Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62006CJ0080
Judgment of the Court (Third Chamber) of 7 June 2007.#Carp Snc di L. Moleri e V. Corsi v Ecorad Srl.#Reference for a preliminary ruling: Tribunale ordinario di Novara - Italy.#Directive 89/106/EC - Construction products - Procedure for attestation of conformity - Commission Decision 1999/93/EC - Horizontal direct effect - No such effect.#Case C-80/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-7 ta' Ġunju 2007.
Carp Snc di L. Moleri e V. Corsi vs Ecorad Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale ordinario di Novara - l-Italja.
Direttiva 89/106/KE - Prodotti tal-kostruzzjoni - Proċedura ta’ attestat ta’ konformità - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/93/KE - Effett dirett orizzontali - Esklużjoni.
Kawża C-80/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-7 ta' Ġunju 2007.
Carp Snc di L. Moleri e V. Corsi vs Ecorad Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale ordinario di Novara - l-Italja.
Direttiva 89/106/KE - Prodotti tal-kostruzzjoni - Proċedura ta’ attestat ta’ konformità - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/93/KE - Effett dirett orizzontali - Esklużjoni.
Kawża C-80/06.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:327
Kawża C-80/06
Carp Snc di L. Moleri u V. Corsi
vs
Ecorad Srl
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula
mit-Tribunale ordinario di Novara)
“Direttiva 89/106/KE — Prodotti tal-kostruzzjoni — Proċedura ta’ attestazzjoni ta’ konformità — Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/93/KE — Effett dirett orizzontali — Esklużjoni”
Sommarju tas-Sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet – Prodotti ta’ kostruzzjoni – Direttiva 89/106
(Artikolu 249 KE; Direttiva tal-Kunsill 89/106, Artikolu 13(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/93, Artikoli 2 sa 4 u Annessi II u III)
Individwu ma jistax jinvoka, fil-kuntest ta’ kawża għal responsabbiltà kuntrattwali bejnu u bejn individwu ieħor, il-ksur minn dan ta’ l-aħħar tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 u 3 kif ukoll ta’ l-Annessi II u III tad-Deċiżjoni 1999/93, dwar il-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità ta’ prodotti tal-kostruzzjoni skond l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 89/106 fir-rigward ta’ bibien, twieqi, kontraporti, persjani, gradi u aċċessorji oħra li għandhom x’jaqsmu mal-bini.
Fil-fatt, id-Deċiżjoni 1999/93 ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 89/106 u hija indirizzata lill-Istati Membri. Hija tikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali li jippreċiża t-tipi ta’ proċeduri ta’ attestazzjoni ta’ konformità rispettivament applikabbli għall-bibien, twieqi, kontraporti, persjani, gradi u aċċessorji oħra li għandhom x’jaqsmu mal-bini u tagħti mandat lill-Kumitat Ewropew ta’ l-Istandardizzazzjoni/Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni ta’ l-Elettroteknika (CEN/Cenelec) li jispeċifikaw il-kontenut tagħhom skond ir-regoli armonizzati rilevanti li huma intiżi li jkunu trasposti mill-korpijiet amministrattivi ta’ kull Stat Membru. Skond l-Artikolu 249 KE, id-Deċiżjoni 1999/93 hija obbligatorja biss għall-Istati Membri, li, f’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4, huma l-uniċi destinatarji.
(ara l-punti 21-22 u disp.)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
7 ta’ Ġunju 2007 (*)
“Direttiva 89/106/KE – Prodotti tal-kostruzzjoni – Proċedura ta’ attestazzjoni ta’ konformità – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/93/KE – Effett dirett orizzontali – Esklużjoni”
Fil-kawża C‑80/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Novara (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Jannar 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2006, fil-proċedura
Carp Snc di L. Moleri e V. Corsi
vs
Ecorad Srl,
fil-preżenza ta’:
Associazione Nazionale Artigiani Legno e Arredamento,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Carp Snc di L. Moleri e V. Corsi u l’Associazione Nazionale Artigiani Legno e Arredamento, minn F. Capelli u M. Ughetta, avukati,
– għal Ecorad Srl, minn E. Adobati, avukat,
– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Recchia u D. Lawunmi, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, l-invokabbiltà u l-validità ta’ l-Artikoli 2 u 3 kif ukoll ta’ l-annessi II u III tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/93/KE tal-25 ta’ Jannar 1999, dwar il-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità ta’ prodotti tal-kostruzzjoni skond l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE fir-rigward ta’ bibien, twieqi, kontraporti, persjani, gradi u aċċessorji oħra li għandhom x'jaqsmu mal-bini (ĠU L 29, p. 51).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpanniji Carp Snc di L. Moleri e V. Corsi (iktar ’il quddiem “Carp”) u Ecorad Srl (iktar ’il quddiem “Ecorad”) dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ bibien maħsuba biex fuqhom jitwaħħlu pumi msejħa “kontra l-paniku”.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 89/106/KEE
3 Id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU L 40, 1989, p. 12), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/68/KEE tat-22 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 220, p. 1, iktar ’il quddiem id-"Direttiva 89/106"), b’mod partikolari, tfittex li telimina l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ prodotti għall-bini. Hija tapplika, skond l-Artikolu 1(1) tagħha, għal prodotti ta’ bini safejn għandhom x'jaqsmu magħhom il-ħtiġijiet essenzjali li jirrigwardaw ix-xogħlijiet ta’ bini skond l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva.
4 L-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassumu li l-prodotti huma tajba għall-użu intenzjonat tagħhom jekk permezz tagħhom ix-xogħlijiet li fihom huma użati jkunu jistgħu jissodisfaw, filwaqt li dawn il-prodotti jkollhom fuqhom il-marka CE. Din il-marka tindika li dawn il-prodotti huma konformi kemm man-normi nazzjonali li jittrasponu normi armonizzati, u kemm ma' approvazzjoni teknika Ewropea jew ma' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali li għalihom jirreferi l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, sa fejn ma jeżistux speċifikazzjonijiet armonizzati.
5 L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/106 jipprevedi li l-Istati Membri m’għandhomx jostakolaw il-moviment liberu, it-tqegħid fis-suq jew l-użu fit-territorju tagħhom ta’ prodotti li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
6 Skond l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 89/106, il-manifattur, jew l-aġent tiegħu stabbilit fil-Komunità, għandu jkun responsabbli għal verifika li l-prodotti jaqblu mal-ħtiġijiet ta’ l-ispeċifikazzjoni teknika fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jipprevedi li l-prodotti li huma s-suġġett ta’ attestazzjoni ta’ konformità huma preżunti li huma konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Din il-konformità hi stabbilita bl-użu jew permezz ta’ verifiki oħra fuq il-bażi ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, skond l-Anness III.
7 L-Artikolu 13(3) u (4) tad-Direttiva 89/106 jipprovdi:
“3. Iċ-ċertifikat ta’ konformità ta’ prodott jiddependi minn:
a) jekk il-manifattur li jkollu sistema ta’ kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika jiżgura li l-produzzjoni taqbel ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relevanti;
jew
b) għal prodotti partikulari indikati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relevanti, flimkien ma’ sistema ta’ kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika, korp approvat li jiċċertifika li jkun involut fl-evalwazzjoni u s-sorveljanza tal-kontroll tal-produzzjoni jew tal-prodott innifsu.
4. L-għażla tal-proċedura skond it-tifsira tal-paragrafu 3 għal prodott jew ġemgħa ta’ prodotti msemmija jkun speċifikat mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-kumitat li għalih jirreferi Artikolu 19, skond:
a) l-importanza tal-parti li għandu dak il-prodott fil-konfront tal-ħtiġijiet essenzjali, b’mod speċjali dawk marbuta mas-saħħa u s-sigurtà;
(b) il-karatteristika tal-prodott;
(ċ) l-effett tal-varjazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott fuq kemm jagħti servizz;
(d) kemm hu espost għal difetti fil-manifattura tal-prodott;
bi konformità mad-dettalji mogħtija f’Anness III.
F’kull każ, tintagħżel l-inqas proċedura li toħloq problemi konsistenti mas-sigurtà.
Il-proċedura li tintgħażel tkun indikata fil-mandati u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew fil-pubblikazzjoni tagħha.”
8 L-Artikolu 14 tad-Direttiva 89/106 jipprovdi:
“1. Bi konformità ma’ Anness III, il-proċedura mfissra għandha twassal għal:
(a) fil-każ ta’ Artikolu 13(3)(a), ħruġ ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità għal prodott mill-manifattur, jew mill-aġent tiegħu stabbilit fil-Komunità;
jew
(b) fil-każ ta’ Artikolu 13(3)(b), għall-ħruġ minn korp ta’ ċertifikazzjoni approvat ta’ ċertikat ta’ konformità għas-sistema tal-kontroll tal-produzzjoni u sorveljanza jew għall-prodott innifsu.
Regoli dettaljati għat-tħaddim tal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni ta’ konformità jinsabu f’Anness III.
2. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità mill-manifattur jew iċ-ċertifikat ta’ konformità jintitola lill-manifattur, jew lill-aġent tiegħu stabbilit fil-Komunità, biex iwaħħal il-marka KE korrispondenti fuq il-prodott innifsu, fuq it-tikketta mwaħħla miegħu, fuq il-pakkett tiegħu jew fuq id-dokumenti kummerċjali mehmuża miegħu. Il-mudell tal-marka KE u r-regoli għall-użu tagħha fil-każ ta’ kull proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ konformità jinsabu f’Anness III.”
Id-deċiżjoni 1999/93
9 Il-Kummissjoni adottat d-Deċiżjoni 1999/93 sabiex tippreċiża l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni ta’ konformità ta’ bibien, twieqi, kontraporti, persjani, gradi u aċċessorji oħra li għandhom x’jaqsmu mal-bini.
10 Skond l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-prodotti u l-familji ta’ prodotti stipulati f'Anness I ta’ din ta’ l-aħħar huma suġġetti għal proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ konformità li hija bbażata fuq sistema ta’ kontroll tal-produzzjoni ta’ fabbrika taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur biss. L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li ċ-ċertifikazzjoni ta’ konformità tal-prodotti msemmija fl-Anness II jirreferi mhux biss għal din is-sistema ta’ kontroll, iżda wkoll għal proċedura li fiha korp approvat ta’ ċertifikazzjoni huwa involut fl-istima u s-sorveljanza tal-kontrolli ta’ produzzjoni jew tal-prodotti nnifishom.
11 L-Anness II tad-Deċiżjoni 1999/93 jirrigwarda l-prodotti segwenti:
“Bibien u gradi (bi jew mingħajr aċċessorji li għandhom x'jaqsmu):
– għall-użu fil-kompartimentazzjoni ta’ nar/duħħan u f'rotot ta’ emerġenza.
[…]
Aċċessorji li għandhom x'jaqsmu mal-bini u relatati mal-bibien u l-gradi:
– għall-użu fil-kompartimentazzjoni ta’ nar/duħħan u f'rotot ta’ emerġenza.”
12 L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/93 jipprevedi li l-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità kif stipulata f'Anness III ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi indikata permezz ta’ mandati għal standards armonizzati. Dan l-Anness III jagħti mandat lill-Kumitat Ewropew ta’ l-Istandardizzazzjoni/Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni ta’ l-Elettroteknika (CEN/Cenelec) li jispeċifikaw, skond l-istandards armonizzati rilevanti, is-sistemi għall-attestazzjoni ta’ konformità. Għal dak li jirrigwarda l-bibien, il-gradi u l-aċċessorji li għandhom x'jaqsmu mal-bini għall-użu fil-kompartimentazzjoni ta’ nar jew duħħan u f'rotot ta’ emerġenza, l-Anness III tad-Deċiżjoni 1999/93 timponi wkoll l-użu tal-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità, minn korp approvat ta’ ċertifikazzjoni, imsemmi fil-punt 2(i) ta’ l-Anness III tad-Direttiva 89/106.
13 Huwa paċifiku li, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, għad ma jeżistux regoli armonizzati għall-bibien ta’ barra maħsuba biex fuqhom jitwaħħlu pumijiet kontra l-paniku.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 Ecorad ordna mingħand Carp, fix-xahar ta’ April 2005, għall-provvista u t-tqegħid ta’ tliet bibien ta’ barra maħsuba biex fuqhom jitwaħħlu pumi kontra l-paniku. Wara l-installazzjoni ta’ l-ewwel wieħed minnhom, Ecorad qiset, f’Mejju 2005, li l-prodott mqiegħed ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, billi Carp ma tiddisponix minn ċertifikat ta’ konformità maħruġ minn korp approvat ta’ ċertifikazzjoni msemmi fid-Deċiżjoni 1999/93 (jew “sistema ta’ ċertifikazzjoni Nru 1”). Konsegwentement, Ecorad irrifjutat li teżegwixxi l-obbligi kuntrattwali tagħha.
15 Carp għalhekk ressqet każ quddiem it-Tribunale ordinario di Novara sabiex tikseb kumpens għad-dannu tagħha. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, Ecorad tipprevali ruħha min-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja tal-ħaġa mibjugħa u tinvoka, f’dan ir-rigward, il-ksur minn Carp tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 1999/93.
16 Fid-digriet tar-rinviju tiegħu, it-Tribunale ordinario di Novara jqis li l-kontroversja tirrikjedi l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/93 u jistaqsi fuq il-validità ta’ din ta’ l-aħħar, jekk jiġi presuppost li hija direttament applikabbli.
17 F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Novara ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq id-domandi preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 2, l-Artikolu 3, l-Anness II u l-Anness III tad-Deċiżjoni 1999/93/KE għandhom jiġu mifhuma bħala li jeskludu li l-bibien li fuqhom kellhom jitwaħħlu pumijiet kontra l-paniku jistgħu jiġu mmanifatturati minn operaturi (mastrudaxxi) li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet mitluba mis-sistema ta’ attestazzjoni ta’ konformità Nru. 1?
2) Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2, l-Artikolu 3, ta’ l-Anness II u ta’ l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru. 1999/93/KE, huma legalment vinkolanti, indipendentement mill-adozzjoni mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) ta’ regoli tekniċi, mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmija deċiżjoni, għal dak li jirrigwarda t-tip ta’ proċedura ta’ attestazzjoni ta’ konformità li għandha tiġi osservata mill-kostrutturi (mastrudaxxa) għall-bibien li fuqhom jitwaħħlu pumijiet kontra l-paniku?
3) L-Artikolu 2, l-Artikolu 3, l-Anness II u l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru. 1999/93/KE għandhom jiġu kkunsidrati bħala invalidi billi jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità safejn jimponu fuq il-produtturi kollha li josservaw il-proċedura ta’ attestazzjoni ta’ konformità Nru. 1 sabiex ikunu jistgħu jpoġġu l-marka CE fuq il-bibien tagħhom li fuqhom jitwaħħlu pumijiet kontra l-paniku (u jagħtu lis-CEN il-mandat li jadotta r-regoli tekniċi)?”
Fuq id-domandi preliminari
18 L-eżami ta’ l-ewwel u t-tielet domandi, rispettivament dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-Deċiżjoni 1999/93 jippresupponi li tingħata, preliminarjament, risposta pożittiva għat-tieni domanda li biha l-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk din id-deċiżjoni tipproduċi effetti legalment vinkolanti. Għandu, madankollu, jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk din id-deċiżjoni tista’ tiġi invokata f’kawża bejn individwi.
19 Fuq dan il-punt, Carp tikkunsidra li d-Deċiżjoni 1999/93 ma tipproduċix attwalment kontra tagħha effetti legalment vinkolanti, peress li hija mhijiex id-destinatarja. Ecorad tikkunsidra, għall-kuntrarju, li hija għandha d-dritt li tipprevali ruħha minnhom fil-kawża prinċipali.
20 F'dan ir-rigward, u mingħajr mhuwa neċessarju li tiġi eżaminata preliminarjament il-validità tad-Deċiżjoni 1999/93, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi fir-rigward ta’ individu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata kontrih. Minn dan isegwi li anki dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet jew sabiex timponi obbligi fuq individwi ma tistax tiġi applikata bħala tali fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi biss (sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 48; ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 20; tas-7 ta’ Marzu 1996, El Corte Inglés, C-192/94, Ġabra p. I-1281, punti 16 u 17; tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C-201/02, Ġabra p. I-723, punt 56, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punti 108 u 109).
21 Id-Deċiżjoni 1999/93 ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 89/106 u hija indirizzata lill-Istati Membri. Hija tikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali li jippreċiża t-tipi ta’ proċeduri ta’ attestazzjoni ta’ konformità rispettivament applikabbli għall-bibien, twieqi, kontraporti, persjani, gradi u aċċessorji oħra li għandhom x'jaqsmu mal-bini u tagħti mandat lis-CEN/Cenelec li jispeċifikaw il-kontenut tagħhom skond ir-regoli armonizzati rilevanti li huma intiżi li jkunu trasposti mill-korpijiet amministrattivi ta’ kull Stat Membru. Skond l-Artikolu 249 KE, id-Deċiżjoni 1999/93 hija obbligatorja biss għall-Istati Membri, li, f’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4, huma l-uniċi destinatarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti fir-rigward tad-direttivi huma applikabbli, mutadis mutandis, fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi invokata din id-deċiżjoni kontra individwu.
22 Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li individwu ma jistax jinvoka, fil-kuntest ta’ kawża għal responsabbilità kuntrattwali bejnu u bejn individwu ieħor, il-ksur minn dan ta’ l-aħħar tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 u 3 kif ukoll ta’ l-Annessi II u III tad-Deċiżjoni 1999/93.
23 Fid-dawl ta’ din ir-risposta, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi preliminari.
Fuq l-ispejjeż
24 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
Individwu ma jistax jinvoka, fil-kuntest ta’ kawża għal responsabbiltà kuntrattwali bejnu u bejn individwu ieħor, il-ksur minn dan ta’ l-aħħar tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 u 3 kif ukoll ta’ l-Annessi II u III tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/93/KE tal-25 ta’ Jannar 1999, dwar il-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità ta’ prodotti tal-kostruzzjoni skond l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE fir-rigward ta’ bibien, twieqi, kontraporti, persjani, gradi u aċċessorji oħra li għandhom x'jaqsmu mal-bini.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.