Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CC0214

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 12 ta' Ġunju 2008.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Franċiża.
    Għajnuna mill-Istat - Skema ta’ għajnuna - Inkompatibbiltà mas-suq komuni - Implementazzjoni tad-deċiżjoni - Irkupru ta’ għajnuna mqiegħda għad-dispożizzjoni - Impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni.
    Kawża C-214/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08357

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:343

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2080 ( 1 )

    Kawża C-214/07

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Ir-Repubblika Franċiża

    “Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna — Inkompatibbiltà mas-suq komuni — Implementazzjoni tad-deċiżjoni — Irkupru ta’ għajnuna mqiegħda għad-dispożizzjoni — Impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni”

    1. 

    F’dawn il-proċedimenti taħt l-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewoprj is ssostni li Franza, meta naqset milli tirkupra ammonti mogħtija lil kumpanniji li akkwistaw l-attivitajiet ta’ impriżi f’diffikultà, naqset milli timplementa d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/343/KE ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni”) fil-perijodu stabbilit. Il-Kummissjoni għalhekk qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li jiġi ddikjarat li Franza qed tikser l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5 u 6 ta’ dik id-deċiżjoni, kif ukoll ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE u l-Artikolu 10 KE.

    2. 

    Franza la tikkontesta d-deċiżjoni li ddikjarat bħala kontra l-liġi l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, u lanqas li fil-prinċipju għandha l-obbligu li tirkupraha. Madankollu hija ssostni li ma kisritx l-obbligi tagħha taħt id-dritt Komunitarju.

    3. 

    Id-difiża ta’ Franza hija li l-awtoritajiet tagħha għamlu kull ma setgħu biex jirkupraw l-għajnuna kkonċernata, u li titlobhom biex jirkupraw l-għajnuna b’mod iktar mgħaġġel tkun qed titlobhom l-impossibbli. Dan huwa partikolarment il-każ fejn il-kumpanniji li jkunu rċevew l-għajnuna sussegwentement ikunu waqfu minn negozju, jew biegħu l-assi tagħhom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja KE

    4.

    L-Artiklu 10 KE jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirriżultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

    Huma m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet ta’ dan it-Trattat.”

    5.

    L-Artikolu 87(1) KE jistipula l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom għajnuna mill-Istat fil-prinċipju hija inkompatibbli mas-suq komuni. L-Artikolu 87(3) jindika numru ta’ ċirkustanzi fejn l-imsemmija għajnuna tista’ madankollu tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli.

    6.

    L-Artikolu 88(2) KE jipprovdi:

    “Jekk, wara li ssejjaħ lill-partjiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li l-miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat jew permezz ta’ riżorsi minn Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni … hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat ikkonċernat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu li jrid jiġi preskritt mill-Kummissjoni.

    Jekk l-Istat ikkonċernat ma joqgħodx għal din id-deċiżjoni fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni jew kull Stat ieħor interessat ikun jista’ jissottometti l-materja direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 226 u 227 […]”.

    7.

    Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE jipprovdi:

    “Deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha lil dawk li lejhom tkun indirizzata.”

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999

    8.

    Il-qafas leġiżlattiv ġenerali għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat jinsab fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 ( 3 ) (ir-“Regolament Nru 659/1999”). Dan ir-regolament jistipula l-prinċipju li għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq komuni għandha tiġi rkuprata mill-benefiċjarji mingħajr dewmien, sabiex tiġi rrestawrata kompetizzjoni effettiva ( 4 ).

    Id-deċiżjoni

    9.

    L-Artikolu 44f tal-Kodiċi tat-Taxxa Ġenerali Franċiż ( 5 ) jipprovdi eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal sentejn lil kumpanniji li jiġu ffurmati sabiex jittieħed kontroll tal-attivitajiet ta’ impriżi industrijali li jkunu f’diffikultà. Għal kumpanniji bħal dawn l-Artikoli 1383 A u 1464 B u C komplew estendew b’sentejn il-benefiċċju ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq in-negozju u t-taxxa fuq il-proprjetà, skont ftehim mal-awtoritajiet lokali kompetenti.

    10.

    B’ittra tat-12 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni talbet informazzjoni minn Franza dwar l-eżenzjoni mit-taxxa prevista bl-Artikolu 44f tal-Kodiċi tat-Taxxa Ġenerali. Sussegwentement il-Kummissjoni tat bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’ittra tad-, abbażi li l-eżenzjoni tista’ tammonta għal għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 87(1) KE.

    11.

    L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2002. Huma argumentaw li l-arranġament ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87 KE jew li, kieku kienet hekk, kienet iġġustifikata taħt il-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà ( 6 ).

    12.

    Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-eżenzjonijiet fiskali kienu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE. Għalhekk, fis-16 ta’ Diċembru 2003 hija adottat id-deċiżjoni.

    13.

    Il-parti operattiva tad-deċiżjoni tipprovdi:

    L-Artikolu 1

    L-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li tinsab fl-Artikolu 44f tal-Kodiċi tat-Taxxa Ġenerali fil-forma ta’ skema ta’ eżenzjonijiet tat-taxxa għal kumpanniji li jieħdu l-kontroll ta’ l-assi ta’ impriżi f’diffikultà li Franza implementat bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat hija nkompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-Artikoli 2 u 3.

    L-Artikolu 2

    L-eżenzjonijiet mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati bir-Regolament Nru 69/2001 [ ( 7 )] jew ir-regoli ta’ de minimis applikabbli fil-mument ta’ l-għotja.

    L-Artikolu 3

    Għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li tissodisfa l-kundizzjonijiet li jinsabu fil-komunikazzjoni ta’ l-1979 rigward sistemi ta’ għajnuna reġjonali jew fil-linji gwida ta’ l-1998 dwar għajnuna reġjonali nazzjonali jew fir-Regolament (KE) Nru 70/2001 [ ( 8 )] hija kompatibbli mas-suq komuni sa l-ammonti ta’ intensitajiet ammissibbli.

    L-Artikolu 4

    Franza għandha tabolixxi l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 1.

    L-Artikolu 5

    Franza għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra mingħand il-benefiċjarji għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1, ħlief dik imsemmija fl-Artikoli 2 u 3, u li għamlet disponibbli għal dawk il-benefiċjarji b’mod illegali.

    L-irkupru għandu jiġi effettwat mingħajr dewmien u b’mod konformi mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-Deċiżjoni […]

    L-Artikolu 6

    Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li tkun ħadet u li ser tieħu sabiex tikkonforma magħha.

    L-Artiklu 7

    Franza […] ghandha tikkompila lista eżawrjenti ta’ kumpanniji li rċevew għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u ta’ l-ammonti mħallsa f’kull każ.

    Franza ghandha tikkompila lista ta’ kumpanniji li rċevew għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet [għal eżenzjoni msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni]. Il-lista għandha tispeċifika wkoll l-ammont ta’ għajnuna li kull kumpannija tkun irċeviet

    […]”.

    14.

    Franza ma kkontestatx il-validità tad-deċiżjoni. Bil-kontra, l-Artikolu 44f ġie għall-ewwel sospiż bl-Istruzzjoni Amministrattiva 4 H-2-04 tal-4 ta’ Marzu 2004 ( 9 ). Sussegwentement ġie emendat bl-Artikolu 41 tal-Liġi 2004-1485 tat- ( 10 ). Il-verżjoni emendata ġiet aċċettata mill-Kummissjoni ( 11 ).

    Żviluppi wara d-deċiżjoni

    15.

    Bejn Diċembru 2003 u Lulju 2006, il-Kummissjoni u Franza skambjaw serje ta’ ittri u memoranda rigward id-deċiżjoni. Saru tliet laqgħat bejn uffiċjali sabiex jiddiskutu l-proċess tal-irkupru. Madankollu, il-korrispondenza u l-laqgħat ma wasslux għall-irkupru ta’ xi parti mill-għajnuna kontra l-liġi.

    16.

    L-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi huma elenkati b’mod kronoloġiku fl-Annessi għar-rikors tal-Kummissjoni. Jien insib aktar utli li nagħmel sunt tagħhom billi nagħmel referenza għall-argumenti ssollevati minn kull waħda mill-partijiet.

    In-numru ta’ kumpanniji affettwati

    17.

    L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata kienet dwar kemm kumpanniji ġew affettwati bid-deċiżjoni. Fil-bidu, l-awtoritajiet Franċiżi stmaw li madwar 2000 kumpannija setgħu kienu kkonċernati. Madwar xahar wara, Franza bagħtet lill-Kummissjoni data preliminari, li kienet tindika li madwar 4000 kumpannija setgħu ibbenefikaw mill-għajnuna taħt dawk id-dispożizzjonijiet fiskali. Saż-żmien li l-Kummissjoni bdiet il-proċedimenti legali, Franza kienet issottomettiet tliet listi ta’ benefiċjarji ( 12 ).

    Għajnuna mogħtija qabel is-sena fiskali 1994

    18.

    Fil-laqgħa inizjali, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-obbligu taħt il-liġi nazzjonali li jinżammu rekords finanzjarji kien limitat għal għaxar snin. Għalhekk ma kien hemm ebda rekords għall-perijodu sat-tmiem tas-sena fiskali 1993. Il-Kummissjoni aċċettat li għajnuna mogħtija qabel l-1994 kienet impossibbli li tiġi rkuprata. Dik l-għajnuna ma tifforma ebda parti mill-proċeduri legali preżenti.

    Benefiċjarji li waqfu milli jinnegozjaw

    19.

    Fil-laqgħa inizjali, Franza indikat li xi benefiċjarji setgħu kienu waqfu min-negozju. Għaxar xhur wara Franza stqarret li dawn il-benefiċjarji kienu madwar 140 bħala numru. Fit-tielet laqgħa bejn il-partijiet, il-Kummissjoni qablet li d-deċiżjoni setgħet tiġi kkunsidrata bħala implimentata fejn kumpannija kienet waqfet milli tkun ekonomikament attiva.

    Prijoritizzazzjoni

    20.

    Fir-rigward ta’ benefiċjarji li kienu ttrasferew assi lejn kumpanniji oħra, il-Kummissjoni pproponiet li Franza għandha tillimita l-investigazzjonijiet tagħha għall-ikbar kumpanniji, b’referenza għal jekk l-assi kinux ġew mibjugħa bil-kundizzjonijiet tas-suq.

    21.

    B’mod iktar ġenerali, l-Kummisjoni pproponiet li l-awtoritajiet Franċiżi fl-irkupru tal-għajnuna kontra l-liġi kellhom l-ewwel jindirizzaw l-ikbar distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Franza aċċettat din il-proposta iżda indikat li hi kienet sejra tissepara l-benefiċjarji f’żewġ gruppi — wieħed li jiġi eżentat għal kollox mill-ħlas lura, u l-ieħor li jiġi eżaminat bir-reqqa sabiex jiġi ddeterminat l-ammont eżatt li għandu jitħallas lura.

    22.

    Fis-16 ta’ Marzu 2005, Franza pprovdiet lill-Kummissjoni lista ta’ 55 benefiċjarju li kienet identifikat bħala li kull wieħed minnhom kellu jagħti iktar minn miljun EUR.

    L-għoti ta’ għajnuna ġdida lil ċerti benefiċjarji

    23.

    Franza pproponiet li tagħti għajnuna ġdida lil ċerti benefiċjarji. Il-Kummissjoni wieġbet li m’għandux ikun hemm rabta bejn l-għotjiet ta’ għajnuna ġodda u l-obbligu li jitħallsu flejjes mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna għal teħid ta’ kontroll. Fis-7 ta’ Lulju 2006 Franza bagħtet lill-Kummissjoni lista li turi l-benefiċjarji li kellhom l-obbligu jħallsu lura ammonti taħt l-EUR 200000, u pproponiet li tagħmlilhom għotjiet ta’ għajnuna ġodda sabiex ikopru l-obbligi tagħhom li jħallsu lura l-għajnuna kontra l-liġi ( 13 ).

    Id-definizzjoni ta’ IŻM

    24.

    Franza talbet li titħalla tapplika definizzjoni ssemplifikata ta’ IŻM. Il-Kummissjoni rrilevat li l-enfażi fuq l-IŻM marret kontra l-ordni ta’ prijorità tagħha fl-irkupru tal-għajnuna. Hija eventwalment qablet, eċċezzjonalment, li tissimplifika l-kundizzjonijiet normali li jiddefinixxu IŻM għall-iskopijiet ta’ eżenzjoni mill-obbligu tal-irkupru.

    Bażi legali għall-irkupru

    25.

    Fit-tieni laqgħa, Franza spjegat li kienet qed tiltaqa’ ma’ diffikultajiet sabiex issib bażi legali adattata fil-liġi nazzjonali għall-proċedura tal-irkupru u li att regolatorju jew emenda leġiżlattiva jkunu meħtieġa sabiex il-benefiċjarji jkunu mġiegħla jħallsu lura l-għajnuna. Ma jidhirx fil-fatt li saret xi emenda fil-liġi nazzjonali. Minflok, l-awtoritajiet Franċiżi impenjaw irwieħhom li jirkupraw l-għajnuna kontra l-liġi fuq bażi ad hoc.

    26.

    Din il-proċedura ad hoc kienet teħtieġ il-kooperazzjoni tal-benefiċjarji. Minbarra dan, kellhom jittieħdu ċerti passi proċedurali qabel ma l-għajnuna kontra l-liġi setgħet tiġi rkuprata. Franza enfasizzat l-importanza li jiġi stabbilit l-ammont preċiż ta’ għajnuna li kellha tiġi rkuprata qabel ma tibgħat ordnijiet għall-irkupru ta’ dik l-għajnuna, u rreferiet għall-ammont ta’ xogħol amministrattiv li dan kien jeħtieġ. Franza enfasizzat ukoll il-bżonn li jiġu evitati rikorsi wara l-irkupru kontra l-Istat mill-benefiċjarji.

    Skeda għall-irkupru

    27.

    Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jipprovdu skeda dwar kif kien se jsir l-irkupru mill-impriżi l-kbar li jinsabu barra minn żoni ta’ għajnuna reġjonali. Din baqgħet ma ngħatatx.

    Spjegazzjonijiet għad-dewmien fl-irkupru

    28.

    Franza tat numru ta’ spjegazzjonijiet politiċi għad-dewmien fl-irkupru tal-għajnuna kontra l-liġi: ir-reazzjonijiet tal-kumpanniji involuti; id-dannu potenzjali għan-negozji minħabba l-irkupru tal-għajnuna; ir-riskju li jistgħu jiġu affettwati l-impjiegi u l-possibbiltà ta’ impatt negattiv li l-irkupru ta’ għajnuna kontra l-liġi fuq skala kbira jista’ jkollu fuq l-andament tar-referendum Franċiż dwar it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

    L-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata

    29.

    Il-Kummissjoni talbet lil Franza tispjega kif kellha l-ħsieb tikkalkula l-ammont ta’ għajnuna li kellha tiġi rkuprata mingħand kull wieħed mill-benefiċjarji. Franza spjegat li l-kalkolu tagħha kien ser ikun ibbażat fuq il-benefiċċju li kull kumpannija fil-fatt ħadet mill-għajnuna. Il-Kummissjoni kienet diġà indikat li dan il-prinċipju bażi kien kunċettwalment mhux korrett u għalhekk ċaħdet il-metodu propost minn Franza għall-kalkolu tal-ammonti li kellhom jiġu rkuprati.

    L-irkupru tal-għajnuna

    30.

    Il-Kummissjoni talbet lil Franza sabiex tistabbilixxi l-proċedura proposta għall-irkupru tal-għajnuna kontra l-liġi. Ma jidhirx li dan kien sar.

    31.

    F’Jannar 2006, il-Kummissjoni talbet lil Franza sabiex tibgħat ordnijiet ta’ irkupru lill-kumpanniji li kienet diġà identifikat u sa liema punt kienet diġà kkalkulat l-għajnuna kontra l-liġi mogħtija lilhom. Xahrejn wara, il-Kummissjoni talbet għal konferma li l-ordnijiet kienu ntbagħtu. Meta gew mibdija l-proċeduri legali preżenti f’April 2007, Franza kienet għadha ma bagħtitx l-ordnijiet għall-irkupru.

    32.

    F’Awwissu 2004, il-Kummissjoni bdiet tindika l-preokkupazzjonijiet tagħha dwar in-nuqqas kontinwu ta’ irkupru effettiv tal-ammonti dovuti. F’Jannar 2005, il-Kummissjoni indikat li l-proċess ta’ irkupru kellu jibda minn April, u intimat li kienet ser tieħu azzjoni skont l-Artikolu 88(2) KE. Franza rrispondiet għal dik l-ittra f’nofs Marzu. Sena wara (f’Marzu 2006) il-Kummissjoni intimat mill-ġdid li kienet ser tieħu azzjoni skont l-Artikolu 88(2) KE. Franza rrispondiet f’Lulju 2006 fejn enfasizzat id-diffikultajiet li kienet qed tiltaqa’ magħhom u hemżet żewġ listi ta’ kumpanniji li ma kellhom iħallsu lura xejn.

    33.

    Wara li rċeviet dik l-ittra, il-Kummissjoni fetħet proċeduri legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 88(2) KE.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    34.

    Il-Kummissjoni qed titlob dikjarazzjoni li Franza qed tikser l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5 u 6 tad-deċiżjoni, kif ukoll ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE u l-Artikolu 10 KE.

    35.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li Franza qed tikser l-obbligu li għandha li immedjatament u b’mod effettiv tirkupra l-għajnuna kontra l-liġi. Franza għadha ma ġabret xejn mill-ammonti dovuti. Lanqas ma ħadet passi biex attwalment tibda tiġbor dawk l-ammonti. Franza ma wrietx li huwa assolutament impossibbli għaliha li tirkupra l-għajnuna kontra l-liġi. Pjuttost, l-imġieba tagħha kienet tali li kisret id-dover li kellha ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 10 KE.

    36.

    Franza ssostni li kellha tieħu diversi passi sabiex tirkupra l-ammonti suġġetti għad-deċiżjoni. Matul il-proċess, hija enfasizzat u spjegat id-diffikultajiet li l-awtoritajiet tagħha ltaqgħu magħhom. Dawn id-diffikultajiet jammontaw għal sitwazzjoni li fiha, sa issa, kien assolutament impossibbli li l-għajnuna kontra l-liġi tiġi rkuprata. Franza ssostni li kienet attiva fil-proċess tal-irkupru; li l-Kummissjoni għamlet valutazzjoni serjament skorretta tad-diffikultajiet li Franza qed tiltaqa’ magħhom; u li m’hijiex qed tikser l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE.

    37.

    Kemm il-Kummissjoni u anki Franza għamlu sottomissjonijiet bil-miktub kompluti. Ma saret ebda seduta.

    L-obbligi tal-Istati Membri

    In-natura tal-obbligu

    38.

    L-Istati Membri fil-prinċipju għandhom l-obbligu li jirkupraw għajnuna mogħtija kontra l-liġi. Dan l-obbligu ġenerali joħroġ mill-Artikolu 88(2) KE u mir-Regolament Nru 659/1999. Id-deċiżjoni individwali li tiddikjara forma partikolari ta’ għajnuna mill-Istat bħala kontra l-liġi timponi obbligu iktar speċifiku fuq l-Istat Membru li lilu hija indirizzata. Id-deċiżjoni torbot fuq id-destinatarju tagħha.

    39.

    Dawn l-obbligi jservu biex jirrestawraw safejn hu possibbli l-istatus quo u biex jiġu eliminati vantaġġi anti-kompetittivi maħluqa minn għajnuna mill-Istat kontra l-liġi ( 14 ).

    40.

    Franza hija d-destinatarja tad-deċiżjoni. Għalkemm fid-deċiżjoni nnifisha m’hemmx stabbilit perijodu ta’ żmien speċifiku għall-irkupru tal-għajnuna kontra l-liġi, din kienet teħtieġ li Franza teffetwa l-irkupru ‘mingħajr dewmien’ (Artikolu 5). M’huwiex ikkontestat li ma seħħ ebda rkupru qabel ma l-Kummissjoni tat bidu għal din il-kawża. Franza għalhekk ma kkonformatx mal-obbligu rigward ir-riżultat stabbilit fid-deċiżjoni.

    41.

    L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni jimponi wkoll obbligu dwar kif għandu jintlaħaq ir-riżultat. Dan jobbliga lil Franza biex tieħu “il-miżuri necessarji kollha” u jistabbilixxi li l-irkupru għandu jiġi “effettwat mingħajr dewmien u b’mod konformi mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali sakemm dawn jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva tad-[deċiżjoni]” ( 15 ).

    42.

    Fil-fehma tiegħi, analiżi ddettaljata tal-mod kif Stat Membru pprova jagħmel l-irkupru hija rrilevanti meta l-Istat Membru inkwistjoni jkun naqas għal kollox milli jwettaq l-obbligi tiegħu għal dak li huwa riżultat.

    Id-difiża tal-impossibbiltà assoluta

    43.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret b’mod konsistenti li hija biss l-impossibbiltà assoluta li tiskuża n-nuqqas li tiġi rkuprata għajnuna mogħtija illegalment mill-Istat ( 16 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta din id-difiża b’mod strett, u tirrifjuta li taċċetta li ‘s-sempliċi preokupazzjoni dwar diffikultajiet interni’ jammonta għal impossibbiltà assoluta ( 17 ).

    44.

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-difiża ta’ impossibbiltà assoluta torbot ruħha mar-riżultat li għandu jintlaħaq: l-irkupru tal-għajnuna kontra l-liġi. Jekk setgħet tiġi invokata fir-rigward tal-mod kif ġie effettwat l-irkupru, kien ikun faċli ż-żejjed għal Stat Membru li jagħżel proċedura għall-irkupru tal-għajnuna kontra l-liġi li jirriżulta li kien impossibbli u imbagħad isostni li kellux aktar l-obbligu li jirkupra l-għajnuna.

    45.

    Jekk Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet fl-irkupru tal-għajnuna, dan ikollu ċerti dmirijiet kumplementari. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li jekk l-Istat Membru sempliċement jinforma lill-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi involuti fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni, mingħajr ma jieħu passi veri sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand l-impriżi kkonċernati, u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni xi arranġamenti alternattivi għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li setgħu wasslu sabiex id-diffikultajiet jingħelbu, il-kundizzjonijiet tal-impossibbiltà assoluta ma jkunux ġew sodisfatti. Stat Membru jista’ jibbaża fuq id-difiża tal-impossibbiltà assoluta biss jekk ikun ressaq dawn il-problemi għall-attenzjoni tal-Kummissjoni u pprova jirriżolvi d-diffikultajiet li jkun qed jiltaqa’ magħhom ( 18 ).

    46.

    Għalhekk, Stat Membru ma jistax jargumenta li jkun għamel ‘dak kollu li seta’ sabiex jirkupra l-ammonti inkwstjoni sakemm iċ-ċirkustanzi jwasslu għal sitwazzjoni ta’ impossibbiltà assoluta oġġettiva ( 19 ). Dan ma jistax jibbaża d-difiża fuq il-perċezzjoni soġġettiva tiegħu ta’ x’inhu impossibbli.

    L-obbligu skont l-Artikolu 10 KE

    47.

    L-Artikolu 10 KE jimponi dmir ġenerali ta’ kooperazzjoni sinċiera fuq l-Istati Membri.

    48.

    Naturalment dan id-dmir jibqa’ jgħodd fejn Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet fl-irkupru tal-għajnuna kontra l-liġi. L-obbligu speċifiku li tiġi implimentata deċiżjoni dwar l-ikrupru ta’ għajnuna mill-Istat u l-obbligu iktar ġenerali skont l-Artikolu 10 KE huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin; u l-Artikolu 10 KE jagħti forma lill-mod kif Stat Membru għandu jaġixxi fil-proċess tal-irkupru ( 20 ).

    49.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, tabilħaqq pjuttost espliċita rigward l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 10 KE jekk jew meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet fl-irkupru ta’ għajnuna mogħtija kontra l-liġi mill-Istat. F’ Il-Kummissjoni vs Spanja, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li ‘… meta, matul l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, Stat Membru jiltaqa’ ma diffikultajiet mhux previsti u li ma setgħux jiġu previsti jew isir jaf b’konsegwenzi li ma kinux previsti mill-Kummissjoni, dan għandu jissottometti dawn il-problemi lill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tagħha, filwaqt li jipproponi emendi adattati għad-deċiżjoni inkwistjoni. F’każ bħal dan, taħt ir-regola li timponi fuq Stati Membri u istituzzjonijiet Komunitarji dmirijiet reċiproċi dwar kooperazzjoni ġenwina msemmija partikolarment fl-Artikolu 10 KE, il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom jaħdmu flimkien b’bona fide bil-ħsieb li jegħlbu d-diffikultajiet filwaqt li josservaw b’mod sħih id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u partikolarment dawk dwar l-għajnuna. ( 21 )’

    50.

    Jiena għalhekk ser neżamina l-imġieba tal-awtoritajiet Franċiżi f’żewġ stadji. L-ewwel, Franza wriet li kien assolutament impossibbli għaliha li tirkupra l-għajnuna kontra l-liġi? It-tieni, Franza osservat l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 10 KE bil-mod kif ippruvat tittratta mad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom?

    L-allegata impossibbiltà assoluta tal-irkupru tal-għajunua kontra l-liġi

    51.

    Franza għamlet referenza għal numru ta’ ċirkostanzi speċifiċi li, hija ssostni, wasslu għal sitwazzjoni ta’ impossibbiltà assoluta.

    52.

    L-ewwel nett, Franza ssostni li kien assolutament impossibbli li tidentifika l-benefiċjarji ta’ għajnuna mogħtija qabel t-tmiem tas-sena fiskali 1993, peress li r-rekords finanzjarji jiġu miżmuma għal perijodu ta’ għaxar snin biss. Il-Kummissjoni aċċettat dak l-argument u l-irkupru ta’ dik l-għajnuna ma tifforma ebda parti mir-rikors tal-Kummissjoni ( 22 ).

    53.

    It-tieni, l-awtoritajiet Franċiżi identifikaw 204 kumpanniji li waqfu milli joperaw minn meta rċevew l-għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna għal teħid ta’ kontroll ta’ negozju. Franza targumenta li kien assolutament impossibbli li timplimenta d-deċiżjoni dwar l-irkupru fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji.

    54.

    Fejn kumpannija sempliċement tisparixxi, u tħalli warajha qoxra vojta fir-reġistru tal-kumpanniji, f’termini prattiċi jkun impossibbli li tiġi rkuprata l-għajnuna kontra l-liġi. Madankollu fejn kumpannija tiġi stralċjata, l-obbligu għal ħlas lura tal-għajnuna kontra l-liġi jista’ jiġi rreġistrat fl-iskeda tal-passiv tal-kumpannija. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li bħala prinċipju dan huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid l-istatus quo u li tiġi eliminata d-distorsjoni fil-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna ( 23 ).

    55.

    Meta kumpannija tiġi stralċjata bi proċedura ġudizzjarja u l-għajnuna kontra l-liġi tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti hija u tagħmel dan, l-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna kontra l-liġi jew jitwettaq (jekk il-kumpannija għandha assi biżżejjed biex tħallas lura l-għajnuna f’dak il-punt) inkella jispiċċa meta l-kumpannija tiġi stralċjata u b’konsegwenza d-distorsjoni tal-kompetizzjoni tiġi eliminata.

    56.

    Fejn il-benefiċjarju oriġinali jkompli jinnegozja, u l-assi tiegħu jinbiegħu lil kumpannija oħra ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Istat Membru huwa obbligat li jiżgura li x-xerrej xtara dawk l-assi bil-kundizzjonijiet tas-suq ( 25 ) u bla ebda intenzjoni li jevadi l-obbligu li jħallas lura l-għajnuna kontra l-liġi.

    57.

    Il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha għamlet referenza għat-test tal-Kawża Banks, C-390/98 ( 26 ) li ma jinkludix l-evalwazzjoni ta’ jekk il-bejgħ sarx sabiex issir evażjoni tal-obbligu li titħallas lura l-għajnuna kontra l-liġi. Madankollu, dak il-każ partikolari kien jikkonċerna l-bejgħ ta’ ishma. Il-kawża preżenti tikkonċerna assi, u l-eżami xieraq huwa dak li ġie stabbilit f’ Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-approċċ li ġie stabbilit f’Banks ( 27 ), immodifikat dak l-approċċ għall-pekuljaretajiet ta’ xiri ta’ assi pjuttost milli ta’ ishma ( 28 ) u applikat l-approċċ immodifikat għal bejgħ ta’ assi ( 29 ). Ma nara l-ebda raġuni għalfejn wieħed m’għandux japplika l-approċċ li ġie stabbilit f’Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni.

    58.

    Franza ssostni li xi kultant jista’ jkun impossibbli li jiġi stabbilit jekk ir-responsabbiltà għal ħlas lura tal-għajnuna kontra l-liġi taqax fuq il-benefiċjarju oriġinali jew fuq il-kumpannija li xtrat l-assi tiegħu. F’ċerti ċirkostanzi l-assi li jkunu qed jiġu mibjugħa jistgħu jkunu tant mhux tas-soltu li ma jkunx hemm ma’ x’hiex isir paragun, u b’hekk il-prezz tas-suq ipotetiku għall-assi ma jkunx jista’ jiġi stabbilit.

    59.

    Jiena ma nistax naċċetta dan l-argument.

    60.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx riċettiva għas-suġġeriment li sitwazzjoni unika tista’ toħloq problemi li ma jistgħux jintgħelbu ( 30 ). Barra dan, ikun (preżumibbilment) pjuttost mhux tas-soltu li l-assi mibjugħin ikunu daqshekk uniċi. Jekk din hija sempliċement oġġezzjoni ipotetika, allura Franza ma tistax tibbaża fuqha. Franza ma wrietx li jeżistu dawn iċ-ċirkostanzi fir-rigward ta’ uħud, aħseb u ara fir-rigward tal-maġġoranza tal-kumpanniji inkwistjoni jew kollha kemm huma.

    61.

    Franza lanqas ma wriet li l-awtoritajiet tagħha m’għandhomx il-mezzi biex jinvestigaw dawn l-akkwiżizzjonijiet, jew li saru xi tentattivi biex issir investigazzjoni bħal din. Jien inżid ngħid, li jekk l-awtoritajiet kompetenti kellhom iqiegħdu fuq il-kumpanniji li jagħmlu l-akkwist tal-assi l-oneru tal-prova li l-akkwist sar taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, il-materjal meħtieġ biex jiġu evalwati tranżazzjonijiet individwali jista’ jkun disponibbli mingħajr dewmien.

    62.

    Franza targumenta wkoll li, fejn ix-xerrej ta’ assi ma kienx jaf bl-obbligu għall-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat meta għamel l-akkwiżizzjoni, dan ma jistax jinżamm responsabbli għall-ħlas lura tal-għajnuna kontra l-liġi anki jekk l-akkwiżizzjoni tkun saret taħt il-prezz tas-suq. Franza ssostni li l-azzjoni għall-irkupru ta’ għajnuna bħal din mingħand ix-xerrej tkun nieqsa minn bażi legali fil-liġi nazzjonali.

    63.

    Kif ġie ġustament irrilevat mill-Kummissjoni, dan jinkoraġġixxi lix-xerrejja biex jevitaw li jsiru jafu bl-obbligi għal ħlas lura. Minbarra dan, in-nuqqas ta’ bażi legali eżistenti għall-irkupru fil-liġi nazzjonali ma tistax tammonta għal impossibbiltà assoluta.

    64.

    Jien inqis is-sitwazzjonijiet speċifiċi deskritti hawn fuq bħala li jaqgħu fil-kategorija ta’ diffikultajiet interni. Għalhekk Franza ma rnexxilhiex tressaq id-difiża tal-impossibbiltà assoluta f’dan ir-rigward.

    65.

    L-eċċezzjonijiet iktar ġenerali ta’ Franza dwar l-impossibbiltà huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li għandha d-dritt tibbaża fuq id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom, f’kull stadju, sabiex tirkupra l-għajnuna, li taqqlu l-proċess. Kif indikajt hawn fuq ( 31 ), il-mod li bih Stat Membru seta’ fassal il-proċedura tal-irkupru ma jistax jitqies meta tkun qed tiġi kkunsidrata impossibbiltà assoluta, jekk fil-fatt ikun naqas għal kollox li jirkupra l-għajnuna kontra l-liġi.

    66.

    Meta ħadet passi sabiex timplimenta d-deċiżjoni, Franza fil-fatt indentifikat il-benefiċjarji prinċipali li kellhom l-obbligu li jħallsu lura l-għajnuna kontra l-liġi. Din stabbiliet l-ammont ta’ flus li kull benefiċjarju kellu jagħti. U jien ma nista’ nara ebda raġuni tanġibbli — u wisq inqas xi ostakolu li ma jistax jiġi megħlub — li jżomm lill-awtoritajiet Franċiżi milli joħorġu ordnijiet ta’ rkupru lil dawk il-benefiċjarji.

    67.

    Għalhekk jien nikkonkludi li Franza ma rribattietx il-każ mressaq mill-Kummissjoni u ma stabbilietx id-difiża ta’ impossibbiltà assoluta fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lil kumpanniji mis-sena fiskali 1994 ’il quddiem. Franza għalhekk kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5 u 6 ta’ dik id-deċiżjoni, u (bħala konsegwenza neċessarja) l-obbligi tagħha taħt il-paragrafu 4 tal-Artikolu 249 KE.

    L-Artikolu 10 KE

    68.

    Id-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni matul il-proċess tal-irkupru joħroġ mill-bżonn li jiġi żgurat l-irkupru immedjat u implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjoni u l-irkupru tal-ammonti mħallsa bħala għajnuna kontra l-liġi, li għandu jseħħ mingħajr dewmien.

    69.

    Id-deċiżjoni hija tas-16 ta’ Diċembru 2003. L-awtoritajiet Franċiżi ma rkupraw xejn mill-għajnuna kontra l-liġi. Lanqas ma ħadu passi effettivi biex jiksbu l-irkupru tagħha.

    70.

    L-approċċ ta’ Franza biex tirkupra l-ammonti dovuti kien iktar jixbah l-antiteżi tal-approċċ li kien iwassal għall-irkupru malajr tal-għajnuna kontra l-liġi, jew tal-anqas ta’ parti minnha.

    71.

    L-ewwel nett, l-awtoritajiet Franċiżi qattgħu ħafna ħin u sforz biex jimminimizzaw kemm in-numru ta’ kumpanniji li jkunu obbligati li jħallsu lura l-għajnuna u l-ammonti li għandom jitħallsu lura. B’kuntrast ma’ dan, ma sar l-ebda sforz sabiex tiġi rkuprata għajnuna minn benefiċjarji li ġew identifikati b’mod ċar, u minn pjuttost kmieni, li kellhom jagħtu ammonti sostanzjali ( 32 ).

    72.

    It-tieni nett, Franza għażlet li tapplika proċedura tal-irkupru fuq bażi ad hoc, li kienet teħtieġ li l-benefiċjarji jipparteċipaw u jikkooperaw b’mod attiv fil-proċedura tal-irkupru. Ma kinitx sorpriża li t-tentattivi biex tiġi użata din il-proċedura kkawżaw numru ta’ problemi. Il-benefiċjarji inkwistjoni sabuha bi tqila li jidentifikaw rwieħom u li jagħtu aċċess għall-kontijiet tal-kumpannija u għal informazzjoni oħra fil-pussess tagħhom. Hekk kif u meta jinħarġu ordnijiet ta’ irkupru, tabilħaqq jista’ jiġri li jitfaċċaw iktar diffikultajiet ( 33 ).

    73.

    Il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni estensiva bħal din setgħet ġiet evitata kieku l-awtoritajiet Franċiżi kienu sempliċement insistew fuq il-ħlas tat-taxxa li minnha l-benefiċjarji kienu ġew eżentati oriġinarjament u ħallewha għall-benefiċjarji biex iġibu l-provi meħtieġa biex juru li parti mill-ammont jew kollu kemm hu kien jaqa’ taħt il-kategoriji ta’ għajununa mill-Istat identifikata fl-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni. Jiena naqbel.

    74.

    Il-proċedura segwita mill-awtoritajiet Franċiżi apparentement kienet ukoll teħtieġ li ordnijiet ta’ irkupru jinġabru flimkien skont id-‘département’ qabel ma setgħu jinħarġu. Franza ma spjegatx għalfejn dan għandu jkun il-każ.

    75.

    Franza argumentat li l-awtoritajiet tagħha kellhom l-obbligu li jużaw proċedura ad hoc sabiex jintgħelbu żewġ problemi.

    76.

    L-ewwel nett, Franza targumenta li m’għandhiex bażi legali adattata fil-liġi nazzjonali għall-irkupru ta’ dawn id-djun. Kif diġà indikajt, dan l-argument huwa mingħajr mertu. Jekk is-sistema legali domestika ta’ Stat Membru m’għandhiex il-mekkaniżmi neċessarji sabiex tkun tista’ tissodisfa l-obbligi tad-dritt Komunitarju tagħha, huwa l-Istat Membru li jrid jistabbilixxihom. Din hija l-konsegwenza loġika tan-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 249 KE.

    77.

    It-tieni nett, Franza targumenta li dawn id-djun ma jistgħux jiġu rkuprati billi jintużaw il-proċeduri li jiġu użati għall-irkupru ta’ djun fiskali ordinarji, peress li b’hekk ikun japplika perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin. B’konsegwenza, kellha tiġi użata proċedura ad hoc — u proċedura bħal din tirrikjedi l-kooperazzjoni tal-benefiċjarji.

    78.

    Jien ma naċċettax dan l-argument. Bħala kwistjoni ta’ dritt Komunitarju, Franza għandha l-obbligu li tirkupra l-għajnuna kontra l-liġi irrispettivament minn jekk din hija kklassifikata bħala dejn fiskali taħt il-liġi nazzjonali. Stat Membru ma jistax jevita l-obbligu tiegħu li jirkupra għajnuna kontra l-liġi billi jipprova jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji ( 34 ).

    79.

    Jekk l-awtoritajiet Franċiżi huma tal-fehma li l-liġi nazzjonali tobbligahom li jużaw proċedura ad hoc, dawn għandhom japplikaw proċedura li twassal għall-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna kontra l-liġi. Bi proċedura li hija ad hoc fil-forma ma jfissirx neċessarjament li għandha tiġi użata proċedura li tirrikjedi l-kooperazzjoni tal-benefiċjarji. L-awtoritajiet Franċiżi kienu liberi li jagħżlu liema proċedura ta’ irkupru jużaw, bla ħsara għad-dmir l-iktar importanti tagħhom li jużaw proċedura li permezz tagħha Franza tkun tista’ tikkonforma mal-obbligi tagħha. Madankollu l-proċedura magħżula tidher li kienet ineffettiva ħafna, u li wasslet għal diffikultajiet li Franza m’għamlet l-ebda tentattiv biex tirriżolvi. Huwa diffiċli li approċċ bħal dan jitqies li jaqa’ taħt l-ispirtu ta’ kooperazzjoni meħtieġ mill-Artikolu 10 KE.

    80.

    Jiena ninnota wkoll li Franza beħsiebha tagħti għotjiet ġodda ta’ għajnuna lil benefiċjarji li ġew identifikati bħala li għandhom jagħtu inqas minn EUR 200000 ( 35 ), u b’hekk tieħu vantaġġ mill-fatt li, matul is-snin li għaddew bejn in-notifika tad-deċiżjoni u l-bidu ta’ dawn il-proċeduri legali, il-limitu ta’ de minimis ġie mgħolli minn EUR 100000 għal EUR 200000. Dan l-approċċ ukoll ma jsaħħaħx l-impressjoni ta’ Stat Membru li qed jaġixxi fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni leali.

    81.

    M’huwiex ikkontestat li Franza qed tikser l-obbligu tagħha li tipprovdi informazzjoni fit-terminu previst fl-Artikolu 6 tad-deċiżjoni. Għalkemm il-Kummissjoni ma ffissatx terminu stabbilit għall-irkupru taħt l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni, matul l-iskambji fit-tul mal-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni imponiet numru ta’ termini ta’ żmien ( 36 ). L-ebda wieħed minnhom ma ġie osservat.

    82.

    Il-fatt li minn meta l-Kummissjoni tat bidu għall-kawża — tliet snin u erba’ xhur wara li ġiet ippubblikata d-deċiżjoni — lanqas ċenteżmu mill-għajnuna oriġinali ma ġie rkuprat ukoll jitkellem waħdu.

    83.

    Għalhekk jien nikkonkludi li Franza wkoll qed tikser l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 10 KE.

    Konklużjoni

    84.

    Għalhekk jien nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li meta naqset milli tirkupra l-ammonti mogħtija lil kumpanniji li ħadu kontroll tal-attivitajiet ta’ impriżi f’diffikultà, Franza naqset milli timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/343/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2003, u li qed tikser l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5 u 6 ta’ dik id-deċiżjoni, u taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, u taħt l-Artikolu 10 KE.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata minn Franza għall-akkwiżizzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, L 108, p. 38).

    ( 3 ) Regolament tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE [issa l-Artikolu 88 KE] (ĠU L 83, p. 1). Id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-każ preżenti baqgħu fis-seħħ u ma ġewx emendati.

    ( 4 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 13 fil-preambolu għal, u l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999.

    ( 5 ) Introdotta bl-Artikolu 14A, Liġi 88-1149 tat-23 ta’ Diċembru 1988 (loi de finances pour 1989), Journal officiel de la République Française tat-. L-Artikolu 44f ġie emendat ħames darbiet qabel ma ġie sospiż u sostitwit b’dispożizzjoni li l-Kummissjoni aċċettat li kienet konformi mas-suq komuni (ara punt 14 hawn taħt).

    ( 6 ) ĠU 2004, C 244, p. 2.

    ( 7 ) Regolament tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għal għajnuna de minimis (ĠU L 10, p. 30).

    ( 8 ) Regolament tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (‘IŻM’). (ĠU L 10, p. 33). B’mod partikolari, dan jimponi numru ta’ kundizzjonijiet li din l-għajnuna għandha tissodisfa.

    ( 9 ) Bulletin Officiel des Impots, Nru 43 tal-4 ta’ Marzu 2004. Il-Kummissjoni ġiet innotifikata b’ittra tas-.

    ( 10 ) Loi de finances rectificative pour 2004, JORF, 31 ta’ Diċembru 2004.

    ( 11 ) Deċiżjoni N553/04 tal-1 ta’ Ġunju 2005 li approvat l-Artikolu ġdid 44f, (ĠU C 242, p. 5). L-istess deċiżjoni taċċetta li l-Artikoli 1383A u 1464B huma bl-istess mod kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

    ( 12 ) Franza ssottomettiet lista ulterjuri ta’ benefiċjarji bħala anness għal kontroreplika tagħha. F’dawk l-erba’ listi, l-awtoritajiet Franċiżi identifikaw total ta’ 721 kumpannija. Minnhom 143 kienu obbligati li jħallsu lura EUR 200000 bħala għajnuna kontra l-liġi. Id-diskrepanza fin-numru bejn l-ewwel estimi u l-listi pprovduti hi (x’aktarx) spjegata jekk l-awtoritajiet Franċiżi llimitaw l-investigazzjonijiet tagħhom għall-kumpanniji li d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħhom kienu suġġetti għar-‘régime réel normal’ (li jinvolvi ammonti ’l fuq mil-limiti tad-de minimis għal dak ir-reġim), u bl-istess mod ma kkunsidrawx kumpanniji li d-dikarazzjonijiet tagħhom kienu suġġetti għar-‘régime simplifié’, u dawk li ġew mogħtija eżenzjonijiet li jaqgħu taħt il-limiti tad-de minimis.

    ( 13 ) Jidher li hemm disparità bejn il-massimu għal għajnuna de minimis fir-Regolament Nru 69/2001 u dak iċċitat minn Franza. L-ewwel wieħed jistabbilixxi limitu massimu ta’ EUR 100000. Ir-Regolament Nru 1998/2006 (ĠU L 379, p. 5) — li kien japplika mill-1 ta’ Jannar 2007 — żied il-massimu għal EUR 200000. Filwaqt li din il-bidla ma tistax taffettwa l-klassifikazzjoni tal-għotjiet ta’ għajnuna oriġinali li ġiet imħallsa, il-massimu l-ġdid għandu japplika għal għotjiet ġodda ta’ għajnuna mill-Istat.

    ( 14 ) Sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-419/06, Ġabra p. I-27, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 15 ) Bl-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni jirrifletti l-Artikolu 14 ta’ Regolament Nru 659/1999, li jobbliga lill-Istati Membri li jimplimentaw id-deċiżjoni immedjatament u effettivament, u li jirkupraw mingħajr dewmien l-ammonti mħallsa kontra l-liġi bħala għajnuna mill-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement enfasizzat il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni inkwistjoni. Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (Ġabra p. I-11695, punti 33 u 34); sentenza tal-, Il-Kummissjoni vs Franza, (C-232/05, Ġabra p. I-10071, punti 49 u 50) u sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, (punti 57 sa 61).

    ( 16 ) Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata hawn fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.

    ( 17 ) Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, (C-404/00, Ġabra p. I-6695, punt 55).

    ( 18 ) Ara l-iktar reċenti Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.

    ( 19 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw il-partikolaritajiet tas-sistemi legali tagħhom sabiex iressqu argument dwar impossibbiltà assoluta. Ara s-sentenza tas-27 ta’ April 1988 Il-Kummissjoni vs L-Italja, 225/86, Ġabra p. I-2271, punt 10 u sentenza tal- Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C-183/91, Ġabra p. I-3131, punt 17). F’punt 72 tal-Konklużjonijiet tiegħu tat- fi Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata hawn fuq fin-nota tal-qiegħ il-paġna 15, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ma aċċettax (fil-fehma tiegħi, b’mod għal kollox korrett) argument li kien probabbilment ibbażat impliċitament fuq limitazzjonijiet li joħorġu minn ġewwa s-sistema legali tal-Istat Membru inkwistjoni.

    ( 20 ) Din kienet ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (52/84 Ġabra p. 89, punt 16). Din ġiet affermata mill-ġdid reċentement fis-sentenza tat- Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C-415/03, Ġabra p. I-3875, punt 42).

    ( 21 ) Sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002 Il-Kummissjoni vs Spanja, (C-499/99, Ġabra p. I-6031 punt 24).

    ( 22 ) Franza tista’ tibbaża biss fuq id-difiża tal-impossibbiltà assoluta fir-rigward ta’ rekords finanzjarji li, fiż-żmien li d-deċiżjoni saret effettiva, kienu diġà ġew imħassra wara l-iskadenza tal-obbligu ta’ żamma ta’ għaxar snin. Rekords finanzjarji għas-sena fiskali 1994 u sussegwenti għandhom bħala korollarju, jitqiesu li kienu disponibbli għall-awtoritajiet Franċiżi fil-bidu tal-proċedura tal-irkupru.

    ( 23 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, (C-277/00, Ġabra p. I-3925, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

    ( 24 ) Jew kumpanniji — jekk iktar minn kumpannija waħda tkun xtrat assi, l-analiżi mbagħad ma tiġix affettwata, għalkemm il-livell ta’ diffikultà prattika li tiġi ffaċċjata fl-intraċċar tal-obbligu jista’ jiżdied.

    ( 25 ) Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, (punt 86).

    ( 26 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Ġabra (p. I-6117).

    ( 27 ) Punt 80 tas-sentenza.

    ( 28 ) Punt 86 tas-sentenza.

    ( 29 ) Punti 92 u 93 tas-sentenza.

    ( 30 ) Fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM II Multimedia vs Il-Kummissjoni (C-328/99, Ġabra p. I-4035), il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq li saret mill-Kummissjoni. Hija rreferiet għal “investitur privat” ipotetiku sabiex tevalwa l-azzjonijiet tal-investitur attwali kkonċernat (punti 37 sa 40 tas-sentenza) u aċċettat l-użu ta’ esperti indipendenti biex jiġi evalwat il-prezz imħallas (punt 72 tas-sentenza).

    ( 31 ) Fil-punt 42.

    ( 32 ) Jiġifieri, il-55 kumpannija li għandhom jagħtu iktar minn EUR miljun kull wieħed, li l-identità tagħhom kienet ġiet stabbilita sa Marzu 2005.

    ( 33 ) Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-allegat bżonn għal kooperazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tiddubita jekk il-kooperazjoni tal-kumpanniji kollha kinitx meħtieġa.

    ( 34 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, (C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 112).

    ( 35 ) Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija li għotjiet ġodda ta’ għajnuna m’għandhomx jintrabtu mal-ħlas lura ta’ għotjiet ta’ għajnuna qodma li ġew iddikjarati kontra l-liġi. Peress li dawn l-affarijiet jaqgħu barra mill-iskop tal-proċeduri legali preżenti, mhux se nikkummenta iktar.

    ( 36 ) Dawn kienu, fl-ordni, it-terminu sabiex tiġi rċevuta informazzjoni dwar il-miżuri ta’ irkupru proposti (tard f’Marzu 2004); it-terminu biex tiġi rċevuta lista ta’ benefiċjarji li għandhom jagħtu iktar minn EUR 1 miljun (l-1 ta’ Ottubru 2004); it-terminu biex tiġi rċevuta skeda bid-dati tal-irkupru (l-); it-terminu sabiex jinbeda l-irkupru tal-għajnuna (l-); terminu ulterjuri għal informazzjoni (nofs Ġunju 2005); it-terminu għall-ħruġ ta’ ordnijiet għall-irkupru (kmieni fi Frar 2006) u t-terminu biex tiġi pprovduta lista ta’ benefiċjarji li għandhom jagħtu iktar minn EUR 100000 (is-). Franza nnifisha pproponiet terminu għall-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ rkupru (il-), li bl-istess mod naqset milli tosserva.

    Fuq