EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CO0040

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tad-9 ta' Jannar 2007.
Juers Pharma Import-Export GmbH vs Oberfinanzdirektion Nürnberg.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht München - il-Ġermanja.
L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Tariffa Doganali Komuni - Nomenklatura magħquda - Klassifika tat-tariffa - Kapsuli li fihom essenzjalment il-melatonina - Mediċini.
Kawża C-40/06.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:2

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Cour)

9 ta’ Jannar 2007 (*)

“L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura magħquda – Klassifika tat-tariffa – Kapsuli li fihom essenzjalment il-melatonina – Mediċini”

Fil-kawża C-40/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Jannar 2006, fil-proċedura

Juers Pharma Import-Export GmbH

vs

Oberfinanzdirektion Nürnberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn R. Schintgen, President ta’ l-Awla, A. Tizzano (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 104 (3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-titolu 3004 tan-nomenklatura magħquda li tinsab fl-anness I tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU L 281, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kontroversja bejn Juers Pharma Import-Export GmbH (iktar ’il quddiem “Juers Pharma”) u l-Oberfinanzdirektion Nürnberg (amministrazzjoni tal-finanzi f’Norimberga, iktar ’il quddiem l-“OFD”) fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala mediċina jew bħala preparazzjoni ta’ l-ikel fis-sens tan-NM ta’ kapsuli li fihom essenzjalment il-melatonina (iktar ’il quddiem il-kapsuli tal-melatonina”).

 Il-kuntest ġuridiku

3       In-NM li ġiet fis-seħħ permezz tar-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifika ta’ Merkanzija, li fiha t-titoli u s-subtitoli b’sitt numri, huma biss is-seba’ u t-tmien numri li jistabbilixxu s-subtitoli li jikkonċernawha. Minbarra n-NM, ir-rati ta’ dazji awtonomi u konvenzjonali kif ukoll it-taqsimiet supplementari ta’ statistika jinsabu wkoll fl-Anness I ta’ l-imsemmi Regolament.

4       It-titolu 3004 tan-NM, li jinsab fil-Kap 30 tagħha, jikkonċerna l-“[m]ediċini (minbarra l-prodotti tan-numri 3002, 3005 jew 3006) magħmula minn prodotti mħallta jew mhux imħallta, prodotti għal finijiet terapewtiċi jew profilattiċi, li jinsabu f’forma ta’ dożi (inklużi dawk intiżi li jiġu amministrati billi jiġu assorbiti mill-ġilda) jew imtella għal bejgħ bl-imnut”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-merkanzija li tirriżulta minn dan it-titolu huma eżenti mid-dazju doganali.

5       It-titolu 2106 tan-NM hija intitolata “Preparazzjonijiet ta’ l-ikel mingħajr isem li ma jinstabux f’postijiet oħra”. Il-preparazzjonijiet ta’ l-ikel li jirriżultaw minn dan it-titolu, għaldaqstant, jaqgħu taħt id-dritt doganali.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6       Juers Pharma timporta kapsuli tal-melatonina bit-trade mark Twinlab Melatonine Caps fl-Unjoni Ewropea, mill-Istati Uniti. Dan il-prodott huwa ppreżentat bħala suppliment ta’ l-ikel u deskritt bħala tali fit-tikketta tiegħu, li jġib l-isem ta’ “Dietary Supplement”. Mibjugħin kif inhuma, kull waħda minn dawn il-kapsuli tikkorrispondi għal doża ta’ kuljum.

7       Fis-26 ta’ Jannar 2004, Juers Pharma talbet liż-Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt (istitut tekniku ta’ kontroll u ta’ informazzjoni doganali, iktar ’il quddiem “ZPLA”) ta’ Cologne informazzjoni tariffarja restrittiva (iktar ’il quddiem l-“ITR”) li tikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ kapsuli tal-melatonina fil-kawża prinċipali fis-subtitolu 3004 5010 tan-NM, relatata ma’ “mediċina oħra li fiha vitamini jew prodotti oħra tan-Nru 2936 imtella għall-bejgħ bl-imnut”.

8       Fit-22 ta’ April 2004, iż-ZPLA ta’ Munich, li lilha ż-ZPLA ta’ Cologne kienet bagħtet it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ħarġet ITR li tikklassifika l-imsemmija kapsuli, bħala preparazzjoni ta’ l-ikel li tirriżulta mit-titolu 2106, fis-subtitolu 2106 9098.

9       Billi qieset li l-klassifikazzjoni ma kinitx korretta, Juers Pharma ressqet ilment quddiem l-OFD, li ġie miċħud b’deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2005.

10     Juers Pharma ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht München, fejn sostniet li l-prodott fil-kawża prinċipali huwa mediċina u għaldaqstant għandu jiġi kklassifikat taħt it-titolu 3004. Dan il-prodott għandu, fil-fatt, karatteristika terapewtika speċifika peress li huwa utli biex ifejjaq jew itaffi mill-problemi ta’ rqad.

11     L-OFD issostni madankollu, li l-imsemmi prodott ma jistax jiġi kklassifikat taħt it-titolu 3004 bħala mediċina minħabba li huwa esposta bħala supplement ta’ l-ikel, mingħajr indikazzjoni ta’ finijiet terapewtiċi jew profilattiċi.

12     Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-prodott fil-kawża prinċipali, bħal kull preparazzjoni li fiha l-melatonina, huwa sistematikament ikkwalifikat bħala mediċina mil-leġiżlazzjoni farmaċewtika applikabbli fil-Komunità Ewropea minħabba l-effetti kunsiderevoli fuq il-ġisem tal-bniedem.

13     Fil-fatt, skond il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-kapsuli tal-melatonina huma prinċipalment intiżi biex itaffu jew ifejqu mill-problemi ta’ rqad u l-effetti tal-bdil fil-ħinijiet permezz ta’ l-effett stabilizzanti tagħhom fuq is-sistema nervuża tal-bniedem.

14     B’hekk, fil-Ġermanja, dawn il-kapsuli jistgħu biss jiġu legament mibjugħin fi spiżeriji u taħt preskrizzjoni medika.

15     Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-merti tal-klassifikazzjoni ta’ l-imsemmija kapsuli bħala “mediċini” fis-sens tat-titolu 3004 tan-NM, fid-dawl tal-fatt li dawn, wara ħafna snin, jiġu kkwalifikati bħala preparazzjoni ta’ l-ikel mill-ITR mogħti fl-Istati Membri.

16     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht München iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“In-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li kapsuli tal-melatonina ppreżentati bħala supplementi ta’ l-ikel, peress li dawn ma ġewx awtorizzati bħala mediċina għandhom, jiġu kklassifikati fit-titolu 3004?”

 Fuq id-domanda preliminari

17     Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li t-tweġiba għal domanda preliminari tkun tista kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni permezz ta’ digiret motivat.

18     Bid-domanda tagħha, il-Finanzgericht München titlob, sostanzjalment, jekk prodotti bħall-kapsuli tal-melatonina fil-kawża prinċipali jirriżultawx mit-titolu 3004 tan-NM.

19     Il-qorti tar-rinviju jxaqleb lejn tweġiba affermativa. Madankollu, hija għandha dubji fir-rigward tal-merti ta’ din l-evalwazzjoni fid-dawl tal-fatt li l-ITR li nħarġet fl-Istati Membri jikklassifikaw l-imsemmija kapsuli mal-preparazzjonijiet ta’ l-ikel fis-sens tat-titolu 2106 tan-NM.

20     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li applikazzjoni eventwali li ma taqbilx mal-leġizlazzjoni f’ċerti Stati Membri ma teffettwax l-interpretazzjoni tat-tariffa doganali komuni bbażata fuq l-intestatura tat-titoli tariffarji (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Post, C-120/90, Ġabra p. I-2391, punt 24, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, Ġabra p. I-8151, punt 36).

21     Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita, li sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-faċilità ta’ kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ merkanzija għandu jiġi mfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti fl-intestatura tat-titoli tan-NM u fin-noti tas-sezzjonijiet jew tal-kapitoli (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C-396/02, Ġabra. p. I-8439, punt 27, tat-8 ta’ Diċembru 2005, Possehl Erzkontor, C-445/05, Ġabra p. I-10721, punt 19, u tat-8 ta’ Ġunju 2006, Sachsenmilch, C-196/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22).

22     Fir-rigward tat-titolu 3004 tan-NM, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma “mediċini” fis-sens ta’ dan it-titolu ta’ prodotti li jippreżentaw profil terapewtiku jew profilattiku kompletament iddefinit, li l-effett tagħhom huwa mmirat għal funzjonijiet preċiżi ta’ l-organiżmu tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Jannar 1993, Bioforce, C-177/91, Ġabra p. I-45, punt 12; tal-15 ta’ Mejju 1997, Bioforce, C-405/95, Ġabra p. I-2581, punt 18; tat-12 ta’ Marzu 1998, Laboratoires Sarget, C-270/96, Ġabra p. I-1121, punt 28, kif ukoll ta’l-10 ta’ Diċembru 1998, Glob-Sped, C-328/97, Ġabra p. I-8357, punti 29 u 30).

23     Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li t-tali prodotti huma ppreżentati taħt forma ta’ dożi jew li huma mtellgħin għall-bejgħ bl-imnut jikkostitwixxi, kif tindika l-istess intestatura tat-titolu 3004, kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara d-digriet tad-19 ta’ Jannar 2005, SmithKline Beecham, C-206/03, Ġabra p. I-415, punt 34).

24     Issa, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kapsuli tal-melatonina jissodisfaw iż-żewġ kriterji msemmija.

25     Fl-ewwel lok, skond il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dawn il-kapsuli jikkostitwixxu prinċipalment trattament għall-problemi ta’ rqad u ta’ l-effetti tal-bdil tal-ħin permezz ta’ l-effett stabilizzanti tagħhom fuq is-sistema nervuża tal-bniedem. Għaldaqstant, huma għandhom natura terapewtika u profilattika kompletament iddefinita.

26     Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-punt 6 ta’ dan id-digriet, il-prodott fil-kawża prinċipali huwa mibjugħ f’forma ta’ kapsuli, fejn kull waħda minnhom tikkorrispondi għal doża ta’ kuljum.

27     Għaldaqstant, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fin-NM, skond l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, prodotti bħall-kapsuli tal-melatonina fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li huma “mediċini” fis-sens tat-titolu 3004.

28     L-argument imressaq mill-OFD, li jgħid li l-imsemmija kapsuli ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt dan it-titolu peress li huma ppreżentati bħala supplement ta’ l-ikel, ma jikkontestax din il-kwalifika.

29     Fil-fatt jista sempliċement jiġi rrilevat, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, li la l-intestatura tat-titolu 3004 u l-anqas in-noti li jinsabu fil-bidu tal-Kap 30 tan-NM għall-klassifikazzjoni tat-tariffa ta’ prodotti f’dan il-kapitolu ma jirreferu għall-preżentazzjoni tal-prodott, u għaldaqstant dan l-element m’għandux valur determinanti għall-klassifikazzjoni tiegħu fin-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 1997, LTM, C-201/96, Ġabra p. I-6147, punt 28, u Laboratoires Sarget, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, kif ukoll id-digriet SmithKline Beecham, iċċitat iktar ’il fuq, punt 33). L-isem “supplement ta’ l-ikel” magħżul mill-produttur għall-prodott ikkonċernat ma jeskludix il-klassifikazzjoni tarriffarja tiegħu bħala mediċina.

30     Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, għandha tiġi mwieġba d-domanda preliminari li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li kapsuli tal-melatonina bħal dawk fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt it-titolu tariffarju 3004.

 Fuq l-ispejjeż

31     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tordna:

In-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta' Settembru 2003, għandha tiġi interpretata fis-sens li kapsuli tal-melatonina bħal dawk fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt it-titolu tariffarju 3004.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq