EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0295

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-19 ta' April 2007.
Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) vs Transformación Agraria SA (Tragsa) u Administración del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Supremo - Spanja.
Talba għal deċiżjoni preliminari - Ammissibbiltà - Artikolu 86(1) KE - Nuqqas ta' portata awtonoma - Elementi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b'mod utli għad-domandi magħmula -Direttivi 92/50/KEE, 93/36/KEE u 93/37/KEE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil impriża pubblika twettaq xi operazzjonijiet fuq ordni diretta mingħand awtoritajiet pubbliċi mingħajr l-applikazzjoni tas-sistema ġenerali tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi - Struttura ta' tmexxija interna - Kundizzjonijiet - Dmir ta' l-awtorità pubblika li twettaq fuq entità distinta kontroll analogu għal dak li hija twettaq fuq id-dipartimenti tagħha stess - Dmir ta’ l-entità distinta li twettaq il-parti l-kbira ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità jew awtoritajiet li jikkontrollawha.
Kawża C-295/05.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:227

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta' April 2007(*)

"Talba għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 86(1) KE – Nuqqas ta' portata awtonoma – Elementi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b'mod utli għad-domandi magħmula –Direttivi 92/50/KEE, 93/36/KEE u 93/37/KEE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil impriża pubblika twettaq xi operazzjonijiet fuq ordni diretta mingħand awtoritajiet pubbliċi mingħajr l-applikazzjoni tas-sistema ġenerali tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi – Struttura ta' tmexxija interna – Kundizzjonijiet – Dmir ta' l-awtorità pubblika li twettaq fuq entità distinta kontroll analogu għal dak li hija twettaq fuq id-dipartimenti tagħha stess – Dmir ta’ l-entità distinta li twettaq il-parti l-kbira ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità jew awtoritajiet li jikkontrollawha"

Fil-kawża C-295/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta' Deċiżjoni ta' l-1 ta' April 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Lulju 2005, fil-proċedura

Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo)

vs

Transformación Agraria SA (Tragsa),

Administración del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Ġunju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo), minn D. P. Thomas de Carranza y Méndez de Vigo, procuradora, u R. Vázquez del Rey Villanueva, abogado,

–       għal Transformación Agraria SA (Tragsa), minn S. Ortiz Vaamonde u I. Pereña Pinedo, abogados,

–       għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–       għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk, fir-rigward ta' l-Artikolu 86(1) KE, Stat membru jistax jattribbwixxi lil impriża pubblika status ġuridiku li jippermettilha twettaq operazzjonijiet mingħajr ma tkun suġġetta għad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' xogħlijiet pubbliċi, fornituri u kuntratti ta' servizz (ĠU L 209, p.1), id-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1), u d-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), u jekk dawn id-Direttivi jipprekludux tali status.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Asociación Nacional de Empresas Forestales (aktar 'il quddiem l-"Asemfo") u l-Administración del Estado, dwar ilment li jiddenunzja l-istatus ġuridiku li tibbenifika minnu Transformación Agraria SA (aktar 'il quddiem "Tragsa").

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/50 kien jgħid:

"Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      "kuntratti ta’ servizz pubbliku" għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, […]

[…]

b)      l-"awtoritajiet kontraenti" għandhom ifissru l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika.

[…]"

4       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/36 kien jipprovdi:

"Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

a)      "kuntratti pubbliċi ta' provvista" huma kuntratti għall-interess fi flus konklużi bil-kitba li jinvolvu x-xiri, il-kera jew xiri bin-nifs, bi jew mingħajr l-għażla tax-xiri, ta' prodotti bejn fornitur (persuna naturali jew legali) u waħda mill-awtoritajiet kontraenti definiti f'(b) hawn taħt. Il-kunsinna ta' prodotti bħal dawn tista wkoll tinkludi operazzjonijiet ta' bini u installazzjoni;

b)      'awtoritajiet kontraenti' għandhom ikunu l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpijiet amministrati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar minn waħda minn awtoritajiet bħal dawn jew korpijiet amministrati mil-liġi pubblika;

[...]"

5       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/37 kien jgħid kif ġej:

"Għall-għanijiet ta’ din id-Direttva:

a)      'kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi' ifissru kuntratti għal interess tal-flus konklużi bil-kitba bejn il-kuntrattur u l-awtorità ta’ kuntrattar kif definit f’(b), li għandhom bħala għan tagħhom jew l-attwazzjoni, jew l-attwazzjoni u d-disinn, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet msemmija fl-Anness II jew xogħol definit f’(ċ) taħt, jew l-attwazzjoni, b’kull mod, ta’ xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet speċifikati mill-awtorità ta’ kuntrattar;

b)      'awtoritajiet ta’ kuntrattar' għandhom ikunu l-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi mmexxija mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar awtoritajiet jew korpi mmexxija mil-liġi pubblika;

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-leġiżlazzjoni fuq il-kuntratti pubbliċi

6       Il-liġi 13/1995, tat-18 ta' Mejju 1995, dwar il-kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi (BOE Nru 119, tad-19 ta' Mejju 1995, p. 14601), fil-verżjoni kkodifikata tagħha approvata mid-Digriet Irjali Leġiżlattiv tas-16 ta' Ġunju 2000 (BOE Nru 148, tal-21 ta' Ġunju 2000, p. 21775, aktar 'il quddiem il-"liġi 13/1995"), tgħid fl-Artikolu 152 tagħha:

"1.      L-amministrazzjoni tista' twettaq xi xogħlijiet permezz tad-dipartimenti tagħha u l-mezzi personali jew reali jew bil-kooperazzjoni ta' imprendituri privati, bil-kundizzjoni, f’dan l-aħħar każ, li l-ammont ta' xogħlijiet ikun inqas minn [...], meta waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin ikunu preżenti:

a)      Meta l-amministrazzjoni tiddisponi minn fabbriki, tarzna, offiċini jew minn servizzi tekniċi jew industriji b'kapaċità tat-twettiq tax-xogħol ippjanat, f'liema każ din is-sistema ta' twettiq għandha tintuża normalment.

[…]"

7       L-Artikolu 194 tal-liġi 13/1995 jipprovdi:

"1.      L-amministrazzjoni tista' timmanifattura proprjetà mobbli permezz tad-dipartimenti tagħha u l-mezzi personali jew reali jew bil-kooperazzjoni ta' imprendituri privati, bil-kundizzjoni, f-dan il-każ ta' l-aħħar, li l-ammont ta' xogħlijiet ikun inqas mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 177(2), meta waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin ikunu preżenti:

a)      Meta l-amministrazzjoni tiddisponi minn fabbriki, tarzna, werkxops jew minn servizzi tekniċi jew industriji b'kapaċità għat-twettiq tax-xogħol ippjanat, f'dak il-każ din is-sistema ta' twettiq għandha tintuża normalment.

[…]"

 L-istatus ġuridiku ta' Tragsa

8       Il-kostituzzjoni ta' Tragsa ġiet awtorizzata mill-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali 379/1977, tal-21 ta' Jannar 1977 (BOE Nru 65, tas-17 ta' Marzu 1977, p. 6202).

9       L-istatus ġuridiku ta' Tragsa stabbilit mill-imsemmi Digriet Irjali ġiet emendata sussegwentement sa l-adozzjoni tal-liġi 66/1997, tat-30 ta' Diċembru 1997, li tipprovdi miżuri fiskali, amministrattivi u ta' ordni soċjali (BOE Nru 313, tal-31 ta' Diċembru 1997, p. 38589), kif emendata mil-liġijiet 53/2002, tat-30 ta' Diċembru 2002 (BOE Nru 313, tal-31 ta' Diċembru 2002, p. 46086), u 62/2003, tat-30 ta' Diċembru 2003 (BOE Nru 313, tal-31 ta' Diċembru 2003, p. 46874, aktar 'il quddiem il-"liġi 66/1997").

10     Skond l-Artikolu 88 tal-liġi 66/1997, intitolat "Status ġuridiku":

"1.      [Tragsa] hija kumpannija Statali […] li tipprovdi servizzi essenzjali fir-rigward ta' l-iżvilupp rurali u l-ħarsien ta' l-ambjent, skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi preżenti.

2.      Il-Komunitajiet awtonomi jistgħu jipparteċipaw fl-ishma permezz ta' xiri ta' l-ishma, li t-trasferiment tagħhom għandu jkun is-suġġett ta' awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, fuq proposta tal-Ministeru ta’ l-Agrikoltura, tas-Sajd u ta’ l-Ikel u tal-Ministeru ta’ l-Ambjent.

3.      Tragsa għandha bħala għan:

a)      it-twettiq ta' kull tip ta' azzjoni, xogħlijiet u provvista ta' servizzi fir-rigward ta' l-agrikoltura, tat-trobbija, tal-foresti, ta' l-iżvilupp rurali, tal-ħarsien u l-protezzjoni tal-madwar naturali u ta' l-ambjent, ta' l-akwakultura u tas-sajd, kif ukoll l-azzjonijiet neċessarji għat-titjib ta' l-użu u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali, b'mod partikolari t-twettiq ta' xogħlijiet u ta' l-arrikkiment tal-wirt storiku Spanjol f'postijiet rurali […] ;

b)      it-tfassil ta' studji, pjanijiet, proġetti u kull tip ta' konsulenza u assistenza tekinika u ta' taħriġ fl-agrikoltura, il-foresti, fl-iżvilupp rurali, il-ħarsien u t-titjib ta' l-ambjent, ta' l-akwakultura u s-sajd, il-ħarsien tan-natura, kif ukoll fir-rigward ta' l-użu u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali;

c)      l-attività agrikola, tat-trobbija, tal-foresta u akwakultura u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni ta' rziezet, tal-muntanji, taċ-ċentri agrikoli, forestrali ambjentali jew tal-ħarsien tan-natura, kif ukoll il-ġestjoni ta' l-ispazji u r-riżorzi naturali;

d)      il-promozzjoni, l-iżvilupp u l-adattament ta' tekniki ġodda, ta’ tagħmir ġdid u sistemi ta’ natura agrikola, ta’ forestrija, ambjentali, akwakulturali jew tas-sajd, tal-protezzjoni tan-natura u tas-sistemi intiżi għall-użu raġjonevoli tar-riżorżi naturali;

e)      il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ proprjetà mobbli li għandha l-istess natura;

f)      il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diżastri u l-mard tal-ħaxix u l-annimali u kontra n-nirien fil-foresti kif ukoll it-twettiq ta’ xogħlijiet u kompiti ta’ sostenn tekniku ta’ natura urġenti;

g)      l-iffinanzjar tal-kostruzzjoni jew ta’ l-użu ta’ l-infrastrutturi agrikoli, ambjentali u tat-tagħmir tal-populazzjonijiet rurali kif ukoll il-kostituzzjoni tal-kumpanniji u l-parteċipazzjoni f’kumpanniji li huma diġà kkostitwiti li għandhom għanijiet relatati ma l-għan soċjali ta’ l-impriza;

h)      it-twettiq, fuq talba ta’ terzi, ta’ azzjonijiet, xogħlijiet, assistenza teknika, ta’ konsulenza u ta’ provvista ta’ servizzi fil-qasam rurali, agrikolu, ta’ forestrija u ambjentali, ġewwa u barra t-territorju nazzjonali, direttament jew permezz tas-sussidjarji tagħha.

4.      Safejn hija strument fiha nnifisha u servizz tekniku ta’ l-amministrazzjoni, Tragsa hija marbuta li twettaq, b'mod esklużiv, minnha stess jew permezz tas-sussidjarji tagħha, ix-xogħlijiet fdati lilha mill-Amministrazzjoni Ġenerali ta’ l-Istat, il-komunitajiet awtonomi u l-korpi pubbliċi li jiddependu minn dawn, fl-oqsma li jikkostitwixxu l-għan socjali tal-kumpannija u, b'mod partikolari, dawk li huma ta’ natura urġenti jew li jiġu ordnati minħabba sitwazzjonijiet ta’ urġenza li jkunu ġew ikkonstatati.

[…]

5.      La Tragsa u lanqas is-sussidjarji tagħha ma jistgħu jieħdu sehem fil-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi implementati mill-awtoritajiet pubbliċi fejn dawn ikunu l-mezz. Madankollu, fin-nuqqas ta’ kull offerent, Tragsa tista’ tiġi inkarigata twettaq l-attività li tkun is-suġġett tas-sejħa għal offerti pubbliċi.

6.      Il-valur tax-xogħlijiet kbar, ta’ xogħlijiet, ta’ proġetti, ta’ studji u ta’ provvisti mwettqa permezz ta’ Tragsa jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni mal-partijiet tax-xogħol imwettqa tat-tariffi korrispondenti, li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità kompetenti. L-imsemmija tariffi jiġu kkalkolati sabiex jirriflettu l-ispejjeż ta’ twettiq reali u l-applikazzjoni lill-partijiet tagħhom isservi sabiex tiġġustifika l-investiment jew is-servizzi mwettqa.

7.      Il-kuntratti ta’ xogħol, ta’ provvisti, ta’ konsulenza u ta’ assistenza u ta’ servizzi li Tragsa u s-sussidjarji tagħha jgħaddu ma’ partijiet terzi jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-[liġi 13/1995], f’dak li jirrigwarda r-reklamar, il-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti u l-forom tagħhom, bil-kundizzjoni li l-ammont tas-suq ikun ugwali jew ogħla minn dawk iffissati fl-Artikoli 135(1), 177(2), u 203(2), ta’ [l-imsemmija liġi]".

11     Id-Digriet Irjali 371/1999, tal-5 ta’ Marzu1999, li jiddetermina l-istatus ta’ Tragsa (BOE Nru 64, tas-16 ta’ Marzu 1999, p. 10605), jippreċiża l-istatus ġuridiku, ekonomiku u amministrattiv ta’ din il-kumpannija u tas-sussidjarji tagħha fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi fir-rigward ta’ azzjoni amministrattiva ġewwa jew barra t-territorju nazzjonali, fil-kwalità tagħhom ta’ strument u ta’ servizz tekniku ta’ dawn l-amministrazzjonijiet.

12     Skond l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali 371/1999, il-kapital ta’ Tragsa huwa integralment miżmum minn persuni pubbliċi.

13     L-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Digriet Irjali intitolat "Status ġuridiku" jipprovdi:

"1.      Tragsa u s-sussidjarji tagħha huma strument u servizz tekniku ta’ l-amministrazzjoni ġenerali ta’ l-Istat u ta’ dawk ta’ kull waħda mill-Komunitajiet awtonomi kkonċernati.

Id-dipartimenti differenti jew il-ministeri tal-komunitajiet awtonomi ta’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi ċċitati iktar ‘il fuq, kif ukoll il-korpi li jiddependu fuqhom u l-entitajiet ta’ kull tip li huma marbuta magħhom fid-dawl tat-twettiq tal-pjanijiet ta’ intervent tagħhom, jistgħu jafdaw f’idejn Tragsa jew lis-sussidjarji tax-xogħol tagħha bl-attivitajiet neċessarji għat-twettiq tal-kompetenzi u l-missjonijiet tagħhom, kif ukoll ix-xogħlijiet u l-attivitajiet komplementari jew assoċjati skond is-sistema stabbilita mid-Digriet Irjali preżenti.

2.      Tragsa u s-sussidjarji tagħha huma marbuta li jwettqu x-xogħlijiet u l-attivitajiet fdati lilhom mill-amministrazzjoni. Dan l-obbligu jipprevedi, b'mod esklużiv, l-ordnijiet li jingħataw fil-kapaċità tagħhom ta’ strument u ta’ servizz tekniku fir-rigward ta’ l-oqsma li jaqgħu taħt l-għan soċjali tagħhom.

3.      L-interventi urġenti deċiżi fil-kuntest ta’ diżastri ta’ kull tip li huma fdati lilhom mill-awtoritajiet kompetenti għandhom, għal Tragsa u s-sussidjarji tagħha, barra natura obbligatorja, natura ta’ prijorità.

F’sitwazzjonijiet ta’ urġenza li fihom l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jieħdu azzjoni mal-ewwel, dawn jistgħu jiddisponu direttament minn Tragsa u s-sussidjarji tagħha u jordnawlhom l-interventi neċessarji sabiex jassiguraw il-protezzjoni tal-persuni u l-oġġetti bl-iktar effikaċja possibbli kif ukoll iż-żamma tas-servizzi.

Għal dan il-għan, Tragsa u s-sussidjarji tagħha ser jiġu integrati fid-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ prevenzjoni tar-riskji, kif ukoll fil-pjanijiet ta’ intervent u jkunu suġġetti għall-protokoll ta’ applikazzjoni. F’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet, huma għandhom jużaw, fuq talba, il-mezzi kollha li jiddisponu minnhom.

4.      Fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni jew ta’ kooperazzjoni ma' l-amministrazzjonijiet jew entitajiet ta’ dritt pubbliku, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jipproponu s-servizzi ta’ Tragsa u tas-sussidjarji tagħha, ikkunsidrati bħala l-istrument tagħha, sabiex l-imsemmija amministrazzjoniiet oħra jew entitajiet ta’ dritt pubbliku jużawhom bħala l-istrument tagħhom […]

5.      […] il-funzjonijiet ta’ organizzazzjoni, ta’ ħarsien u ta’ kontroll ta’ Tragsa u s-sussidjarji tagħha, jitwettqu mill-Ministeru ta’ l-Agrikoltura, tas-Sajd u ta’ l-Ikel, kif ukoll mill-Ministru ta’ l-Ambjent.

6.      Ir-relazzjoni li għandhom Tragsa u s-sussidjarji tagħha ma’ l-awtoritajiet pubbliċi bħala mezz fih innifsu u ta’ servizz tekniku huma ta’ natura strumentali u mhux kuntrattwali. Konsegwentement, huma, f'kull rigward, ta’ natura interna, dipendendenti u kkundizzjonata".

14     L-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali 371/1999, intitolat "Sistema ekonomika", jgħid dan li gej:

"1.      Skond l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali preżenti, għax-xogħlijiet, assistenza teknika, konsulenza, provvisti u provvista ta’ servizzi fdati lilhom Tragsa u s-sussidjarji tagħha għandhom jirċievu ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż li jsostnu, bl-applikazzjoni tas-sistema tariffarja stabbilita fl-Artikolu preżenti […]

2.      It-tariffi jiġu kkalkulati u applikati f’partijiet u b'mod li jirriflettu l-ispejjeż reali u totali tat-twettiq minnhom, kemm jekk huma diretti jew indiretti.

[…]

7.      It-tariffi l-ġodda, l-modifiki tagħhom li jeżistu kif ukoll il-proċeduri, mekkaniżmi u formoli ta’ reviżjoni għandhom jiġu adottati minn kull awtorità pubblika fejn Tragsa u s-sussidjarji tagħha jikkostitwixxu l-mezz proprju u s-servizz tekniku tagħha.

[…]"

15     Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5 tad-Digriet Irjali 371/1999, intitolat "Status amministrattiv ta’ intervent", jipprovdi:

"1.      L-interventi obbligatorji fdati lil Tragsa jew lis-sussidjarji tagħha għandhom ikunu s-suggett, skond il-każ, ta’ proġetti, rapporti jew dokumenti tekniċi oħra […]

2.      Qabel ma jiddefinixxu l-ordni, il-korpi kompetenti għandhom japprovaw dawn id-dokumenti u jsegwu l-proċeduri obbligatori, il-formalitajiet tekniċi, ġuridiċi, baġitarju u ta’ kontroll u l-approvazzjoni tan-nefqa.

3.      L-ordni ta’ kull intervent obbligatorju għandu jiġi kkomunikat formalment mill-amministrazzjoni lil Tragsa jew lis-sussidjarji tagħha, permezz ta’ talba li fiha, barra l-imformazzjoni utli, id-denominazzjoni ta’ l-awtorità, iż-żmien għat-twettiq, l-ammont, il-baġit korrispondenti, u jekk ikun il-każ, l-oġġetti ta' kull sena li fuqhom huwa bbażat il-finanzjament u l-ammont li jikkorrispondi għalihom, kif ukoll id-direttur inkarigat għall-intervent li għandha titwettaq.[…]"

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16     Il-fatti, hekk kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

17     Fit-23 ta’ Frar 1996, Asemfo ppreżentat ilment kontra Tragsa sabiex jiġi kkonstatat li din ta’ l-aħħar kienet qed tabbuża minn pożizzjoni dominanti fis-suq tax-xogħlijiet Spanjol, tad-dipartimenti u proġetti forestali u ta’ nuqqas ta’ rispett tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti previsti mil-liġi 13/1995. Skond l-imsemmija assoċjazzjoni, l-istatut partikolari ta’ Tragsa jippermetti lil din il-kumpannija li twettaq numru kbir ta’ operazzjonijiet fuq ordni diretta ta’ l-amministrazzjoni, bi ksur tal-prinċipji dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi u tal-kompetizzjoni ħielsa, li tirrestrinġi l-kompetizzjoni kollha fis-suq Spanjol. Peress li hija impriza pubblika fis-sens tad-dritt Komunitarju, Tragsa ma tistax tibbenifika, taħt il-pretest li hija servizz tekniku ta’ amministrazzjoni, minn trattament ipprivileġġjat fir-rigward tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

18     B’deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti tas-16 ta’ Ottubru 1997, l-imsemmi lment ġie miċħud minħabba l-fatt li Tragsa hija servizz proprju ta’ l-amministrazzjoni, li ma tiddisponix minn setgħa ta’ deċiżjoni awtonoma u li hija marbuta li twettaq ix-xogħlijiet ordnati minnha. Din il-kumpannija topera barra s-suq, u għaldaqstant l-attività tagħha ma taqax taħt id-dritt tal-kompetizzjoni.

19     L-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda kienet is-suġġett ta’ appell ippreżentat minn Asemfo quddiem it-Tribunal de Defensa de la Competencia. B‘deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu1998, din il-qorti ċaħdet dan l-appell billi kkunsidrat li l-operazzjonijiet imwettqa minn Tragsa jitwettqu mill-amministrazzjoni stess, u għaldaqstant ma setax ikun hemm ksur tad-dritt ta’ kompetizzjoni ħlief hekk din il-kumpnnija kienet taġixxi b 'mod awtonomu.

20     Asemfo ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Nacional li, minn naħa tagħha, ikkonfermat id-deċiżjoni fl-ewwel istanza b’sentenza tas-26 ta’ Settembru 2001.

21     Asemfo appellat kontra din is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo billi sostniet li Tragsa, safejn hija impriża pubblika, ma kinitx ikkwalifikata b’servizz proprju ta’ l-amministrazzjoni li jippermettilha tidderoga mir-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, u li l-istatus ġuridiku ta’ din il-kumpannija, kif iddefinit fl-Artikolu 88 tal-liġi 66/1997, mhuwiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

22     Wara li kkonstatat li Tragsa tikkostitwixxi mezz li tiddisponi minnha l-amministrazzjoni u li din il-kumpannija hija marbuta twettaq l-ordnijiet tal-poteri pubbliċi, mingħajr ma tista’ tirrifjuta u lanqas tiffissa l-prezz ta’ l-interventi tagħha, it-Tribunal Supremo ltaqa’ ma xi dubji fir-rigward tal-kompattibbilta ta’ Tragsa mad-dritt Komunitarju fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-applikabbiltà ta’ l-impriżi pubbliċi għad-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjoni ħielsa.

23     Barra minn hekk, billi fakkar li, fis-sentenza tagħha tat-8 ta' Mejju 2003 Spanja vs Il-Kummissjoni (C-349/97, Ġabra. p. I‑3851), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta' Tragsa, li din il-kumpannija għandha titqies li hija mezz għall-amministrazzjoni biex topera direttament, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-kawża li tressqet quddiemha, hemm ċirkustanzi ta' fatt li ma ġewx ikkunsidrati mill-imsemmija sentenza, bħalma hija l-parteċipazzjoni pubblika b'saħħitha fis-suq tax-xogħlijiet agrikoli, li tirriżulta f'distorsjoni sinjifikattiv tiegħu, anki jekk l-azzjoni ta' din il-kumpannija tkun de jure barranija għas-suq, fil-każ fejn, minn perspettiva ġuridika, hija l-amministrazzjoni li tkun qed topera.

24     F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Fid-dawl ta' l-Artikolu 86(1) KE, Stat membru ta' l-Unjoni Ewropea jista' jattribbwixxi ex lege lil impriża pubblika status ġuridiku li jippermettilha twettaq xogħlijiet pubbliċi mingħajr ma' tkun suġġetta għas-sistema ġenerali ta’ l-għoti tal-kuntratti tas-servizz pubbliku permezz ta' sejħa għal offerti pubbliċi fejn m'hemmx sitwazzjoni ta' urġenza jew ta' interess pubbliku partikolari kemm ogħla jew inqas mil-limitu ekonomiku previst mil-limitu ekonomiku previst mid-Direttivi ekonomiċi f'dan ir-rigward [?]

2)      Tali status ġuridiku huwa kompatibbli mad-Direttivi tal-Kunsill 93/36 […] u 93/37 […] u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/52/KE, tat-13 ta' Ottubru 1997 [ĠU L 328, p. 1] u tal-Kummissjoni 2001/78/KE, [tat-13 ta' Settembru 2001 (ĠU L 285, p. 1)], li jemendaw id-direttivi preċedenti, direttiva reċentement emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, 2004/18/KE, tal-31 ta' Marzu 2004, [fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p.114)] [ ?]

3)      F'kull każ, is-soluzzjonijiet mogħtija fis-sentenza […] Spanja vs Il-Kummissjoni huma applikabbli għal Tragsa u s-sussidjarji tagħha, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi u tal-fatt li l-amministrazzjoni tordna mingħand Tragsa numru kbir ta' xogħlijiet li, għaldaqstant, mhumiex suġġetti għas-sistema ta' kompetizzjoni ħielsa u li din is-sitwazzjoni tista' toħloq distorsjoni sinjifikattiva tas-suq rilevanti?".

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

25     Tragsa, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jikkontestaw il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari u jressqu dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju billi jinvokaw diversi argumenti.

26     Qabel kollox, dawn id-domandi huma bbażati biss fuq l-evalwazzjoni ta' miżuri nazzjonali, u għaldaqstant ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27     Imbagħad, l-imsemmija domandi huma ipotetitiċi sa fejn huma intiżi li jirrispondu għal problemi mhux rilevanti u barranija għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Jekk l-uniku mezz rilevanti invokat minn Asemfo huwa l-ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti tas-servizz pubbliku, tali ksur ma jkunx fih innifsu kapaċi li jikkonferma li Tragsa kienet qiegħda tabbuża minn pożizzjoni dominanti fis-suq. Barra minn hekk, ma jidhirx li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' tintalab tinterpreta d-direttivi relattivi għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi fil-kuntest ta' proċedura nazzjonali intiża biex tivverifika jekk din il-kumpannija hijiex tabbuża minn pożizzjoni dominanti allegata.

28     Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni ma fiha l-ebda informazzjoni relattiva għas-suq rilevanti u għall-pożizzjoni dominanti allegata ta' Tragsa fuqu. Hija m'għandhiex lanqas raġjonament dettaljat fir-rigward tal-kwistjoni ta' l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 86(1) KE u ma ssemmi xejn dwar l-applikazzjoni konġunta ta' din ta' l-aħħar flimkien ma' l-Artikolu 82KE.

29     Fl-ewwel lok għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, anki jekk mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta' proċedura mressqa skond l-Artikolu 234 KE, fuq il-kompatibbiltà ta’ l-istandardijiet tad-dritt nazzjonali ma' l-istandardijiet tad-dritt Komunitarju, peress li l-interpretazzjoni ta' dawn l-istandardijiet huwa d-dmir tal-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ madankollu kompetenti li tipprovdi lil dawn l-elementi ta' interpretazzjoni kollha li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju li jippermettulhom jevalwaw il-kompatibbiltà ta' dawn l-istandardijiet flimkien mal-leġiżlazzjoni Komunitarja (sentenza tad-19 ta' Settembru 2006, Wilson, C-506/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 34 kif ukoll 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30     Fit-tieni lok, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif prevista fl-Artikolu 234 KE, hija l-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi mressqa mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-1 ta' April 2004, Bellio F.lli, C-286/02, Ġabra p. I-3465, punt 27, u ta' l-14 ta' Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 16 u 17 kif ukoll, il-ġurisprudenza ċċitata).

31     Fit-tielet lok, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li ċ-ċaħda ta' domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali mhijiex possibbli ħlief meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m'għandhiex x'taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella meta l-problema hija ta' natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta' fatt u ta' dritt neċessarji sabiex twieġeb b'mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-23 ta' Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C-238/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, almenu, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2006, Nemec, C-205/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25, u Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33     F'dan ir-rigward, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-imħallef nazzjonali jagħti spjegazzjonijiet minimi fuq ir-raġunijiet ta’ l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom huwa jitlob l-interpretazzjoni u dwar ir-rabta li huwa jistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali (sentenzi Nemec, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26, u tal-5 ta' Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C‑202/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

34     Fil-kawża prinċipali, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista' tagħti deċiżjoni bħala tali fuq il-kompatibbiltà ta’ l-istatus ġuridiku ta' Tragsa mad-dritt Komunitarju, xejn ma jwaqqafha milli tipprovdi l-elementi ta' interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi hija stess fuq il-kompatibbiltà ta’ l-istatus ġuridiku ta' Tragsa mad-dritt Komunitarju.

35     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 sa 33 tas-sentenza preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddisponix mill-elementi ta' fatt u ta' dritt neċessarji sabiex tirrispondi b'mod utli għad-domandi magħmula lilha.

36     F'dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet domandi għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju tesponi, b'mod qasir iżda preċiż, il-fatti tal-kawża prinċipali u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali applikabbli.

37     Fil-fatt, jirriżulta b'mod ċar minn din id-deċiżjoni li din il-kawża seħħet wara lment ippreżentat minn Asemfo fir-rigward ta' l-istatut ġuridiku ta' Tragsa, li din ta' l-aħħar tista', skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, twettaq numru kbir ta' operazzjonijiet fuq ordni diretta ta' l-amministrazzjoni u dan mingħajr ma jiġu rrispettati r-regoli fir-rigward tar-reklamar imsemmija fid-Direttivi dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi. Fil-kuntest tal-kawża preżenti, Asemfo ssostni wkoll li, peress li hija impriża pubblika, Tragsa ma tistax tibbenifika, fuq il-pretest li hija servizz tekniku ta' l-amministrazzjoni, minn trattament ipprivileġġjat fir-rigward tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

38     Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tieni u t-tielet domandi, id-deċiżjoni tar-rinviju tispjega, billi tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, ir-raġunijiet għalfejn il-qorti tar-rinviju qed titlob l-interpretazzjoni tad-Direttivi dwar l-għoti tal-kuntratti tas-servizz pubbliku, kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-rabta bejn il-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f'dan ir-rigward.

39     Fir-rigward ta' l-ewwel domanda, li tirrigwarda l-punt li jsir magħruf jekk l-Artikolu 86(1) KE jipprekludix l-istatus ġuridiku ta' Tragsa, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond dan l-Artikolu, l-Istati membri, f'dak li jirrigwarda l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, ma jistabbilixxux u lanqas iżommu xi miżura li tmur kontra r-regoli tat-Trattat KE, b'mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 12 KE u 81 KE sa 89 KE inklużi.

40     Jirriżulta mit-termini ċari ta' l-Artikolu 86(1) KE li dan m'għandux portata awtonoma fis-sens li għandu jinqara flimkien mar-regoli rilevanti tat-Trattat.

41     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-dispożizzjoni relevanti intiża mill-qorti tar-rinviju hija l-Artikolu 86(1) KE flimkien ma' l-Artikolu 82 KE.

42     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ma teżistix indikazzjoni preċiża fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward ta' l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti, l-użu abbużiv tagħha minn Tragsa u l-impatt ta' tali pożizzjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri.

43     Barra minn hekk, jidher li, bl-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tindika, essenzjalment, l-operazzjonijiet li jistgħu jiġu kkwalifikati b'suq pubbliku, premessa li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja hija, f'kull każ, mitluba tiddeċiedi fil-kuntest tat-tieni domanda.

44     Għaldaqstant jirriżulta minn dak li ntqal qabel li, kontra t-tieni u t-tielet domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix mill-elementi ta' fatt u ta' dritt neċessarji sabiex tirrispondi b'mod utli għall-ewwel domanda.

45     Isegwi illi, jekk l-ewwel domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, it-talba għal deċizjoni preliminari hija ammissibbli fir-rigward taż-żewġ domandi l-oħra.

 Fuq il-mertu

 Fuq it-tieni domanda

46     Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttivi 93/36 u 93/37, kif emendati mid-Direttivi 97/52, 2001/78 u 2004/18, jipprekludux lil status ġuridiku bħal dak li tibbenifika minnha Tragsa, li jippermettilha twettaq xi operazzjonijiet mingħajr ma tkun suġġetta għas-sistema prevista mill-imsemmija Direttivi.

47     Preliminarjament, hemm lok li kkonstatat li, minkejja r-riferimenti magħmula mill-qorti tar-rinviju għad-Direttivi 97/52, 2001/78 u 2004/18, fid-dawl kemm tal-kuntest kif ukoll tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali kif ukoll tan-natura ta' l-attivitajiet ta' Tragsa kif ippreċiżat fl-88(3) tal-liġi 66/1997, għandu jsir eżami ta' din it-tieni domanda fid-dawl tar-regoli elenkati fid-Direttivi dwar l-għoti tal-kuntratti tas-servizz pubbliku, jiġifieri d-Direttivi 92/50, 93/36 u 93/37, li huma rilevanti fil-każ preżenti.

48     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 1(a) tad-Direttivi msemmija fil-punt preċedenti, kuntratt pubbliku ta' provvista jew ta' xogħol jippreżupponi l-eżistenza ta' kuntratt b'titolu oneruż, li jkun sar bil-miktub bejn, minn naħa, prestatarju, fornitur jew imprenditur u, min-naħa l-oħra, awtorità kontraenti fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) ta' l-imsemmija Direttivi.

49     Fil-kawża preżenti għandu jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, skond it-termini ta' l-Artikolu 88(1) u (2), tal-liġi 66/1997, Tragsa hija kumpannija ta' l-Istat, li fil-kapital tagħha jistgħu jipparteċipaw ukoll il-Komunitajiet awtonomi. L-Artikolu 88(4) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali 371/1999 jippreċiżaw li Tragsa hija strument u servizz tekniku ta' l-amministrazzjoni ġenerali ta' l-Istat u ta' kull Komunità awtonoma kkonċernata.

50     Isegwi li, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 3(2) sa (5), u 4(1),(2) u (7) tad-Digriet Irjali 371/1999, Tragsa hija marbuta li twettaq l-ordnijiet li jsirula mill-amministrazzjoni Ġenerali ta' l-Istat, il-Komunitajiet awtonomi u l-korpi pubbliċi li jiddependu fuq dawn ta' l-aħħar, fl-oqsma li jaqgħu taħt l-għan soċjali tagħha, u hija ma tiddisponix mill-possibbiltà li tiffissa b'mod ħieles it-tariffi ta' l-interventi tagħha.

51     Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 3(6) ta' l-imsemmi Digriet Irjali, ir-relazzjonijiet ta' Tragsa ma' l-imsemmija entitajiet pubbliċi, safejn din il-kumpannija hija strument u servizz tekniku tagħhom, mhumiex ta' natura kuntrattwali, iżda f'kull rigward, ta' natura interna, dipendenti u kkundizzjonata.

52     Asemfo ssostni li r-relazzjoni ġuridika li tirriżulta mill-ordnijiet li tirċievi Tragsa, anki jekk huma formalment ta' natura unilaterali, huma fir-realtà, kif ukoll jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ rabta kuntrattwali inkontestabbli mal-prinċipali. F'dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et (C‑399/98, Ġabra p. I‑5409). F'dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk Tragsa tidher li qiegħda taġixxi fuq ordni ta' l-awtoritajiet pubbliċi, hija tkun fir-realtà parti kontraenti ta' l-amministrazzjoni, b'tali mod li r-regoli ta' l-għoti ta' kuntratti pubbliċi jkollhom jiġu applikati.

53     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li fil-punt 205 tas-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f'kuntest differenti għal dak fil-kawża prinċipali, li, bħala strument u servizz tekniku ta' l-amministrazzjoni Spanjola, Tragsa hija marbuta li twettaq, b'mod esklużiv, minnha stess jew permezz tas-sussidjarji tagħha, ix-xogħlijiet fdati lilha mill-amministrazzjoni ġenerali ta’ l-istat, il-komunitajiet awtonomi u l-korpi pubbliċi li jiddependu minnhom.

54     Għandu jiġi osservat li, jekk Tragsa ma tiddisponi minn ebda liberta, la biex taċċetta ordni magħmula lilha mill-awtoritajiet kompetenti in kwistjoni u lanqas fir-rigward tat-tariffa applikabbli għall-provvista tas-servizzi tagħha, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabilixxi, il-kundizzjoni ta' l-applikabbiltà tad-Direttivi kkonċernati fir-rigward ta' l-eżistenza ta' kuntratt ma tiġix sodisfatta.

55     F'kull każ, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sejħa għal offerti, skond id-Direttivi dwar l-għoti tal-kuntratti tas-servizz pubbliku, mhijiex obbligatorja, anki jekk il-parti kontraenti l-oħra tkun entità ġurikament distinta mill-awtorità kontraenti, meta jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa l-awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, teżerċita fuq l-entità distinta in kwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, u min-naħa l-oħra din l-entità twettaq il-parti l-kbira ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha (ara s-sentenza tat-18 ta' Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punt 50; tal-11 ta' Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, Ġabra p. I-1, punt 49; tat-13 ta' Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-84/03, Ġabra p. I-139, punt 38; ta' l-10 ta' Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C-29/04, Ġabra p. I-9705, punt 34, u tal-11 ta' Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C‑340/04, Ġabra I‑4137, punt 33).

56     Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet rikjesti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti humiex sodisfatti fir-rigward ta' Tragsa.

57     Fir-rigward ta' l-ewwel kundizzjoni, dwar il-kontroll ta' l-awtorità pubblika, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li l-awtorità aġġudikatriċi tikkontrolla, waħedha jew flimkien ma' awtoritajiet pubbliċi oħra, it-totalità tal-kapital ta' kumpannija rebbieħa jwassal sabiex jindika, mingħajr ma jkun deċisiv, li din l-awtorità aġġudikatriċi teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha. (sentenza Carbotermo u Consorzio Alisei, iċċitata aktar 'il fuq, punt 37).

58     Fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-inkartament, u b'riżerva għal verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju, li 99 % tal-kapital ta' Tragsa huwa miżmum mill-Istat Spanjol stess, kif ukoll mill-aġenti ta' kumpannija holding u fond ta’ assigurazzjoni, u li erba' Komunitajiet awtonomi, li kull waħda minnhom jiddisponu minn sehem, għandhom 1 % ta' l-imsemmi kapital.

59     F'dan ir-rigward, ma tistax tiġi sostnuta t-teżi li tgħid li l-imsemmija kundizzjoni ġiet sodisfatta biss mill-kuntratti mwettqa fuq ordni ta' l-Istat Spanjol, bl-esklużjoni ta' dawk li kienu s-suġġett ta' ordni tal-Komunitajiet awtonomi li fid-dawl tagħhom Tragsa għandha tiġi kkunsidrata bħala parti terza.

60     Fil-fatt, jidher li jirriżulta mill-Artikoli 88(4) tal-liġi 66/1997 kif ukoll mill-Artikolu 3(2) sa (6), u l-Artikolu 4(1) u (7), tad-Digriet Irjali 371/1999 li Tragsa hija marbuta li twettaq l-ordnijiet magħmula lilha mill-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-Komunitajiet awtonomi. Jidher ukoll li jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħalma huwa l-każ f'dak li jikkonċerna l-Istat Spanjol, fil-kuntest ta' l-attivitajiet tiegħu flimkien ma' dawn ta' l-aħħar bħala strument u servizz tekniku, Tragsa ma tiddisponix mill-possibbiltà li tiffissa b;mod ħieles it-tariffa ta' l-interventi tagħha u li r-rapport tagħha ma' l-imsemmija Komunitajiet mhuwiex ta' tip kuntrattwali.

61     Għaldaqstant, jidher li Tragsa ma tistax titqies li hija parti terza b’relazzjoni mal-Komunitajiet awtomoni li jżommu parti mill-kapital tagħha.

62     Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, dwar il-fatt li l-parti l-kbira ta' l-attività ta' Tragsa għandha titwettaq flimkien ma' l-awtorità jew l-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollaw din il-kumpannija, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, meta diversi awtoritajiet jikkontrollaw impriża, il-kundizzjoni relatata mal-parti l-kbira ta' l-attività tagħha tista' tiġi sodisfatta jekk din l-impriża teffettwa l-parti l-kbira ta' l-attività tagħha, mhux neċessarjament ma' dik jew l-oħra minn dawn l-awtoritajiet, iżda ma' dawn l-awtoritajiet meħuda fit-totalità tagħhom (sentenza Carbotermo u Consorzio Alisei, iċċitata aktar 'il fuq, punt 70).

63     Fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta wkoll mill-inkartament, Tragsa twettaq iktar minn 55% tal-medja ta' l-attività tagħha flimkien mal-Komunitajiet awtonomi, u kważi 35% minn dan ma' l-Istat. Għaldaqstant jidher li l-parti l-kbira ta' l-attività ta' din il-kumpannija titwettaq ma' l-awtoritajiet u mal-korpi pubbliċi li jikkontrollawha.

64     F'dawn iċ-ċirkustanzi, u b'riżerva għal verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li ż-żewġ kundizzjonijiet rikjesti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 tal-kawża preżenti huma sodisfatti f'dan il-każ.

65     Jirriżulta mit-totalità tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu qabel li hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li d-Direttivi 92/50, 93/36 u 93/37 ma jipprekludux status ġuridiku, bħal dik li tibbenifika minnha Tragsa, li jippermettilha, bħala impriża pubblika li taġixxi fil-kwalità tagħha ta' strument u ta' servizz tekniku għal diversi awtoritajiet pubbliċi, li twettaq dawn l-operazzjonijiet mingħajr ma tkun suġġetta għas-sistema prevista mill-imsemmija Direttivi, peress li, minn naħa, l-awtorità pubblika kkonċernata teżerċita fuq din l-impriża kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, u min-naħa l-oħra, din l-entità twettaq il-parti l-kbira ta' l-attività tagħha ma' dawn l-istess awtoritajiet.

 Fuq it-tielet domanda

66     Fir-rigward tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, mhemmx lok li tingħata risposta separata għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

67     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, id-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista, u d-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, ma jipprekludux status ġuridiku bħal dik li tibbenifika minnu Tragsa, li jippermettilha, bħala impriża pubblika li taġixxi fil-kwalità tagħha ta' strument u ta' servizz tekniku għal diversi awtoritajiet pubbliċi, li twettaq dawn l-operazzjonijiet mingħajr ma tkun suġġetta għas-sistema prevista mill-imsemmija Direttivi, peress li, minn naħa, l-awtorità pubblika kkonċernata teżerċita fuq din l-impriża kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u, min-naħa l-oħra, din l-entità twettaq il-parti l-kbira ta' l-attività tagħha ma' dawn l-istess awtoritajiet.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq