EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0219

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-19 ta' Ġunju 2008.
Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers VZW u Andibel VZW vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - il-Belġju.
Artikolu 30 KE - Regolament (KE) Nru 338/97 - Protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi - Projbizzjoni ta’ żamma tal-mammiferi ta’ ċerti speċi msemmijin minn dan ir-regolament jew li mhumiex koperti minnu - Żamma awtorizzata fi Stati Membri oħrajn.
Kawża C-219/07.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:353

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )

“Artikolu 30 KE — Regolament (KE) Nru 338/97 — Protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi — Projbizzjoni ta’ żamma ta’ mammiferi ta’ ċerti speċi msemmija minn dan ir-regolament jew li mhumiex koperti minnu — Żamma awtorizzata fi Stati Membri oħrajn”

Fil-Kawża C-219/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-16 ta’ April 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ April 2007, fil-proċedura

Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers VZW,

Andibel VZW

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers VZW, minn R. Portocarero, advocaat,

għal Andibel VZW, minn P. Calus, advocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn J.-F. De Bock, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Mol kif ukoll minn Y. de Vries, bħala aġenti,

għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse kif ukoll minn A. Falk u S. Johannesson, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Stromsky u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 KE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU 1997, L 61, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-eżami ta’ żewġ rikorsi għal annullament imressqa quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat), rispettivament, min-Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers VZW (Kunsill nazzjonali ta’ dawk li jrabbu u tad-dilettanti tal-annimali ASBL u Andibel VZW, assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tiġbor fi ħdanha kummerċjanti attivi fis-settur tal-bejgħ tal-għasafar, annimali domestiċi u aċċessorji għalihom), kontra d-Digriet Irjali tas-7 ta’ Diċembru 2001 li jelenka l-annimali li jistgħu jinżammu (Moniteur belge tal-14 ta’ Frar 2002, p. 5479, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Skont it-tielet premessa tar-Regolament Nru 338/97:

“[Id-]dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma jippreġudikawx miżuri iktar stretti li jistgħu jittieħdu jew jinżammu fis-sehh minn Stati Membri, b’konformità mat-Trattat, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam maż-żamma ta’ kampjuni ta’ speċi koperti b’dan ir-Regolament”.

4

L-ewwel Artikolu tar-Regolament Nru 338/97 jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament hu li jipproteġi l-ispeċi ta’ fawna u flora salvaġġi u li jiggarantixxi l-konservazzjoni tagħhom billi jirregola l-kummerċ fihom skond l-Artikoli li ġejjin.

Dan ir-Regolament għandu japplika f’konformità ma’ l-għanijiet, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni imfissra fl-Artikolu 2.”

5

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

(b)

‘Konvenzjoni’ għandha tfisser il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċi fil-Periklu ta’ Fawna u Flora Salvaġġi (Cites);

[…]

(s)

‘speċi’ għandha tfisser speċi, sub-speċi jew il-popolazzjoni tagħhom;

(t)

‘kampjun’ għandu jfisser kull annimal jew xitla, sew jekk ħaj/ħajja u sew jekk mejjet/mejta, ta’ l-ispeċi elenkati fl-Annessi A sa D, xi parti jew derivattiva minnhom, kemm jekk tkun f’xi oġġetti oħra u kemm le, kif ukoll kull oġġett iehor li jitfaċċa minn xi dokument li jkun hemm magħhom, l-ippakkjar jew xi marka jew tikketta jew minn xi ċirkostanzi oħra, li huma jew li jkun fihom partijiet jew derivattivi ta’ annimali jew pjanti ta’ dawk l-ispeċi, sakemm dawk il-pjanti jew derivattivi ma jkunux speċifikament eżentati mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew minn xi dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Anness li fih l-ispeċi kkonċernata hi elenkata permezz ta’ indikazzjoni għal dak il-għan fl-Annessi konċernati.

Kampjun għandu jkun meqjus bħala kampjun ta’ speċi elenkati fl-Annessi A sa D jekk ikun, jew jifforma parti minn jew ikun derivat minn, annimal jew pjanta li mill-anqas wieħed mill-‘ġenituri’ tiegħu/tagħha jkun mill-ispeċi hekk elenkata. Fil-każi fejn il-‘ġenituri’ ta’ annimal jew pjanta bħal din huma ta’ speċi elenkati fl-Annessi diversi, jew ta’ speċi li wieħed minnhom biss ikun elenkat, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness iktar restrittiv għandhom ikunu applikabbli. Madankollu, fil-każ ta’ kampjuni ta’ pjanti ibridi, jekk wieħed mill-“ġenituri” jkun ta’ speċi elenkata fl-Anness A, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness l-iktar restrittiv għandhom ikunu applikabbli biss jekk dak l-ispeċi jkun annottat fl-Anness għal dak il-għan;

(u)

‘kummerċ’ għandu jfisser l-introduzzjoni fil-Komunità, inkluża l-introduzzjoni mill-baħar, u l-esportazzjoni u ri-esportazzjoni minn hemm, kif ukoll l-użu, il-moviment u t-trasferiment tal-pussess fil-Komunità, inkluż fi Stat Membru, ta’ kampjuni suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 3 ta’ dan l-istess Regolament:

“1.   L-Anness A għandu jkun fih:

(a)

l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni li dwarhom l-Istati Membri m’għamlux riserva;

(b)

kull speċi:

(i)

li tkun, jew li tista’ tkun, fid-domanda għal utilizzazzjoni fil-Komunità jew għal kummerċ internazzjonali u li tkun jew mhedda bl-estinzjoni jew hekk rari li kull livell ta' kummerċ jista jipperikola s-sopravivenza ta’ l-ispeċi;

jew

(ii)

li tkun f’ġeneru li l-parti l-kbira ta’ l-ispeċi tiegħu jew li tkun speċi li l-parti l-kbira tagħhom ikunu subspeċi elenkati fl-Anness A skond il-kriterji fis-subparagrafi (a) u (b) (i) u li l-elenku tagħhom fl-Anness ikun essenzjali għall-protezzjoni effettiva ta’ dawk it-taxa.

2.   L-Anness B għandu jkun fih:

(a)

l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, għajr dawk elenkati fl-Anness A, li dwarhom l-Istati Membri ma kienux għamlu riserva;

(b)

l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni li dwarhom tkun saret riserva;

(ċ)

xi speċi oħra li mhix elenkata fl-Appendiċi I jew II tal-Konvenzjoni:

(i)

li tkunu suġġetta għal livelli ta’ kummerċ internazzjonali li jistgħu ma jkunux kompatibbli:

mas-sopravivenza tagħha jew mas-sopravivenza tal-popolazzjoni f’ċerti pajjiżi,

jew

maż-żamma tal-popolazzjoni totali f’livell konsistenti mar-rwol ta’ l-ispeċi fl-eko-sistemi li fih tkun tinstab:

jew

(ii)

li l-elenkar tagħha fl-Anness għal raġunijiet ta’ xebh fid-dehra ma’ speċi oħra elenkati fl-Anness A jew l-Anness B, ikun essenzjali sabiex ikunu assigurati l-kontrolli effettivi fuq il-kummerċ tal-kampjuni ta’ speċi bħal dawk;

(d)

speċi li dwarhom ikun ġie stabbilit li l-introduzzjoni ta’ kampjuni ħajjin fl-ambjent naturali tal-Komunità tkun toħloq theddida ekoloġika għall-fawna u l-flora salvaġġi indiġeni tal-Komunità.

3.   L-Anness Ċ għandu jkun fih:

(a)

l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni, għajr dawk elenkati fl-Annessi A jew B, li dwarhom l-Istati Membri ma għamlux riserva;

(b)

l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni li dwarhom tkun saret riserva.

4.   L-Anness D għandu jkun fih:

(a)

speċi li mhumiex elenkati fl-Annessi A sa Ċ li jkunu impurtati fil-Komunità fi kwantitajiet li jkunu jinħtieġu monitoraġġ;

(b)

l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni li dwarhom tkun saret riserva.

5.   Fejn l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ speċi koperti b’dan ir-Regolament jiġġustifika li jkunu nklużi f’wieħed mill-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-emendi meħtieġa.”

7

L-Artikolu 8 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Ix-xiri, l-offerta għax-xiri, il-ksib għal għanijiet kummerċjali, il-wiri fil-pubbliku għal skopijiet kummerċjali, l-użu għal qliegħ u l-bejgħ kummerċjali, iż-żamma għall-bejgħ, l-offerta għal bejgħ jew it-trasport għal bejgħ ta’ kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness A għandu jkun projbit.

2.   Stati Membri jistgħu jipprojbixxu li wiehed iżomm kampjuni, partikolarment ta’ annimali ħajjin ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness A.

[…]

5.   Il-projbizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ukoll ikunu applikabbli għal kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness B ħlief meta jkun jista jiġi ppruvat għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat li dawk il-kampjuni kienu nkisbu u, jekk kienu joriġinaw minn barra l-Komunità, li kienu ġew introdotti fiha, skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar il-konservazzjoni ta’ fawna u flora salvaġġi.

6.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom id-diskrezzjoni li jbiegħu kull kampjun ta’ l-ispeċi elenkati fl-Annessi B sa D li jkunu kkonfiskaw permezz ta’ dan ir-Regolament, basta li b’hekk ma jerġax ikun mogħti lura lill-dik il-persuna jew entità li minn għandha jkun ġie kkonfiskat jew li kienet parti fl-offiża. Kampjuni bħal dawn jistgħu imbagħad ikunu kkunsidrati għall-għanijiet kollha bħallikieku kienu nkisbu legalment.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8

L-Artikolu 3a tal-liġi tal-14 ta’ Awissu 1986 dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali (Moniteur belge tat-3 ta’ Diċembru 1986, p. 16382, iktar ’il quddiem “il-liġi dwar il-benesseri tal-annimali”), li ddaħħlet permezz tal-Artikolu 3 tal-liġi tal-4 ta’ Mejju 1995 (Moniteur belge tat-28 ta’ Lulju 1995, p. 20360), jipprovdi dan li ġej:

“1.   Huwa pprojbit li jinżammu annimali li mhumiex tal-ispeċi jew kategoriji msemmija f’lista stabbilita mir-Re. Din il-lista hija bla ħsara għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ annimali fil-periklu.

2.   B’deroga mill-Artikolu 1, annimali ta’ speċi jew kategoriji differenti minn dawk indikati mir-Re jistgħu jiġi miżmuma:

(1)

f’ġonna żooloġiċi;

(2)

f’laboratorji;

(3)

(a)

minn individwi, bil-kundizzjoni li huma jistgħu jipprovaw li l-annimali kienu miżmuma qabel ma daħal fis-seħħ id-digriet imsemmi fl-Artikolu 3a. Mhuwiex neċessarju li tinġab tali prova fir-rigward tal-frieħ ta’ dawn l-annimali jekk l-imsemmija frieħ jinsabu għand l-ewwel propjetarju;

(b)

minn individwi awtorizzati mill-Ministru responsabbli għall-agrikoltura, wara li tkun instemgħet l-opinjoni tal-kumitat ta’ esperti msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(2).

Ir-Re jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tal-punti (a) u (b). Għall-imsemmija applikazzjoni, huwa jista’ jistabbilixxi wkoll kundizzjonijiet partikolari għaż-żamma u l-identifikazzjoni tal-annimali msemmija;

(4)

minn veterinarji, f’każijiet meta l-annimali fdati lilhom minn terzi persuni jinżammu temporanjament għal kura veterinarja;

(5)

minn santwarji tal-annimali, f’każijiet meta huwa arranġament temporanju għal annimali maqbuda, annimali li ġew abbandunati jew miġbura u li l-detenturi tagħhom ma setgħux jiġu identifikati;

(6)

minn stabbilimenti kummerċjali għal annimali, fil-każijiet meta jżommu l-annimali għal żmien qasir u meta jkun konkluż ftehim bil-miktub minn qabel ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi kif imsemmi fil-punti 1, 2, 3(b) u 7;

(7)

minn ċirkli jew wirjiet li jivjaġġaw minn post għall-ieħor.

3.   Bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 2, ir-Re jista’ jipprojbixxi lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Artikolu 2 milli jżommu annimali ta’ speċi jew kategoriji differenti minn dawk li jkun indika”.

9

L-ewwel Artikolu tad-Digriet Irjali stabbilixxa, fir-rigward tal-mammiferi, id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 3a tal-liġi dwar il-benesseri tal-annimali għall-1 ta’ Ġunju 2002, l-Artikolu 2 tal-imsemmi Digriet Irjali stabbilixxa l-lista ta’ mammiferi li jistgħu jinżammu u l-Artikoli 3 sa 5 stabbilixxew id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni previsti fil-punt 3(b) tal-Artikoli 3a(2) ta’ din il-liġi. Id-Digriet Irjali ġie emendat bid-Digriet Irjali tat-22 ta’ Awwissu 2002 (Moniteur belge tal-25 ta’ Settembru 2002, p. 43346), li introduċa miżata fuq l-applikazzjonijiet minn individwi sabiex jiġu awtorizzati jżommu mammiferi mhux inklużi fil-lista tal-ispeċi li jistgħu jinżammu kampjuni tagħhom (l-ewwel Artikolu) u wessa’ din il-lista sabiex tinkludi 46 speċi ta’ annimali kkonċernati (Artikolu 2).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers VZW u Andibel VZW jallegaw quddiem il-qorti tar-rinviju li d-Digriet Irjali, meta moqri fid-dawl tal-liġi dwar il-benesseri tal-annimali, iwassal għal projbizzjoni assoluta tal-importazzjoni minn Stat Membru ieħor, taż-żamma u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ mammiferi mhux elenkati bħala “pożittiv[i]” fil-lista annessa mad-Digriet Irjali, meta projbizzjoni simili tmur kontra r-Regolament Nru 338/97 kif ukoll it-Trattat, b’mod partikolari, kontra l-Artikolu 30 KE.

11

Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-Digriet Irjali jwassal għal sitwazzjoni fejn, bl-eċċezzjoni tal-każijiet elenkati fl-Artikolu 3a(2) tal-liġi dwar il-benesseri tal-annimali, il-mammiferi kollha li mhumiex tal-ispeċi misjubin f’din il-lista ma jistgħux jinżammu fil-Belġju. M’hemmx dubju li digriet ta’ din in-natura għandu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċieda li jissopendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 30 [KE], waħdu jew flimkien mar-Regolament […] Nru 338/97 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li projbizzjoni ta’ importazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ annimali, adottata b’implementazzjoni tal-Artikolu 3a(1), tal-Ligi [dwar il-benesseri tal-annimali], mhijiex ġustifikata fir-rigward ta’ mammiferi importati minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li jaqa’ taħt [l-annessi] B, Ċ jew D [ta’ dan ir-]Regolament jew mhux imsemmija f’[dan l-imsemmi] Regolament, meta dawn il-mammiferi jinżammu f’dan l-Istat Membru skont il-leġiżlazzjoni [tal-imsemmi] Stat Membru u li din il-leġiżlazzjoni hija konformi mad-dispożizzjonijiet [tal-istess] Regolament?

2)

L-Artikolu 30 [KE] jew ir-Regolament Nru 338/97 jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi, skont leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar il-benesseri tal-annimali, kull użu kummerċjali ta’ kampjuni oħra minbarra dawk il-kampjuni li huma msemmija espliċitament fil-leġiżlazzjoni nazzjonali meta l-għan ta’ protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi, hekk kif imsemmi mill-Artikolu 30 [KE], jista’ jintlaħaq b’mod daqstant effiċjenti permezz ta’ miżuri li huma inqas restrittivi minn kummerċ intra-Komunitarju?”

Fuq id-domandi preliminari

13

Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 28 KE u 30 KE, meqjusin individwalment jew flimkien mar-Regolament Nru 338/97, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li l-projbizzjoni tal-importazzjoni, taż-żamma u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ mammiferi ta’ speċi oħrajn minbarra dawk imsemmija espliċitament f’din il-leġiżlazzjoni, tapplika għal speċi ta’ mammiferi li mhumiex inklużi fl-anness A tal-imsemmi regolament.

14

Qabel kollox għandu jiġi osservat li, skont it-tielet premessa tar-Regolament Nru 338/97, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma jippreġudikawx miżuri iktar stretti li jistgħu jittieħdu jew jinżammu fis-seħħ minn Stati Membri, b’konformità mat-Trattat, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam maż-żamma ta’ kampjuni ta’ speċi koperti minn dan l-istess regolament.

15

Barra minn hekk, l-Artikolu 176 KE jipprovdi li l-miżuri ta’ protezzjoni li, bħar-Regolament Nru 338/97, huma adottati bis-saħħa tal-Artikolu 175 KE, ma jipprekludux lil Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti, jekk ikunu kompatibbli ma’ dan it-Trattat. (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2001, Tridon, C-510/99, Ġabra p. I-7777, punt 45).

16

Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, huma biss il-mammiferi tal-ispeċi elenkati fil-lista tal-anness I tad-Digriet Irjali li jistgħu jinżammu, jiġu importati u kkummerċjalizzati fil-Belġju, bl-eċċezzjoni tal-każijiet elenkati fl-Artikolu 3a(2) tal-liġi dwar il-benesseri tal-annimali.

17

Id-domandi preliminari jirreferu għall-projbizzjoni tal-importazzjoni, taż-żamma u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-mammiferi stabbilita permezz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni biss safejn tapplika għall-ispeċi ta’ mammiferi msemmija fl-annessi B, Ċ u D tar-Regolament Nru 338/97 kif ukoll għal dawk li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

18

Huwa kostanti li r-Regolament Nru 338/97 ma jinvolvix projbizzjoni ġenerali ta’ importazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ speċi oħrajn minbarra dawk imsemmija fl-anness A tiegħu.

19

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-projbizzjoni ta’ użu kummerċjali ta’ kampjuni ta’ speċi msemmija fl-anness B tar-Regolament Nru 338/97, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija tikkostitwixxi miżura iktar stretta fis-sens tal-Artikolu 176 KE (sentenza Tridon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49). Dan huwa wkoll il-każ għal dak li jirrigwarda l-kampjuni tal-ispeċi msemmija fl-annessi Ċ u D tal-istess regolament, peress li dan tal-aħħar ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika li tinvolvi projbizzjoni ġenerali ta’ użu kummerċjali tagħhom. F’dak li jikkonċerna l-kampjuni tal-ispeċi li mhumiex imsemmija minn dan ir-regolament, din l-istess konklużjoni tgħodd iktar u iktar, peress li ma ġiet adottata l-ebda miżura ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju rigward il-projbizzjoni tal-użu kummerċjali tagħhom.

20

Peress li d-Digriet Irjali għandu bħala konsegwenza li kampjuni ta’ speċi li mhumiex imsemmija fl-anness A tar-Regolament Nru 338/97 ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jiġu importati, miżmuma u kkummerċjalizzati fil-Belġju, l-imsemmi digriet jikkostitwixxi leġiżlazzjoni iktar stretta minn dan ir-Regolament, li konsegwentement għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 28 KE.

21

Leġislażżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta tiġi applikata għal kampjuni li ġejjin minn Stati Membri oħrajn, hija tali li tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 28 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tridon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

22

Fil-fatt, dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru li tipprojbixxi prodotti li ma jkunux ġew awtorizzati minn qabel milli jiġu kkummerċjalizzati, miksuba, offruti, esposti jew imqiegħda għall-bejgħ, miżmuma, ippreparati, ittrasportati, mibjugħa, trasferiti għal korrispettiv jew mingħajr ħlas, importati jew użati, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 28 KE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1998, Harpegnies, C-400/96, Ġabra p. I-5121, punt 30).

23

Il-Qorti tal-Ġustiżżja ddeċidiet ukoll li leġiżlazzjoni li teżiġi li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tiġi suġġetta għall-obbligu ta’ inklużjoni minn qabel f’“lista pożittiva” tirrendi l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom iktar diffiċli u waħda li tinvolvi iktar spejjeż, u għalhekk, tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-24/00, Ġabra p. I-1277, punt 23).

24

Skont il-Gvern Belgjan, għalkemm il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija, hija ssegwi għan leġittimu, jiġifieri l-benesseri tal-annimali miżmuma fil-kattività. Hija bbażata fuq is-sejba li d-detenzjoni ta’ mammiferi hija aċċettabbli biss f’numru limitat ta’ każijiet u b’kunsiderazzjoni għall-bżonnijiet fiżjoloġiċi u etoloġiċi minimi tagħhom. Dan il-gvern isostni f’dan ir-rigward li, jekk jidher, fid-dawl ta’ dawn il-bżonnijiet, li kampjuni ta’ speċi partikolari ta’ mammiferi ma jistgħux jinżammu minn kwalunkwe persuna mingħajr ma jiġi kompromess il-benesseri tagħhom, huma ma jistgħux jiġu inklużi fil-lista pożittiva u, għaldaqstant, jiġu kkummerċjalizzati, bl-eċċezzjoni tas-sistema ta’ derogi prevista mill-Artikolu 3a(2) tal-liġi dwar il-benesseri tal-annimali. Din il-leġiżlazzjoni hija għalhekk ġustifikata permezz tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-annimali kkonċernati.

25

Barra minn hekk, skont il-Gvern Belġjan, il-liġi inkwistjoni hija proporzjonata għall-għan segwit minnha. Minn naħa, hija ma tipprojbixxix b’mod assolut l-importazzjoni ta’ dawn l-annimali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3a(2) tal-liġi dwar il-benesseri tal-annimali, il-kampjuni ta’ speċi jew ta’ kategoriji oħrajn minbarra dawk inklużi fil-lista tal-anness I tad-Digriet Irjali jistgħu xorta waħda jinżammu, b’mod partikolari fil-ġonna żooloġiċi, laboratorji, ċirkli u wirjiet li jivvjaġġaw minn post għall-ieħor, iżda wkoll minn individwi awtorizzati mill-Ministru responsabbli għall-protezzjoni tal-annimali u minn stabbilimenti għall-kummerċ ta’ annimali, fil-każijiet meta jkun konkluż ftehim bil-miktub minn qabel ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji msemmija iktar ’il fuq.

26

Min-naħa l-oħra, il-lista pożittiva ġiet stabbilita wara l-istabbiliment, mill-kunsill nazzjonali għall-benesseri tal-annimali, ta’ kriterji oġġettivi, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ kontributi minn xjenzati u minn speċjalisti. Dawn il-kriterji huma dawn li ġejjin. Fl-ewwel lok, għandu jkun faċli li dawn l-annimali jinżammu u għandu jkun possibbli li jiġu akkomodati filwaqt li jiġu rrispettati l-bżonnijiet fiżjoloġiċi, etoloġiċi u ekoloġiċi essenzjali tagħhom; fit-tieni lok, m’għandhomx ikunu ta’ natura aggressiva u lanqas ma jkunu ta’ periklu partikolari għas-saħħa tal-bniedem; fit-tielet lok, mhumiex ta’ speċi li, minn indikazzjonijiet ċari, jidher li ladarba jaħarbu fl-ambjent, jistgħu jibqgħu hemm u jirrappreżentaw, minħabba f’hekk, theddida ekologika, u fir-raba’ lok, għandhom ikunu suġġetti għal data bibljografika rigward iż-żamma tagħhom. Fil-każ li jkun hemm kontradizzjoni bejn id-data u l-informazzjoni disponibbli rigward il-kapaċità tal-kampjun ta’ speċi li jkun miżmum, id-dubju għandu jwassal għal deċiżjoni favur l-annimal.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali li l-importanza tiegħu tat lok, b’mod partikolari, għall-adozzjoni mill-Istati Membri tal-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU 1997, C 340, p. 110). Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat diversi drabi l-interess li l-Komunità tagħti għas-saħħa u l-protezzjoni tal-annimali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK, C-37/06 u C-58/06, Ġabra p. I-69, punti 22 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għandu jiġi mfakkar, fit-tieni lok, li skont l-Artikolu 30 KE, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 KE u 29 KE ma jipprekludux il-projbizzjonijiet jew ir- restrizzjonijiet li huma ġġustifikati minn raġunijiet, b’mod partikolari, ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni jew tal-annimali, sakemm dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ma jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-annimali tikkostitwixxi eżiġenza fundamentali rrikonoxxuta mid-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 1999, Monsees, C-350/97, Ġabra p. I-2921, punt 24).

29

Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riskju li l-kampjuni, ladarba jaħarbu fin-natura, jistgħu jibqgħu hemm u jirrappreżentaw, minħabba f’hekk, theddida ekologika, għandu jiġi mfakkar li, minn ġurisprudenza kostanti, jirriżulta li restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija jistgħu jkunu ġustifikati minn eżiġenzi imperattivi bħal dik tal-protezzjoni tal-ambjent (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C-341/95, Ġabra p. I-4355, punt 62, u tat-12 ta’ Ottubru 2000, Snellers, C-314/98, Ġabra p. I-8633, punt 55).

30

Jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa l-bażi tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 30 KE, jeżiġi li s-setgħa tal-Istati Membri li jipprobixxu l-importazzjoni ta’ annimali ġejjin minn Stati Membri oħrajn fejn jistgħu jiġu kkummerċjalizzati legalment, tkun limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni segwiti b’mod leġittimu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Harpegnies, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34), fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-ispeċi kkonċernati kif ukoll l-interessi u l-eżiġenzi mfakkra fil-punti 27 sa 29 tas-sentenza preżenti.

31

Il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk li japplikaw fi Stat Membru ieħor ma jfissirx, minnu nnifsu, li dawn tal-aħħar mhumiex proporzjonati u, għaldaqstant, inkompatibbli mad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati dwar dan il-qasam (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et, C-108/96, Ġabra p. I-837, punti 33 u 34).

32

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali, sistema ta’ lista negattiva, li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ projbizzjoni biss għall-ispeċi ta’ mammiferi identifikati f’din il-lista, tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni jew ir-rispett tal-interessi u tal-eżigenzi msemmija fil-punti 27 sa 29. Fil-fatt, ir-rikors għal tali sistema jista’ jfisser li, sakemm speċi ta’ mammiferi tibqa’ mhux inkluża fl-imsemmija lista, kampjuni ta’ din l-ispeċi jistgħu liberament jinżammu, anki meta ma jkun hemm ebda evalwazzjoni xjentifika li tiggarantixxi li din iż-żamma ma tinvolvi l-ebda riskju għall-protezzjoni tal-imsemmija interessi u eżiġenzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 70).

33

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni li, bħal dik imsemmija fil-kawża prinċipali, tissuġġetta ż-żamma tal-mammiferi għall-inklużjoni minn qabel tal-ispeċi li huma parti minnhom f’lista pożittiva u li tapplika ugwalment għall-ispeċi miżmumin b’mod legali fi Stat Membru ieħor, hija konformi mad-dritt Komunitarju biss jekk tissodisfa diversi kundizzjonijiet (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Il-Kummissjoni vs Franza, C-344/90, Ġabra p. I-4719, punti 8 u 16, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

34

Qabel kollox, l-istabbiliment ta’ lista bħal din u l-emendi ulterjuri tagħha għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-192/01, Ġabra p. I-9693, punt 53).

35

Sussegwentement, l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha tkun ikkomplementata bi proċedura li tippermetti lil dawk interessati jirreġistraw speċi ġodda ta’ mammiferi fuq il-lista nazzjonali tal-ispeċi li huma awtorizzati. Din il-proċedura għandha tkun faċilment aċċessibbli, u dan jippreżupponi li hija tkun prevista b’mod espliċitu f’att ta’ portata ġenerali, u li tista’ tkun ikkompletata fi żmien raġonevoli, u jekk din twassal għal rifjut ta’ inklużjoni, rifjut li għandu jkun motivat, għandu jkun possibbli li hija tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tas-16 ta’ Lulju 1992, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 9, u tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, punti 26 u 37).

36

Fl-aħħar nett, applikazzjoni intiża għall-inklużjoni ta’ speċi ta’ mammiferi fl-imsemmija lista tista’ tiġi rrifjutata mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti biss jekk iż-żamma ta’ kampjuni ta’ din l-ispeċi tippreżenta riskju reali għall-protezzjoni jew ir-rispett tal-interessi u tal-eżiġenzi msemmija fil-punti 27 u 29 ta’ din is-sentenza (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tas-16 ta’ Lulju 1992, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 10, u tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 27).

37

F’kull każ, applikazzjoni intiża għall-inklużjoni ta’ speċi fil-lista ta’ speċi ta’ mammiferi li jistgħu jinżammu tista’ tiġi rrifjutata biss fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni dettaljata tar-riskju li ż-żamma ta’ dan il-kampjun tal-ispeċi inkwistjoni tirrappreżenta għall-protezzjoni tal-interessi u l-eżiġenzi msemmija fil-punti 27 sa 29 ta’ din is-sentenza, stabbilita fuq il-bażi tad-data xjentifika disponibbli l-iktar affidabbli u fuq ir-riżultati l-iktar reċenti tar-riċerka internazzjonali (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance for Natural Health et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

38

Meta jirriżulta li huwa impossibbli, minħabba n-natura mhux suffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, li l-eżistenza jew il-portata tar-riskju eżaminat tiġi stabbilita b’ċertezza, iżda tibqa’ l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika jew tal-annimali jew għall-ambjent, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi.

39

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ derogi bħal dawk previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3a tal-liġi dwar il-benesseri tal-annimali, għandu jingħad li dawn m’għandhomx iwasslu sabiex il-prodotti nazzjonali jiġu ffavoriti, li jkun jikkostitwixxi diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fil-konfront tal-prodotti importati minn Stati Membri oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1980, Fietje, 27/80, Ġabra p. 3839, punt 14).

40

F’dak li jikkonċerna b’mod iktar speċifiku l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 3(b) u 6 tal-Artikolu 3a(2) tal-liġi dwar il-benesseri tal-annimali, relatati maż-żamma ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ mammiferi li mhumiex imsemmija fil-lista annessa mad-Digriet Irjali, minn individwi jew stabbilimenti għall-kummerċ ta’ annimali, għandu jiġi eżaminat jekk tali kundizzjonijiet humiex ġustifikati oġġettivament u jekk imorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-liġi nazzjonali kollha kemm hi.

41

Għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni li għandha ssir tal-proporzjonalità ta’ skema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fuq il-punt jekk l-għan segwit jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri li jaffettwaw inqas il-kummerċ intra-Komunitarju, ma tistax, f’dan il-każ, issir mingħajr elementi ta’ informazzjoni supplimentari fuq l-imsemmija skema u fuq l-implementazzjoni tagħha. L-evalwazzjoni tal-kriterji stabbiliti u tal-applikazzjoni tagħhom, tal-portata tad-derogi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3a tal-liġi dwar il-benesseri tal-annimali kif ukoll tal-karatteristiċi tal-proċedura ta’ inklużjoni, bħalma huma l-aċċessibbiltà tagħha u l-possibbiltajiet ta’ rikors fil-kaz ta’ rifjut ta’ inklużjoni, tippreżupponi evalwazzjoni konkreta, ibbażata b’mod partikolari fuq id-diversi testi applikabbli u l-prattika, kif ukoll fuq studji xjentifiċi, evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tridon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 28 KE u 30 KE, meqjusin waħedhom jew flimkien mar-Regolament Nru 338/97, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li l-projbizzjoni ta’ importazzjoni, ta’ żamma u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ mammiferi ta’ speċi oħrajn minbarra dawk li huma msemmija espliċitament f’dan ir-regolament, tapplika għal speċi ta’ mammiferi li mhumiex imsemmija fl-anness A ta’ dan ir-regolament, jekk il-protezzjoni jew ir-rispett tal-interessi u tal-eżiġenzi msemmija fil-punti 27 u 29 tas-sentenza preżenti ma jistgħux jinkisbu b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kummerċ Komunitarju.

43

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika:

jekk l-istabbiliment u l-emendi ulterjuri tal-lista nazzjonali tal-ispeċi ta’ mammiferi li jistgħu jinżammu humiex ibbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji;

jekk hijiex prevista proċedura li tippermetti lil dawk interessati sabiex jiksbu l-inklużjoni ta’ speċi ta’ mammiferi f’din il-lista, jekk hijiex faċilment aċċessibli, jekk tistax tiġi kkompletata fi żmien raġonevoli u jekk, fil-każ ta’ rifjut ta’ inklużjoni, li għandu jkun motivat, dan jistax ikun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju;

jekk l-applikazzjonijiet intiżi għall-inklużjoni ta’ speċi ta’ mammiferi fl-imsemmija lista jew għall-benefiċċju ta’ deroga individwali għaż-żamma ta’ kampjuni ta’ speċi mhux imsemmija fiha, jistgħux jiġu rrifjutati mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti biss jekk iż-żamma tal-kampjuni tal-ispeċi kkonċernati tippreżenta riskju reali għall-protezzjoni tal-interessi u tal-eżiġenzi msemmija iktar ’il fuq, u

jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti għaż-żamma ta’ kampjun ta’ speċi ta’ mammiferi mhux imsemmija f‘din l-istess lista, bħal dawk li huma msemmija fil-punti 3(b) u 6 tal-Artikolu 3a(2) tal-liġi dwar il-benesseri tal-annimali, humiex ġustifikati oġġettivament u jekk imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-liġi nazzjonali kollha kemm hi.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 28 KE u 30 KE, meqjusin waħedhom jew flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97, tad-9 ta’Diċembru 1996, dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li l-projbizzjoni ta’ importazzjoni, ta’ żamma u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-mammiferi ta’ speċi oħrajn minbarra dawk li huma msemmija espliċitament f’dan ir-regolament, tapplika għal speċi ta’ mammiferi li mhumiex imsemmija fl-anness A ta’ dan ir-regolament, jekk il-protezzjoni jew ir-rispett tal-interessi u tal-eżiġenzi msemmija fil-punti 27 u 29 tas-sentenza preżenti ma jistgħux jinkisbu b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kummerċ Komunitarju.

 

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika:

 

jekk l-istabbiliment u l-emendi ulterjuri tal-lista nazzjonali tal-ispeċi ta’ mammiferi li jistgħu jinżammu humiex ibbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji;

 

jekk hijiex prevista proċedura li tippermetti lil dawk interessati sabiex jiksbu l-inklużjoni ta’ speċi ta’ mammiferi f’din il-lista, jekk hijiex faċilment aċċessibbli, jekk tistax tiġi kkompletata fi żmien raġonevoli u jekk, fil-każ ta’ rifjut ta’ inklużjoni, li għandu jkun motivat, dan jistax ikun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju;

 

jekk l-applikazzjonijiet intiżi għall-inklużjoni ta’ speċi ta’ mammiferi fl-imsemmija lista jew għall-benefiċċju ta’ deroga individwali għaż-żamma ta’ kampjuni ta’ speċi mhux imsemmija fiha, jistgħux jiġu rrifjutati mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti biss jekk iż-żamma tal-kampjuni tal-ispeċi kkonċernati tippreżenta riskju reali għall-protezzjoni tal-interessi u tal-eżiġenzi msemmija iktar ’il fuq, u

 

jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti għaż-żamma ta’ kampjun ta’ speċi ta’ mammiferi mhux imsemmija f’din l-istess lista, bħal dawk li huma msemmija fil-punti 3(b) u 6 tal-Artikolu 3a(2), tal-liġi tal-14 Awwissu 1986 dwar il-benesseri tal-annimali, hekk kif emendata bil-liġi tal-4 ta’ Mejju 1995, humiex iġġustifikati oġġettivament u jekk imorrux lill hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-liġi nazzjonali kollha kemm hi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq