Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0491

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-8 ta' Mejju 2008.
    Danske Svineproducenter vs Justitsministeriet.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Vestre Landsret - id-Danimarka.
    Direttiva 91/628/KEE - Protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport - Traspożizzjoni - Marġni ta’ diskrezzjoni - Annimali domestiċi ta’ l-ispeċi tal-majjali - Vjaġġi li jeċċedu tul ta’ tmien siegħat - Għoli minimu ta’ kull livell tal- vettura - Densità ta’ tagħbija.
    Kawża C-491/06.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:263

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    8 ta’ Mejju 2008 ( *1 )

    “Direttiva 91/628/KEE — Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport — Traspożizzjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni — Annimali domestiċi tal-ispeċi tal-majjali — Vjaġġi li jeċċedu tul ta’ tmien sigħat — Għoli minimu ta’ kull livell tal-vettura — Densità tat-tagħbija”

    Fil-Kawża C-491/06

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Novembru 2006, fil-proċeduri

    Danske Svineproducenter

    vs

    Justitsministeriet,

    fil-preżenza ta’:

    Den Europæiske Dyre- og Kødhandelsunion (UECBV),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, U. Lõhmus, J. Klučka (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Danske Svineproducenter, minn H. Sønderby Christensen, advokat,

    għal Den Europæiske Dyre- og Kødhandelsunion (UECBV), minn J.-L. Mériaux, assistit minn J. Seeger Perregaard, advokat,

    għall-Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent, assistita minn P. Biering, advokat,

    għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

    għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias u S. Papaioannou, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Kapitoli I, Titolu A, punt 2(b), VI, punt 47, Titolu D, u VII, it-tielet inċiż tal-punt 48(3), tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU L 340, p. 17), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995 (ĠU L 148, p. 52, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/628”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn l-organizzazzjoni professjonali Danske Svineproducenter u l-Justitsministeriet (Ministeru tal-Ġustizzja) fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/628 fid-dritt Daniż.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    Id-Direttiva 91/628

    3

    It-tielet u r-raba’ premessi tad-Direttiva 95/29 huma fformulati kif ġej:

    “Billi xi Stati Membri għandhom regoli dwar ħinijiet ta’ vjaġġ, intervalli ta’ tmigħ u tisqija, perijodi ta’ mistrieħ u spazji permessi; billi dawn ir-regoli huma, f’xi każijiet, estremament dettaljati u jintużaw minn xi Stati Membri biex jirrestrinġu l-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin; billi l-persuni involuti fit-trasport ta’ annimali jeħtieġu kriterji ċari u definiti sabiex ikunu jistgħu joperaw fuq bażi Komunitarja mingħajr ma jidħlu f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet nazzjonali differenti;

    Billi, sabiex jiġi eliminati l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ ta’ l-annimali ħajjin u sabiex l-organizzazzjonijiet tas-suq in kwistjoni ikunu jistgħu joperaw bla xkiel, waqt li jiġi żgurat livell sodisfaċenti ta’ protezzjoni għall-annimali involuti, huwa meħtieġ li fil-kuntest tas-suq intern jiġu modifikati r-regoli tad-Direttiva 91/628/KEE bil-ħsieb li jiġu armonizzati l-ħinijiet ta’ l-ivvjaġġar, il-perijodi ta’ mistrieħ, l-intervalli ta’ tmigħ u tat-tisqija u l-ispazji permessi, għal ċerti tipi ta’ annimali”.

    4

    Permezz tal-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva 91/628 tapplika għall-annimali domestiċi tal-ispeċi tal-majjali.

    5

    L-Artikolu 3(1)(aa) ta’ din id-direttiva jiddisponi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li “l-ispazji permessi (densitajiet tat-tagħbija) għall-annimali ta’ mill-anqas jikkonformaw mal-figuri stabbiliti fil-Kapitolu VI ta’ l-Anness, fir-rigward ta’ l-annimali u l-mezzi ta’ trasport msemmija f’dak il-Kapitolu” u li “[l]-ħinijiet ta’ l-ivjaġġar u l-perijodi ta’ mistrieħ u l-intervalli tat-tmigħ u tat-tisqija għal ċerti tipi ta’ annimali jikkonformaw ma’ dawk stabbiliti fil-Kapitolu VII ta’ l-Anness, għar-rigward ta’ l-annimali li għalihom issir referenza f’dak il-Kapitolu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament […] (KEE) Nru 3820/85 […]”.

    6

    Permezz tal-Artikolu 5(A)(1)(ċ) tad-Direttiva 91/628, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li kull trasportatur juża’ għat-trasport tal-annimali msemmija f’din id-direttiva, mezzi ta’ trasport li jassiguraw konformità mar-rekwiżiti Komunitarji li jirrigwardaw il-benesseri matul it-trasport, u b’mod partikolari r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta’ din id-direttiva u r-rekwiżiti li jridu jiġu stabbiliti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva.

    7

    Il-Kapitolu I tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jinkludi dispożizzjonijiet applikabbli għat-trasport, b’mod partikolari tal-annimali domestiċi tal-ispeċi tal-majjali. It-Titolu A, punt 2(a) sa (ċ), ta’ dan il-kapitolu jiddisponi:

    “a)

    L-annimali għandhom ikunu pprovduti bi spazju biżżejjed biex joqgħodu bil-wieqfa fil-pożizzjoni naturali tagħhom u, fejn meħtieġ, b’diviżjonijiet biex jipproteġu lill-annimali miċ-ċaqlieq matul it-trasport. Sakemm kondizzjonijiet speċjali għall-protezzjoni ta’ l-annimali ma jeħtieġux xort’oħra, għandu jkun ipprovdut spazju biex dawn ikunu jistgħu jimteddu.

    b)

    Il-mezzi tat-trasport u l-kontenituri għandhom ikunu magħmula u mħaddma sabiex jipproteġu lill-annimali kontra temp ħażin u d-differenzi kbar fil-kondizzjonijiet klimatiċi. Il-ventilazzjoni u l-ispazju ta’ l-arja għandhom ikunu bi qbil mal-kondizzjonijiet tat-trasport u addattati għall-ispeċi ta’ l-annimali li jkunu jinġarru.

    Għandu jiġi provdut spazju biżżejjed ġewwa l-kompartament ta’ l-annimali [iktar ’il quddiem il-“kompartiment”] u f’kull wieħed mill-livelli tiegħu sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ventilazzjoni adegwata fuq l-annimali meta jkunu f’pożizzjoni naturali bil-wieqfa mingħajr ma jkun mfixkel il-moviment naturali tagħhom għal ebda raġuni.

    ċ)

    Il-mezzi tat-trasport u l-kontenituri għandhom ikunu jistgħu jitnaddfu malajr, li l-animali ma jistgħux jaħarbu minnhom u għandhom ikunu hekk mibnija u operati li jipprevjenu l-korriment u t-tbatija bla bżonn ta’ l-annimali u li tiġi assigurata s-sigurtà tagħhom matul it-trasport. […] Għandhom jippermettu għall-ispezzjoni u l-kura ta’ l-annimali u għandhom ikunu maħżuna b’dak il-mod li ma jfixkux il-ventilazzjoni […]”

    8

    Il-Kapitolu VI, punt 47, titolu D, tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jipprovdi li, għat-trasport ta’ majjali bil-ferrovija u bit-triq, “[il-]ħnieżer kollha jridu għal inqas ikunu jistgħu jimteddu u jqumu bil-wieqfa fil-posizzjoni naturali tagħhom” u li, “[s]abiex ikun hemm konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti minimi, id-densità tat-tagħbija għall-ħnieżer ta’ madwar 100 kg m’għandhiex teċċedi il-235 kg/m2”. Barra minn dan, “[ir-]razza, id-daqs u l-kondizzjoni fiżika tal-ħnieżer jistgħu jfissru li l-erja tal-wiċċ minima [hekk] meħtieġa […] trid tiżdied; żjieda massima ta’ 20 % tista’ tkun meħtieġa wkoll skond il-kondizzjonijiet meterjoloġiċi u l-ħin tal-vjaġġ”.

    9

    Skont il-punt 48(2) u (3) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628:

    “2.

    Il-ħinijiet tal-vjaġġ għall-annimali li jappartjenu għall-ispeċi li għalihom issir referenza fil-[paragrafu] 1 m’għandhomx jeċċedu t-tmien sigħat.

    3.

    Il-ħin ta’ vjaġġ massimu fil-[paragrafu] 2 jista’ jiġi estiż meta l-vettura tat-trasport tissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin:

    […]

    hemm aċċess dirett għall-annimali,

    ventilazzjoni adegwata hija possibbli u din tista’ tiġi aġġustata skond it-temperatura (ta’ ġewwa u ta’ barra),

    […]”

    10

    Fil-5 ta’ Jannar 2007, id-Direttiva 91/628 ġiet imħassra u ssostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005, L 3, p. 1).

    Ir-Regolament (KE) Nru 411/98

    11

    L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 411/98, tas-16 ta’ Frar 1998, fuq standards ta’ ħarsien tal-annimali addizzjonali applikabbli għall-vetturi tat-toroq użati għat-tagħbija ta’ annimali ħajjin fuq vjaġġi ta’ aktar minn tmien sigħat (ĠU L 52, p. 8), jiddisponi:

    “Meta l-ħin tal-vjaġġ ta’ tmien siegħat stabbilit f’Kapitolu VII(2) ta’ l-Anness għad-Direttiva 91/628/KEE ikun eċċedut, vetturi tat-triq użati għat-trasport ta’ solipedi domestiċi u annimali ta’ speċi ta’ l-ifrat, nagħaġ, mogħoż u qżieqez ġewwa l-Komunità jridu jħarsu l-ħtiġiet addizzjonali stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.”

    12

    Il-punt 3 tal-Anness tar-Regolament Nru 411/98 jipprovdi li:

    “L-Aċċess

    Vetturi użati għat-trasport iridu jkunu mgħammra sabiex f’kull ħin jista’ jkun hemm aċċess dirett għal kull annimal li qed jiġi ttrasportat sabiex jista’ jiġi spezzjonat u jingħata kull kura xierqa, li tinkludi għalf u ilma b’mod partikolari.”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    13

    Id-Direttiva 91/628 ġiet trasposta fid-dritt Daniż permezz tad-Digriet Nru 201 tas-16 ta’ April 1993 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport. Dan id-digriet ġie sussegwentement emendat bid-Digriet Nru 734 tat-13 ta’ Lulju 2005 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 734”, li permezz tiegħu l-Justitsministeriet introduċa leġiżlazzjoni ġdida dwar it-trasport tal-ħnieżer. Skont l-Artikolu 2(1), id-Digriet Nru 734 daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Awwissu 2005, ħlief għad-dispożizzjonijiet dwar id-densità tat-tagħbija li daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Awwissu 2006, skont l-Artikolu 2(2) tal-istess digriet.

    Id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 734 dwar l-għoli tal-kompartimenti

    14

    L-Artikolu 6a tad-Digriet Nru 734 jiddisponi:

    “1.   Matul it-trasport ta’ ħnieżer ta’ iktar minn 40 kg, l-għoli fuq ġewwa bejn kull pont, imkejjel mill-punt l-iktar għoli tal-art sal-punt l-iktar baxx tas-saqaf (bħala eżempju l-parti ta’ taħt ta’ travu trasversali jew ta’ pastaż), għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet minimi li ġejja:

    Ħnieżer

     

    Piż medju fi kg

    Għoli fuq ġewwa matul l-użu ta’ sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika

    Għoli fuq ġewwa matul l-użu ta’ sistema oħra ta’ ventilazzjoni

    40

    74 cm

    89 cm

    50

    77 cm

    92 cm

    70

    84 cm

    99 cm

    90

    90 cm

    105 cm

    100

    92 cm

    107 cm

    110

    95 cm

    110 cm

    130

    99 cm

    114 cm

    150

    103 cm

    118 cm

    170

    106 cm

    121 cm

    190

    109 cm

    124 cm

    210

    111 cm

    126 cm

    230

    112 cm

    127 cm

    […]

    3.   Is-sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika għandha tiggarantixxi biżżejjed ventilazzjoni u mqassma b’mod ugwali, bi kapaċità ta’ ventilazzjoni ta’ għallinqas 61 m2/h għal kull 100 kg ta’ ħanżir. Jekk it-tul totali ta’ trasport tal-ħnieżer ta’ iktar minn 40 kg huwa ta’ iktar minn tmien sigħat, ir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tal-Anness 3(A)(2) għandhom ukoll jiġu sodisfatti sa fejn sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika hija użata.

    4.   F’kull mument, fl-ispazju fejn il-ħnieżer huma magħluqa, u dan f’kull livell, irid ikun hemm spazju biżżejjed sabiex ikun hemm ventilazzjoni tajba fuq il-ħnieżer bilwieqfa f’pożizzjoni normali u l-movimenti naturali tagħhom m’għandhom fl-ebda każ ikunu ostakolati.

    5.   Jekk it-tul ta’ trasport tal-ħnieżer ta’ 40 kg jew iktar huwa ta’ iktar minn tmien sigħat, il-vettura użata għandha tkun mgħammra b’tali mod li, f’kull mument, għoli ta’ ispezzjoni fuq ġewwa ta’ għallinqas 140 cm, imkejjel mill-punt l-iktar għoli tal-art sal-punt l-iktar baxx tas-saqaf (bħala eżempju l-parti ta’ taħt ta’ travu trasversali jew ta’ pastaż), jista’ jiġi stabbilit għal kull livell, bħala eżempju permezz ta’ saqaf li jitla’ u ta’ pontijiet mobbli jew ta’ kostruzzjonijiet simili. Meta jiġi stabbilit l-għoli ta’ spezzjoni fuq ġewwa ta’ 140 cm, l-għoli taħt is-saqaf tal-livelli l-oħra għandu jibqa’ jkun għallinqas dak previst fil-paragrafu 1 matul it-trasport ta’ annimali fuq numru ta’ pontijiet.”

    15

    L-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 734 jinkludi d-dispożizzjonijiet tranżitorji li ġejjin:

    “1.   Fir-rigward ta’ vannijiet, trakkijiet, trejlers, semi-trejlers u oħrajn li l-ewwel reġistrazzjoni tagħhom seħħet sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Awwissu 2005, it-trasportaturi jistgħu, sal-15 ta’ Awwissu 2010, fil-każ ta’ trasport ta’ ħnieżer ta’ piż ta’ 40 kg jew iktar ta’ tul ta’ iktar minn tmien sigħat, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

    Matul it-trasport ta’ ħnieżer ta’ piż ta’ iktar minn 40 kg, l-għoli fuq ġewwa bejn kull pont, imkejjel mill-punt l-iktar għoli tal-art sal-punt l-iktar baxx tas-saqaf (bħala eżempju l-parti ta’ taħt ta’ travu trasversali jew ta’ pastaż), għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet minimi li ġejjin:

    Hnieżer

     

    Piż medju fi kg

    Għoli fuq ġewwa matul l-użu ta’ sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika

    Għoli fuq ġewwa matul l-użu ta’ sistema oħra ta’ ventilazzjoni

    Ħnieżer ta’ iktar minn 40 kg sa 110 kg

    100 cm

    107 cm

    Ħnieżer ta’ iktar minn 110 kg sa 150 kg

    110 cm

    118 cm

    Ħnieżer ta’ iktar minn 150 kg sa 230 kg

    112 cm

    127 cm

    Ħnieżer ta’ iktar minn 230 kg

    > 112 cm

    > 127 cm

    2.   Is-sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika għandha tiggarantixxi biżżejjed ventilazzjoni u titqassam b’mod ugwali, b’kapaċità ta’ ventilazzjoni ta’ għallinqas 61 m3/h għal kull 100 kg ta’ ħanżir.

    3.   F’kull mument, fl-ispazju fejn il-ħnieżer huma magħluqa, u dan f’kull livell, irid ikun hemm spazju biżżejjed sabiex ikun hemm ventilazzjoni tajba fuq il-ħnieżer bilwieqfa f’pożizzjoni normali u l-movimenti naturali tagħhom m’għandhom fl-ebda każ ikunu ostakolati.

    4.   Qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-erja stabbiliti fl-Artikolu 2(2) matul it-trasport ta’ ħnieżer b’għoli fuq ġewwa ta’ 100 cm, l-erja disponibbli għandha tkun ta’ għallinqas 0.42 m2 għal kull 100 kg ta’ ħanżir.”

    Id-dispożizzjoni tad-Digriet Nru 734 dwar id-densità tat-tagħbija

    16

    L-anness I tad-Digriet Nru 734, li jissostitwixxi l-Anness II tad-Digriet Nru 201, tas-16 ta’ April 1993 jipprovdi:

    “D. Majjali

    Trasport bil-ferrovija u trasport bit-triq, inkluż bl-irmonk

    1.

    Trasport ta’ tul ta’ inqas minn tmien siegħat:

    Piż ħaj (fi kg)

    Spazju għal kull annimal (fi m2)

    25

    0,17

    50

    0,26

    75

    0,33

    100

    0,42

    200

    0,70

    250 jew iktar

    0,80

    Ir-razza, id-daqs u l-istat fiżiku tal-ħnieżer jistgħu jfissru li l-erja tal-wiċċ minima meħtieġa iktar ’il fuq trid tiżdied; il-kundizzjonijiet meterjoloġiċi u t-tul tal-vjaġġ jistgħu wkoll irendu neċessarju tali żieda sa 20 %.

    2.

    Trasport ta’ tul ta’ iktar minn tmien siegħat:

    Piż ħaj (fi kg)

    Spazju għal kull annimal (fi m2)

    25

    0,20

    50

    0,31

    75

    0,39

    100

    0,50

    200

    0,84

    250 jew iktar

    0,96”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17

    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li Danske Svineproducenter hija organizzazzjoni professjonali li tiddefendi l-interessi tal-bdiewa li jkabbru l-ħnieżer Daniżi. Hija tirrappreżenta madwar 1700 bidwi, li l-produzzjoni globali tagħhom tirrappreżenta żewġ terzi tal-produzzjoni tal-majjal Daniża.

    18

    Fl-14 ta’ Mejju 2005 Danske Svineproducenter ressqet rikors kontra l-Justitsministeriet quddiem il-Vestre Landsret (Qorti reġjonali tal-Punent), fejn sostniet li l-leġiżlazzjoni li tittrasponi fid-dritt Daniż id-Direttiva 91/628 kif emendata bid-Digriet Nru 734 mhija kompatibbli la mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, la ma’ l-Artikoli 28 KE sa 30 KE u 49 KE, u lanqas mar-Regolament Nru 1/2005. Danske Svineproducenter b’mod partikolari tqis li diversi rekwiżiti previsti mid-Digriet Nru 734, li kien għadu ma ġiex ippromulgat fid-data li fiha tressaq ir-rikors tagħha, huma illegali.

    19

    Billi kienet tqis li s-soluzzjoni għall-kwistjoni tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, il-Vestre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I, Titolu A, punt 2(b), u tat-tielet inċiż tal-[punt] 48(3) tal-Kapitolu VII, tal-Anness tad-Direttiva 91/628 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru mhuwiex awtorizzat jistabbilixxi sistema tranżitorja nazzjonali li tgħid li, meta t-tul ta’ trasport ta’ ħnieżer li jiżnu mimn 40 kg sa 110 kg jeċċedi tmien sigħat, l-ispazju bejn kull livell tal-vettura — imkejjel mill-punt l-iktar għoli tal-art sal-punt l-iktar baxx tas-saqaf — għandu jkun ta’ għallinqas 100 cm fil-każ ta’ użu ta’ sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika?

    2)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I, Titolu A, punt 2(b), u tat-tielet inċiż tal-[punt] 48(3) tal-Kapitolu VII, tal-Anness tad-Direttiva 91/628 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru mhuwiex awtorizzat jistabbilixxi sistema nazzjonali li tgħid li, fil-każ ta’ trasport ta’ ħnieżer ta’ 40 kg jew iktar, jekk it-tul totali tal-vjaġġ huwa ta’ iktar minn tmien sigħat, huwa obbligatorju li jintuża mezz tat-trasport li — bħala eżempju permezz ta’ saqaf ta’ għoli li jista’ jiġi rregolat flimkien ma’ pontijiet mobbli jew kostruzzjonijiet simili — jippermetti li jkun hemm, f’kull mument, punt ta’ spezzjoni fuq kull livell ta’ għoli minimu ta’ 140 cm, imkejjel mill-punt l-iktar għoli tal-art sal-punt l-iktar baxx tas-saqaf, filwaqt li, fil-każ ta’ trasport ta’ annimali fuq diversi livelli, l-għoli minimu ta’ kull wieħed minn dawn għandu jkun ta’ 92 cm [fil-każ] ta’ trasport ta’ ħnieżer ta’ piż medju ta’ 100 kg b’sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika?

    3)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI, punt 47, Titolu D, tal-Anness tad-Direttiva 91/628 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru mhuwiex awtorizzat jistabilixxi sistema nazzjonali li tgħid li, fil-każ ta’ trasport ta’ tul ta’ iktar minn tmien sigħat, l-erja disponibbli għandha tkun ta’ għallinqas 0,50 m2 għal kull 100 kg ta’ ħanżir?”

    Fuq it-talba tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

    20

    B’ittra tas-27 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, billi sostniet li xi ritratti kienu ġew mgħarrfa lill-Qorti tal-Ġustizzja proprju qabel is-seduta mill-Gvern Daniż, fatt li ma kienx ippermettilha tiddefendi l-interessi tagħha fir-rigward ta’ din il-produzzjoni ta’ provi li hija tikkwalifika bħala inekwa, tardiva u tendenzjuża. Barra minn dan, hija invokat li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-annessi mehmuża ma’ l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub lill-persuni l-oħra kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

    21

    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew inkella fuq it-talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li m’għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tkun deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara d-digriet tal-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 18; is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 25, u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Albert Reiss Beteiligungsgesellschaft, C-466/03, Ġabra p. I-5357, punt 29).

    22

    Barra minn dan, l-Artikolu 234 KE jistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċedura mhux kontenzjuża, li teskludi kull inizjattiva tal-partijiet, li matulha dawn għandhom il-possibbiltà jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u jistgħu jkunu mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom matul seduta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Lulju 1971, Rheinmühlen Düsseldorf, 6/71, Ġabra p. 719, punt 1, u s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Slob, C-496/04, Ġabra p. I-8257, punt 34).

    23

    Barra minn dan, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, li huwa bbażat fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica, C-211/03, C-299/03 u C-316/03 sa C-318/03, Ġabra p. I-5141, punt 96, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini Siderurgica, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43). Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, hija biss awtorizzata tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test Komunitarju abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger, 104/77, Ġabra p. 791, punt 4, kif ukoll tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et, C-467/04, Ġabra p. I-9199, punt 41). Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, f’dan il-kuntest, il-fatti li taw lok għall-kawża u li tiddeduċi konklużjonijiet minnhom għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija mitluba tagħti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1982, Pabst & Richarz, 17/81, Ġabra p. 1331, punt 12, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind, C-291/05, Ġabra p. I-10719, punt 18).

    24

    F’dak li jirrigwarda r-ritratti li l-komunikazzjoni tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja qegħda tiġi lmentata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, matul l-laqgħa bejn l-Imħallfin u l-Avukati qabel il-bidu tas-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja informat lil dawn tal-aħħar li dawn ir-ritratti ma kinux ġew mgħoddija lill-Imħallfin u li l-produzzjoni tagħhom fis-seduta ma kinitx ser tkun ammessa.

    25

    F’dak li jirrigwarda l-argument dwar in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti annessi ma’ l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-osservazzjonijiet ġew ikkomunikati, mingħajr dawn id-dokumenti minħabba l-volum tagħhom, lill-persuni l-oħra kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Huwa wkoll paċifiku li dawn tal-aħħar kienu jafu bl-eżistenza ta’ dawn l-annessi, li l-inventarju dettaljat tagħhom jikkostitwixxi l-parti finali ta’ dawn l-osservazzjonijiet, u li konsegwentement kellhom il-possibbilità li jikkonsultawhom fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li jitolbu li dawn jiġu kkomunikati lilhom.

    26

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, mhemmx lok li tiġi milqugħa t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali ppreżentata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    Fuq id-domandi preliminari

    Rimarki preliminari

    27

    Għandu jiġi mfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, id-direttiva torbot lil kull Stat Membru destinatarju f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.

    28

    Skont ġurisprudenza stabbilita, kull Stat Membru destinatarju ta’ direttiva għandu l-obbligu li jadotta, fl-ordni ġuridiku nazzjonali tiegħu, dawk il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassigura l-effett sħiħ tad-direttiva, b’mod konformi ma’ l-għan mixtieq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-336/97, Ġabra p. I-3771, punt 19, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed, C-321/05, Ġabra p. I-5795, punt 41).

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, li l-Qorti tal-Ġustizzja ġa ddeċiediet li l-għan prinċipali mfittex mid-Direttiva 91/628 huwa l-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK, C-37/06 u C-58/06, Ġabra p. I-69, punt 29). Madankollu jibqa’ l-fatt, kif ukoll jirriżulta mit-tieni premessa tad-Direttiva 91/628 u mir-raba’ premessa tad-Direttiva 95/29, li d-Direttiva 91/628 ġiet adottata fil-kuntest tal-politika Komunitarja intiża sabiex jiġu eliminati l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ f’annimali ħajjin u biex ikun permess li l-organizzazzjonijiet tas-suq inkwistjoni jaħdmu bla xkiel.

    30

    Barra minn dan, jirriżulta mir-raba’ premessa tad-Direttiva 95/29 li d-Direttiva 91/628 tfittex li jiġu armonizzati t-tul tal-vjaġġi, l-intervalli ta’ tmigħ u tat-tisqija, il-perijodi ta’ mistrieħ u l-ispazji permessi għal ċerti tipi ta’ annimali. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-Direttiva 91/628 tinkludi ċerti dispożizzjonijiet preċiżi, oħrajn huma ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 1999, Monsees, C-350/97, Ġabra p. I-2921, punt 26).

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/628 għandha tiġi effettwata fir-rispett tal-għanijiet li hija tfittex u l-marġini ta’ diskrezzjoni li minnha jiddisponu l-Istati Membri tiddependi mill-preċiżjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Barra minn dan, l-imsemmija traspożizzjoni għandha ssir fir-rispett strett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju u li ġie kkonfermat diversi drabi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika agrikola komuni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 81, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C-310/04, Ġabra p. I-7285, punt 97), għandu jiġi osservat barra minn hekk mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll mil-leġiżlaturi u l-qrati nazzjonali li japplikaw id-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Viamex Agrar Handel u ZVK, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

    32

    Għalhekk huwa inerenti għall-proċedura ta’ traspożizzjoni li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-għan prinċipali ta’ protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport mingħajr ma jostakolaw it-twettiq ta’ għanijiet oħra mfittxa mid-Direttiva 91/628.

    33

    Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-rimarki li għandu jiġi evalwat jekk miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jassigurawx effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, b’mod konformi ma’ l-għanijiet li din tfittex u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    34

    Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I, Titolu A, punt 2(b), u tat-tielet inċiż tal-punt 48(3) tal-Kapitolu VII, tal-Anness tad-Direttiva 91/628 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jippermettu lil Stat Membru jistabbilixxi:

    sistema tranżitorja nazzjonali li tgħid li, meta t-tul ta’ trasport ta’ ħnieżer li jiżnu mimn 40 kg sa 110 kg jeċċedi t-tmien sigħat, l-ispazju bejn kull livell tal-vettura — imkejjel mill-punt l-iktar għoli tal-art sal-punt l-iktar baxx tas-saqaf — għandu jkun ta’ għallinqas 100 cm fil-każ ta’ użu ta’ sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika;

    sistema nazzjonali li tgħid li, fil-każ ta’ trasport ta’ ħnieżer ta’ 40 kg jew iktar, jekk it-tul totali tal-vjaġġ huwa ta’ iktar minn tmien sigħat, huwa obbligatorju li jintuża mezz tat-trasport li jippermetti li jkun hemm, f’kull mument, punt ta’ spezzjoni fuq kull livell ta’ għoli minimu ta’ 140 cm, filwaqt li, fil-każ ta’ vettura li għandha sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika u numru ta’ livelli, l-għoli minimu ta’ kull wieħed minn dawn għandu jkun ta’ 92 cm fil-każ ta’ trasport ta’ ħnieżer ta’ piż medju ta’ 100 kg. jekk it-tul totali tal-vjaġġ huwa ta’ iktar minn tmien sigħat, huwa obbligatorju li jintuża mezz tat-trasport li — bħala eżempju permezz ta’ saqaf ta’ għoli li jista’ jiġi rregolat flimkien ma’ pontijiet mobbli jew kostruzzjonijiet simili — jippermetti li jkun hemm, f’kull mument, punt ta’ spezzjoni fuq kull livell ta’ għoli minimu ta’ 140 cm, imkejjel mill-punt l-iktar għoli tal-art sal-punt l-iktar baxx tas-saqaf, filwaqt li, fil-każ ta’ trasport ta’ annimali fuq diversi livelli, l-għoli minimu ta’ kull wieħed minn dawn għandu jkun ta’ 92 cm [fil-każ ] ta’ trasport ta’ ħnieżer ta’ piż medju ta’ 100 kg b’sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika?

    35

    Għandu jitqies li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 jimponu fuq l-Istati Membri l-adozzjoni ta’ regoli minimi li jiggarantixxu li l-ħnieżer ikollhom, matul trasport bit-triq, spazju ta’ erja u ta’ għoli kif ukoll ventilazzjoni li jkunu suffiċjenti, rekwiżiti msaħħa fil-każ fejn it-tul tal-vjaġġ jeċċedi tmien sigħat.

    36

    Fil-fatt, l-Artikolu 5A(1)(ċ) tad-Direttiva 91/628 jobbliga lill-Istati Membri jassiguraw li kull trasportatur juża’ għat-trasport tal-annimali msemmija f’din id-direttiva, mezzi ta’ trasport li jassiguraw konformità mar-rekwiżiti Komunitarji li jirrigwardaw il-benesseri matul it-trasport, u b’mod partikolari r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta’ din id-direttiva u r-rekwiżiti li jridu jiġu stabbiliti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva. L-Artikolu 3(1)(aa) tad-Direttiva 91/628 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li b’mod partikolari l-ispazji (densitajiet tat-tagħbija) li minnhom jiddisponu l-annimali jkunu mill-inqas konformi mad-data ċċifrata li tinstab fil-Kapitolu VI ta’ dan l-Anness. L-imsemmi Kapitolu VI, li jistabbilixxi, fil-punt 47, Titolu D tiegħu d-densitajiet tat-tagħbija għall-majjali, jindika li, għat-trasport bit-triq, il-ħnieżer kollha għandhom għallinqas ikunu jistgħu jimteddu u joqgħodu bil-wieqfa fil-pożizzjoni naturali tagħhom. Huwa wkoll ippreċiżat hemmhekk li, sabiex ikunu jistgħu jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti minimi, id-densità tat-tagħbija ta’ ħnieżer ta’ madwar 100 kg fit-trasport m’għandhiex teċċedi l-235 kg/m2. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li r-razza, id-daqs u l-kundizzjoni fiżika tal-ħnieżer jistgħu jfissru li l-erja tal-wiċċ minima meħtieġa trid tiżdied, b’din tista’ tkun meħtieġa li tiżdied sa 20 % skont il-kundizzjonijiet meterjoloġiċi, u t-tul tal-vjaġġ.

    37

    Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 91/628 tillimita ruħha li tipprovdi fil-Kapitolu I, Titolu A, punt 2(b) tal-Anness tagħha, li l-mezzi tat-trasport għandu jkollhom ipprovdut spazju biżżejjed ġewwa l-kompartiment tal-annimali u f’kull wieħed mil-livelli tiegħu sabiex jiġi assigurat li jkun hemm ventilazzjoni adegwata fuq l-annimali meta jkunu f’pożizzjoni naturali bil-wieqfa u mingħajr ma jkun mfixkel il-moviment naturali tagħhom għal ebda raġuni. Fir-rigward tat-tielet inċiż tal-punt 48(3) tal-Kapitolu VII, tal-istess Anness, dan jippermetti t-trasport ta’ annimali meta t-tul tal-vjaġġ huwa ta’ iktar minn tmien sigħat biss bil-kundizzjoni li l-mezz ta’ trasport jissodisfa kundizzjonijiet addizzjonali, b’mod partikolari li jkun hemm aċċess dirett għal dawn.

    38

    Għalhekk, safejn il-leġiżlatur Komunitarju ma ffissax huwa stess, fid-Direttiva 91/628, l-għoli preċiż tal-kompartimenti, l-Istati Membri għandhom jingħataw marġini ta’ diskrezzjoni definita sabiex jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu li jiġi assigurat l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva b’mod konformi ma’ l-għanijiet mfittxija minnha u fir-rispett tad-dritt Komunitarju.

    39

    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub u orali li r-Renju tad-Danimarka xtaq jaqleb, fid-dritt nazzjonali tiegħu, ir-rekwiżiti ferm ġeneriċi previsti mid-Direttiva 91/628 fil-qasam tal-għoli tal-kompartiment f’obbligi preċiżi. Għal dan il-għan, huwa qis opportun li jibbaża ruħu fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-opinjoni fuq il-benesseri tal-annimali matul it-trasport, maħruġ fil-11 ta’ Marzu 2002 mill-Kumitat Xjentifiku tas-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali, li huwa kumitat Komunitarju, minħabba li din l-opinjoni tieħu inkunsiderazzjoni data xjentifika iktar reċenti minn dik użata għall-elaborazzjoni tad-Direttiva 91/628. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jikkostitwixxu għalhekk, skont il-Gvern Daniż, l-aħjar bażi sabiex jiġu ppreċiżati r-regoli ta’ din id-direttiva u tiġi assigurata l-protezzjoni tal-annimali.

    40

    Għandu jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinkludi data ċċifrata f’dak li jirrigwarda l-għoli tal-kompartimenti sabiex it-trasportaturi jkunu jistgħu jirreferu għal regoli iktar preċiżi minn dawk stabbiliti bid-Direttiva 91/628, fil-prinċipju, tidħol, fil-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 249 KE, bil-kundizzjoni madankollu li l-imsemmija leġiżlazzjoni, safejn hija tista’ tqiegħed inkwistjoni t-twettiq tal-għanijiet ta’ eliminazzjoni tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-annimali ħajjin u sabiex l-organizzazzjonijiet tas-suq ikunu jistgħu joperaw bla xkiel li din id-Direttiva tfittex li tilħaq, tibqa’ oġġettivament neċessarja u proporzjonata sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għan prinċipali ta’ protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport imfittex mill-imsemmija direttiva.

    41

    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż li r-Renju tad-Danimarka, permezz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-prijorità lit-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport, meta mqabbel ma’ l-għanijiet l-oħra tad-Direttiva 91/628. Barra minn dan, dan il-Gvern jenfasizza li, billi s-saħħa tal-annimali hija kwistjoni prijoritarja, huwa għażel li jevita sofferenza inutli lill-anninali waqt it-trasport tagħhom, filwaqt illi kkunsidra, sa fejn huwa possibbli, l-interessi ekonomiċi preżenti, b’mod partikolari ta’ dawk tat-trasportaturi u tal-kapaċitajiet tagħhom li jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.

    42

    Barra minn dan, jirriżulta mill-informazzjoni fornuta mill-qorti tar-rinviju li wieħed mill-għanijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni kien li jsiru iktar diffiċli u iktar onerużi l-kundizzjonijiet sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti fil-qasam tat-trasport tal-annimali u, għaldaqstant, li jitnaqqsu indirettament in-numru ta’ annimali ttrasportati fi vjaġġi fit-tul lejn il-biċċeriji. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimplikaw b’mod partikolari t-trasformazzjoni ta’ vetturi normalment użati għat-trasport tal-annimali, li, skont l-estimi tal-Gvern, Daniż, tirrappreżenta, għall-esportaturi, spiża addizzjonali ta’ EUR 10000 sa 20000 għal kull trakk bi trejler.

    43

    F’ċirkustanzi bħal dawn, ma jistax ikun eskluż li l-ispiża addizzjonali li tista’ tinvolvi l-osservanza ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll id-diffikultajiet tekniċi li din tista’ twassal għalihom huma ta’ natura li jostakolaw it-twettiq tal-għanijiet ta’ eliminazzjoni tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-annimali ħajjin u sabiex l-organizzazzjonijiet tas-suq ikunu jistgħu joperaw bla xkiel, u b’hekk jirristrinġu l-moviment liberu tal-merkanzija kemm għall-importazzjoni kif ukoll għall-esportazzjoni.

    44

    Fin-nuqqas, fl-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ data dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna lill-produtturi tal-ħnieżer ta’ Stati Membri oħra li jittrasportaw annimali fit-territorju Daniż, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-leġiżlazzjoni twassalx għal diffikultajiet tekniċi tali li jostakolaw it-twettiq tal-għanijiet ta’ eliminazzjoni tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-annimali ħajjin u sabiex l-organizzazzjonijiet tas-suq ikunu jistgħu joperaw bla xkiel li d-Direttiva 91/628 trid tilħaq u li tevalwa, fid-dawl ta’ dawn l-elementi differenti, jekk, billi adotta l-imsemmija leġiżlazzjoni r-Renju tad-Danimarka eċċediex il-marġini ta’ diskrezzjoni li tagħtih din id-direttiva. B’mod partikolari, din il-qorti għandha tassigura ruħha li din il-leġiżlazzjoni, safejn din tista’ tqiegħed inkwistjoni t-twettiq ta’ dawn iż-żewġ għanijiet, tibqa’ oġġettivament neċessarja u proporzjonata sabiex jiġi assigurat it-twettiq tal-għan prinċipali ta’ protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport imfittex mill-imsemmija direttiva.

    45

    Għal dan il-għan, hija għandha tivverifika, l-ewwel nett, li l-ispiża addizzjonali kif ukoll id-diffikultajiet tekniċi li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jwasslu għalihom mhumiex ta’ natura li jisfavorixxu lill-produtturi tal-ħnieżer tal-Istat Membru li adotthom. Sussegwentement, hija għandha tiżgura ruħha li dawn id- dispożizzjonijiet ma jistgħux jippenalizzaw lill-imsemmija produtturi li jixtiequ jesportaw il-prodotti tagħhom meta mqabbla ma’ l-esportaturi ta’ Stati Membri oħra, li ma kellhomx isofru l-ispiża addizzjonali marbuta mat-trasformazzjonijiet tekniċi tat-trakkijiet bi trejler. Fl-aħħar nett, hija għandha tivverifka li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jisfavorixxux lill-produtturi tal-ħnieżer ta’ Stati Membri oħra li jkunu jixtiequ jittrasportaw annimali lejn id-Danimarka, jew minn ġo dan l-Istat Membru, u li jkunu huma wkoll obbligati jadattaw it-trakkijiet bi trejler sabiex jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni Daniża.

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet hawn fuq imsemmija, hemm lok li r-risposta li għandha tingħata lill-ewwel u t-tieni domandi magħmulha tkun li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinkludi data ċċifrata f’dak li jirrigwarda l-għoli tal-kompartimenti tal-annimali sabiex it-trasportaturi jkunu jistgħu jirreferu għal regoli iktar preċiżi minn dawk stabbiliti mid-Direttiva 91/628, tista’ tidħol fil-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 249 KE, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni, li tirrispetta l-għan ta’ protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport imfittex minn din id-direttiva, ma tostakolax, bi ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, it-twettiq tal-għanijiet ta’ eliminazzjoni tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-annimali ħajjin u sabiex l-organizzazzjonijiet tas-suq ikunu jistgħu joperaw bla xkiel li l-imsemmija direttiva trid tilħaq wkoll. Hija l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tirrispettax dawn il-prinċipji.

    Fuq it-tielet domanda

    47

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Kapitolu VI, punt 47, Titolu D, tal-Anness tad-Direttiva 91/628 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru mhuwiex awtorizzat jistabbilixxi sistema nazzjonali li tgħid li, fil-każ ta’ trasport ta’ tul ta’ iktar minn tmien sigħat, l-erja disponibbli għandha tkun ta’ għallinqas 0.50 m2 għal kull 100 kg ta’ ħanżir.

    48

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, minn naħa, skont l-Artikolu 3(1)(aa) tad-Direttiva 91/628, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispazji (densitajiet tat-tagħbija) li minnhom jiddisponu l-annimali jkunu ta’ mill-inqas konformi mad-data ċċifrata li tinstab fil-Kapitolu VI tal-Anness ta’ din id-direttiva għall-annimali u għall-mezzi ta’ trasport msemmija f’dak il-Kapitolu. Minn naħa l-oħra, il-punt 47, Titolu D, ta’ dan il-Kapitolu jipprovdi li, sabiex ikunu jistgħu jiġu sodsidatti r-rekwiżiti minimi imposti minn din l-istess dispożizzjoni, jiġifieri li l-ħnieżer ikunu jistgħu jimteddu u jqumu bil-wieqfa fil-pożizzjoni naturali tagħhom, id-densità tat-tagħbija ta’ ħnieżer ta’ madwar 100 kg fit-trasport m’għandhiex teċċedi l-235 kg/m2, li huwa ekwivalenti għal 0.42 m2 għal kull ħanżir ta’ 100 kg. Barra minn dan, din l-istess dispożizzjoni tistabbilixxi li r-razza, id-daqs u l-kundizzjoni fiżika tal-ħnieżer jistgħu jfissru li l-erja tal-wiċċ minima hekk meħtieġa trid tiżdied, b’din tista’ tkun meħtieġa li tiżdied sa 20 % skont il-kundizzjonijiet meterjoloġiċi u t-tul tal-vjaġġ.

    49

    Għalhekk, jirriżulta mill-ifformular tal-Kapitolu VI, punt 47, Titolu D, tal-Anness tad-Direttiva 91/628 li l-leġiżlatur Komunitarju espressament iffissa regoli minimi ta’ densità tat-tagħbija għall-ħnieżer ta’ madwar 100 kg u, b’mod partikolari ppermetta lill-Istati Membri jżidu dawn ir-regoli fil-limitu ta’ 20 % skont il-kundizzjonijiet meterjoloġiċi u t-tul tal-vjaġġ.

    50

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali abbażi ta’ liema huwa meħtieġ li, fil-każ tat-trasport ta’ tul ta’ iktar minn tmien sigħat, l-erja disponibbli għal kull annimal tkun ta’ għallinqas 0.50 m2 għall-ħnieżer ta’ 100 kg, hija konformi mar-regoli minimi u massimi pprovduti mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva 91/628 imfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, iż-żieda tal-ispazju minimu impost prevista minn tali dispożizjoni hija ġġustifikata mit-tul tal-vjaġġ u tinsab fil-limitu ta’ 20 % awtorizzat mil-leġiżlatur Komunitarju f’dawn id-dispożizzjonijiet.

    51

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta li għandha tingħata lit-tielet domanda magħmula tkun li l-Kapitolu VI, punt 47, Titolu D, tal-Anness tad-Direttiva 91/628 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa awtorizzat jistabbilixxi sistema nazzjonali li tgħid li, fil-każ ta’ trasport ta’ tul ta’ iktar minn tmien sigħat, l-erja disponibbli għal kull annimal hija ta’ għallinqas 0.50 m2 għall-ħnieżer ta’ 100 kg.

    Fuq l-ispejjeż

    52

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinkludi data ċċifrata f’dak li jirrigwarda l-għoli tal-kompartimenti tal-annimali sabiex it-trasportaturi jkunu jistgħu jirreferu għal regoli iktar preċiżi minn dawk stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995, tista’ tidħol fil-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 249 KE, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni, li tirrispetta l-għan ta’ protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport imfittex minn din id-direttiva, kif emendata, ma tostakolax, bi ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, it-twettiq tal-għanijiet ta’ eliminazzjoni tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-annimali ħajjin u sabiex l-organizzazzjonijiet tas-suq ikunu jistgħu joperaw bla xkiel li l-imsemmija direttiva, kif emendata, trid tilħaq wkoll. Hija l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tirrispettax dawn il-prinċipji.

     

    2)

    Il-Kapitolu VI, punt 47, Titolu D, tal-Anness tad-Direttiva 91/628, kif emendata bid-Direttiva 95/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa awtorizzat jistabbilixxi sistema nazzjonali li tgħid li, fil-każ ta’ trasport ta’ tul ta’ iktar minn tmien sigħat, l-erja disponibbli għal kull annimal hija ta’ għallinqas 0.50 m2 għall-ħnieżer ta’ 100 kg.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

    Fuq