EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0082

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-6 ta' Marzu 2008.
Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones vs Administración del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Supremo - Spanja.
Komunikazzjonijiet elettroniċi - Netwerks u servizzi - Artikoli 3 (2) u 10(1) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva "qafas") - Pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni - Awtorità regolatorja speċifika.
Kawża C-82/07.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:143

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Marzu 2008 ( *1 )

“Komunikazzjonijiet elettroniċi — Netwerks u servizzi — Artikoli 3(2) u 10(1) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva ‘Qafas’) — Pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni — Awtorità regolatorja speċifika”

Fil-Kawża C-82/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Frar 2007, fil-proċeduri

Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones

vs

Administración del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones, minn F. Ramos Cea, procurador u M. Sánchez Blanco, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, inizjalment minn A. Hubert, imbagħad minn C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn S. Spyropoulos kif ukoll I. Pouli u S. Trekli, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Vidal Puig, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3(2) u 10(1) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru [Qafas]”) (ĠU L 108, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), moqrija flimkien mal-ħdax-il premessa ta’ l-istess direttiva.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors li permezz tiegħu l-Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (iktar ’il quddiem is-“CMT”) qed titlob l-annullament totali jew parzjali tad-Digriet Irjali Nru 2296/2004 li jadotta r-Regolament dwar is-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-aċċess għan-netwerks u n-numerazzjoni, (Real Decreto 2296/2004 por el que se aprueba el Reglamento sobre mercados de comunicaciones electrónicas, acceso a las redes y numeración), ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004 (BOE Nru 314, tat-30 ta’ Diċembru 2004, p. 42372), kif ukoll ta’ ċerti punti tal-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni telefonika anness ma’ l-imsemmi Digriet Irjali, minħabba li dawn imorru kontra l-Liġi Ġenerali Nru 32/2003 dwar it-telekomunikazzjonijiet (Ley General 32/2003 de Telecomunicaciones), tat-3 ta’ Novembru 2003 (BOE Nru 264, ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, p. 38890, iktar ’il quddiem il-“LĠT”) li ttrasponiet id-Direttiva Qafas fil-liġi nazzjonali.

Il-kuntest ġuridiku Komunitarju

3

Il-ħdax-il premessa tad-Direttiva Qafas tistipula:

“Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali regolatorji bil-ħsieb li jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-ħtieġa ta’ l-indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligazzjonijiet kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri jew tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema […] tal-proprjetà preskritta f’Artikolu 295 tat-Trattat. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu fil-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta’ impjegati, kapaċità, u mezzi finanzjarji, għat-twettieq tax-xogħol tagħhom.”

4

L-għoxrin premessa ta’ din id-direttiva tistipula:

“L-aċċess għar-riżorsi tan-numerazzjoni fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti, oġġettivi u mhux diskriminatorji huwa essenzjali għall-impriżi biex jikkompetu fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-elementi kollha għall-pjani nazzjonali ta’ numerazzjoni għandhom ikunu amministrati mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, inklużi l-kodiċi tal-punti wżati fl-indirizzar tan-networks. […]”

5

L-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi “awtorità nazzjonali regolatorja” bħala “l-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi”.

6

Skond l-Artikolu 2(m) ta’ din id-direttiva, il-“provista ta’ network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” hija ddefinita bħala l-istabbiliment, l-operazzjoni, il-kontroll jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dak in-netwerk.

7

L-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas bit-titolu “awtoritajiet nazzjonali regolatorji” jipprovdi li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f’din id-Direttiva u fid-Direttiva Speċifiċi jitwettaq minn korp kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji billi jassiguraw li jkun[u] legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, apparat jew servizzi. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew jikkontrollaw intrapriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi għandhom jassiguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni regolatorja mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll.

3.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jeżerċitaw is-settgħat tagħhom imparzjalment u trasparentement.

4.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ix-xogħlijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f’forma faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari fejn dawk ix-xogħlijiet huma assenjati lill-aktar minn korp wieħed. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, fejn xieraq, konsultazzjoni u koperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet, u bejn dawk l-awtoritajiet u l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-implimentazzjoni tal-liġi tal-konsumatur, dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni. Fejn akatr [aktar] minn awtorità waħda jkollha l-kompetenza li tindirizza dawk il-kwistjonijiet, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li x-xogħlijiet rispettivi ta’ kull awtorità jiġu pubblikat[i] f’forma faċilment aaċċessibbli.

[…]

6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kollha assenjati xogħlijiet taħt din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi, u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.”

8

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva Qafas, bit-titolu “Numerazzjoni, ismijiet u indirizzar” jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jikkontrollaw l-assenjament [l-assenjazzjoni] tar-riżorsi kollha tan-numerazzjoni nazzjonali u l-amministrazzjoni tal-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni. L-Istati Membri għandom jassiguraw li firxiet adegwati ta’ numri u numerazzjoni huma provduti għas-servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunkazzjonijiet elettroniċi. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jistabbilixxu proċeduri oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji ta’ assenjament [assenjazzjoni] għar-riżorsi tan-numerazzjoni nazzjonali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Fid-9 ta’ Diċembru 2002, CMT ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal Supremo li fih talbet l-annullament u l-invalidazzjoni ta’ l-Artikoli 27(1) u (3), 28(2), 34, 36, 38, 40(1) u (3), 49 u 55 tad-Digriet Irjali Nru 2296/2004 kif ukoll tal-punti 5.4 u 10.1 tal-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni telefonika anness ma’ l-istess digriet, peress li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-LĠT.

10

Is-CMT sostniet li dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrispettawx it-tqassim tas-setgħat fir-rigward ta’ l-amministrazzjoni tar-riżorsi ta’ numerazzjoni stipulati fl-Artikoli 16 u 48 tal-LĠT. Fil-fatt il-kompetenza residwa tal-Ministeru ta’ l-Industrija, tat-Turiżmu u tal-Kummerċ f’dan il-qasam, prevista mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi preċedenti u minn dawk tal-LĠT, kienet ġiet speċifikata b’tali mod mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali Nru 2296/2004 li r-rwol tas-CMT safa’ sempliċiment wieħed ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda minn dan il-Ministeru. Barra minn hekk, is-CMT sostniet li dan id-digriet irjali jmur oltre l-LĠT u jikser il-prinċipji ta’ legalità, ta’ ġerarkija tan-normi u ta’ ċertezza legali filwaqt li jinterpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva Qafas.

11

Permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2007, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Skond l-Artikoli 3(2) u 10(1) tad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mal-ħdax-il premessa ta’ l-istess direttiva, l-Istati Membri huma marbuta jattribwixxu lil awtoritajiet differenti l-“funzjonijiet regolatorji”, minn naħa waħda, u “operazzjonali”, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni u ta’ l-amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni?

2.

Fil-każ li Stat Membru, meta jittrasponi d-direttiva Qafas fil-liġi nazzjonali, ikun inkariga lil awtorità regolatorja speċifika bl-assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni u bl-amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni, jista’ fl-istess ħin inaqqas is-setgħat ta’ din l-awtorità regolatorja f’dan il-qasam filwaqt li jagħtihom lil awtoritajiet oħrajn jew lill-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istat stess, bir-riżultat li fir-realtà l-amministrazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi tkun maqsuma bejn diversi awtoritajiet?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

12

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, skond l-ewwel premessa tad-Direttiva Qafas, il-qafas regolatorju ġdid applikabbli għat-telekomunikazzjonijiet, jiġifieri, id-Direttivi Qafas 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”)(ĠU L 108, p. 21), 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”)(ĠU L 108, p. 51), u 2002/19/CE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ “Aċċess”)(ĠU L 108, p. 7), ġie adottat meta l-qafas regolatorju preċedenti kien ippermetta l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet matul it-tranżizzjoni minn sitwazzjoni ta’ monopolju għal waħda ta’ kompetizzjoni sħiħa.

13

Huwa f’dan il-kuntest li għandha tiġi evalwata l-ħdax-il premessa tad-Direttiva Qafas, li tistipula li, skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtorità jew awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet regolatorji”), sabiex jassiguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom.

14

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva Qafas jispeċifika l-modalitajiet li għandhom jippermettu li tiġi ggarantita l-indipendenza ta’ l-awtoritajiet regolatorji billi jipprovdi li dawn għandhom ikunu legalment distinti u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu netwerks, apparat jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Meta l-Istati Membri jibqgħu proprjetarji ta’ jew jikkontrollaw impriżi li jipprovdu netwerks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għandhom jiżguraw partikolarment is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni regolatorja, minn naħa waħda, mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew mal-kontroll ta’ dawn l-impriżi, min-naħa l-oħra.

15

Fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat qabel kollox li dawn m’humiex parti mill-funzjonijiet eżerċitati minn entitajiet li jipprovdu servizzi jew netwerks, kif il-provvista ta’ netwerks hi ddefinita fl-Artikolu 2(m) tad-Direttiva Qafas. Għaldaqstant, m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala “funzjonijiet operazzjonali” skond il-ħdax-il premessa ta’ din id-direttiva, iżda bħala “funzjonijiet regolatorji”.

16

Barra minn hekk, jidher li l-qorti tar-rinviju mhijiex ċerta jekk id-Direttiva Qafas tippermettix lill-Istati Membri jattribwixxu lil awtoritajiet regolatorji differenti, minn naħa waħda, il-funzjonijiet regolatorji u, min-naħa l-oħra, dawk ta’ amministrazzjoni fir-rigward ta’ assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni u ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni.

17

F’dan ir-rigward, mill-Artikoli 10(1) u 3(2) tad-Direttiva Qafas moqrija flimkien jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jattribwixxu lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet regolatorji l-kontroll ta’ l-assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni kollha kif ukoll l-amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni, li dawn l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu legalment distinti u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu netwerks, apparat u servizi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u li l-Istati Membri li jibqgħu proprjetarji ta’ jew li jikkontrollaw impriżi li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jiggarantixxu separazzjoni strutturali effettiva ta’ l-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll ta’ dawn l-impriżi, minn naħa waħda, u tal-funzjonijiet regolatorji, inklużi dawk ta’ l-assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni u ta’ l-amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni, min-naħa l-oħra.

18

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata kemm mill-ħdax-il premessa tad-Direttiva Qafas li torbot lill-Istati Membri li jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali regolatorji, kif ukoll mill-Artikolu 3(4) ta’ l-istess direttiva li jistipula li l-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-inkarigi li għandhom jitwettqu minn dawn l-awtoritajiet regolatorji, b’mod partikolari fejn dawk l-inkarigi huma assenjati lil aktar minn korp wieħed.

19

Barra minn hekk, l-eventwali pluralità ta’ awtoritajiet regolatorji tirriżulta mid-definizzjoni stess ta’ l-“awtorità nazzjonali regolatorja” mogħtija fl-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva.

20

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva Qafas ma timponi li l-awtorità regolatorja li jkunu ngħatawlha l-funzjonijiet ta’ assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni għandha tkun differenti jew indipendenti minn awtoritajiet oħra regolatorji u partikolarment minn dik responsabbli għall-adozzjoni tal-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni jew ta’ proċeduri ta’ kontroll jew ta’ amministrazzjoni ta’ l-imsemmi pjan.

21

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal aktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 3(2) u (4) u 10(1) tad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mal-ħdax-il premessa ta’ l-istess direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-funzjonijiet ta’ assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala funzjonijiet regolatorji. L-Istati Membri m’humiex obbligati jattribwixxu dawn il-funzjonijiet differenti lil awtoritajiet regolatorji differenti.

Fuq it-tieni domanda

22

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Stat Membru jistax jattribwixxi l-funzjonijiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva Qafas, lil diversi awtoritajiet regolatorji.

23

Mill-Artikoli 2(g) u 10(1) tad-Direttiva Qafas jirriżulta b’mod ċar li diversi awtoritajiet regolatorji jista’ jkollhom il-kontroll ta’ l-assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni kif ukoll ta’ l-amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni.

24

Għalkemm l-Istati Membri f’dan ir-rigward igawdu minn awtonomija istituzzjonali fl-organizzazzjoni u fl-istrutturazzjoni ta’ l-awtoritajiet regolatorji tagħhom skond l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas, din l-awtonomija tista’ tiġi eżerċitata biss b’mod konformi ma’ l-għanijiet u l-obbligi definiti f’din id-direttiva.

25

B’hekk, skond l-Artikolu 3(2), (4) u (6) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom mhux biss jassiguraw l-indipendenza funzjonali ta’ dawn l-awtoritajiet regolatorji fil-konfront ta’ l-organizzazzjonijiet li jipprovdu netwerks, apparat jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda wkoll jippubblikaw l-inkarigi li għandhom jitwettqu minn dawn l-awtoritajiet regolatorji f’forma faċilment aċċessibbli u jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-isem ta’ l-awtoritajiet regolatorji inkarigati bit-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet kif ukoll dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

26

Konsegwentement, meta dawn il-funzjonijiet jiġu assenjati, anki jekk parzjalment, lil awtoritajiet ministerjali, kull Stat Membru għandu jassigura li dawn ta’ l-aħħar ma jkunux direttament jew indirettament involuti fil-“funzjonijiet operazzjonali” skond id-Direttiva Qafas.

27

Minn dak kollu li ntqal aktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 10(1) u 3(2), (4) u (6) tad-Direttiva Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-funzjonijiet ta’ assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni kif ukoll dawk ta’ amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni jitqassmu bejn diversi awtoritajiet regolatorji indipendenti, bil-kundizzjoni li t-tqassim ta’ l-inkarigi jiġi ppubblikat, ikun faċilment aċċessibbli u jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, tal-Ġustizzja barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 3(2) u (4) u 10(1) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru [Qafas]”), moqrija flimkien mal-ħdax-il premessa ta’ l-istess direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-funzjonijiet ta’ assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala funzjonijiet regolatorji. L-Istati Membri m’humiex obbligati jattribwixxu dawn il-funzjonijiet differenti lil awtoritajiet regolatorji nazzjonali differenti.

 

2)

L-Artikoli 10(1) u 3(2), (4) u (6) tad-Direttiva 2002/21 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-funzjonijiet ta’ assenjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni kif ukoll dawk ta’ amministrazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni jitqassmu bejn diversi awtoritajiet regolatorji indipendenti, bil-kundizzjoni li t-tqassim ta’ l-inkarigi jiġi ppubblikat, ikun faċilment aċċessibbli u jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq