EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0463

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-13 ta' Diċembru 2007.
FBTO Schadeverzekeringen NV vs Jack Odenbreit.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Regolament (KE) Nru 44/2001- Kompetenza f’materja ta’ assigurazzjoni - Assigurazzjoni għal responsabbiltà - Azzjoni diretta tal-parti danneġġjata kontra l-assiguratur - Regola ta’ ġurisdizzjoni tad-domiċilju tar-rikorrent.
Kawża C-463/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-11321

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:792

Kawża C-463/06

FBTO Schadeverzekeringen NV

vs

Jack Odenbreit

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof )

“Regolament (KE) Nru 44/2001— Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni — Assigurazzjoni għal responsabbiltà — Azzjoni diretta tal-parti leża kontra l-assiguratur — Regola ta’ ġurisdizzjoni tad-domiċilju tar-rikorrent”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 9(1)(b) u 11(2))

Ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għall-Artikolu 9(1)(b) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li parti leża tista’ tressaq azzjoni diretta kontra min jassigura quddiem il-qorti tal-post fejn hija tkun domiċiljata fi Stat Membru, fejn tali azzjoni diretta hija possibbli u li min jassigura jkun stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru. Fil-fatt l-imsemmi riferiment iwassal biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola għal xi kategoriji ta’ rikorrenti, li jaġixxu kontra min jassigura, barra dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, l-assigurat jew il-benefiċjarju tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. B’hekk, l-għan ta’ dan ir-riferiment huwa li jżid mal-lista ta’ rikorrenti, li tinsab fl-Artikolu 9(1)(b), il-persuni li jkunu sofrew dannu. Din l-interpretazzjoni hija wkoll ibbażata fuq l-għan tar-regolament, li huwa intiż biex jiggarantixxi protezzjoni iktar vantaġġjuża lill-partijiet dgħajfa minn dawk li jippermettulhom ir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001.

(ara l-punti 26, 28, 30-31 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2007(*)

“Regolament (KE) Nru 44/2001– Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni – Assigurazzjoni għal responsabbiltà – Azzjoni diretta tal-parti leża kontra l-assiguratur – Regola ta’ ġurisdizzjoni tad-domiċilju tar-rikorrent”

Fil-kawża C‑463/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Novembru 2006, fil-proċedura

FBTO Schadeverzekeringen NV

vs

Jack Odenbreit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, J.-C. Bonichot u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal J. Odenbreit, minn N. Meier-van Laak, Rechtsanwältin,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Dittrich u M. Lumma, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Bogensberger u A.-M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 9(1)(b) u 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Jack Odenbreit, domiċiljat fil-Ġermanja, vittma ta’ inċident bil-karrozza li seħħ fl-Olanda, u l-kumpannija ta’ assigurazzjoni tal-persuna responsabbli għal dan l-inċident, il-kumpannija b’responsabbilità limitata FBTO Schadeverzekeringen NV (iktar ’il quddiem “FBTO”, stabbilita f’dan l-Istat Membru.

 Kuntest Ġuridiku tal-kawża

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3       Skond it-tlettax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001, “[B’]relazzjoni ma’ assigurazzjoni [...], il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali”.

4       Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni f’materji ta’ assigurazzjoni huma stabbiliti mit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li jinkludi l-Artikoli 8 sa 14 tiegħu.

5       L-Artikolu 9(1)(a) u (b), ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdi :

“1. Assiguratur domiċiljat [stabbilit] fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

a)      fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat [stabbilit], jew

(b) fi Stat membru ieħor, fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn l-attur ikun domiċiljat [...]”

6       L-Artikolu 11 ta’ l-istess Regolament jipprovdi :

“1. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà, l-assiguratur jista’ wkoll, jekk tippermetti l-liġi tal-qorti, inkluż fil-proċedimenti li l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara tkun ressqet kontra l-assiguratur.

2. L-Artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur, meta jkunu permissibbli tali azzjonijiet diretti.

3. Jekk il-liġi li tirregola tali azzjonijiet diretti jkun fiha disposizzjoni li min ikollu polza ta’ assigurazzjoni jew dak li jkun assigurat jista’ jkun imsieħeb bħala parti mill-azzjoni, l-istess qorti għandu jkollha ġurisdizzjoni fuqhom.”

 Id-Direttiva 2000/26/KE

7       Id-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/239/KEE u 88/357/KEE (ĠU L 181, p. 65), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/14/KE, tal-11 ta’ Mejju 2005, (ĠU L 149, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/26 ”), tipprovdi fl-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Dritt dirett ta’ azzjoni” :

“Kull Stat Membru għandu jassigura li l-partijiet danneġġjati [leżi] msemmija fl-Artikolu 1 f’inċidenti fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni igawdu minn dritt dirett ta’ azzjoni kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra r-responsabbiltà ċivili”

8       Barra minn hekk, il-premessa 16a tad-Direttiva 2000/26 taqra kif ġej :

“Skond l-Artikolu 11(2) moqri flimkien ma’ l-Artikolu 9(1)(b), tar-Regolament [...] Nru 44/2001 [...], partijiet danneġġjati jistgħu jiftħu proċeduri legali kontra provvedituri ta’ l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fl-Istat Membru fejn huma domiċiljati”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9       Fit-28 ta’ Diċembru 2003, J. Odenbreit kellu inċident bil-karozza fl-Olanda ma’ assigurat ta’ FBTO. Fil-kwalità tiegħu ta’ parti leża huwa ppreżenta azzjoni diretta kontra l-assigurazzjoni quddiem il-Amtsgericht Aachen, li hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq id-domiċilju tiegħu, fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 11(2) u 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

10     B’deċiżjoni tas-27 ta’ April 2005, l-imsemmija qorti ċaħdet l-azzjoni bħala inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi li jieħdu konjizzjoni tal-kawża. J. Odenbreit ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Köln. B’deċiżjoni interlokutorja tat-12 ta’ Settembru 2005, il-Qorti ta’ l-Appell irrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi fuq l-azzjoni għal responsabbiltà, billi bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 stess.

11     Tressqet talba ta’ “Reviżjoni” ta’ din id-deċiżjoni interlokutorja quddiem il-Bundesgerichtshof mill-FBTO.

12     Kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 11(2) u 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-ġurisdizzjoni f’azzjonijiet diretti mressqa mill-vittma kontra min jassigura, hija s-suġġett ta’ kontroversja fid-dritt Ġermaniż.

13     B’hekk, skond opinjoni dominanti, tali azzjonijiet diretti ma jaqgħux fis-suġġett ta’ assigurazzjoni fis-sens ta’ l-Artikoli 8 et seq tar-Regolament Nru 44/2001, peress li d-dritt ta’ azzjoni huwa intiż, fid-dritt internazzjonali privat Ġermaniż, bħala dritt li jaqa’ f’materji li għandhom x’jaqsmu mat-tort u mhux mal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Skond tali interpretazzjoni, l-Artikolu 9(1)(b) ta’ l-imsemmi Regolament ma jinkludix każijiet ta’ assigurazzjoni fis-sens strett u l-kunċett ta’ “benefiċjarju” li jidher f’din id-dispożizzjoni ma jinkludix partijiet leżi. Parti leża ma tistax tkun waħda mill-partijiet prinċipali fi proċedura permezz ta’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolament. Kontra din l-opinjoni duttrinali hemm it-teżi li tgħid li minħabba riferiment għall-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 44/2001 li jidher fl-Artikolu 11(2) tiegħu, il-qorti tal-post fejn il-parti leża hija ddomiċiljata għandha ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ azzjonijiet diretti mibdija minnha kontra min jassigura r-responsabbiltà.

14     Il-Bundesgerichtshof taqbel ma’ din l-interpretazzjoni ta’ l-aħħar. Fl-opinjoni tagħha, motivi predominanti għandhom juru li l-parti leża tista’ tinvoka kontra min jassigura dritt dirett ta’ azzjoni kontra dan ta’ l-aħħar quddiem il-qorti tal-post fejn hija tkun domiċiljata.

15     Madankollu, fid-dawl tad-diverġenzi duttrinali ta’ interpretazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Gustizzja :

“Ir-riferiment għall-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament [...] Nru 44/2001 [...], magħmul mill-Artikolu 11(2) ta’ l-imsemmi Regolament għandu jinftiehem fis-sens li l-parti leża tista’ tressaq azzjoni direttament kontra min jassigura quddiem il-qorti tal-post fejn hija tkun domiċiljata fi Stat Membru, meta tali azzjoni diretta hija possibbli u li min jassigura jkun stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

16     Il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jikkunsidraw li r-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-Artikolu 9(1)(b) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parti leża tista’ tressaq azzjoni direttament kontra min jassigura quddiem il-qorti tal-post fejn hija tkun domiċiljata fi Stat Membru, meta tali azzjoni diretta hija possibbli u li min jassigura huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru .

17     Billi jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jqisu li, fil-każ fejn ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jirrendi t-totalità tal-kontenut ta’ l-Artikolu 9 tiegħu applikabbli għall-azzjonijiet imressqa mill-parti leża, mhuwiex neċessarju li din ta’ l-aħħar tissemma espressament fl-Artikolu li għalih isir riferiment, peress li, fil-każ kuntrarju, ir-riferiment magħmul mill-imsemmi Artikolu 11(2) ikun superfluwu. Fuq il-bażi ta’ l-istess interpretazzjoni, il-Gvern Pollak jikkunsidra, bil-kontra, li l-vittma għandha tkun kwalifikata bħala “benefiċjarju” fis-sens ta’ l-Artikolu 9(1)(b) ta’ dan ir-Regolament. Fil-fatt, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, il-vittma potenzjali, li lilha jitħallas il-kumpens fil-każ li jseħħ l-avveniment li bi previżjoni tiegħu jkun ġie konkluż dan il-kuntratt, mhijiex magħrufa. Għaldaqstant din ma tistax tiġi mniżżla fih bħala benefiċjarja.

18     Il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kunsill isostnu li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni hija bbażata fuq il-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-parti li hija ekonomikament inqas b’saħħitha, prinċipju ta’ interpretazzjoni li jinsab fit-tlettax-il premessa tar-Regolament u stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi ta’ l-14 ta’ Lulju 1983, Gerling Konzern Speziale Kreditversicherung et, 201/82, Ġabra p. 2503, tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi, C 412/98, Ġabra p. I-5925, punt 64, u tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C-112/03, Ġabra p. I-3707, punt 30). L-għan ta’ l-Artikolu 11 ta’ l-imsemmi Regolament huwa għaldaqstant preċiżament li jestendi lill-parti leża s-sistema prevista għall-benefiċċju tar-rikorrenti mill-Artikolu 9(1) ta’ l-istess Regolament.

19     F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-inklużjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 11(2) fir-Regolament Nru 44/2001 tesprimi r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jattribwixxi, skond il-proposta tal-Kummissjoni dwar dan ir-Regolament, protezzjoni iktar wiesgħa minn dik prevista mill-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299 p. 32), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), lill-persuni li huma f’pożizzjoni dgħajfa fil-kawżi li jirrigwardaw l-assigurazzjoni.

20     Il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni enfasizzaw li tali interpretazzjoni hija kkonfermata mid-Direttiva 2000/26, u b’mod partikolari mill-premessa 16(a) tagħha. Billi daħħal din il-premessa, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, il-leġiżlatur Komunitarju ma pprovdiex interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjonijiet tiegħu, iżda pprovda argument ta’ importanza kunsiderevoli favur ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post fejn il-vittma tkun domiċiljata.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

21     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li t-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li fiha l-Artikoli 8 sa 14, tipprovdi regoli ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni, li jingħaqdu ma’ dawk stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ġenerali inklużi fit-Taqsima 1 ta’ l-istess Kapitolu tar-Regolament.

22     L-imsemmija Taqsima 3 tistabilixxi diversi regoli ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ azzjonijiet intiżi kontra min jassigura. Hija tipprovdi b’mod partikolari li min jassigura, li jkun stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru, jista’ jiġi mħarrek quddiem il-qrati ta’ l-Istat fejn huwa stabbilit [l-Artikolu 9(1)(a)], quddiem il-qorti tal-post fejn ir-rikorrent għandu d-domiċilju tiegħu, jekk l-azzjoni tiġi ppreżentata minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew benefiċjarju [l-Artikolu 9(1)(b)] u fl-aħħar nett, quddiem il-qorti tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara, jekk tirrigwarda assigurazzjoni ta’ responsabbilità jew assigurazzjoni fuq proprjetà immobbli (l-Artikolu 10).

23     F’dak li jirrigwarda l-assigurazzjoni ta’ responsabbilità, l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jirreferi għall-imsemmija regoli ta’ ġurisdizzjoni għall-azzjonijiet diretti intiżi mill-parti leża kontra min jassigura.

24     Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali, hemm lok li tiġi ddefinita l-portata tar-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-Artikolu 9(1)(b) tiegħu. Għandu, b’mod partikolari, jiġi stabbilit jekk dan ir-riferiment għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrikonoxxi biss il-qrati msemmija minn din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, jiġifieri dawk tad-domiċilju ta’ min ikollu l-polza ta’ l-assigurazzjoni, ta’ l-assigurat jew tal-benefiċjarju, il-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ l-azzjoni diretta tal-vittma kontra min jassigura jew jekk anki dan ir-riferiment jippermetti li tiġi applikata, għal din l-azzjoni diretta, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tad-domiċilju tar-rikorrenti, stabbilita fl-imsemmi Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

25     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar ma tattribwixxix biss il-ġurisdizzjoni lill-qrati tad-domiċilju tal-persuni elenkati, iżda, bil-kontra, hija telenka r-regola ta’ ġurisdizzjoni tad-domiċilju tar-rikorrenti, u tirrikonoxxi b’hekk għall-imsemmija persuni l-fakultà li jħarrku lil min jassigura quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tagħhom.

26     B’hekk, li jiġi interpretat ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-Artikolu 9(1)(b) tiegħu fis-sens li jippermetti lill-parti leża li taġixxi biss quddiem il-qrati kompetenti permezz ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jiġifieri fid-domiċilju ta’ min ikollu l-polza ta’ assigurazzjoni, l-assigurat jew il-benefiċjarju tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni jikkontrasta mal-formulazzjoni stess ta’ l-imsemmi Artikolu 11(2). L-imsemmi riferiment iwassal biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola għal xi kategoriji ta’ rikorrenti, li jaġixxu kontra min jassigura, barra dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, l-assigurat jew il-benefiċjarju tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. B’hekk, l-għan ta’ dan ir-riferiment huwa li jżid mal-lista ta’ rikorrenti, li tinsab fl-Artikolu 9(1)(b), il-persuni li jkunu sofrew dannu.

27     F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ta’ azzjoni diretta ta’ parti leża ma tiddependix fuq il-kwalifika tagħha bħala “benefiċjarju” fis-sens ta’ l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, peress li r-riferiment għal din id-dispożizzjoni magħmul mill-Artikolu 11(2) tiegħu jippermetti l-estensjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni lil kawżi lil hinn mill-inklużjoni ta’ l-attur f’waħda mill-kategoriji li jidhru fl-imsemmija dispożizzjoni.

28     Dan ir-raġunament huwa bbażat ukoll fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skond it-tlettax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001, dan huwa intiż li jiggarantixxi protezzjoni iktar vantaġġjuża lill-partijiet dgħajfa minn dawk li jippermettulhom ir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Group Josi, punt 64, u Société financière et industrielle du Peloux, punt 40, kif ukoll tas-26 ta’ Mejju 2005, GIE Réunion européenne et, C 77/04, Ġabra p. I 4509, punt 17). Fil-fatt, li ċċaħħad vittma mid-dritt li taġixxi quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tagħha tkun qed iċċaħħadha minn protezzjoni identika għal dik mogħtija minn dan ir-regolament lil partijiet iktar dgħajfa fil-kawżi dwar l-assigurazzjoni u għaldaqstant tmur kontra l-ispirtu tiegħu. Barra minn hekk, kif ukoll tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 44/2001 saħħaħ tali protezzjoni fil-konfront ta’ dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

29     Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tad-Direttiva 2000/26, dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendata, wara d-dħul fis-seħħ tar- Regolament Nru 44/2001, bid-Direttiva 2005/14. Fil-fatt, fl-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju ma pprovdiex biss, fl-Artikolu 3, l-attribuzzjoni, fl-ordinament ġuridiku ta’ l-Istat Membri ta’ dritt dirett ta’ azzjoni tal-vittma kontra impriża ta’ assigurazzjoni, iżda għamel riferiment speċifiku, fil-premessa 16(a), għall-Artikoli 9(1)(b) u 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001, biex jirreferi għad-dritt tal-parti leża li taġixxi kontra min jassigura quddiem il-qorti tal-post fejn hija għandha d-domiċilju tagħha.

30     Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi ta’ l-azzjoni diretta tal-parti leża kontra min jassigura li, kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa s-suġġett ta’ kontroversja fid-dritt Ġermaniż, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għal tali azzjoni mhijiex eskluża mill-kwalifika tagħha, fid-dritt nazzjonali, bħala azzjoni għal responsabbiltà għal tort fir-rigward ta’ dritt estern għar-relazzjonijiet ġuridiċi ta’ natura kuntrattwali. Fil-fatt, in-natura ta’ din l-azzjoni taħt id-dritt nazzjonali ma għandha l-ebda rilevanza għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, peress li l-imsemmija regoli ta’ ġurisdizzjoni jinsabu f’taqsima (jiġifieri t-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ l-imsemmi Regolament) li tirrigwarda, b’mod ġenerali, l-assigurazzjoni u hija distinta minn dik relattiva għall-ġurisdizzjoni speċjali fir-rigward tal-materji kuntrattwali u dawk tat-tort (jiġifieri t-Taqsima 2 ta’ l-istess Kapitolu). L-unika kundizzjoni li għaliha l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija regola ta’ ġurisdizzjoni hija dik li l-azzjoni diretta għandha tkun prevista mid-dritt nazzjonali.

31     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-Artikolu 9(1)(b) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li parti leża tista’ tressaq azzjoni diretta kontra min jassigura quddiem il-qorti tal-post fejn hija tkun domiċiljata fi Stat Membru, fejn tali azzjoni diretta hija possibbli u li min jassigura jkun stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

32     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għall-Artikolu 9(1)(b) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li parti leża tista’ tressaq azzjoni diretta kontra min jassigura quddiem il-qorti tal-post fejn hija tkun domiċiljata fi Stat Membru, fejn tali azzjoni diretta hija possibbli u li min jassigura huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq