Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0221

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-8 ta' Novembru 2007.
    Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten GmbH vs Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija.
    Rinviju preliminari - Taxxa fuq id-depożitu ta' skart f'miżbla għal perijodu fit-tul - Taxxa dovuta mill-operatur tal-miżbla u kkalkolata skond il-piż ta' l-iskart iddepożitat u l-istat tal-miżbla - Eżenzjoni mit-taxxa għad-depożitu ta' skart li ġej minn siti kontaminati fl-Awstrija - Nuqqas ta' eżenzjoni mit-taxxa għad-depożitu ta' skart li ġej minn siti kontaminati fi Stati Membri oħra - Artikolu 90 KE - Taxxi interni - Diskriminazzjoni.
    Kawża C-221/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-09643

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:657

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-kawża C‑221/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2006, fil-proċedura

    Stadtgemeinde Frohnleiten,

    Gemeindebetriebe Frohnleiten GmBH

    vs

    Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft,

    fil-preżenza ta’:

    Republik Österreich,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, A. Tizzano, A. Borg Barthet u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    – għal Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten GmBH, minn G. Eisenberger, Rechtsanwalt,

    – għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

    – għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Mölls u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 10 KE, 12 KE, 23 KE, 25 KE, 49 KE u 90 KE.

    2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Stadtgemeinde Frohnleiten (Muniċipalità ta’ Frohnleiten) u Gemeindebetriebe Frohnleiten GmBH (impriża muniċipali ta’ Frohnleiten) minn naħa waħda, u l-Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (il-Ministru Federali ta’ l-Agrikoltura, tas-Silvikultura, ta’ l-Ambjent u ta’ l-Ilma, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-intaxxar ta’ depożitu ta’ skart ġej mill-Italja fil-miżbla muniċipali ta’ Frohnleiten.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3. Skond l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta’ l-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU L 30, p. 1) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2557/2001 tat-28 ta’ Diċembru 2001 (ĠU L 349, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“ Regolament Nru 259/93 ”), japplika b’mod partikolari għat-trasferiment ta’ skart ġewwa l-Komunità.

    4. L-Artikoli 3, 4 u 5 tar- Regolament Nru 259/93 jistabbilixxu l-proċedura applikabbli għat-trasferiment ta’ skart għar-rimi bejn l-Istati Membri.

    5. Skond l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, “[m]eta notifikatur ikollu l-intenzjoni li jibgħat skart għal rimi minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor […] hu għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni”.

    6. L-Artikolu 4(1), (2)(a) u (c) u (3)(a)(i) u (b)(i) ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdi:

    “1. Mal-wasla tan-notifika, l-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni għandha, […] tibgħat konferma lin-notifikatur […] .

    2. a) L-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni għandu jkollha 30 jum wara li tintbagħat il-konferma biex tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tagħha tal-vjaġġ bil-baħar [għat-trasferiment], b’xi kondizzjonijiet jew mingħajrhom, jew li tiċħadha. Tista wkoll titlob aktar informazzjoni.

    Din għandha tagħti l-awtorizzazzjoni biss fin-nuqqas ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tagħha […]

    […]

    […]

    c) L-oġġezzjonijiet u l-kondizzjonijiet li hemm referenza għalihom f’(a) […] għandhom ikunu bbażati fuq paragrafu 3.

    […]

    3. a) i) Sabiex ikunu implimentati l-prinċipji ta’ prossimità, prijorità għal irkupru u l-awto-suffiċjenza fil-livelli tal-Komunità u nazzjonali skond mad-Direttiva 75/442/KEE. Stati Membri jistgħu jieħdu miżuri skond mat-Trattat biex jipprojbixxu ġeneralment jew parzjalment jew joġġezzjonaw sistematikament għal vjaġġi bil-baħar [trasferimenti] ta’ skart. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu notifikati minnufih lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

    […]

    b) L-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tad-destinazzjoni, waqt li jagħtu kas taċ-ċirkostanzi ġeografiċi jew tal-ħtieġa ta’ stallazzjonijiet speċjalizzati għal ċerti tipi ta’ skart, jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet raġonevoli [motivati] dwar vjaġġi bil-baħar [kontra t-trasferimenti] ippjanati jekk dawn ma jkunux skond id-Direttiva 75/442/KEE, speċjalment l-Artikoli 5 u 7:

    i) sabiex ikun implementat il-prinċipju ta’ awto-suffiċjenza fil-livelli tal-Komunità u nazzjonali”.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7. Skond l-Artikolu 1 tagħha, il-Liġi dwar ir-riabilitazzjoni ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw (Altlastensanierungsgesetz), tas-7 ta’ Ġunju 1989 (BGBl. No. 299/1989, iktar ’il quddiem l-“ALSAG”), għandha bħala għan il-finanzjament tal-protezzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw.

    8. Skond l-Artikolu 2 (1), (2), (3), (11), (13) u (14) ta’ l-ALSAG:

    “(1) Siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw huma miżbliet li m’għadhomx jintużaw u siti industrijali li m’għadhomx jintużaw kif ukoll art u sistemi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art kontaminati minnhom li, skond ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni tar-riskju, joħolqu riskju sinjifikattiv għas-saħħa tal-bnedmin jew għall-ambjent. Il-kontaminazzjoni li tirriżulta mill-emissjonijiet fl-arja ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi.

    (2) Miżbliet li m’għadhomx jintużaw huma postijiet li fihom kien jintrema l-iskart jew b’awtorizzazzjoni jew mingħajrha.

    (3) Siti industrijali li m’għadhomx jintużaw huma postijiet fejn kienu jintużaw sustanzi perikolużi għall-ambjent.

    […]

    (11) ‘Siti potenzjalment kontaminati’ tfisser setturi li jistgħu jiġu ddistinti miżbliet li m’għadhomx jintużaw u siti industrijali li m’għadhomx jintużaw li jistgħu jwasslu, fid-dawl tan-natura tagħhom jew ta’ l-użu fil-passat tagħhom, għal riskju kunsiderevoli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

    (13) ‘Protezzjoni’ tfisser il-prevenzjoni ta’ riskji ambjentali, b’mod partikolari r-rimi eventwali ta’ sustanzi tossiċi li ġejjin minn siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw, perikolużi għas-saħħa u għall-ambjent.

    (14) ‘Riabilitazzjoni’ tfisser l-eliminazzjoni tal-kawża tar-riskju jew l-eliminazzjoni tal-kontaminazzjoni ambjentali.

    […] ”.

    9. L-Artikolu 3 ta’ l-ALSAG jistabbilixxi taxxa msejħa “Altlastenbeitrag” (taxxa fuq siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw). L-Artikolu 3(1)(1) u (2) u 3(2)(1) jipprovdi:

    “(1) Dawn li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw:

    1. ir-rimi ta’ skart għal perijodu fit-tul, inkluż it-trasferiment ta’ skart lejn sit għar-rimi ta’ skart, anki jekk dan isir għal raġunijiet tekniċi ta’ kostruzzjoni tal-miżbla jew għal raġunijiet oħra;

    2. il-mili jew it-twittija ta’ art imħarbta bi skart inkluż l-inkorporazzjoni tiegħu fi strutturi ġeoloġiċi, bl-eċċezzjoni tal-mili jew it-twittija li jkollha funzjoni speċifika fi ħdan xogħlijiet ta’ kostruzzjoni superjuri (per eżempju, kanali fit-toroq u l-pedamenti tat-toroq, linji tal-ferrovija u pedamenti, mili ta’ skavi jew ta’ fosos tad-dranaġġ);

    […]

    (2) Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżenti mir-responsabbiltà għall-ħlas tat-taxxa:

    1. id-depożitu, il-ħażna u t-trasport ta’ skart li jiġi ppruvat li jirriżulta mill-proċess tal-protezzjoni jew ir-riabilitazzjoni ta’

    a) siti suspettati li huma kkontaminati rreġistrati fil-Verdachtsflächenkataster [reġistru tas-siti suspettati li huma kkontaminati] jew

    b) siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw rreġistrati fl-Altlastenatlas [reġistru ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw]”.

    10. Skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-ALSAG, huwa suġġett b’mod partikolari għall-Altlastenbeitrag “[l]-operatur ta’ sit għar-rimi ta’ skart”.

    11. L-Artikolu 5 ta’ l-ALSAG jiddefinixxi l-“bażi tal-kalkolu” ta’ l-Altlastenbeitrag bħala “il-massa ta’ l-iskart, li jikkorrispondi għall-piż gross, fejn il-piż gross huwa l-piż ta’ l-iskart, flimkien ma' l-imballaġġ”.

    12. L-ammont ta’ l-Altlastenbeitrag, espress f’Euro “għal kull tunnellata mibdija”, hu stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ l-ALSAG. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tariffa li tvarja skond in-natura ta’ l-iskart, id-data ta’ depożitu u t-tagħmir tal-miżbla.

    13. Skond l-Artikolu 11 ta’ l-ALSAG, id-dħul fiskali mill-Altlastenbeitrag għandu jintuża għall-identifikazzjoni u r-riabilitazzjoni tas-siti perikolużi.

    14. Ir-reġistru tas-siti suspettati li huma kkontaminati kif ukoll ir-reġistru tas-siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw imsemmija fl-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG huma rregolati mill-Artikolu 13 ta’ din il-liġi. Din id-dispożiżżjoni tipprovdi:

    “(1) Il-Landeshauptmann għandha tinforma lill-Minsitru għall-Ambjent, iż-Żgħażagħ u l-Familja dwar is-siti suspettati li huma kkontaminati. Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tas-siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw, il-Ministru għandu jikkoordina fuq livell federali l-klassifikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tas-siti suspettati li huma kkontaminati b’kollaborazzjoni mal-Ministru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Ministru Federali għall-Agrikoltura u s-Silvikultura u jagħmel, permezz tal-Landeshauptmann u skond il-mezzi eżistenti (Artikolu 12(2)2), xi stħarriġ supplimentari fil-każ fejn dan ikun neċessarju għall-klassifikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tas-siti suspettati li huma kkontaminati kif ukoll għall-klassifika ta’ prijoritajiet. Id-data u l-informazzjoni miksuba permezz tal-klassifikazzjoni għandhom jintbagħtu lill-Umweltbundesamt [Uffiċċju Federali għall-Ambjent] li jevalwahom u jdaħħalhom fir-reġistru tas-siti suspettati li huma kkontaminati (l-Artikolu 11(2)(2)).

    (2) Il-Minsitru għall-Ambjent, iż-Żgħażagħ u l-Familja għandu jikkoordina, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tas-siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw, kull miżura ta’ evalwazzjoni tal-periklu tas-siti suspettati li huma kkontaminati identifikati. Is-siti suspettati li huma kkontaminati li għandhom bżonn protezzjoni jew riabilitazzjoni fuq il-bażi ta’ l-evalwazzjoni mwettqa għandhom jidhru bħala siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw fir-reġistru ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw (Artikolu 11(2)(2)) miżmum mill-Umweltbundesamt […]”.

    15. Skond il-Verwaltungsgerichtshof, naturalment, huma biss is-siti li jinsabu fl-Awstrija li jistgħu jidhru fir-reġistru tas-siti suspettati li huma kkontaminati u fir-reġistru ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw, peress li r-reġistri jservu għall-klassifikazzjoni tas-siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw li jinsabu fl-Awstrija sabiex jiġu ppreparati l-attivitajiet ta’ protezzjoni jew riabilitazzjoni tagħhom. Għal din ir-raġuni, l-eżenzjoni mill-Altlastenbeitrag prevista fl-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG tista’ tingħata biss għall-iskart li ġej mill-attivitajiet ta’ protezzjoni jew riabilitazzjoni ta’ sit perikoluż jew ta’ sit suspettat li huwa perikoluż li jinsab fl-Awstrija.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    16. Gemeindebetriebe Frohnleiten GmBH, li l-unika azzjonista tagħha hija l-Stadtgemeinde Frohnleiten, topera l-miżbla muniċipali fi Frohnleiten.

    17. Fl-aħħar tliet xhur tas-sena 2001 u fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2002, diversi tunnellati ta skart mqatta’ biċċiet li oriġina mill-Italja ġie ddepożitat f’din il-miżbla. It-trasport tagħhom lejn l-Awstrija kien ġie awtorizzat mill-awtoritajiet Awstrijaċi, skond l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 259/93.

    18. L-iskart kien ġie prodott matul il-proċess tar-riabilitazzjoni ta’ żona li tinsab fil-muniċipalità ta’ Rovigo (l-Italja) u identifikata bħala li teħtieġ riabilitazzjoni mill-pjan reġjonali Taljan għar-riabilitazzjoni ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw, li jirriżulta mill-Artikolu 22 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22 tal-5 ta’ Frar 1997 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 38, tal-15 ta’ Frar 1997), u mid-Digriet tal-Ministru ta’ l-Ambjent Taljan tas-16 ta’ Mejju 1989 (GURI Nru 121, tas-26 ta’ Mejju 1989, p. 12).

    19. Billi qiesu li l-imsemmi skart kellu jibbenifika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG, minħabba li kien ġej minn sit kontaminat, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw quddiem il-Bezirkshauptmannschaft Graz-Umgebung (l-awtoritajiet amministrattivi għaż-żona ta’ Graz, iktar ’il quddiem il “BH”) talba intiża għall-konstatazzjoni ta’ din l-eżenzjoni.

    20. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2004, il-BH ikkunsidraw li l-iskart in kwistjoni kien eżenti mill-Altlastenbeitrag skond l-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG. Fuq appell ta’ l-awtoritajiet federali Awstrijaċi, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mil-Landeshauptmann von Steiermark (kap tal-Gvern reġjonali tal-Land ta’ Styria, iktar ’il quddiem il-“LH”), b’deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2004. Kemm il-BH kif ukoll il-LH ikkunsidraw li kull diskriminazzjoni bejn l-iskart li tirriżulta minn miżuri legali ta’ riabilitazzjoni jew ta’ attivitajiet ta’ protezzjoni ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw skond jekk jiġux mill-Awstrija jew minn Stat Membru ieħor tikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 90 KE.

    21. B’deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Jannar 2005, il-Ministru annulla d-deċiżjoni tal-LH u ddeċieda li l-iskart in kwistjoni kellu jkun suġġett għall-Altlastenbeitrag peress li ma kienx joriġina minn sit imniżżel fir-reġistru tas-siti suspettati li huma kkontaminati jew fir-reġistru ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw. Il-Ministru kkunsidra li l-Altlastenbeitrag ma taqax taħt l-Artikolu 90 KE, peress li mhijiex taxxa fuq l-iskart bħala tali, iżda taxxa marbuta m a’ attività. Fil-fatt, hija mhijiex imposta fuq merkanzija li tista’ tiġi kkummerċjalizzata u tgħolli l-prezz tagħha u b’hekk jiġi żvantaġġat l-bejgħ tagħha fis-suq Awstrijak, iżda tikkostitwixxi taxxa fuq miżuri li jtemmu b’mod definittiv iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ tali merkanzija.

    22. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni Ministerjali quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. Huma jsostnu essenzjalment, li l-Altlastenbeitrag taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 90 KE u li jkun hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni jekk l-imsemmija taxxa tkun ikkalkolata b’mod differenti skond jekk hijiex imposta fuq il-prodotti importati jew il-prodotti nazzjonali simili, peress li tali differenza jkollha bħala konsegwenza li tgħolli l-prezz tal-prodotti importati.

    23. Il-Verwaltungsgerichtshof tikkonstata li l-ALSAG għandha għanijiet ta’ politika ambjentali, jiġifieri l-attivitajiet ta’ protezzjoni u riabilitazzjoni tas-siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw. L-implementazzjoni ta’ tali politika teħtieġ l-identifikazzjoni minn qabel tas-siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw permezz ta’ spezzjonijiet ta’ l-art. Għaldaqstant, huma biss is-siti li jinsabu fit-territorju Awstrijak li jistgħu jiġu identifikati bħala siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw fis-sens ta’ l-ALSAG. Skond il-Verwaltungsgerichtshof, minn dan ma jistax jiġi dedott obbligu għall-awtoritajiet Awstrijaċi li jirrinunċjaw milli jivvantaġġaw id-depożitu ta’ skart li ġej minn dawn is-siti. Ma jirriżultax mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-eżenjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG tikser id-dritt Komunitarju.

    24. Billi madankollu hija tal-fehma li din l-interpretazzjoni mhijiex inkontestabbli, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “L-Artikoli 10 KE, 12 KE, 23 KE, 25 KE, 49 KE jew 90 KE jipprekludu dispożizzjoni fiskali nazzjonali li tissuġġetta d-depożitu ta’ skart f’sit għar-rimi ta’ skart għat-taxxa (l-Altlastenbeitrag), imma li tipprovdi għal eżenzjoni minn din it-taxxa għad-depożitu ta’ skart li jintwera li jkun ġej mill-attivitajiet ta’ protezzjoni jew riabilitazzjoni ta’ siti kkontaminati (siti suspettati li huma kontaminati jew siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw) jekk is-siti (siti suspettati li huma kontaminati jew siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw) huma rreġistrati f’reġistri uffiċjali stabbiliti mil-liġi (Verdachtsflächenkataster; reġistru ta’ siti suspettati li huma kontaminati, jew Altlastenatlas; reġistru ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw), u siti fl-Awstrija biss jistgħu jiġu reġistrati f’dawn ir-reġistri, bir-riżultat li l-eżenzjoni mit-taxxa hija possibbli biss fir-rigward tad-depożitu ta’ skart li joriġina minn siti suspettati li huma kontaminati jew siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw li jinsabu fl-Awstrija?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Fuq l-Artikoli 23 KE, 25 KE u 90 KE

    25. Permezz ta’ l-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk taxxa nazzjonali bħall-Altlastenbeitrag tikkostitwixxix taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali fuq l-importazzjoni fis-sens ta’ l-Artikoli 23 KE u 25 KE jew taxxa interna diskriminatorja u għaldaqstant kuntrarja għall-Artikolu 90 KE.

    26. L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-taxxi b’effett ekwivalenti u dawk dwar it-taxxi interni diskriminatorji mhumiex applikabbli flimkien, b’mod li l-istess miżura, fis-sistema tat-Trattat, ma tistax taqa’ simultanjament taħt iż-żewġ kategoriji (ara, b’mod partikolari s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Haahr Petroleum, C 90/94, Ġabra p. I 4085, punt 19; tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C 387/01, Ġabra p. I-4981, punt 63, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C 393/04 u C 41/05, Ġabra p. I-5293, punt 50).

    27. Fir-rigward ta’ l-Artikoli 23 KE u 25 KE, skond ġurisprudenza stabbilità, kull piż finanzjarju, anki jekk minimu, impost unilateralment, ikun xi jkun l-isem tiegħu u l-mod ta’ kif jiġi applikat, u li hu applikabbli fuq il-merkanzija minħabba l-fatt ta’ qsim ta’ fruntiera, filwaqt li mhuwiex dazju fil-veru sens, jikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti fis-sens ta’ l-Artikoli 23 KE u 25 KE, (ara, b’mod partikolari s-sentenzi Haahr Petroleum, iċċitata iktar ’il fuq , punt 20; tat-2 ta’ April 1998, Outokumpu, C-213/96, Ġabra p. I-1777, punt 20; Weigel, iċċitata iktar ’il fuq , punt 64, kif ukoll Air Liquide Industries Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

    28. Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni u fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ l-Altlastenbeitrag, għandu jiġi kkonstatat li hu bħala regola suġġett għall-pagament ta’ din it-taxxa kull depożitu ta’ skart għal perijodu fit-tul, kemm jekk joriġina mill-Awstrija jew minn Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, taxxa bħall-Altlastenbeitrag mhijiex imposta minħabba li tinqasam il-fruntiera ta’ l-Istat Membru li introduċiha.

    29. Konsegwentement, il-konformità ta’ tali taxxa mad-dritt Komunitarju ma tistax tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikoli 23 KE u 25 KE.

    30. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 90 KE, din id-dispożizzjoni tikkompleta, fis-sistema tat-Trattat KE, id-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija tad-dazji doganali u tat-taxxi b’effett ekwivalenti. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tassigura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni permezz tat-tneħħija ta’ kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara, b’mod partikolari s-sentenzi Air Liquide Industries Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55, u tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński, C-313/05, Ġabra p. I-513, punt 27).

    31. Skond ġurisprudenza kostanti, il-piżijiet pekunjarji li jirriżultaw minn sistema ġenerali ta’ taxxa interna applikata sistematikament, skond l-istess kriterji oġġettivi, għal kategoriji ta’ prodotti irrispettivament mill-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom jaqgħu taħt l-Artikolu 90 KE (ara s-sentenza Air Liquide Industries Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata ).

    32. Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk taxxa bħall-Altlastenbeitrag tikkostitwixxix taxxa interna fis-sens ta’ l-Artikolu 90 KE.

    33. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tali taxxa, li, kjarament, hija ta’ natura fiskali, hi imposta fuq kull depożitu ta’ skart f’miżbla għal perijodu fit-tul, kemm jekk joriġina mill-Awstrija jew minn Stat Membru ieħor.

    34. Madankollu, il-Gvern Awstrijak isostni li l-Altlastenbeitrag ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 90 KE minħabba l-fatt li mhijiex taxxa li hi imposta fuq prodotti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, peress li l-iskart iddepożitat f’miżbla m’għandux valur pekunjarju, l-Altlastenbeitrag ma tapplikax għal merkanzija li tiġi kummerċjalizzata, li l-prezz tagħha jista’ jogħla minħabba din it-taxxa u li tista’ tiġi żvantaġġata meta tinbiegħ fit-territorju nazzjonali.

    35. Skond il-Gvern Awstrijak, l-Altlastenbeitrag hi imposta fuq l-għoti ta’ servizz mill-operatur tal-miżbla u tiddependi min-natura ta’ dan is-servizz. Huwa jenfasizza b’mod partikolari li, skond l-Artikolu 6 ta’ l-ALSAG, il-piż fiskali huwa ddeterminat mhux min-natura ta’ l-iskart iddepożitat, iżda min-natura ta’ l-impjanti tar-rimi ta’ skart u mill-kwalità tal-ġestjoni ta’ dawn l-impjanti.

    36. L-argument tal-Gvern Awstrijak li peress li m’għandux valur kummerċjali, l-iskart intiż biex jiġi elimat ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “prodott” fis-sens ta’ l-Artikolu 90 KE mhuwiex sostenibbli.

    37. Fil-fatt, minn naħa, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Lulju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, magħrufa bħala “Skart tal-Wallonja” (C‑2/90, Ġabra p. I-4431, punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskart, reċiklabbli jew le, għandu jiġi kkunsidrat bħala prodott li ċ-ċirkulazzjoni tiegħu, skond l-Artikolu 30 tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 28 KE), m’għandhiex bħala regola tiġi mfixkla.

    38. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punti 25 u 26 ta’ l-istess sentenza, li l-iskart għar-rimi, għalkemm nieqes minn valur kummerċjali intrinsiku, jista’ madankollu jagħti lok għal tranżazzjonijiet kummerċjali relattivi għar-rimi tiegħu jew għad-depożitu tiegħu f’miżbla. Taxxa interna imposta fuq l-iskart hija ta’ tali natura li tirrendi iktar diffiċli jew iktar onerużi l-imsemmija tranżazzjonijiet kummerċjali għall-operatur li jipprova jeħles minnu u għaldaqstant tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni moħbija għall-moviment liberu ta’ l-imsemmi skart, restrizzjoni li l-Artikolu 90 KE għandu preċiżament bħala għan li jelimina fil-każ ta’ trattament diskriminatorju ta’ l-iskart importat.

    39. Fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Awstrijak li taxxa bħall- Altlastenbeitrag mhijiex imposta fuq il-prodotti iżda fuq il-provvista ta’ servizzi, dan għandu jiġi respint ukoll.

    40. Skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 90 KE għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa, sabiex ikun jista’ jkopri l-proċeduri fiskali kollha li jistgħu jippreġudikaw, kemm b’mod dirett jew indirett, it-trattament ugwali bejn il-prodotti nazzjonali u dawk importati. Għaldaqstant, il-projbizzjoni li huwa jistipula għandha tapplika kull darba li miżura fiskali tista’ tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ oġġetti li joriġinaw minn Stati Membri oħra għall-benefiċċju ta’ prodotti nazzjonali (sentenzi tas-16 ta’ Frar 1977, Schöttle & Söhne, 20/76, Ġabra p. 247, punt 13; tat-3 ta’ Marzu 1988, Bergandi, 252/86, Ġabra p. 1343, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Diċembru 1995, Ayuntamiento de Ceuta, C 45/94, Ġabra p. I 4385, punt 29).

    41. Fis-sentenzi Bergandi, iċċitata iktar ’il fuq, u tal-15 ta’ Marzu 1989, Lambert et (317/86, 48/87, 49/87, 285/87, 363/87 sa 367/87, 65/88 u 78/88 sa 80/88, Ġabra p. 787), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 95 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 90 KE) japplika għat-taxxi interni imposti fuq l-użu tal-prodotti importati, meta dawn huma essenzjalment intiżi għal dan l-użu u huma importati biss għal dan il-għan.

    42. Issa, għandu jiġi kkonstatat li taxxa bħall-Altlastenbeitrag, fejn il-fatt li jiġġenera l-impożizzjoni tagħha huwa d-depożitu ta’ skart għar-rimi għal perijodu fit-tul, hija imposta fuq l-unika tranżazzjoni kummerċjali li dan l-iskart jista’ jkun suġġett għaliha, u li, fir-rigward ta’ skart li ġej minn Stati Membri oħra suġġett għal din it-taxxa, dan hu importat fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni biss għall-finijiet ta’ din it-tranżazzjoni.

    43. Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schöttle & Söhne (punti 12 sa 15), u Haahr Petroleum (punti 38 u 40), taxxa li tinġabar, mhux fuq prodotti bħala tali, iżda fuq attività partikolari ta’ impriża fir-rigward tal-prodotti u li hija kkalkulata b’mod partikolari, skond il-piż tal-prodotti in kwistjoni, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 90 KE u, inkwantu għandha effett immedjatament fuq il-prezz tal-prodotti nazzjonali u importati, għandha tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju fuq il-prodotti importati.

    44. Din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata fil-kuntest tal-moviment tal-merkanzija li għandha valur kummerċjali u li tista’ tiġi offerta għall-bejgħ fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, li fir-rigward tagħha l-effett fuq il-prezz kien il-kriterju korrett sabiex jiġu evalwati r-restrizzjonijiet eventwali fuq il-libertà ta’ moviment tal-merkanzija.

    45. Min-naħa l-oħra, kif ġie mfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, billi l-uniċi tranżazzjonijiet kummerċjali li għalihom jista’ jagħti lok l-iskart għar-rimi huma dawk relattivi għar-rimi tiegħu jew għad-depożitu tiegħu f’miżbla, il-kriterju korrett sabiex jiġu evalwati r-restrizzjonijiet eventwali fuq il-moviment liberu tal-merkanzija huwa dak ta’ l-effett tat-taxxa fuq il-prezz imħallas mill-operaturi ekonomiċi sabiex jeħilsu minnu.

    46. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-ġestjoni ta’ miżbla kjarament tikkostitwixxi attività fir-rigward ta’ skart li huwa ddepożitat fiha, u, it-tieni nett, li għalkemm il-kwalità tat-tagħmir tal-miżbla u tal-ġestjoni tagħha jidħlu fil-kalkolu ta’ l-Altlastenbeitrag, jirriżulta mill-Artikoli 5 u 6 ta’ l-ALSAG li l-ammont ta’ din it-taxxa jiddependi wkoll mill-piż u n-natura ta’ l-iskart iddepożitat. Fl-aħħar nett, għalkemm l-imsemmija taxxa titħallas mill-operatur tal-miżbla, dan għandu l-possibbiltà li jiġborha lura permezz tal-prezz li jitlob lill-operatur li jkun iddepożita l-iskart għas-servizz li jagħtih.

    47. Konsegwentement, taxxa bħall-Altlastenbeitrag tikkostitwixxi taxxa interna imposta indirettament fuq l-iskart li jitqiegħed f’miżbla, fis-sens ta’ l-Artikolu 90 KE.

    48. Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk taxxa interna bħall-Altlastenbeitrag hijiex diskriminatorja b’mod kuntrarju għall-Artikolu 90 KE.

    49. Skond ġurisprudenza ferm stabbilita, ikun hemm ksur ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE meta t-taxxa imposta fuq il-prodott importat u dik imposta fuq prodott simili nazzjonali huma kkalkolati b’mod differenti u skond modalitajiet differenti, b’mod li jwasslu, anki jekk biss f’ċerti każijiet, għal tassazzjoni ogħla tal-prodott importat (sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C 152/89, Ġabra p. I 3141, punt 20; Weigel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67, u Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    50. Minn dan jirriżulta li sistema ta’ tassazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli ma’ l-Artikolu 90 KE biss jekk jiġi stabbilit li topera b’mod li teskludi f’kull każ li l-prodotti importati jkunu intaxxati b’mod iżjed oneruż mill-prodotti nazzjonali u, għalhekk, li f’ebda każ, m’għandha effetti diskriminatorji (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 sa 25; Haahr Petroleum, iċċitata iktar ’il fuq , punt 34; tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-375/95, Ġabra p. I-5981, punt 29; tas-17 ta’ Ġunju 1998, Grundig Italiana, C-68/96, Ġabra p. I-3775, punt 12, u Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq , punt 40).

    51. Sabiex issir evalwazzjoni tan-natura diskriminatorja jew le ta’ sistema ta’ tassazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss ir-rata tat-taxxa iżda wkoll il-bażi taxxabbli u l-modalitajiet għall-ġbir tad-diversi taxxi (sentenzi tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, 55/79, Ġabra p. 481, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-12 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C 327/90, Ġabra p. I-3033, punt 11, kif ukoll Grundig Italiana, iċċitata iktar ’il fuq , punt 13).

    52. Dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG, li tirriserva l-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa interna għal ċerti prodotti nazzjonali bl-esklużjoni tal-prodotti importati tista’ twassal, f’ċerti każijiet, għal taxxa fuq prodott importat ogħla minn dik imposta fuq il-prodott nazzjonali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni hija, bħala regola, kuntrarja għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 90 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 1998, Chevassus-Marche, C-212/96, Ġabra p. I-743, punt 26).

    53. Il-Gvern Awstrijak isostni madankollu li l-Artikolu 90 KE ma jipprojbixxix l-imsemmija taxxa peress li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma tistabbilixxi ebda inugwaljanza fit-trattament bejn sitwazzjonijiet simili. L-għan ta’ l-Altlastenbeitrag hu l-iffinanzjar ta’ attivitajiet ta’ protezzjoni jew riabilitazzjoni ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw. L-eżenzjoni minn din it-taxxa prevista fl-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG għandha l-istess għan. Tali għan jeħtieġ l-identifikazjzoni minn qabel tas-siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw permezz ta’ spezzjonijiet ta’ l-art li jistgħu jsiru biss fit-territorju Awstrijak. Għaldaqstant, teżisti differenza oġġettiva bejn is-siti Awstrijaċi li huma l-uniċi li jistgħu jiġu identifikati, u dawk li jinsabu fi Stati Membri oħra.

    54. Teżisti wkoll differenza oġġettiva skond jekk ir-riabilitazzjoni ta’ sit u l-eliminazzjoni ta’ l-iskart iseħħux fl-istess Stat Membru jew f’żewġ Stati Membri differenti, li teskludi kull trattament mhux ugwali li jikkostitwixxi diskriminazzjoni. Stat Membru mhuwiex marbut jittratta fatti relattivi għat-territorju ta’ Stat Membru ieħor bl-istess mod bħal fatti simili li jirrigwardaw it-territorju tiegħu, sakemm ma jiddiskriminax abbażi tan-nazzjonalita ta’ l-operaturi ekonomiċi. F’din il-kawża, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG tapplika minħabba kriterju, it-twettiq tar-riabilitazzjoni ta’ sit perikoluż fl-Awstrija, li huwa oġġettiv u mhux diskriminatorju. Din l-eżenzjoni ma tiksirx l-Artikolu 90 KE peress li m’hemm ebda diskriminazzjoni relattiva għall-merkanzija li ġejja minn Stati Membri oħra.

    55. Dawn l-argumenti għandhom jiġu respinti.

    56. Qabel kollox, għalkemm skond ġurisprudenza kostanti, id-dritt Komunitarju ma jirrestrinġix, fl-istat attwali ta’ l-iżvilupp tiegħu, il-libertà ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi sistema ta’ tassazzjoni li tagħmel distinzjoni bejn ċerti prodotti, anki prodotti simili fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, skond kriterji oġġettivi, tali divrenzjar, madankollu, huwa biss kompatibbli mad-dritt Komunitarju jekk ifittex li jilħaq għanijiet li, huma wkoll, huma kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat u tad-dritt sekondarju u jekk il-modalitajiet tiegħu huma ta’ tali natura li jevitaw kull forma ta’ diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, kontra l-importazzjonijiet li ġejjin minn Stati Membri oħra, jew ta’ protezzjoni favur prodotti nazzjonali li jikkompetu magħhom (sentenza Outokumpu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasti u Németh, C-290/05 u C-333/05, Ġabra p. I-10115, punt 51).

    57. Issa, kif ġie enfasizzat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG tista’ tagħti lok, f’ċerti każijiet, għal taxxa fuq prodott importati ogħla minn dik imposta fuq il-prodott nazzjonali. B’hekk, anke jekk jitqies li l-għan ta’ riabilitazzjoni tas-siti nazzjonali kontaminati bl-iskart huwa kompatibbli mal-ħtiġijiet tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja, tali dispożizzjoni ma tistax tkun kompatibbli ma’ l-Artikolu 90 KE.

    58. Ukoll, jekk jitqies li l-argumenti tal-Gvern Awstrijak għandhom jiġu interpretati bħala li jqajmu dubji dwar is-similarità bejn l-iskart importat minn Stati Membri oħra u l-iskart prodott fl-Awstrija dawn għandhom jiġu respinti wkoll.

    59. Minn naħa, minbarra l-provenjenza ġeografika tiegħu, l-iskart parzjalment intiż biex jintrema permezz tat-tqegħid tiegħu f’miżbla għal perijodu fit-tul huwa kjarament prodott simili. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-eżenzjoni mit-taxxa prevista fl-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG ma tagħmel ebda distinzjoni skond il-periklu jew xi karatteristiċi oħra ta’ l-iskart iddepożitat f’miżbla.

    60. Min-naħa l-oħra, hemm lok li tingħata risposta negattiva għad-domanda jekk id-differenza fil-provenjenza bejn l-iskart nazzjonali u dak importat minn Stati Membri oħra hijiex biżżejjed biex teskludi li dawn huma simili fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE.

    61. Huwa minnu li, fil-punti 34 u 35 tas-sentenza Skart tal-Wallonja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġ ustizzja kkonstatat in-natura partikolari ta’ l-iskart, minħabba l-fatt li, skond il-prinċipju ta’ prijorità għal azzjoni korrettiva fis-sors fir-rigward tal-ħsara ambjentali, li hu konsistenti mal-prinċipju ta’ prossimità u awtosuffiċjenza, l-iskart għandu jintrema f’post viċin kemm jista’ jkun tal-post ta’ produzzjoni tiegħu, sabiex jiġi limitat kemm jista’ jkun it-trasport tiegħu. Hija ddeduċiet minn dan, fil-punt punt 36 ta’ l-istess sentenza, li, fid-dawl tad-differenzi bejn l-iskart prodott minn post għal ieħor u tar-rabta ta’ l-iskart mal-post ta’ produzzjoni tiegħu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tittratta b’mod differenti l-iskart prodott fit-territorju nazzjonali u dak li ġej minn Stati Membri oħra mhijiex diskriminatorja.

    62. Madankollu, din il-konstatazzjoni tikkonċerna biss skart mhux perikoluż, li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 84/631/KEE tas-6 ta’ Diċembru 1984 fuq is-sorveljanza u l-kontroll ġewwa l-Komunità Ewropea tat-trasport bejn il-fruntieri ta’ skart perikoluż (ĠU L 326, p. 31).

    63. Wara s-sentenza Skart tal-Wallonja, iċċitata iktar ’il fuq, il-leġiżlatur Komunitarju adotta r- Regolament Nru 259/93, li ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva Nru 84/631, filwaqt li estenda s-sistema stabbilita għall-iskart kollu, perikoluż u mhux perikoluż, barra ċerti tipi ta’ skart partikolari elenkat b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

    64. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kundizzjonijiet u proċeduri stabbiliti mir- Regolament Nru 259/93 għat-trasferimenti ta’ skart bejn Stati Membri ġew adottati bil-ħsieb li tkun iggarantita l-protezzjoni ta’ l-ambjent u fid-dawl ta’ għanijiet li jagħmlu parti mill-politika ta’ l-ambjent, bħall-prinċipji ta’ prossimità, prijorità għall-irkupru u ta’ awtosuffiċjenza fil-livell Komunitarju u fil-livell nazzjonali (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill , C 187/93, Ġabra p. I 2857, punti 21 u 22, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C 324/99, Ġabra p. I-9897, punt 41).

    65. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-Regolament Nru 259/93 jirregola b’mod armonizzat, fuq il-livell Komunitarju, il-kwistjoni tat-trasferimenti ta’ skart sabiex jiġi ggarantit il-ħarsien ta’ l-ambjent (sentenza DaimlerChrysler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    66. L-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi b’mod partikolari fil-punti a), i), u b), i) tiegħu l-possibbiltà għall-Istati Membri destinatarji rispettivament, li jadottaw miżuri ta’ projbizzjoni ġenerali jew parzjali jew ta’ oġġezzjoni sistematika fir-rigward tat-trasferimenti ta’ skart u li jagħmlu oġġezzjonijiet motivati kontra t-trasferimenti ta’ skart previsti, u dan sabiex jiġu implementati l-prinċipji ta’ prossimità u ta’ awtosuffiċjenza fil-livell Komunitarju u fil-livell nazzjonali.

    67. Minn dan isegwi li, ladarba Stat Membru ma jkunx adotta miżuri ta’ projbizzjoni ġenerali jew parzjali jew ta’ oġġezzjoni sistematika, bħal dawk previsti fl-Artikolu 4(3)(a),(i) tar- Regolament Nru 259/93 u ma jkunx qajjem oġġezzjonijiet motivati kontra trasferiment partikolari ta’ skart, kif previst mill-punti (b) u (i) ta’ l-istess paragrafu, ma jistax jimponi restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq il-moviment liberu, fit-territorju tiegħu, ta’ l-iskart ittrasferit, ibbażati fuq il-prinċipji ta’ prossimità u ta’ awtosuffiċjenza fil-livell Komunitarju u fil-livell nazzjonali (ara f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva Nru 84/631, is-sentenza Skart tal-Wallonja, iċċitata iktar ’il fuq , punti 20 u 21).

    68. Dan huwa l-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jawtorizzaw, skond l-Artikoli 3 sa 5 tar- Regolament Nru 259/93, it-trasferiment fuq it-territorju tagħhom ta’ skart li ġej minn Stat Membru ieħor.

    69. Barra minn hekk, il-punti 34 sa 36 tas-sentenza Skart tal-Wallonja, iċċitata iktar ’il fuq, ma jirrigwardawx l-eżami ta’ miżura fiskali fid-dawl ta’ l-Artikolu 95 tat-Trattat KEE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 90 KE), iżda jagħmlu parti minn raġunament relattiv għall-possibbiltà li miżura nazzjonali li tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu ta’ l-iskart fis-sens ta’ l-Artikolu 30 tat-Trattat KEE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 28 KE) tiġi ġġustifikata mir-rekwiżit imperattiv ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent (ara s-sentenza Skart tal-Wallonja, iċċitata iktar ’il fuq , punti 29 sa 34).

    70. Fl-aħħar, għal dak li jirrigwarda l-impossibbiltà materjali, allegata mill-Gvern Awstrijak, li jiġu identifikati s-siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw u s-siti suspettati li huma kkontaminati fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, għandu jiġi mfakkar li d-diffikultajiet ta’ natura prattika ma jistgħux jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ taxxa diskriminatorja fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tas-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja , punt 47, u Outokumpu, punt 38).

    71. Għalkemm jista’ jkun diffiċli ħafna għall-awtoritajiet Awstrijaċi li jassiguraw li s-siti li jinsabu fi Stati Membri oħra, li minnhom joriġina l-iskart importat fl-Awstrija, jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka in kwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jikkwalifikaw bħala siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw jew siti suspettati li huma kkontaminati, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tipprovdix il-possibbiltà, għall-importatur, li jressaq provi sabiex jibbenifika mill-eżenzjoni applikabbli għall-iskart li ġej minn siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw jew siti suspettati li huma kkontaminati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Outokumpu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

    72. Barra minn hekk, anke jekk, bħala regola, l-Artikolu 90 KE ma jobbligax lill-Istati Membri jħassru d-differenzi oġġettivament iġġustifikati li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi bejn it-taxxi interni imposti fuq prodotti nazzjonali, dan ma japplikax meta dan it-tħassir hu l-uniku mezz li jippermetti li tiġi evitata diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, kontra l-prodotti importati (sentenzi tat-8 ta’ Jannar 1980, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 21/79, Ġabra p. 1, punt 16, u Outokumpu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

    73. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tad-domanda preliminari hi li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE jipprekludi dispożizzjoni fiskali nazzjonali bħall-Artikolu 3(2)(1) ta’ l-ALSAG li tipprovdi eżenzjoni mit-taxxa imposta fuq id-depożitu ta’ skart għal perijodu fit-tul fil-miżbliet nazzjonali favur skart li ġej minn attivitajiet ta’ riabilitazzjoni jew ta’ protezzjoni ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw jew ta’ siti suspettati li huma kkontaminati li jinsabu fit-territorju nazzjonali biss, iżda teskludi l-eżenzjoni fir-rigward ta’ depożitu ta’ skart li ġej minn attivitajiet ta’ riabilitazzjoni jew ta’ protezzjoni ta’ siti li jinsabu fi Stati Membri oħra.

    Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 10 KE, 12 KE u 49 KE

    74. Fid-dawl tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel parti tad-domanda preliminari, m’hemmx għalfejn jiġu interpretati l-Artikoli 10 KE, 12 KE u 49 KE.

    Fuq l-ispejjeż

    75. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE jipprekludi dispożizzjoni fiskali nazzjonali bħall-Artikolu 3(2)(1) tal-Liġi dwar ir-riabilitazzjoni ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw (Altlastensanierungsgesetz), tas-7 ta’ Ġunju 1989 li tipprovdi eżenzjoni mit-taxxa imposta fuq id-depożitu ta’ skart għal perijodu fit-tul fil-miżbliet nazzjonali favur skart li ġej minn attivitajiet ta’ riabilitazzjoni jew ta’ protezzjoni ta’ siti perikolużi li m’għadhomx jintużaw jew siti suspettati li huma kkontaminati li jinsabu fit-territorju nazzjonali biss, iżda teskludi l-eżenzjoni fir-rigward ta’ depożitu ta’ skart li ġej minn attivitajiet ta’ riabilitazzjoni jew ta’ protezzjoni ta’ siti li jinsabu fi Stati Membri oħra.

    Fuq