Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CJ0408

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta' April 2008.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Salzgitter AG.
    Appell - Għajnuna mill-Istat - Approvazzjoni tal-Kummissjoni abbażi tat-Trattat KE - Impriża ta’ l-azzar - Artikoli 4(c) FA, 67 FA, u 95 FA - Trattat KEFA - Trattat KE - Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar - Applikazzjoni konkomittanti - Inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna - Notifika obbligatorja ta’ l-għajnuna mogħtija - Nuqqas ta’ notifika lill-Kummissjoni - Nuqqas ipprorogat ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni - Deċiżjoni ta’ restituzzjoni - Prinċipju ta’ ċertezza legali - Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi - Drittijiet tad-difiża - Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża C-408/04 P.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:236

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    22 ta’ April 2008 ( *1 )

    “Appell — Għajnuna mill-Istat — Approvazzjoni tal-Kummissjoni abbażi tat-Trattat KE — Impriża ta’ l-azzar — Artikoli 4(c) KEFA, 67 KEFA, u 95 KEFA — Trattat KEFA — Trattat KE — Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar — Applikazzjoni konkomitanti — Inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna — Notifika obbligatorja ta’ l-għajnuna mogħtija — Nuqqas ta’ notifika lill-Kummissjoni — Nuqqas ta’ reazzjoni ipprorogat mill-Kummissjoni għal tul ta’ żmien — Deċiżjoni ta’ restituzzjoni — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża C-408/04 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-16 ta’ Settembru 2004,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u M. Niejahr, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    appellanta,

    il-partijiet l-oħra fil-proċeduri li huma:

    Salzgitter AG, irrappreżentata minn J. Sedemund u T. Lübbig, Rechtsanwälte,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u W.-D. Plessing kif ukoll minn C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Tizzano u L. Bay Larsen, Presidenti ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, P. Lindh u J.-C. Bonichot (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2007,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (T-308/00, Ġabra p. II-1933, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, li permezz tagħha din annullat parzjalment id-deċiżjoni tagħha 2000/797/KEFA, tat-28 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Salzgitter AG, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija ta’ l-azzar, illum il-ġurnata miġbura flimkien taħt l-isem Salzgitter AG — Stahl und Technologie (SAG) (ĠU L 323, p. 5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ appell inċidentali, Salzgitter AG (iktar ’il quddiem “Salzgitter”) titlob l-annullament parzjali tas-sentenza appellata.

    Il-kuntest ġuridiku u fattwali

    2

    Fil-punti 1 sa 5 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet il-kuntest ġuridiku kif ġej:

    “L-Artikolu 4 KEFA jiddisponi:

    ‘Huma rikonoxxuti bħala inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar u konsegwentement huma aboliti u pprojbiti fil-Komunità, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan it-Trattat

    […]

     

    is-sussidji jew l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew il-piżijiet speċjali imposti minnhom, taħt kwalunkwe forma li jkunu.’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    L-Artikolu 67 KEFA jipprovdi:

    ‘1.   Kull azzjoni ta’ Stat Membru li jista’ jkollha riperkussjoni kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industriji tal-faħam u ta’ l-azzar għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni mill-gvern ikkonċernat.

    2.   Jekk tali azzjoni hija ta’ natura, billi żżid sostanzjalment id-differenzi fl-ispejjeż tal-produzzjoni, b’mod ieħor ħlief bil-bidliet fil-produttività, li tipprovoka skwilibriju serju, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u mal-Kunsill, tista’ tieħu l-miżuri li ġejjin:

    jekk l-azzjoni ta’ dan l-Istat ikollha effetti dannużi fuq l-impriżi tal-faħam u ta’ l-azzar li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ dan l-Istat, il-Kummissjoni tista’ tawtorizzah li jagħtihom għajnuna li l-ammont, il-kundizzjonijiet u t-tul taż-żmien tagħha jkunu stabbiliti bi ftehim magħha. […]

    jekk l-azzjoni ta’ dan l-Istat ikollha effetti dannużi fuq l-impriżi tal-faħam u ta’ l-azzar li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stati Membri oħra, il-Kummissjoni għandha tindirrizzalu rakkomandazzjoni sabiex jirrimedja dawn permezz ta’ miżuri li huwa jqis li huma l-iktar kompatibbli ma’ l-ekwilibriju ekonomiku tiegħu.

    […]’[traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3.

    L-ewwel u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA jipprovdi:

    ‘Fil-każijiet kollha li mhumiex previsti f’dan it-Trattat, li fihom tkun tidher neċessarja deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni sabiex, fil-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar u skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, kif iddefiniti fl-Artikoli 2, 3 u 4, din id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tkun tista’ tittieħed bil-kunsens tal-Kunsill li jiddeċiedi b’mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv.

    L-istess deċiżjoni jew rakkomandazzjoni, meħuda bl-istess mod, għandha tiddetermina eventwalment is-sanzjonijiet applikabbli.’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4.

    Sabiex tissodisfa l-eżiġenzi tar-ristrutturar tas-settur ta’ l-azzar, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-Artikolu 95 KEFA sabiex, mill-bidu tas-snin 80, twaqqaf sistema Komunitarja li tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-industrija ta’ l-azzar f’ċerti każijiet speċifiċi u limitati. Din is-sistema ġiet sussegwentement emendata diversi drabi sabiex ikunu jistgħu jiġu solvuti d-diffikultajiet li kienu jinqalgħu b’mod ċikliku fl-industrija ta’ l-azzar. Id-deċiżjonijiet sussegwentement adottati f’dan ir-rigward huma ġeneralment magħrufa bħala l-‘Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar’.

    5.

    Fit-18 ta’ Diċembru 1996, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni Nru 2496/96/KEFA li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 338, p. 42), li tikkostitwixxi s-Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar [(iktar ’il quddiem is-‘Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar’]. Din id-deċiżjoni kienet applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1997 sat-22 ta’ Lulju 2002.”

    3

    Il-fatti li wasslu għall-kawża sussegwentement ġew imfakkra mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 6 sa 11 tas-sentenza appellata, kif ġej

    “6

    Salzgitter […] hija grupp li topera fis-settur ta’ l-azzar li jinkludi Preussag Stahl AG u impriżi oħra involuti fl-istess settur.

    7

    Fil-Ġermanija, iz-Zonenrandförderungsgesetz (il-liġi Ġermaniża għall-iżvilupp taż-żona tal-fruntiera bejn l-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja u l-ex Repubblika taċ-Ċekoslovakkja, iktar ’il quddiem iz-‘ZRFG’) kienet ġiet adottata fil-5 ta’ Awwissu 1971 u approvata, flimkien ma’ l-emendi li saru wara, [b’ deċiżjoni tal]-Kummssjoni [(iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni tal-1971’)], wara eżami tal-miżuri previsti minnha fid-dawl ta’ l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li wara l-emenda, sar l-Artikolu 87KE) u l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88 KE). L-aħħar emendi taz-ZRFG kienu ġew approvati mill-Kummissjoni bħala għajnuna kompatibbli mat-Trattat KE (ĠU 1993, C 3, p. 3). Iz-ZRFG intemmet definitivament fl-1995.

    8

    Mill-bidu, l-Artikolu 3 taz-ZRFG ippreveda inċentivi fiskali taħt il-forma ta’ deprezzamenti speċjali (‘Sonderabschreibungen’) u ta’ riżervi eżenti mit-taxxa (‘steuerfreie Rücklagen’) għall-investimenti magħmula f’kull stabbiliment ta’ impriża li tinsab fiż-żona tal-fruntiera ma’ l-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja jew ma’ l-ex Repubblika taċ-Ċekoslovakkja […]. Id-deprezzamenti speċjali kienu jikkonsistu fil-possibilità li titniżżel fil-bilanċ tal-kumpannija kwantità ta’ deprezzamenti relatati ma’ l-investimenti ammissibbli ogħla, meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni ġenerali, fl-ewwel sena jew fl-ewwel snin wara l-imsemmija investimenti ta’ l-impriża in kwistjoni. Dan kien ifisser għall-impriża, bażi ta’ taxxa mnaqqsa u għalhekk liqwidità ikbar għall-ewwel sena jew għall-ewwel snin wara l-investimenti, billi tagħtiha vantaġġ ta’ liqwidità. Kien miksub ukoll vantaġġ simili mill-impriża permezz ta’ riżervi eżenti mit-taxxa. Madankollu, id-deprezzamenti speċjali u r-riżervi eżenti ma kinux kumulattivi.

    9

    Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni, wara li osservat fil-kontijiet annwali ta’ Preussag Stahl AG, waħda mill-kumpanniji [ta’ …] Salzgitter […], li din kienet ingħatat diversi għajnuniet bejn l-1986 u l-1995, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 3 taz-ZRFG, infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(5) tas-Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar rigward l-għajnuna mogħtija mill-Ġermanja lil Preussag Stahl AG u lis-sussidjarji l-oħra li joperaw fl-industrija ta’ l-azzar [ta’] Salzgitter […]. Permezz ta’ l-imsemmija deċiżjoni, ippubblikata fl-24 ta’ April 1999 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 113, p. 9), il-Kummissjoni talbet lill-interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-għajnuna in kwistjoni.

    10

    Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Mejju 1999, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-unika terz interessat li intervjena, il-UK Steel Association, li hija bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    11

    Fit-28 ta’ Ġunju 2000, il-Kummissjoni adottat id-[deċiżjoni kkontestata], li tiddikjara li d-deprezzamenti speċjali u r-riżervi eżenti mit-taxxa, previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG li minnhom ibbenefikat [Salzgitter] għal bażi ammissibbli ta’ 484 miljun u 367 miljun DEM rispettivament, kienu ġew meqjusa bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Skond l-Artikolu 2 u 3 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni ordnat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-imsemmija għajnuna mill-benefiċjarji tagħhom u talbitha tindika l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-irkupru tagħha”.

    Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

    4

    B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Settembru 2000 Salzgitter ressqet rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    5

    B’digriet tad-29 ta’ Marzu 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni in sostenn tat-talbiet ta’ Salzgitter.

    6

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-Kummissjoni kienet applikat korrettament l-Artikolu 4(c) KEFA għall-għajnuna mogħtija lil Salzgitter, bl-esklużjoni ta’ l-Artikolu 67 KEFA.

    7

    Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari ppreċiżat, fil-punti 111 sa 115 tas-senstenza appellata, li l-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA jkopru żewġ oqsma distinti, peress illi l-Artikolu 67 KEFA ma jaqax taħt is-suġġett ta’ għajnuna mill-Istat, u li l-inċertezzi marbuta ma’ l-iżviluppi tas-sistema ġuridika ta’ għajnuna mhux speċifika għas-settur tal-faħam u ta’ l-azzar, matul l-addozzjoni suċċessivament ta’ l-ewwel tliet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar ma setgħux ibidlu l-interpretazzjoni tagħha.

    8

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala mhux fondati l-argumenti ta’ Salzgitter dwar l-interpretazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u ta’ l-Artikolu 95 KEFA kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    9

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, titlob ir-restituzzjoni ta’ l-għajnuna mħallsa lil Salzgitter bejn l-1986 u l-1995 u annullat l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-obbligu ta’ rkupru mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ l-għajnuna mill-Istat koperta minn din id-deċiżjoni.

    10

    Sabiex tasal għall-konstatazzjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, qieset li s-sitwazzjoni li rriżultat mill-adozzjoni tat-Tieni u tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar kienet ħolqot sitwazzjoni ġuridika ambigwa dwar il-portata tad-deċiżjoni tal-1971 u dik ta’ l-obbligu ta’ notifika ta’ l-għajnuna mogħtija lil Salzgitter wara l-adozzjoni ta’ l-imsemmi Tielet Kodiċi, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ta’ dan ta’ l-aħħar.

    11

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza wara kkonstatat, fil-punt 179 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet taf bl-għajnuna mħallsa lil Salzgitter skond iz-ZRFG minħabba li Salzgitter bagħtitilha r-rapport ta’ attività tagħha u l-kontijiet anwali tagħha għas-snin 1987/1988.

    12

    Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet, fil-punt 180 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ċarezza, flimkien man-nuqqas ipprorogat ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni, minkejja l-konoxxenza tagħha ta’ l-għajnuna li minnha kienet ibbenefikat Salzgitter, kienet ħolqot, bi ksur għall-obbligu ta’ diliġenza impost fuq din l-istituzzjoni, sitwazzjoni ekwivoka li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tikkjarifika qabel ma setgħet tieħu azzjoni intiża sabiex tordna r-restituzzjoni ta’ l-għajnuna diġà mħallsa. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant qieset, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, titlob ir-restituzzjoni ta’ l-għajnuna mħallsa lil Salzgitter bejn l-1986 u l-1995.

    13

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset inutli li tippronunċja ruħha fuq il-kalkolu ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata.

    It-talbiet tal-partijiet

    14

    Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u tikkundanna lil Salzgitter għall-ispejjeż.

    15

    Salzgitter titlob iċ-ċaħda ta’ l-appell u, permezz ta’ appell inċidentali, l-annullament tas-sentenza appellata, in kwantu din ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha, kif ukoll l-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li jikkwalifika bħala “għajnuna mill-Istat” id-deprezzamenti speċjali u r-riżervi eżenti mit-taxxa li hija bbenefikat minnhom b’applikazzjoni taz-ZRFG. Hija titlob ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    16

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob iċ-ċaħda ta’ l-appell tal-Kummissjoni, l-annullament tas-sentenza apellata, in kwantu din ċaħdet parzjalment ir-rikors ta’ Salzgitter, u l-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq l-appell inċidentali

    17

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell inċidentali mressaq minn Salgitter, ma jkunx hemm lok li tippronunċja ruħha fuq l-appell prinċipali li jkun tilef kull għan. Għaldaqstant jeħtieġ li fl-ewwel lok jiġi eżaminat l-appell inċidentali.

    Fuq l-ewwel aggravju

    18

    Permezz ta’ l-ewwel aggravju tagħha, maqsum fi tliet partijiet, Salzgitter tisħaq ksur ta’ l-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA

    Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju

    — L-argumenti tal-partijiet

    19

    Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju, Salzgitter tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet suġġettat korettement l-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata għall-Artikolu 4(c) KEFA u mhux għall-Artikolu 67 KEFA (sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1960, Compagnie des hauts fourneaux et fonderies de Givors et vs L-Awtorità Għolja, 27/58 sa 29/58, Ġabra p. 501, 523; tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 1, 47, u tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C-390/98, Ġabra p. I-6117, punt 88).

    20

    Skond Salzgitter, ma jirriżultax mis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza (6/69 u 11/69, Ġabra p. 523), li l-għajnuna mhux speċifika għas-settur tal-faħam u ta’ l-azzar kienet diġà ġiet ipprojbita mill-Artikolu 4(c) KEFA qabel l-adozzjoni ta’ l-Ewwel Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar.

    21

    Il-Gvern Ġermaniż jiżviluppa argumenti analogi għal dawk ta’ Salzgitter.

    22

    Huwa jsostni wkoll li t-Trattat KEFA ħoloq biss integrazzjoni parzjali limitata għas-settur tal-faħam u ta’ l-azzar.

    23

    Huwa jenfasizza li, b’kunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” fl-Artikolu 87 KE, mogħtija wkoll fir-rigward tal-kunċett ta’ “għajnuna” fl-Artikolu 4(c) KEFA (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C-200/07, Ġabra p. I-7907), l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(c) KEFA għal għajnuna bħal dik koperta mid-deċiżjoni kkontestata jkollha bħala effett li tneħħi kull effett utli ta’ l-Artikolu 67 KEFA.

    24

    In-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(c) għall-għajnuna li mhijiex esklużivament mogħtija lil impiżi ta’ l-azzar ma ddgħejjifx il-kontroll mill-Kummissjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat peress illi l-Artikoli 87 KE, 88 KE u 67 KEFA japplikaw fir-rigward tagħha. Projbizzjoni ta’ din l-għajnuna tirristinġi b’mod illegali, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(3)(a) sa (e) KE.

    25

    L-istess Gvern isostni li l-kliem “taħt kwalunkwe forma li jkunu” użat fl-Artikolu 4(c) KEFA huwa intiż biss sabiex jiddistingwi l-kunċett stess ta’ għajnuna mill-Istat mill-modalitajiet ta’ għoti ta’ għajnuna u ma jippermettix li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tiġi estiża għal għajnuna bħal dik koperta mid-deċiżjoni kkontestata.

    26

    Huwa jikkunsidra li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, tistabbilixxi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 67 KEFA għall-għajnuna mhux speċifika lis-settur tal-faħam u ta’ l-azzar u li dan ġie kkonfermat mis-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1971, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (59/70, Ġabra p. 639), u Banks, iċċitata iktar ’il fuq.

    27

    Huwa jqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssodisfat l-obbligi ta’ notifika tagħha billi nnotifikat iz-ZRFG lill-Kummissjoni skond l-Artikoli 87 KE u 88 KE u jenfasizza li dan l-Istat Membru ma kienx suġġett għal obbligu ta’ informazzjoni skond l-Artikolu 67(1) KEFA in kwantu iz-ZRFG ma kinitx suxxettibbli li jkollha riperkussjoni kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industriji tal-faħam jew ta’ l-azzar skond din l-aħħar dispożizzjoni.

    28

    Il-Kummissjoni, minn naħa tagħha, ssostni li l-ġurisprudenza invokata minn Salzgitter tipprovdi, fir-realtà, li l-Artikolu 67 KEFA mhuwiex applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, iżda biss għall-miżuri ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jadottaw fil-kuntest tal-politika ekonomika u soċjali tagħhom jew għall-miżuri settorjali li ma jikkonċernawx speċifikament lill-industriji ta’ l-azzar jew tal-faħam. Skont hi, l-Artikolu 4(c) KEFA japplika min-naħa l-oħra għall-għajnuna anki meta dawn ikunu ta’ natura ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-setnenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq).

    29

    Il-Kummissjoni tqis li l-Gvern Ġermaniż adotta interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza għaliex huwa jonqos milli jiddistingwi bejn il-miżuri ġenerali u l-iskemi ta’ għajnuna globalment applikabbli u li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma rreferiet, fis-sentenzi li huwa jinvoka, għal skemi ta’ għajnuna ġenerali.

    30

    Hija tenfasizza li, f’kull każ, anki jekk l-Artikolu 67 KEFA kien applikabbli f’dan il-każ, hija ma kinitx ġiet infurmata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-Artikolu 67(1) KEFA bl-intenzjoni tagħha li tapplika z-ZRFG għall-impriżi tas-settur ta’ l-azzar u li dan l-Istat Membru ma setax jibbaża ruħu fuq awtorizzazzjoni, anki impliċita, fir-rigward ta’ l-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ din id-dispożizzojni.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31

    Qabel kollox hemm lok li jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Artikolu 4(c) KEFA jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat lill-impriżi ta’ l-azzar u tal-faħam, mingħajr ma jiddistingwi skond jekk hijiex għajnuna individwali jew għajnuna mħallsa b’applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 67 KEFA jirreferi espressament għall-għajnuna mill-Istat biss fir-rigward ta’ miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni, skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 67(2), favur impriżi ta’ l-azzar u tal-faħam, meta dawn ta’ l-aħħar isofru żvantaġġi kompetittivi minħabba miżuri ta’ politika ekonomika ġenerali.

    32

    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-Artikoli 4 KEFA u 67 KEFA jkopru żewġ oqsma distinti, l-ewwel jabolixxi u jipprojbixxi ċerti interventi ta’ l-Istati Membri fil-qasam li t-Trattat KEFA jissuġġetta għall-ġurisdizzjoni Komunitarja, it-tieni intiż sabiex jipprevjeni d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonservati mill-Istati Membri inevitabilment jinvolvi (ara, is-sentenza Banks, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi li l-Artikolu 67 KEFA jkopri l-miżuri ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jadottaw fil-kuntest tal-politika ekonomika u soċjali tagħhom u l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u applikabbli għal setturi oħra għajr l-industriji tal-faħam u ta’ l-azzar, iżda li jistgħu jkollhom riperkussjoni kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-imsemmija industriji (sentenza Banks, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

    33

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-interventi imsemmija fl-Artikolu 67 KEFA ma jistgħux ikunu dawk li l-Artikolu 4 KEFA jiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar, aboliti u pprojbiti taħt kwalunkwe forma li jkunu (sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, paġna 44). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partiklari li fil-fatt ma jistax ikun aċċettat li l-awturi tat-Trattat KEFA ddeċidew fl-Artikolu 4(c) KEFA li s-sussidji jew l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri taħt kwalunkwe forma kienu aboliti u pprojbiti, sabiex jiddikjaraw wara fl-Artikolu 67 KEFA li, anki mingħajr ma kienet awtorizzata mill-Kummissjoni, din l-għajnuna setgħet tkun aċċettata, suġġetta għall-miżuri rakomandati minnha sabiex tnaqqas jew tirrimedja l-konsegwenzi (sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, paġna 43).

    34

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 67(2) KEFA, li jippermetti, b’deroga mill-Artikolu 4 KEFA, l-għoti ta’ għajnuna fir-rigward ta’ miżuri ta’ protezzjoni lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 80 KEFA, ma jiddistingwix bejn l-għajnuna speċifika għas-settur tal-faħam u ta’ l-azzar u dik li tapplika għal dan bħala r-riżultat ta’ miżura ġenerali (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rata preferenzjali ta’ skont mill-ġdid għall-esportazzjoni tikkostitwixxi għajnuna li kellha, f’dan il-każ, tkun awtorizzata mill-Kummissjoni b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 67(2) KEFA, in kwantu din kienet tikkonċerna s-settur kopert mit-Trattat KEFA (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

    35

    Fl-aħħar nett, għajnuna mill-Istat mogħtija lil impriża li taqa’ taħt it-Trattat KEFA tinvolvi effetti anti-kompetittivi identiċi irrispettivament minn jekk din hijiex għajnuna individwali jew għajnuna mogħtija b’applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mhux speċifika għas-settur tal-faħam u ta’ l-azzar.

    36

    Fir-rigward tal-preċiżazzjonijiet li jippreċedu, għandu, għaldaqstant, jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 4(c) KEFA japplika għall-għajnuna mill-Istat imħallsa lil impriżi ta’ l-azzar u tal-faħam b’applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat li mhijiex speċifika għas-settur tal-faħam u ta’ l-azzar.

    37

    Kuntrarjament għal dak li huwa allegat mill-Gvern Ġermaniż, din l-interpretazzjoni ma tippreġudikax l-effett utli ta’ l-Artikolu 67 KEFA. Fil-fatt, miżuri ta’ politika ġenerali jistgħu jkollhom riperkussjoni kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industriji tal-faħam jew ta’ l-azzar fis-sens ta’ l-Artikolu 67(1) KEFA, mingħajr madankollu ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

    38

    F’dan il-każ, huwa kostanti li Salzgitter hija impriża li taqa’ taħt it-Trattat KEFA u li l-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix miżuri ta’ protezzjoni li jaqgħu taħt l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 67(2) KEFA.

    39

    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat korrettament li l-Artikolu 4(c) KEFA, u mhux l-Artikolu 67 KEFA, kien japplika għall-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata.

    40

    Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju ma tistax tirnexxi u għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel aggravju

    — L-argumenti tal-partijiet

    41

    Peremezz tat-tieni parti ta’ l-ewwel aggravju, Salzgitter tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet issuġġettat korrettament l-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata għall-Artikolu 4(c) KEFA u mhux għall-Artikolu 67 KEFA, in kwantu l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex testendi, fil-kuntest ta’ Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(c) KEFA.

    42

    Salzgitter tikkunsidra li l-Artikolu 95(1) u (2) KEFA ma jipprovdix bażi ġuridika suffiċjenti għal tali emenda tat-Trattat KEFA u li kien imissha ġiet osservata l-proċedura intiża fl-Artikolu 96 KEFA, fil-verżjoni preċedenti tiegħu, jew, għall-inqas il-proċedura ta’ “reviżjoni żgħira tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] prevista fl-Artikolu 95(3) u (4) KEFA (opinjoni 1/59, tas-17 ta’ Diċembru 1959, Ġabra p. 533).

    43

    Il-Kummissjoni ssostni li ma kienet saret ebda reviżjoni tat-Trattat KEFA, u li l-kliem ta’ l-Artikolu 4(c) KEFA baqa’ l-istess mit-23 ta’ Lulju 1952.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    44

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tieni parti tiegħu mhijiex fondata, għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-kuntest ta’ l-imsemmija l-ewwel parti, u li għaldaqstant din għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju

    — L-argumenti tal-partijiet

    45

    Permezz tat-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju, Salzgitter issostni li, fil-punti 112 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreżentat il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni b’mod żbaljat. Hija tqis li huwa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEFA, u mhux mill-bidu tas-snin 70, li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 4(c) KEFA kien japplika biss għall-għajnuna speċifika għas-settur tal-faħam u ta’ l-azzar (ara, f’dan is-sens, ir-rapport ippubblikat mill-Awtorità l-Għolja tal-KEFA fl-1963, intitolat “It-Trattat KEFA mill-1952 sa l-1962”). Hija tisħaq ukoll l-eżistenza ta’ prassi diverġenti tal-Kummissjoni, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA fir-rigward ta’ l-għajnuna mħallsa lill-impriżi tal-faħam meta mqabbla ma’ dik imħallsa lill-impriżi ta’ l-azzar.

    46

    Il-Kummissjoni tqis li l-fatt li hija ddefendiet perspettiva differenti, qabel l-adozzjoni tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, huwa rrilevanti għall-għajnuna mgħotija lil Salzgitter, għaliex din il-perspettiva ma tniżżlet f’ebda att individwali li jista’ jsir definittiv indirizzat lil din l-impriża qabel l-1 ta’ Jannar 1986, data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi Tielet Kodiċi.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    47

    Għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-għajnuna mogħtija lill-impriżi suġġetti għat-Trattat KEFA ma jistax ikollha effett fuq l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tagħti ta’ l-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA.

    48

    Minn dan jirriżulta li t-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala bla effett.

    49

    Għaldaqstant, l-ewwel aggravju ta’ l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq it-tieni aggravju

    — L-argumenti tal-partijiet

    50

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Salzgitter issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret ir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 5 KEFA u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 15 KEFA billi ċaħdet il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    51

    Salzgitter tqis, fil-fatt, li l-Kummissjoni naqset milli tispjega l-iżvilupp tal-kunċett ġuridiku tagħha fir-rigward tal-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ l-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom l-evalwazzjoni tagħha kienet titbiegħed, f’dan il-każ, mill-prassi deċiżjonali tagħha fis-settur tal-faħam jew f’kawżi simili.

    52

    Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li l-evoluzzjoni tal-kunċett ġuridiku tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 4(c) KEFA kien jimplika motivazzjoni iktar dettaljata tad-deċiżjoni kkontestat.

    53

    Il-Kummissjoni ssostni li l-prassi tagħha inbidlet mit-tħejija tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar u li dan huwa biżżejjed immotivat fuq dan il-punt. Hija tirreferi, b’mod partikolari għat-tielet u għar-raba’ paragrafu tal-punt I ta’ dan it-Tielet Kodiċi. Hija tiċħad l-eżistenza ta’ obbligu ta’ motivazzjoni partikolari, billi tqis li l-obbligu tagħha ta’ informazzjoni f’dan il-qasam huwa ddettat biss mill-Artikoli 95(1) KEFA u 15(3) KEFA.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    54

    Salzgitter issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx fondat u kellu jiġi miċħud.

    55

    Din hija kwistjoni ta’ dritt suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983).

    56

    Skond ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 253 KE u li tista’ tiġi trasposta għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15 KEFA, il-motivazzjoni ta’ att b’effetti negattivi għandha tkun adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam in kwistjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-501/00, Ġabra p. I-6717, punt 73 u ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Fil-punt 184 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-istħarriġ ġudizzjarju li kienet eżerċitat fil-kuntest ta’ l-ewwel tliet motivi invokati minn Salzgitter juri, biżżejjed, li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien ġie osservat mid-deċiżjoni kkontestata.

    58

    Id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża, fil-fatt, b’mod ċar u inekwivoku, fil-punt 66 tagħha, l-analiżi li biha l-Kummissjoni tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(c) KEFA għall-għajnuna in kwistjoni. Fil-punti 67 sa 76 u 126 sa 133 ta’ din id-deċiżjoni l-Kummissjoni tesponi, barra minn hekk, fid-detall, ir-regoli speċifiċi previsti mill-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar fis-seħħ mill-1986.

    59

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi billi qieset li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirrispetta l-obbligu ta’ motivazzjoni.

    60

    Għaldaqstant, it-tieni aggravju ta’ l-appell inċidentali bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

    61

    Għaldaqstant, hemm lok li l-appell inċidentali jiġi miċħud.

    Fuq l-appell prinċipali

    62

    Permezz ta’ l-ewwel aggravju, maqsum f’sitt partijiet, il-Kummissjoni tisħaq il-ksur ta’ l-Artikolu 4(c) KEFA kif ukoll tat-Tielet, tar-Raba’ u tas-Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, hija tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

    Fuq it-tieni aggravju

    — L-argumenti tal-partijiet

    63

    Permezz tat-tieni aggravju tagħa, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok peress illi jqiegħed in kwistjoni r-regolarità tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni sostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża billi qieset li l-adozzjoni, suċċessivament, ta’ l-ewwel tlett kodiċi ta’ għajnuna għall-industrija ta’ l-azzar kienet ħolqot sitwazzjoni ġuridika ambigwa mingħajr ma tqegħdha f’pożizzjoni tippreżenta l-argumenti tagħha fuq dan il-punt.

    64

    Hija tenfasizza li l-domanda li kienu sarulha mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’ittra tat-28 ta’ Lulju 2003 ma jissuġġerux li hija setgħat tiġi akkużata b’tali nuqqas ta’ ċarezza ġuridika.

    65

    Salzgitter issostni li n-nuqqas ta’ ċarezza ġuridika minħabba l-adozzjoni, suċċessivament, ta’ l-ewwel tlett kodiċi ta’ għajnuna għall-industrija ta’ l-azzar kien imsemmi fil-punt 114 tat-talba tagħha u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha l-okkazzjoni tippreżenta l-argumenti tagħha fuq dan il-punt.

    66

    Hija ssostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx ir-regola ta’ l-audi alteram partem peress illi hija bbażat ruħha fuq il-fatti kif ippreżentati minn Salzgitter fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li kienu intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 27).

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    67

    F’din il-kawża, jirriżulta mill-proċess, u b’mod partikolari mir-risposti għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Lulju 2003, li l-Kummissjoni kellha l-okkazzjoni tippreċiża l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-għajnuna mħallsa lill-impriżi ta’ l-azzar bis-saħħa ta’ skema ġenerali matul l-adozzjoni, suċċessivament, ta’ l-ewwel tlett kodiċi ta’ għajnuna għall-industrija ta’ l-azzar u li tippronunċja ruħha fuq il-portata ġuridika, fil-kuntest tat-Trattat KEFA, ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni adottata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 88 KE. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, f’dan il-kuntest, li l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija jipprovdi obbligu ta’ notifika ta’ għajnuna mħallsa lil Salzgitter bis-saħħa taz-ZRFG.

    68

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx qegħditha f’pożizzjoni li tiddiskuti din il-kwistjoni għandha tiġi miċħuda.

    69

    Hemm lok, għaldaqstant, li t-tieni aggravju tal-Kummissjoni jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq l-ewwel aggravju

    70

    Permezz ta’ l-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minn żewġ aspetti. Hija ssostni, fl-ewwel lok, li r-regoli applikabbli għall-għajnuna in kwistjoni kienu perfettament ċari u, fit-tieni lok, li hija ma kinitx irreaġixxiet b’mod tardiv fir-rigward ta’ din l-għajnuna. Skond hija, minn dan jirriżulta li l-analiżi globali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tannulla l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tordna l-irkupru ta’ l-imsemmija għajnuna hija żbaljata fil-liġi.

    71

    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ammettiet li l-benefiċjarju ta’ għajnuna jista’ jibbaża ruħu fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    F’dak li jikkonċerna ċ-ċarezza tas-sistema ġuridika applikabbli għall-għajnuna in kwistjoni

    — L-argumenti tal-partijiet

    72

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettaq żball ta’ liġi billi qieset li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta mill-applikazzjoni konkomittanti tat-Trattat KEFA, tat-Trattat KE u tad-differenti kodiċi ta’ għajnuna għall-industrija ta’ l-azzar kienet inċerta u ekwivoka.

    73

    Il-Kummissjoni tikkontesta, qabel kollox, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li biha l-adozzjoni tat-Tieni u tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar wasslet għal irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għaz-ZRFG mogħtija bid-deċiżjoni tal-1971.

    74

    Il-Kummissjoni ssostni li l-awtorizzazzjoni li tinstab f’din id-deċiżjoni, adottata abbażi tat-Trattat KEE, ma setax ikollha effetti fil-kuntest tat-Trattat KEFA u li l-għajnuna lill-impriżi ta’ l-azzar prevista miz-ZRFG kienet ipprojbita qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-Ewwel Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 sa 44). Hija tqis li huwa biss bis-saħħa ta’ dan il-kodiċi li l-awtorizzazzjoni mogħtija bid-deċiżjoni tal-1971 u dawk li segwew kienu ġew iddikjarati applikabbli għall-impriżi ta’ l-azzar u li din l-awtorizzazzjoni ġenerali, temporanja, skadiet fil-31 ta’ Diċembru 1981, data li fiha dan l-imsemmi kodiċi ma baqax fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punti 115 u 116).

    75

    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 67 KEFA mhuwiex applikabbli għall-għajnuna mill-Istat u li l-Artikolu 4(c) KEFA jipprojbixxi l-għajnuna “taħt kwalunkwe forma li [t]kun”. Hija tikkunsidra wkoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma informatiex bl-għajnuna mħallsa lil Salzgitter u li dan l-Istat Membru ma jistax, għaldaqstant, jippretendi li hija awtorizzatha abbażi ta’ l-Artikolu 67 KEFA.

    76

    Il-Kummissjoni tikkontesta, sussegwentement, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li l-adozzjoni tat-Tieni u tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar ħolqot ambigwita supplimentari minħabba l-inċertezza fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-imsemmi tielet kodici, li jipprevedi l-obbligu ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat, għall-għajnuna mħallsa lil impriżi tas-settur ta’ l-azzar bis-saħħa taz-ZRFG, peress illi din l-iskema ta’ għajnuna diġà kienet is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni fil-kuntest tat-Trattat KE.

    77

    Hija tikkunsidra li l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar jipprovdi b’mod ċar l-obbligu ta’ notifika ta’ skemi ta’ għajnuna diġà awtorizzati mill-Kummissjoni taħt it-Trattat KE għall-applikazzjoni tagħhom għall-impriżi ta’ l-azzar u li d-distinzjoni bejn l-għajnuna l-ġdida u l-għajnuna eżistenti mhijiex rilevanti fil-kuntest tat-Trattat KEFA, li jipprevedi l-abolizzjoni immedjata u mingħajr eċċezzjoni ta’ l-għajuna mill-Istat kollha.

    78

    Salzgitter tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi u li l-Kummissjoni kien imissha, fit-Tieni u fit-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, jew f’kull komunikazzjoni oħra, ħabbret il-modifika ta’ l-interpretazzjoni tagħha ta’ l-Artikolu 4(c) KEFA (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Kvaerner Warnow Werft, C-181/02 P, Ġabra p. I-5703, punt 41). B’mod partikolari hija ssostni li l-awtorizzazzjonijiet numerużi taz-ZRFG mill-Kummissjoni, abbażi tat-Trattat KE, nisslu aspettattiva leġittima fil-legalità ta’ din il-leġiżlazzjoni.

    79

    Salzgitter tqis li l-Artikolu 4(c) KEFA mhuwiex applikabbli għall-miżuri ġenerali ta’ l-Istati Membri dwar is-setturi kollha ta’ l-ekonomija bħaz-ZRFG, fatt li l-Kummissjoni kienet ikkonfermat fl-ewwel premessa ta’ l-Ewwel u tat-Tieni Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar. Hija tqis li l-Kummissjoni pproċediet għal applikazzjoni retroattiva ta’ l-Artikolu 4(c) KEFA kuntrarja għad-dritt Komunitarju tali li tikkontradixxi d-deċiżjonijiet tagħha ta’ investiment fiż-żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119) u li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fis-settur tal-faħam, li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 67 KEFA għal għajnuna mhux speċifika għall-imsemmi settur, tikkonferma din l-analiżi.

    80

    Sazgitter issostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar ma kienx jippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni tar-regoli fiskali previsti miz-ZRFG għall-impriżi ta’ l-azzar kellhiex għaldaqstant tkun is-suġġett ta’ notifika taħt it-Trattat KEFA minkejja l-awtorizzazzjoni preċedentement mogħtija mill-Kummissjoni in kwantu skema ta’ għajnuna fil-kuntest tat-Trattat KE.

    81

    Salzgitter tenfasizza li l-applikazzjoni taz-ZRFG għall-impriżi ta’ l-azzar ma kinitx, f’kull każ, tikkostitwixxi “proġett” ta’ natura “li jistitwixxi jew jemenda għajnuna” fis-sens ta’ dan l-Artikolu, peress illi l-għajnuna lir-reġjuni mal-fruntiera prevista miz-ZRFG kienet mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-azzar.

    82

    Salzgitter tenfasizza wkoll li l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar ma kienx japplika għall-għajnuna mogħtija meta z-ZRFG kienet fis-seħħ, peress illi din l-għajnuna, mogħtija b’applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata, kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-47/91, Ġabra p. I-4635).

    83

    Salzgitter tikkunsidra li, billi nnotifikat iz-ZRFG lill-Kummissjoni fl-1971 fil-kuntest tat-Trattat KEE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet f’kull każ għarrfet lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 67 KEFA u li, permezz ta’ l-awtorizzazzjoni tal-miżuri fiskali nnotifikati taħt it-Trattat KE, il-Kummissjoni kienet impliċitament iddikjarat li l-miżura in kwistjoni ma kellha ebda “riperkussjoni kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni” fl-industriji tal-faħam u ta’ l-azzar fis-sens ta’ l-Artikolu 67(1) KEFA.

    84

    Il-Gvern Ġermaniż iressaq, essenzjalment, l-istess argumenti bħal Salzgitter.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    85

    Qabel kollox, hemm lok li jiġi mfakkar li, kif deċiż fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi billi qieset li l-għajnuna koperta mid-deċiżjoni kkontestata kienet taqa’ taħt il-projizzjoni prevista fl-Artikolu 4(c) KEFA.

    86

    Għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tibbaża ruħha fuq awtrorizzazzjoni impliċita allegata tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din l-għajnuna fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 67 KEFA.

    87

    F’dak li jikkonċerna r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni rtirat parzjalment, mit-Tieni u Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, id-deċiżjoni tal-1971 li ma topponix għall-applikazzjoni taz-ZRFG, li wassal għal inċertezza dwar is-sistema ġuridika tagħha, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 305(1) KE jipprovdi li “[i]d-disposizzjonijiet ta’ [dan it-] Trattat [KE] m’għandhomx jolqtu l-dawk tat-Trattat [KEFA], b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri, is-setgħat ta’ l-istituzzjonijiet ta’ dik il-Komunità u r-regoli stipulati minn dak it-Trattat għall-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar”.

    88

    Minn dan jirriżulta li t-Trattati KE u KEFA huma awtonomi u li t-Trattat KE kif ukoll id-dritt sekondarju stabbilit abbażi tiegħu ma jistax jipproduċi effetti fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 1982, Franza et vs Il-Kummissjoni, 188/80 sa 190/80, Ġabra p. 2545, punt 31). Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE japplikaw biss b’mod sussidjarju, fin-nuqqas ta’ regola speċifika fit-Trattat KEFA (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1987, Deutsche Babcock, 328/85, Ġabra p. 5119, punti 6 sa 14).

    89

    Għaldaqstant, billi pprojbixxiet, fl-Artikolu 1 tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, kemm l-għajnuna speċifika għas-settur ta’ l-azzar kif ukoll l-għajnuna mhux speċifika għall-imsemmi settur, il-Kummissjoni ma setgħetx tipproċedi għal irtirar impliċitu tad-deċiżjoni tal-1971.

    90

    F’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-adozzjoni tat-Tieni u tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar wasslet għal ambigwita minħabba l-inċertezza dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-applikazzjoni ulterjuri taz-ZRFG kellhiex tiġi nnotifikata bħala “proġett” fis-sens ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-imsemmi tielet kodiċi, għandu, qabel kollox, jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu jipprevedi espressament l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi infurmata bil-proġetti intiżi sabiex japplikaw għas-settur ta’ l-azzar skemi ta’ għajnuna li fir-rigward tagħhom hija diġà ddeċidiet abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

    91

    Barra minn hekk, bid-differenza tat-Trattat KE, it-Trattat KEFA ma jagħmel ebda distinzjoni bejn għajnuna ġdida u għajnuna eżistenti, peress illi l-Artikolu 4(c) KEFA jipprojbixxi purament u sempliċiment l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri “taħt kwalunkwe forma li [t]kun”.

    92

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni tista’ tkun evalwata, fil-kuntest tal-kodiċi ta’ għajnuna għall-industrija ta’ l-azzar, biss fir-rigward tar-regoli fis-seħħ fid-data li fiha hija effettivament imħallsa (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 117).

    93

    Minn dan jirriżulta, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar kien jipprevedi b’mod ċar u inekwivoka l-obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni ta’ l-għajnuna li tista’ tkun mogħtija lil Salzgitter b’applikazzjoni taz-ZRFG mad-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi kodiċi.

    94

    Għaldaqstant, billi ddeċidiet, minn naħa, li l-adozzjoni tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar kienet wasslet għal irtirar parzjali impliċitu ta’ l-awtorizzazzjoni taz-ZRFG li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-1971 u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 6 ta’ dan il-kodiċi ma kienx jippermetti li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk l-applikazzjoni taz-ZRFG sussegwentement għall-adozzjoni ta’ l-imsemmi kodiċi kinitx taqa’ taħt l-obbligu ta’ notifika ta’ “proġetti” previst minn dan l-Artikolu, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ liġi.

    — Dwar ir-reazzjoni tardiva tal-Kummissjoni

    — L-argumenti tal-partijiet

    95

    Il-Kummissjoni tikkontesta li hija kienet taf bl-applikazzjoni taz-ZRFG għall-Salzgitter qabel il-bidu tas-sena 1998 u li, għaldaqstant, hija kienet irreaġixxiet tard.

    96

    Il-Kummissjoni ssostni li l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jistgħu jkollhom aspettattiva leġittima fir-regolarità ta’ din ta’ l-aħħar biss jekk din kienet ġiet innotifiakta, b’operatur ekonomiku diliġenti normalment f’pożizzjoni li jassigura li din il-proċedura kienet ġiet irrispettata (sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland, C-24/95, Ġabra p. I-1591, punt 25), u li s-soluzzjoni magħżula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tippreġudika ċ-ċertezza legali u tiffavorixxi l-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali.

    97

    Salzgitter u l-Gvern Ġermaniż isostnu li s-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Alcan Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, hija differenti, peress illi hawnhekk il-kwistjoni mhijiex dwar jekk operatur ekonomiku setax ġustament jibbaża ruħu fuq ir-regolarità ta’ atti ta’ awtorità nazzjonali, iżda li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni aġixxietx jew le fi żmien suffiċjenti.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    98

    Sabiex tippronunċja l-annullament tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-obbligu għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirkupra l-għajnuna riċevuta minn Salzgitter, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat għal darba oħra li l-Kummissjoni kienet taf b’din l-għajnuna mit-tmiem tas-sena 1988 u li, peress illi hija ma kinitx irreaġixxiet qabel l-1998, hija kienet, billi ħadet din id-deċiżjoni, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    99

    Mingħajr mhemm bżonnn li tittieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħetx, ġustament, tiddeċiedi li l-Kummissjoni kienet taf bl-għajnuna in kwistjoni mit-tmiem tas-sena 1988, fatt li huwa kkontestat minn din ta’ l-aħħar, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-raġunament segwit mis-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa żbaljat.

    100

    Huwa veru li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, anki fin-nuqqas ta’ perijodu ta’ preskrizzjoni stabbilit mil-leġiżlatur Komunitarju, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-Kummissjoni tista’ iddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 21, kif ukoll, fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat li taqa’ taħt it-Trattat KEFA, is-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 140 u 141).

    101

    F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, għal dak li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat li taqa’ taħt it-Trattat KE, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), jipprovdi li, fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, hija għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

    102

    Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/99 jipprovdi li l-irkupru ta’ għajnuna kontra l-liġi huwa suġġett għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li jibda minn dakinhar li ngħatat. Hekk kif stipolat fl-erbatax — il premessa ta’ dan ir-Regolament, dan il-perijodu ta’ preskrizzjoni huwa stabbilit għal raġunijiet ta’ ċertezza legali.

    103

    Għalkemm huwa veru li dawn ir-regoli ma japplikawx bħala tali fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, dawn huma ggwidati, fil-kamp ta’ għajnuna mill-Istat, mir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali. Minn dan jirriżulta li, anki fil-każ fejn il-leġiżlatur Komunitarju ma stabbilixxiex espressament terminu ta’ preskrizzjoni, il-Kummissjoni ma tistax iddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha.

    104

    Madankollu, m’għandux jiġi minsi li n-notifika ta’ għajnuna mill-Istat hija element ċentrali tas-sistema Komunitarja tal-kontroll tagħha u li l-impriżi li jibbenefikaw minn din l-għajnuna ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq aspettattiva leġittima fir-rigward tar-regolarità tagħha jekk din ma kinitx ingħatat b’osservanza ta’ din il-proċedura (sentenza Alcan Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

    105

    Barra minn hekk, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li s-sistema prevista mit-Trattat KEFA dwar l-għajnuna mill-Istat tiddistingwi ruħha, permezz tan-natura partikolarment stretta tagħha, minn dik li taqa’ taħt it-Trattat KE (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 101 u 102).

    106

    Minn dan jirriżulta li meta, fil-kuntest tat-Trattat KEFA, għajnuna kienet ġiet mogħtija mingħajr ma kienet innotifikata, id-dewwmien mill-Kummisjoni sabiex teżerċità s-setgħat tagħha ta’ kontroll u sabiex tordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna jivvizzja b’illegalità din id-deċiżjoni ta’ rkupru biss f’każijiet eċċezzjonali li juru nuqqas manifest tal-Kummissjoni u ksur evidenti tal-obbligu tagħha ta’ diliġenza.

    107

    Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħat validament tiddeċiedi li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ ċertezza legali in sostenn ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi l-irkupru ta’ din l-għajnuna, hija applikat ħażin dan il-prinċipju, fil-kawża mressqa quddiemha, billi ma vverifikatx jekk il-Kummissjoni kinitx uriet nuqqas manifest u ksur evidenti ta’ l-obbligu tagħha ta’ diliġenza fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ kontroll, li huma l-uniċi fatturi tali li, f’każijiet eċċezzjonali, jivvizzjaw b’illegalità deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru, fil-kuntest tat-Trattat KEFA, ta’ għajnuna mhux notifikata.

    108

    Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-appell prinċipali għandu jiġi milqugħ u li hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata in kwantu din tannulla l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

    109

    Minn din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet korrettament fis-sentenza appellata li Salzgitter irċeviet għajnuna illegali fir-rigward tat-Trattat KEFA, iżda li min-naħa l-oħra din l-aħħar sentenza hija vviżjata bi żball ta’ liġi in kwantu tannulla l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tordna l-irkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

    110

    Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha, minn naħa, tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, urietx nuqqas manifest u ksur evidenti ta’ l-obbligu tagħha ta’ diliġenza u, min-naħa l-oħra, skond il-każ, teżamina l-motivi l-oħra li fuqhom hija setgħet legalment tonqos milli tiddeċiedi, peress illi hija kienet annullat l-Artikolu 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, motivi bbażati, rispettivament, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat qieset ċerti investimenti bħala li jaqaw taħt it-Trattat KEFA, fuq il-fatt li parti mill-għajnuna in kwistjoni kien imissha ġiet meqjusa bħala għajnuna favur il-ħarsien ta’ l-ambjent u fuq il-fatt li r-rata ta’ attwalizzazzjoni determinanti kkunsidrata kienet żbaljata.

    111

    Dan l-aspetti differenti tal-kawża jimplikaw, fil-fatt, l-eżami ta’ kwistjonijiet ta’ fatt kumpessi fuq il-bażi ta’ elementi li ma ġewx evalwati mill-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bir-riżultat għaldaqstant li l-kawża, fuq dawn il-punti, mhijiex fi stat li tiġi deċiża.

    112

    Għaldaqstant il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell inċidentali huwa miċħud.

     

    2)

    Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, ta’ l-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter AG vs Il-Kummissjoni (T-308/00), hija annullata in kwantu din tannulla l-Artikolu 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/797/KEFA, tat-28 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Salzgitter AG, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija ta’ l-azzar, illum il-ġurnata miġbura flimkien taħt l-isem Salzgitter AG — Stahl und Technologie (SAG), u tistabbilixxi l-ispejjeż.

     

    3)

    Il-kawża hija rinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

     

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq