Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0037

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-17 ta' Jannar 2008.
    Viamex Agrar Handels GmbH (C-37/06) u Zuchtvieh-Kontor GmbH (ZVK) (C-58/06) vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Hamburg - il-Ġermanja.
    Regolament (KE) Nru 615/98 - Direttiva 91/628/KEE- Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni - Protezzjoni ta’ l-ifrat matul it-trasport - Osservanza tal-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-bhejjem ta’ l-ifrat skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE - Prinċipju ta’ proporzjonalità - Telf tad-dritt għal rifużjoni.
    Każijiet Magħquda C-37/06 u C-58/06.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:18

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    17 ta’ Jannar 2008 ( *1 )

    “Regolament (KE) Nru 615/98 — Direttiva 91/628/KEE — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — Protezzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat matul it-trasport — Ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat suġġett ghal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Telf tad-dritt għal rifużjoni”

    Fil-kawżi magħquda C-37/06 u C-58/06,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, ippreżentati mill-Finanzgericht Hamburg (Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ l-10 u t-12 ta’ Jannar 2006, imressqa rispettivament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Jannar u t-3 ta’ Frar 2006, fil-proċeduri

    Viamex Agrar Handels GmbH (C-37/06),

    Zuchtvieh-Kontor GmbH (ZVK) (C-58/06)

    vs

    Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A Rosas, President ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Marzu 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Viamex Agrar Handels GmbH, minn W. Schedl, Rechtsanwalt,

    għal Zuchtvieh-Kontor GmbH (ZVK), minn K. Landry, Rechtsanwalt,

    għal Haupzollamt Hamburg-Jonas, minn G. Seber, bħala aġent,

    għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-validità ta’ l-Artikoli 1 u 5 (3) tar-Regolament (KE) Nru 615/98 tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli ddettaljati speċifiċi ta’ applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta’ annimali ta’ l-ifrat ħajjin matul it-trasport (ĠU L 82, p. 19).

    2

    Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn Viamex Agrar Handels GmbH (iktar ’il quddiem “Viamex”) u Zuchtvieh-Kontor GmbH (ZVK) (iktar ’il quddiem “ZVK”) kontra l-Hauptzollamt Hamburg Jonas (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) fir-rigward ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ l-ifrat ħajjin, lejn il-Libanu u l-Eġittu rispettivament.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga (ĠU L 148, p. 24), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2634/97 tat-18 ta’ Diċembru 1997 (ĠU L 356, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 805/68”), jipprovdi li l-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ħajjin huwa suġġett għall-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward tal-benesseri ta’ l-annimali u, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport.

    4

    Ir-regoli ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/68 ġew ippreċiżati permezz tar-Regolament Nru 615/98.

    5

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi li l-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat ħajjin huwa suġġett għar-rispett, matul it-trasport ta’ l-annimali sa l-ewwel tħottija fl-Istat terz ta’ destinazzjoni finali, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU L 340, p. 17), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995 (ĠU L 148, p. 52, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/628”) u d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament.

    6

    Skond l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, jitwettaq kontroll ta’ l-annimali mal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità Ewropea. Veterinarju uffiċjali għandu jivverifika u jiċċertifika li l-annimali huma b’saħħithom biżżejjed għall-vjaġġ previst skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, li l-mezz ta’ trasport li bih l-annimali ser iħallu t-territorju doganali tal-Komunità huwa konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u li jkunu ttieħdu provvedimenti għall-kura ta’ l-annimali matul il-vjaġġ skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

    7

    Skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98, it-talba għal ħlas tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni għandha tiġi kkompletata bil-prova li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ġew osservati, u din il-prova titressaq permezz tal-produzzjoni ta’ l-eżemplarju tal-kontroll T5 u tar-rapport ta’ kontroll ta’ kumpannija ta’ kontroll, flimkien ma’ ċertifikat veterinarju.

    8

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi madankollu li r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma titħallasx għall-annimali li jkunu mietu matul it-trasport jew għall-annimali li għalihom l-awtorità kompetenti tqis, fid-dawl tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ l-imsemmi Artikolu 5, ir-rapporti ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament u/jew ta’ kull element ieħor għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ l-imsemmi Regolament, li d-Direttiva 91/628 ma kinitx ġiet osservata.

    9

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/628 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-perijodi ta’ żmien ta’ ċaqliq u ta’ mistrieħ, kif ukoll l-intervalli għall-ikel u l-ilma, ikunu konformi ma’ dawk stabbiliti fil-Kapitolu VII ta’ l-Anness tagħha.

    10

    Fil-każ ta’ trasport bl-art ta’ annimali ta’ l-ifrat ħajjin, il-punt 48(4)(d) tal-Kapitolu VII ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/628 jimponi l-osservanza ta’ perijodu ta’ mistrieħ suffiċjenti ta’ għallinqas siegħa wara 14-il siegħa ta’ trasport. Wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, it-trasport jista’ jitkompla għal perijodu ta’ 14-il siegħa. B’hekk, il-perijodu massimu tat-trasport huwa stabbilit għal 29 siegħa. Il-paragrafu 8 ta’ l-imsemmi punt 48 jipprovdi madankollu li d-dewmien tal-vjaġġ jista’ jiġi mtawwal b’sagħtejn fl-interess ta’ l-annimali, fid-dawl b’mod partikolari tal-prossimità tal-post ta’ destinazzjoni.

    11

    Skond il-punt 48(5) tal-Kapitolu VII ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/628, l-annimali għandhom jibbenefikaw minn perijodu ta’ mistrieħ ta’ għallinqas 24 siegħa wara t-tul tal-vjaġġ stabbilit.

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Fl-ewwel kawża prinċipali, Viamex iddikjarat, quddiem il-Hauptzollamt Kiel, l-esportazzjoni lejn il-Libanu ta’ 35 annimal ta’ l-ifrat ħaj. B’deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Frar 2001, il-Hauptzollamt, filwaqt li bbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-Artikoli 1 u 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, ċaħad it-talba għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni li ġiet imressqa lilu minn Viamex, minħabba li deher, wara l-eżami tal-pjan tas-suq ipprovdut minn din il-kumpannija, li l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa previst fil-punt 48(5) tal-Kapitolu VII ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/628 ma ġiex osservat. Madankollu Viamex sostniet li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni kien dovut għall-fatt li l-veterinarju uffiċjali kien ordnalha li tkompli bit-trasport qabel ma kienet osservat il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa. Il-Hauptzollamt jikkunsidra li, minkejja din is-sitwazzjoni, Viamex kellha tinforma ruħha bil-perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti mid-Direttiva 91/628. Minbarra dan, Viamex ma kinitx osservat, minħabba konstatazzjoni ta’ inċident u ta’ kontroll ta’ vetturi għal merkanzija tqila, il-perijodu ta’ żmien massimu tat-tieni fażi ta’ trasport previst fil-punt 48(4)(d) tal-Kapitolu VII ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/628.

    13

    Fit-tieni kawża prinċipali, ZVK iddikjarat, lill-Hauptzollamt Bamberg, l-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta’ 32 annimal ta’ l-ifrat ħaj u talbet għal dan il-għan l-għoti ta’ rifużjoni antiċipata fuq l-esportazzjoni li l-Hauptzollamt aċċetta li jagħtiha. Madankollu, permezz ta’ bidla tad-deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Settembru 2003, il-Hauptzollamt iddeċieda li jitlob il-ħlas lura ta’ din ir-rifużjoni, b’żieda ta’ 10 % minħabba b’mod partikolari li l-annimali kienu ġew ittrasportati għal aktar minn 14-il siegħa bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628. It-tieni fażi tat- trasport kienet fil-fatt damet 15 il-siegħa u 45 il-minuta. Il-qbiż tal-perijodu massimu tat-tieni fażi ta’ trasport kellu, barra minn hekk, bħala konsegwenza li ZVK kisret ir-regola prevista fil-punt 48(5) tal-Kapitolu VII ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/628, skond liema, wara perijodu ta’ trasport massimu ta’ 29 siegħa, l-annimali għandhom jinħattu, jiġu mitmugħa, mogħtija l-ilma u jibbenefikaw minn perijodu ta’ mistrieħ minimu ta’ 24 siegħa.

    14

    Billi t-talbiet imressqa minn Viamex u ZVK kontra d-deċiżjonijiet tal-Hauptzollamt ta’ l-1 ta’ Frar 2001 u l-1 ta’ Settembru 2003 rispettivament ma ġewx milqugħa, dawn il-kumpanniji ddeċidew li jippreżentaw rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg, li, billi tikkunsidra li s-soluzzjoni taż-żewġ kawżi li tressqu quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi f’kull waħda minn dawn il-kawżi:

    “1)

    L-Artikolu 1 tar-Regolament […] Nru 615/98 huwa validu safejn jissuġġetta l-għoti tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni għall-osservanza tad-Direttiva 91/628 […]?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti: id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, skond liema r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma titħallasx għall-annimali li għalihom l-awtorità kompetenti tqis, fuq il-bażi ta’ kull element ieħor għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament 615/98, li d-Direttiva [91/628] ma tkunx ġiet osservata, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

    15

    B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Frar 2006, il-kawżi C-37/06 u C-58/06 ġew annessi għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    16

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 huwiex validu safejn jissuġġetta l-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ħajjin għall-osservanza tad-Direttiva 91/628. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk teżistix rabta bejn is-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, li taqa’ taħt il-politika agrikola komuni, u d-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali.

    17

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 dwar ir-regoli speċifiċi ta’ applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta’ l-annimali ta’ l-ifrat ħajjin matul it-trasport, jipprovdi li, għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 805/68, il-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat ħajjin li jaqgħu taħt il-pożizzjoni 0102 tan-nomenklatura magħquda huwa suġġett għall-osservanza, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628.

    18

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 sa 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li din ir-referenza li ssir mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 għad-Direttiva 91/628 u li torbot is-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport, tirriżulta mill-għażla magħmula mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Regolament Nru 805/68 u li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej illimitat ruħha sabiex tippreċiża r-regoli ta’ applikazzjoni tagħha fir-Regolament Nru 615/98.

    19

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 għandu bħala għan li jimplementa l-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 805/68 li jgħid li l-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ħajjin huwa suġġett għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet previsti mill-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-benesseri ta’ l-annimali u, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport. Dan l-Artikolu 13(9) ġie introdott sabiex jirrimedja l-prattika skond liema mhux dejjem ittieħed in kunsiderazzjoni l-benesseri ta’ l-annimali matul it-trasport tagħhom.

    20

    Fil-fatt, jirriżulta miż-żewġ premessi tar-Regolament Nru 2634/97, li inserixxa l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 805/68, li l-esperjenza miksuba fl-implementazzjoni tad-Direttiva 91/628 kienet uriet li l-benesseri ta’ l-annimali ħajjin ma kinitx dejjem ġiet osservata fil-każijiet ta’ esportazzjoni ta’ annimali u li kien meħtieġ, għal raġunijiet prattiċi, li l-Kummissjoni tingħata l-kompitu li tistabbilixxi regoli ta’ applikazzjoni tar-regoli f’dan ir-rigward. Il-ħames premessa tar-Regolament Nru 615/98 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li għandhom jittieħdu l-miżuri addizzjonali ta’ natura dissważiva u li jiġu applikati b’mod uniformi, jekk jirriżulta, fuq il-bażi ta’ l-istat fiżiku u/jew ta’ saħħa ta’ diversi annimali ta’ l-istess lott, li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport ma ġewx irrispettati.

    21

    Minbarra dan, kienu kunsiderazzjonijiet analogi li wasslu lill-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jissostitwixxu d-Direttiva 91/628 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport u l-operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005, L 3, p. 1).

    22

    Għandu jiġi mfakkar, fit-tieni lok, li l-protezzjoni tal-benesseri ta’ l-annimali tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali li l-importanza tagħha rriżultat, b’mod partikolari, fl-adozzjoni mill-Istati Membri tal-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benesseri ta’ l-annimali, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU 1997, C 340, p. 110) jew wkoll bl-iffirmar mill-Komunità tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali matul trasport internazzjonli (irriveduta) [Deċiżjoni 2004/544/KE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ġunju, dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea fuq il-protezzjoni ta’ l-annimali fit-trasport internazzjonali (irriveduta), ĠU L 241, p. 21]. L-importanza ta’ dan il-għan huwa rifless ukoll mid-Dikjarazzjoni Nru 24 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali annessa ma’ l-Att finali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    23

    Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat diversi drabi l-interess li l-Komunità tagħti għas-saħħa u l-protezzjoni ta’ l-annimali (sentenzi ta’ l-1 ta’ April 1982, Holdijket, 141/81 sa 143/81, Ġabra p. 1299, punt 13, u tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 131/86, Ġabra p. 905, punt 17). B’mod partikolari hija ddeċidiet li t-twettiq ta’ l-għanijiet tal-politika agrikola komuni ma jistax ma jikkunsidrax ir-rekwiżiti ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja ta’ l-annimali, rekwiżiti li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jikkunsidraw fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom u b’mod partikolari fil-kuntest ta’ l-organizzazzjonijiet komuni ta’ swieq.

    24

    Isegwi li, billi b’hekk jorbot il-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat ħajjin ma’ l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-benesseri ta’ l-annimali, il-leġiżlatur Komunitarju jħares lejn il-ħarsien tar-rekwiżiti ta’ interess ġenerali, għan li t-twettiq tiegħu ma jistax, fih innifsu, iwassal sabiex jikkonstata l-invalidità ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98. Ir-referenza hekk magħmula tippreżenta, minbarra dan, il-vantaġġ li jiġi żgurat li l-baġit tal-Komunità ma jiffinanzjax esportazzjonijiet li jitwettqu bi ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-benesseri ta’ l-annimali.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tosserva, madankollu, essenzjalment, li r-Regolament Nru 615/98 u d-Direttiva 91/628 isegwu għanijiet differenti u li regolament ma jistax ukoll jirreferi globalment għal direttiva li barra minn hekk “b’dispjaċir kbir mhijiex preċiża”.

    26

    Għandu, f’dan ir-rigward, jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li l-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat ħajjin huwa suġġett, permezz tar-Regolament Nru 615/98, għall-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet iddefiniti minn leġiżlazzjoni li ssegwi l-għanijiet tagħha, ma jistax fih innifsu jiġi kkunsidrat bħala kawża ta’ invalidità ta’ dan ir-regolament, in kwantu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punti 22 sa 24 ta’ din is-sentenza, l-għanijiet hekk segwiti mhux biss huma perfettament leġittimi, iżda wkoll jikkostitwixxu obbligi kostanti u permanenti, skond id-dritt Komunitarju, fuq l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha fil-formulazzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika agrikola komuni.

    27

    Huwa ċert li, skond ġurisprudenża kostanti, direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi għall-individwi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 48; tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 108; tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punt 73, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, Carp, C-80/06, Ġabra p. I-4473, punt 20).

    28

    Madankollu, ma jistax jiġi eskluż, bħala prinċipju, li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu jiġu applikati permezz ta’ l-intermedjarju ta’ referenza speċifika ta’ regolament għad-dispożizzjonijiet tiegħu, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u, b’mod partikolari, tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

    29

    Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li r-referenza ġenerali, magħmula permezz tar-Regolament Nru 615/98 għad-Direttiva 91/628 għandha bħala għan li tiggarantixxi, għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 805/68, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali ħajjin u, b’mod partikolari, tal-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport. Din ir-referenza, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjonijiet, ma tistax, għaldaqstant, tiġi interpretata bħala li tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 91/628 u, b’mod partikolari, dawk li m’għandhom ebda relazzjoni ma’ l-għan prinċipali segwit minn din id-direttiva.

    30

    B’konsegwenza, ma jistax jiġi utilment sostnut, kif sostniet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-sentenza C-58/06, li din ir-referenza tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali safejn din tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 91/628.

    31

    Jirriżulta mill-iżviluppi kollha li jippreċedu li l-eżami ta’ l-ewwel domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98.

    Fuq it-tieni domanda

    32

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, safejn, skond il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, kull ksur ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 huwa awtomatikament u indipendentement minn ħsara stabbilita għall-benesseri ta’ l-annimali, ippenalizzat bit-telf totali tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

    33

    L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju u li ġie kkonfermat diversi drabi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika agrikola komuni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 81, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C-310/04, Ġabra p. I-7285, punt 97), għandu jiġi osservat in kwantu tali ukoll mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll mil-leġiżlaturi u l-qrati nazzjonali li japplikaw id-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju għandu wkoll jiġi osservat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 615/98.

    34

    Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li l-leġiżlatur Komunitarju, filwaqt li huwa marbut mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistabbilixxi fil-qasam tal-politika agrikola komuni setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li l-Artikoli 34 KE sa 37 KE jattribwulu. B’konsegwenza, l-istħarriġ tal-qorti għandha tkun limitata sabiex tivverifika jekk il-miżura in kwistjoni mhijiex ivvizzjata bi żball manifest jew abbuż ta’ poter jew jekk l-awtorità in kwistjoni ma qabżitx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jippes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

    35

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan ta’ l-aħħar jeżiġi li l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq ta’ l-għanijiet leġittimament segwiti mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, peress li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-anqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati m’għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ l-għanijiet intiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13, kif ukoll Jippes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

    36

    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ l-implementazzjoni ta’ tali prinċipju, fir-rigward tas-setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur Komunitarju fir-rigward tal-politika agrikola komuni, hija biss in-natura manifestament mhux adatta ta’ miżura stabbilita f’dan il-qasam, meta mqabbla ma’ l-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Fedesa et, punt 14, kif ukoll Jippes et, punt 82). B’hekk, din mhijiex kwistjoni dwar jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda jekk din kinitx manifestament mhux xierqa (sentenza Jippes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

    37

    F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tal-kliem ta’ l-Artikoli 1 u 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 u ta’ l-għan ta’ dan ir-Regolament, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 jattribwixxi t-telf tad-dritt għar-rifużjoni għan-nuqqas ta’ ħlas tagħha, in kwantu konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu mill-ammont tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni biss skond żewġ każijiet distinti sew previsti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98. Fl-ewwel każ, meta l-mewt ta’ l-annimali huwa attribwibbli għan-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, il-leġiżlatur Komunitarju ma jagħti ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtorità kompetenti peress li jipprovdi espressament li r-rifużjoni ma titħallasx. Minn naħa l-oħra, fit-tieni każ, meta din l-awtorità tqis li d-Direttiva 91/628 ma ġietx osservata mingħajr, madankollu, li dan in-nuqqas ta’ osservanza ma wassal għall-mewt ta’ l-annimali, il-leġiżlatur Komunitarju jattribwixxi ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tistax twassal għat-telf, it-tnaqqis jew iż-żamma tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

    39

    Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni mhuwiex madankollu mingħajr limitu, peress li dan huwa limitat permezz ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 615/98. Huwa biss fid-dawl tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(2), tar-rapporti ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament u/jew ta’ kull element ieħor li hija għandha fir-rigward ta’ l-osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament li l-awtorità kompetenti tista’ tqis li d-Direttiva 91/628 ma ġietx osservata.

    40

    Madankollu, id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 615/98 u r-rapporti msemmija fl-Artikolu 4 ta’ l-istess Regolament huma kollha relatati ma’ l-istat fiżiku u/jew għas-saħħa ta’ l-annimali matul it-trasport tagħhom. B’hekk l-awtorità kompetenti ma tistax tikkunsidra li d-Direttiva 91/628 ma ġietx osservata ħlief fuq il-bażi ta’ dokumenti relatati mas-saħħa ta’ l-annimali li għandhom jiġu pprovduti mill-esportatur, bħall-eżemplarju ta’ kontroll T5 li jippermetti li jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk l-annimali kinux b’saħħithom biżżejjed għall-vjaġġ u jekk il-mezz ta’ trasport kienx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

    41

    Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mit-termini ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, skond liema l-awtorità kompetenti tista’ wkoll tqis li d-Direttiva 91/628 ma ġietx osservata fir-rigward ta’ kull element ieħor għad-dispożizzjoni tagħha. Fil-fatt, dawn it-termini għandhom ukoll jiġu interpretati fis-sens li huma jirrigwardaw elementi li għandhom effett fuq il-benesseri ta’ l-annimali.

    42

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 91/628, li jista’ jwassal għal tnaqqis jew telf tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li għandhom effett fuq il-benesseri ta’ l-annimali, jiġifieri fuq l-istat fiżiku u/jew is-saħħa tagħhom u mhux dawk l-imsemmija dispożizzjonijiet li m’għandhomx, in prinċipju, tali effett.

    43

    B’hekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    44

    Hija kompetenza ta’ l-awtorità kompetenti li tevalwa jekk in-nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 91/628 kellux effett fuq il-benesseri ta’ l-annimali, jekk tali nuqqas ta’ osservanza jistax, skond il-każ, jiġi rrettifikat u jekk dan għandux iwassal għat-telf, it-tnaqqis jew iż-żamma tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni. Hija wkoll kompetenza ta’ din l-istess awtorità li tiddeċiedi jekk għandux isir tnaqqis tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni bi pro rata tan-numru ta’ annimali li fil-fehma tagħha, jistgħu jsofru minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 91/628 jew jekk jaqbel li din ir-rifużjoni ma titħallasx safejn in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni ta’ l-imsemmija direttiva kellu effetti fuq il-benesseri ta’ l-annimali kollha.

    45

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, għandu jiġi konkluż li l-eżami tal-kundizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ma żvela ebda element li jippermetti li jiġi kkkunsidrat li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 huwa manifestament mhux xieraq fir-rigward ta’ l-għan segwit, jiġifieri li tiġi żgurata, fil-kuntest tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, il-protezzjoni ta’ l-annimali ħajjin matul it-trasport.

    46

    Isegwi li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk l-awtoritajiet kompetenti applikawx id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 615/98 b’mod li huwa konformi ma’ dan il-prinċipju.

    Fuq l-ispejjeż

    47

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    1)

    L-eżami ta’ l-ewwel domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 615/98 tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli dettaljati speċifiċi ta’ applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta’ l-annimali ta’ l-ifrat ħajjin matul it-trasport.

     

    2)

    L-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk l-awtoritajiet kompetenti applikawx id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 615/98 b’mod li huwa konformi ma’ dan il-prinċipju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq