Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0020

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-8 ta' Novembru 2007.
    Karl Josef Wilhelm Schwibbert.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale civile e penale di Forlì - l-Italja.
    Direttiva 98/34/KE- Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tan-normi u leġiżlazzjonijiet tekniċi - Obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ abbozz ta’ regolamenti tekniċi - Liġi nazzjonali li timponi t-tqegħid tal-logo distintiv tal-korp nazzjonali inkarigat li jiġbor id-drittijiet ta’ l-awtur fuq diski kumpatti - Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’.
    Kawża C-20/05.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-09447

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:652

    Kawża C-20/05

    Proċeduri kriminali

    kontra

    Karl Josef Wilhelm Schwibbert

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale civile e penale di Forlì)

    “Direttiva 98/34/KE — Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi — Obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ abbozz ta’ regolamenti tekniċi — Liġi nazzjonali li timponi t-tqegħid tal-logo distintiv tal-korp nazzjonali inkarigat li jiġbor id-drittijiet ta’ l-awtur fuq diski kumpatti — Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Neċessità li jingħataw dettalji suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kuntest fattwali u leġiżlattiv

    (Artikolu 234 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 20)

    2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informatika — Direttiva 98/34

    (Direttiva 98/34 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikoli 1(3) u (11) u 8(1))

    1.        L-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli imma wkoll li tagħti lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 20 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tassigura li din il-possibbiltà tiġi mħarsa, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, skond id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet kkonċernati. B’hekk, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti, għall-inqas, xi spjegazzjoni fuq ir-raġunijiet ta’ l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom qed titlob l-interpretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

    (ara l-punt 21)

    2.        Id-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, kif emendata mid-Direttiva 98/48, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, safejn introduċew, wara l-implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi, l-obbligu tat-tqegħid tal-logo distintiv “SIAE” fuq is-CDs li fihom xogħol ta’ arti figurattiva sabiex jiġu kkummerċjalizzati fl-Istat Membru kkonċernat, jikkostitwixxu regolament tekniku li, fin-nuqqas tan-notifika tiegħu lill-Kummissjoni, ma jistax jiġi invokat kontra individwu.

    Fil-fatt, peress li t-tqegħid ta’ tali logo distintiv, li huwa intiż biex jinforma lill-konsumaturi u lill-awtoritajiet nazzjonali li l-kopji huma legali, isir fuq il-medja stess li fiha x-xogħol kreattiv, u għaldaqstant fuq il-prodott stess, u jaqa’ għalhekk taħt ir-rekwiżiti applikabbli għall-prodotti kkonċernati f’dak li jirrigwarda l-immarkar u l-ittikkettjar, tali logo distintiv jikkostitwixxi “speċifikazzjoni teknika” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34 li tippresupponi li l-miżura nazzjonali neċessarjament tirreferi għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu fih innifsu. Għaldaqstant, peress li l-ispeċifikazzjoni hija obbligu de jure għall-kummerċjalizzazzjoni tas-CDs, l-imsemmija speċifikazzjoni tikkostitwixxi “regolament tekniku” fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(11) ta’ din id-direttiva.

    L-inklużjoni ta’ medja ġdida, bħas-CDs fil-kamp ta’ l-obbligu tat-tqegħid tal-logo distintiv iddeterminat, għandha tiġi kkunsidrata bħala bidla għall-proġett ta’ regolament tekniku previst fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, kellu jiġi notifikat lill-Kummissjoni, sakemm l-obbligu ta’ tqegħid tal-logo ġie estiż għall-prodotti fil-kawża wara l-implementazzjoni tad-Direttiva 83/189, liema element għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. F’dan il-każ, l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw l-inapplikabbiltà ta’ tali regolament tekniku quddiem il-qorti nazzjonali, li min-naħa tagħha jkollha tirrifjuta l-applikazzjoni.

    (ara l-punti 35-37, 40-42, 44-45 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    8 ta’ Novembru 2007(*)

    “Direttiva 98/34/KE – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi – Obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ abbozz ta’ regolamenti tekniċi – Liġi nazzjonali li timponi t-tqegħid tal-logo distintiv tal-korp nazzjonali inkarigat li jiġbor id-drittijiet ta’ l-awtur fuq diski kumpatti – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’”

    Fil-kawża C-20/05,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale civile e penale di Forlì (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2005, fil-proċeduri kriminali kontra

    Karl Josef Wilhelm Schwibbert,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus (Relatur), J. Klučka, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2007,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal K. Schwibbert, minn A. Sirotti Gaudenzi, avvocato,

    –        għas-Società Italiana degli Autori ed Editori, minn M. Mandel u
    M. Siragusa, avvocati,

    –        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn S. Fiorentino u M. Massella Ducci Teri, avvocati dello Stato,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Pignataro u W. Wils, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3 KE, 23 KE sa 27 KE tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU L 204, p. 37), kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 217. p. 18), iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 98/34”), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad-19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 346, p. 61), kif ukoll tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU L 167, p. 10).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri penali fl-Italja kontra
    K. Schwibbert għall-pussess ta’ diski kumpatti, (iktar ’il quddiem, is-“CDs”) li ma kellhomx il-logo distintiv tal-korp nazzjonali inkarigat li jiġbor id-drittijiet ta’ l-awtur.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3        Id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, (ĠU L 109, p. 8) tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi.

    4        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 83/189 jipprovdi kif ġej:

    “1. L-Istati Membri għandhom, fi żmien tnax-il xahar min-notifika ta’ din id-Direttiva, idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tagħha u għandhom jgħarrfu minnufih b’dan lill-Kummissjoni.

    2. L-Istati Membri għand[h]om jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.”

    5        Id-Direttiva 83/189 ġiet emendata diversi drabi u b’mod sostanzjali. Id-Direttiva 98/34 ikkodifikat din id-Direttiva.

    6        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi li:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

    1) ‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

    […]

    3) ‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

    […]

    4) ‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

    […]

    11) ‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f'parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

    […]”

    7        L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 jimponu fuq l-Istati Membri, min-naħa, l-obbligu li jikkomunikaw lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt din id-direttiva, ħlief meta dawn sempliċement jittrasponu t-test sħiħ ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ ikun biżżejjed li tingħata informazzjoni dwar l-istandard, u, min-naħa l-oħra, li jipposponu għal diversi xhur l-adozzjoni ta’ dawn l-abbozzi sabiex jagħtu lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tivverifika jekk dawn humiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija, jew biex tipproponi, fil-qasam ikkonċernat, direttiva, regolament jew deċiżjoni.

    8        Id-Direttiva 92/100 għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-protezzjoni legali tax-xogħol kopert mid-dritt ta’ l-awtur u ta’ l-oġġetti protetti minn drittijiet relatati. Hija intiżi sabiex tiggarantixxi lill-awturi u lill-artisti dħul adattat. Għal dan il-għan, id-Direttiva 92/100 tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni tal-kiri jew tas-self ta’ xogħol oriġinali, ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt ta’ awtur kif ukoll ta’ l-oġġetti l-oħra msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva. Fil-kuntest tal-Kapitolu II tad-Direttiva 92/100, għal dak li jirrigwarda d-drittijiet relatati, l-Artikolu 9 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt esklużiv li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz ta’ bejgħ jew b’xi mod ieħor, l-oġġetti elenkati fl-imsemmi artikolu.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    9        Skond il-Liġi Nru 633 tat-22 ta’ April 1941, fir-rigward tad-drittijiet ta’ l-awtur (GURI Nru 166 tas-16 ta’ Lulju 1941, iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ l-1941”), l-obbligu tat-tqegħid tal-logo distintiv fuq kull medja li fiha xogħol protett huwa strument ta’ identifikazzjoni u ta’ garanzija li tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-prodott legali u dak ikkupjat illegalment. Is-Società Italiana degli Autori ed Editori (Soċjetà Taljana ta’ l-awturi u l-edituri), korp pubbliku ad hoc, hija inkarigata b’funzjoni ta’ protezzjoni, ta’ intermedjazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni. Il-logo distintiv b’hekk previst mil-liġi jikkonsisti fl-iniżjali “SIAE”.

    10      Il-liġi Nru 121/87 tas-27 ta’ Marzu 1987 (GURI Nru 73, tat-28 ta’ Marzu 1987), estendiet l-obbligu tat-tqegħid tal-logo distintiv “SIAE” għal medja oħra li fiha xogħol kreattiv.

    11      Fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 92/100, il-leġiżlatur Taljan, skond id-Digriet Leġiżlattiv Nru 685, tas-16 ta’ Novembru 1994 (GURI Nru 293, tas-16 ta’ Diċembru 1994), li ħassret il-liġi Nru 121/87, daħħal b’mod partikolari fil-liġi ta’ l-1941 dispożizzjoni, fl-Artikolu 171b(1)(c), li tipprovdi sanzjonijiet penali speċifiċi u li tgħid:

    “1.      Jista’ jingħata piena ta’ priġunerija minn tliet xhur sa tliet snin u multa ta’ bejn LIT 500 000 sa LIT 6 000 000 kull min:

    [...]

    c)      ibiegħ jew jikri l-vidjokasetts, kasetts tal-mużika jew kull tip ieħor ta’ medja li fih fonogrammi jew vidjogrammi ta’ ħidmiet ċinematografiċi jew awdjoviżwali jew sekwenzi ta’ imaġini f’moviment, mingħajr il-logo tas-Società Italiana degli Autori ed Editori (SIAE) skond il-liġi preżenti u r-regoli ta’ eżekuzzjoni.

    […]”

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    12      Il-Procura della Repubblica presso il Tribunale civile e penale di Forlì (Prosekutur pubbliku mal-qorti ċivili u kriminali ta’ Forli) fetħet, fit-12 ta’ Frar 2000, investigazzjoni ġudizzjarja kontra K. Schwibbert, resident fl-Italja, rappreżentant legali tal-kumpannija K.J.W.S. Srl, u kkonfermat li kellu għall-bejgħ, fid-9 u fl-10 ta’ Frar 2000, fl-imħażen ta’ din il-kumpannija, ċertu numru ta’ CDS li kien fihom riproduzzjonijiet tax-xogħlijiet tal-pitturi Giorgio De Chirico u Mario Schifano. Dawn is-CDs, importati mill-Ġermanja minn kumpanniji oħra fid-dawl tal-bejgħ tagħhom fil-kuntest ta’ manifestazzjonijiet kulturali, ma kienx fihom il-logo distintiv “SIAE”.

    13      Waqt l-investigazzjonijiet imwettqa fid-9 u l-10 ta’ Frar 2000 mill-membri tal-Guardia di Finanza – Comando Teneza de Cesena (Taqsima għall-Investigazzjonijiet Finanzjarji – kwartieri ġenerali ta’ Cesena), tfassal proċess verbal għas-sekwestru ta’ l-imsemmija CDs, skond il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li fih issemma l-fatt li wara eżami inizjali l-oġġetti dehru ffalsifikati.

    14      Fit-23 ta’ Mejju 2001, il-Procura della Repubblica presso il Tribunale civile e penale di Forlì eżaminat lil K. Schwibbert li huwa akkużat bid-delitt previst fl-Artikolu 171b(1)(c) tal-liġi ta’ l-1941 u ressqet lil dan ta’ l-aħħar quddiem it-Tribunale di Forlì.

    15      Is-seduta quddiem it-Tribunale di Forlì civile e penale saret fl-14 ta’ Diċembru 2004. Fil-proċess verbal tas-seduta, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li K. Schwibbert mhuwiex akkużat talli kkopja b’mod abbużiv ix-xogħol, peress li dan kellu fil-pussess tiegħu l-awtorizzazzjonijiet neċessarji, iżda biss il-fatt li s-CDs ma kellhomx il-logo distintiv “SIAE”.

    16      Waqt l-imsemmija seduta, l-avukat ta’ K. Schwibbert talab lill-imsemmija qorti sabiex issir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. It-Tribunale civile e penale di Forlì laqa’ din it-talba iżda d-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu kienet tinkludi sempliċiment anness ta’ l-argumenti ta’ l-avukat ta’ K. Schwibbert mingħajr domandi preċiżi.

    17      Fis-17 ta’ Lulju 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet, skond l-Artikolu 104(5) tar-Regoli tal-Proċedura, xi kjarifikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju. Ir-risposta tagħha waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2006.

    18      Jirriżulta minn din ir-risposta li d-domanda magħmula mit-Tribunale civile e penale di Forlì hija li ġejja:

    “Id-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-logo SIAE huma kompatibbli ma’ l-Artikoli 3 KE, 23 KE sa 27 KE, l-Artikoli 1, 8, 10 u 11 tad-Direttiva 98/34/KE u d-Direttivi 92/100 u 2001/29?”

     Fuq id-domanda preliminari

     Fuq l-ammissibbiltà

    19      F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan isostni li, fil-kuntest ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Fil-fatt, skond dan, din it-talba ma fihiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan iqis li, b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 20 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domanda ma tippreċiżax ir-raġunijiet għalfejn hija neċessarja l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt Komunitarju u ma turix b’mod ċar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw realment għall-kawża prinċipali. F’kull każ, hija nieqsa minn rilevanza għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

    20      Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija tqis fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li d-domanda preliminari, safejn tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3 KE, 23 KE sa 27 KE u tad-Direttiva 92/100, għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ indikazzjonijiet suffiċjenti fid-deċiżjoni tar-rinviju.

    21      Għandu jiġi mfakkar li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli imma wkoll li tagħti lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 20 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tat-2 ta’ Marzu 1999, Colonia Verischerung et, C-422/98, Ġabra p. I-1279, punt 5). Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tassigura li din il-possibbiltà tiġi mħarsa, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, skond id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet kkonċernati (sentenza ta’ l-1 ta’ April 1982, Holdijk et, 141/81 sa 143/81, Ġabra p. 1299, punt 6; id-digriet tat-13 ta’ Marzu 1996, Banco de Fomento e Exterior, C-326/95, Ġabra p. I-1385, punt 7, kif ukoll is-sentenza tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C-176/96, Ġabra p. I-2681, punt 23). B’hekk, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti, għall-inqas, xi spjegazzjoni fuq ir-raġunijiet ta’ l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom qed titlob l-interpretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipal (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2000, Laguillaumie, C-116/00, Ġabra p. I-4979, punt 16, kif ukoll is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 38).

    22      Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju pprovdiet, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta wkoll mill-punt 17 tas-sentenza preżenti, xi kjarifikazzjonijiet fir-rigward tal-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll fil-kuntest ġuridiku nazzjonali u Komunitarju. Barra minn hekk, is-Società Italiana degli Autori ed Editori, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni qiesu li huwa possibbli, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta minn din il-qorti, li jiġu ppreżentati xi osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    23      Fir-rigward tad-Direttiva 98/34, il-partijiet ikkonċernati ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk l-obbligu ta’ tqegħid tal-logo distintiv “SIAE” huwiex applikabbli għas-CDs in kwistjoni fil-kawża prinċipali, u jekk dan huwa l-każ, f’liema mument dan l-obbligu ġie estiż għall-imsemmija medja, jiġifieri qabel jew wara l-introduzzjoni fid-dritt Komunitarju ta’ l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ l-abbozz tar-regolamenti tekniċi. Fil-kawża preżenti, mhuwiex ikkontestat li hemm proċedura kriminali kontra K. Schwibbert minħabba li ma użax l-imsemmi logo “SIAE”. Madankollu, id-determinazzjoni tal-mument ta’ l-introduzzjoni effettiva ta’ l-obbligu ta’ tqegħid fid-dritt Taljan taqa’ taħt l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni. F’kull każ, l-inċertezza dwar dan l-element mhijiex ta’ natura li tiċħad l-utilità tar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tipprovdi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifikazzjonijiet.

    24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra ruħha bħala suffiċjentement informata sabiex tkun f’pożizzjoni li tirrispondi għad-domanda magħmula li tirrigwarda d-Direttiva 98/34.

    25      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 KE, 23 KE sa 27 KE tad-Direttiva 92/100, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma pprovdietx l-informazzjoni neċessarja sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tati risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

    26      Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jipprojbixxu, bejn l-Istati Membri, id-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet u kull piż b’effett ekwivalenti. Fir-rigward tad-Direttiva 92/100, din tarmonizza r-regoli dwar id-dritt ta’ kiri u d-dritt ta’ self u kif ukoll dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

    27      Issa, l-indikazzjonijiet li jirrigwardaw il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ma jippermettux li jiġi ddeterminat b’ċertezza l-post fejn jiġu mmanifatturati s-CDs u lanqas li jiġi stabbilit li ġew effettivament importati fl-Italja. Fir-rigward ta’ l-informazzjoni li tirrigwarda l-kuntest ġuridiku nazzjonali, din ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem suffiċjentement il-karatteristiċi tal-korrispettiv finanzjarju ta’ l-akkwist tal-logo distintiv “SIAE” sabiex tiddetermina jekk dan huwiex dazju doganali jew taxxa ekwivalenti fis-sens ta’ l-imsemmija artikoli tat-Trattat KE. Fl-aħħar nett, dawn l-indikazzjonijiet lanqas ma jippermettu li jiġi evalwat jekk id-Direttiva 92/100 tipprekludix tali dispożizzjonijiet nazzjonali.

    28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex possibbli li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-Artikoli 3 KE, u 23 KE sa 27 KE tad-Direttiva 92/100 jipprekludux tali obbligu bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

    29      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li d-domanda preliminari hija bbażata wkoll fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29. Din id-direttiva hija bbażata fuq il-prinċipji u regoli stabbiliti diġà b’mod partikolari mid-Direttiva 92/100 u stabbiliti minn din ta’ l-aħħar. Id-Direttiva 2001/29 ġiet adottata fit-22 ta’ Mejju 2001, u l-Artikolu 13 tagħha jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw magħha mhux iktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2002. Issa, il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali bdew matul ix-xhar ta’ Frar 2000, data li fiha l-imsemmija direttiva kienet għadha ma ġietx adottata. B’hekk, id-domanda preliminari, safejn tirrigwarda l-importazzjoni tad-Direttiva 2001/29, hija inammissibbli.

    30      Konsegwentement, hemm il-lok li tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli d-domanda preliminari biss safejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/34.

     Fuq il-mertu

    31      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1, 8, 10 u 11 tad-Direttiva 98/34 jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk fil-kawża prinċipali, sa fejn jipprovdu li, waqt l-ikkupjar ta’ xogħol kreattiv, għandha titpoġġa fuq il-medja li fiha dan it-tip ta’ xogħol il-logo tas-Società Italiana degli Autori ed Editori.

    32      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-inkartament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kawża prinċipali, bdiet proċedura penali kontra K. Schwibbert għan-nuqqas li jqiegħed dan il-logo distintiv fuq CDs li fihom xogħol ta’ arti figurattiva. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-regoli Komunitarji invokati mill-qorti tar-rinviju jipprojbixxux dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu tali obbligu.

    33      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta’ tqegħid ta’ tali logo jistax jiġi kkwalifikat bħala “regolament tekniku” fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34. Jekk dan huwa l-każ, jkollu jiġi vverifikat jekk l-abbozz ta’ regolament tekniku ġiex innotifikat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani, li fin-nuqqas tagħha ma tkunx tista’ tintuża kontra K. Schwibbert (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C-194/94, Ġabra p. I-2201, punti 48 u 54; tas-16 ta’ Ġunju 1998, Lemmens, C-226/97, Ġabra p. I-3711, punt 33, kif ukoll tas-6 ta’ Ġunju 2002, Sapod Audic, C-159/00, Ġabra p. I-5031, punt 49).

    34      Jirriżulta mill-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” jinqasam fi tliet kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel lok, “speċifikazzjoni teknika” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-imsemmija direttiva, fit-tieni lok, “ħtiġiet oħra” kif iddefiniti fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, u fit-tielet lok, il-projbizzjoni tal-manifattura, l-importazzjoni, il-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ prodott previst fl-Artikolu 1(11) ta’ l-istess direttiva (ara, b’mod partkolari s-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Lindberg, C-267/03, Ġabra p. I-3247, punt 54).

    35      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika” jippresupponi li l-miżura nazzjonali neċessarjament tirreferi għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu fih innifsu u għaldaqstant jistabbilixxi waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, van der Burg, C-278/99, Ġabra p. I-2015, punt 20; tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 45, u kif ukoll dawk iċċitata iktar ’il fuq, Sapod Audic, punt 30, et Lindberg, punt 57).

    36      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi rrilevat, kif tirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, fil-punti 46 u 48 tal-konklużjonijiet tagħha, li t-tqegħid tal-logo distintiv “SIAE”, li huwa intiż biex jinforma lill-konsumaturi u lill-awtoritajiet nazzjonali li l-kopji huma legali, isir fuq il-medja stess li fiha x-xogħol kreattiv, u għaldaqstant fuq il-prodott stess. Għaldaqstant, mhuwiex eżatt li jiġi sostnut, bħalma għamlu s-Società Italiana degli Autori ed Editori u l-Gvern Taljan, li dan il-logo jitqiegħed biss fuq ix-xogħol intelletwali.

    37      Issa, tali logo distintiv jikkostitwixxi “speċifikazzjoni teknika” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34, peress li jaqa’ taħt ir-rekwiżiti applikabbli għall-prodotti kkonċernati f’dak li jirrigwarda l-immarkar u l-ittikkettjar. Għaldaqstant, peress li l-osservazzjoni ta’ din l-ispeċifikazzjoni hija obbligu de jure għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti, l-imsemmija speċifikazzjoni tikkostitwixxi “regolament tekniku” fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(11), ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 1997, Bic Benelux, C-13/96, Ġabra p. I-1753, punt 23).

    38      Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34, “l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw immedjatament kwalunkwe abbozz ta’ regolament tekniku lill-Kummissjoni”. Jekk dan l-obbligu ma jiġix osservat, ir-regolament tekniku ma jistax jintuża kontra individwi, kif ġie mfakkar fil-punt 33 tas-sentenza preżenti. Għaldaqstant, għandu jiġi vverfikat jekk, fil-kawża preżenti, l-Istat Membru osservax l-obbligi li huwa għandu u li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34. Jekk dan mhuwiex il-każ, ir-regolament tekniku in kwistjoni ma jistax jintuża kontra K. Schwibbert.

    39      Is-Società Italiana degli Autori ed Editori u l-Gvern Taljan isostnu li l-obbligu tat-tqegħid tal-logo distintiv “SIAE” fuq il-medja li fiha xogħol kreattiv kien diġà previst, ħafna qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttivi Komunitarji rilevanti, mil-liġi 1941 għall-medja magħmula mill-karti u li l-modifikazzjonijiet leġiżlattivi li saru, wara d-dħul fis-seħħ tagħha, fl-1987 u fl-1994 rispettivament kienu biss adattamenti għall-progress teknoloġiku li introduċa biss medja ġdida fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi obbligu. Konsegwentement, ma kienx hemm lok li dawn il-modifikazzjonijiet leġiżlattivi jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

    40      Fil-kawża preżenti, jidher li jirriżulta mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fir-rigward tal-medja in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri s-CDs li fihom xogħol ta’ arti figurattiva, l-obbligu tat-tqegħid tal-logo distintiv “SIAE” sar applikabbli għalihom fl-1994 permezz tad-Digriet leġiżlattiv Nru 685. F’tali sitwazzjoni, l-imsemmi obbligu kellu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni mir-Repubblika Taljana peress li nħoloq wara t-twaqqif, mid-Direttiva 83/189, tal-proċedura ta’ informazzjoni fis-settur ta’ l-istandards u regolamenti tekniċi. Mandankollu, hija l-qorti tar-rinviju, kif imfakkar fil-punt 23 tas-sentenza preżenti, li għandha tivverifika jekk l-obbligu in kwistjoni kienx ġie introdott fid-dritt Taljan f’dan il-mument.

    41      Sakemm l-obbligu ta’ tqegħid tal-logo distintiv “SIAE” ġie estiż għall-prodotti bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali wara l-implementazzjoni tad-Direttiva 83/189, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, l-għan tat-tieni sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 huwa li jippermetti lill-Kummissjoni li jkollha l-iktar informazzjoni kompleta possibbli fuq kull abbozz ta’ regolament tekniku fir-rigward tal-kontenut, il-portata u l-kuntest ġenerali tiegħu sabiex tkun tista’ teżerċita, bl-iktar mod effikaċji possibbli, is-setgħat li hija għandha skond din id-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi CIA Security International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; tas-16 ta’ Settembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-279/94, Ġabra p. I-4743, punt 40, u tas-7 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-145/97, Ġabra p. I-2643, punt 12).

    42      Bl-istess mod, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-imsemmi Artikolu 8, “l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz għal darba oħra [...] jekk jagħmlu xi bidliet fl-abbozz li jkollhom l-effett li jbiddlu b’mod sinjifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu [...]”. Issa, l-inklużjoni ta’ medja ġdida, bħas-CDs fil-kamp ta’ l-obbligu tat-tqegħid tal-logo distintiv “SIAE”, għandha tiġi kkunsidrata bħala tali bidla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-317/92, Ġabra p. I-2039, punt 25, u Lindberg, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 85).

    43      Il-Kummissjoni kkonfermat, waqt l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u fis-seduta, mingħajr ebda kontestazzjoni mill-Istat Membru, li r-Repubblika Taljana ma kkomunikatilhiex l-imsemmija bidla.

    44      Issa, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ksur ta’ l-obbligu ta’ notifikazzjoni jikkostitwixxi irregolarità proċedurali fl-adozzjoni tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, b’tali mod li ma jistgħux jintużaw kontra individwi (ara b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq CIA Security International, punt 54 u Lemmens, punt 33). L-individwi jkunu jistgħu jinvokaw din l-inapplikabbiltà quddiem il-qorti nazzjonali, li jkollha tirrifjuta li tapplika regolament tekniku nazzjonali li ma ġiex notifikat skond id-Direttiva 98/34 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq CIA Security International, punt 55, u Sapod Audic, punt 50).

    45      Fid-dawl ta’ kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 98/34 għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, safejn introduċew, wara l-implementazzjoni tad-Direttiva 83/189, l-obbligu tat-tqegħid tal-logo distintiv “SIAE” fuq is-CDs li fihom xogħol ta’ arti figurattiva sabiex jiġu kkummerċjalizzati fl-Istat Membru kkonċernat, jikkostitwixxu regolament tekniku li, fin-nuqqas tan-notifika tiegħu lill-Kummissjoni, ma jistax jiġi invokat kontra individwu.

     Fuq l-ispejjeż

    46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-20 ta’ Lulju 1998, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, safejn introduċew, wara l-implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi, l-obbligu tat-tqegħid tal-logo distintiv “SIAE” fuq is-CDs li fihom xogħol ta’ arti figurattiva sabiex jiġu kkummerċjalizzati fl-Istat Membru kkonċernat, jikkostitwixxu regolament tekniku li, fin-nuqqas tan-notifika tiegħu lill-Kummissjoni, ma jistax jiġi invokat kontra individwu.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq