EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0208

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-27 ta' Settembru 2007.
Medion AG (C-208/06) vs Hauptzollamt Duisburg u Canon Deutschland GmbH (C-209/06) vs Hauptzollamt Krefeld.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Tariffa doganali komuni - Klassifikazzjoni tat-tariffi - Nomenklatura Magħquda - Kamkorders.
Każijiet Magħquda C-208/06 u C-209/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-07963

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:553

Kawżi magħquda C-208/06 u C-209/06

Medion AG

vs

Hauptzollamt Duisburg

u

Canon Deutschland GmbH

vs

Hauptzollamt Krefeld

(talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Finanzgericht Düsseldorf)

“Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tat-tariffi — Nomenklatura Magħquda — Kamkorders”

Sommarju tas-sentenza

Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Kamkorders li għandhom funzjoni DV-in li tista’ tiġi attivata wara l-iżdoganament


Kamkorder ma jistax jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 40 99 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Dognali Komuni, jekk il-funzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ l-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera u l-mikrofonu integrati (funzjoni DV-in) tiġi attivata fil-mument ta’ l-iżdoganar, jew jekk, anki meta l-manifattur ma kellux l-intenzjoni jindika mill-bidu din il-karatteristika, din il-funzjoni tista’ tiġi faċilment attivata sussegwentement permezz ta’ manipulazzjoni ta’ l-apparat minn utilizzatur li m’għandux kompetenzi partikolari, mingħajr ma jkun hemm modifika materjali tal-kamkorder. Fil-każ ta’ attivazzjoni sussegwenti, huwa wkoll neċessarju, minn naħa, li ladarba l-funzjoni tiġi attivata, il-kamkorder ikollu l-istess funzjoni bħal kamkorder li l-funzjoni tiegħu tar-reġistrazzjoni ta’ l-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera jew il-mikrofonu integrati tkun attivata fil-mument ta’ l-iżdoganar u, min-naħa l-oħra, li jkollu funzjoni awtonoma. L-eżistenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi vverifikata fil-mument ta’ l-iżdoganar. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfati. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, dan il-kamkorder għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 40 91 tan-Nomenklatura Magħquda.

(ara l-punti 35, 44 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Settembru 2007(*)

“Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tat-tariffi – Nomenklatura Magħquda – Kamkorders”

Fil-kawżi magħquda C-208/06 u C-209/06,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjonijiet ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2006, fil-proċeduri

Medion AG (C-208/06)

vs

Hauptzollamt Duisburg,

u

Canon Deutschland GmbH (C-209/06)

vs

Hauptzollamt Krefeld,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J.N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2007,

wara li rat l-osservazzjonijijet ippreżentati:

–        għal Medion AG u Canon Deutschland GmbH, minn H. Nehm, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbaur, Rechtsanwalt,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi tan-Nomenklatura Magħquda 8525 40 91 u 8525 40 09 li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, p 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2263/2000 tat-13 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 264, p 1), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001 tas-6 ta’ Awwissu 2001 (ĠU L 279, p. 1) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003 tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU L 281, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Medion AG (iktar ’il quddiem “Medion”) u l-Hauptzollamt Duisburg u, min-naħa l-oħra, Canon Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Canon”) u l-Hauptollamt Krefeld dwar il-klassifikazzjoni fin-NM ta’ kamkorders li dawn iż-żewġ kumpanniji importaw fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

3        In-NM, imwaqqfa bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), magħmula mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqfa b’Konvenzjoni Internazzjonali fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1). Hija adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifri biss jiffurmaw is-subintestaturi proprji tagħha.

4        It-tieni parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XVI, li tinkludi l-Kapitolu 85, intitolata “Makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċ tiegħu; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

5        L-intestatatura 8525 40, intitolata “Apparat ta’ kamerasvidjo immaġni fissa u kamerasvidjo; kameras diġitali”, tinkludi s-subintestatura 8525 40 91, intitolata “kamokorders oħrajn: li jippermettu r-rikordju tal-ħoss u ta’ l-immaġni meħuda minn kamera televiżiva” u mis-subintestatura 8525 40 99, intitolata “Kamkorders oħrajn: oħrajn”.

6        Għandu jiġi ppreċiżat li t-terminoloġija tas-subintestaturi 8525 40 91 u 8525 40 99 hija identika għal dik tar-Regolamenti Nru 2263/2000, Nru 2031/2001 u Nru 1789/2003.

7        Il-kamkorders ikklassifikati fis-subintestatura 8525 40 91 huma suġġetti għal dazju doganali ta’ 4,9 % filwaqt li, għal dawk li jaqgħu taħt is-subintestatura 8525 40 99, id-dazju jilħaq ir-rata ta’ 14 %.

8        Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jidhru fl-Ewwel Parti, Taqsima I, A, ta’ dan l-Anness, jipprovdu, b’mod partikolari:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

[...]

2.      a)     Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[…]”

9        Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tippubblika perjodikament, fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2658/87, “Noti ta’ spjega tan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-klassifikazzjoni” (iktar ’il quddiem “noti ta’ spjega”). Dawn in-noti ta’ spjega dwar ir-Regolament Nru 2263/2000 (ĠU 2000, C199, p. 1) li japplikaw, parzjalment, fil-kawża C-209/06, jippreċiżaw, fit-titolu tas-subintestatura 8525 40 99:

“oħrajn

Jaqgħu taħt is-subintestatura preżenti l-apparat, magħruf bħala 'kamkorders', li jikkonsisti f’vidjokamera u apparat ta’ reġistrazzjoni jew jew ta’ riproduzzjoni vidjofonika li jippermettu r-reġistrazzjoni mhux biss ta’ l-istampi meħuda mill-kamera imma wkoll tal-programmi televiżivi. L-istampi rreġistrati jistgħu jiġu riprodotti minn riċevitur tat-televixin estern.

Min-naħa l-oħra, il-kamkorders jistgħu biss jirreġistraw immaġni meħuda mill-vidjokamera u jirripproduċuhom permezz ta’ riċevitur tat-televixin estern li jaqa' taħt is-subintestatura 8525 40 91.”

10      In-noti ta’ spjega ġew emendati wara Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Lulju 2001 (ĠU C 190, p.10). Għas-subintestatura 8525 40 99, intużat it-terminoloġija anterjuri u ġie miżjud l-inċiż segwenti:

“Jaqgħu wkoll taħt din l-istestatura l-'kamkorders' li għalihom ir-reġistrazzjoni vidjo hija ostakolata minn ċipp jew minn kwalunkwe metodu ieħor jew li għalih l-interface vidjo jista’ jiġi attivat wara l-użu ta’ softwer, dan l-apparat kien maħsub għar-reġistrazzjoni ta’ programmi mxandra fuq it-televixin jew ta’ sinjali vidjofoniċi esterni oħra.”

11      Il-formulazzjoni tan-noti tas-spjega baqgħet l-istess wara r-Regolamenti Nru 2031/2001 u Nru 1789/2003.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Informazzjoni fattwali li hija komuni għaż-żewġ kawżi

12      Medion u Canon importaw kamkorders diġitali mgħammra b’'interface IEEE 1394', li jippermetti t-trasferiment ta’ data diġitali. Dawn l-apparati huma mgħammra b’lista ta’ għażliet magħmula minn serje ta’ buttuni ta’ funzjoni u minn skrin żgħir tal-kulur 'LCD'.

13      Mid-deskrizzjonijiet ta’ dawn il-prodotti u mill-manwal ta’ l-użu tagħhom jirriżulta li x-xerrej għandu għażla bejn li jara r-reġistrazzjonijiet vidjo bis-saħħa ta’ l-iskrin bil-kulur 'LCD', jew li jittrasferihom, permezz ta’ fili adegwati, f’apparat ieħor, per eżempju, televiżjonijiet, li joffru stampa ikbar u li huma ta’ kwalità ifjen. Din il-funzjoni hija magħrufa bħala 'DV-out'.

14      Ċerti tipi ta’ kamkorders oħra għandhom il-possibbiltà li jirċievu data minn apparat ieħor, u għalhekk f’dan is-sens, il-kamkorders huma użati bħala vidjorekorders sabiex jiġu rreġistrati sekwenzi diġitali provenjenti minn kompjuter, per eżempju, muntaġġ. Din il-funzjoni, magħrufa bħala ‘DV-in’ ma ġietx invokata minn Medion u Canon fil-kawża prinċipali waqt l-importazzjoni tal-kamkorders.

15      Minbarra dan, la l-manifatturi tal-kamkorders imsemmija u lanqas Medion u Canon ma pproponew, fid-deskrizzjoni tal-kamkorders jew fil-manwal ta’ l-użu, li jattivaw sussegwentement il-funzjoni DV-in jew li jippermettu lil terzi li jattivawha. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ kumpanniji importaw fl-istess perijodu kamkorders li fir-rigward tagħhom ġie ppreċiżat b’mod ċar li kellhom il-funzjoni DV-in.

 Kawża C-208/06

16      Fi Frar 2004, Medion talbet lill-Uffiċċju kompetenti tad-Dwana ta’ Essen-Stadthafen (il-Ġermanja), fid-dawl taċ-ċirkulazzjoni libera, l-iżdoganar ta’ kamkorder diġitali tat-tip MD 9069 billi tiddikjara li jaqa' taħt is-subintestatatura 8525 40 91 tan-NM. L-imsemmi uffiċċju kklassifika l-kamkorder bħala prodott li jaqa' taħt is-subintestatura 8525 40 99 tan-NM.

17      Fl-appell tagħha mressaq quddiem il-Finanzgericht Düsseldort, Medion sostniet, essenzjalment, li fil-waqt importanti ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, il-kamkorder in kwistjoni ma setax jissodisfa l-funzjoni DV-in. Hija ppreċiżat ukoll li l-manifattur tal-kamkorder kien indikalha li l-apparat seta’ biss ikollu l-funzjoni DV-in permezz ta’ riprogrammazzjoni tal-'memorja read-only programmabbli u li tista’ titħassar', li jirrikjedi apparat ġdid, jiġifieri bdil tal-kompjuter bord minn inġinier ikkwalifikat. Barra minn hekk, Medion sostniet li hija kienet irċeviet informazzjoni fuq tariffa li torbot maħruġa mill-Uffiċċju tad-Dwana Olandiż li kien ikklassifika l-istess kamkorders taħt is-subintestatura 8525 40 91 tan-NM.

18      Il-Finanzgericht Düsseldorf appunta perit dwar il-kwistjoni sabiex jiġi magħruf, jekk ikun il-każ, jekk il-kamkorder jistax, mingħajr ma ssir modifika materjali, jintuża b’tali mod li jkun kapaċi jirreġistra immaġni li jkunu ttieħdu minn apparat estern.

19      Wara li ġiet ippreżentata l-perizja, il-qorti tar-rinviju ttrattat il-klassifikazzjoni tal-kamkorders in kwistjoni. Hija kkonstatat li fil-mument tad-debitu doganali, l-imsemmi kamkorder ma kellux il-karatteristiċi rilevanti għall-klassifikazzjoni, imma kisibhom jew seta’ biss jiksibhom sussegwentement, billi jiġi ssettjat.

20      Hija sostniet ukoll li l-kwistjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ prodotti li huma nieqsa minn ċerti karatteristiċi fil-mument ta’ l-iżdoganar, imma li jiksbuhom sussegwentement billi jiġu ssettjati, ma ssibx risposta uniformi fl-ordinament ġuridiku Komunitarju. Dwar dan il-punt, hija tinvoka t-tariffi doganali vinkolanti Olandiżi, li kienu invokati minn Medion, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ konċiljazzjoni u ta’ perizja Franċiża tas-7 ta’ Ottubru 2003. Konsegwentement, din il-qorti ttrattat l-influwenza li għandu l-issettjar sussegwenti fuq il-klassifikazzjoni tal-prodotti.

21      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Düsseldorf iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Kamkorder, li fil-mument ta’ l-importazzjoni, mhuwiex kapaċi jirreġistra sinjali vidjofoniċi esterni, għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 40 99 meta huwa possibbli li l-vidjosokit jintuża sussegwentement bħala ċirkuwitu vidjo billi jintużaw ċerti buttuni ta’ funzjoni, anke jekk il-manifattur u l-bejjiegħ ma jirreferux għal din il-possibbiltà u ma jsostnuhiex?”

 Kawża C-209/06

22      Fil-perijodu bejn ix-xahar ta’ Lulju 2001 sax-xahar ta’ Frar 2002, Canon iċċirkulat liberament il-mudelli kamkorders MV 400, MV 425 u MV 3 MC. Hija ddikjarat li dawn il-kamkorders jaqgħu taħt is-subintestatura 8525 40 91 tan-NM. Waqt li saret verifika, l-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Krefeld (il-Germanja) wasal għall-konklużjoni li dawn il-kamkorders kellhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8525 40 99 tan-NM. Tressaq appell kontra l-Finanzgericht Düsseldorf.

23      In sostenn tar-rikors tagħha, Canon enfasizzat id-differenza bejn il-mudelli ta’ kamkorders li hija timporta u li għandhom jew m’għandhomx il-funzjoni DV-in u sostniet, li fir-rigward tal-kamkorders in kwistjoni, din il-funzjoni tista’ tiġi attivata biss permezz ta’ modifika tal-materjal. Canon sostniet ukoll li jekk il-klassifikazzjoni fis-subintestatura 8525 40 99 setgħet tissussisti meta l-funzjoni DV-in hija attivata wara l-iżdoganar, din tmur kontra l-prinċipju fundamentali li huwa essenzjali għall-klassifikazzjoni doganali. Il-fatt li l-klassifikazzjoni ssir abbażi ta’ attivazzjoni li sseħħ wara l-iżdoganar twassal għall-inċertezza fir-rigward ta’ l-eżistenza nnifisha ta’ din l-attivazzjoni u għalhekk dwar il-klassifikazzjoni tal-prodotti.

24       Il-qorti tar-rinviju ordnat li ssir perizja identika għal dik imwettqa fil-kawża li kkonċernat lil Medion.

25      Wara l-perizja, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Kamkorder, li fil-mument ta’ l-importazzjoni, mhuwiex kapaċi jirreġistra sinjali vidjofoniċi esterni, għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 40 99 meta huwa possibbli li l-vidjosokit jintuża sussegwentement bħala ċirkuwitu vidjo billi jintużaw ċerti buttuni ta’ funzjoni, anke jekk il-manifattur u l-bejjiegħ ma jirreferux għal din il-possibbiltà u ma jsostnuhiex?”

26      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2006, il-kawżi C-208/06 u C-209/06 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27      Skond Medion u Canon, ir-risposta li għandha tingħata lid-domandi preliminari għandha tkun fin-negattiv. Huma jinvokaw numru ta’ raġunijiet in sostenn tal-fatt li l-kamkorders in kwistjoni għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8525 40 91 u mhux fis-subintestatura 8525 40 99.

28      Huma jsostnu preliminarjament li, fil-mument ta’ l-iżdoganar, ebda minn dawn il-kamkorders ma kienu kapaċi jirreġistraw sinjali vidjofoniċi esterni. Canon hija tal-fehma li tista’ biss tiġi kkunsidrata bħala karatteristika oġġettiva tal-materjal dik il-funzjoni tas-softwer li kienet funzjonali fil-mument ta’ l-iżdoganar.

29      Medion u Canon isostnu wkoll li kull modifika, inkluża l-manipulazzjoni tal-kodiċi u tal-parametri tas-softwer li jikkontrollaw il-funzjoni DV, li ssir mingħajr ma jkun jaf il-manifattur, għaldaqstant, tikkostitwixxi għal dawn iż-żewġ kumpanniji, ksur tad-drittijet tal-proprjetà industrijali tagħhom.

30      Fl-aħħar nett, Medion u Canon ippreċiżaw li l-perit imqabbad mill-qorti tar-rinviju kellu jagħmel sforz partikolari sabiex jattiva l-funzjoni DV-in. Waqt is-seduta, huma qalu wkoll li wara l-attivazzjoni ta’ din il-funzjoni, il-kamkorders in kwistjoni ma setgħux jiffunzjonaw bħala vidjokamera ħlief safejn dawn ikunu mqabbda ma’ kompjuter personali u mhux b’mod awtonomu.

31      Il-Gvern Franċiż iqis li l-kamkorders in kwistjoni għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8525 40 99. Il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti ma jistgħux jirriduċu ruħhom għall-funzjonijiet biss ta’ dawn il-prodotti li jiffunzjonaw f’mument partikolari, imma li jirkupraw il-funzjonijiet potenzjali kollha tal-prodotti msemmija. Għalhekk, anki jekk din hija diżattivata, funzjoni bħal dik ta’ DV-in għandha titqies li hija karatteristika u proprjetà oġġettiva ta’ dawn il-kamkorders, safejn huwa possibli li din tiġi attivata mingħajr ma ssir modifika tal-materjal.

32      Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li l-kamkorders imsemmija jaqgħu taħt il-kategorija “oħrajn” fis-sens tas-subintestatura 8525 40 99. Skond din, il-klassifikazzjoni fin-NM tiddependi mill-funzjonijiet li għandhom il-kamkorders waqt l-importazzjoni, jiġifieri, funzjonijiet potenzjali li huma jħaddnu oġġettivament f’dak il-waqt.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

33      Mill-formulazzjoni tad-domandi, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, essenzjalment, qed tistaqsi jekk, għall-klassifikazzjoni tal-kamkorders, jistax jew għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li tiġi attivata l-funzjoni DV-in jekk din l-attivazzjoni ma titwettaqx fl-istess ġurnata li jkun sar l-iżdoganar imma li din tista’ tiġi attivata sussegwentement permezz ta’ manipulazzjoni jew żieda ta’ softwer. Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar l- importanza li jista’ jkollha l-intenzjoni tal-manifattur li jirreferi jew le għall-karatteristiċi msemmija fil-mument ta’ l-iżdoganar.

34      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità ta’ l-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinsab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi, kif iddefiniti mill-formulazzjoni ta’ l-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Eru Portugesa, C-42/99, Ġabra. p. I-7691, punt 13 ; tas-16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C-500/04, Ġabra. p. I-1545, punt 21, u tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).

35      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-manifattur tal-prodott kellu intenzjoni jew le juri mill-bidu karatteristika partikolari huwa irrilevanti.

36      Minbarra dan, il-Qorti tal-Gustizzja ddeċidiet li l-karattru deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti fin-NM għandu jiġi mfittex fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti kif ippreżentati fid-dawl ta’ l-iżdoganar tagħhom (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1983, Dinter, 175/82, Ġabra. p. 969, punt 10, u tas-27 ta’ Mejju 1993, Gausepohl‑Fleisch, C‑33/92, Ġabra. p. I‑3047, punt 9). Dawn il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi għandhom ikunu tali li jistgħu jiġu vverifikati waqt l-iżdoganar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 1990, van de Kolk, C‑233/88, Ġabra. p. I‑265, punt 12; tat-12 ta’ Diċembru 1996, Foods Import, C‑38/95, Ġabra. p. I‑6543, punt 17, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Anagram International, C‑14/05, Ġabra. p. I‑6763, punt 26).

37      Barra minn hekk, id-destinazzjoni tal-prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni safejn din hija inerenti għall-prodott, l-inerenza għandha tkun tali li tista’ tiġi evalwata permezz tal-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħha (ara s-sentenzi ta’ l-1 ta’ Ġunju 1995, Thyssen Haniel Logistic, C‑459/93, Ġabra. p. I‑1381, punt 13, u tal-11 ta’ Jannar 2007, B. A. S. Trucks, C‑400/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29).

38      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-Artikolu 2(a) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja, prodott mhux komplut jew mhux mitmum għandu jiġi mqabbel ma’ prodott komplut jew mitmum bil-kundizzjoni li jirrappreżenta l-karatteristiċi essenzjali (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1999, ROSE Elektrotechnic, C‑280/97, Ġabra. p. I‑689, punt 18). Il-parti mill-prodott għandha tkun suffiċjentement kbira jew importanti sabiex tikkonferixxi l-karatteristika essenzjali lill-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Voogd Vleesimport en -export BV, C‑151/93, Ġabra. p I‑4915, punt 20, u tal-15 ta’ Diċembru 1994, GoldStar Europe, C‑401/93, Ġabra. p. I‑5587, punt 26 sa 28).

39      Min-noti ta’ spjega jirriżulta li dak li jiddistingwi l-kamkorders li jaqgħu taħt is-subintestatura 8525 40 91 minn dawk li jaqgħu taħt is-subintestatura 8525 40 99, hija l-kapaċità li għandhom dawn ta’ l-aħħar, minbarra r-reġistrazzjoni tal-ħsejjes u ta’ l-immaġni permezz ta’ l-intermedjarju tal-kamera jew tal-mikrofonu integrati, li jistgħu jirreġistraw l-istess elementi provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera jew il-mikrofonu msemmija. Għalhekk, il-karatteristika essenzjali ta’ kamkorder li jaqa’ taħt is-subintestatura 8525 40 99 hija l-funzjoni DV-in, jiġifieri, il-kapaċità li jiġu rreġistrati sorsi vidjofoniċi esterni.

40      Din il-kapaċità tista’ tkun aċċessibbli mill-utilizzatur meta l-manifattur ħaseb għall-attivazzjoni faċli tal-funzjoni DV-in, filwaqt li din l-attivazzjoni hija spjegata fil-manwal ta’ l-użu mogħti lix-xerrej ta’ l-apparat. Jekk il-proċedura ma tissemmiex f’dan il-manwal ta’ l-użu, huwa neċessarju, sabiex il-funzjoni DV-in tikkostitwixxi karatteristika essenzjali tal-kamkorder, li l-manipulazzjoni tkun faċilment magħmula minn utilizzatur li m’għandux kompetenzi partikolari u mingħajr ma jkun hemm modifika materjali. Għalhekk, huwa indispensabbli li l-kamkorders ikollhom mill-bidu l-attivazzjoni tal-funzjoni DV-in permezz ta’ struttura li tinkludi l-karatteristiċi essenzjali tal-funzjoni msemmija u li l-elementi li jattivawha mhumiex suġġetti għall-bżonn ta’ materjal estern.

41      Minbarra dan, sabiex il-kamkorder jista’ jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 40 99, huwa neċessarju li waqt li ssir il-manipulazzjoni u meta l-funzjoni DV-in tkun attivata, il-kamkorder ikollu l-istess funzjoni bħal kamkorder ieħor li huwa effettivament maħsub għall-funzjoni DV-in. B’mod partikolari, huwa neċessarju li, bħal dan ta’ l-aħħar, il-kamkorder ikun jista’ jintuża għar-reġistrazzjoni ta’ sorsi vidjofoniċi esterni, b’mod awtonomu u mingħajr ma jiddependi fuq materjali jew softwer esterni.

42      Fil-kawżi in kwistjoni, mid-dokumenti fl-inkartament u b’mod partikolari mill-perizja ordnata mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-manipulazzjoni tal-kamkorders sabiex jattivaw il-funzjoni DV-in hija relattivament kumplessa. Għal din, kien hemm il-bżonn li ssir riċerka bl-Internet ta’ protokoll ta’ manipulazzjoni tal-buttuni ta’ funzjoni (għall-kamkorders Medion) jew għax-xiri ta’ softwer (għall-kamkorders Canon), u, għall-apparat kollu, il-konnessjoni ma’ kompjuter personali u l-użu ta’ ċerti aċċessorji bħall-fil "LANC". Barra minn hekk, waqt is-seduta, Medion u Canon sostnew li anki jekk il-funzjoni DV-in ġiet attivata darba biss, huwa neċessarju li l-kamkorder ikun konness ma kompjuter personali sabiex jiffunzjona b’dan il-mod.

43      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-grad ta’ kumplessità tal-manipulazzjoni li għandha ssir sabiex tiġi attivata l-funzjoni DV-in, u tivverifika l-analoġija u l-karattru awtonomu tal-funzjonalità tal-kamkorders in kwistjoni meta mqabbla ma’ dawk li għandhom il-funzjoni DV-in. Jekk il-qorti tar-rinviju tqis li l-attivazzjoni tal-funzjoni DV-in tista’ tiġi faċilment magħmula minn utilizzatur li m’għandux kompetenzi partikolari u mingħajr ma jkun hemm modifika materjali u fejn din tkun ivverifikat il-karatteristiċi ta’ analoġija u ta’ awtonomija tal-funzjonalità, il-kamkorder għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 40 99. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, dawn il-kamkorders għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8525 40 91.

44      Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li kamkorder ma jistax jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 40 99 tan-NM jekk il-funzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ l-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera u l-mikrofonu integrati, tkun attivata fil-mument ta’ l-iżdoganar, jew jekk, anki meta l-manifattur ma kellux l-intenzjoni li jindika mill-bidu din il-karatteristika, din il-funzjoni tista’ tiġi faċilment attivata sussegwentement permezz ta’ manipulazzjoni ta’ l-apparat minn utilizzatur li m’għandux kompetenzi partikolari, mingħajr ma jkun hemm modifika materjali tal-kamkorder. Fil-każ ta’ attivazzjoni sussegwenti, huwa wkoll neċessarju, minn naħa, li ladarba l-funzjoni tiġi attivata, il-kamkorder ikollu l-istess funzjoni bħal kamkorder li l-funzjoni tiegħu tar-reġistrazzjoni ta’ l-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera jew il-mikrofonu integrati tkun attivata fil-mument ta’ l-iżdoganar u, min-naħa l-oħra, li jkollu funzjoni awtonoma. L-eżistenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi vverifikata fil-mument ta’ l-iżdoganar. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfati. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, dan il-kamkorder għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 40 91 tan-Nomenklatura Magħquda.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Kamkorder ma jistax jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 40 99 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Dognali Komuni, kif emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2263/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001 tas-6 ta’ Awwissu 2001 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, jekk il-funzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ l-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera u l-mikrofonu integrati, tiġi attivata fil-mument ta’ l-iżdoganar, jew jekk, anki meta l-manifattur ma kellux l-intenzjoni jindika mill-bidu din il-karatteristika, din il-funzjoni tista’ tiġi faċilment attivata sussegwentement permezz ta’ manipulazzjoni ta’ l-apparat minn utilizzatur li m’għandux kompetenzi partikolari, mingħajr ma jkun hemm modifika materjali tal-kamkorder. Fil-każ ta’ attivazzjoni sussegwenti, huwa wkoll neċessarju, minn naħa, li ladarba l-funzjoni tiġi attivata, il-kamkorder ikollu l-istess funzjoni bħal kamkorder li l-funzjoni tiegħu tar-reġistrazzjoni ta’ l-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera jew il-mikrofonu integrati tkun attivata fil-mument ta’ l-iżdoganar u, min-naħa l-oħra, li jkollu funzjoni awtonoma. L-eżistenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi vverifikata fil-mument ta’ l-iżdoganar. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfati. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, dan il-kamkorder għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 40 91 tan-Nomenklatura Magħquda.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Fuq