Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0278

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-25 ta' Jannar 2007.
Carol Marilyn Robins et. vs Secretary of State for Work and Pensions.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division - ir-Renju Unit.
Protezzjoni ta' l-impjegati f'każ ta' l-insolvenza ta' min iħaddimhom - Direttiva 80/987/KEE- Traspożizzjoni - Artikolu 8 - Skemi supplementari ta' welfare tal-kumpannija jew bejn il-kumpanniji- Benefiċċji tax-xjuħija - Protezzjoni tad-drittijiet kweżiti - Livell ta' protezzjoni - Responsabbiltà ta' Stat Membru minħabba traspożizzjoni żbaljata ta' direttiva - Kundizzjonijiet.
Kawża C-278/05.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:56

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C-278/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Lulju 2005, fil-proċedura

Carol Marilyn Robins et

vs

Secretary of State for Work and Pensions ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Klučka, R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għas-Sinjura Robins et , minn I. Walker, solicitor, D. Anderson, QC, u P. Newman, barrister,

– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. White, bħala aġent, assistita minn D. Pannick u D. Wyatt, QC, kif ukoll minn R. Hitchcock u K. Smith, barristers,

– għall-Irlanda, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. McGarry, BL,

– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Rozet u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni [ta’ l]-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 23, iktar ’il quddiem id-"Direttiva").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn C. M. Robins u 835 affiljati oħra f’żewġ skemi privati ta’ welfare tal-kumpannija (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-"rikorrenti fil-kawża prinċipali") kontra s-Secretary of State for Work and Pensions, kompetenti fir-Renju Unit fir-rigward tad-domandi ta’ impjiegi u ta’ rtirar, dwar it-tnaqqis tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija minħabba l-insolvenza ta’ min iħaddimhom.

Il-kuntest ġuridiku tal-kawża

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jgħid li:

"Din id-Direttiva tapplika għal pretensjonijiet [ta’ l]-impjegati bbażati fuq kuntratti tax-xogħol jew relazzjonijiet tax-xogħol u li jeżistu kontra persuni li jħaddmuhom u li jinsabu fi stat ta’ insolvenza skond it-tifsira tal-Artikolu 2(1)."

4. L-Artikolu 2 tad-Direttiva jgħid li:

"1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, wieħed li jħaddem għandu jitqies li qiegħed fi stat ta’ insolvenza:

(a) meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri li jinvolvu l-assi ta’ min iħaddem, skond kif provdut mi[l]-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru interessat, biex jissodisfaw kollettivament il-pretensjonijiet tal-kredituri u li jagħmluh possibli li jkunu kkunsidrati l-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1),

u

(b) meta l-awtorità li tkun kompetenti bis-saħħa ta’ dawn l-istess liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tkun:

– jew iddeċidiet li tibda l-proċeduri,

– inkella stabbiliet li l-impriża jew in-negozju ta’ min ikun qed iħaddem tkun għalqet darba għal dejjem u li l-assi disponibbli ma jkunux biżżejjed biex jippermettu li jinbdew il-proċeduri.

2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għa[l]-liġi nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni tal-kliem ‘impjegat’, ‘min iħaddem’, ‘paga’, ‘dritt li jagħti titolu immedjat’ u ‘dritt li jagħti titolu fil-ġejjieni’."

5. Skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, skond l-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux li joħorġu minn kuntratti ta’ xogħol jew relazzjonijiet ta’ xogħol u konnessi mal-paga għall-perijodu li jiġi qabel id-data li tiġi ffissata. Fuq għażla ta’ l-Istati Membri, id-data msemmija għandha tkun waħda minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ l-imsemmi Artikolu 3.

6. Skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, imsemmija fl-Artikolu 3, għall-ħlas tal-pretensjonijiet kollha li jkunu għadhom ma tħallsux fuq il-paga, skond il-każ, ta’ tliet xhur, tmintax-il xahar jew tmien ġimgħat.

7. Skond l-Artikolu 7, "[l-]Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li n-nuqqas li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji dovuti minn min iħaddem, qabel il-bidu [ta’ l]-insolvenza, lill-ist[i]tuzzjonijiet tas-sigurtà skond l-iskemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali statutorji ma jaff[e]ttwax ħażin it-titolu ta’ l-impjegati għall-benefiċċji fejn għandhom x’jaqsmu dawn l-istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni sakemm il-kontribuzzjonijiet ta’ l-impjegati jkunu tnaqqsu mill-ewwel mill-ħlas li jkun sarilhom".

8. Skond l-Artikolu 8, "[l-]Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġu mħarsa l-interessi ta’ l-impjegati u tal-persuni li jkunu ġa telqu mill-impriża jew negozju ta’ min iħaddem fid-data tal-bidu [ta’ l]-insolvenza f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew fil-ġejjieni għall-benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa’ ħaj, skond skemi supplementari tal-kumpannija jew skemi ta’ pensjoni [ welfare ] tal-kumpannija li ma jaqawx taħt l-iskemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali statutorji".

9. L-Artikolu 9 jgħid li d-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jaqblu aktar lill-impjegati.

Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

Il-garanzija tal-kontribuzzjonijiet għal skemi ta’ l-irtirar

10. Skond l-Employment Rights Act 1996 u l-Pension Schemes Act 1993 (iktar ’il quddiem il-"PSA 1993"), ir-Redundancy Payments Directorate twettaq, għan-nom tas-Secretary of State for Trade and Industry, ħlasijiet minn National Insurance Fund (iktar ’il quddiem l-"NIF") sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet ta’ dawk li qabel kienu impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom. Huwa mbagħad isir kreditur fil-proċedura kollettiva miftuħa kontra min iħaddem lill-impjegati, minflok u fil-post ta’ l-impjegati.

11. L-Artikolu 124 tal-PSA 1993 jippermetti li jitħallsu l-"kontribuzzjonijiet rilevanti" għal skema ta’ rtirar, billi jiġu ffinanzjati min-NIF, f’każ li min iħaddem u jkun insolventi jonqos milli jagħmel il-kontribuzzjonijiet neċessarji.

12. Il-"kotribuzzjonijiet rilevanti", definiti fl-Artikolu 124(2) tal-PSA 1993, huma l-kontribuzzjonijiet dovuti:

– minn min iħaddem għan-nom tiegħu, jew

– għan-nom ta’ impjegat, bil-kundizzjoni li min iħaddem ikun effettivament naqqas mis-salarju, bħala kontribuzzjoni ta’ l-impjegat, somma ekwivalenti għal dan l-ammont.

13. L-ammont ta’ kontribuzzjonijiet dovuti minn min iħaddem għan-nom tiegħu stess huwa definit fl-Artikolu 124(3) tal-PSA 1993 bħala li huwa l-inqas għoli fost is-segwenti:

– is-somma li, fid-data li fiha min iħaddem sar insolventi, kienet dovuta matul it-tnax-il xahar qabel dik id-data;

– meta l-benefiċċji ta’ l-iskemi huma kkalkulati b’referenza għall-paga ta’ l-affiljat, is-somma ċċertifikata minn attwarju kif kien neċessarju sabiex jiġu koperti l-impenji li saru fil-mument tal-likwidazzjoni għal vantaġġ ta’ l-impjegati tal-kumpannija jew għan-nom tagħhom, u

– 10 % ta’ l-ammont totali tar-remunerazzjonijiet mħallsa jew dovuti lill-impjegati matul it-tnax-il xahar qabel id-data ta’ l-insolvenza.

14. L-ammont li jista’ jkun mitlub abbażi tal-kontribuzzjonijiet mhux imħallsa għan-nom ta’ impjegat huwa definit fl-Artikolu 124(5) tal-PSA 1993 bħal li jikkorrispondi għas-somom imħallsa fuq il-paga fi tnax-il xahar qabel id-data ta’ l-insolvenza.

15. L-Artikolu 177(2)(b) tal-PSA 1993 jipprovdi li r-regolamenti introdotti mis-Secretary of State huma ffinanzjati min-NIF u l-Artikolu 127 jirregola s-surroga.

Il-Pensions Compensation Board u l-Fraud Compensation Scheme

16. L-Artikoli 81 sa 86 tal-Pensions Act 1995, kif emendati mill-Welfare Reform and Pensions Act 1999 (iktar ’il quddiem il-"PA 1995"), jipprovdu rikors għall-ħlas ta’ kumpens li jikkonċerna l-benefiċċji ta’ l-irtirar quddiem il-Pensions Compensation Board, meta min iħaddem ikun insolventi u l-assi ta’ l-iskemi jkunu mnaqqsa minħabba l-fatt ta’ reat li jimplika d-diżonestà ("dishonesty"), inkluża l-intenzjoni li jsir frodi ("defraud").

17. Sa mix-xahar ta’ Settembru 2005, din l-iskema ta’ ħlas ta’ kumpens tal-Pensions Compensation Board ġiet sostitwita, ukoll f’każ ta’ insuffiċjenza ta’ l-assi minħabba frodi, mill-Fraud Compensation Scheme, skond l-Artikoli 182 sa 189 tal-Pensions Act 2004 (iktar ’il quddiem il-"PA 2004").

Ix-xiri mill-ġdid tad-drittijiet fl-iskema ġenerali ta’ l-irtirar

18. Skond l-Artikolu 55 tal-PSA 1993, kif emendat mill-Artikolu 141 tal-PA 1995, kif ukoll mill-Occupational Pension Schemes (Contracting‑out) (Amount Required for Restoring State Scheme Rights and Miscellaneous Amendment) Regulations 1998 (SI 1998/1397), l-affiljati fi skemi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet jistgħu jistabbilixxu d-drittijiet kollha jew parti minnhom fl-iskemi ġenerali ta’ l-irtirar, meta proċedura ta’ likwidazzjoni ta’ l-iskemi ta’ affiljament bdiet l-aktar kmieni fis-6 ta’ April 1997 u li l-imsemmija skema m’għandhiex fondi suffiċjenti.

Id-detenzjoni tar-riżorsi finanzjarji ta’ l-iskema fond ta’ trust indipendenti

19. L-Artikolu 592 ta’ l-Income and Corporation Taxes Act 1988 jippermetti lil min iħaddem u lill-impjegati li jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa fuq l-ammonti rregolati mill-iskema ta’ l-irtirar meta l-assi ta’ l-iskema kienu miżmuma f’fond ta’ trust indipendenti u b’hekk indisponibbli għall-kredituri l-oħra f’każ ta’ insolvenza. Bħala regola ġenerali, l-iskemi supplementari ta’ rtirar kienu jikkonformaw ma’ dan l-obbligu minħabba tnaqqis tat-taxxa mogħti.

20. Sa mis-6 ta’ April 2006, mhux meħtieġ aktar li l-assi ta’ skema jkunu miżmuma f’fond ta’ trust indipendenti sabiex jibbenefika minn tnaqqis tat-taxxa. Madankollu, skond l-Artikolu 252(2) tal-PA 2004, li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Settembru 2005, l-iskemi ta’ rtirar għandom ikunu organizzati fil-forma ta’ fond ta’ trust indipendenti sabiex l-amministraturi jkunu jistgħu jaċċettaw il-ħlasijiet abbażi tal-finanzjament ta’ l-iskema.

Il-"Minimum Funding Requirement" (MFR) u l-kreditu kontra min iħaddem

21. Skond l-Artikolu 56 tal-PA 1995, l-iskemi ta’ rtirar tal-kumpannija, bl-eċċezzjoni ta’ wħud minnhom, għandhom jassiguraw li l-valur ta’ l-assi tagħhom ma jkunx inqas mill-ammont ta’ l-impenji tagħhom kif valutati fuq il-bażi tal-"Minimum Funding Requirement".

22. L-Artikolu 75 tal-PA 1995 u l-Occupational Pension Schemes (Deficiency on Winding Up etc.) Regulations 1996 (SI 1996/3128), kif emendati permezz ta’ l-Occupational Pension Schemes (Minimum Funding Requirement and Miscellaneous Amendments) Regulations 2002 (SI 2002/380) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-"regolamenti dwar l-insuffiċjenza ta’ l-assi"), jipprovdu li, meta skema ta’ rtirar tal-kumpannija għandha benefiċċji definiti li għaliha japplika l-imsemmi Artikolu 75 hija likwidata, jew meta min iħaddem isir insolventi skond l-artikolu ta’ l-aħħar, u jekk, fid-data rilevanti, l-assi tagħha ma jkoprux l-obbligi tagħha, l-ammon t korrispondenti għad-differenza għandu jkun trattat bħala dejn ta’ min iħaddem fir-rigward ta’ l-amministraturi ta’ din l-iskema, li jippermetti lill-amministraturi li jressqu azzjoni għall-irkupru tad-dejn.

23. Sa mis-6 ta’ April 2005, l-Artikolu 75 tal-PA 1995 ġie emendat mill-Artikolu 271 tal-PA 2004 u r-regolamenti dwar l-insuffiċjenza ta’ l-assi ġew sostitwiti mill-Occupational Pension Schemes (Employer Debt) Regulations 2005 (SI 2005/678), emendat mill-Occupational Pension Schemes (Employer Debt etc.) (Amendment) Regulations 2005 (SI 2005/2224). Madankollu, fuq il-mertu, ir-regoli preċedenti jibqgħu l-istess.

24. Minbarra dan, ċerti kontribuzzjonijiet dovuti minn min iħaddem lil skema ta’ rtirar tal-kumpannija jew lil skema legali huma krediti privileġġjati tal-kategorija 4 ta’ l-Anness 6 ta’ l-Insolvency Act 1986, b’mod partikolari:

– il-kontribuzzjonijiet tas-salarji għal skema ta’ rtirar tal-kumpannija li ttieħdu mill-paga matul l-erba’ xhur qabel id-data ta’ l-insolvenza, iżda li għadhom ma tħallsux lura lill-iskema minn min iħaddem, u

– il-kontribuzzjonijiet dovuti minn min iħaddem lil skema ta’ rtirar tal-kumpannija fil-kuntest ta’ "contracting-out" [possibbiltà li wieħed jagħżel li ma jingħaqadx ma’ l-iState Earnings Pension Scheme (SERPS), skema obbligatorja ta’ rtirar supplementari, billi wieħed jaderixxi ma’ skema tal-kumpanniji] fi tnax-il sena qabel id-data ta’ l-insolvenza, meta dawn il-kontribuzzjonijiet jiżvelaw dispożizzjonijiet relattivi għall-pensjoni minima garantita (Artikolu 8(2), tal-PSA 1993) jew għad-drittijiet protetti (Artikolu 10 tal-PSA 1993) f’din l-iskema.

Il-kawża prinċipali

25. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma persuni li qabel kienu impjegati mal-kumpannija ASW Limited, li hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, skond digriet ta’ l-24 ta’ April 2003.

26. Huma kienu affiljati fi skemi ta’ rtirar iffinanzjati minn din il-kumpannija, jiġifieri l-ASW Pension Plan u l-ASW Sheerness Steel Group Pension Fund (iktar ’il quddiem l-"iskemi ta’ rtirar").

27. Dawn l-iskemi ta’ rtirar jippreżentaw il-karatteristiċi segwenti, komuni għall-iskemi privati kollha ta’ rtirar ibbażati fuq l-aħħar salarju:

– il-benefiċċji, ikklassifikati bħala "benefiċċji bbażati fuq l-aħħar salarju", huma kkalkulati fuq il-bażi ta’ rata ta’ akkwist tad-drittijiet għal pensjoni kif ukoll fuq l-aħħar salarju u l-perijodu ta’ impjieg fil-kumpannija ta’ kull affiljat;

– l-affiljati jħallsu kontribuzzjoni korrispondenti għal perċentwali tal-paga tagħhom u min iħaddem huwa marbut li jikkontribwixxi għar-rata neċessarja li tippermetti li jinżammu u jiġu pprovduti l-benefiċċji, l-iskemi jkunu b’hekk kwalifikati bħala skemi ta’ "bilanċ ta’ l-ispejjeż";

– il-kumpannija li tħaddem, li tiffinanzja dan, hija ġġustifikata li tinnotifika li ser twaqqaf il-kontribuzzjonijiet u li ser tibda tillikwida l-iskemi;

– sa mill-mument li fih tibda l-likwidazzjoni ta’ l-iskemi ta’ rtirar, tinbeda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 75 tal-PA 1995, li jirrigwarda debitu legali tal-kumpannnija fir-rigward ta’ l-imsemmija skemi.

28. L-iskemi ta’ rtirar temmew f’Lulju 2002 u huma fi stadju ta’ likwidazzjoni. L-amministraturi tagħhom għandhom għalhekk jagħmlu użu mill-assi ta’ dawn l-iskemi sabiex jassiguraw is-servizz tal-benefiċċji lil affiljati abbażi ta’ ċerti kategoriji prijoritarji definiti mir-regoli li jirregolaw l-iskemi ta’ rtirar, kif emendati mil-liġi. L-assi ta’ l-iskemi huma użati bħala prijorità sabiex jassiguraw is-servizz tal-benefiċċji dovuti lil dawk ta’ l-affiljati li diġà kienu jirċievu pensjoni fid-data fejn l-iskemi ġew illikwidati, b’hekk, sakemm jibqa’ xi assi, sabiex jiġi assigurat li jiġu pprovduti l-benefiċċji dovuti lill-affiljati li kienu għadhom ma rċevewx pensjoni fid-data li fiha l-iskemi ta’ rtirar ġew illikwidati.

29. Skond l-evalwazzjonijiet l-aktar riċenti mwettqa mill-attwarji ta’ l-iskemi ta’ rtirar, l-assi mhumiex biżżejjed sabiex ikopru l-benefiċċji kollha dovuti lill-affiljati kollha, u konsegwentement, il-benefiċċji ta’ dawk li ma rtirawx ikunu mnaqqsa.

30. Peress li qiesu li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit ma tipprovdilhomx il-livell ta’ protezzjoni stabbilit fl-Artikolu 8 tad-direttiva, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kontra l-Gvern tar-Renju Unit, speċifikament kontra s-Secretary of State for Work and Pensions, kawża għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu subit.

31. Il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"(1) L-Artikolu 8 tad-Direttiva [...] għandu jiġi interpretat fis-sens bħala li jeħtieġ lill-Istati Membri li jassiguraw ruħhom, permezz tal-mezzi kollha neċessarji, li d-drittijiet kweżiti mill-impjegati abbażi ta’ l-iskemi supplementari tal-kumpannija jew bejn il-kumpanniji bbażati fuq l-aħħar salarju jkunu kompletament iffinanzjati mill-Istati Membri f’każ ta’ insolvenza ta’ persuna privata li tħaddem lill-impjegati u meta r-riżorsi finanzjarji ta’ l-iskemi mhumiex suffiċjenti sabiex ikopru dawn il-benefiċċji?

(2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 8 huma suffiċjentement trasposti f’leġiżlazzjoni bħal dik fis-seħħ fir-Renju Unti, deskritta iktar ’il fuq?

(3) Fis-sitwazzjoni fejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tar-Renju Unit ma jkunux konformi ma’ l-Artikolu 8, xi kriterju jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tapplika sabiex tiddetermina jekk in-nuqqas fir-rigward tad-dritt Komunitarju li jirriżulta huwiex suffiċjentement serju sabiex iġib miegħu obbligu ta’ kumpens? B’mod partikolari, sempliċi nuqqas huwa suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju jew hemm bżonn li l-Istat Membru jkun injora, b’mod ċar u serju, il-limiti tal-poter leġiżlattiv tiegħu, jew jeħtieġ li jiġi applikat kriterju ieħor u, jekk iva, liema?"

Fuq l-ewwel domanda

32. Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva għandux ikun interpretat fis-sens li, f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem u ta’ insuffiċjenza tar-riżorsi ta’ l-iskemi supplementari ta’ welfare tal-kumpannija jew bejn il-kumpanniji, il-finanzjament tad-drittijiet kweżiti għal benefiċċji tax-xjuħija għandu, minn naħa, jkun assigurat mill-Istati Membri stess, u, min-naħa l-oħra, għandu jkun sħiħ.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

33. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-istruttura tad-Direttiva u l-kliem ta’ l-Artikolu 8 tagħha jimponu fuq l-Istati Membri obbligu li jikseb riżultat. F’każ ta’ bżonn, id-drittijiet kweżiti b’hekk ikollhom ikunu ffinanzjati kollha kemm huma minn dawn.

34. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju ta’ l-Olanda u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jikkunsidraw li l-Artikolu 8 tad-Direttiva ma jeħtieġx li l-Istati Membri jiggarantixxu t-totalità tad-drittijiet kweżiti ta’ l-impjegati. Dan jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

35. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kliem ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva, safejn jistabbilixxi, b’mod ġenerali, li l-Istati Membri "għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa", ma jimponix obbligu fuq dawn l-Istati sabiex huma stess jiffinanzjaw id-drittijiet għall-benefiċċji, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi implementata skond id-Direttiva.

36. Il-kliem użat iħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-mekkaniżmu li għandu jiġi adottat għall-finijiet ta’ din il-protezzjoni.

37. B’hekk, Stat Membru jista’ jipprovdi għal, per eżempju, obbligu ta’ assigurazzjoni min-naħa ta’ min iħaddem jew għat-twaqqif ta’ istituzzjoni ta’ garanzija li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ finanzjament, minflok għal finanzjament mill-awtoritajiet.

38. Fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni meħtieġ mid-Direttiva, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-ewwel premessa tagħha, il-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom għandhom jittieħdu "tenut kont tal-ħtieġa għall-iżvilupp bilanċjat ekonomiku u soċjali fil-Komunità".

39. Id-direttiva għandha l-għan ukoll li tirrikkonċilja l-interessi ta’ l-impjegati u l-ħtiġijiet ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali bilanċjat.

40. Hija għandha l-għan li tassigura lill-impjegati livell minimu Komunitarju ta’ protezzjoni f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem (sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et , C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 3), mingħajr ħsara, skond l-Artikolu 9 tagħha, għad-dispożizzjonijiet aktar favorevoli li l-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jintroduċu.

41. Il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ mid-Direttiva għal kull garanzija speċifika li hija tistabbilixxi għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-kliem użat fid-dispożizzjoni korrispondenti, interpretata, jekk ikun hemm bżonn, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

42. Għal dak li jikkonċerna l-garanzija tad-drittijiet għall-benefiċċji tax-xjuħija abbażi ta’ l-iskemi supplementari ta’ welfare , l-Artikolu 8 tad-Direttiva m’għandux ikun interpretat bħala li jeżiġi garanzija kompluta tad-drittijiet in kwistjoni.

43. Ċertament, bħall-Artikolu 7 tad-Direttiva, dwar l-iskemi legali nazzjonali tas-sigurtà soċjali, u kuntrarjament għall-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-Direttiva, dwar il-krediti ta’ remunerazzjoni mhux imħallsa, l-imsemmi Artikolu 8 ma jipprovdix espressament għażla lill-Istati Membri li jillimitaw il-livell ta’ protezzjoni.

44. Madankollu, in-nuqqas ta’ indikazzjoni espliċita f’dan is-sens ma jimplikax fih innifsu, indipendentement mill-kliem tad-dispożizzjoni kkonċernata, intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jeħtieġ obbligu li tiġi ggarantita t-totalità tad-drittijiet għall-benefiċċji.

45. Madankollu, f’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, kif jillimita u jippreskrivi, f’termini ġenerali, l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jiġu "protetti l-interessi" tal-persuni kkonċernati, l-Artikolu 8 tad-Direttiva jikkonferixxi lill-Istai Membri, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, li jeskludi obbligu ta’ garanzija kompluta.

46. Għalhekk, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem u ta’ insuffiċjenza tar-riżorsi ta’ skemi supplementari ta’ welfare tal-kumpannija jew bejn il-kumpanniji, il-finanzjament tad-drittijiet kweżiti għall-benefiċċji tax-xjuħija m’għandux ikun assigurat b’mod obbligatorju mill-Istati Membri stess u lanqas għandu jkun sħiħ.

Fuq it-tieni domanda

47. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprojbixxix sistema ta’ protezzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

48. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li s-sistema nazzjonali in kwistjoni tista’ twassal, fl-applikazzjoni tagħha, għal tnaqqis ta’ 80 % tad-drittijiet għall-benefiċċji. Sistema bħal din iċċaħħad lill-Artikolu 8 tad-Direttiva minn kull portata prattika. Id-dispożizzjonijiet adottati ma jiggarantixxux traspożizzjoni suffiċjenti tad-Direttiva.

49. Ir-Renju Unit iqis li l-aspetti differenti tas-sistema in kwistjoni fil-kawża prinċipali, deskritti fil-punti 10 sa 24 ta’ din is-sentenza, huma suffiċjenti sabiex jiġi ggarantit il-livell minimu ta’ protezzjoni meħtieġ mill-Artikolu 8 tad-Direttiva.

50. Huwa jżid jgħid li skema ta’ assistenza finanzjarja, il-Financial Assistance Scheme (iktar ’il quddiem il-"FAS"), ġiet stabbilita, sa mill-1 ta’ Settembru 2005, skond l-Artikolu 286 tal-PA 2004 u tal-Financial Assistance Scheme Regulations 2005 (SI 2005/1986). Din l-iskema tagħti għajnuna lil ċerti affiljati fl-iskemi ta’ rtirar f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem. Hija tkun applikabbli għall-iskemi tal-kumpannija ta’ l-irtirar li għalihom infetħet proċedura ta’ likwidazzjoni bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-5 ta’ April 2005. Il-benefiċċji ta’ l-irtirar jiġu supplementati sa madwar 80 % ta’ l-irtirar previst.

51. L-Irlanda u r-Renju ta’ l-Olanda jikkunsidraw ukoll li dispożizzjonijiet bħal dawk adottati mir-Renju Unit jammontaw għal traspożizzjoni adegwata tad-Direttiva.

52. Il-Kummissjoni tiżvela, għal dak li jikkonċerna r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li s-sistema eżistenti ma impedixxietx id-drittijiet tagħhom milli jsofru preġudizzju sostanzjali. Huwa diffiċli li din is-sitwazzjoni tiġi rrikonċiljata ma’ l-għan previst mill-Artikolu 8 tad-Direttiva.

53. Ikun diffiċli li jiġi stabbilit bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni li timponi dik id-dispożizzjoni. Madankollu, il-livell ta’ protezzjoni li jibbenefikaw minnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jkunx suffiċjenti.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

54. Skond informazzjoni mhux ikkontestata li tinsab fil-proċess, tnejn mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċevew biss 20 u 49 % rispettivament tal-benefiċċji li setgħu jistennew.

55. Fin-nuqqas ta’ obbligu ta’ garanzija kompluta tad-drittijiet għal benefiċċji, jeħtieġ li jipprova jintlaħaq il-livell minimu ta’ protezzjoni meħtieġ mid-Direttiva.

56. Madankollu, jeħtieġ li jingħad li, kuntrarjament għall-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva, fejn it-termini jippermettu, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri, li jiġu stabbiliti l-garanziji minimi imposti għal dak li jikkonċerna l-krediti tar-remunerazzjoni mhux imħallsa (ara s-sentenza Francovich et , iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 sa 20), la l-Artikolu 8 tad-Direttiva u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tagħha ma fiha elementi li jippermettu li jiġi stabbilit bi preċiżjoni l-livell minimu meħtieġ għall-protezzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji abbażi ta’ skemi supplementari ta’ welfare .

57. Fid-dawl ta’ l-espressjoni tal-volontà tal-leġiżlatur Komunitarju, madankollu jrid jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern suġġetti li jwasslu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għal garanzija tal-benefiċċji limitati għal 20 jew 49 % tad-drittijiet li seta’ jistenna impjegat, jiġifieri għal inqas min-nofs ta’ dawn id-drittijiet, ma setgħux ikunu kkunsidrati bħala li jirrispondu għad-definizzjoni tal-frażi "mħarsa" użata fl-Artikolu 8 tad-direttiva.

58. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li, fl-2004, skond ċifri mhux ikkontestati, ikkomunikati mir-Renju Unit lill-Kummissjoni:

– madwar 65 000 affiljat fi skemi ta’ rtirar sofrew telf ta’ aktar minn 20% meta mqabbel mal-benefiċċji mistennija;

– madwar 35 000 minnhom, jiġifieri kważi 54% minnhom, sofrew telf li jaqbeż 50 % ta’ l-imsemmija benefiċċji.

59. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li sistema bħal dik implementata mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma tiggarantixxix il-protezzjoni prevista mid-Direttiva u ma twettaqx traspożizzjoni korretta ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

60. Din il-konklużjoni mhijiex imqegħda fid-dubju mit-twaqqif ta’ skema bħall-FAS, sa mill-1 ta’ Settembru 2005, għalkemm din l-iskema hija applikabbli għall-proċeduri ta’ likwidazzjoni miftuħa bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-5 ta’ April 2005.

61. Fil-fatt, mill-informazzjoni mhux ikkontestata li tinsab fil-proċess jirriżulta li l-FAS:

– ma tkoprix l-affiljati ta’ l-iskema li fl-14 ta’ Mejju 2004 kien ilhom aktar minn tliet snin li rtiraw;

– jibbenefikaw biss minnha madwar 11 000 mill-85 000 affiljat mhux irtirati ta’ l-iskemi kkonċernati, jiġifieri ta’ l-inqas 13 % tagħhom kollha.

62. Għalhekk, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprojbixxi sistema ta’ protezzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq it-tielet domanda

63. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk f’każ ta’ traspożizzjoni inkorretta ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat huwiex responsabbli minħabba l-fatt biss ta’ dan il-ksur tad-dritt Komunitarju, jew inkella din ir-responsabbiltà hijiex suġġetta għal konstatazzjoni li mill-imsemmi Stat injora, b’mod ċar u serju, il-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

64. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju ma jissupponix li Stat Membru jkun injora, b’mod ċar u serju, il-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu, skond is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 55), ħlief jekk l-Istat Membru jkun jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

65. Huma jsostnu li, f’din il-kawża, l-Artikolu 8 tad-Direttiva impona fuq l-Istat Membru obbligu ċar tar-riżultat. Ir-Renju Unit b’hekk ma kellux setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

66. Huma pproponew li jiġi applikat il-prinċipju, imsemmi fis-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C-5/94, Ġabra p. I-2553, punt 28), 8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et (C-178/94, C-179/94 u C-188/94 sa C-190/94, Ġabra p. I‑4845, punt 25), u t-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark (C‑150/99, Ġabra p. I-493, punt 40), li jistabbilixxi li, fil-każ li l-Istat Membru in kwistjoni ma kienx iffaċċjat b’żewġ għażliet leġiżlattivi u kellu marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti, il-ksur tad-dritt Komunitarju biss jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

67. B’hekk, huma jikkunsidraw li nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva jammonta għal ksur suffiċjentement serju sabiex l-Istat Membru jinżamm responsabbli.

68. Ir-Renju Unit, l-Irlanda u l-Kummissjoni jsostnu li r-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru hija suġġetta għall-kundizzjoni, stabbilita fis-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, li l-imsemmi Stat Membru jinjora, b’mod ċar u serju, il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Din il-kundizzjoni mhijiex sodisfatta fil-kawża prinċipali.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

69. Skond ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Brasserie du pêcheur u Factortame, punt 51, u Hedley Lomas, punt 25; sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C‑424/97, Ġabra p. I‑5123, punt 36, u ta’ l-4 ta’ Diċembru 2003, Evans, C‑63/01, Ġabra p. I-14447, punt 83), ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt Komunitarju tissupponi li:

– l-liġi li tiġi miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi;

– il-ksur ikun suffiċjentement serju;

– teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur ta’ l-obbligu impost fuq l-Istat u d-dannu subit mill-persuni leżi.

70. Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju, din timplika li l-Istat Membru jinjora, b’mod ċar u serju, il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu, peress li l-elementi li jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni tal-liġi li tiġi miksura kif ukoll il-livell tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-liġi li tkun ġiet miksura tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali (sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 56).

71. Madankollu, fil-każ li l-Istat Membru ma kienx ikkonfrontat b’għażliet leġiżlattivi u kellu marġni ta’ dikrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur għad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenza Hedley Lomas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

72. B’hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-Istat Membru jammonta għal kriterju importanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju.

73. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jiddependi fil-parti l-kbira mil-livell ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni tal-liġi li tkun ġiet miksura.

74. Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 8 tad-Direttiva, jirriżulta mill-eżami ta’ l-ewwel domanda li, minħabba l-ġeneralità tal-kliem tiegħu, dan jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji.

75. Konsegwentement, ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru minħabba traspożizzjoni inkorretta ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-konstatazzjoni li dan l-Istat ikun injora, b’mod ċar u serju, il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

76. Sabiex jiġi stabbilit jekk dik il-kundizzjoni tkunx sodisfatta, l-Imħallef nazzjonali li jkun qed jittratta talba għal ħlas ta’ kumpens għandu jikkunsidra l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiemu (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 54).

77. Fost dawn l-elementi, jidhru, b’mod partikolari, il-livell ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni tal-liġi li tkun ġiet miksura u l-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-liġi miksura tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali, in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas imwettaq jew tad-dannu kkawżat, il-karattru skużabbli jew mhux skużabbli ta’ żball dwar il-liġi li jista’ jkun hemm, il-fatt li l-pożizzjonijiet ta’ istituzzjoni Komunitarja setgħu jikkontribwixxu għall-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ ta’ prattika nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Brasserie du pêcheur u Factortame, punt 56, u Köbler, punt 55).

78. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-livell ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni meħtieġa.

79. F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li la l-partijiet fil-kawża prinċipali, la l-Istati Membri li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, u lanqas il-Kummissjoni ma kienu f’pożizzjoni li jissuġġerixxu preċiżament il-livell minimu ta’ protezzjoni li fil-fehma tagħhom huwa meħtieġ mid-direttiva fil-każ li jiġi kkunsidrat li din ma timponix garanzija kompluta.

80. Minbarra dan, kif ġie kkostatat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, la l-Artikolu 8 tad-Direttiva u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tagħha ma fihom elementi li jippermettu li jiġi stabbilit, bi preċiżjoni, il-livell minimu meħtieġ għall-protezzjoni tad-dritt għall-benefiċċji.

81. Il-qorti tar-rinviju tista’ wkoll tieħu in kunsiderazzjoni r-Rapport COM(95) 164 finali tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Ġunju 1995 (li għadu ma ġiex ippublikat fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ), dwar it-traspożizzjoni tad-direttiva mill-Istati Membri, li ġie invokat fl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja u li fih il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li (p. 52): "Ir-regoli differenti [adottati mir-Renju Unit] jidhru li jissodisfaw il-ħtiġijiet previsti fl-Artikolu 8 [tad-Direttiva] ". Fil-fatt, hekk kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tagħha, formulazzjoni bħal din setgħet, minkejja l-prudenza tagħha, tikkonferma lill-Istat Membru kkonċernat fil-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttiva. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

82. Għalhekk, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li, f’każ ta’ traspożizzjoni inkorretta ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva, ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru kkonċernat hija suġġetta għall-konstatazzjoni tal-fatt li l-imsemmi Stat, injora, b’mod ċar u serju, il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

Fuq it-talba li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien

83. Ir-Renju Unit u l-Irlanda talbu li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni tad-Direttiva li tkun favorevoli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija għandha tillimita l-effetti fiż-żmien tas-sentenza tagħha għal dawk il-proċeduri biss li nbdew qabel id-data li fiha tagħti s-sentenza tagħha.

84. Fid-dawl tar-risposti mogħtija għat-tliet domandi magħmula, m’hemmx lok li talba bħal din tiġi milqugħa.

Fuq l-ispejjeż

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1) L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni [ta’ l]-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, għandu jiġi interpretat f’dan is-sens li, f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem u ta’ insuffiċjenza tar-riżorsi ta’ skemi supplementari ta’ welfare tal-kumpannija jew bejn il-kumpanniji, il-finanzjament tad-drittijiet kweżiti għall-benefiċċji tax-xjuħija m’għandux ikun assigurat b’mod obbligatorju mill-Istati Membri stess u lanqas għandu jkun sħiħ.

2) L-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987 jipprojbixxi sistema ta’ protezzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

3) F’każ ta’ traspożizzjoni inkorretta ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987, ir-responsabbiltà ta’ l-istat Membru kkonċernat hija suġġetta għall-konstatazzjoni tal-fatt li l-imsemmi Stat, injora, b’mod ċar u serju, il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

Fuq