Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62005CJ0427
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 25 October 2007.#Agenzia delle Entrate - Ufficio di Genova 1 v Porto Antico di Genova SpA.#Reference for a preliminary ruling: Commissione tributaria regionale di Genova - Italy.#Structural Funds - Regulation (EEC) No 4253/88 - Second subparagraph of Article 21(3) - Prohibition of deduction - Calculation of taxable income - Taking account of Community grants received.#Case C-427/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-25 ta' Ottubru 2007.
Agenzia delle Entrate - Ufficio di Genova 1 vs Porto Antico di Genova SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Commissione tributaria regionale di Genova - l-Italja.
Fondi Strutturali - Regolament (KEE) Nru 4253/88 - It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) - Projbizzjoni ta’ riduzzjoni - Kalkolu tad-dħul taxxabbli - Teħid in kunsiderazzjoni tal-għotjiet Komunitarji rċevuti .
Kawża C-427/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-25 ta' Ottubru 2007.
Agenzia delle Entrate - Ufficio di Genova 1 vs Porto Antico di Genova SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Commissione tributaria regionale di Genova - l-Italja.
Fondi Strutturali - Regolament (KEE) Nru 4253/88 - It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) - Projbizzjoni ta’ riduzzjoni - Kalkolu tad-dħul taxxabbli - Teħid in kunsiderazzjoni tal-għotjiet Komunitarji rċevuti .
Kawża C-427/05.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-09303
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:630
Kawża C-427/05
Agenzia delle Entrate – Ufficio di Genova 1
vs
Porto Antico di Genova SpA
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-
Commissione tributaria regionale di Genova)
“Fondi Strutturali — Regolament (KEE) Nru 4253/88 — It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) — Projbizzjoni ta’ riduzzjoni — Kalkolu tad-dħul taxxabbli — Teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-għotjiet Komunitarji rċevuti”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2007
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2007
Sommarju tas-sentenza
Koeżjoni ekonomika u soċjali — Għajnuna strutturali — Finanzjament Komunitarju — Għoti ta’ għajnuna finanzjarja
(Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2082/93, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3))
It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2082/93, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tinkludi l-għotjiet magħmula mill-Fondi Strutturali Komunitarji fid-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli. Fil-fatt, ir-riduzzjoni jew iż-żamma li għandha bħala effett li tnaqqas l-ammont ta’ l-għotjiet Komunitarji rċevut mill-benefiċjarju, iżda li m’għandhiex rabta diretta u inseparabbli ma’ dawn ta’ l-aħħar, ma tfixkilx l-applikazzjoni effettiva tal-mekkaniżmu stabbilit mill-imsemmi Regolament Nru 4253/88.
Barra minn dan, id-differenzi li jeżistu bejn il-benefiċjarji tal-Fondi Strutturali, minħabba t-tassazzjoni ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna Komunitarja b’rati differenti fl-Istati Membri, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma ta’ natura li jiksru l-prinċipju tat-trattament ugwali. Fil-fatt, sabiex dan iseħħ, ikun neċessarju li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ta’ l-għajnuna Komunitarja tkun komparabbli. Dan ma jistax ikun il-każ billi dawn ta’ l-aħħar jirċievu tali għajnuna f’kuntest soċjoekonomiku speċifiku għal kull Stat Membru u billi, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja fil-qasam tad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, għadhom jeżistu differenzi oġġettivi f’dan il-qasam bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri, u għalhekk inevitabbilment jinħolqu tali differenzi bejn l-imsemmija benefiċjarji.
(ara l-punti 18-21 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
25 ta’ Ottubru 2007 (*)
“Fondi Strutturali – Regolament (KEE) Nru 4253/88 – It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) – Projbizzjoni ta’ riduzzjoni – Kalkolu tad-dħul taxxabbli – Teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-għotjiet Komunitarji rċevuti”
Fil-kawża C‑427/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, magħmula mill-Commissione tributaria regionale di Genova (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Diċembru 2005, fil-proċedura
Agenzia delle Entrate – Ufficio di Genova 1
vs
Porto Antico di Genova SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Porto Antico di Genova SpA, minn I. Vigliotti, avvocato,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Massella Ducci Teri, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.‑C. Gracia, bħala aġenti,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u N. O’Hanlon, bħala aġenti, assistiti minn A. Aston, SC,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u P. van Ginneken, bħala aġenti,
– għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. White, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u L. Flynn, bħala aġenti, assistiti minn A. Colabianchi, avvocato,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta’ l-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4253/88”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Agenzia delle Entrate – Ufficio di Genova 1 (Uffiċċju tat-Taxxi ta’ Ġenova 1, iktar ’il quddiem l-“Agenzia”) u l-kumpannija Porto Antico di Genova SpA (iktar ’il quddiem “Porto Antico”), wara ċ-ċaħda tat-talba ppreżentata minn din ta’ l-aħħar sabiex tiġi rrimborsata l-ammonti li kienet ħallset, għas-sena 2000, bħala taxxa fuq id-dħul ta’ persuni ġuridiċi u bħala taxxa reġjonali fuq il-kummerċ.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88, intitolat “Ħlasijiet”, kien jaqra kif ġej:
“Il-ħlasijiet għandhom ikunu magħmula lill-benefiċjarji finali mingħajr ebda riduzzjoni jew żamma li tista’ tnaqqas l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li għandhom dritt għaliha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 L-Artikolu 55(3) tad-Digriet Nru 917 tal-President tar-Repubblika, tat-22 ta’ Diċembru 1986 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 302, tal-31 ta’ Diċembru 1986, iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali Nru 917/86”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi:
“[Il-lista ta’ oġġetti li ġejjin] għandhom ikunu kkunsidrati wkoll bħala dħul straordinarju:
a) […]
b) dħul, fi flus jew in natura, miksub permezz ta’ kontribuzzjoni jew donazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-pagamenti msemmija fil-punti (e) u (f) ta’ l-Artikolu 53(1) u dawk għax-xiri ta’ assi li jitilfu l-valur, ikun x’ikun it-tip ta’ finanzjament użat. Dawn l-oġġetti ta’ dħul għandhom ikunu kkunsidrati bħala qligħ fir-rigward tas-sena taxxabbli li fiha jkunu riċevuti jew, fuq bażi tal-linja dritta, fir-rigward tas-sena taxxabbli li fiha jkunu riċevuti u fis-snin taxxabbli ta’ wara, iżda mhux iktar mir-raba’ sena taxxabbli ta’ wara. […]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
5 Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni ġuridiċi u t-taxxa reġjonali fuq il-kummerċ, Porto Antico inkludiet fid-dikjarazzjoni tad-dħul tagħha, għas-sena taxxabbli 2000, skond l-Artikolu 55(3)(b) tad-Digriet Presidenzjali Nru 917/86, l-għotjiet magħmula mill-Fondi Strutturali Komunitarji u mir-Reġjun tal-Ligurja fil-kuntest tal-perijodu ta’ programmazzjoni 1994-1999.
6 Fit-22 ta’ April 2002, billi kkunsidrat li kienet wettqet żball meta inkludiet l-imsemmija għotjiet fil-kalkolu tad-dħul taxxabbli għas-sena taxxabbli 2000, Porto Antico ppreżentat talba quddiem l-Agenzia għar-rimbors ta’ l-ammonti li din il-kumpannija kienet, skondha, ħallset indebitament. Fit-talba tagħha, hija sostniet li l-Artikolu 55(3)(b) tad-Digriet Presidenzjali Nru 917/86 kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88.
7 Billi l-Agenzia baqgħet siekta, ħaġa li tekwivali għal deċiżjoni impliċita li tiċħad it-talba ta’ Porto Antico, din ta’ l-aħħar ressqet appell quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Genova li, b’sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, laqgħat l-appell u ordnat ir-rimbors ta’ l-ammonti indebitament imħallsa minn din il-kumpannija.
8 Fl-10 ta’ Marzu 2004, l-Agenzia appellat minn din is-sentenza quddiem il-Commissione tributaria regionale di Genova. Billi din ta’ l-aħħar ma kinitx ċerta dwar il-kompatibbiltà ta’ l-Artikolu 55(3)(b) tad-Digriet Presidenzjali Nru 917/86 mar-Regolament Nru 4253/88, hija qieset li kien neċessarju li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 55 tad-[Digriet Presidenzjali Nru 917/86] (fil-verżjoni applikabbli fis-sena 2000), li jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet KEE jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi determinat id-dħul taxxabbli, huwa kompatibbli ma[t-tieni subparagrafu ta’] l-Artikolu 21(3) tar-Regolament [Nru 4253/88] […]?
2) Jekk ikun hemm konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà, din tapplika biss għall-fondi mogħtija u pagabbli mill-korpi tal-Komunità jew tapplika wkoll għall-fondi deskritti fl-SPD (Single Programming Document) bħala pagabbli minn korpi nazzjonali?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
9 Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħall-Artikolu 55(3)(b) tad-Digriet Presidenzjali Nru 917/86, li tinkludi l-għotjiet magħmula mill-Fondi Strutturali Komunitarji fid-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli.
10 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza b’konformità mad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx, C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16, u tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19). B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali m’għandhiex tfixkel il-funzjonament tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 4253/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1981, Irish Creamery Milk Suppliers Association et, 36/80 u 71/80, Ġabra p. 735, punt 15).
11 F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-Regolament jiddisponi li “[i]l-ħlasijiet għandhom ikunu magħmula lill-benefiċjarji finali mingħajr ebda riduzzjoni jew żamma li tista’ tnaqqas l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li għandhom dritt għaliha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
12 Jirriżulta ċar mill-kliem ta’ l-imsemmija dispożizzjoni li din tipprojbixxi kull intaxxar ta’ l-għotjiet magħmula lill-benefiċjarji tal-Fondi Strutturali. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-istess kliem ma jeskludix li d-dħul li jagħmlu parti minnu dawn l-għotjiet abbażi tad-Digriet Presidenzjali Nru 917/86 jista’ jkunu suġġetti għal tassazzjoni.
13 Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-portata tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88, fil-kuntest ta’ ammonti mħallsa bħala għajnuna mit-Taqsima “Gwida” tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (“FAEGG”). Fil-fatt, hija ddeċidiet li l-projbizzjoni tar-riduzzjoni ma tistax tiġi intepretata b’mod purament formali bħala li tapplika biss għar-riduzzjonijiet realment effettwati meta jsiru l-ħlasijiet u li, għaldaqstant, il-projbizzjoni ta’ kull riduzzjoni għandha neċessarjament tiġi estiża għall-imposti kollha li għandhom relazzjoni diretta u inseparabbli ma’ l-ammonti imħallsa (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-84/04, Ġabra p. I-9843, punt 35).
14 Minn dan isegwi li, sabiex jiġi stabbilit jekk it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88 jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk it-tassazzjoni prevista mid-Digriet Presidenzjali Nru 917/86 għandhiex rabta diretta u inseparabbli ma’ l-għotjiet magħmula mill-Fondi Strutturali Komunitarji.
15 F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ammont ta’ għotjiet Komunitarji li Porto Antico rċeviet jikkostitwixxu komponent ta’ l-assi ta’ din il-kumpannija li, flimkien ma’ dħul ieħor, huwa meħud in kunsiderazzazzjoni fil-kalkolu tal-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq id-dħul, u għalhekk dan l-ammont huwa ntaxxat skond is-sistema ta’ tassazzjoni ġenerali stabbilita mill-imsemmi Digriet Presidenzjali, bħad-dħul kollu l-ieħor ta’ Porto Antico.
16 Għandu jiġi kkonstatat li t-tassazzjoni prevista mid-Digriet Presidenzjali Nru 917/86 hija indipendentement mill-eżistenza ta’ l-ammont ta’ l-għotjiet Komunitarji mħallas lil Porto Antico. L-imsemmija tassazzjoni ma tikkorrispondix għal taxxa speċifikament marbuta ma’ l-għajnuna finanzjarja li minnha bbenefikat din il-kumpannija, iżda tapplika mingħajr distinzjoni għad-dħul kollu ta’ din ta’ l-aħħar.
17 Konsegwentement, ma jistax jiġi sostnut li t-tassazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kif prevista mill-imsemmi Digriet Presidenzjali, tikkostitwixxi riduzzjoni jew żamma fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88, li tnaqqas l-ammonti mħallsa mill-Fondi Strutturali Komunitarji u li għandha rabta diretta u inseparabbli ma’ dawn ta’ l-aħħar, anki jekk huwa possibbli, kif issostni Porto Antico, li jiġi ddeterminat b’mod preċiż l-ammont ta’ taxxa nazzjonali dovuta fuq dawn l-ammonti.
18 Minn dan isegwi li r-riduzzjoni jew iż-żamma li għandha bħala effett li tnaqqas l-ammont ta’ l-għotjiet Komunitarji rċevut mill-benefiċjarju, iżda li m’għandhiex rabta diretta u inseparabbli ma’ dawn ta’ l-aħħar, bħalma hija dik li tirriżulta minn tassazzjoni bħal dik prevista mid-Digriet Presidenzjali Nru 917/86, ma tfixkilx l-applikazzjoni effettiva tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 4253/88 u, għaldaqstant, dan ta’ l-aħħar ma jipprekludix l-implementazzjoni ta’ tali riduzzjoni jew żamma.
19 Barra minn dan, għandu jingħad ukoll, kuntrarjament għal dak li ssostni Porto Antico, li d-differenzi li jeżistu bejn il-benefiċjarji tal-Fondi Strutturali, minħabba t-tassazzjoni ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna Komunitarja b’rati differenti fl-Istati Membri, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma ta’ natura li jiksru l-prinċipju tat-trattament ugwali, li jitlob li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 129, u tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken, C-479/04, Ġabra p. I-8089, punt 68).
20 Fil-fatt, sabiex dan iseħħ, ikun neċessarju li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ta’ l-għajnuna Komunitarja tkun komparabbli. Dan ma jistax ikun il-każ billi dawn ta’ l-aħħar jirċievu tali għajnuna f’kuntest soċjoekonomiku speċifiku għal kull Stat Membru u billi, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja fil-qasam tad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, għadhom jeżistu differenzi oġġettivi f’dan il-qasam bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri, u għalhekk inevitabbilment jinħolqu tali differenzi bejn l-imsemmija benefiċjarji.
21 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħall-Artikolu 55(3)(b) tad-Digriet Presidenzjali Nru 917/86, li tinkludi l-għotjiet magħmula mill-Fondi Strutturali Komunitarji fid-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli.
Fuq it-tieni domanda
22 Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
23 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla), taqta’ u tiddeċiedi li:
It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta’ l-20 ta’ Lulju 1993, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħall-Artikolu 55(3)(b) tad-Digriet Nru 917 tal-President tar-Repubblika, tat-22 ta’ Diċembru 1986, li tinkludi l-għotjiet magħmula mill-Fondi Strutturali Komunitarji fid-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.