Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0439

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-22 ta' Mejju 2008.
    citiworks AG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Dresden - il-Ġermanja.
    Suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku - Direttiva 2003/54/KE - Artikolu 20(1) - Aċċess liberu ta’ terzi persuni għal sistemi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni ta’ l-elettriku.
    Kawża C-439/06.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:298

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    22 ta’ Mejju 2008 ( *1 )

    “Suq intern fil-qasam tal-elettriku — Direttiva 2003/54/KE — Artikolu 20(1) — Aċċess liberu ta’ terzi għal sistemi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni tal-elettriku”

    Fil-kawża C-439/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Dresden (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2006, fil-proċeduri ta’ ġestjoni tal-enerġija

    citiworks AG

    fil-preżenza ta’:

    Sächsisches Staatsministerium für Wirtschaft und Arbeit als Landesregulierungsbehörde,

    Flughafen Leipzig/Halle GmbH,

    Bundesnetzagentur,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, P. Lindh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal citiworks AG, minn C. Haellmigk, Rechtsanwalt,

    għal Sächsisches Staatsministerium für Wirtschaft und Arbeit als Landesregulierungsbehörde, minn R. Huber, bħala aġent,

    għal Flughafen Leipzig/Halle GmbH, minn R. Wagner u J. Kloos, Rechtsanwälte,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn A. Henshaw, barrister,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Schima, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU L 176, p. 37).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri li għandhom bħala suġġett rikors imressaq minn citiworks AG (iktar ’il quddiem “citiworks” kontra d-deċiżjoni li biha s-Sächsisches Staatsministerium für Wirtschaft und Arbeit als Landesregulierungsbehörde (Ministeru tal-Ekonomija u x-Xogħol tal-Istat tal-Land tas-Sassonja, bħala awtorità regolatriċi għal-Land, iktar ’il quddiem l-“awtorità regolatriċi” ikkwalifika bħala “netwerk ta’ sit” skond l-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1), tal-liġi dwar il-provvista ta’ elettriku u ta’ gass, imsejħa “liġi dwar il-ġestjoni razzjonali tal-enerġija” [Gesetz über die Elektrizitäts- und Gasversorgung (Energiewirtschaftsgesetz)], tas-7 ta’ Lulju 2005 (BGBl. 2005 I, p. 1970, iktar ’il quddiem l-“EnWG”), is-sistema ta’ provvista ta’ enerġija mħaddma minn Flughafen Leipzig/Halle GmbH (iktar ’il quddiem “FLH”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/54:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista ta’ l-elettriku. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur ta’ l-elettriku, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi.”

    4

    Ir-raba’ sas-seba’ u s-sitta u għoxrin premessa tad-Direttiva 2003/54 tgħid kif ġej:

    “(4)

    Il-ħelsien li t-Trattat jiggarantixxi liċ-ċittadini Ewropej — il-moviment liberu ta’ l-oġġetti, il-libertà li jiġu provduti s-servizzi u l-ħelsien ta’ l-istabbiliment — ikunu possibbli biss f’suq miftuħ kompletament, li jħalli lill-konsumaturi kollha biex b’mod ħieles jagħżlu lil min ifornihom u li dawk kollha li jfornu jkunu ħielsa li jqassmu l-prodott tagħhom lill-klijenti tagħhom.

    (5)

    L-ostakli ewlenin biex wieħed jasal għal suq intern kompetittiv u li jitħaddem b’mod sħiħ huma marbuta fost oħrajn ma’ kwistjonijiet ta’ aċċess għan-netwerks, kwistjonijiet ta’ tarifikazzjoni u gradi differenti ta’ ftuħ ta’ swieq bejn l-Istati Membri.

    (6)

    Biex il-kompetizzjoni tkun tista’ tiffunzjona sew, l-aċċess għan netwerks għandu jkun wieħed mhux diskriminatorja, trasparenti u prezzat b’mod ġust

    (7)

    Biex jitkompla s-suq intern ta’ l-elettriku, l-aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk ta’ l-operatur tat-trasmissjoni jew tas-sistema tad-distribuzzjoni huwa ta’ importanza kbira. Operatur tat-trasmissjoni jew tas-sistema tad-distribuzzjoni jista’ jkun jikkomprendi fih impriża waħda jew aktar minn waħda

    […]

    (26)

    Ir-rispett tal-kriterji tas-servizz pubbliku huwa kriterju fundamentali ta’ din id-Direttiva, u huwa importanti li standards minimi komuni, li jkunu rispettati mill-Istati Membri kollha, jiġu speċifikati f’din id-Direttiva, liema standards għandhom jikkunsidraw l-għanijiet tal-protezzjoni komuni, is-sigurtà tal-provvista, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u livelli ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li l-kriterji tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali u soġġett għar-rispett lejn il-liġi tal-Komunità”.

    5

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54, intitolat, “Definizzjonijiet”, jistipola:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

     

    ‘trasmissjoni’ tfisser it-trasport ta’ l-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u ta’ sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda ma jkunx jinkludi l-provvista;

     

    ‘operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni’ tfisser persuna naturali jew legali responsabbli mit-tħaddim, li tiżgura ż-żamma ta’ u, jekk ikun meħtieġ, tiżviluppa s-sistema ta’ trasmissjoni f’żona partikolari u, fejn ikun japplika, ta’ l-inter-konnetturi tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll biex tiżgura l-abilità tas-sistema għal tul ta’ żmien li din tkun tista’ tilħaq domandi raġonevoli għat-trasmissjoni ta’ l-elettriku;

     

    ‘distribuzzjoni’ tfisser it-trasport ta’ l-elettriku fuq sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti, iżda ma jkunx jinkludi l-provvista;

     

    ‘operatur ta’ sistema tad-distribuzzjoni’ tfisser persuna naturali jew legali responsabbli għat-tħaddim, li tiżgura ż-żamma ta’ u, jekk ikun meħtieġ, li tiżviluppa s-sistema ta’ distribuzzjoni f’żona partikolari u, fejn ikun japplika, l-inter-konnetturi tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-abilità tas-sistema li tilħaq għal tul ta’ żmien domandi raġonevoli għad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku;

     

    ‘klijenti’ tfisser klijenti bl-ingrossa u finali ta’ l-elettriku;

     

    ‘klijenti bl-ingrossa’ tfisser persuna naturali jew legali li tixtri l-elettriku għall-għan li dan jerġa’ jinbiegħ ġewwa jew barra mis-sistema fejn din tkun stabbilita;

     

    ‘klijenti finali’ tfisser klijenti li jixtru l-elettriku għall-użu tagħhom;

    […]

    ‘provvista’ tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, ta’ elettriku lill-klijenti;

    […]

     

    ‘sistemi żgħar iżolati’ tfisser kwalunkwe sistema b’konsum ta’ inqas minn 3000 GWh fis-sena 1996, fejn inqas minn 5 % tal-konsum annwali jkun inkiseb permezz ta’ interkonnettività ma’ sistemi oħra;

     

    ‘sistemi iżolati żgħar ħafna’ tfisser kwalunkwe sistema b’konsum ta’ inqas minn 500 GWh fis-sena 1996, fejn ma jkun hemm l-ebda interkonnettività ma’ sistemi oħra;

    […]”

    6

    L-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2003/54 intitolat, “L-Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijent”, jistipola:

    “L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6, 7, 20 u 22 kemm-il darba l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ xxekkel il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-verità, ta’ l-obbligi imposti fuq l-impriżi ta’ l-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali, u kemm-il darba l-iżvilupp tas-sengħa ma jkunx affettwat b’tali mod li jkun imur kontra l-interessi tal-Komunità. L-interessi tal-Komunità jinkludu, fost oħrajn, il-kompetizzjoni dwar il-konsumaturi eliġibbli f’konformità ma’ din id-Direttiva u l-Artikolu 86 tat-Trattat”.

    7

    L-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva intitolat, “L-Aċċess ta’ terzi partijiet”, jgħid kif ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi partijiet lejn is-sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni bbażati fuq tariffi ppubblikati, li jkunu japplikaw għall-klijenti kollha eliġibbli u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu moħbija fil-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ f’konformità ma’ l-Artikolu 23 u li dawn it-tariffi, u il-metodoloġiji — fejn il-metodoloġiji jkunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ.

    2.   L-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess fejn dan tkun tonqsu l-kapaċità neċessarja. Għal rifjut bħal dan għandhom jingħataw raġunijiet sostanzjati, b’mod partikolari wara li jkun ġie kkunsidrat l-Artikolu 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fejn ikun xieraq u meta jseħħ dan ir-rifjut ta’ l-aċċess, li l-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni jew distribuzzjoni jipprovdi l-informazzjoni relevanti fuq miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa għall-infurzar tan-netwerks. Il-parti li tagħmel talba għal tali informazzjoni tista’ tiġi ċċarġjata miżata raġonevoli li tkun tirrifletti n-nefqa biex tkun ipprovduta din l-informazzjoni”.

    8

    L-Artikolu 26 tal-istess direttiva, intitolat “Derogi”, jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri li jistgħu juru, wara li d-Direttiva tkun daħlet fis-seħħ, li hemm problemi sostanzjali fit-tħaddim tas-sistemi iżolati u żgħar tagħhom, jistgħu japplikaw għal deroga mid-disposizzjonijiet relevanti tal-Kapitoli IV, V, VI, VII, kif ukoll il-Kapitolu III, fil-każ ta’ sistemi iżolati żgħar ħafna, sa fejn huma kkonċernati it-tiġdid, l-immodernizzar u l-espansjoni tal-kapaċità eżistenti, liema deroga tista’ tingħatalhom mill-Kummissjoni. Din ta’ l-aħħar għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dawk l-applikazzjonijiet qabel ma tittieħed xi deċiżjoni, waqt li jkun ikkunsidrat ir-rispett lejn il-kunfidenzjalità. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. […]”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    9

    L-EnWG kienet ġiet adottata sabiex tittrasponi d-Direttiva 2003/54.

    10

    L-Artikolu 16 u 17 tal-Paragrafu 3, ta’ din il-liġi jiddefinixxu s-sistemi ta’ provvista ta’ enerġija bħala “sistemi ta’ provvista ta’ elettriku u gass li tgħaddi minn livell ta’ tensjoni jew ta’ pressjoni wieħed jew iktar” u s-sistemi ta’ provvista ta’ enerġija bħala “sistemi ta’ provvista ta’ enerġija, li l-funzjoni tagħhom tkun id-distribuzzjoni ta’ enerġija lil terzi persuni u li f’termini tad-daqs tagħhom ma jkunux mill-bidu nett iddisinjati biss biex ifornu konsumaturi finali speċifiċi li jkunu jeżistu jew ikunu identifikabbli diġà fiż-żmien tal-kostruzzjoni tas-sistema, imma li fil-prinċipju huma disponibbli biex ifornu lil konsumaturi finali kollha”.

    11

    L-Artikolu 18 tal-Paragrafu 3 tal-istess liġi jiddefinixxi l-imrpiża operatriċi ta’ sistemi ta’ provvista ta’ enerġija bħala kull persuna fiżika jew ġuridika li tħaddem sistema ta’ provvista ta’ enerġija.

    12

    Il-Parti 3 tal-EnWG tinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 20 u 21. L-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 20(1) tipprovdi li l-operaturi ta’ sistemi ta’ provvista ta’ enerġija “għandhom skond kriterji ġġustifikati oġġettivament jagħtu lil kulħadd aċċess għas-sistema tagħhom mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jippubblikaw fuq l-Internet il-kundizzjonijiet, inklużi kuntratti specimen, u tariffi għall-aċċess għal sistema bħal din”.

    13

    L-Artikolu 21(1) tal-EnWG jipprovdi:

    “Kundizzjonijiet u tariffi għal aċċess għal sistema għandhom ikunu xierqa, mhux diskriminatorji, trasparenti u mhux inqas favorevoli minn dawk li fil-prattika jew għal skopijiet ta’ infiq jiġu applikati u imposti minn operaturi ta’ sistema f’sitwazzjonijiet komparabbli għal provvista tas-servizz fi ħdan l-impriża tagħhom jew lil impriżi konnessi jew assoċjati”.

    14

    Il-Paragrafu 110(1) tal-EnWG jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ksib tal-istatus ta’ netwerk ta’ sit u jistabbilixxi l-konsegwenzi ġuridiċi ta’ dan l-istatus kif ġej:

    “Il-partijiet 2 u 3 u l-paragrafi 4, 52 u 92 ta’ din il-Liġi m’għandhomx japplikaw għat-tħaddim ta’ sistemi ta’ provvista ta’ enerġija li

    1.

    huma lokalizzati f’żona ta’ tħaddim ġeografikament konnessa u li prinċipalment iservu biex ifornu l-bżonnijiet ta’ enerġija tal-impriża nnifisha jew ta’ impriżi konnessi skond it-tifsira tal-punt 38 tal-Paragrafu 3 ta’ din il-Liġi,

    2.

    huma lokalizzati f’żona privata ġeografikament konnessa u li jagħmluha possibbli għall-operatur tas-sistema jew għar-rappreżentant tiegħu sabiex jiġi segwit għan kummerċjali primarju komuni,

    a)

    li jmur lil hinn minn sempliċi arranġamenti ta’ leasing jew ta’ kiri, u

    b)

    li jkun mxekkel b’mod irraġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-parti introduttiva ta’ din is-sentenza, biex iforni konsumaturi finali identifikabbli b’enerġija

    jew

    3.

    huma lokalizzati f’żona ġeografikament konnessa mill-qrib u jservu prinċipalment l-iskopijiet ta’ awto-provvista,

    bil-kundizzjoni li s-sistema ta’ provvista ta’ enerġija ma sservix biex tipprovdi provvista ġenerali skond it-tifsira tal-punt 17 tal-Paragrafu 3 ta’ din il-Liġi u li l-operatur tan-netwerk tas-sit jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom dawk l-impjegati, u riżorsi tekniċi u ekonomiċi meħtieġa biex jiżguraw it-tħaddim fit-tul tas-sistema skond id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Liġi”.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    15

    Citiworks hija kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Ġermaniż li tipprovdi enereġija. Mill-bidu tas-sena 2004, hija tipprovdi l-elettriku lill-antenna ta’ DFS Deutsche Flugsicherung GmbH li tinstab fl-ajruprot ta’ Leipzig/Halle. L-ishma ta’ din l-aħħar kumpannija huma miżmuma kollha mill-Istat Federali u hija responsabbli mill-kontroll tat-traffiku tal-ajru fil-Ġermanja.

    16

    FLH hija kumpannija li topera l-ajruport ta’ Leipzig/Halle. F’din il-kapaċità din tiġġestixxi sistema ta’ provvista ta’ enerġija li permezz tagħha hi u 93 impriża oħra lokalizzati fl-ajruport jiġu fornuti bl-elettriku (iktar ’il quddiem is-“sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Fl-2004, il-volum tal-enerġija kkonsmata permezz ta’ din is-sistema kien jammonta għal ċirka 22200 MWh, li minnhom, 85.4 % kien ġie kkunsmat minn FLH stess.

    17

    FLH talbet li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun rikonoxxuta bħala netwerk ta’ sit skond il-Paragrafu 110 tal-EnWG. Fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ din it-talba, l-awtorità regolatriċi, fl-20 ta’ Jannar 2006, talbet lil citiworks tintervjeni.

    18

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2006, l-awtorità regolatriċi laqgħet it-talba ta’ FLH. Citiworks ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Dresden.

    19

    Quddiem din il-qorti, citiworks sostniet li l-Paragrafu 110 tal-EnWG huwa inkompatibbli mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/54.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Dresden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) ta’ [l-EnWG] huwa kompatibbli mal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 […], safejn bi qbil mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG hekk imsejjaħ “netwerk ta’ tħaddim” huwa eżentat mid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar aċċess għas-sistema (Paragrafi 20 sa 28a tal-EnWG) anki fejn tali aċċess għas-sistema ma jkunx jimponi piż irraġonevoli?”

    Fuq id-domanda preliminari

    21

    Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal domanda preliminari, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt Komunitarju, hija madankollu tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-kompatibbiltà bil-għan li taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2000, Borawitz, C-124/99, Ġabra p. I-7293, punt 17; tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C-60/05, Ġabra p. I-5083, punt 18, u tal-24 ta’ Jannar 2008, Roby Profumi, C-257/06, Ġabra p. I-189, punt 11).

    22

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni bħall-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG li teżenta lil ċerti operaturi ta’ sistemi ta’ provvista ta’ enerġija mill-obbligu li jagħtu lit-terżi persuni aċċess liberu għal dawn is-sistemi, minħabba li huma lokalizzati f’żona ta’ tħaddim ġeografikament konnessa u li prinċipalment iservu biex jipprovdu l-bżonnijiet ta’ enerġija tal-impriża nnifisha jew ta’ impriżi konnessi, mingħajr mhuwa stabbilit li l-aċċess liberu ta’ terzi jimponi piżijiet irraġonevoli.

    Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    23

    Citiworks tqis li l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 tipprekludi l-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ din id-direttiva huwa li jippermetti lil fornituri ta’ enerġija jaċċedu liberament għas-sistemi ta’ provvista ta’ enerġija sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu b’mod ħieles min ifornihom.

    24

    Id-dispożizzjoni nazzjonali li tidderoga mill-prinċipju tal-aċċess liberu ta’ terzi għas-sistemi ta’ provvista ta’ enerġija hija kuntrarja għal dan il-għan. Ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/54 ma tawtorizza lill-Istati Membri jistabbilixxu b’mod liberu dawk is-sitwazzjonijiet li fihom huma jistgħu jidderogaw minn dan il-prinċipju.

    25

    Citiworks issostni, barra minn hekk, li l-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG japplika awtomatikament meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li huwa jipprovdi.

    26

    L-ewwel nett, FLH issostni li d-domanda magħmula hija inammissibbli, għalhiex hija ipotetika. Fil-fatt din id-domanda tinvoka formulazzjoni tal-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG li ma teżistix, peress illi din id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-kunċett ta’ “piż irraġonevoli”. Barra minn hekk din id-domanda mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    27

    Fuq il-mertu, FLH, l-awtorità regolatriċi kif ukoll il-Gvernijiet Ġermaniż u tar-Rejnu Unit iqisu li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali la hija sistema ta’ trażmissjoni u lanqas sistema ta’ distribuzzjoni u, għaldaqstant, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/54. Tali sistema hija sistema interna maħluqa minn impriżi għall-provvista ta’ enerġija tagħhom stess, li għandha konsumm żgħir u li ma taffetwax il-kompetizzjoni. L-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG huwa sempliċement l-espressjoni tad-diskrezzjoni li l-leġiżlatur Ġermaniż kellu meta implementa d-Direttiva 2003/54. Barra minn hekk, il-provvista ta’ enerġija hija anċillari għall-attività prinċipali ta’ FLH li hija li topera ajruport.

    28

    Skond il-Gvern Ġermaniż, is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija “istallazzjoni ta’ klijenti” li tiddistribwixxi l-enerġija fi ħdan istallazzjoni magħluqa. L-impriża li tħaddimha ma tkunx suġġetta għall-obbligi imposti mid-Direttiva 2003/54 fuq l-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni.

    29

    Il-Gvern Pollakk iqis li l-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG huwa inkompatibbli mad-Direttiva 2003/54. F’din tal-aħħar teżisti sistema ta’ derogi marbuta ma’ ċirkustanzi partikolari, li teskludi d-derogi ta’ natura ġenerali.

    30

    Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 jipprekludi l-ewwel punt tal-Paragarafu 110(1) tal-EnWG. Fil-fatt, is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sistema ta’ distribuzzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva u l-aċċess liberu għal din is-sistema għandu għaldaqstant ikun żġurat. Il-Kummissjoni tfakkar li l-prinċipju tal-aċċess liberu ta’ persuni terzi għas-sistemi ta’ provvista ta’ enerġija huwa essenzjali u li d-derogi minn dan il-prinċipju għandhom ikunu permessi biss f’ċirkustanzi ddefiniti b’mod ċar. Għal dan il-għan, id-daqs tas-sistema huwa kkunsidrat biss għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw is-separazzjoni legali tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 15(2), in fine, tad-Direttiva 2003/54.

    Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fuq l-ammissibbiltà

    31

    Skond ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali biss li għandha l-każ quddiemha li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, biex tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 47).

    32

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta t-talba ta’ qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola Komunitarja, mitluba mill-qorti nazzjonali, m’għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bosman, punt 61, u Acereda Herrera, punt 48).

    33

    Fil-kawża prinċipali, tressqet quddiem il-qorti nazzjonali kontestazzjoni ta’ fornitur tal-elettriku li jsostni li l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teżenta lil ċerti operaturi ta’ sistemi ta’ provvista ta’ enerġija milli jagħtu aċċess liberu għas-sistema tagħhom.

    34

    Skond din il-qorti, id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni tipprovdi li l-imsemmija eżenzjoni tapplika għal sistemi ta’ provvista ta’ enerġija mingħajr mhija suġġetta għall-eżistenza ta’ piżijiet irraġonevoli, filwaqt li din il-kundizzjoni teżisti għan-netwerks ta’ servizz imsemmija fil-punt 2 tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG.

    35

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, konsegwentement, jekk l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 jipprekludix din is-sistema derogatorja, li teżenta mill-obbligu li terzi jingħataw aċċess liberu għal ċerti sistemi ta’ provvista ta’ enerġija mingħajr mhuma meqjusa l-kapaċitajiet tekniċi ta’ dawn is-sistemi.

    36

    Minn dan jirriżulta li d-domanda magħmula hija rilevanti, mhijiex ipotetika u, għaldaqstant, ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    37

    Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/54 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva u tad-dispożizzjonijiet tagħha, sabiex jiġi vverifikat jekk is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u jekk l-imsemmi Artikolu 20 jipprekludix dispożizzjoni bħall-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG li teżenta mill-obbligu li terzi jingħataw aċċess liberu għal ċerti sistemi ta’ provvista ta’ enerġija.

    38

    Għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 2003/54 ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU 1997, L 27, p. 20). Mill-ewwel u mit-tieni premessa tad-Direttiva 2003/54 jirriżulta li din kienet ġiet adotta minħabba lakuni li kienu jeżistu sabiex jinħoloq suq intern fil-qasam tal-elettriku wara l-implementazzjoni tad-Direttiva 96/92. L-għan tad-Direttiva 2003/54 huwa għaldaqstant li ttejjeb il-funzjonament ta’ dan is-suq.

    39

    Skond il-ħames premessa tad-Direttiva 2003/54, wieħed mill-ostakoli ewlenin biex wieħed jasal għal suq intern kompetittiv u li jitħaddem b’mod sħiħ huwa marbut ma’ kwistjonijiet ta’ aċċess għan-netwerks, kwistjonijiet ta’ tarifikazzjoni u gradi differenti ta’ ftuħ tas-swieq bejn l-Istati Membri.

    40

    Is-sitt u seba’ premssi tal-imsemmija direttiva jippreċiżaw li l-aċċess għan-newterk mhux diskriminatorju trasparenti u ta’ prezz b’mod ġust huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni u huwa ta’ importanza kbira sabiex jitkompla s-suq intern tal-elettriku.

    41

    Id-Direttiva 96/92 kienet tipprevedi, fl-Artikoli 16 sa 20 tagħha, sistema ta’ aċċess negozjata għas-sistemi ta’ trazmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Il-leġiżlatur Komunitarju ddeċieda li jtemm din is-sistema sabiex iżid iktar u iktar il-ftuħ fis-suq intern fil-qasam tal-elettriku, kif jirriżulta mill-proposta għal direttiva ppreżentata mill-Kummisjoni fit-13 ta’ Marzu 2001 [COM(2001) 125 finali, ĠU C 240 E, p. 60].

    42

    F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 7(5) u 16 tad-Direttiva 96/92, enfasizzat in-natura ġenerali tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistemi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, Ġabra p. I-4983, punti 42 sa 46).

    43

    Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 2003/54 tfakkar li suq kompletament miftuħ għandu jħalli lill-konsumaturi jgħażlu b’mod ħieles lil min ifornihom u lil dawk kollha li jipprovdu jqassmu l-prodott tagħhom lill-klijenti tagħhom. Hekk kif l-Avukat Ġenerali ġustament enfasizza fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn iż-żewġ drittijiet huma neċessarjament marbuta. Fil-fatt, sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu b’mod ħieles min ifornihom, dawn għandhom ikunu jistgħu jkollhom aċċess għad-differenti sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni li jwasslu l-elettriku sal-klijenti.

    44

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-aċċess liberu ta’ terzi għas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jikkostitwixxi waħda mill-miżuri essenzjali li l-Istati Membri huma obbligati jimplementaw sabiex wieħed jasal għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku.

    45

    Il-prinċipju tal-aċċess liberu japplika, skond l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54, għas-sistemi ta’ trażmissjoni u għas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Is-subparagrafi 3 u 5 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva jagħtu d-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “trażmissjoni” u ta’ “distribuzzjoni”. It-trażmissjoni hija ddefinita bħala t-trasport tal-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u ta’ sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri. Id-distribuzzjoni hija t-trasport tal-elettriku fuq sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti. It-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ma jinkludux il-provvista. Il-kunċett ta’ “provvista” huwa ddefinit fis-subparagrafu 19 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54 bħala l-bejgħ ta’ elettriku lill-klijenti.

    46

    Minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta, minn naħa, li sistema ta’ trażmissjoni hija sistema interkonnessa intiża sabiex wieħed jasal għall-elettriku ta’ vultaġġ qawwi ħafna u ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lil klijenti finali jew lil distributuri, u min-naħa l-oħra li sistema ta’ distribuzzjoni hija sistema intiża li wieħed jasal għall-elettriku ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lil klijenti bl-ingrossa jew lil klijenti finali.

    47

    Skond ċerti osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhija la sistema ta’ trażmissjoni u lanqas sistema ta’ distribuzzjoni u għaldaqstant ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/54. Fil-fatt, minn naħa, din tikkostitwixxi netwerk ta’ sit u ma taffettwax il-kompetizzjoni minħabba l-konsumm baxx tagħha u, min-naħa l-oħra, it-tħaddim ta’ din is-sistema huwa biss attività anċillari għall-attività prinċipali ta’ tħaddim tal-ajruport.

    48

    F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, in-natura tas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni fis-sens tad-Direttiva 2003/54 u l-kwantità ta’ elettriku ttrasportat fuq l-imsemmija sistemi, għandu jiġi rrilevat li l-vultaġġ ta’ dan l-elettriku biss jikkostitwixxi l-kriterju ta’ distinzjoni bejn it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni.

    49

    Fil-fatt, skond is-subparagrafi 3 u 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, sistema ta’ trażmissjoni tikkonċerna elettriku ta’ vultaġġ qawwi ħafna u ta’ vultaġġ għoli u sistema ta’ distribuzzjoni tiżgura t-trasport ta’ elettriku ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx. Id-Direttiva 2003/54 tirreferi għall-konsum tal-elettriku biss sabiex tiddefinixxi l-kunċetti ta’ “sistemi żgħar iżolati” u ta’ “sistemi iżolati żgħar ħafna”, li jiġġustifikaw l-għoti ta’ derogi minn ċerti obbligi previsti minn din id-direttiva. Il-leġiżlatur Komunitarju għaldaqstant ma riedx jeskludi ċerti sistemi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/54 minħabba d-daqs tagħhom jew il-konsum ta’ elettriku tagħhom.

    50

    Hemm lok li jiġi rrimarkat li l-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG ma jiddefinixxix is-sistemi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu abbażi tal-konsum ta’ elettriku tagħhom. Fil-fatt din id-dispożizzjoni ssemmi sistemi li “huma lokalizzati f’żona ta’ tħaddim ġeografikament konnessa u li prinċipalment iservu biex ifornu l-bżonnijiet ta’ enerġija tal-impriża nnifisha jew ta’ impriżi konnessi”.

    51

    F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-ġestjoni u l-finalità tas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, id-Direttiva 2003/54 tippreċiża, għaż-żewġ tipi ta’ sistemi, li l-elettriku huwa ttrasportat bil-ħsieb li dan jitwassal, mingħajr ma jinkludu l-provvista stess, u li l-operatur huwa responsabbli għat-tħaddim, iż-żamma u l-iżvilupp tas-sistema f’żona partikolari, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tas-sistema għal tul ta’ żmien.

    52

    Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/54 jeżiġi li l-proprjetarji jew il-persuni responsabbli minn sistemi ta’ distribuzzjoni jinnominaw operaturi għal dawn is-sistemi. La minn din id-dispożizzjoni u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tal-istess direttiva ma jirriżulta li biss l-impriżi li jeżerċitaw l-attività ta’ operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni b’mod prinċipali huma marbuta bl-obbligu li jippermettu l-aċċess liberu għas-sistemi.

    53

    Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrimarkat, li l-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG ma jagħmel ebda preċiżazzjoni dwar in-natura prinċipali jew anċillari, għall-operatur, tal-attività ta’ ġestjoni tas-sistema ta’ provvista tal-enerġija sabiex jiddefinixxi s-sistemi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    54

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi l-elettriku lil FLH stess u lil 93 impriża oħra, li kollha huma lokalizzati fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle. Il-konsum ta’ din is-sistema kien ta’ 222000MWh għas-sena 2004, li minnhom 3800 MWh kien ikkunsmat minn impriżi oħra għajr FLH. Skond id-deċiżjoni tar-rinviju kien previst li l-parti ta’ konsum ta’ dawn l-impriżi kellu jitla’ għal 8000 MWh għas-sena 2007. Minn dan jirriżulta li FLH ma toperax sistema ta’ trażmissjoni, għaliex l-elettriku ttrasportat ma kienx ta’ vultaġġ qawwi ħafna u ta’ vultaġġ għoli, iżda topera sistema li tittrasporta l-elettriku għal finijiet ta’ provvista lil klijenti u li tanalizza ruħha f’sistema ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku skond il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54.

    55

    L-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva jħalli f’idejn l-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ aċċess għal terżi għas-sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni. Minn dan jirriżulta li, skond l-Artikolu 249 KE, l-Istati Membri huma kompetenti kemm fir-rigward tal-forma kif ukoll tal-meżżi li għandhom jiġu implementati sabiex iseħħ tali stabbiliment. Fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju tal-aċċess liberu għas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, din il-marġini ta’ manuvra ma tawtorizzahomx madankollu jwarrbu dan l-imsemmi prinċipju ħlief fil-każijiet li fihom id-Direttiva 2003/54 tipprovdi eċċezzjonijiet jew derogi.

    56

    Għaldaqstant huwa biss fil-każ fejn dispożizzjoni bħall-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonjiet jew derogi li din tkun kompatibbli mad-Direttiva 2003/54.

    57

    Fl-ewwel lok, l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2003/54 jipprovdi li operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess għas-sistema tiegħu jekk tkun tonqsu l-kapaċità neċessarja, bil-kundizzjoni li jingħataw raġunijiet sostanzjati għal dan ir-rifjut. Din il-possibbiltà ta’ rifjut tal-aċċess għas-sistema hija evalwata madankollu każ b’każ u ma tawtorizzax lill-Istati Membri jipprevedu derogi b’mod ġenerali mingħajr evalwazzjoni konkreta, għal kull operatur, tal-inkapaċità teknika tas-sistema sabiex tissodisfa t-talba għal aċess ta’ terżi.

    58

    Fit-tieni lok, l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2003/54 jippermetti lill-Istati Membri ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 ta’ din l-aħħar direttiva kemm-il darba l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ xxekkel it-twettiq tal-obbligi imposti fuq l-impriżi tal-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali, u kemm-il darba l-iżvilupp tas-sengħa ma jkunx affettwat b’tali mod li jkun imur kontra l-interessi tal-Komunità.

    59

    Għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 2003/54 isemmi, fil-fatt, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi tal-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali. Mis-sitta u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-kriterji relatati mas-servizz pubbliku għandhom jiġu interpretati fuq il-livell nazzjonali.

    60

    Mill-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2003/54 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrestrinġu d-dritt ta’ aċċess ta’ terzi għas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni sabiex jiġġarantixxu l-provvsita ta’ servizz pubbbliku ta’ elettriku. Madankollu, sabiex jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom, minn naħa, jivverifikaw jekk id-dritt ta’ aċċess illimitat għas-sistemi jistax ixxekkel it-twettiq, mill-operaturi ta’ sistemi, tal-obbligi tagħhom ta’ servizz pubbliku u, min-naħa l-oħra, jivverifikaw jekk dan it-twettiq ma jistax iseħħ b’mezzi oħra li ma jippreġudikawx id-dritt ta’ aċċess għas-sistemi, li huwa wieħed mid-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2003/54.

    61

    Għandu jingħad li d-deroga mill-prinċipju tal-aċċess liberu għas-sistemi ta’ provvista ta’ enerġija li tinstab fl-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG mhijiex iġġustifikata mir-riskju li l-operaturi tas-sistemi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkunu mxekkla milli jwettqu l-obbligi tagħhom ta’ servizz pubbliku minħabba dan l-aċċess liberu. Fil-fatt, din id-deroga hija ġġustifikata biss mill-konfigurazzjoni ġeografika jew ġuridika taż-żona li fiha l-imsemmija sistemi huma mħaddma. Lanqas mhuwa allegat mill-Gvern Ġermaniż li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja adottat l-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG sabiex timplementa l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2003/54.

    62

    Fit-tielet lok, l-Artikolu 26(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri li jistgħu juru li hemm problemi sostanzjali fit-tħaddim ta’ sistemi iżolati u żgħar jistgħu japplikaw għal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54, b’mod partikolari mill-Artikolu 20 tagħha.

    63

    Madankollu, dawn id-derogi jeżiġu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, liema approvazzjoni tieħu l-forma ta’ deċiżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tali derogi ngħataw lir-Repubblika ta’ Ċipru permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2006 (ĠU L 270, p. 72) u lir-Repubblika ta’ Malta permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 332, p. 32). Għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja la talbet u lanqas kisbet mill-Kummissjoni deċiżjoni taħt l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2003/54.

    64

    Minn dan isegwi li dispożizzjoni bħall-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) ma tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ebda waħda mill-eċċezzjonijiet jew derogi mill-prinċipju ta’ aċċess liberu għas-sistemi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku previsti mid-Direttiva 2003/54.

    65

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 għandu jiġi interpretat fis-sens illi dan jipprekludi dispożizzjoni bħall-ewwel punt tal-Paragrafu 110(1) tal-EnWG li teżenta lil ċerti operaturi ta’ sistemi ta’ provvista ta’ enerġija mill-obbligu li jagħtu lit-terżi aċċess liberu għal dawn is-sistemi, minħabba li dawn tal-aħħar huma lokalizzati f’żona ta’ tħaddim ġeografikament konnessa u li prinċipalment iservu biex jipprovdu l-bżonnijiet ta’ enerġija tal-impriża nnifisha u ta’ impriżi konnessi.

    Fuq l-ispejjeż

    66

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE għandu jiġi interpretat fis-sens illi dan jipprekludi dispożizzjoni bħall-ewwel punt tal-paragrafu 110(1) tal-liġi dwar il-provvista ta’ elettriku u ta’ gass, imsejħa “liġi dwar il-ġestjoni razzjonali tal-enerġija” [Gesetz über die Elektrizitäts- und Gasversorgung (Energiewirtschaftsgesetz)], tas-7 ta’ Lulju 2005, li teżenta lil ċerti operaturi ta’ sistemi ta’ provvista ta’ enerġija mill-obbligu li jagħtu lit-terżi aċċess liberu għal dawn is-sistemi, minħabba li dawn tal-aħħar huma lokalizzati f’żona ta’ tħaddim ġeografikament konnessa u li prinċipalment iservu biex jipprovdu l-bżonnijiet ta’ enerġija tal-impriża nnifisha u ta’ impriżi konnessi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq