Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0348

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-21 ta' Frar 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Marie-Claude Girardot.
Appell - Membru tal-persunal temporanju - Rikors għad-danni - Telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ - Dannu reali u ċert - Determinazzjoni tal-portata tal-kumpens għad-dannu.
Kawża C-348/06 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2008 II-B-2-00037

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:107

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

21 ta’ Frar 2008 ( *1 )

“Appell — Membru tal-persunal temporanju — Rikors għad-danni — Telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ — Dannu reali u ċert — Determinazzjoni tal-portata tal-kumpens għad-dannu”

Fil-Kawża C-348/06 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Martin u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Marie-Claude Girardot, irrappreżentata minn C. Bernard-Glanz u S. Rodrigues, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Klučka, A. Ó Caoimh (Relatur), P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap tad-Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Mejju 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni (T-10/02, ĠabraSP p. I-A-2-129 u II-A-2-609, iktar ’il quddiem “is-sentenza kkontestata”) li permezz tagħha, minn naħa waħda, l-imsemmija Qorti ffissat l-ammont tal-kumpens finanzjarju dovut mill-Kummissjoni lil M. Girardot skond is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni (T-10/02, ĠabraSP p. I-A-109 u II-483, iktar ’il quddiem “is-sentenza interlokutorja”) għal EUR 92785, flimkien ma’ l-interessi li jibdew jiddekorru mis-6 ta’ Settembru 2004 bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-proġetti prinċipali ta’ finanzjament, miżjuda b’żewġ punti, u min-naħa l-oħra, ikkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”) fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal din il-kawża preżenti, fl-Artikolu 29(1) jipprovdu:

“Qabel ma jimtela post battal f’istituzzjoni, l-awtorità tal-ħatra għandha l-ewwel tikkunsidra:

a)

jekk il-post jistax jimtela minn promozzjoni jew trasferiment minn ġewwa l-istituzzjonijiet;

b)

jekk twettaqx [jistgħux isiru] kompetizzjonijiet interni fl-istituzzjoni;

c)

x’applikazzjonijiet għat-trasferiment saru minn uffiċjali ta’ istituzzjonijiet oħra tat-tlett Komunitajiet Ewropej

u mbagħad issegwi l-proċedura għall-kompetizzjonijiet fuq il-bażi jew tal-kwalifiki, jew ta’ l-eżamijiet, jew ta’ kwalifiki kif ukoll l-eżamijiet. L-Anness III jippreżenta l-proċedura tal-kompetizzjoni.

Il-proċedura tista’ wkoll tkun segwita għall-iskop li tkun kostitwita riserva għal reklutaġġ fil-futur.”

3

L-Artikolu 91(1) ta’ dawn ir-Regolamenti jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollu ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn il-Komunitajiet u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2). F’tilwim ta’ karattru finanzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollu ġurisdizzjoni mingħajr limitu.”

4

Il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“KIU”) fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża preżenti, fl-Artikolu 2(d) jipprovdu:

“Għall-iskopijiet ta’ dawn il-kondizzjonijiet ta’ l-impieg, ‘[membru tal-]persunal temporanju’ tfisser:

[…]

d)

persunal imqabbad biex jimla temporanjament post permanenti mħallas mill-approprjazzjonijiet tar-riċerka u l-investiment u inkluż fil-lista tal-postijiet marbutin ma’ l-estimi li jirrelata għall-istituzzjoni kkonċernata.”

5

Ir-raba’ u l-ħames paragrafi ta’ l-Artikolu 8 tal-KIU jipprovdu:

“Il-[membru tal-]persunal temporanju li għalih japplika l-Artikolu 2(d) għandu jitqabbad jaħdem taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

[membru tal-]persunal temporanju fil-Kategorija A jew B meħtieġ biex jaqdi dmirijiet li għandhom bżonn kwalifiki xjentifiċi jew tekniċi għandu jitqabbad biex jaħdem għal mhux aktar minn ħames snin; il-kuntratti tagħhom jistgħu jiġġeddu,

[…]

Il-kuntratti tal-[membri tal-]persunal li għalihom japplika l-Artikolu 2 […] (d) li huma mqabbdin għal perjodu fiss jistgħu jiġġeddu għal mhux aktar minn darba għal perjodu fiss. Kull tiġdid ieħor ikun għal perjodu indefinit.”

6

L-Artikolu 47 tal-KIU jipprovdi:

“Minbarra t-tmiem mal-mewt, l-impjieg tal-[membru tal-]persunal termporanju għandu jieqaf:

[…]

2)

meta l-kuntratt huwa għal perijodu indefinit:

a)

fl-aħħar tal-perijodu tan-notifika stipulat fil-kuntratt; […]. Fil-każ ta’ ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 2(d), it-tul tal-perijodu tan-notifika ma jkunx anqas minn xahar għal kull sena kompluta ta’ servizz, suġġett għal minimu ta’ tlett xhur u massimu ta’ għaxar xhur. […];

b)

fl-aħħar tax-xahar li fih il-ħaddiem jagħlaq l-età ta’ 65 sena.”

7

Il-każijiet ta’ terminazzjoni mingħajr notifika huma definiti fl-Artikoli 48 sa 50 tal-KIU.

Il-fatti li taw lok għall-kawża

8

M. Girardot bdiet taħdem mal-Kummissjoni fl-1 ta’ Frar 1996, bħala esperta nazzjonali sekondata. Hija żammet dan l-istatus sal-31 ta’ Jannar 1999.

9

Permezz ta’ kuntratt tal-15 ta’ Jannar 1999, konkluż għal perijodu ta’ sentejn, u ulterjorment imġedded għal sena permezz ta’ ftehim addizzjonali, M. Girardot ġiet reklutata bħala membru tal-persunal temporanju skond l-Artikolu 2(d) tal-KIU. F’din il-kariga, hija sussegwentament ġiet assenjata mad-Direttorat-Ġenerali “Industrija”, imbagħad mad-Direttorat-Ġenerali tal-Kummissjoni “Is-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni”.

10

Fis-26 ta’ Lulju 2000, id-Direttorat-Ġenerali tal-Kummissjoni “Persunal u Amministrazzjoni” ippubblika avviż ta’ post tax-xogħol vakanti li kien jindika li, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha dwar il-politika ġdida tal-persunal ta’ riċerka, il-Kummissjoni kienet qed torganizza “kompetizzjonijiet interni ta’ riżerva”, fosthom dik bir-referenza COM/T/R/ST/A/2000 għall-karrieri A 8/A 5, A 4 u A 3 tal-kategorija A mħallsa mill-approprjazzjonijiet tas-servizz xjentifiku u tekniku tal-baġit tar-riċerka u l-investiment. Dan l-avviż kien jindika, b’mod partikolari, li wara eżami wieħed li kellu jikkonsisti f’intervista ma’ kumitat ta’ l-għażla, il-kandidati li jkunu kisbu n-numru ta’ punti rikjest jitniżżlu f’lista li tagħtihom l-opportunità li jinħatru f’impjieg permanenti.

11

Fid-9 u fit-12 ta’ Frar 2001, id-Direttorat-Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni” ippubblika żewġ avviżi ta’ post tax-xogħol permanenti vakanti mħallsa mill-approprjazzjonijiet tar-riċerka u l-investiment bil-għan li membri tal-persunal temporanju jsiru uffiċjali permanenti.

12

Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Frar 2001, M. Girardot uriet l-interess tagħha f’impjieg tal-kategorija A ppubblikat fl-avviż ta’ post tax-xogħol vakanti tad-9 ta’ Frar 2001 kif ukoll f’sebat impjiegi oħra tal-kategorija A ppubblikati fl-avviż ta’ post tax-xogħol vakanti tat-12 ta’ Frar 2001.

13

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni infurmat lil M. Girardot li l-applikazzjonijiet tagħha għas-sebat impjiegi msemmija fl-avviż ta’ post tax-xogħol vakanti tat-12 ta’ Frar 2001 ma setgħux jiġu kkunsidrati minħabba li dawn l-impjiegi kienu aċċessibbli biss għall-persunal uffiċjali fis-servizz tal-Kummissjoni, li jkun għadda minn kompetizzjoni. Għal kull wieħed minn dawn l-impjiegi, il-Kummissjoni aċċettat l-applikazzjoni ta’ seba’ membri oħra tal-persunal temporanju, li lkoll kienu jinsabu fil-lista mfassla wara li saret wara il-kompetizzjoni interna biex tiġi kkostitwita lista ta’ riżerva COM/T/R/ST/A/2000, u ulterjorment ħatret lil kull wieħed minnhom fl-impjieg li kienu wrew l-interess tagħhom fih.

14

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni sussegwentament infurmat lil M. Girardot li ma setgħetx taċċetta l-applikazzjoni tagħha għall-impjieg ippubblikat fl-avviż ta’ post tax-xogħol vakanti tad-9 ta’ Frar 2001.

15

Fit-8 ta’ Ġunju 2001, M. Girardot ressqet ilment kontra d-deċiżjonijiet li wasslu għar-rifjut ta’ l-applikazzjonijiet tagħha inklużi f’dawn iż-żewġ ittri. Dan l-ilment kien is-suġġett ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut.

Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

16

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Jannar 2002, M. Girardot ippreżentat rikors għall-annullament taż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-13 u tal-15 ta’ Marzu 2001 li rrifjutaw l-applikazzjonijiet tagħha għal tmien impjiegi permanenti mħallsa mill-approprjazzjonijiet tar-riċerka u l-investiment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) kif ukoll għall-annullament, bħala konsegwenza, tat-tmien deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ħatru lil terzi persuni f’dawn l-impjiegi.

17

Permezz tas-sentenza interlokutorja, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat iż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati, minħabba li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li hija kienet evalwat kif xieraq il-merti ta’ l-applikazzjoni ta’ M. Girardot għal kull wieħed mill-impjiegi in kwistjoni qabel ma rrifjutatha u, fl-istess ħin, qabel ma aċċettat dik tal-kandidati l-oħra (punt 83 tas-sentenza interlokutorja).

18

Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talbiet ta’ M. Girardot għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-kandidati magħżula għall-impjiegi in kwistjoni. Fil-fatt, wara li qieset l-interessi rispettivi ta’ M. Girardot, tas-servizz u tat-terzi persuni maħtura, hija kkunsidrat li tali annullament kien ikun sanzjoni eċċessiva fil-konfront ta’ l-att illegali kommess mill-Kummissjoni (punti 85 sa 88 tas-sentenza interlokutorja).

19

Madankollu, wara li fakkret li l-Qorti Komunitarja setgħet, sabiex tassigura l-effettività tas-sentenza ta’ annullament fl-interess tar-rikorrenti, tuża l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha mogħtija lilha fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, u tikkundanna, anke ex officio, lill-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta’ kumpens jew tistedinha ssib soluzzjoni ġusta għall-każ tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex tipproteġi b’mod xieraq id-drittijiet ta’ M. Girardot, stiednet lill-partijiet jilħqu ftehim dwar kumpens finanzjarju ġust għar-rifjut illegali ta’ l-applikazzjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li, fl-evalwazzjoni ta’ dan il-kumpens, kellu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li M. Girardot ma setgħetx tieħu sehem aktar fi proċedura oħra fejn il-Kummissjoni kienet tista’ tassigura li din titwettaq kif suppost, peress li, billi l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju li kien jorbotha mal-Kummissjoni kien wasal fi tmiemu mingħajr ma ġġedded, hija ma kinitx aktar f’pożizzjoni u lanqas ma kienet intitolata turi l-interess tagħha f’postijiet ta’ xogħol vakanti billi tirrispondi għal avviż ta’ post tax-xogħol vakanti fil-qasam tar-“riċerka speċjali”. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li l-partijiet kellhom jippreżentawlha t-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni fi żmien tliet xhur mid-data tas-sentenza interlokutorja (punti 89 sa 91 tas-sentenza interlokutorja).

Is-sentenza kkontestata

20

Peress li l-partijiet ma laħqux ftehim dwar l-ammont ta’ kumpens finanzjarju ġust, fis-6 ta’ Settembru 2004 ppreżentaw it-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

21

Fit-talbiet tagħha, M. Girardot talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiffissa l-ammont tal-kumpens finanzjarju, flimkien ma’ l-interessi ġudizzjarji, prinċipalment għal EUR 2687994, sussidjarjament għal EUR 432887, u b’mod aktar sussidjarju għal EUR 250248.

22

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiffissa dan l-ammont għal EUR 23917.43 peress li ħasset li jkun raġonevoli li tagħti lil M. Girardot, kif jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza kkontestata, “minn naħa waħda, remunerazzjoni netta ta’ tliet xhur minħabba l-perijodu minimu ta’ notifika stipulat [fl-Artikolu 47(2)(a) tal-KIU], jiġifieri EUR 18917.43, bħala kumpens għall-opportunità mitlufa li tikseb xi wieħed mit-tmien impjiegi in kwistjoni, u min-naħa l-oħra, EUR 5000 bħala kumpens għall-opportunità mitlufa li tipparteċipa fi proċedura ġdida biex jimtlew postijiet vakanti”. Dan l-ammont kellu jiżdied bl-interessi kumpensatorji dovuti mid-data ta’ l-għoti tas-sentenza interlokutorja sad-data tal-pagament effettiv tas-somma dovuta flimkien ma’ ħlas simboliku ta’ EUR 1 bħala kumpens għad-dannu morali.

23

Permezz tas-sentenza kkontestata, wara li eżaminat id-danni differenti allegati minn M. Girardot, il-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa waħda, iffissat il-kumpens finanzjarju dovut mill-Kummissjoni għal EUR 92785, flimkien ma’ l-interessi li kellhom jibdew jiddekorru mis-6 ta’ Settembru 2004 skond ir-rata stabbilita mill-BĊE għall-proġetti prinċipali ta’ finanzjament, miżjuda b’żewġ punti, u min-naħa l-oħra kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegat telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ f’post vakanti fi ħdan il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 54 tas-sentenza kkontestata, l-ewwel nett fakkret li d-deċiżjonijiet ikkontestati ċaħħdu lil M. Girardot, b’mod ċert u irreversibbli, minħabba l-impossibbiltà li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni eżistenti qabel ma ġew adottati, mhux biss mid-dritt tagħha li l-applikazzjonijiet tagħha jiġu evalwati mill-Kummissjoni, iżda wkoll mill-possibbiltà li xi waħda minnhom tiġi aċċettata mill-Kummissjoni. Fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, il-Qorti kompliet tispjega li t-telf ta’ opportunità li persuna tokkupa post vakanti fi ħdan istituzzjoni Komunitarja u li tibbenefika mill-benefiċċji finanzjarji relattivi, jikkostitwixxi dannu ta’ natura materjali, li dwaru kien hemm qbil bejn il-partijiet. Finalment, fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, il-Qorti indikat li sabiex tiġi evalwata l-portata tad-dannu riżultanti minn telf ta’ opportunità, kif allegat f’dan il-każ, kien meħtieġ li, “tiġi determinata d-differenza bejn ir-remunerazzjoni li M. Girardot kienet tirċievi li kieku l-applikazzjoni tagħha ġiet aċċettata, u dik li hija effettivament irċeviet wara r-rifjut illegali ta’ l-applikazzjoni tagħha, u mbagħad, jekk ikun il-każ, li tiġi evalwata, taħt il-forma ta’ perċentwali, il-possibbiltà li M. Girardot kellha li dik l-ipoteżi timmaterjalizza”.

25

Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-differenza fir-remunerazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 59 tas-sentenza kkontestata, spjegat li dan il-kriterju kien iġġustifikat mill-fatt li, filwaqt li M. Girardot kienet tilfet opportunità li tokkupa wieħed mill-impjiegi in kwistjoni, u konsegwentament, li tikseb il-benefiċċju finanzjarju korrispondenti, hija ma spiċċatx bla xogħol.

26

Sabiex tiddetermina differenza eventwali fir-remunerazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel stabbiliet, fil-punti 61 sa 82 tas-sentenza kkontestata, il-perijodu li matulu kellu jsir il-paragun bejn il-kundizzjonijiet finanzjarji tax-xogħol li minnhom kienet tibbenefika M. Girardot li kieku ġiet reklutata mill-Kummissjoni u dawk li effettivament kienu tagħha. F’dan ir-rigward, fil-punti 73 sa 77 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrespinġiet l-argument tal-Kummissjoni, li l-opportunità mitlufa minn M. Girardot setgħet tiġi kkumpensata biss bl-għoti ta’ kumpens finanzjarju ġust f’ammont ekwivalenti għal remunerazzjoni netta ta’ tliet xhur minħabba l-perijodu minimu ta’ notifika stipulat fl-Artikolu 47(2)(a) tal-KIU. Il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt ikkunsidrat li dan l-argument ifisser li l-perijodu li matulu M. Girardot kienet se tibqa’ taħdem mal-Kummissjoni li kieku din ġiet reklutata kien tant ipotetiku li kellu jitqies li l-Kummissjoni kienet se ttemm l-impjieg tagħha immedjatament malli hija tibda taħdem, ħaġa li ma kinitx kredibbli. F’dawn iċ-ċirkostanzi, fil-punt 78 tas-sentenza kkontesta, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li sabiex jiġu kkunsidrati l-possibilitajiet kollha tat-tmiem ta’ l-impjieg stipulati fl-Artikoli 47(2), u 48 sa 50 tal-KIU, il-perijodu li kellu jiġi kkunsidrat seta’ jiġi ffissat ex æquo et bono għal għal ħames snin, inkluż il-perijodu tan-notifika, li kellu jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ tan-nomina tal-kandidati magħżula mill-Kummissjoni wara l-proċedura biex jimtlew il-postijiet vakanti li minnha M. Girardot ġiet illegalment eskluża. Barra minn hekk, fil-punt 80 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrespinġiet l-argumenti ta’ M. Girardot ibbażati fuq il-probabbiltà ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti minħabba li dan l-element kien inċert.

27

Imbagħad, il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat, fil-punti 83 sa 95 tas-sentenza kkontestata, il-portata tat-telf tar-remunerazzjoni matul dan il-perijodu. Għal dan il-għan, fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ex æquo et bono, billi M. Girardot ma pproduċietx provi li jippermettu li tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni li kienet tingħata kieku waħda mill-applikazzjonijiet tagħha kienet ġiet aċċettata kif ukoll l-evoluzzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni, li M. Girardot kienet tirċievi remunerazzjoni mensili netta korrispondenti, fil-medja, għall-aħħar remunerazzjoni mħallsa lilha mill-Kummissjoni, li kienet tikkorrispondi għal impjieg fil-grad A 5, skala 4. F’dan ir-rigward, fil-punt 85 ta’ l-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrespinġiet l-argument ta’ M. Girardot li hija kienet se tintgħażel biex tokkupa impjieg fil-grad A 4.

28

Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-opportunità mitlufa, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kkonstatat, fil-punti 96 u 97 tas-sentenza kkontestata, li l-applikazzjonijiet ippreżentati minn M. Girardot kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet rikjesti biex jiġu kkunsidrati, evalwat, fil-punti 98 sa 102 ta’ din is-sentenza, jekk l-opportunità li minnha hija ġiet imċaħħda setgħetx tiġi kkunsidrata bħala ċerta, fis-sens li M. Girardot kien ikollha, jekk mhux il-possibilitajiet kollha li tikseb wieħed mill-impjiegi in kwistjoni, ta’ l-inqas opportunità ġenwina li tikseb dan. F’dan ir-rigward, wara li rrelevat, fil-punti 102 sa 107 ta’ l-istess sentenza, li M. Girardot kienet l-unika kandidata għal kull wieħed minn dawn l-impjiegi f’dan l-istadju tal-proċedura, li hija setgħet tieħu vantaġġ mill-esperjenza preċedenti kunsiderevoli tagħha mal-Kummissjoni, li x-xogħol tagħha kien stmat u li l-kwalifiki tagħha kienu jaqblu b’mod adegwat ma’ l-ispeċifikazzjoni ta’ dawn l-impjiegi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dan li ġej fil-punti 115 sa 117 ta’ din is-sentenza:

“115

Fid-dawl tal-fatti preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li, fi tmiem l-ewwel fażi tal-proċedura biex jimtlew il-postijiet vakanti stipulata fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni, li ċertament setgħet tippreferi tkabbar l-għażla tagħha […], kienet żgur se taċċetta waħda mill-applikazzjonijiet ta’ M. Girardot u, li b’hekk, hija kellha kull opportunità li tingħata kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju skond l-Artikolu 2(d) tal-KIU, u li tirċievi l-benefiċċji finanzjarji relattivi għall-eżekuzzjoni tiegħu. Għalhekk, jista’ jiġi kkunsidrat biss li M. Girardot kienet ġiet imċaħħda minn opportunità ġenwina f’dan ir-rigward bħala riżultat tar-rifjut ta’ l-applikazzjonijiet tagħha, mingħajr prova ta’ evalwazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni.

116

Matul il-fażi tal-proċedura biex jimtlew il-postijiet vakanti stipulata fl-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal, kandidat ieħor, li wkoll kien membru tal-persunal temporanju, wera l-interess tiegħu lill-Kummissjoni f’kull wieħed mit-tmien impjiegi li għalihom M. Girardot kienet ukoll uriet l-interess tagħha […]. Il-Kummissjoni setgħet aċċettat kwalunkwe wieħed minn dawn il-kandidati. Madankollu, hija setgħet ukoll, wara li eżaminat l-applikazzjonijiet, ma taċċetta l-ebda waħda minnhom u tgħaddi għall-fażi tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 29(1)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal […]. Finalment, hija setgħet, fid-dawl tal-prinċipji msemmija fil-ġurisprudenza, ma ssegwiex din il-proċedura […]. Dawn l-elementi jnaqqsu l-possibbiltà li M. Girardot kellha li l-applikazzjoni tagħha biex tokkupa wieħed mill-impjiegi in kwistjoni tiġi aċċettata.

117

Madankollu, li kieku M. Girardot kienet intitolata tipparteċipa fi proċedura ġdida biex jimtlew postijiet vakanti, organizzata wara l-annullament tad-deċiżjonijiet li rrifjutaw l-applikazzjoni tagħha […], kienet tkun tista’ turi l-interess tagħha għal impjiegi ta’ l-istess xorta, u fid-dawl partikolarment ta’ l-elementi msemmija fil-punti 103 sa 106 hawn fuq, setgħet eventwalment tintagħażel għax xi wieħed mill-impjiegi, punt mhux ikkontestat mill-Kummissjoni. Dan l-element iżid il-possibbiltà li M. Girardot kellha li l-applikazzjoni tagħha biex tikseb, bħala membru tal-persunal temporanju skond l-Artikolu 2(d) tal-KIU, impjieg permanenti mħallas mill-approprjazzjonijiet tar-riċerka u l-investiment, fil-kategorija A, li jirrikjedi kompetenzi ta’ natura xjentifika u vakanti fi ħdan iċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka, tad-DĠ ‘Riċerka’ jew id-DĠ ‘Is-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni’ tal-Kummissjoni, tintlaqa’.”

29

F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punti 118 u 119 tas-sentenza kkontestata, li M. Girardot kellha possibbiltà ġenwina li waħda mill-applikazzjonijiet tagħha tintlaqa’ u, għalhekk, applikat ex æquo et bono koeffiċjent multiplikatur ta’ 0.5 għat-telf tar-remunerazzjoni li sofriet. Fil-punt 120 ta’ l-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat li żżid dan il-koeffiċjent għal 0.996 skond il-metodu propost minn M. Girardot, peress li b’dan il-metodu, il-portata ta’ l-opportunità mitlufa kienet tiddependi biss min-numru ta’ l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-persuna kkonċernata mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-elementi l-oħra msemmija hawn fuq.

30

Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-danni l-oħra allegati minn M. Girardot, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdithom bħala irrelevanti, fil-punti 123 sa 125 tas-sentenza kkontestata, minħabba li l-għan tal-kumpens finanzjarju ġust kien, meta jitqiesu t-talbiet għall-annullament ippreżentati minn M. Girardot, li tiġi eżegwita s-sentenza interlokutorja u li jitħarsu b’mod xieraq id-drittijiet tagħha billi tiġi kkumpensata ex æquo et bono l-impossibbiltà li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni eżistenti qabel l-illegalità, u mhux, fin-nuqqas ta’ talba minn qabel għal kumpens għad-danni, li jiġi kkumpensat kull dannu ieħor li din l-illegalità setgħet, minbarra dan, ikkawżatilha. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 125 sa 128 ta’ din is-sentenza, ikkunsidrat li l-ebda wieħed minn dawn id-danni l-oħra ma seta’ jiġi kkunsidrat sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-kumpens finanzjarju ġust. B’mod partikolari, fir-rigward tad-dannu morali li rriżulta mid-deterjorazzjoni fis-saħħa mentali u mill-istat ta’ depressjoni ta’ M. Girardot, kif ukoll tad-dannu fiżiku kkawżat mir-rifjut illegali ta’ l-applikazzjonjiet tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punti 133 u 137 ta’ l-istess sentenza, li M. Girardot ma kienet ressqet ebda prova dwar l-eżistenza ta’ dawn id-danni, bħal ċertifikat mediku jew rapport ta’ espert.

It-talbiet tal-partjiet

31

Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza kkontestata;

tikkundannaha tħallas lil M. Girardot is-somma ta’ EUR 23917.40;

tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relattivi għal din il-kawża u għal dik ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

32

M. Girardot titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni bħala inammissibbli, u fi kwalunkwe każ, infondat;

tiddikjara l-appell inċidentali tagħha ammissibbli, tannulla s-sentenza kkonstestata u tilqa’ t-talbiet tagħha għall-annullament u għad-danni ppreżentati fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Fuq l-appell prinċipali

L-argumenti tal-partijiet

33

Il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed għall-annullament ibbażat fuq il-fatt li l-metodu użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tikkalkula t-telf ta’ opportunità jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 236 KE u tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

34

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega, preliminarjament, li fid-dawl tal-ġurisprudenza diverġenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt, l-appell tagħha hu intiż, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-metodu tal-kalkolu tat-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ mill-Kummissjoni meta din tkun addottat deċiżjoni illegali li ċaħħdet lill-persuna kkonċernata mill-opportunità li l-applikazzjoni tagħha tiġi evalwata. Hi żżid li l-għan ta’ l-appell tagħha hu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti raġunament legali u tidentifika metodu uniformi biex jiġi kkalkulat dan it-telf ta’ opportunità li għandhom jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha.

35

Il-Kummissjoni tippreċiża f’dan ir-rigward li taċċetta l-idea li t-telf ta’ opportunità li jinkiseb impjieg jikkostitwixxi dannu materjali li jista’ jiġi kkumpensat. Min-naħa l-oħra, ma tistax taċċetta l-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kkwantifikat id-dannu subit minn M. Girardot.

36

Skond il-Kummissjoni, il-punt 58 tas-sentenza kkontestata hija f’dan ir-rigward vvizzjata bi żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, l-uniku dannu reali u ċert subit minn M. Girardot huwa dak li jirriżulta min-nuqqas ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet tagħha u mhux dak li jirriżulta minn telf ipotetiku ta’ remunerazzjoni matul perijodu li wkoll hu definit b’mod ipotetiku. Minkejja li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 99 u 166 ta’ din is-sentenza, tirrikonoxxi, minn naħa waħda, li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu li tikkonkludi l-proċess tar-reklutaġġ u, min-naħa l-oħra, li hija ma setgħetx tagħmel l-evalwazzjoni komparattiva tal-merti tal-kandidati minflok il-Kummissjoni, hija xorta, fir-realtà, għamlet din l-evalwazzjoni fil-punti 62 sa 95 ta’ din l-istess sentenza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ma kkalkulatx id-dannu reali u ċert marbut mat-telf ta’ opportunità, iżda stabbilixxiet id-dannu ipotetiku marbut mat-telf ta’ remunerazzjoni, ħaġa li tippresupponi d-dritt għal reklutaġġ. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ telf ta’ opportunità bħala telf ta’ garanzija li jinkiseb impjieg, u b’hekk injorat il-marġni ta’ diskrezzjoni u l-libertà ta’ għażla li għandu jkollhom l-istituzzjonijiet Komunitarji fir-reklutaġġ.

37

F’dan ir-rigward, barra minn hekk, il-Kummissjoni, waqt is-seduta, enfasizzat li m’hemm l-ebda rabta ta’ kawżalità diretta bejn l-iżball kommess mill-Kummissjoni, konsistenti fil-fatt li ma kkunsidratx l-applikazzjonijiet ta’ M. Girardot, u d-dannu finalment stabbilit mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata. Madankollu, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja id-dannu għandu jirriżulta b’mod dirett mill-aġir allegat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kummissjoni, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21).

38

Il-Kummissjoni tqis li dan l-iżball ta’ liġi huwa kkonfermat mill-fatt li, biex tikkalkula t-telf ta’ remunerazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ir-remunerazzjoni li l-persuna kkonċernata rċeviet sadattant. Fil-fatt, f’każ li, matul il-perijodu in kwistjoni, din il-persuna kellha impjieg imħallas aħjar minn dak li hija setgħet tikseb mal-Kummissjoni, ma jkun hemm l-ebda telf ta’ remunerazzjoni, għalkemm il-persuna xorta tkun sofriet telf ta’ opportunità. Peress li jiddependi fuq ċirkostanzi inċerti, dan il-metodu jista’ jwassal għal diskriminazzjoni bejn il-kandidati li jkunu fl-istess proċess ta’ reklutaġġ.

39

Skond il-Kummissjoni, in-natura żbaljata tar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza tidher aktar minħabba t-tieni element msemmi fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, jiġifieri, li d-differenza fir-remunerazzjoni tista’, “jekk ikun il-każ”, tiġi evalwata taħt il-forma ta’ perċentwali li jirrappreżenta l-opportunità li l-persuna kkonċernata kellha li tikseb l-impjieg. Dan il-punt, fil-fatt, juri mill-ġdid li l-Qorti tal-Prim’Istanza qed tipprova tikkwantifika d-dannu riżultanti minn telf ipotetiku ta’ remunerazzjoni, u mhux dak riżultanti minn telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ, peress li l-kalkolu ta’ dan it-telf ta’ remunerazzjoni jista’ jiġi evalwat biss eventwalment fir-rigward ta’ l-opportunità ipotetika li jinkiseb l-impjieg in kwistjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward użat suppożizzjonijiet inċerti biex tikkwantifika l-livell ta’ probabbiltà ta’ reklutaġġ ta’ M. Girardot, minkejja li din ma kellha l-ebda dritt li tiġi reklutata.

40

Konsegwentament, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-evalwazzjoni, fis-sentenza kkontestata, tat-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ saret b’mod kuntrarju għal dak li huwa ġuridikament korrett, peress li l-ewwel ikkalkulat it-telf tar-remunerazzjoni ipotetikament subit minn M. Girardot, qabel ma applikat koeffiċjent korrettur, marbut mal-probabbiltà li hija tiġi rreklutata, għall-ammont miksub. Il-kwantifikazzjoni ta’ dan it-telf ta’ opportunità għalhekk għandha tkun ibbażata fuq xi ħaġa differenti mit-telf tar-remunerazzjoni, li jippresupponi ċertezza li kienet se tiġi reklutata.

41

F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni, skond it-tieni sentenza ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li t-telf ta’ opportunità subit minn M. Girardot jista’ jiġi kkumpensat b’mod ġust bl-għoti ta’ somma waħda f’daqqa ekwivalenti għal tliet xhur paga netta u li tikkorrispondi għas-somma li kienet titħallas lilha matul il-perijodu tan-notifika ta’ kuntratt għal perijodu indefinit, li hija, fil-każ preżenti, EUR 18917.43, flimkien mas-somma, ukoll imħallsa f’daqqa, ta’ EUR 5000 intiża bħala kumpens għall-fatt li l-persuna kkonċernata ma tistax tipparteċipa aktar fi proċedura ġdida ta’ reklutaġġ.

42

M. Girardot issostni li l-appell huwa inammissibbli għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti biex tevalwa d-danni riżultanti minn telf ta’ opportunità. Għaldaqstant, sakemm il-Kummissjoni ma takkużax lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma speċifikatx il-kriterji użati biex tevalwa d-danni subiti, il-Kummissjoni mhijiex ġustifikata li tikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ dan il-punt u, a fortiori, li tistenna li tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni ta’ prinċipju dwar il-metodu li għandu jintuża biex jiġi kkalkulat kumpens għal dannu materjali riżultanti minn telf ta’ opportunità. Barra minn hekk, jeżistu, f’dan ir-rigward, ħafna sitwazzjonijiet differenti, li ma jistgħux jiġu kkunsidrati ħlief individwalment. Fit-tieni lok, l-aggravju li jgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkumpensat it-telf ta’ garanzija li jinkiseb impjieg u mhux it-telf ta’ opportunità ma tqajjimx fl-ewwel istanza, u għalhekk, huwa aggravju ġdid li ma jistax jitqajjem, skond l-Artikoli 42(2) u 118 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43

Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-mertu, M. Girardot tenfasizza li d-dannu minnha subit huwa reali u ċert, peress li r-rifjut illegali tal-Kummissjoni li tevalwa l-applikazzjonijiet tagħha ċaħħadha mill-opportunità, minn naħa waħda, li xi waħda jew aktar mill-applikazzjonijiet tagħha jiġu aċċettati, u min-naħa l-oħra, li turi ulterjorment l-interess tagħha fi kwalunkwe impjieg ieħor, jekk hi kien għad ikollha d-dritt tagħmel dan. Barra minn hekk, il-metodu użat fis-sentenza kkontestata, jiġifieri li jiġu elenkati l-vantaġġi li minnhom M. Girardot setgħet tibbenefika li kieku kienet ġiet reklutata u li mbagħad tiġi ddeterminata bħala perċentwali l-probabbiltà ta’ reklutaġġ, huwa metodu li diġà ntuża mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T-144/02, Ġabra p. II-3381 kif ukoll ĠabraSP p. I-A-275 u II-1231, punti 149 u 163) u li hu aċċettat fid-duttrina legali Belġjana. Dan il-metodu huwa adattat għall-kumpens għad-dannu riżultanti minn telf ta’ opportunità li m’hijiex, minnha nfisha, se timmaterjalizza ruħha b’mod ċert.

44

Fir-rigward tal-kritika dwar ir-riskju ta’ diskriminazzjoni bejn il-kandidati fl-istess proċedura ta’ reklutaġġ, M. Girardot tqis li din tinjora t-tieni parti tar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li għandha preċiżament l-għan li tiddetermina l-fattur li għandu jiġi applikat għat-telf tad-dħul ikkonstatat li kieku l-opportunità ta’ reklutaġġ immaterjalizzat. Barra minn hekk, jidher ġust li, meta l-probabbiltà ta’ reklutaġġ tkun l-istess, il-kandidat li jkun sofra telf ta’ dħul aktar sostanzjali jiġi kkumpensat aktar mill-kandidat li jkun tilef remunerazzjoni inqas sostanzjali. Peress li dawn il-kandidati m’humiex f’sitwazzjoni paragunabbli, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ammissibbiltà

45

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja m’hijiex kompetenti tevalwa l-portata tal-kumpens għad-dannu subit minn M. Girardot, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ dannu, hi biss hi kompetenti tiddeċiedi, fil-limiti tat-talba, il-mod u l-portata tal-kumpens ta’ dan id-dannu, bil-kundizzjoni li sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ twettaq stħarriġ ġudizzjarju tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn ikunu motivati biżżejjed u, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ dannu, jindikaw il-kriterji li ġew ikkunsidrati għall-evalwazzjoni ta’ l-ammont magħżul (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-1362/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 66; ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens, C-259/06 P, Ġabra p. I-2915, punti 32 u 33; tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C-257/98 P, Ġabra p. I-5251, punti 34 u 35; kif ukoll id-digriet ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Meister vs L-UASI, C-12/05 P, Ġabra p. I-132, punt 82).

46

Madankollu, f’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni, permezz ta’ l-appell tagħha, tikkontesta bis-sħiħ il-metodu użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddetermina l-portata tal-kumpens għad-dannu subit minn M. Girardot, hija ssostni f’dan ir-rigward li s-sentenza kkontestata hija vvizzjata b’numru ta’ żbalji ta’ liġi, peress li dan il-metodu, deskritt fil-punt 58 ta’ din is-sentenza u wara applikat fil-punti 59 sa 122 ta’ l-istess sentenza, fir-realtà ibiddel in-natura tad-dannu kif ikkwalifikat fis-sentenza kkontestata, jiġifieri t-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ, u b’hekk, jinterpreta ħażin in-natura essenzjali tiegħu, b’mod li d-dannu effettivament iddeterminat f’din is-sentenza — skond il-Kummissjoni, it-telf ta’ garanzija ta’ reklutaġġ u t-telf tar-remunerazzjoni relattiva — jew la huwa reali u lanqas ċert, jew m’għandux rabta ta’ kawżalità ma’ l-illegalità allegata.

47

Issa, tali aggravju, li hu bbażat fuq il-koerenza tar-raġunament adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tistabilixxi l-metodu użat sabiex tiddetermina l-portata tal-kumpens għad-dannu subit hija kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-iskrutinju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 sa 29).

48

Mill-banda l-oħra, kif ġustament issostni M. Girardot, permezz ta’ l-appell preżenti, il-Kummissjoni ma tistax titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-mod li bih it-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ minn istituzzjoni Komunitarja għandu jiġi kkalkulat fil-każijiet kollha fejn persuna kkonċernata tkun ġiet imċaħħda illegalment mid-dritt tagħha li l-applikazzjoni tagħha tiġi evalwata.

49

Fil-fatt, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat fir-rigward tal-motivi diskussi quddiem il-qrati ta’ l-ewwel istanza (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza esklużiva, fil-kuntest ta’ tali proċedura, biex tevalwa jekk l-argumentazzjoni kontenuta fl-appell tidentifikax żball ta’ liġi li jivvizzja lis-sentenza kkontestata (ara f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 35, kif ukoll dik tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C-76/01 P, Ġabra p. I-10091, punt 47).

50

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-allegazzjoni li l-aggravju mressaq mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-appell tagħha, jiġifieri li l-punt 58 tas-sentenza kkontestata hu vvizzjat minn żbalji ta’ liġi, hu aggravju ġdid, ma tistax tintlaqa’, peress li l-konstatazzjonijiet ikkritikati mill-Kummissjoni fl-appell preżenti saru l-ewwel darba f’din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2001, BEI vs Hautem, C-449/99 P, Ġabra p. I-6733, punti 88 u 89, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 33).

51

Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza esklużiva, fil-kuntest ta’ dan l-appell, biex tevalwa jekk il-metodu użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata bil-għan li tiddetermina l-portata tal-kumpens għad-dannu riżultanti mit-telf ta’ opportunità subita minn M. Girardot, huwiex ivvizzjat minn żball ta’ liġi. Għall-bqija, dan l-appell huwa inammissibbli.

Fuq il-mertu

52

Skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ talba għal danni magħmula minn uffiċjal, ir-responsabbiltà tal-Komunità tippresupponi l-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità ta’ l-aġir allegat fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1987, Delauche vs Il-Kummissjoni, 111/86, Ġabra p. 5345, punt 30; Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, kif ukoll Il-Kunsill vs de Nil u Impens, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

53

F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni relattiva għall-illegalità allegata, mill-punt 83 tas-sentenza interlokutorja, li ma ġietx appellata u li għalhekk għandha tiġi kkunsidrata definittiva, jirriżulta li l-aġir illegali kkonsista, f’dan il-każ, fil-fatt li, bid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li hija evalwat kif suppost il-merti ta’ l-applikazzjoni ta’ M. Girardot għal kull impjieg li kienet applikat għalih, qabel ma ċaħditha.

54

F’dak li jirrigwara l-kundizzjoni relattiva għad-dannu, għandu jiġi mfakkar li d-dannu li għalih jintalab il-kumpens għandu jkun reali u ċert (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 9, u tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C-243/05 P, Ġabra p. I-10833, punt 27).

55

F’dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li bl-aġir illegali kommess mill-Kummissjoni, M. Girardot tilfet b’mod ċert u irrimedjabbli l-opportunità ta’ reklutaġġ f’impjieg fi ħdan is-servizzi ta’ din l-istituzzjoni wara li ntemmet il-proċedura in kwistjoni f’din il-kawża u li, għalhekk, dan it-telf ta’ opportunità jikkostitwixxi dannu li għaliha jassumi karattru reali u ċert.

56

Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari fil-punti 84 sa 91 tas-sentenza interlokutorja, li, għar-raġunijiet indikati fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jiġu kkunsidrati iktar fil-kuntest ta’ dan l-appell, jirriżulta li dan id-dannu reali u ċert subit minn M. Girardot jinkludi wkoll l-impossibbiltà li tipparteċipa fi proċedura ġdida regolari ta’ reklutaġġ, peress li M. Girardot ma kinitx f’pożizzjoni u lanqas ma kienet intitolata turi l-interess tagħha għal postijiet ta’ xogħol vakanti billi tirrispondi għal avviż ta’ post tax-xogħol vakanti fil-qasam tar-“riċerka speċjali” li għalih hija kienet applikat.

57

B’dan l-appell, il-Kummissjoni madankollu tikkontesta l-metodu użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddetermina l-portata tal-kumpens għal dan id-dannu. Hija ssostni li, b’dan il-metodu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkwantifikatx id-dannu reali u ċert riżultanti mit-telf ta’ opportunità subit minn M. Girardot, iżda li, fir-realtà, ikkalkulat dannu ieħor, purament ipotetiku, riżultanti mit-telf ta’ remunerazzjoni li din setgħet issofri li kieku kellha d-dritt li tiġi reklutata, b’hekk ittrasformat it-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ f’impjieg f’telf ta’ garanzija li tikseb impjieg.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dak li jirrigwarda kawżi ta’ natura pekunjarja, għandha ġurisdizzjoni sħiħa, li permezz tagħha hija għandha l-poter, jekk ikun hemm bżonn, li tikkundanna lill-konvenut ex officio sabiex iħallas kumpens għal dannu kkawżat minħabba tort tiegħu, u f’każ bħal dan, wara li tikkunsidra ċ-ċirkostanzi kollha tal-kawża, tiddetermina d-dannu subit ex æquo et bono (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il-Kummissjoni, 24/79, Ġabra p. 1743, punt 14; tas-27 ta’ Ottubru 1987, Houyoux u Guery vs Il-Kummissjoni, 176/86 u 177/86, Ġabra p. 4333, punt 16; tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il-Parlament, C-90/95 P, Ġabra p. I-1999, punt 45, kif ukoll BEI vs Hautem, iċċitata aktar ’il fuq, punt 95).

59

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ dannu, hi biss hi kompetenti tiddeċiedi, fil-limiti tat-talba u bil-kundizzjoni li jiġi rispettat l-obbligu tal-motivazzjoni, il-mod u l-portata tal-kumpens għal dan id-dannu.

60

Madankollu, kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet hi stess fis-seduta f’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, huwa diffiċli ferm, jekk mhux impossibbli, li jiġi definit metodu li kapaċi jikkwantifika b’eżatezza l-opportunità li persuna tiġi reklutata f’impjieg fi ħdan l-imsemmija istituzzjoni u, konsegwentament, li jiġi evalwat id-dannu riżultanti mit-telf ta’ din l-opportunità.

61

Konsegwentament, sabiex jiġi evalwat jekk is-sentenza kkontestata hiex ivvizjata bi żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-portata tal-kumpens għad-dannu riżultanti mit-telf ta’ opportunità subit minn M. Girardot, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fir-rigward tal-metodu li għandu jintuża biex issir tali evalwazzjoni.

62

Mis-sentenza kkontestata jirriżulta li, biex tevalwa l-portata tal-kumpens għad-dannu kkawżat f’din il-kawża lil M. Girardot, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li, fl-ewwel lok, għandha tiddefenixxi t-telf tar-remunerazzjoni subit minnha, billi tistabilixxi d-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kienet tirċievi li kieku ġiet reklutata u r-remunerazzjoni li hija effettivament irċeviet wara l-illegalità kommessa, u mbagħad, fit-tieni lok, tevalwa, taħt il-forma ta’ perċentwali, l-opportunità li hija kellha li tiġi reklutata sabiex tibbilanċja t-telf tar-remunerazzjoni kkalkulat b’dan il-mod.

63

Ċertament, huwa veru li, billi jistrieħ fuq il-kriterju tat-telf tar-remunerazzjoni subit mill-persuna kkonċernata, dan il-metodu għandu bħala korollarju, kif ġustament osservat ukoll il-Kummissjoni, li, meta r-remunerazzjoni li persuna tkun effettivament irċeviet wara l-aġir illegali tkun ogħla minn dik li hija tkun tilfet minħabba fih, m’għandu jingħata l-ebda kumpens, minkejja li, sadattant, tkun intilfet opportunità.

64

Barra minn hekk, metodu bħal dan, kif l-Kummissjoni rrelevat ukoll, neċessarjemnt iwassal lill-Qorti Komunitarja sabiex tagħmel, kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 59 sa 95 tas-sentenza kkontestata, evalwazzjoni prospettiva sabiex tipprova tibni l-karriera fittizja li l-persuna kkonċernata seta’ jkollha fi ħdan din l-istituzzjoni, billi tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ ipoteżijiet li, għalkemm jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma tistax tiġi appellata, jibqgħu min-natura tagħhom inċerti fir-rigward tal-perijodu ta’ l-impjieg tagħha u fir-rigward tal-bidliet fl-ammont tar-remunerazzjoni tagħha.

65

Barra minn hekk, huwa veru li l-kriterju tat-telf tar-remunerazzjoni ma jistax ikun l-uniku wieħed li jiddetermina l-portata tal-kumpens għad-dannu kkawżat wara t-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ. Fil-fatt, f’każ bħal dan, id-dannu subit ma jistax jiġi assimilat ma’ l-ammont tar-remunerazzjoni li l-persuna kienet tirċievi li kieku din l-opportunità immaterjalizzat peress li, kif irrelevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 116 tas-sentenza kkontestata, fid-dawl tas-setgħa ta’ diskrezzjoni li tgawdi l-Kummissjoni f’dan ir-rigward, il-persuna kkonċernata ma kellha l-ebda dritt li tiġi reklutata. Għalhekk, id-dannu li tali persuna għandha dritt li tiġi kkumpensata għalih ma jistax jikkorrispondi għal telf ta’ remunerazzjoni riżultanti mit-telf ta’ dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-203, punti 59 u 60).

66

Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-kriterju relattiv għat-telf tar-remunerazzjoni użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li din għandha fir-rigward tal-metodu li għandu jintuża għal dan il-għan, m’huwiex tajjeb biex jiddetermina l-portata tal-kumpens għad-dannu riżultanti mit-telf ta’ opportunità subita minn M. Girardot f’dan il-każ.

67

Fil-fatt, peress li l-valur ta’ l-opportunità minnha mitlufa jiddependi, kif l-Avukat Ġenerali rreleva sostanzjalment fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ammont tar-remunerazzjoni li kienet tirċievi li kieku din l-opportunità mmaterjalizzat, it-telf tar-remunerazzjoni subit minħabba l-aġir illegali allegat, għalkemm, waħdu, ma jistax jiddetermina l-portata tal-kumpens għat-telf ta’ l-opportunità, xorta jikkostitwixxi kriterju relevanti f’dan ir-rigward. Anke jekk M. Girardot ma kellha l-ebda dritt li tkun reklutata, il-valur attribwit lil din l-opportunità jiddependi għalhekk, ta’ l-inqas parzjalment, mill-ammont tar-remunerazzjoni li hija setgħet tippretendi li tirċievi.

68

F’dan ir-rigward, barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-metodu alternattiv propost mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell sabiex jiġi kkumpensat id-dannu subit minn M. Girardot, li jikkonsisti fl-għoti ta’ somma waħda f’daqqa bħala kumpens, fejn l-ammont ikun iffissat għal tliet xhur paga netta mħallsa skond il-perijodu minimu tan-notifika stipulat fl-Artikolu 47(2)(a) tal-KIU, ukoll hu bbażat fuq l-ammont tar-remunerazzjoni mitlufa wara l-illegalità allegata. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni għandha ssibha diffiċli tikkonstata r-relevanza ta’ dan il-kriterju.

69

Barra minn hekk, għandu jiġi ammess li r-remunerazzjoni effettivament riċevuta wara l-illegalità kommessa tiddetermina wkoll parzjalment il-portata tal-kumpens għad-dannu, peress li kull persuna li ssofri dannu hi obbligata tillimita d-dannu tagħha. F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni ta’ riskju ta’ diskriminazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, jekk żewġ kandidati mċaħħda illegalment isofru telf ta’ remunerazzjoni differenti, ma jistgħux jiġu kkunsidrati, anke jekk ikollhom l-istess opportunità li jiġu reklutati, bħal li kieku qegħdin f’sitwazzjoni identika jew simili fir-rigward tal-portata tad-dannu subit.

70

Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex tevalwa l-portata tal-kumpens għat-telf ta’ opportunità subit minn M. Girardot, l-ewwel effettivament ippruvat tiddetermina l-ammont tar-remunerazzjoni mitlufa minn din, hija ma bbażatx ruħha fuq dan il-kriterju biss biex tiddetermina l-portata ta’ dan il-kumpens.

71

Ċertament, meta ddeċidiet fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata li, biex tevalwa l-portata tal-kumpens għat-telf ta’ opportunità subit minn M. Girardot, kien hemm lok, “jekk ikun il-każ”, li tevalwa l-possibbiltà li tiġi reklutata, u b’hekk issuġġeriet li din l-evalwazzjoni kienet purament fakultattiva, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi peress li n-nuqqas ta’ din l-evalwazzjoni, li tifforma parti mill-kunċett tat-telf ta’ opportunità, jammonta għall-kalkolu tat-telf ta’ remunerazzjoni subit minn M. Girardot biss, minkejja li din ma kellha l-ebda dritt li tiġi reklutata.

72

Madankollu, dan l-iżball m’huwiex relevanti peress li, wara li fil-punti 59 sa 95 tas-sentenza kkontestata kkalkulat it-telf tar-remunerazzjoni subit minn M. Girardot, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 96 sa 122 ta’ din is-sentenza, effettivament stabbiliet dan it-telf b’perċentwali intiża, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-fatti partikolari kollha tal-kawża li m’hijiex appellabbli, li tikkwantifika l-opportunità li M. Girardot kellha li tiġi reklutata.

73

Madankollu, tali kriterju, applikat b’dan il-mod sabiex jibbilanċja, skond il-metodu użat ukoll, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’diversi sistemi nazzjonali, il-kriterju relattiv għat-telf tar-remunerazzjoni, huwa tali li kapaċi jagħti indikazzjoni relevanti għall-evalwazzjoni tal-portata tal-kumpens għat-telf ta’ l-opportunità subita minn M. Girardot, peress li jippermetti li tiġi kkunsidrata, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-probabbiltà li hi kellha li tirċievi r-remunerazzjoni mitlufa b’mod irrimedjabbli.

74

Huwa veru li, kif irrilevat il-Kummissjoni matul is-seduta, il-livell ta’ opportunità kkalkulata b’dan il-mod mill-Qorti tal-Prim’Istanza huwa ipotetiku u ma jistax fih innifsu jitqies bħala reali u ċert. Madankollu, dan il-fattur m’huwiex relevanti peress li hu paċifiku li d-dannu subit minn M. Girardot minħabba t-telf ta’ opportunità li tiġi reklutata huwa reali u ċert u li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-metodu li tuża biex tikkwantifikah.

75

Finalment, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu propost mill-Kummissjoni, imsemmi fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, huwa manifestament inqas xieraq biex tiġi evalwata l-portata tal-kumpens għad-dannu riżultanti minn telf ta’ opportunità minn dak użat fis-sentenza kkontestata.

76

Fil-fatt, metodu bħal dan, li jwassal biex jiġu injorati totalment iċ-ċirkostanzi tas-sitwazzjoni ta’ M. Girardot, sabiex tiġi proposta regola intiża biex tikkumpensa b’mod uniformi t-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ subita minn kwalunkwe persuna kkonċernata, ma jippermettix, kuntrarjament għar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, partikolarment, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink et vs Il-Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801, punt 13, kif ukoll Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 28), li jiġi assigurat il-kumpens sħiħ tad-dannu individwali effettivament subit mill-persuna kkonċernata minħabba l-illegalità partikolari kommessa kontra tagħha u barra minn hekk, iċċaħħad lill-qorti Komunitarja mill-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha biex tevalwa l-portata tal-kumpens għal dan id-dannu.

77

Barra minn hekk, dan il-metodu alternattiv, peress li jwassal għall-konklużjoni, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat fil-punt 74 tas-sentenza kkontestata, li l-perijodu li matulu M. Girardot kienet tibqa’ fis-servizz tal-Kummissjoni li kieku din kienet ġiet reklutata huwa tant ipotetiku li għandu jiġi injorat kompletament u, konsegwentament, li għandu li jiġi kkunsidrat li l-impjieg ġie terminat hekk kif beda, iwassal għal stiwazzjoni fejn jiġi kkumpensat dannu fittizju li la hu reali u lanqas ċert.

78

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, li wara kollox ma tikkontestax li s-sentenza kkontestata hija motivata biżżejjed kif trid il-liġi f’dan ir-rigward, ma wrietx li, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali li għandha fuq dan il-punt, kienet, bil-metodu użat, interpretat ħażin id-dannu subit f’dan il-każ minn M. Girardot billi ma evalwatx id-dannu reali u ċert riżultanti lilha mit-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ.

79

Issa, huwa paċifiku li hemm rabta ta’ kawżalità diretta bejn dan id-dannu u l-illegalità allegata f’dan il-każ.

80

F’dawn iċ-ċirkostanzi, għandu jiġi konkluż li l-appell prinċipali m’huwiex fondat u li għalhekk għandu jiġi miċħud.

Fuq l-appell inċidentali

L-argumenti tal-partijiet

81

Permezz ta’ l-appell inċidentali, M. Girardot issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju billi kkommettiet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

82

Fl-ewwel lok, M. Girardot issostni li, billi adottat biss perijodu ta’ ħames snin bħala l-perijodu li għandu jiġi kkunsidrat biex tiġi kkalkolata d-differenza fir-remunerazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ikkomettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li, fil-punt 80 tas-sentenza kkontestata, eskludiet mill-evalwazzjoni tagħha t-telf ta’ opportunità ta’ karriera meta l-prospettiva tal-ħatra bħala uffiċjal permanenti ma kinitx inċerta, peress li l-Kummissjoni, f’dak iż-żmien, skond politika definita b’mod ċar, kienet ħatret numru ta’ membri tal-persunal temporanju bħala uffiċjali permanenti, u t-tmien kandidati finalment reklutati kollha inħatru bħala uffiċjali permanenti.

83

Fit-tieni lok, M. Girardot tallega li, billi tirreferi għar-remunerazzjoni mensili netta korrispondenti, fil-medja, għall-aħħar remunerazzjoni mħallsa lilha mill-Kummissjoni fl-impjieg tal-grad A 5, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkomettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tad-differenza fir-remunerazzjoni billi, fil-punt 85 tas-sentenza kkontestata, ma rrikonixxietx il-fatt li hi iktar kellha opportunità li tiġi reklutata f’impjieg fil-grad A4 milli fil-grad A5, peress li ħames mit-tmien impjiegi li għalihom applikat M. Girardot kienu fil-grad A4. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kien imissha bniet il-karriera tagħha fuq il-bażi tal-perijodi medji ta’ promozzjoni minn grad għall-ieħor u tikkunsidra d-drittijiet għall-pensjoni li kienu jakkumulaw fil-każ ta’ reklutaġġ.

84

Fit-tielet lok, M. Girardot tqis li billi ffissat il-probabbiltà li hija tiġi reklutata għal 50 %, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-probabbiltà li l-opportunità ta’ reklutaġġ timmaterjalizza peress li, fil-punt 116 tas-sentenza kkontestata, hija ma kkunsidratx li l-opportunitajiet li kellha li tiġi reklutata kienu ġejjin mill-fatt li, għal kull impjieg in kwistjoni, kien hemm biss kandidat ieħor, li kull wieħed minnhom ġie reklutat u li kandidat li japplika għal tmien impjiegi għandu aktar probabbiltà li jiġi reklutat minn kandidat li japplika biss għal impjieg wieħed. Barra minn hekk, opportunità ġenwina m’hijiex ekwivalenti għal opportunità waħda minn tnejn.

85

Fir-raba’ lok, M. Girardot tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma kkunsidratx, fil-punti 133 sa 138 tas-sentenza kkontestata, l-elementi kollha tad-danni morali u fiżiċi, meta ċ-ċertifikati mediċi ppreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura jirreferu għal sindromu ta’ depressjoni li M. Girardot ilha ssofri minnu minn meta l-applikazzjonijiet tagħha ġew rifjutati illegalment mill-Kummissjoni.

86

Fis-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-appell inċidentali kien totalment inammissibbli peress li jipprova jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87

Kif jirriżulta mill-Artikoli 225 KE u 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u, għalhekk, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hi kompetenti biex tikkonstata u tevalwa l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta minn dokumenti tal-proċess li ġew ippreżentati lilha. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-provi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma tikkostitwixxiex kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-iskrutinju tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi BEI vs Hautem, iċċitata iktar ’il fuq punt 44; u tal-5 ta’ Ġunju 2003, O’Hannrachain vs Il-Parlament, C-121/01 P, Ġabra p. I-5539, punt 35; kif ukoll id-digriet tas-27 ta’ April 2006, L vs Il-Kummissjoni, C-230/05 P, Ġabra p. I-55, punt 45).

88

Barra minn hekk, mill-Artikoli 225 KE, mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, Ġabra p. I-2125, punt 15; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il-Kummissjoni, C-68/05 P, Ġabra p. I-10367, punt 54; id-digrieti tad-19 ta’ Marzu 2004, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C-196/03 P, Ġabra p. I-2683, punt 40, u Meister vs L-UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95).

89

Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kriterju ma jkunx sodisfatt minn appell li, mingħajr ma jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta’ liġi li allegatament jivvizja d-deċiżjoni kkontestata, sempliċament jirrepeti jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament respinti minn din il-Qorti. Fil-fatt, appell bħal dan fir-realtà huwa talba biex jerġa’ jiġi evalwat ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 35, u Eurocoton et vs Il-Kunsill, punt 47, kif ukoll id-digriet Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 41).

90

Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ dannu, hija biss hi li tkun kompetenti biex tevalwa, fil-limiti tat-talba, il-mod u l-portata tal-kumpens għal dan id-dannu.

91

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, b’dan l-appell inċidentali, M. Girardot, kif hi stess enfasizzat fis-seduta fir-risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt, qed tfittex mhux li tidentifika l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi li bihom hu allegatament ivvizjat ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata, iżda li minn naħa waħda, billi tirrepetti l-argumenti invokati fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, billi tressaq provi oħra allegatament ġodda, tikkontesta l-apprezzament tal-fatti li għamlet din il-qorti f’din is-sentenza sabiex tiddetermina l-portata tal-kumpens għad-dannu, mingħajr ma tallega la xi interpretazzjoni żbaljata tal-fatti u lanqas ma tressaq l-inqas argument ġuridiku sabiex turi għaliex l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ dawn l-argumenti kienet żbaljata fil-liġi. B’dan, M. Girardot qed tillimita lilha nfisha għalhekk sabiex titlob evalwazzjoni mill-ġdid tas-sentenza kkontestata.

92

Konsegwentament, l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

93

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell prinċipali u l-appell inċidentali għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

94

Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell permezz ta’ l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet l-appell prinċipali, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż relattivi għal dan l-appell, kif mitlub minn M. Girardot. Peress li M. Girardot tilfet l-appell inċidentali, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż relattivi għal dan l-appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell prinċipali u l-appell inċidentali huma miċħuda.

 

2)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż relattivi għall-appell prinċipali.

 

3)

M. Girardot hija kkundannata għall-ispejjeż relattivi għall-appell inċidentali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq