Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62006CJ0442
Judgment of the Court (Second Chamber) of 10 April 2008.#Commission of the European Communities v Italian Republic.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Directive 1999/31/EC - Landfill of waste - National legislation concerning existing landfill sites - Incorrect transposition.#Case C-442/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-10 ta' April 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 1999/31/KE - Rimi ta’ skart - Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart - Traspożizzjoni żbaljata.
Kawża C-442/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-10 ta' April 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 1999/31/KE - Rimi ta’ skart - Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart - Traspożizzjoni żbaljata.
Kawża C-442/06.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:216
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
10 ta’ April 2008 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 1999/31/KE — Rimi ta’ skart f’miżbla — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart — Traspożizzjoni żbaljata”
Fil-Kawża C-442/06,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fis-26 ta’ Ottubru 2006,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Recchia u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, J. Makarczyk u C. Toader (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi adottat u żammet fis-seħħ id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36, tat-13 ta’ Jannar 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 40, tat-12 ta’ Marzu 2003), kif emendat bid-Digriet Liġi Nru 203, tat-30 ta’ Settembru 2005, (GURI Nru 230, tat-30 ta’ Ottubru 2005, p. 4, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003”), li jittrasponi fil-liġi nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [miżbla] (ĠU L 182, p. 1), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 2 sa 14 ta’ din id-direttiva. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 |
Skond l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 1999/31 huwa li tipprovdi miżuri, proċeduri u gwida għall-prevenzjoni jew għar-riduzzjoni, safejn ikun possibbli, ta’ l-effetti negattivi tar-rimi ta’ skart fuq l-ambjent. |
3 |
L-Artikolu 2 fih lista ta’ definizzjonijiet li tirreferi għalihom din id-direttiva. Huwa jsemmi, partikolarment, il-kunċetti ta’ skart u ta’ siti għar-rimi ta’ l-iskart, li għandhom jiġu mifhuma bħala s-siti għar-rifjut ta’ l-iskart b’depożitu fuq jew fl-art. Fl-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 1999/31 tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha billi tipprovdi li, bħala prinċipju, hija tikkonċerna s-siti kollha għar-rimi ta’ l-iskart, kif indikati fl-Artikolu 2 tagħha. |
4 |
Fl-Artikoli 4 u 6 tagħha, id-Direttiva 1999/31 taqsam is-siti għar-rimi ta’ l-iskart fi tliet kategoriji, jiġifieri, is-siti għar-rimi ta’ skart perikoluż, is-siti għar-rimi ta’ skart mhux perikoluż kif ukoll is-siti għar-rimi ta’ skart inerti, u hija tindika liema huwa dak l-iskart li jista’ jiġi inkluż f’dawn it-tliet kategoriji ta’ siti għar-rimi ta’ skart. |
5 |
Għal dak li jirrigwarda l-iskart u t-trattament mhux aċċettati f’siti għar-rimi ta’ l-iskart, din id-direttiva, fl-Artikolu 5(1) tagħha tipprovdi li “[l]-Istati Membri jridu jibdew strateġija nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-riduzzjoni ta’ skart bijodegradabbli li jmur ġo miżbla [siti għar-rimi ta’ l-iskart], mhux aktar tard min[n] sentejn wara d-data [għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva] u jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’din l-istrateġija” u fl-Artikolu 5(2) hija tiffissa t-termini għar-riduzzjoni ta’ l-iskart. |
6 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 jistabbilixxi r-regoli dwar l-ispejjeż tar-rimi ta’ l-iskart f’siti apposta għal dan il-għan. L-Artikolu 11 u l-Anness II ta’ din id-direttiva jistipulaw ir-regoli dwar il-proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ l-iskart, l-Artikolu 12 u l-Anness III ta’ din id-direttiva jiffissaw ir-regoli dwar il-proċeduri ta’ kontroll u ta’ sorveljanza ta’ l-operazzjonijiet magħmula fis-siti għar-rimi ta’ l-iskart u l-Artikolu 13 ta’ din l-istess direttiva jikkonċerna l-proċeduri ta’ l-għeluq u tal-kura ta’ wara l-għeluq. |
7 |
Fl-Artikoli 7 sa 9 tagħha, id-Direttiva 1999/31 tistabbilixxi l-proċedura ta’ permessi għal siti ġodda għar-rimi ta’ l-iskart. Hija tissuġġetta wkoll is-siti eżistenti għal xi miżuri partikolari. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex terraferma [miżbliet] li ġew mogħtija permess, jew li huma diġà qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm il-passi indikati hawn taħt jiġu mtemma malajr kemm jista’ jkun u fi żmien tmien snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) l-aktar tard:
|
8 |
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 1999/31 jiffissa t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha bil-mod li ġej: “1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ, regolamenti u dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jaqblu ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn sentejn minn wara d-dħul tagħha fis-seħħ. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan immedjatament. […]” |
9 |
Din id-direttiva daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Lulju 1999. It-terminu għat-traspożizzjoni stipulat fl-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva skada fis-16 ta’ Lulju 2001. |
10 |
Fid-19 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adotta d-deċiżjoni 2003/33/KE, li tistabbilixxi l-kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ skart f’terraferma [f’siti] artifiċjali [għar-rimi ta’ l-iskart] skond l-Artikolu 16 u ta’ l-Anness II tad-Direttiva 1999/31/KE (ĠU 2003, L 11, p. 27). |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 |
Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 jittrasponi, fil-liġi Taljana, id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 1999/31. |
12 |
Dan id-digriet leġiżlattiv jipprovdi partikolarment, fl-Artikolu 5 tiegħu, li r-reġjuni għandhom jelaboraw u japprovaw, fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tiegħu, programm ta’ riduzzjoni ta’ skart bijodegradabbli preżenti fis-siti għar-rimi ta’ l-iskart. Huwa jiffissa wkoll l-iskadenzi li għandhom jiġu rrispettati fid-dawl ta’ riduzzjoni gradwali ta’ dan l-iskart fis-siti għar-rimi tiegħu. L-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 jittrasponi d-dispożizzjoni tad-Direttiva 1999/31 dwar l-iskart mhux aċċettat fis-siti għar-rimi ta’ l-iskart, filwaqt li l-Artikolu 11 tiegħu jiffissa r-regoli dwar il-proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ l-iskart fis-siti għar-rimi tiegħu. |
13 |
L-Artikolu 17 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, bl-isem “Dispożizzjonijiet tranżitorji u finali”, li jiffissa r-regoli dwar it-trattatament ta’ siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart, jipprovdi li: “1. Is-siti għar-rimi ta’ l-iskart li kienu diġà awtorizzati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet jistgħu jkomplu jirċievu, sal-31 ta’ Diċembru 2006, l-iskart li għalih huma kienu ġew awtorizzati. 2. B’konformità mal-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ aċċettazzjoni stipulati mid-deċiżjoni tal-Kumitat Interministerjali tas-27 ta’ Lulju 1984, ippubblikata fis-suppliment ordinarju għall-[GURI] Nru 253, tat-13 ta’ Settembru 1984, […] ir-rimi fis-siti l-ġodda huwa awtorizzat sal-31 ta’ Diċembru 2006, f’dak li jirrigwarda:
3. Fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, id-detentur tal-permess imsemmi fil-paragrafu 1 jew l-operatur tas-siti għar-rimi ta’ l-iskart, għan-nom tiegħu, għandu jippreżenta pjan ta’ kundizzjonament tas-sit lill-awtorità kompetenti skond il-kriterji msemmija f’dan id-digriet, inklużi l-garanziji finanzjarji msemmija fl-Artikolu 14. 4. Permezz ta’ deċiżjoni immotivata, l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-pjan msemmi fil-paragrafu 3, tawtorizza li titkompla l-attività fis-siti għar-rimi ta’ l-iskart u tiffissa x-xogħlijiet ta’ konformità, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u t-terminu finali għat-twettiq tagħhom, liema terminu fl-ebda każ ma jista’ jkun wara s-16 ta’ Lulju 2009. […] 5. Fil-każ li l-pjan imsemmi fil-paragrafu 3 jiġi miċħud, l-awtorità kompetenti għandha tindika l-modalitajiet u t-termini ta’ l-għeluq tas-siti għar-rimi ta’ l-iskart, skond l-Artikolu 12(1)(c). […]”. |
14 |
Id-deċiżjoni tal-Kumitat Interministerjali tas-27 ta’ Lulju 1984, li jirreferi għaliha l-Artikolu 17(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003, tikklassifika s-siti għar-rimi ta’ l-iskart fi tliet kategoriji. Is-siti tat-tieni kategorija, tip C, u dawk tat-tielet kategorija, li jirreferi għalihom l-imsemmi Artikolu 17(2)(c), huma dawk maħsuba sabiex jirċievu skart tossiku u perikoluż (punti 4.2.3.3. u 4.2.4 ta’ din id-deċiżjoni). |
Il-proċedura prekontenzjuża
15 |
Wara ilment li fih ġiet indikata traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva 1999/31 permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003, fis-17 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana li fiha sostniet li dan id-digriet leġiżlattiv ma kienx konformi ma’ l-Artikoli 2, 5, 6, 10, 13 u 14 ta’ din id-direttiva. Fil-parti introduttorja ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni enfasizzat li l-osservazzjonijiet f’din l-ittra “[kienu bla ħsara għall-]fatt li eventwalment l-awtoritajiet Taljani [setgħet] tinġibdilhom l-attenzjoni dwar kwistjonijiet oħra”. |
16 |
Ir-Repubblika Taljana wieġbet għal din l-ittra permezz ta’ żewġ ittri separati, datati 12 ta’ Diċembru 2003 u 28 ta’ Jannar 2004, rispettivament. |
17 |
Fid-9 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari lil dan l-Istat Membru, li fiha esprimiet dubji dwar il-korrettezza tat-traspożizzjoni mhux biss ta’ l-artikoli tad-Direttiva 1999/31 imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni inizjali, iżda wkoll ta’ l-Artikoli 3, 4, 7 sa 9, 11 u 12 ta’ l-istess direttiva. Barra minn hekk, hija talbet lir-Repubblika Taljana tagħtiha informazzjoni dwar in-numru eżatt ta’ siti għar-rimi ta’ l-iskart li ma kinux applikabbli għalihom id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jirrigwardaw is-siti l-ġodda għar-rimi ta’ l-iskart kif ukoll sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari. |
18 |
Il-Kummissjoni, peress li ma kinitx sodisfatta bil-kjarifiki mogħtija mir-Repubblika Taljana, fid-19 ta’ Diċembru 2005 bagħtitilha opinjoni motivata. F’din l-opinjoni motivata, hija rtirat ċerti ilmenti li kienet inkludiet fl-ittra ta’ intimazzjoni inizjali u kkonfermat dawk l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart mad-Direttiva 1999/31. Hija talbet ukoll lir-Repubblika Taljana sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn meta tirċeviha. |
19 |
Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti mressqa mir-Repubblika Taljana b’risposta għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ l-ittra tagħha tat-28 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni ippreżentat dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża
20 |
Ir-Repubblika Taljana tinvoka vizzju fil-proċedura prekontenjuża li jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni. Hija tirrileva li din l-istituzzjoni bidlet l-ilmenti invokati. Fil-fatt, filwaqt li fl-ittra ta’ intimazzjoni inizjali, f’dak li jirrigwardja t-trattament tas-siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart, il-Kummissjoni għamlet riferiment għan-nuqqas ta’ konformità tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 ma’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, fl-ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari hija rreferiet għall-ksur ta’ l-Artikoli 2 sa 14 ta’ l-istess direttiva. Dan l-Istat Membru jenfasizza wkoll li fl-ittra ta’ intimazzjoni inizjali l-Kummissjoni kienet diġà semmiet li iktar tard setgħu jitqajmu “dubji ġodda” dwar il-konformità mad-Direttiva 1999/31 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponietha. L-inklużjoni ta’ dan il-kumment jippermetti lill-Kummissjoni tibdel l-ilmenti invokati kontra Stat Membru, skond l-eżiġenzi tagħha u mingħajr ma jkollha tibda proċedura ġdida għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu. Barra minn hekk, l-estensjoni ta’ l-ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari għal ilmenti ġodda ġġib magħha ksur ta’ l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 10 KE. |
21 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ tali ksur, peress li l-ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari mibgħuta lir-Repubblika Taljana kellha l-iskop li żżid ilmenti ġodda jew li tibdel dawk li kienu diġà ġew invokati. Sabiex tispeċifika dak li jkun intqal f’ittra ta’ intimazzjoni u sabiex tikkompleta l-analiżi tar-risposta ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni tibgħat opinjoni motivata lill-Istat Membru kkonċernat. Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 226 KE, sabiex testendi l-ilmenti invokati, il-Kummissjoni tibgħat lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari li, huwa jkollu l-possibbiltà li jressaq l-argumenti tiegħu dwarha. |
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża tikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat KE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-Istat Membru in kwistjoni, imma wkoll sabiex jiġi assigurat li l-eventwali kawża tkun ibbażata fuq suġġett li jkun definit b’mod ċar. F’dan il-każ, jirriżulta li l-ittra ta’ intimazzjoni għandha l-għan, minn naħa, li tistabbilixxi s-suġġett tal-kawża u li tindika lill-Istat Membru, li jkun mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, l-elementi meħtieġa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu, u min-naħa l-oħra, li tippermetti lill-Istat Membru jikkonforma ruħu qabel jitressaq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-1/00, Ġabra p. I-9989, punt 54, u tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-476/98, Ġabra p. I-9855, punti 46 u 47). |
23 |
Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari lir-Repubblika Taljana u fiha ffissat terminu ġdid sabiex dan l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, qabel ma bagħtitlu opinjoni motivata bbażata fuq l-istess ilmenti li kienu msemmija f’din l-ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża, peress li r-Repubblika Taljana tpoġġiet f’pożizzjoni li tipprepara d-difiża tagħha qabel ma rċeviet l-opinjoni motivata. |
24 |
Konsegwentement, din l-eċċezzjoni ta’ inammissabbiltà mqajma mir-Repubblika Taljana għandha tiġi miċħuda. |
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 2 sa 14 tad-Direttiva 1999/31 li jirriżulta mid-dewmien fit-traspożizzjoni tad-direttiva
L-argumenti tal-partijiet
25 |
Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba t-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 1999/31, li saret biss fis-27 ta’ Marzu 2003 bid-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003, filwaqt li din it-traspożizzjoni kellha ssir qabel is-16 ta’ Lulju 2001, it-trattament applikat, fil-liġi Taljana, għas-siti għar-rimi ta’ l-iskart awtorizzati bejn is-16 ta’ Lulju 2001 u s-27 ta’ Marzu 2003 kien dak irriżervat għas-siti eżistenzi u mhux dak, iktar rigoruż, stipulat għas-siti l-ġodda għar-rimi ta’ l-iskart. Għalhekk, ir-Repubblika Taljana kisret, f’dak li jirrigwarda dawn is-siti għar-rimi ta’ l-iskart, l-Artikoli 2 sa 14 ta’ din id-direttiva, peress li dawn l-artikoli ma ġewx applikati għal dawn s-siti kollha li, għall-kuntrarju, kellhom jiġu kkunsidrati bħala ġodda. L-awtoritajiet Taljani għalhekk deliberament għażlu li jiksru d-dispożizzjonijiet Komunitarji kkonċernati, għaliex minkejja li ttrasponew tardivament din id-direttiva, huma setgħu u kellhom jissuġġettaw lil dawn l-istess siti għat-trattament irriżervat minn din l-istess direttiva għas-siti l-ġodda għar-rimi ta’ l-iskart. |
26 |
Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-fatt, invokat matul il-proċedura amministrattiva, li r-Repubblika Taljana ppreferiet tistenna, b’mod unilaterali, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/33, ma jiġġustifikax id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/31. Fil-fatt, din it-traspożizzjoni bl-ebda mod ma tiddependi fuq l-eżistenza ta’ tali att, peress li, skond l-istess direttiva, l-Istati Membri kellhom jużaw kriterji nazzjonali konformi ma’ l-Anness II ta’ din id-direttiva. |
27 |
Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Taljana tissolleva eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan l-ilment, billi ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/31 peress li d-Digriet Leġiżlattiv tat-traspożizzjoni ġie adottat qabel ma nbdiet il-proċedura prekontenzjuża u li dan id-dewmien jikkostitwixxi fatt li huwa impossibbli li jiġi rrimedjat. |
28 |
Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru jsostni li dan id-dewmien ġab miegħu l-ħtieġa li, għal raġunijiet esklużivament tekniċi u amministrattivi, is-siti għar-rimi ta’ l-iskart awtorizzati bejn id-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/31 u dik tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003, jiġu sottomessi għall-obbligi stabbiliti minn din id-direttiva f’dak li jirrigwarda s-siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart. Fil-fatt, għal dawn is-siti, li diġà kien fihom ċerta kwantità ta’ skart, kien meħtieġ li jiġi stipulat perijodu tranżitorju li matulu d-detenturi tal-permessi għall-użu tagħhom kellhom jipproċedu bil-kundizzjonament ta’ dawn is-siti. Din l-iskema tranżitorja tissodisfa, barra minn hekk, il-ħtieġa li ma tinħoloqx sitwazzjoni ta’ inugwaljanza għall-operaturi ekonomiċi li diġà kienu jibbenefikaw minn tali permessi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet leġiżlattiv. L-iskema in kwistjoni kienet, fi kwalunkwe każ, ristrettiva ħafna u kienet tistipula terminu imperattiv għall-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ kundizzjonament tas-siti li kien iqsar minn dak stabbilit mid-Direttiva 1999/31. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
29 |
Għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, imqajma mir-Repubblika Taljana, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ interess li jiġi kkonstatat id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/31, għandu jiġi rrilevat li t-talbiet f’dan ir-rikors, partikolarment dawk li huma bbażati fuq l-ewwel ilment tiegħu, mhumiex intiżi li jiġi kkonstatat tali dewmien, iżda huma intiżi li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 ma’ din id-direttiva, f’dak li jirrigwarda t-trattament tas-siti għar-rimi ta’ l-iskart miftuħa matul il-perijodu bejn id-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet leġiżlattiv. |
30 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru li ma jkunx ittraspona, fit-terminu previst, direttiva Komunitarja u li kontra tiegħu jitressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li s-suġġett tiegħu ma jkunx dan in-nuqqas, iżda n-nuqqas ta’ rispett ta’ obbligu li joħroġ minn din id-direttiva, ma jistax jinvoka l-fatt li huwa ma ħax il-miżuri meħtieġa għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva sabiex jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors, u, għaldaqstant, sabiex jopponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina t-talba għad-dikjarazzjoni ta’ l-imsemmi nuqqas (sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-431/92, Ġabra p. I-2189, punt 23). |
31 |
Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ l-ewwel ilment tar-rikors, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi tal-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud. |
32 |
Fir-rigward tal-mertu ta’ dan l-ilment, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie ġustament irrilevat mill-Kummissjoni u li mhuwiex ikkontestat mir-Repubblika Taljana, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 ma jipprovdix għall-applikazzjoni, għas-siti għar-rimi ta’ l-iskart awtorizzati bejn id-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/31 u dik tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, tad-dispożizzjonijiet dwar is-siti l-ġodda għar-rimi ta’ l-iskart, jiġifieri, partikolarment, l-Artikoli 2 sa 13 ta’ din id-direttiva. Huwa jipprovdi, għall-kuntrarju, għall-applikazzjoni għal dawn is-siti għar-rimi ta’ l-iskart, tat-trattament irriżervat għas-siti eżistenti, filwaqt li jissuġġethom għall-proċedura ta’ kundizzjonament stipulata fl-Artikolu 17 tiegħu. |
33 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi l-implementazzjoni tardiva ta’ direttiva, min-naħa tiegħu, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza jew id-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ obbligi oħra imposti minn din l-istess direttiva (ara s-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-274/98, Ġabra p. I-2823, punt 22, u tat-8 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-127/99, Ġabra p. I-8305, punt 45). Fil-fatt, meta direttiva, bħal dik in kwistjoni f’din il-kawża, timponi obbligi mhux ekwivoċi fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-Istati Membri li ma jkunux ittrasponew din id-direttiva ma jistgħux jikkunsidraw lilhom infushom bħala skużati milli jirrispettaw dawn l-obbligi wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni u ma jistgħux jeskludu, permezz ta’ dispożizzjoni tranżitorja, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Il-fatt li jiġi rrikonoxxut li Stat ikollu tali fakultà kieku jwassal sabiex dan l-Istat jingħata proroga tat-terminu għat-traspożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Bund Naturschutz in Bayern et, C-396/92, Ġabra p. I-3717, punt 19). |
34 |
Minn dan jirriżulta li għas-siti għar-rimi ta’ l-iskart awtorizzati bejn is-16 ta’ Lulju 2001 u s-27 ta’ Marzu 2003, ir-Repubblika Taljana kellha tapplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/31 dwar siti l-ġodda għar-rimi ta’ l-iskart, li jinsabu fl-Artikoli 2 sa 13 ta’ din id-direttiva. Għalhekk, billi adottat u żammet fis-seħħ id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 li jeskludi tali applikazzjoni, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond dawn l-artikoli. |
35 |
Barra minn hekk, billi applikat l-iskema stipulata fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 dwar is-siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart għas-siti l-ġodda, hija naqset ukoll milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw minn dan l-artikolu. |
36 |
Minbarra dan, ir-raġunijiet invokati minn dan l-Istat Membru sabiex jiġġustifika d-dewmien fit-traspożizzjoni u fl-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/31, li huma bbażati fuq il-ħtieġa li jistenna l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/33, mhumiex fondati. Fil-fatt, l-għan ta’ din id-deċiżjoni huwa li tippreċiża r-regoli dwar il-kriterji u l-proċeduri ta’ aċċettazjoni ta’ skart f’siti għar-rimi ta’ l-iskart. Madankollu, dawn ir-regoli jissemmew f’din id-direttiva u l-applikazzjoni tagħhom mhijiex suġġetta għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni skond l-Artikolu 16 ta’ l-istess direttiva. |
37 |
Għaldaqstant, l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat. |
Fuq it-tieni ilment, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 14(d)(i) tad-Direttiva 1999/31
L-argumenti tal-partijiet
38 |
Permezz tat-tieni ilment tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 14(d)(i) tad-Direttiva 1999/31, li jiffissa regoli tranżitorji dwar is-siti għar-rimi ta’ skart perikoluż, jipprovdi li l-Artikoli 4, 5 u 11 kif ukoll l-Anness II ta’ din id-direttiva għandhom japplikaw, mis-16 ta’ Lulju 2002, għas-siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart, filwaqt li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 bl-ebda mod ma jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall-istess siti, iżda, għall-kuntrarju, jillimita ruħu li jistabbilixxi, fl-Artikolu 17(2)(c) tiegħu, regoli tranżitorji fir-rigward biss tas-siti l-ġodda għar-rimi ta’ l-iskart. Din l-aħħar dispożizzjoni għalhekk hija f’kunflitt mhux biss ma’ l-Artikolu 14(d)(i) ta’ din id-direttiva, iżda wkoll mad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu applikati għas-siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart, jiġifieri, partikolarment, l-Artikoli 4, 5 u 11 kif ukoll l-Anness II ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli għal dawn ta’ l-aħħar qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din l-istess direttiva xorta ma kinitx konformi magħhom. |
39 |
Ir-Repubblika Taljana tosserva li l-eventwali dikjarazzjoni ta’ nuqqas min-naħa tagħha li twettaq obbligu, riżultat ta’ dan l-ilment, ma tippermettilhiex li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 1999/31, peress li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tingħata wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit, f’dak li jirrigwarda l-iskema tranżitorja għas-siti għar-rimi ta’ skart perikoluż, li huwa l-31 ta’ Diċembru 2006. |
40 |
Dan l-Istat Membru jenfasizza, għal dak li jirrigwarda l-mertu tat-tieni ilment, li l-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 jittrasponi b’mod korrett l-Artikolu 14(d)(i) tad-Direttiva 1999/31, peress li jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 4, 5 u 11 ta’ din id-direttiva għas-siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart. Fil-fatt, skond il-paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-Artikolu 17, l-operaturi ta’ dawn is-siti għar-rimi ta’ l-iskart kellhom jippreżentaw, mhux aktar tard mis-27 ta’ Settembru 2003, pjan ta’ kundizzjonament tas-siti lill-awtorità kompetenti. Din kellha tapprova dan il-pjan fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-direttiva, dwar il-klassifikazzjoni tas-siti għar-rimi ta’ l-iskart u dwar il-kundizzjonijiet li jippermettu t-tkomplija ta’ l-attività ta’ dawn ta’ l-aħħar, qabel is-16 ta’ Lulju 2009, terminu stabbilit minn din id-direttiva sabiex jitlesta l-kundizzjonament tas-siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart. |
41 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003, invokat mill-Kummissjoni, jistabbilixxi dispożizzjoni tranżitorja skond liema l-iskart perikoluż maħsub, skond il-leġiżlazzjoni ta’ qabel dan id-digriet leġiżlattiv, għal siti għar-rimi ta’ skart perikoluż u tossiku, jista’ jintrema f’siti bħal dawn sal-31 ta’ Diċembru 2006. Madankollu, skond ir-Repubblika Taljana, din id-dispożizzjoni, partikolarment id-Digriet Ministerjali Nru 141, tal-11 ta’ Marzu 1998 (GURI Nru 108, tat-12 ta’ Mejju 1998, p. 22), anki jekk ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/31, kienet tipprovdi għal projbizzjonijiet u proċeduri speċifiċi għall-aċċettazzjoni ta’ dan l-iskart f’dawn is-siti, skond ir-regoli stipulati minn din id-direttiva. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
42 |
Dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mir-Repubblika Taljana, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru, kif tkun tinsab fi tmiem it-terminu ffissat fl-opinjoni motivata. B’hekk, anki fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ġie eliminat wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, ikun hemm interess li titkompla l-kawża, interess li jikkonsisti partikolarment f’li tiġi stabbilita r-responsabbiltà li Stat Membru jista’ jkollu bħala konsegwenza tan-nuqqas tiegħu fir-rigward, partikolarment, ta’ dawk li jidderivaw drittijiet minn dan in-nuqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-29/20, Ġabra p. I-1971, punt 12, u ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-519/03, Ġabra p. I-3067, punti 18 u 19). |
43 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 17(2)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 fih dispożizzjoni tranżitorja dwar is-siti għar-rimi ta’ l-iskart perikoluż li, kif ikkonfermat ukoll ir-Repubblika Taljana, kien applikabbli wkoll fi tmiem it-terminu mogħti lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata li ġiet mibgħuta lilu mill-Kummissjoni. |
44 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa akkużat bih mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità mad-dritt Komunitarju ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-liġi Taljana applikabbli għal dawn is-siti għar-rimi ta’ l-iskart. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu mhux biss dik li ssemmi l-iskart li jista’ jintrema f’dawn is-siti, li għalihom id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 jipprovdi modalitajiet ta’ trattament tranżitorji, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta’ l-iskart u l-proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ l-iskart fis-siti għar-rimi tiegħu. |
45 |
Minn dan jirriżulta li t-tieni ilment tar-rikors, dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 14(d)(i) tad-Direttiva 1999/31, huwa ammissibbli. |
46 |
Dwar il-mertu ta’ dan it-tieni ilment, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 14(d)(i) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Artikoli 4, 5 u 11 kif ukoll l-Anness II tagħha japplikaw għas-siti eżistenti għar-rimi ta’ skart perikoluż sa żmien sena li tibda tiddekorri mid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri mis-16 ta’ Lulju 2002. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll, indipendentament mill-perijodu tal-proċedura ta’ kundizzjonament tas-siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart li għandu jiskadi fis-16 ta’ Lulju 2009, terminu qasir għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal dawn is-siti għar-rimi ta’ l-iskart. |
47 |
Għall-kuntrarju, hekk kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 17(2)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003, li jistabbilixxi partikolarment id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar it-trattament ta’ l-iskart perikoluż, ma japplikax ħlief għas-siti l-ġodda għar-rimi ta’ l-iskart u ma jipprovdi l-ebda regola tranżitorja għat-trattament ta’ dan l-iskart fis-siti eżistenti. |
48 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, l-Artikolu 17(3) sa (5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 lanqas jipprovdi għall-applikazzjoni, mis-16 ta’ Lulju 2002, ta’ l-Artikoli 4, 5 u 11 kif ukoll ta’ l-Anness II tad-Direttiva 1999/31. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali tistabbilixxi biss proċedura ta’ kundizzjonament li tapplika għas-siti kollha għar-rimi ta’ l-iskart, indipendentament mill-kategorija li jaqgħu fiha. Skond din id-dispożizzjoni, id-detentur tal-permess għall-użu ta’ sit għar-rimi ta’ l-iskart għandu jippreżenta pjan ta’ kundizzjonament lill-awtorità kompetenti fis-sitt xhur li jibdew jiddekorru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet leġiżlattiv. L-awtorità kompetenti tawtorizza t-tkomplija ta’ l-attività fis-sit għar-rimi ta’ l-iskart u tiffissa x-xogħlijiet ta’ konformità, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u t-terminu għat-twettiq tal-proċedura. Il-kundizzjonament tas-sit għar-rimi ta’ l-iskart għandu jintemm qabel is-16 ta’ Lulju 2009. |
49 |
Barra minn hekk, matul dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni li jippermetti l-kundizzjonament tas-siti eżistenti għar-rimi ta’ l-iskart, ir-regoli tal-liġi nazzjonali, preċedenti għad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003, li kienu jirrigwardaw il-proċedura ta’ eliminazzjoni ta’ skart perikoluż, minkejja li kienu jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-aċċettazzjoni ta’ dan l-iskart fis-siti għar-rimi tiegħu, ma kinux jassiguraw l-applikazzjoni sħiħa ta’ l-Artikoli 4, 5 u 11 tad-Direttiva 1999/31 għas-siti li jirċievu dan l-iskart. Ir-Repubblika Taljana fil-fatt ammettiet, fir-risposta tagħha, li din il-liġi interna ma kellhiex l-istess kontenut bħal dak tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva. |
50 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li t-tieni ilment invokat mill-Kummissjoni għandu wkoll jiġi kkunsidrat bħala fondat. |
51 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstat li, billi adottat u billi żammet fis-seħħ id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 li jittrasponi fil-liġi nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/31,
ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 2 sa 14 tad-Direttiva 1999/31. |
Fuq l-ispejjeż
52 |
Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.