12 sa 14, u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 58). Barra minn dan, regoli dwar ir-reklamar, bħal dawk previsti fil-Liġi Nru 175/1992, safejn jimpedixxu lil kumpanniji bħal Dermoestética milli jibbenefikaw mill-provvista ta’ servizzi ta’ xandir tar-reklamar televiżiv, jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

34

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-regoli dwar ir-reklamar previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu miżura nazzjonali li tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat fl-Artikoli 43 KE u 49 KE.

35

Jirriżulta madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tali miżuri jistgħu jkunu ġġustifikati jekk jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet: ikunu applikabbli b’mod li mhuwiex diskriminatorju, ikunu bbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ikunu adattati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan li jfittxu li jilħqu u ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan (ara s-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32; tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37; tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C-424/97, Ġabra p. I-5123, punt 57; tal-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et, C-108/96, Ġabra p. I-837, punt 26, u tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C-243/01, Ġabra p. I-13031, punti 64 u 65).

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-regoli dwar ir-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplikaw indipendentement mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impriżi li lejhom huma diretti.

37

Fit-tieni lok, il-ħarsien tas-saħħa pubblika huwa fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li, skont l-Artikolu 46(1) KE u dan l-istess artikolu moqri flimkien mal-Artikolu 55 KE, jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, rispettivament.

38

Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni dwar ir-reklamar televiżiv għall-kura medika u kirurġika mogħtija mill-istabbilimenti mediċi privati tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl tal-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika.

39

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-idoneità ta’ regoli, bħal dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, biex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika, għandu jiġi rrilevat li, billi jistabbilixxu mekkaniżmu li jwassal għal projbizzjoni tar-reklamar għall-kura medika u kirurġika fuq l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali, filwaqt li joffru l-possibbiltà ta’ xandir ta’ tali reklamar fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, dawn ir-regoli jippreżentaw inkoerenza li l-Gvern Taljan ma ppruvax jiġġustifika u għalhekk mhumiex ta’ natura li jissodisfaw b’mod utli l-għan fuq imsemmi li huma jfittxu li jilħqu.

40

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan ta’ saħħa pubblika u li hija tikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata fis-sens tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 49 KE, moqrija flimkien mal-Artikoli 48 KE u 55 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi r-reklamar għall-kura medika u kirurġika, mogħtija mill-istabbilimenti mediċi privati, fuq l-istazzjonijiet televiżivi ta’ xandir nazzjonali, filwaqt li tawtorizza tali reklamar, taħt ċerti kundizzjonijiet, fuq l-istazzjonijiet televiżivi ta’ xandir lokali.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 43 KE u 49 KE, moqrija flimkien mal-Artikoli 48 KE u 55 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, safejn tipprojbixxi r-reklamar għall-kura medika u kirurġika, mogħtija mill-istabbilimenti mediċi privati, fuq l-istazzjonijiet televiżivi ta’ xandir nazzjonali, filwaqt li tawtorizza tali reklamar, taħt ċerti kundizzjonijiet, fuq l-istazzjonijiet televiżivi ta’ xandir lokali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq