EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0064

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta' Diċembru 2007.
ir-Renju ta' l-Iżvezja vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej et..
Appell - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet - Dokumenti li ġejjin minn Stat Membru - Rifjut ta’ dan l-Istat Membru li dawn id-dokumenti jiġu żvelati - Portata ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament.
Kawża C-64/05 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-11389

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:802

Kawża C-64/05 P

Ir-Renju ta’ l-Iżvezja

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet — Dokumenti li ġejjin minn Stat Membru — Oppożizzjoni minn dan l-Istat Membru li dawn id-dokumenti jiġu żvelati — Portata ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro, ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti

(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,Artikoli 4(5) u 9(3))

2.     Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti

(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,Artikolu 4(5))

3.     Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti

(Artikolu 255(1) u (2) KE; Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,Artikolu 4(1) sa (3) u (5))

4.     Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti

(Artikolu 10 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(1) sa (3) u (5), 7 u 8)

5.     Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(1) sa (3), 7 u 8)

6.     Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti

(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,Artikolu 4(1) sa (3) u (5))

1.     Meta Stat Membru jkun eżerċita l-fakultà li hija miftuħa lilu permezz ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jitlob li dokument speċifiku, li joriġina minn dan l-Istat, ma jiġix żvelat mingħajr il-ftehim minn qabel tiegħu, l-iżvelar eventwali ta’ dan id-dokument mill-istituzzjoni jeħtieġ il-kisba ta’ ftehim minn qabel ma’ l-imsemmi Stat Membru. Billi “ftehim” huwa ġuridikament distint minn sempliċi “opinjoni”, il-kliem stess ta’ l-imsemmija dispożizzjoni jipprekludu l-interpretazzjoni li hija tagħti sempliċement lil Istat Membru li jkun eżerċita l-imsemmija fakultà dritt li jiġi kkonsultat mill-istituzzjoni qabel ma’ din tiddeċiedi, jekk ikun il-każ minkejja l-oppożizzjoni ta’ l-Istat Membru in kwistjoni, li tagħti aċċess għad-dokument ikkonċernat. L-użu fl-imsemmi Artikolu 4(5) tal-kliem “jista’ jitlob” jenfasizza sempliċiment li din id-dispożizzjoni tiftaħ fakultà għall-benefiċċju ta’ l-Istat Membru, fakultà li biss l-eżerċizzju effettiv tagħha f’każ partikolari għandu bħala konsegwenza li jistabbilixxi l-kunsens minn qabel ta’ l-Istat Membru fil-kundizzjoni meħtieġa għal żvelar fil-futur tad-dokument ikkonċernat.

(ara l-punti 45, 47, 50)

2.     L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, mhux talli ma jirreferix biss għad-dokumenti li tagħhom l-Istati Membri huma l-“awturi” jew li kienu ġew “magħmula” minn dawn ta’ l-aħħar, iżda jikkonċerna potenzjalment kull dokument “li ġej” minn Stat Membru, jiġifieri d-dokumenti kollha, indipendentement mill-awtur, li Stat Membru jittrażmetti lil istituzzjoni. B’hekk, l-uniku kriterju rilevanti huwa dak tal-provenjenza tad-dokument u tat-tneħħija mill-Istat Membru kkonċernat ta’ dokument li kien fil-pussess tiegħu.

(ara l-punt 61)

3.     Jirriżulta b’mod ċar mill-għaxar premessa tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament li d-dokumenti kollha miżmuma mill-istituzzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, inklużi dawk li joriġinaw mill-Istati Membri, b’mod li l-aċċess għal dawn id-dokumenti huwa bħala prinċipju rregolat permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ta’ l-aħħar, b’mod partikolari dawk li jipprovdu eċċezzjonijiet materjali għad-dritt ta’ aċċess. B’hekk, l-eċċezzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-istess regolament, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett.

Dawn l-eċċezzjonijiet ikopru l-eżerċizzju tas-setgħa li l-paragrafu 5 ta’ l-istess Artikolu jagħti lil Stat Membru, fejn dan ta’ l-aħħar huwa sempliċement irrikonoxxut setgħa ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni Komunitarja. F’din il-perspettiva, il-ftehim minn qabel ta’ l-Istat Membru li jirreferi għalih l-Artikolu 5 ma jixbaħx dritt ta’ veto diskrezzjonali, iżda forma ta’ kunsens fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivi ta’ eċċezzjoni bbażati fuq il-paragrafi 1 sa 3. Dan il-paragrafu 5 ma jistax għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jagħti lil Stat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkondizzjonat sabiex jirrifjuta b’mod diskrezzjonali l-iżvelar ta’ dokumenti li ġejjin minnu u li huma miżmuma minn istituzzjoni, b’mod li l-aċċess għal dawn id-dokumenti ma jibqax jiġi rregolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi regolament sabiex jiddependi biss fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

(ara l-punti 66-67, 75-76)

4.     Peress li l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, hija fdata konġuntament lill-istituzzjoni u lill-Istat Membru li eżerċita l-fakultà miftuħa permezz ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ l-imsemmi regolament u peress li hija tributarja tad-djalogu reċiproku li għandu jiġi stabbilit bejniethom, dawn għandhom l-obbligu, skond l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 10 KE, li jaġixxu u li jikkooperaw b’mod li l-imsemmija regoli jkunu jistgħu jirċievu applikazzjoni effettiva.

Isegwi, l-ewwel nett, li l-istituzzjoni li lilha saret applikazzjoni għal aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru u l-imsemmi Stat Membru għandhom, peress li din l-applikazzjoni tkun ġiet innotifikata mill-istituzzjoni lill-imsemmi Stat Membru, jibdew mingħajr dewmien djalogu leali dwar l-applikazzjoni eventwali ta’ l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi jibqgħu jagħtu attenzjoni b’mod partikolari għall-ħtieġa li l-istituzzjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni fit-termini ta’ żmien li fihom l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament jobbligawaha tiddeċiedi fuq din l-applikazzjoni għal aċċess.

(ara l-punti 85-86)

5.     Stat Membru li, wara d-djalogu ma’ istituzzjoni Komunitarja dwar l-applikazzjoni eventwali ta’ l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jirrifjuta li jiżvela d-dokument in kwistjoni huwa obbligat li jagħti r-raġunijiet għal dan ir-rifjut fid-dawl ta’ l-imsemmija eċċezzjonijiet.

L-istituzzjoni ma tistax fil-fatt taġixxi skond ir-rifjut muri minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk l-imsemmija oppożizzjoni hija nieqsa minn kull motivazzjoni jew jekk din il-motivazzjoni mhijiex spjegata b’referenza għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta, minkejja l-istedina espressa f’dan is-sens indirizzata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru, dan ta’ l-aħħar jibqa’ ma jipprovdilhiex tali motivazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni għandha, jekk din tikkunsidra minn naħa tagħha li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament ma japplikaw, tagħti aċċess għad-dokument mitlub.

Fl-aħħar nett, u skond l-Artikoli 7 u 8 ta’ l-imsemmi regolament, l-istituzzjoni stess għandha l-obbligu li tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni ta’ rifjut kontra l-awtur ta’ l-applikazzjoni għal aċċess. Tali obbligu jimplika li l-istituzzjoni tesponi, fl-imsemmija deċiżjoni, mhux biss l-oppożizzjoni mmanifestata mill-Istat Membru kkonċernat għall-iżvelar tad-dokument mitlub, iżda wkoll ir-raġunijiet invokati mill-imsemmi Stat Membru sabiex tikkonkludi b’applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ l-aċċess previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ l-istess Regolament. Tali indikazzjonijiet huma fil-fatt ta’ natura li jippermettu lill-parti interessata li tifhem l-oriġini u r-raġunijiet tar-rifjut kontriha u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita, skond il-każ, l-istħarriġ li huwa mogħti lilha.

(ara l-punti 87-89)

6.     L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, m’għandux bħala għan li jistabbilixxi tqassim bejn żewġ kompetenzi, waħda nazzjonali u l-oħra Komunitarja, li għandhom għanijiet distinti, iżda jistabbilixxi proċedura deċiżjonali li għandha bħala għan biss li tiddetermina jekk l-aċċess għal dokument għandux jiġi rrifjutat skond waħda mill-eċċezzjonijiet materjali msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ l-imsemmi regolament, proċedura deċiżjonali li għaliha jipparteċipaw kemm l-istituzzjoni Komunitarja kif ukoll l-Istat Membru kkonċernat.

F’każ simili, jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti Komunitarja li tistħarreġ, fuq it-talba tal-parti interessata li tkun ġiet irrifjutata aċċess mill-istituzzjoni, jekk l-imsemmi rifjut setax kien validament ibbażat fuq l-imsemmija eċċezzjonijiet, u jekk dan ir-rifjut jirriżultax mill-evalwazzjoni ta’ dawn ta’ l-eċċezzjonijiet mill-istituzzjoni stess jew mill-Istat Membru. Mill-bqija, fir-rigward ta’ din il-parti interessata, l-intervent ta’ l-Istat Membru ma jaffettwax in-natura Komunitarja tad-deċiżjoni li l-istituzzjoni tindirizzalha ulterjorment bħala risposta għall-applikazzjoni għal aċċess li hija tkun ressqitilha dwar dokument li hija żżomm fil-pussess tagħha.

(ara l-punti 93-94)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Diċembru 2007(*)

“Appell – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet – Dokumenti li ġejjin minn Stat Membru – Rifjut ta’ dan l-Istat Membru li dawn id-dokumenti jiġu żvelati – Portata ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament”

Fil-kawża C‑64/05 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-10 ta’ Frar 2005,

Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, irrappreżentat minn K. Wistrand, bħala aġent,

rikorrent

sostnut minn:

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn E. Bygglin u A. Guimaraes‑Purokoski, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma

IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH, li qabel kienet Internationaler Tierschutz-Fonds (IFAW) GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Crosby, solicitor, u R. Lang, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u C. Wissels kif ukoll minn M. de Grave, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Nwaokolo u V. Jackson, bħala aġenti, assistiti minn J. Stratford, barrister,

intervenjenti fl-ewwel istanza

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Docksey u P. Aalto, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn I. del Cuvillo Contreras u A. Sampol Pucurull, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris, E. Juhász, J. Malenovský, J. Klučka u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta’ l-appell tiegħu, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (T-168/02, Ġabra p. II‑4135, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors imressaq minn IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGbmH (iktar ’il quddiem l-“IFAW”) u intiża sabiex tikseb l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Marzu 2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tiċħad lill-IFAW l-aċċess għal ċerti dokumenti rċevuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura li fit-tmiem tagħha din l-istituzzjoni tat opinjoni favur it-twettiq ta’ proġett industrijali f’sit protett skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitat’”).

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 255(1) u (2) KE jipprovdi li:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2.      Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam”.

3       Id-Dikjarazzjoni Nru 35, relattiva għall-Artikolu 255 […] (1) tat-Trattat [KE], annessa ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam (aktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni Nru 35”) tipprovdi li:

“Il-Konferenza taqbel li l-prinċipji u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 255(1) tat-Trattat [KE] jippermettu lill-Stat Membru li jitlob lil-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkomunikax ma’ partijiet terzi dokument li joriġina minn dak l-Istat mingħajr il-kunsens preċedenti tiegħu”.

4       It-tieni sar-raba’, l-għaxar u l-ħmistax-il premessi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), jipprovdu kif ġej:

“(2) It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(3)      Il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew li saru f’Birmingam, f’Edinburgu u f’Kopenħagen emfasiżżaw il-bżonn li tiddaħħal aktar trasparenza fix-xogħol ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni. Dan ir-Regolament jikkonsolida l-inizjattivi li diġà ttieħdu mill-istituzzjonijiet bi skop li jsaħħu t-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-prinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[...]

(10)      Aċċess għal dokumenti għandu jingħata mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni mhux biss għad-dokumenti miktuba mill-istituzzjonijiet, iżda wkoll għad-dokumenti li dawn jirċievu sabiex ikun hemm aktar trasparenza fix-xogħol ta’ l-istituzzjonijiet. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-Dikjarazzjoni Nru 35 […] jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkommunikawx lil partijiet terzi dokument li ġej minn dak l-Istat mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel.

[...]

(15)      Għalkemm l-emenda ta’ liġijiet nazzjonali dwar aċċess għal dokumenti m’hijiex l-iskop jew l-effett ta’ dan ir-Regolament, permezz tal-prinċipju ta’ koperazzjoni leali li tirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jaraw li ma jfixklux l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament u għandhom iħarsu r-regoli ta’ sigurtà ta’ l-istituzzjonijiet”.

5       Taħt it-titolu “Għan”, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

a)      li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa "l-istituzzjonijiet") previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti,

[…]”

6       L-Artikolu 2(3) u (5) ta’ dan ir-Regolament, taħt it-Titolu “Benefiċjarji u skop” jiddisponi li:

“3.      Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[...]

5.      Dokumenti sensittivi mfissra fl-Artikolu 9(1) għandhom ikunu soġġetti għal trattament speċjali skond dak l-Artikolu”.

7       Skond l-Artikolu 3(b) ta’ dan ir-regolament, għall-għan ta’ dan, “parti terza” tfisser, “kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi”.

8       Intitolat “Eċċezzjonijiet”, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li :

“1.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

a)      l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

–       is-sigurtà pubblika,

–       kwistjonijiet militari u ta’ difiża,

–       relazzjonijiet internazzjonali,

–       il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru;

b)      il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–       interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–       proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–       l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

4.      Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5.      Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

[…]

7.      L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu”.

9       L-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi, taħt it-Titolu “Dokumenti fl-Istati Membri” li :

“Meta Stat Membru jirċievi talba għal dokument fil-pussess tiegħu, li l-oriġini tiegħu ġejja minn istituzzjoni, jekk m’hiex ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat, l-Istat Membru għandu jikkonsulta ma’ l-istituzzjoni involuta sabiex jieħu deċiżjoni li ma jipperikolax il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-Istat Membru jista’ minflok jirreferi t-talba lill-istituzzjoni”.

10     Ir-Regolament Nru 1049/2001 jiddisponi fl-Artikolu 9 tiegħu, dwar it-trattament ta’ dokumenti sensittivi :

“1.      Dokumenti sensittivi huma dokumenti li ġejjin mill-istituzzjonijiet jew mill-aġenziji mwaqqfa minnhom, mill-Istati Membri, pajjiżi terzi jew Organizzazzjonijiet Internazzjonali, klassifikati bħala “TRÉS SECRET/TOP SECRET”, “SECRET” jew “CONFIDENTIEL” skond ir-regoli ta’ l-istituzzjoni rilevanti, li jħarsu l-interessi essenzali ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti mill-Artikolu 4(1)(a), partikolarment is-sigurtà pubblika, kwistjonijiet militari u tad-difiża.

2.      Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti sensittivi taħt il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 għandhom jiġu proċessatti biss minn persuni li għandhom dritt isiru jafu dwar dawk id-dokumenti. Dawn il-persuni għandhom ukoll, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2), jagħmlu stima dwar liema referenzi għal dokumenti sensittivi jistgħu jsiru fir-reġistru pubbliku.

3.      Dokumenti sensittivi għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta’ mingħand min ġejjin.

[...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11     Ippreżentata b’talba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażata fuq it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitat”, il-Kummissjoni, fid-19 ta’ April 2000, ħarġet opinjoni favur it-twettiq ta’ proġett industrijali fuq is-sit ta’ Mühlenberger Loch, żona protetta skond din id-Direttiva. Dan il-proġett ikkonsista fit-tkabbir tal-fabbrika ta’ Daimler Chrysler Aerospace Airbus GmbH u fir-reklamazzjoni ta’ parti mill-estwarju ta’ l-Elbe għat-titwil ta’ runway.

12     Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001 indirizzata lill-Kummissjoni, l-IFAW, li hija organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem fil-qasam tal-preservazzjoni tal-benesseri ta’ l-annimali u l-protezzjoni tan-natura, talbet li jkollha aċċess għal diversi dokumenti rċevuti mill-imsemmija istituzzjoni fil-kuntest ta’ l-eżami tal-proġett industrijali fuq imsemmi, jiġifieri l-korrispondenza li tirriżulta mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-belt ta’ Hamburg, kif ukoll mingħand il-Kanċillier Ġermaniż.

13     Wara li kienet indikat lill-IFAW, permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, li fid-dawl ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija kkunsidrat li kienet obbligata li tikseb il-kunsens ta’ l-Istat Membru kkonċernat qabel ma tiżvela d-dokumenti in kwistjoni, il-Kummissjoni rċeviet, fit-12 ta’ Frar 2002, talba mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex ma tiżvelax l-imsemmija dokumenti.

14     Billi l-imsemmi Artikolu 4(5) jipprojbixxiha, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li tiżvela d-dokumenti in kwistjoni, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Marzu 2002, adottat id-deċiżjoni kkontestata li tiċħad it-talba ta’ l-IFAW.

 Is-sentenza appellata

15     Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Ġunju 2002, IFAW ressqet rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata. In sostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat żewġ motivi bbażati fuq il-ksur, rispettivament, ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

16     Permezz ta’ l-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li huwa ġust fid-dritt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, meta Stat Membru jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat, din it-talba tikkostitwixxi inġunzjoni sabiex ma jsirx żvelar li din l-istituzzjoni hija obbligata li tosserva, mingħajr ma huwa neċessarju għall-Istat Membru kkonċernat li jimmotiva t-talba tiegħu u lanqas għall-istituzzjoni li teżamina jekk in-nuqqas ta’ żvelar huwiex iġġustifikat.

17     F’dan ir-rigward, fil-punti 57 sa 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod aktar preċiż:

“57      […] mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament [Nru 1049/2001] jirriżulta li l-Istati Membri huma s-suġġett ta’ trattament partikolari. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istat Membru s-setgħa li jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokumenti li ġejjin mingħandu mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu. Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament jirrifletti d-Dikjarazzjoni Nru 35 li skond din il-Konferenza taqbel li l-prinċipji u kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 255 KE għandhom jippermettu li l Stat Membru li jitlob lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkomunikawx dokument li ġej minn dan l-Istat lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu. Din is-setgħa li ngħatat lill-Istati Membri mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament hija spjegata mill-fatt li dan ir-Regolament la għandu l-għan u lanqas l-effett li jemenda l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ aċċess għad-dokumenti (ara l-premessa 15 tar-Regolament, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 2003, Messina vs Il-Kummissjoni, T-76/02, Ġabra p. II-3203, punti 40 u 41).

58.       L-Artikolu 4(5) tar-Regolament iqiegħed l-Istati Membri f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-partijiet terzi oħra, billi jistabbilixxi lex specialis f’dan ir-rigward. Skond din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru għandu s-setgħa li jitlob istituzzjoni li ma tiżvelax dokument li joriġina mingħandu, u l-istituzzjoni hija obbligata li ma tiżvelahx mingħajr il-“[ftehim] minn qabel” tiegħu. Dan l-obbligu, impost fuq l-istituzzjoni, li jkollu l-kunsens minn qabel mill-Istat Membru, li huwa stabbilit b’mod ċar fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament, jirriskja li jkun mingħajr effett jekk il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi li tiżvela dan id-dokument minkejja talba espliċita kuntrarja ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni [l-IFAW], talba ta’ l-Istat Membru skond din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi inġunzjoni lill-istituzzjoni li ma tiżvelax id-dokument in kwisjtoni.

59.       F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Istat Membru m’għandux obbligu li jagħti raġuni għat-talba tiegħu skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament u li, ladarba huwa jkun ippreżenta tali talba, mhijiex kompetenza ta’ l-istituzzjoni li teżamina jekk in-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkontestat huwiex iġġustifikat skond, b’mod partikolari, l-interess pubbliku.

60.       Sabiex tassigura għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament interpretazzjoni skond id-Dikjarazzjoni Nru 35 u sabiex tiffaċilita l-aċċess għad-dokument in kwistjoni billi tippermetti lill-Istat Membru, jekk ikun il-każ, li tagħti l-kunsens tiegħu għall-iżvelar tad-dokument, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta dan l-Istat Membru meta talba ta’ aċċes tirrigwarda dokument li ġej mingħandu. Jekk dan l-Istat Membru, wara li jkun ġie kkonsultat, ma jintroduċix talba skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, l-istituzzjoni dejjem tibqa’ obbligata li tevalwa, skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament, jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le.

61.       Hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, jekk l-aċċess għal dokument li fir-rigward tiegħu Stat Membru jkun għamel talba skond l-Artikolu 4(5) mhuwiex irregolat mir-Regolament, dan huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ta’ l-Isati Membru kkonċernat, li mhumiex affettwati mill-adozzjoni tar-Regolament. Għaldaqstant, hija kompetenza ta’ l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali li jevalwaw, skond id-dritt nazzjonali, jekk l-aċċess għad-dokumenti li joriġinaw minn Stat Mebru għandu jingħata u jekk id-dritt ta’ rikors ta’ l-interessati se jkunx għaldaqstant iggarantit skond ir-regoli nazzjonali.

62.       In kwantu għall-argument [ta’ l-IFAW] […], ibbażat fuq il-kliem ta’ l-Artikolu 9(3) tar-Regolament, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 9 jipprovdi regoli speċifiċi għall-ipproċessar tad-dokumenti msejħa “sensittivi” li, b’mod partikolari, ġejjin mill-istituzzjonijiet, mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijeit internazzjonali fl-oqsma definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament, b’mod partikolari, is-sigurtà pubblika, id-difiża u l-kwistjonijiet militari. Dan l-Artikolu jsemmi, b’mod partikolari, il-persuni li huma awtorizzati li jitrattaw dawn id-dokumenti, u jipprovdi li d-dokumenti sensittivi huma biss irreġistrati fir-reġistru jew żvelati bil-kunsens ta’ l-awtorità mingħand min ġejjin. Fid-dawl ta’ l-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni kkunsidrata minn dan l-Artikolu, jidher ċar li dan mhuwiex konness ma’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament u li l-kliem ta’ l-Artikolu 9(3) tar-Regolament ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 4(5)”.

18     Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, safejn hija tirreferi għat-talba li ma jsirx żvelar li ġejja mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tesponi li tali talba torbot l-istituzzjoni li għaliha din hija indirizzata, id-deċiżjoni kkontestata hija biżżejjed ċara sabiex tippermetti lill-IFAW li tifhem ir-raġunijiet tar-rifjut ta’ l-aċċess fir-rigward tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita l-kontroll tagħha.

 Fuq l-appell

19     Permezz ta’ l-appell tiegħu, li in sostenn tiegħu huwa jinvoka aggravju wieħed ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata u sabiex tiddeċiedi hija stess fuq ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

20     B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2005, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Finlandja ġew ammessi sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ l-Iżvezja rispettivament.

21     Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-IFAW jitolbu li l-appell jiġi milqugħ.

22     Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni jitolbu li l-appell jiġi miċħud.

 L-argumenti tal-partijiet

23     Skond ir-Renju ta’ l-Iżvezja, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti lil Stat Membru li jimponi veto assolut u mhux immotivat għall-iżvelar ta’ dokumenti li ġejjin mingħandu u li huma miżmuma minn istituzzjoni.

24     Tali interpretazzjoni daħħlet mill-ġdid ir-“regola ta’ l-awtur”, li madankollu ġiet skartata mil-leġiżlatur Komunitarju matul l-adozzjoni ta’ l-imsemmi Regolament, u tikser il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 2(3) ta’ dan, li hija biss l-istituzzjoni li żżomm id-dokumenti li għandha tikkunsidra jekk hemmx lok li jiġi awtorizzat aċċess għal dawn id-dokumenti.

25     Għad-differenza ta’ l-Artikoli 2(5) u 9 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar dokumenti sensittivi, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament m’għandux karattru ċar li għandu jkollha kull eċċezzjoni għall-prinċipji bażiċi tal-leġiżlazzjoni li fiha hija tinsab.

26     L-imsemmi Artikolu 4(5) jistabbilixxi regola proċedurali li tagħti lill-Istati Membri d-dritt li jiġu kkonsultati u li jagħmlu talba sabiex ma jsirx żvelar immotivata fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet materjali li jinsabu fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-istess Artikolu.

27     Skond ir-Renju ta’ l-Iżvezja, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljat ukoll meta kkunsidrat, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li d-dritt ta’ veto hekk kif allegatament mogħti lill-Istati Membri huwa ġġustifikat miċ-ċirkustanza li r-Regolament Nru 1049/2001 m’għandux bħala għan u lanqas bħala effett li jemenda l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ l-aċċess għad-dokumenti. Fil-fatt, l-applikabbiltà ta’ leġiżlazzjoni partikolari hija funzjoni mhux ta’ l-oriġini tad-dokument, iżda ta’ l-organu li għalih it-talba għal aċċess hija indirizzata. F’dan ir-rigward, ebda dispożizzjoni ta’ l-imsemmi Regolament ma tindika li d-dritt nazzjonali għandu bħala kompitu li jirregola talba għal aċċess magħmula lil istituzzjoni Komunitarja u deċiżjoni meħuda minn din ta’ l-aħħar skond dan l-istess Regolament tibqa’ ġuridikament mingħajr impatt fuq id-dritt applikabbli għal talba għal aċċess dwar l-istess dokument ippreżentat quddiem awtorità ta’ Stat Membru.

28     Filwaqt li taqbel ma’ l-argumenti tar-Renju ta’ l-Iżvezja, l-IFAW iżżid, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, billi kkwalifikat l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 mhux bħala eċċezzjoni, iżda bħala lex specialis, u billi għażlet, għaldaqstant, interpretazzjoni wiesgħa pjuttost milli restrittiva ta’ l-imsemmija dispożizzjoni.

29     Fit-tieni lok, fir-rigward tar-referenza għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li tinkludi l-ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-fatt li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tiegħu jipprovdi li l-Istati Membri li jżommu dokument li l-oriġini tiegħu jkun ġejja minn istituzzjoni huma kompetenti li jiddeċiedu, wara konsultazzjoni eventwali ta’ l-istituzzjoni kkonċernata, jekk hemmx lok għall-iżvelar, l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat b’mod li jiżgura ekwilibriju bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet. Dawn ta’ l-aħħar għandhom għalhekk, huma wkoll, ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq it-talbiet ta’ żvelar ta’ dokumenti li ġejjin minn Stat Membru.

30     Fit-tielet lok, billi ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li t-talba ta’ Stat Membru magħmula skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha bħala effett li tagħmel dan ta’ l-aħħar inapplikabbli għall-benefiċċju tad-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet interpretat ħażin il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi Regolament li jkopri sew id-dokumenti kollha fil-pussess ta’ istituzzjoni.

31     Fir-raba’ lok, id-dikjarazzjoni Nru 35 m’għandhiex portata legali. Billi ma l-kontenut tagħha mhuwiex differenti mit-test ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi invokata għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

32     Skond il-Gvern Olandiż, peress illi l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkonsisti sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti wiesa’ kemm jista’ jkun, il-kliem ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament, li jirreferi għal “talba” ta’ l-Istat Membru, u l-fatt li dan il-paragrafu jinsab wara l-paragrafu 4 ta’ l-istess Artikolu, li jistipula regola ta’ proċedura, jikkonfermaw li l-imsemmi paragrafu 5 ma jistabbilixxix motiv ta’ eċċezzjoni addizzjonali għal dawk elennkati fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-imsemmi Artikolu.

33     Ir-Renju tad-Danimarka jesponi li l-inserzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) fir-Regolament Nru 1049/2001, dispożizzjoni li l-kliem tagħha huwa, l-istess bħal dawk tad-dikjarazzjoni Nru 35, ambigwu, turi r-riżultat ta’ kompromess politiku bejn id-diversi intervenjenti fil-proċess leġiżlattiv Komunitarju. Fil-fatt, filwaqt li l-Kummissjoni kienet xtaqet li d-dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri jkunu suġġetti għad-dritt nazzjonali, il-Parlament jikkunsidra li l-iżvelar ta’ tali dokumenti kellu jaqa’ taħt id-dritt Komunitarju, filwaqt li l-Istati Membri, minn naħa tagħhom, kienu maqsuma fuq il-kwistjoni.

34     Anki l-qorti Komunitarja, li l-leġiżlatur kien b’mod konxju aċċetta li jħalli l-kwistjoni għad-diskrezzjoni tagħha, għandha, lil hinn mill-ambigwitajiet testwali ta’ l-imsemmi Artikolu 4(5), tapplika l-interpretazzjoni li tista’ tmur l-aħjar mal-kuntest leġiżlattiv li fih tinserixxi ruħha din id-dispożizzjoni u ma’ l-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll mal-prinċipji ġenerali, b’mod partikolari dawk ta’ proporzjonalità, ta’ motivazzjoni u ta’ dritt għal rikors effettiv.

35     Skond ir-Renju tad-Danimarka, tali għanijiet u prinċipji huma kontra dritt ta’ veto diskrezzjonali mogħti lill-Istati Membri u l-istituzzjoni kkonċernata kif ukoll il-qorti Komunitarja għandhom jibqgħu kompetenti sabiex jevalwaw, fid-dawl tal-motivi invokati minn Stat Membru, jekk in-nuqqas ta’ żvelar ta’ dokument huwiex mmotivat tajjeb permezz ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. Tali raġunijiet għandhom jiġu evalwati lealment mill-istituzzjoni u, jekk ikun il-każ, ikkomunikati lill-awtur tat-talba ta’ l-aċċess.

36     Ir-Repubblika tal-Finlandja tikkunsidra wkoll li l-Istat Membru li joġġezzjona l-iżvelar ta’ dokument għandu jimmotiva l-pożizzjoni tiegħu sabiex jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata li tassigura ruħha li l-motivi invokati huma ta’ natura li jiġġustifikaw rifjut ta’ aċċess u li timmotiva d-deċiżjoni eventwali tagħha f’dan is-sens kif hija obbligata tagħmel.

37     Madankollu, ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni, minn naħa, li l-motivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru sabiex joġġezzjona dwar il-komunikazzjoni ta’ dokument mhumiex limitati għal dawk elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda li jistgħu wkoll ikunu bbażati fuq id-dritt nazzjonali, dispożizzjonijiet Komunitarji oħra aktar speċifiċi fil-qasam ta’ aċċess għad-dokumenti jew konvenzjonijiet internazzjonali. Minn naħa l-oħra, meta tali motivi jkunu ġew esposti b’dan il-mod mill-Istat Membru, l-istituzzjoni kkonċernata ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn il-motivi ma’ dik ta’ l-Istat Membru u lanqas, għaldaqstant, tiżvela d-dokument li l-komunikazzjoni tiegħu hija mitluba.

38     Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat tajjeb li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu bħala għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ħmistax il-premessa tiegħu u mir-riferenza għad-dikjarazzjoni Nru 35 li tinkludi l-għaxar premessa ta’ dan l-istess Regolament, li jħares l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet u politika ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ aċċess għad-dokumenti “nazzjonali”, fir-rigward b’mod partikolari għan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja fil-qasam u għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

39     B’hekk l-imsemmi Artikolu 4(5) ma jistabbilixxix deroga addizzjonali fir-rigward ta’ aċċess għad-dokumenti, iżda jikkonferma sempliċiment li l-kwistjoni dwar jekk dokument li joriġina minn Stat Membru għandux jew le jiġi kkomunikat għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt nazzjonali. Kull rifjut ta’ żvelar minn Stat Membru għandu għalhekk jiġi evalwat hekk kif imqabbel mad-dritt nazzjonali applikabbli u jista’ ikun is-suġġett ta’ kontroll eventwali mill-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

40     Skond ir-Renju Unit, salv sabiex iċċaħħad minn kull effett l-inserzjoni, fit-test ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-kliem “ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel”, il-qari ta’ din id-dispożizzjoni ma jħalli ebda dubju fir-rigward tal-fatt li, f’dan il-każ, hemm stipulat obbligu dwar il-kisba ta’ tali ftehim, li għandu jiġi miksub qabel kull żvelar tad-dokument, u mhux sempliċi obbligu ta’ konsultazzjoni ma’ l-Istat Membru kkonċernat. Fir-rigward tal-kliem “jista’ jitlob”, huma ma jimplikaw bl-ebda mod l-eżistenza ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni ta’ l-istituzzjoni, iżda jindikaw sempliċiment li huma l-Istati Membri biss li għandhom jevalwaw, każ b’każ, l-opportunità li jressqu tali talba.

41     L-għaxar premessa tar-Regolament Nru 1049/2001 u r-referenza għad-dikjarazzjoni Nru 35 li din tinkludi jikkonfermaw li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament għandu bħala għan li jikkunsidra l-fatt li, meta addottaw l-Artikolu 255 KE, l-Istati Membri rrikjedu xi garanziji fir-rigward ta’ l-iżvelar tad-dokumenti li ġejjin mingħandhom. L-interpretazzjoni ssostnuta mir-Renju ta’ l-Iżvezja twassal ukoll sabiex ikun hemm armonizzazzjoni b’mod mhux korrett tar-regoli nazzjonali li għaliha jipprekludu kemm il-ħmistax-il premessa ta’ l-imsemmi Regolament kif ukoll il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

42     L-argument tar-Renju ta’ Spanja jkompli sostanzjalment ma’ dak tar-Renju Unit. B’mod partikolari, dan jikkonsisti sabiex isostni li t-test stess ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jindika li l-kunsens ta’ l-Istat Membru li jkun għamel talba fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni huwa stabbilit bħala kundizzjoni legali li s-sodisfazzjoni preliminari tagħha hija meħtieġa għall-iżvelar tad-dokument ikkonċernat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq ir-rekwiżit ta’ ftehim minn qabel ta’ l-Istat Membru

43     Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat b’mod ġust fil-punt 58 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 iqiegħed l-Istati Membri f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ terzi oħra, billi jipprovdi li kull Stat Membru għandu, għad-differenza ta’ dawn ta’ l-aħħar, il-fakultà li jitlob lill-istituzzjoni li ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat Membru mingħajr il-ftehim minn qabel tiegħu.

44     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun ukoll meta ddeċidiet, fl-istess punt 58, li r-rekwiżit ta’ “[ftehim] minn qabel” ta’ l-Istat Membru skond din id-dispożizzjoni joħloq riskju li jibqa’ dan mingħajr effett jekk, minkejja l-oġġezzjoni mmanifestata minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li jkun ġej minnhu u filwaqt li l-istituzzjoni ma jkollha ebda “kunsens” ta’ l-imsemmi Stat Membru, din ta’ l-aħħar tibqa’ madankollu libera li tiżvela d-dokument ikkonċernat. Fil-fatt għandu jiġi rikonoxxut li tali rekwiżit huwa mingħajr kull effett utli, kif ukoll minn kull sinjifikat, jekk il-ħtieġa li jinkiseb tali “[ftehim] minn qabel” għall-iżvelar ta’ l-imsemmi dokument kienet jiddependi fl-aħħar analiżi mir-rieda diskrezzjonali ta’ l-istituzzjoni li żżomm dan id-dokument.

45     Billi “ftehim” huwa ġuridikament distint minn sempliċi “opinjoni”, il-kliem stess ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 b’hekk jipprekludu l-interpretazzjoni li tgħid li l-imsemmija dispożizzjoni tagħti sempliċement lill-Istat Membru li jkun eżerċita l-fakulta wiesa’ permezz ta’ din id-dispożizzjoni, dritt li jiġi kkonsultat mill-istituzzjoni qabel ma’ din tiddeċidi, jekk ikun il-każ minkejja l-oppożizzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat, li tagħti aċċess għad-dokument ikkonċernat.

46     Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li tali dritt li jkunu kkonsultati huwa diġà miksub b’mod wiesa’ mill-Istati Membri skond l-Artikolu 4(4) ta’ l-imsemmi Regolament, li jistabbilixxi obbligu li l-istituzzjoni “tikkonsulta mal-parti terza” meta ma jirriżultax b’mod ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

47     Iċ-ċirkustanza li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 juża’ terminoloġija differenti minn dik ta’ l-Artikolu 9(3) tiegħu, dispożizzjoni li tirreferi madankollu wkoll għall-ħtieġa li jinkiseb kunsens mingħand l-awtorità ta’ oriġini, hija mingħajr effett fuq l-interpretazzjoni li tinsab fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, b’differenza minn dan l-Artikolu 9(3), l-imsemmi Artikolu 4(5) ma jistabbilixxix il-ftehim minn qabel ta’ l-Istat Membru bħala kundizzjoni assoluta ta’ l-iżvelar ta’ dokument, iżda jissuġġetta l-ħtieġa eventwali ta’ tali kunsens għal turija preċedenti ta’ rieda f’dan is-sens ta’ l-Istat Membru kkonċernat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu tal-kliem “jista’ jitlob” jenfasizza sempliċiment li din id-dispożizzjoni tiftaħ fakultà għall-benefiċċju ta’ l-Istat Membru, fakultà li biss l-eżerċizzju effettiv tagħha f’każ partikolari għandu bħala konsegwenza li jistabbilixxi l-kunsens minn qabel ta’ l-Istat Membru fil-kundizzjoni meħtieġa għal żvelar fil-futur tad-dokument ikkonċernat.

48     Ma jistax jiġi milqugħ l-argument li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 tiegħu, b’mod li jiżgura ekwilibriju bejn it-trattament irriżervat għad-dokumenti li ġejjin mill-istituzzjonijiet li huma miżmuma mill-Istati Membru u dak mogħti lid-dokumenti li joriġinaw minn dawn ta’ l-aħħar miżmuma mill-istituzzjonijiet.

49     Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju esprima ruħu fi kliem differenti ħafna fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dokumenti, billi jipprovdi fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001 sempliċi obbligu ta’ l-Istati Membri li “jikkonsultaw” l-istituzzjonijiet meta jintalab aċċess għal dokument li joriġina minnhom.

50     Jirriżulta minn dak li ntqal li, meta Stat Membru jkun eżerċita l-fakultà li hija miftuħa lilu permezz ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jitlob li dokument speċifiku, li joriġina minn dan l-Istat, ma jiġix żvelat mingħajr il-ftehim minn qabel tiegħu, l-iżvelar eventwali ta’ dan id-dokument mill-istituzzjoni jeħtieġ, kif iddeċiediet ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-kisba ta’ ftehim minn qabel ta’ l-imsemmi Stat Membru.

51     Minn naħa l-oħra, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ dritt fir-rigward tal-portata ta’ tali ftehim minn qabel.

 Fuq il-portata tal-ftehim minn qabel li għandu jiġi mitlub skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001

52     Kif fakkar b’mod partikolari r-Renju tad-Danimarka, jirriżulta mill-Artikolu 255(2) KE li l-limiti li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ggarantit permezz tal-paragrafu 1 ta’ l-istess Artikolu, li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill li jiddeċiedi konformi mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 KE, għandhom jiġu imposti “għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat”.

53     Billi jtenni din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE u billi jassigura l-implementazzjoni tagħha, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jirriżulta mir-raba’ premessa tiegħu u mill-Artikolu 1(a) tiegħu, sabiex jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti, ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, tad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti, b’mod li jagħti l-akbar effett possibbli lil dan id-dritt.

54     Barra minn hekk jirriżulta wkoll mit-tieni u mit-tielet premessi ta’ l-imsemmi Regolament li dan ta’ l-aħħar huwa intiż li jitejjeb it-trasparenza tal-proċedura deċiżjonali Komunitarja, billi tali trasparenza tippermetti b’mod partikolari li tiżgura leġittimità, effettività u responsabbiltà dejjem akbar ta’ l-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika.

55     Kif tenfasizza l-għaxar premessa tar-Regolament Nru 1049/2001, hija preċiżament tali xewqa li titjieb it-trasparenza tal-proċedura deċiżjonali Komunitarju li tispjega li, kif jipprovdi l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament, id-dritt ta’ l-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni jkopri mhux biss id-dokumenti miktuba minn dawn l-istituzzjonijiet, iżda wkoll dawk irċevuti minn partijiet terzi, li fosthom hemm l-Istati Membri, kif jippreċiża espressament l-Artikolu 3(b) ta’ l-istess Regolament.

56     B’dan il-mod, il-leġiżlatur Komunitarju, bħalma osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari abolixxa r-regola ta’ l-awtur li kienet ipprevaliet sa dak iż-żmien. B’hekk kif jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill (ĠU L 340, p. 43), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/90/KEFA, KE, Euratom tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Frar 1994, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58), d-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/632/KE, KEFA, Euratom tal-Parlament Ewropew, ta’ l-10 ta’ Lulju 1997, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew (ĠU L 263, p. 27), tali regola implikat li, meta dokument miżmum minn istituzzjoni għandu bħala awtur persuna fiżika jew legali, Stat Membru, istituzzjoni oħra jew korp Komunitarju ieħor jew kull korp nazzjonali jew internazzjonali ieħor, it-talba ta’ aċċess għad-dokument għandha tiġi indirizzata direttament lill-awtur ta’ dan id-dokument.

57     Huwa għalhekk li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdu diversi eċċezzjonijiet materjali, jew ukoll l-Artikoli 2(5) u 9 ta’ dan ir-Regolament, li jistabbilixxu sistema partikolari fir-rigward tad-dokumenti sensittivi, għandhom l-għan li jiddefinixxu l-limiti oġġettivi ta’ interess pubbliku jew privat li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ żvelar ta’ dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet, li kienu ġew stabbiliti jew irċevuti minn dawn l-istituzzjonijiet, u, f’dan l-aħħar każ, kemm jekk ġejjin minn Stati Membri jew partijiet terzi oħra.

58     F’tali kuntest, għandu jiġi aċċettat li jekk l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġi interpretat bħala li jagħti l-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkondizzjonali bl-għan li jirrifjuta, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu immotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument miżmum minn istituzzjoni Komunitarja, minħabba l-uniku fatt li l-imsemmi dokument jkun ġej minn dan l-Istat Membru, dan mhuwiex kompatibbli ma’ l-għanijiet msemmija fil-punti 53 sa 56 ta’ din is-sentenza.

59     F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, fl-ewwel lok, li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tinkludi, kif sostna b’mod partikolari r-Renju ta’ l-Iżvezja u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-Konklużjonijiet tiegħu, riskju li tiġi introdotta mill-ġdid, fir-rigward ta’ l-Istati Membri, għallanqas parzjalment, ir-regola ta’ l-awtur madankollu abolita mil-leġiżlatur Komunitarju.

60     Minbarra din l-introduzzjoni mill-ġdid tar-regola ta’ l-awtur, l-imsemmija interpretazzjoni tinkludi, fit-tieni lok, ir-riskju li tistabbilixxi, bi ksur ta’ l-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament Nru 1049/2001, tnaqqis, potenzjalment kunsiderevoli, tal-grad ta’ trasparenza tal-proċedura deċiżjonali Komunitarja.

61     Fil-fatt, mhux talli ma jirreferix biss għad-dokumenti li tagħhom l-Istati Membri huma l-“awturi” jew li kienu ġew “magħmula” minn dawn ta’ l-aħħar, iżda l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkonċerna potenzjalment kull dokument “li ġej” minn Stat Membru, jiġifieri, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, u kif kienu qablu, matul is-seduta, l-IFAW u l-Istati Membri li huma partijiet f’dan l-appell, id-dokumenti kollha, indipendentement mill-awtur, li Stat Membru jittrażmetti lil istituzzjoni. F’dan il-każ, l-uniku kriterju rilevanti huwa dak tal-provenjenza tad-dokument u tat-tneħħija mill-Istat Membru kkonċernat ta’ dokument li kien fil-pussess tiegħu.

62     Madankollu, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, bħalma jsostni r-Renju ta’ l-Iżvezja matul is-seduta u bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-Konklużjonijiet tiegħu, il-ħolqien ta’ dritt ta’ veto diskrezzjonali għall-benefiċċju ta’ l-Istati Membru għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, bħala effett potenzjali li jeżenta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 kategorija partikolarment importanti ta’ dokumenti li jistgħu jkunu l-qofol tal-proċedura deċiżjonali Komunitarja u li jistgħu jitfgħu dawl fuqha.

63     Fil-fatt, kif enfasizzat b’mod partikolari l-IFAW, kemm fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-Kunsill kif ukoll bħala parteċipanti f’numru ta’ kumitati stabbiliti xi drabi mill-Kunsill u xi drabi mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jikkostitwixxu sors importanti ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti ddestinati sabiex isostnu l-proċedura deċiżjonali Komunitarja.

64     Isegwi li d-dritt ta’ l-aċċess pubbliku jsib ruħu potenzjalment imfixkel, f’miżura korrispondenti, u dan mingħajr raġuni oġġettiva. L-effett utli ta’ dan id-dritt huwa b’hekk kunsiderevolment imdgħajjef (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala, C-353/99 P, Ġabra p. I-9565, punt 26).

65     Fit-tielet lok, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jippermettix li jiġi msaħħaħ l-argument milqugħ mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-ħsieb, permezz ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament, li jistipula tip ta’ regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet bl-għan li jħares l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali, jew ukoll, kif issuġġerixxiet il-Kummissjoni, tal-politika ta’ l-Istati Membri, fil-qasam ta’ l-aċċess għad-dokumenti li ġejjin minn dawn ta’ l-aħħar, għad-dannu tar-regoli speċifiċi li jistabbilixxi fuq dan il-pjan dan ir-Regolament.

66     F’dan ir-rigward, għandu fil-fatt, l-ewwel nett, jiġi mfakkar li, fid-dawl ta’ l-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari ċ-ċirkustanza, imfakkra permezz tat-tieni premessa tar-Regolament, li d-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn ta’ l-aħħar u l-fatt li l-imsemmi Regolament huwa intiż, kif indikat fir-raba’ premessa tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ l-akbar aċċess possibbli, l-eċċezzjonijiet għall-imsemmi dritt elenkati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni preċedenti għar-Regolament Nru 1049/2001, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2000, L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, C‑174/98 P u C‑189/98 P, Ġabra p. I‑1, punt 27, u Il-Kunsill vs Hautala, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 25, kif ukoll, fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, -Ġabra p. I-1233, punt 63).

67     It-tieni nett, kif diġà ġie enfasizzat fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod ċar mill-għaxar premessa tar-Regolament Nru 1049/2001 u mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament li d-dokumenti kollha miżmuma mill-istituzzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi dawk li joriġinaw mill-Istati Membri, b’mod li l-aċċess għal dawn id-dokumenti huwa in prinċipju rregolat permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ta’ l-aħħar, b’mod partikolari dawk li jipprovdu eċċezzjonijiet materjali għad-dritt ta’ l-aċċess.

68     Huwa għalhekk li jirriżulta, per eżempju, mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 li, jekk l-istituzzjoni kkonċernata tikkunsidra li huwa ċar li għandu jiġi rrifjutat aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru fuq il-bażi ta’ l-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 jew 2 ta’ l-istess Artikolu, din għandha tirrifjuta l-aċċess lill-applikant mingħajr lanqas mhija obbligata tikkonsulta l-Istat Membru li mingħandu jkun ġej id-dokument, u dan, kemm jekk l-Istat Membru kien jew le preċedentement għamel talba fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament. F’każ simili, hu għalhekk xieraq li d-deċiżjoni dwar it-talba ta’ aċċess tiġi meħuda mill-istituzzjoni fir-rigward ta’ l-uniċi eċċezzjonijiet li jirriżultaw direttament mill-preskrizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.

69     It-tielet, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament ma jinkludix, bħal fil-każ tal-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-istess Artikolu, referenza għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ l-Istat Membru.

70     Ir-raba’, fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 1049/2001 tenfasizza li dan ta’ l-aħħar m’għandu la bħala skop u lanqas bħala effett li jemenda l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fir-rigward ta’ aċċess għad-dokumenti, din mhijiex ta’ natura, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li teżerċita influwenza fuq il-portata li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-Artikolu 4(5) ta’ l-imsemmi Regolament. Fil-fatt, moqrija fl-intier tagħha u konġuntament ma’ l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament miegħu relatata, l-imsemmija premessa hija intiża eżklużivament sabiex tfakkar li t-talbiet ta’ l-aċċess għal dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu, anki meta tali dokumenti jkunu ġejjin mill-istituzzjonijiet Komunitarji, irregolati permezz tar-regoli nazzjonali applikabbli għall-imsemmija awtoritajiet, mingħajr ma d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 jissostitwixxu dawn ir-regoli, bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ l-imsemmi Artikolu 5 u li huma stipulati minħabba l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 10 KE.

71     Minbarra dan, id-dokumenti li Stat Membru jittrażmetti lil parti terza b’ebda mod ma jistgħu jibqgħu irregolati permezz tas-sistema legali biss ta’ dan l-Istat. Kif isostni ġustament ir-Renju ta’ l-Iżvezja, bħala awtorità esterna distinta mill-Istati Membri, istituzzjoni Komunitarja taqa’ taħt, fir-rigward ta’ l-aċċess għad-dokumenti li hija żżomm, sistema legali li għandha r-regoli tagħha stess. Isegwi b’mod partikolari li r-regoli ta’ tali aċċess ma jistgħux ikollhom bħala effett li jemendaw id-dritt nazzjonali li għandu bħala missjoni, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li jirregola l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal dokument miżmum minn awtorità nazzjonali.

72     Il-ħames, kif enfasizzat l-IFAW, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandha bħala konsegwenza li l-aċċess għal dan l-istess tip ta’ dokument, li jippreżenta interess identiku għall-finijiet ta’ kjarifikazzjoni tal-proċedura deċiżjonali Komunitarja, jista’ jiġi mogħti jew irrifjutat skond il-provenjenza biss ta’ dan id-dokument.

73     Sabiex wieħed iżomm maċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, isegwi li d-dokumenti ta’ l-istess natura, li jistgħu jkollhom rwol determinanti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti opinjoni favur l-eżekuzzjoni ta’ proġett industrijali f’żona protetta skond id-Direttiva “habitat”, huma xi drabi aċċessibbli għall-pubbliku u xi drabi inaċċessibbli skond id-dispożizzjonijiet jew il-politika dwar l-aċċess għad-dokumenti ta’ l-Istat Membru li fih tali proġett għandu jiġi eżegwit.

74     Is-sitta, fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minkejja li kienu invokaw dan il-prinċipju in sostenn ta’ l-argument komuni difiż minnhom, la r-Renju ta’ Spanja u lanqas ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ma stabbilixxew, u lanqas ippruvaw jispjegaw, ir-raġuni għalfejn tali prinċipju jipprekludi l-fatt li l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri u li huma miżmuma mill-istituzzjonijiet Komunitarji fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-kompetenzi deċiżjonali tagħhom ikun jista’ jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar l-aċċess għad-dokumenti jew jeżiġi li dawn ta’ l-aħħar ma jiġux żvelati sabiex jaqgħu biss taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

75     Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti l-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat sabiex jirrifjuta b’mod diskrezzjonali l-iżvelar ta’ dokumenti li ġejjin minnu u li huma miżmuma minn istituzzjoni, b’mod li l-aċċess għal dawn id-dokumenti ma jibqax jiġi rregolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament biex jiddependi biss fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

76     Minn naħa l-oħra, diversi elementi huma favur interpretazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 4(5), li l-eżerċizzju tas-setgħa li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istat Membru kkonċernat tinsab fil-kuntest ta’ l-eċċezzjonijiet materjali elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-istess Artikolu, fejn huwa sempliċement irrikonoxxut lill-Istat Membru f’dan ir-rigward setgħa ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni Komunitarja. F’din il-perspettiva, il-kunsens minn qabel ta’ l-Istat Membru li jirreferi għalih l-Artikolu 5 ma jixbaħx dritt ta’ veto diskrezzjonali, iżda lil forma ta’ opinjoni ta’ konferma fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivi ta’ eċċezzjoni bbażati fuq il-paragrafi 1 sa 3.

77     Barra mill-fatt li tali interpretazzjoni hija kompatibbli kemm ma’ l-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif dawn ġew imfakkra fil-punti 53 sa 56 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mal-ħtieġa, irrilevata fil-punt 66 ta’ din ta’ l-aħħar, li l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament jiġi interpretat strettament, din tista’ ukoll tiġi ġġustifikata mill-kuntest legali iktar immedjat li fih jinsab l-Artikolu 4(5) ta’ l-imsemmi Regolament.

78     Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi b’mod ċar eċċezzjonijiet materjali li jiġġustifikaw, u jekk ikun il-każ jeżiġu, rifjut ta’ żvelar tad-dokument mitlub, il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu huwa limitat sabiex jipprovdi r-rekwiżit ta’ ftehim minn qabel ta’ l-Istat Membru kkonċernat meta dan ta’ l-aħħar ikun għamel talba speċifika f’dan is-sens.

79     Barra minn dan, dan il-paragrafu 5 jiġi wara dispożizzjoni, jiġifieri l-paragrafu 4, li tistipula regola ta’ natura proċedurali billi tipprovdi, f’ċirkustanzi li din issemmi, obbligu ta’ konsultazzjoni mal-partijiet terzi.

80     Fl-aħħar nett, il-paragrafu 7 ta’ l-imsemmi Artikolu 4, li jistipula regoli rrelatati mal-perijodu ta’ żmien li fih għandhom jiġu applikati d-diversi eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, jirreferi espressament għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu biss, mingħajr ma jagħmel ebda riferenza għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 ta’ l-istess Artikolu.

81     Kemm il-post ta’ l-imsemmi paragrafu 5 fl-Artikolu li fih huwa inserit kif ukoll il-kontenut ta’ l-imsemmi Artikolu jippermettu għaldaqstant li jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta’ l-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament Nru 1049/2001, li l-Artikolu 4(5) tiegħu hija dispożizzjoni intiża għall-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni Komunitarja.

82     Fir-rigward tad-diskussjoni bejn il-partijiet rigward il-portata ġuridika tad-dikjarazzjoni Nru 35, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza bl-ebda mod ma hija in kuntradizzjoni ma’ l-imsemmija dikjarazzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li, għalkemm din id-dikjarazzjoni tenfasizza li l-Istati Membri kellhom il-ħsieb, meta adottaw l-Artikolu 255(1) KE, li jirriżervaw il-possibbiltà li jkollhom ċerta diskrezzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ l-iżvelar ta’ dokumenti li ġejjin minnhom, min-naħa l-oħra din ma tinkludi ebda preċiżjoni fuq il-motivi ta’ mertu li fir-rigward tagħhom tali diskrezzjoni tista’ tiġi eżerċitata.

83     Jibqa’ biex jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-proċedura deċiżjonali kif stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 teħtieġ li l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernati josservaw l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan l-istess Regolament, xorta jibqa’ l-fatt li l-protezzjoni ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-Istati Membri tista’ tiġi żgurata abbażi ta’ l-imsemmija eċċezzjonijiet, kif ukoll skond is-sistema speċjali stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 9 ta’ l-imsemmi Regolament fir-rigward tad-dokumenti sensittivi.

84     F’dan ir-rigward, xejn ma jippermetti b’mod partikolari li jiġi eskluż li r-rispett ta’ ċerti regoli ta’ dritt nazzjonali li jħarsu interess pubbliku jew privat, li jipprekludu l-iżvelar ta’ dokument u huma invokati mill-Istat Membru għal dan il-għan, ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala interess denju ta’ ħarsien skond l-eċċezzjonijiet previsti mill-imsemmi Regolament (ara, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni preċedenti għar-Regolament Nru 1049/2001, is-sentenza L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

 Fuq l-implikazzjonijiet proċedurali tal-proċedura deċiżjonali stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001

85     Fir-rigward ta’ l-implikazzjonijiet proċedurali ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif interpretat, għandu jiġi nnotat, fl-ewwel lok, li, peress illi l-implementazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju hija għalhekk fdata konġuntament ma’ l-istituzzjoni u ma’ l-Istat Membru li eżerċita l-fakultà miftuħa permezz ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, u li, għaldaqstant, tali implementazzjoni hija tributarja tad-djalogu li għandu jseħħ bejniethom, dawn għandhom l-obbligu, skond l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 10 KE, li jaġixxu u li jikkooperaw b’mod li l-imsemmija regoli jkunu jistgħu jirċievu applikazzjoni effettiva.

86     Isegwi, l-ewwel nett, li l-istituzzjoni li lilha saret talba ta’ aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru u l-imsemmi Stat Membru għandhom, meta din it-talba tkun ġiet innotifikata mill-istituzzjoni lill-imsemmi Stat Membru, tibda mingħajr dewmien djalogu leali dwar l-applikazzjoni eventwali ta’ l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi tibqa’ attenta b’mod partikolari għall-ħtieġa li l-istituzzjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni fil-perijodi ta’ żmien li fihom l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament jobbligawaha tiddeċiedi fuq din it-talba ta’ aċċess.

87     Sussegwentement, l-Istat Membru li, wara dan id-djalogu, jirrifjuta li jiżvela d-dokument in kwistjoni huwa obbligat, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li jimmotiva dan ir-rifjut fid-dawl ta’ l-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

88     L-istituzzjoni ma tistax fil-fatt taġixxi skond ir-rifjut muri minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk l-imsemmija oppożizzjoni hija nieqsa minn kull motivazzjoni jew jekk din il-motivazzjoni mhijiex spjegata b’referenza għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta, minkejja l-istedina espressa f’dan is-sens indirizzata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru, dan ta’ l-aħħar jibqa’ ma jipprovdilhiex tali motivazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni għandha, jekk din tikkunsidra minn naħa tagħha li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-Regolament ma japplikaw, tagħti aċċess għad-dokument mitlub.

89     Fl-aħħar nett, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 7 u 8 ta’ l-imsemmi Regolament, l-istituzzjoni stess għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni ta’ rifjut kontra l-awtur tat-talba ta’ aċċess. Tali obbligu jimplika li l-istituzzjoni tesponi, fl-imsemmija deċiżjoni, mhux biss l-oppożizzjoni mmanifestata mill-Istat Membru kkonċernat għall-iżvelar tad-dokument mitlub, iżda wkoll raġunijiet invokati mill-imsemmi Stat Membru sabiex tikkonkludi bl-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ l-aċċess previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ l-istess Regolament. Tali indikazzjonijiet huma fil-fatt ta’ natura li jippermettu lill-parti interessata li tifhem l-oriġni u r-raġunijiet tar-rifjut kontriha u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita, skond il-każ, l-istħarriġ li huwa mogħti lilha.

90     Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat, f’dan l-aħħar rigward, li, fil-każ fejn l-Istat Membru jirrifjuta b’mod immotivat li jawtorizza l-aċċess għad-dokument in kwistjoni, u fejn, għaldaqstant, l-istituzzjoni tinsab kostretta li tiċħad it-talba ta’ l-aċċess, l-awtur ta’ l-imsemmija talba jgawdi minn protezzjoni ġudizzjarja, kuntrarjament għall-biżat espressi b’mod partikolari mill-IFAW.

91     F’dan ir-rigward, jirriżulta ċar minn ġurisprudenza kostanti li, fil-kuntest ta’ rikors imressaq skond l-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ att adottat minn awtorità nazzjonali (ara b’mod partikolari s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni, C-97/91, Ġabra p. I-6313, punt 9).

92     Hija wkoll ġurisprudenza li tali konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata permezz taċ-ċirkustanza li l-att in kwistjoni jidħol fil-kuntest ta’ proċedura ta’ deċiżjoni Komunitarju, meta jirriżulta b’mod ċar mit-tqassim tal-kompetenzi magħmul fil-qasam ikkunsidrat bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Komunitarji li l-att adottat mill-awtorità nazzjonali jorbot l-istanza Komunitarja ta’ deċiżjoni u jiddetermina, b’konsegwenza, it-termini tad-deċiżjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata (sentenza Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10).

93     F’dan il-każ, madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 m’għandux, bħal fil-każ tal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji oħra li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet imsejħa tagħti deċiżjoni (ara b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C-269/99, Ġabra p. I-9517, punti 50 sa 54), bħala għan li jistabbilixxi qsim bejn żewġ kompetenzi, waħda nazzjonali u l-oħra Komunitarja, li jkollhom għanijiet distinti. Kif ġie enfasizzat fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi proċedura deċiżjonali li għandha bħala għan biss li tiddetermina jekk l-aċċess għal dokument għandux jiġi rrifjutat skond waħda mill-eċċezzjonijiet materjali msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ l-imsemmi regolament, proċedura deċiżjonali li għaliha jipparteċipaw, fit-termini mfakkra f’dan il-punt, kemm l-istituzzjoni Komunitarja kif ukoll l-Istat Membru kkonċernat.

94     F’każ simili, jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti Komunitarja li tistħarreġ, fuq it-talba tal-parti interessata li ġiet irrifjutata aċċess mill-istituzzjoni, jekk l-imsemmi rifjut seta’ kienx validament ibbażat fuq l-imsemmija eċċezzjonijiet, u dan, kemm jekk dan ir-rifjut jirriżulta mill-evalwazzjoni ta’ dawn ta’ l-eċċezzjonijiet mill-istituzzjoni stess jew mill-Istat Membru. Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ din il-parti interessata, l-intervent ta’ l-Istat Membru ma jaffettwax in-natura Komunitarja tad-deċiżjoni li l-istituzzjoni tindirizzalha ulterjorment bħala risposta għat-talba ta’ l-aċċess li hija tkun ressqitilha dwar dokument li hija żżomm fil-pussess tagħha.

 Fuq l-annullament tas-sentenza appellata

95     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ dritt li jiġġustifikaw l-annullament tas-sentenza appellata meta ddeċidiet, minn naħa, fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, li r-rifjut ta’ Stat Membru li jagħti l-ftehim minn qabel tiegħu għall-iżvelar ta’ dokument, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, m’għandux għalfejn jiġi mmotivat u, minkejja n-nuqqas ta’ tali motivazzjoni, għandu s-saħħa ta’ inġunzjoni fuq l-istituzzjoni kkonċernata sabiex ma tiżvelax id-dokument, mingħajr ma’ din ta’ l-aħħar tkun tista’ teżamina jekk in-nuqqas ta’ żvelar ta’ dan id-dokument huwiex iġġustifikat, u, minn naħa l-oħra, fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li tali rifjut ta’ l-Istat Membru għandu bħala konsegwenza li l-aċċess għad-dokument ikkonċernat huwa f’każ simili rregolat mhux permezz ta’ l-imsemmi Regolament, iżda permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali.

96     B’mod konformi ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ta’ l-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ fil-kawża in kwistjoni.

 Fuq ir-rikors ta’ l-ewwel istanza

97     Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-IFAW ġustament sostniet, permezz ta’ l-ewwel motiv espost in sostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

98     Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li Stat Membru huwa ġġustifikat, skond l-imsemmija dispożizzjoni, li jirrifjuta diskrezzjonalment u inkundizzjonalment l-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu, mingħajr ma huwa obbligat li jibbaża r-rifjut tiegħu fuq il-motivi ta’ eċċezzjoni elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas li jimmotiva dan ir-rifjut.

99     Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 52 sa 89 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi Artikolu 4(5) jawtorizza l-Istat Membru kkonċernat sabiex jirrifjuta l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu biss fuq il-bażi ta’ l-imsemmija eċċezzjonijiet u billi jimmotiva debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward. L-imsemmija dispożizzjoni tirrikjedi wkoll mill-istituzzjoni li lilha jkun qed isir dan ir-rifjut li tiżgura ruħha, la darba jkunu ġew użati l-possibbiltajiet kollha ta’ djalogu leali ma’ l-Istat Membru mfakkra fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, mill-eżistenza tal-motivazzjoni fuq imsemmija u li hija tagħmel riferenza għaliha fid-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ l-aċċess adottata minnha.

100   Isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq it-tieni motiv invokat in sostenn tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

101   L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta’ l-istess Regoli, artikolu li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 69 jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

102   Peress li l-appell ġie milqugħ, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż ta’ l-appell relatati ma’ l-appell esposti mir-Renju ta’ l-Iżvezja u mill-IFAW b’mod konformi mat-talbiet f’dan is-sens ta’ dawn ta’ l-aħħar.

103   Il-Kummissjoni u l-partijiet l-oħra fil-proċedura ta’ appell għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati magħha.

104   Peress li minbarra dan il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors imressaq mill-IFAW fl-ewwel istanza, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi ordnata wkoll tbati l-ispejjeż esposti mill-IFAW quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, skond it-talbiet tar-rikors ta’ din ta’ l-aħħar.

105   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri intervenuti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura ta’ l-ewwel istanza.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (T-168/02), hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tas-26 ta’ Marzu 2002, li tiċħad lil IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds l-aċċess għal ċerti dokumenti rċevuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura li fit-tmiem tagħha din l-istituzzjoni tat opinjoni favur it-twettiq ta’ proġett industrijali f’sit protett skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa, hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija ordnata tbati l-ispejjeż esposti mir-Renju ta’ l-Iżvezja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, kif ukoll dawk esposti minn IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds kemm f’din il-proċedura kif ukoll fil-proċedura ta’ l-ewwel istanza li wasslet quddiem is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni.

4)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati ma’ l-appell.

5)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura ta’ l-ewwel istanza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq