Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0002

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-28 ta' Frar 2008.
    Paul Abraham et. vs Région wallonne et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - il-Belġju.
    Direttiva 85/337/KEE - Stima ta’ l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent - Ajruport b’ runway b’tul ta’ aktar minn 2100 metru.
    Kawża C-2/07.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:133

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    28 ta’ Frar 2008 ( *1 )

    “Direttiva 85/337/KEE — Stima ta’ l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent — Ajruport b’runway b’tul ta’ iktar minn 2 100 metru”

    Fil-Kawża C-2/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Jannar 2007, fil-proċeduri

    Paul Abraham et,

    vs

    Région wallonne,

    Société de développement et de promotion de l’aéroport de Liège-Bierset,

    T.N.T. Express Worldwide (Euro Hub) SA,

    Société nationale des voies aériennes-Belgocontrol,

    État belge,

    Cargo Airlines Ltd,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, P. Kūris u J.-C. Bonichot (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal P. Abraham et, minn L. Misson, L. Wysen u X. Close, avocats, kif ukoll minn A. Kettels, Rechtsanwältin,

    għal M. Beaujean et, minn L. Cambier u M. t’Serstevens, avocats,

    għal E. Dehalleux et, minn L. Cambier, avocat,

    għal P. Descamps et, minn A. Lebrun, avocat,

    għar-Région wallonne, minn F. Haumont, avocat,

    għas-Société de développement u de promotion de l’aéroport de Liège-Bierset, minn P. Ramquet, avocat,

    għal T.N.T. Express Worldwide (Euro Hub) SA, minn P. Henfling u V. Bertrand, avocats,

    għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn F. Haumont, avocat,

    għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Konstantinidis u J.-B. Laignelot, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”), fil-verżjoni tagħha preċedenti għal dik li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/11”), u b’mod partikolari tal-punt 7 ta’ l-Anness I tagħha u tal-punt 12 ta’ l-Anness II tagħha.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn numru ta’ individwi li jgħixu qrib l-ajruport ta’ Liege-Bierset (il-Belġju) u r-Région wallonne (Reġjun tal-Vallonja), is-Société de développement et de promotion de l’aéroport de Liège-Bierset, T.N.T. Express Worldwide (Euro Hub) SA (iktar ’il quddiem “T.N.T. Express Worldwide”), is-Société nationale des voies aériennes-Belgocontrol, l-État belge (l-Istat Belġjan) u Cargo Airlines Ltd, dwar storbju qawwi pprovokat mill-istallazzjoni ta’ ċentru ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    Id-Direttiva 85/337, hawn applikabbli fil-verżjoni oriġinali tagħha, tikkonċerna, skond l-Artikolu 1(1) tagħha, l-istima ta’ l-effetti fuq l-ambjent ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

    4

    Skond l-Artikolu 1(2):

    “[…] “proġett” tfisser:

    l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

    interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

     

    żviluppatur tfisser:

     

    applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorità pubblika li tibda proġett;

     

    kunsens għal żvilupp tfisser:

     

    id-deċiżjoni ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett”.

    5

    Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, “[l-Is]tati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom. Il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4”.

    6

    L-Artikolu 3 jiddeskrivi s-suġġett ta’ l-istima ta’ l-effetti fuq l-ambjent:

    “L-istima ta’ l-impatt ambjentali [effetti fuq l-ambjent] għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u skond l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq dawn il-fatturi:

    bnedmin, fawna u flora,

    ħamrija, ilma, arja, klima u l-pajsaġġ,

    l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel u t-tieni indent,

    assi materjali u wirt kulturali”.

    7

    L-Artikolu 4 jiddistingwi żewġ tipi ta’ proġetti.

    8

    L-Artikolu 4(1) jeżiġi li, bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti tal-klassijiet elenkati fl-Anness I għandhom ikunu suġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10 ta’ l-istess direttiva. Fost il-proġetti li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 85/337, il-punt 7 ta’ l-Anness I isemmi l-“[k]ostruzzjoni […] ta’ ajruporti (2) ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ 2100 m jew iktar”.

    9

    In-nota f’qiegħ il-paġna (2), dwar dan il-punt 7, tippreċiża li: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “ajruport” tfisser ajruporti li jikkonformaw mad-definizzjoni fil-Konvenzjoni ta’ Chicago ta’ l-1944 li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni [Internazzjonali] dwar l-Avjazzjoni Ċivili (l-Anness 14)”.

    10

    F’dak li jikkonċerna t-tipi l-oħra ta’ proġetti, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 jipprevedi:

    “Proġetti tal-klassijiet elenkati [fl]-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, [meta l-Istati] Membri jikkunsidraw li l-karateristiċi tagħhom jirrikjedu hekk.

    Għal dan il-għan [l-Istati] Membri jistgħu inter alia jispeċifikaw ċerti tipi ta’ proġetti bħala li huma soġġetti għal stima jew jistgħu jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti meħtieġa biex jiddeterminaw liema mill-proġetti tal-klassijiet elenkati [fl]-Anness II huma soġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10”.

    11

    Taħt dawn l-istess proġetti li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, il-punt 10(d) ta’ l-Anness II ta’ din ta’ l-aħħar isemmi “l-[k]ostruzzjoni […] ta’ ajruporti (proġetti mhux elenkati fl-Anness I)” u l-punt 12 ta’ l-istess Anness isemmi l-“[m]odifikazzjonijiet lil proġetti ta’ żvilupp inklużi f’Annes[s] I”.

    12

    L-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 85/337, li għalihom jirreferi l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, essenzjalment jipprovdu kif ġej: l-Artikolu 5 jippreċiża l-informazzjoni minima li l-iżviluppatur għandu jforni, l-Artikolu 6 jimponi, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ l-iżviluppatur li jinforma lill-awtoritajiet u lill-pubbliku, l-Artikolu 8 isemmi l-obbligu ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jieħdu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stima u l-Artikolu 9 jistabbilixxi l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jgħarrfu lill-pubbliku bid-deċiżjoni li ġiet meħuda kif ukoll bil-kundizzjonijiet mehmużin magħha.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    13

    Fir-Reġjun tal-Vallonja, l-istima ta’ l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent kienet irregolata, sa’ l-1 ta’ Ottubru 2002, minn Digriet tal-11 ta’ Settembru 1985 u mid-digriet ta’ traspożizzjoni tiegħu tal-31 ta’ Ottubru 1991.

    14

    Dawn it-testi kienu jipprovdu li l-proġetti ċċitati fl-Anness I tad-Digriet tal-11 ta’ Settembru 1985, li jadotta l-lista ta’ l-Anness I tad-Direttiva 85/337, u fl-Anness II tad-Digriet tal-31 ta’ Ottubru 1991 kienu ex officio suġġetti għal studju ta’ l-effetti fuq l-ambjent. Il-proġetti l-oħra, li fir-rigward tagħhom studju ta’ l-effetti ma kienx ipprovdut ex officio, kellhom biss ikun is-suġġett ta’ avviż ta’ stima minn qabel ta’ l-effetti fuq l-ambjent.

    15

    Skond l-Anness I tad-Digriet tal-11 ta’ Settembru 1985, il-kostruzzjoni ta’ ajruporti ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ mill-inqas 2100 metru hija obbligatorjament suġġetta għal studju ta’ l-effetti fuq l-ambjent. Barra minn hekk, u bis-saħħa ta’ l-Anness II tad-Digriet tal-31 ta’ Ottubru 1991, il-kostruzzjoni ta’ ajruporti ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ 1200 metru jew iktar, inkluż l-estenzjoni ta’ runways eżistenti għal iktar minn dan l-aħħar limitu, kif ukoll l-ajruporti ta’ żvag kellhom ukoll ikunu s-suġġett ta’ studju ta’ l-effetti fuq l-ambjent.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16

    L-individwi li jgħixu qrib l-ajruport ta’ Liège-Bierset jilmentaw dwar storbju qawwi, l-iktar billejl, li jirriżulta mir-ristrutturazzjoni ta’ dan l-ex ajruport militari antik u mill-użu tiegħu, mill-1996, minn kumpanniji ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru.

    17

    Ftehim, iffirmat fis-26 ta’ Frar 1996 bejn ir-Reġjun tal-Vallonja, is-Société de développement et de promotion de l’aéroport de Liège-Bierset u T. N. T. Express Worldwide, ippreveda ċertu numru ta’ xogħlijiet ta’ modifika ta’ l-infrastrutturi ta’ dan l-ajruport sabiex dan ikun jista’ jiġi użat 24 siegħa kuljum u 365 jum fis-sena. Ir-runways, b’mod partikolari, kienu ġew adattati u mwessgħin. Kienu ġew mibnijja wkoll torri ta’ kontroll kif ukoll toroq ġodda ta’ ħruġ mir-runways u żoni ta’ parkeġġ. Minn-naħa l-oħra, it-tul tar-runway, ta’ 3297 metru, baqa’ l-istess.

    18

    Awtorizzazzjonijiet għal ippjannar u awtorizzazzjonijiet biex isiru xogħlijiet kienu wkoll ġew mogħtija sabiex ikunu jistgħu jinbdew dawn ix-xogħlijiet.

    19

    Il-kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali Belġjana tikkonċerna l-qasam tar-responsabbiltà: fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu li jiġi kkumpensat id-dannu li huma jqisu li jsostnu minħabba l-istorbju, skond huma qawwi, marbut mar-ristrutturazzjoni ta’ l-ajruport.

    20

    Huwa f’dan il-kuntest li tressaq quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni appell fuq punt ta’ liġi intiż kontra sentenza mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2004 mill-cour d’appel ta’ Liège.

    21

    Peress illi kienet tqis li l-kwistjoni li tressqet quddiemha tqajjem domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Kassazzjoni ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

    “1)

    Ftehim bejn l-awtoritajiet pubbliċi u impriża privata, iffirmat bil-għan li dik l-impriża tkun tista’ tistabbilixxi ruħha fis-sit ta’ ajruport attrezzat b’runway b’tul ta’ iktar minn 2100 metru, li jkun jinkludi d-deskrizzjoni preċiża tax-xogħol ta’ infrastruttura li ser isir għall-adattament tar-runway, mingħajr ma din tiġi mtawla, u għall-kostruzzjoni ta’ torri ta’ kontroll sabiex ikunu jistgħu jsiru titjiriet minn ajruplani kbar tat-trasport 24 siegħa kuljum għal 365 jum fis-sena, u li jipprevedi titjiriet kemm billejl kif ukoll binhar malli tiġi stabbilita dik l-impriża, jikkostitwixxi proġett fis-sens tad-Direttiva 85/337 […] kif kienet applikabbli qabel l-emenda tagħha mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KEE, tat-3 ta’ Marzu 1997 [(ĠU L 73, p. 5]?

    2)

    Ix-xogħlijiet ta’ modifika li jsiru fl-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti bil-għan li dan jiġi adattat għal żieda proġetta fin-numru ta’ titjiriet billejl u binhar, mingħajr ma tiġi mtawla r-runway, jikkorrispondu għall-kunċett ta’ proġett, li għalih huwa meħtieġ studju ta’ l-effetti fis-sens ta’ l-Artikoli 1, 2 u 4 tad-Direttiva 85/337 […], kif kienet applikabbli qabel l-emenda tagħha mid-Direttiva 97/11 […]?

    3)

    Peress illi ż-żieda pproġettata fl-attività ta’ ajruport ma tissemmiex direttament fl-Annessi tad-Direttiva 85/337 […], l-Istat Membru għandu xorta waħda jikkunsidra dik iż-żieda, meta jeżamina l-effett potenzjali fuq l-ambjent tal-modifiki mwettqa għall-infrastrutturi ta’ dak ajruport bil-għan li jkun jista’ jlaħħaq maż-żieda fl-attività?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    22

    Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ftehim bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex “proġett” fis-sens tad-Direttiva 85/337.

    23

    Din id-domanda titlob risposta negattiva. Fil-fatt mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li l-kelma “proġett” tkopri xogħlijiet jew interventi fiżiċi. Għaldaqstant, ftehim ma jistax ikun meqjus bħala proġett fis-sens tad-Direttiva 85/337, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-ftehim jinkludix deskrizzjoni, ftit jew wisq preċiża, tax-xogħlijiet li għandhom isiru.

    24

    Madankollu, sabiex tipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju li indirizzatilha domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, tista’, barra minn hekk, tikkunsidra li huwa neċessarju li tqis dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li l-qorti nazzjonali ma rreferitx għalihom fit-test tad-domanda tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, Ġabra p. 1207, punt 9).

    25

    F’din il-kawża, hemm lok li jiġi indikat lill-qorti tar-rinviju li hija hi li għandha tiddetermina, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jekk ftehim bħal dan in kwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludix kunsens għal żvilupp fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, jiġifieri deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti li tagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jwettaq il-proġett in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord-Holland, C-81/96, Ġabra p. I-3923, punt 20). Dan ikun il-każ jekk din id-deċiżjoni tkun tista’, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, titqies bħala deċiżjoni ta’ l-awtorità jew ta’ l-awtoritajiet kompetenti li tagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jwettaq xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazzjonijiet jew skemi oħra jew li jintervjeni fil-madwar u l-pajsaġġ naturali.

    26

    Barra minn hekk, meta d-dritt nazzjonali jipprovdi għal proċedura ta’ kunsens f’diversi stadji, l-istima ta’ l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent għandha, fil-prinċipju, issir hekk kif ikunu jistgħu jiġu identifikati u evalwati l-effetti kollha li dan il-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent (ara s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C-201/02, Ġabra p. I-723, punt 53). Għaldaqstant, meta waħda minn dawn l-istadji hija deċiżjoni prinċipali u l-oħra hija deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni li ma tistax testendi lil hinn mill-parametri stabbiliti mid-deċiżjoni prinċipali, l-effetti li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent għandhom ikunu identifikati u evalwati matul il-proċedura dwar id-deċiżjoni prinċipali. Huwa biss jekk dawn l-effetti jistgħu jkunu identifikati biss matul il-proċedura relatata mad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni li l-istima għandha ssir fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura (sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

    27

    Fl-aħħar hemm lok li l-qorti tar-rinviju tiġi mfakkra li l-għan tal-leġiżlazzjoni ma jistax ikun evitat permezz ta’ qsim tal-proġetti u li n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-effett kumulattiv tagħhom m’għandux ikollu bħala riżultat, fil-prattika, li fit-totalità tagħhom dawn jistgħu jevitaw l-obbligu ta’ stima meta, meħudin flimkien, dawn jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 76).

    28

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li għalkemm ftehim bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhuwiex proġett skond id-Direttiva 85/337, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jekk tali ftehim jikkostitwixxix kunsens għal żvilupp skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337. F’dan il-kuntest hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan il-kunsens huwiex parti minn proċedura f’diversi stadji li tinkludi deċiżjoni prinċipali kif ukoll deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni u jekk hemmx lok li jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv ta’ diversi proġetti li l-effetti tagħhom fuq l-ambjent għandhom ikunu evalwati globalment.

    Fuq it-tieni domanda

    29

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk xogħlijiet li jsiru lill-infrastruttura ta’ ajruport diġà mibni u b’tul bażiku ta’ runway li diġà huwa iktar minn 2100 metru jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt 12 ta’ l-Anness II moqrija flimkien ma’ dawk tal-punt 7 ta’ l-Anness I tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni oriġinali tagħha.

    30

    Bis-saħħa tal-punt 12 ta’ l-Anness II fil-verżjoni tiegħu preċedenti għal dik li tirriżulta mid-Direttiva 97/11, jikkostitwixxu proġett fi ħdan l-Artikolu 4(2) il-“[m]odifikazzjonijiet lil proġetti ta’ żvilupp inklużi f’Annes[s] I”. Il-punt 7 ta’ dan l-Anness isemmi minn naħa tiegħu l-“[k]ostruzzjoni […] ta’ ajruporti […] ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ 2100 m jew iktar”.

    31

    Is-Société de développement et de promotion de l’aéroport de Liège-Bierset, T. N. T. Express Worldwide u r-Renju tal-Belġju jsostnu li minn din il-verżjoni neċessarjament jirriżulta li huma biss il-modifiki mwettqa lill-“kostruzzjoni” ta’ ajruport ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ 2100 m jew iktar li huma koperti u mhux il-modifiki mwettqa lil ajruport eżistenti.

    32

    Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja bosta drabi diġà rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 huwa wiesgħa u l-għan tagħha kbir ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 31, u tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 40). F’dan ir-rigward ikun kuntrarju għall-għan stess tad-Direttiva 85/337 li xogħlijiet ta’ titjib jew ta’ tkabbir ta’ infrastruttura ta’ ajruport diġà mibni jaħarbu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Anness II tagħha, għar-raġuni li l-Anness I tad-Direttiva 85/337 jirreferi għall-“kostruzzjoni ta’ ajruporti” u mhux għall-“ajruporti” bħala tali. Tali interpretazzjoni tkun tippermetti fil-fatt li x-xogħlijiet kollha ta’ modifika mwettqa lil ajruport diġà eżistenti, irrispettivament mill-estent ta’ dawn ix-xogħlijiet, jaħarbu l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 85/337 u għaldaqstant, tneħħi, fuq dan il-punt, kull skop ta’ l-Anness II tad-Direttiva 85/337.

    33

    Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-punt 12 ta’ l-Anness II moqrija flimkien ma’ dawk tal-punt 7 ta’ l-Anness I għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jinkludu wkoll ix-xogħlijiet ta’ modifika mwettqa lil ajruport diġà mibni.

    34

    Din l-interpretazzjoni mhija bl-ebda mod ikkontestata mill-fatt li d-Direttiva 97/11 issostitwixxiet il-punt 12 ta’ l-Anness II tad-Direttiva 85/337 b’punt 13 ġdid li jindika espressament bħala proġett fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, “[k]ull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I jew l-Anness II, diġà aworizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq […]” filwaqt illi l-punt 12 ta’ l-Anness II sempliċiment rrefera għall-“[m]odifikazzjonijiet lil proġetti ta’ żvilupp inklużi f’Annes I”. Fil-fatt, il-verżjoni l-ġdida adottata mid-Direttiva 97/11, li r-raba’ premessa tagħha tenfasizza l-esperjenza miksuba dwar l-istima ta’ l-effetti fuq l-ambjent u tinsisti fuq il-ħtieġa li jiddaħħlu dispożizzjonijiet disinjati biex jiċċaraw, jissupplimentaw u jtejbu r-regoli tal-proċedura ta’ l-istima, sempliċiment isservi sabiex tikkjarifika ulterjuri l-portata li għandha tingħata lid-Direttiva 85/337 fil-verżjoni oriġinali tagħha. Għaldaqstant il-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jiddeduċi interpretazzjoni li tmur kontra d-direttiva fil-verżjoni oriġinali tagħha.

    35

    Barra minn hekk, il-fatt li x-xogħlijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkonċernawx it-tul tar-runway huwa irrilevanti għall-kwistjoni dwar jekk dawn ix-xogħlijiet jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 12 ta’ l-Anness II tad-Direttiva 85/337. Fil-fatt, il-punt 7 ta’ l-Anness I tad-Diretiva 85/337 jagħmilha ċara li jippreċizza l-kunċett ta’ “ajruport” billi jirreferi għad-definizzjoni mogħtija fl-Anness 14 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, tas-7 ta’ Diċembru 1944, li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Internazzjonali dwar l-Avjazzjoni Ċivili. Skond dan l-Anness: “[a]jruport huwa żona fuq l-art jew fuq l-ilma (inklużi l-binja, istallazzjonijiet u tagħmmir) intiża sabiex tintuża kollha kemm hi jew f’parti minnha għall-wasla, it-tluq ta’ ajruplani u għall-movimenti tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    36

    Minn dan jirriżulta li x-xogħlijiet kollha fuq il-binja, l-istallazzjonijiet jew it-tgħammir ta’ ajruport għandhom ikunu kkunsidrati bħala xogħlijiet fuq l-ajruport fih innifsu. Għall-applikazzjoni tal-punt 12 ta’ l-Anness II moqri flimkien mal-punt 7 ta’ l-Anness I tad-Direttiva 85/337, dan ifisser, għaldaqstant, li x-xogħlijiet ta’ modifika ta’ ajruport ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ 2100 m jew iktar huma mhux biss ix-xogħlijiet li jkunu intiżi sabiex tiġi mtawla r-runway, iżda x-xogħlijiet kollha fuq il-binja, l-istallazzjonijiet jew it-tgħammir ta’ dan l-ajruport sakemm dawn jistgħu jiġu meqjusa, b’mod partikolari min-natura, l-importanza u l-karatteristiċi tagħhom, bħala modifika ta’ l-ajruport stess. L-istess japplika għaldaqstant, b’mod partikolari, għax-xogħlijiet intiżi sabiex tiżdied b’mod sinjifikattiv l-attività ta’ l-ajruport u tat-traffiku ta’ l-ajru.

    37

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju għandha tiġi mfakkra li għalkemm l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 jagħti lill-Istati Membri marġini ta’ diskrezzjoni sabiex jispeċifikaw ċerti tipi ta’ proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal stima jew sabiex jistabbilixxu kriterji u/jew limiti li għandhom jiġi kkunsidrati, il-limiti ta’ din id-diskrezzjoni jinstabu fl-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 2(1), ta’ din id-direttiva, li proġetti li aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom (sentenza Kraaijeveld et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

    38

    Għaldaqstant, Stat Membru li jistabbilixxi kriterji u/jew limiti li jieħdu in kunsiderazzjoni biss il-kobor tal-proġetti, mingħajr ma jqisu wkoll in-natura u l-post tagħhom, jeċċedi l-marġini ta’ diskrezzjoni li huwa għandu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2(1) u 4(2) tad-Direttiva 85/337.

    39

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tassigura ruħha li l-awtoritajiet kompetenti evalwaw korrettament jekk ix-xogħlijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhomx ikunu suġġetti għal stima ta’ impatt fuq l-ambjent.

    40

    Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li d-dispożizzjonijiet tal-punt 12 ta’ l-Anness II moqrija flimkien ma’ dawk tal-punt 7 ta’ l-Anness I tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni oriġinali tagħhom, jinkludu wkoll ix-xogħlijiet ta’ modifika mwettqa lill-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti mingħajr ma tiġi mwtawla r-runway sakemm dawn jistgħu jiġu meqjusa, b’mod partikolari min-natura, l-importanza u l-karatteristiċi tagħhom, bħala modifka ta’ l-ajruport stess. L-istess japplika għaldaqstant, b’mod partikolari, għax-xogħlijiet intiżi sabiex tiżdied b’mod sinjifikattiv l-attività ta’ l-ajruport u tat-traffiku ta’ l-ajru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tassigura ruħha li l-awtoritajiet kompetenti evalwaw korrettament jekk ix-xogħlijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhomx ikunu suġġetti għal stima ta’ l-effett tagħhom fuq l-ambjent.

    Fuq it-tielet domanda

    41

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet kompetenti għandhomx l-obbligu li jikkunsidraw iż-żieda pproġettata fl-attività ta’ ajruport sabiex jiġi ddeterminat jekk proġett fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-Anness II tad-Direttiva 85/337 għandux ikun suġġett għal stima ta’ l-effetti tiegħu fuq l-ambjent.

    42

    Hekk kif diġà ntqal fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bosta drabi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 huwa wiesgħa u l-għan tagħha kbir ħafna. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 jagħti lill-Istati Membri marġini ta’ diskrezzjoni sabiex jispeċifikaw ċerti tipi ta’ proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal stima jew sabiex jistabbilixxu kriterji u/jew limiti li għandhom jiġi kkunsidrati, il-limiti ta’ din id-diskrezzjoni jinstabu fl-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 2(1), ta’ din id-direttiva, li proġetti li aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 85/337 tinvolvi stima globali ta’ l-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti jew tal-modifika tagħhom.

    43

    Ikun semplifikazzjoni u kuntrarju għal dan l-approċċ li jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-istima ta’ l-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett jew ta’ modifika tiegħu biss l-effetti diretti tax-xogħlijiet kkonċernati fihom nfushom, mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti fuq l-amjent li jistgħu jkunu pprovokati mill-użu u l-esplojtazzjoni tal-prodott finali ta’ dawn ix-xogħlijiet.

    44

    Barra minn hekk, il-lista mħejjija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 ta’ l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, bħall-effett tal-proġett fuq, b’mod partikolari, il-bnedmin, il-fawna u l-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja jew il-wirt kulturali, turi minnha nnifisha li l-effett fuq l-ambjent li d-Direttiva 85/337 għandha bħala suġġett li tippermetti li jiġi stmat huwa mhux biss dak tax-xogħlijiet meqjusa, iżda wkoll u fuq kollox dak tal-proġett li għandu jitwettaq.

    45

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ikkunsidrat, fir-rigward ta’ proġett ta’ l-irduppjar ta’ linja tal-ferrovija eżistenti, li proġett ta’ dan it-tip jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq l-ambjent fis-sens tad-Direttiva 85/337 peress illi jista’ jipproduċi, b’mod partikolari, ħsejjes sinjifikattivi (sentenza tas-16 ta’ Settermbru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-227/01, Ġabra p. I-8253, punt 49). Issa, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-ħsejjes sinjifikattivi prodotti ma kinux ipprovokati mix-xogħlijiet ta’ rduppjar tal-linja tal-ferrovija, iżda miż-żieda prevedibbli tal-frekwenza tat-traffiku ferrovjarju, żieda preċiżament permessa minn dawn ix-xogħlijiet ta’ rduppjar tal-linja tal-ferrovija, L-istess għandu japplika għal proġett, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu bħala għan li jippermetti żieda fl-attività ta’ ajruport u, għaldaqstant, fl-intensità tat-traffiku ta’ l-ajru.

    46

    Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw iż-żieda pproġettata fl-attività ta’ ajruport meta huma jeżaminaw l-effett fuq l-ambjent tal-modifiki mwettqa għall-infrastrutturi tiegħu bil-għan li jkun jista’ jlaħħaq ma’ din iż-żieda fl-attività.

    Fuq l-ispejjeż

    47

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Għalkemm ftehim bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhuwiex proġett fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jekk tali ftehim jikkostitwixxix kunsens għal żvilupp skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337. F’dan il-kuntest hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan il-kunsens huwiex parti minn proċedura f’diversi stadji li tinkludi deċiżjoni prinċipali kif ukoll deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni u jekk hemmx lok li jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv ta’ diversi proġetti li l-effetti tagħhom fuq l-ambjent għandhom ikunu evalwati globalment.

     

    2)

    Id-dispożizzjonijiet tal-punt 12 ta’ l-Anness II moqrija flimkien ma’ dawk tal-punt 7 ta’ l-Anness I tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni oriġinali tagħhom, jinkludu wkoll ix-xogħlijiet ta’ modifika mwettqa lill-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti mingħajr ma tiġi mwtawla r-runway sakemm dawn jistgħu jiġu meqjusa, b’mod partikolari min-natura, l-importanza u l-karatteristiċi tagħhom, bħala modifka ta’ l-ajruport stess. L-istess japplika għaldaqstant, b’mod partikolari, għax-xogħlijiet intiżi sabiex tiżdied b’mod sinjifikattiv l-attività ta’ l-ajruport u tat-traffiku ta’ l-ajru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tassigura ruħha li l-awtoritajiet kompetenti evalwaw korrettament jekk ix-xogħlijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhomx ikunu suġġetti għal stima ta’ l-effett tagħhom fuq l-ambjent.

     

    3)

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw iż-żieda pproġettata fl-attività ta’ ajruport meta huma jeżaminaw l-effett fuq l-ambjent tal-modifiki mwettqa għall-infrastrutturi tiegħu bil-għan li jkun jista’ jlaħħaq ma’ din iż-żieda fl-attività.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq