Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CC0503

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 28 ta' Marzu 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta' l-Istat - Nuqqas ta' eżekuzzjoni - Artikolu 228 KE - Miżuri li jassiguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja - Rexissjoni ta' kuntratt.
Kawża C-503/04.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-06153

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:190

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

VERICA TRSTENJAK

ippreżentati fit-28 ta’ Marzu 2007 1(1)

Kawża C-503/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 228(2) KE – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ l-Istat – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Multi”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest ta’ rikors imressaq mill-Kummissjoni, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 228(2) KE, kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għan-nuqqas tagħha li twettaq obbligu. Ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat, mill-Qorti tal-Ġustizzja, li billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-10 ta’ April 2003, fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, dwar l-għoti ta’ kuntratt għall-ġbir ta’ l-ilma użat tal-komun ta’ Bockhorn u ta’ kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart tal-belt ta’ Brunswick, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 228(1) KE(2).

2.        F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet kisret il-liġi Komunitarja dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Minn naħa, hija kkunsidrat bħala stabbilit il-fatt li l-kuntratt dwar il-ġbir ta’ l-ilma użat tal-komun ta’ Bockhorn ma kienx ingħata wara sejħa għal offerti u li r-riżultat tal-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt ma kienx ġie ppublikat fis-supplement tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, u dan bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 flimkien ma’ l-Artikoli 15(2) u 16(1) tad-Direttiva 92/50/KEE(3). Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat li l-belt ta’ Brunswick kienet tat kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart billi rrikorriet għall-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż tal-kuntratt pubbliku, minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva, iċċitata iktar ’il fuq, għall-għoti ta’ kuntratti negozjati mingħajr sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju, ma kinux issodisfati.

3.        F’din il-kawża, il-kwistjoni ċentrali hija dwar x’konklużjonijiet kellha tiddeduċi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003 sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li tikkonforma ruħha mad-dritt Komunitarju. Għalkemm il-Kummissjoni ssostni li l-kuntratti tad-dritt privat, li kienu ġew konklużi inizjalment għal tul ta’ mill-inqas 30 sena kellhom jiġu mitmuma, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiċħad li hija għandha obbligu ta’ dan it-tip billi tibbaża essenzjalment fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri taħt l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/655/KEE(4), li jillimitaw il-poteri tal-korp responsabbli mir-reviżjoni tal-proċeduri għall-ħlas ta’ kumpens għal dannu.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        L-Artikolu 228 KE jipprovdi li:

“Jekk [il]-Qorti tal-Ġustizzja issib li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligazzjoni taħt dan it-Trattat, l-Istat ikun marbut li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimxi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru involut ma jkunx ħa dawn il-miżuri hija, għandha, wara li tagħti l-opportunità lill-Istat biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, tagħti opinjoni motivata fejn tispeċifika l-punti li dwarhom l-Istat Membru involut ma jkunx ikkonforma ruħu mal-ġudizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Jekk l-Istat Membru involut jonqos milli jieħu l-passi neċessarji biex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti fiż-żmien indikat mill-Kummissjoni, din tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tagħmel hekk, għandha tindika is-somma ta’ ħlas f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità li tikkonsidra illi l-Istat Membru involut għandu jħallas skond iċ-ċirkostanzi.

Jekk lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultalha li l-Istat Membru involut ma jkunx mexa skond is-sentenza tagħha, din tista’ timponi fuqu l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità…”.

5.        L-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi li:

“L-effetti ta’ l-eżerċizzju tal-poteri msemmij[a] fil-pargrafu 1 dwar kuntratt konkluż sussegwentement għall-għoti tiegħu għandhom jiġu stabbilit[i] bil-liġi nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief meta deċiżjoni għandha titwarrab qabel ma jingħataw id-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt wara l-għoti tiegħu, il-poteri tal-korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jiġu limitati għall-għoti ta’ danni lil kull persuna li ssofri minn ksur”.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –    Is-sentenza mogħtija fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01

6.        Fil-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tagħha ta’ l-10 ta’ April 2003, fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

“1) Billi l-komun ta’ Bockhorn (Il-Ġermanja) ma għamilx sejħa għal offerti għall-kuntratt dwar il-ġbir ta’ l-ilma użat tiegħu u billi ma ppubblikax ir-riżultat tal-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt pubbliku fis-supplement tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta tat dan il-kuntratt ta’ servizz pubbliku, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8, flimkien ma’ l-Artikoli 15(2) u 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [ĠU L 209, p. 1].

2) Billi l-belt ta’ Brunswick (Il-Ġermanja) tat il-kuntratt dwar ir-rimi ta’ l-iskart tagħha bi proċedura negozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż tal-kuntratt, minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 għall-għoti ta’ kuntratti negozjati mingħajr sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju ma kinux issodisfati, meta ngħata dan il-kuntratt ta’ servizz pubbliku r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 8 u 11(3)(b) ta’ din id-direttiva”.

7.        Għal espożizzjoni dettaljata tal-fatti u tal-proċeduri f’dawn il-kawżi, nirreferi għat-test ta’ din is-sentenzi(5).

B –    Il-proċedura preliminari fil-kawża C-503/04

8.        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni talbet lill-Gvern Ġermaniż sabiex jibgħatilha informazzjoni dwar il-miżuri li huwa ħa sabiex jikkonforma mas-sentenza msemmija hawn fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja. F’risposta, tas-7 ta’ Awissu 2003, il-Gvern Federali indika li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet dejjem ammettiet il-ksur u ħadet il-miżuri kollha meħtieġa sabiex dan ma jiġix irrepetut. Min-naħa l-oħra, huwa sostna li bl-ebda mod ma kien obbligat itemm iż-żewġ kuntratti in kwistjoni.

9.        Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ xahrejn.

10.      Fil-komunikazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Diċembru 2003, il-Gvern Federali rribadixxa li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dejjem ammettiet u kkundannat il-ksur u ħadet il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tevita li dan jiġi rrepetut. Barra minn hekk, f’ittra tal-bidu ta’ Diċembru 2003, huwa talab lill-Gvern tal-Land ta’ Niedersachsen sabiex jassigura li tiġi osservata l-liġi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u sabiex jibgħatlu informazzjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ ksur simili. Il-Gvern Federali għamel ukoll referenza għall-Artikolu 13 tad-digriet Ġermaniż dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2001, li jipprovdi għan-nullità tal-kuntratti konklużi minn awtorità kontraenti meta l-offerenti mhux magħżula ma jkunux ġew informati bil-konklużjoni ta’ l-istess kuntratti fi żmien 14-il jum ta’ qabel l-għoti tal-kuntratt. Fl-aħħar nett, il-Gvern Federali sostna li d-dritt Komunitarju ma jirrikjedix ir-rexxissjoni taż-żewġ kuntratti li kienet tirreferi għalihom is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja.

11.      Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ April 2004, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li fiha enfasizzat li, in kwantu l-kuntratti in kwistjoni kellu jkollhom effett għal diversi deċennji oħra, mhuwiex biżżejjed li jiġi evitat li dan il-ksur jerġa’ jseħħ fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-futur. Fil-fehma tagħha, l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003 teħtieġ it-teħid ta’ miżuri sabiex in-nuqqas fil-każijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ttrattati fis-sentenza jinġab fi tmiemu. Hija tat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja terminu ta’ xahrejn dekorribbli mid-data li fiha rċeviet l-ittra sabiex tagħmel dan. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondiet permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2004, fejn hija kkonfermat il-pożizzjoni tagħha.

12.      Il-Kummissjoni, filwaqt li sostniet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx ħadet il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2004.

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Fil-verżjoni oriġinali tar-rikors, kien intalab li, minn naħa, jiġi kkonstatat li, peress li ma ħaditx il-miżuri li joħorġu mis-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003 fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, dwar l-għoti ta’ kuntratt għall-ġbir ta’ l-ilma użat tal-komun ta’ Bockhorn u ta’ kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart tal-belt ta’ Brunswick, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 228(1) tat-Trattat KE. Min-naħa l-oħra, ir-rikors kien fih talba sabiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont tar-riżorsi propri tal-Komunità Ewropea, penali fl-ammont ta’ EUR 31,680 għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ruħha mas-sentenza msemmija iktar ’il fuq għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart mill-belt ta’ Brunswick. Fl-aħħar nett, ir-rikors kien fih talba sabiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż.

14.      Matul il-fażi tal-proċedura bil-miktub, ġew mitmuma l-kuntratti in kwistjoni. Fir-risposta tad-difiża tagħha ta’ l-14 ta’ Frar 2005, li ġiet ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Frar 2005, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ddikjarat li fit-3 ta’ Jannar 2005 il-komun ta’ Bockhorn u l-impriża in kwistjoni kienu kkonkludew ftehim għar-rexxissjoni tal-kuntratt għall-ġbir ta’ l-ilma użat. Fl-istess risposta, hija talbet li jiġi miċħud ir-rikors u sussidjarjament li s-sentenza fuq ir-rikors ikollha biss effett prospettiv, kif ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż.

15.      Fir-replika tagħha tas-26 ta’ April 2005, il-Kummissjoni ddikjarat li għal dak li jirrigwarda dan il-motiv, hija la kienet ser tkompli r-rikors tagħha u lanqas it-talba għall-impożizzjoni ta’ penali.

16.      Fil-kontroreplika tagħha tat-28 ta’ Lulju 2005, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (skond ftehim ta’ l-4 u 5 ta’ Lulju 2005) ħabbret li minn dakinhar il-belt ta’ Brunswick kien irnexxielha wkoll ittemm il-kuntratt li kien jikkonċernaha; konsegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħlaq il-proċedura kompletament skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 92(2) u 91(3) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura u sabiex tordna l-kanċellament tal-kawża; sussidjarjament, hija talbet li jiġi miċħud ir-rikors kollu minħabba l-inammissibbiltà tiegħu. Bħala prekawzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li f’dak l-istadju ma kienx għadu possibbli li tiġi kkundannata tħallas somma f’daqqa minħabba raġunijiet proċedurali u kif ukoll ta’ mertu.

17.      Il-Kummissjoni rreaġixxiet billi, fl-osservazzjonjiet tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2005, qalet li kienet qed tkompli r-rikors oriġinali tagħha safejn jikkonċerna l-konstatazzjoni li, fid-data rilevanti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx ikkonformat ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna l-kuntratt konkluż mill-belt ta’ Brunswick. Barra minn hekk, tenut kont tar-rexxissjoni a posteriori ta’ dan it-tieni kuntratt ukoll, hija sostniet li l-kundanna għall-ħlas ta’ penali ma kinitx għadha meħtieġa. Fl-istess osservazzjonijiet, il-Kummissjoni rrilevat li, għalkemm il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa kienet għadha possibbli, madankollu hija kien jidhrilha li ma kienx xieraq li tagħmel talba f’dan is-sens, tenut kont taċ-ċirkustanzi.

18.      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ġunju 2005, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja ġew ammessi li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u dan skond l-Artikolu 93(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

19.      Il-proċedura orali saret fis-7 ta’ Diċembru 2006 bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża.

V –    Motivi u argumenti prinċipali

20.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tippreżenta diversi lmenti relattivi għall-ammissibbiltà tar-rikors u ssostni li l-istess rikors huwa, barra minn hekk, infondat.

A –    L-ammissibbiltà tar-rikors

1.      Il-legalità tal-proċedura

21.      L-ewwel nett, il-Gvern Ġermaniż jinvoka n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-Kummissjoni li tressaq rikors peress li hija ma ppreżentatx talba għal interpretazzjoni tas-sentenza skond l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fehma tiegħu l-kwistjoni dwar l-effetti marbuta mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, kellha tiġi solvuta permezz ta’ l-imsemmija talba, u mhux billi jitressaq rikors skond l-Artikolu 228 KE. Il-preżentata immedjata ta’ rikors sabiex tiġi imposta penali mingħajr talba minn qabel għall-interpretazzjoni, barra minn hekk, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

22.      Il-Kummissjoni tibbaża r-rikors tagħha fuq il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma adottatx miżuri li jwassluha sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, minkejja li kienet obbligata tagħmel dan bl-Artikolu 228(1) KE. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet is-setgħa tal-Kummissjoni li, permezz ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tikseb dikjarazzjoni, fid-dawl tal-fatt li ntemm, ta’ ksur imwettaq mill-Istati Membri fir-rigward ta’ l-obbligi tagħhom taħt id-dritt Komunitarju, per eżempju taħt il-forma ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi fit-tul konklużi bi ksur tad-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi.

23.      Il-Kummissjoni tikkontesta li l-kwistjoni setgħet tinqata’ permezz ta’ talba għal interpretazzjoni ppreżentata skond l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest tal-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 226 KE, li wasslet għas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003. Din id-dikjarazzjoni hija l-unika kontenut possibbli ta’ sentenza li tilqa’ r-rikors, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-miżuri li Stat Membru għandu jieħu wara din is-sentenza.

2.      Nuqqas tas-suġġett tal-kawża

24.      Il-Gvern Ġermaniż jipproponi l-għeluq tal-proċedura skond l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfati. Kemm il-kuntratt għall-ġbir ta’ l-ilma użat tal-komun ta’ Bockhurn kif ukoll il-kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart tal-belt ta’ Brunswick, li ż-żamma fis-seħħ tagħhom kienet wasslet lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċeduri, issa huma mitmuma. Konsegwentement, ir-rikors m’għandux suġġett u l-kawża prinċipali tispiċċa.

25.      Sussidjarjament, il-Gvern Ġermaniż isostni li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku peress li, mar-rexissjoni tal-kuntratti in kwistjoni, m’hemmx aktar raġuni li timmotiva lill-Istati Membri jikkonformaw ruħhom mas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skond l-Artikolu 228(2) KE, ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk jeżistix interess ġuridiku tiddependi mid-data ta’ l-aħħar seduta u mhux minn dik ta’ l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata.

26.      Il-Gvern Olandiż jaqbel ma’ l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż u jipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku, peress li mar-rexissjoni tal-kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart konkluż mill-belt ta’ Brunswick is-suġġett tal-kawża ma baqax jeżisti.

27.      Il-Kummissjoni ssostni li, fil-proċedura skond l-Artikolu 228(2) KE kif ukoll fil-proċedura skond l-Artikolu 226 KE, l-ammissibbiltà tar-rikors hija suġġetta għall-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-mument li fih jiskadi t-terminu li jkun ġie mogħti lill-Istat Membru fl-opinjoni motivata. Jekk l-Istat Membru ma jiħux il-passi li jwassluh sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza fit-terminu stabbilit, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk rikors ikun ammissibbli meta jiġi ppreżentat, ma jistax isir inammissibbli minħabba avvenimenti li jseħħu fil-futur.

28.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni tafferma li hija għandha interess li tistabbilixxi jekk, fil-mument rilevanti, meta l-kuntratt konkluż mill-belt ta’ Brunswick kien għadu fis-seħħ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kinitx diġà kkonformat ruħha mas-sentenza mogħtija fil-kawżi C-20/01 u C-28/01. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ma kienx il-każ, peress li s-sentenza kienet timponi li l-kuntratt jiġi mitmum. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li r-rikors tagħha jiġi milqugħ.

B –    Il-mertu tar-rikors

29.      L-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-mertu tar-rikors jirrigwardaw, essenzjalment, il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà. Il-Kummissjoni ssostni li l-passi meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinux biżżejjed sabiex hija tikkonforma ruħha mas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, peress li ma wasslux sabiex il-kuntratt dwar ir-rimi ta’ l-iskart konkluż mill-belt ta’ Brunswick jiġi mitmum qabel l-għeluq tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata. L-obbligu ta’ Stat Membru li jġib fi tmiem ksur ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-kompetenzi tal-Kummissjoni sabiex taġixxi f’dan is-sens huma previsti fl-Artikolu 228 KE, jiġifieri f’dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju primarju. Peress li l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 huwa dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju sekondarju, bl-ebda mod ma jista’ jbiddel il-portata ta’ dan l-obbligu. Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ reviżjoni prevista mid-Direttiva 89/665 għandha għan iktar speċifiku mill-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

30.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż isostni li r-rikors huwa infondat, peress li, fil-fehma tiegħu, il-passi indikati fil-korrispondenza tiegħu tat-23 ta’ Diċembru 2003 kienu biżżejjed sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza. Dawn il-passi meħtieġa, u, fil-fehma tiegħu, suffiċjenti, kienu jikkonsistu fi struzzjonijiet espressi, mogħtija lil-Land u lill-Bund, fir-rigward tal-ħarsien strett tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

31.      Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll – u f’dan ir-rigward huwa sostnut mill-Gvern Olandiż, Franċiż u Finlandiż – li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE ma tistax tagħti lok għal obbligu li l-kuntratt li jirriżulta mill-għoti tal-kuntratt pubbliku jiġi mitmum. Minn naħa, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665, li jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw il-poteri tal-korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni, għall-ħlas ta’ kumpens ta’ danni lil kull persuna leża minħabba mġiba illegali ta’ l-awtoritajiet kontraenti. Skond din id-dispożizzjoni, il-kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu għalhekk jibqgħu fis-seħħ. Bħalma r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu minn din il-possibbiltà, id-dritt Komunitarju ma jeskludix il-validità ta’ l-obbligi kkuntrattati. Barra minn hekk, obbligu li jintemmu l-kuntratti jmur kontra kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, kontra l-prinċipju pacta sunt servanda, kontra l-Artikolu 295 KE, kontra d-dritt fundamentali tal-proprjetà u kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-limitazzjoni fiż-żmien ta’ l-effetti ta’ sentenza.

32.      Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li, skond id-dritt Ġermaniż u abbażi tal-klawsoli rilevanti tal-kuntratti, dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux jiġu mitmuma f’dan il-każ, jekk mhux b’riskju ta’ kundanna għall-ħlas ta’ kumpens għal dannu sproporzjonati.

VI – Analiżi ġuridika

33.      Bħalma osservajt fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjoni ċentrali f’din il-kawża hija dwar x’konklużjonijiet kellha tiddeduċi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003 sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li tikkonforma ruħha mad-dritt Komunitarju.

34.      Din id-deskrizzjoni li tissimplifika s-suġġett tal-kawża taħbi, madankollu, il-kumplessità tagħha fuq livell ġuridiku, in kwantu tqajjem kwistjonijiet li jaffettwaw direttament kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-mertu tar-rikors.

A –    L-ammissibbiltà tar-rikors

1.      Il-legalità tal-proċedura

35.      L-ewwel mistoqsija hija dwar l-ilment tal-Gvern Ġermaniż fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà tal-kawża għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ippreżentatat mill-Kummissjoni skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 228(2) KE. Skond il-Gvern Ġermaniż, il-Kummissjoni kellha tibda billi, skond l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tippreżenta talba għall-interpretazzjoni tas-sentenza mogħtija fil-kawżi C-20/01 u C-28/01. Il-preżentata immedjata ta’ rikors sabiex tiġi imposta penali mingħajr talba għal interpretazzjoni minn qabel, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

36.      Fil-fehma tiegħi, din it-teżi ma tistax issib sostenn la fit-Trattati u lanqas fir-regoli applikabbli għall-proċeduri quddiem il-qrati Komunitarji. L-istess teżi tidher li tibbaża fuq idea żbaljata tan-natura tal-kawża skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 228(2) KE, u għalhekk teħtieġ kjarifika.

37.      L-ewwel nett, jiena nosserva li r-regoli applikabbli għall-proċeduri quddiem il-qrati Komunitarji ma jagħtu ebda priorità lit-talba għal interpretazzjoni fuq ir-rikors ippreżentat skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 228(2) KE. Lanqas ma jissuġġettaw il-preżentata ta’ rikors mill-Kummissjoni għall-preżentata ta’ l-imsemmija talba. Id-diversi proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma distinti minn xulxin minħabba l-kundizzjonijiet u l-għanijiet tagħhom u għalhekk, bħala prinċipju, għandhom jitqiesu bħala awtonomi u suxxettibbli li jeskludu tipi ta’ proċeduri oħra minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom f’każ konkret biss.

38.      Mill-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li sabiex talba għal interpretazzjoni ta’ sentenza tkun ammissibbli hija għandha tkun tikkonċerna d-dispożittiv tas-sentenza kkonċernata u l-motivi essenzjali tagħha, u għandha telimina kull inċertezza jew ambigwità li taffettwa s-sens u l-portata tas-sentenza nnifisha peress li hija għandha tiddetermina l-każ imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skond il-ġurisprudenza ta’ l-istess Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal interpretazzjoni ta’ sentenza għalhekk mhijiex ammissibbli meta hija tittratta punti li ma jkunux ġew deċiżi mis-sentenza kkonċernata jew meta tkun maħsuba sabiex tikseb mingħand il-qorti in kwistjoni opinjoni dwar l-applikazzjoni, l-eżekuzzjoni jew l-effetti tas-sentenza li tkun tat(6).

39.      F’din il-każwa, il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk is-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003 timponix obbligu legali fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex ittemm il-kuntratti għall-provvista tas-servizzi. F’każ bħal dan, ir-rikors tal-Kummissjoni jista’ jiġi interpretat biss bħala talba lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tistabbilixxi, b’mod vinkolanti għall-partijiet, x’għandha tkun l-applikazzjoni u l-implementazzjoni, anki l-konsegwenzi, tas-sentenza li tkun ingħatat. Fil-fatt is-suġġett tal-kawża ma jkunx l-inċertezza jew l-ambigwità tad-deċiżjoni, iżda l-mod kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha, fil-prattika, tiżgura l-implementazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, tenut kont tal-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza, it-talba magħmula skond l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, jekk ma jkunx hemm deċiżjoni li tista’ leġittimament tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni.

40.      Barra minn hekk, nixtieq nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza, fejn jingħad li kull obbligu ta’ Stat li jikkonforma ruħu ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jinvolvi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kontenut tagħha, li għandhom jiġu riżolti, jekk ikun il-każ, permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 228 KE(7). Jien ma nistax ħlief naqbel ma’ din l-affermazzjoni, in kwantu, min-natura tagħha stess, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu twassal biss għal dikjarazzjoni tan-nuqqas mill-qorti(8).

41.      Safejn il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, xi drabi jista’ jkun diffiċli għall-Istati Membri li jġibu dan in-nuqqas fi tmiem. F’każijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-motivi tas-sentenza tagħha, tipprova tistabbilixxi kuntest li fih il-miżura kritikata tkun tista’ tiġi meqjusa bħala konformi mat-Trattat(9). Hija tista’ wkoll tipprovdi għajnuna għall-interpretazzjoni fid-dispożittiv tas-sentenza, billi tiddefinixxi n-nuqqas ta’ twettiq ikkonstatat b’mod xi ftit jew wisq estensiv(10). Minn daqshekk, għalkemm il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma limitati, dan bl-ebda mod ma jwaqqafha, b’mod ġenerali, milli tinkludi fis-sentenza tagħha kunsiderazzjonijiet dwar in-natura u l-portata tal-possibbiltajiet ta’ regolarizzazzjoni eventwali. Il-legalità tal-proċeduri hija kkonfermata mit-termini ta’ l-Artikolu 228 KE li, b’mod espliċitu, jimponi fuq l-Istat Membru l-obbligu li jieħu l-passi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(11).

42.      Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-partijiet jistgħu jiddeterminaw il-portata ta’ l-obbligu ta’ l-Istat Membru permezz ta’ sempliċi interpretazzjoni tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr il-bżonn li tiġi ppreżentata talba skond l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura.

43.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, m’hemmx dubju li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt l-Artikolu 228 KE hija t-triq li wieħed għandu jsegwi sabiex jiġu ċċarati kwistjonijiet li jirrigwardaw l-obbligu ta’ Stat Membru sabiex jiżgura l-implementazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(12). Minħabba l-partikolarità tagħha, din il-proċedura teskludi lill-oħrajn kollha, inkluża t-talba għal interpretazzjoni, b’mod li huwa superfluwu li wieħed jivverifika l-proporzjonalità ta’ dan ir-rikors.

2.      Ir-rikors taħt l-Artikolu 228(2) KE u l-proċedura ta’ korrezzjoni stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/665

44.      Jeħtieġ li, l-argument li permezz tiegħu l-Gvern Ġermaniż jibbaża kemm fuq il-miżuri ta’ kontroll nazzjonali u ta’ sanzjoni u kif ukoll fuq il-proċedura ta’ korrezzjoni prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/665 sabiex jikkritika lill-Kummissjoni talli rrikorriet għall-Artikolu 228(2) KE sabiex tiġġieled kontra l-probabbli persistenza tal-ksur tad-dritt Komunitarju jiġi, qabel kollox, meqjus bħala eċċezzjoni ta’ l-inammissibbiltà tar-rikors.

45.      Ir-risposta għal din l-eċċezzjoni għandha tkun li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 226 mhumiex affettwati mill-adattazzjoni tad-dritt nazzjonali għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665(13). Meta hija taħseb li awtorità kontraenti kisret id-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni tista’, ex officio u irrispettivament mill-miżuri nazzjonali meħuda skond it-testi li jittrasponu d-Direttiva 89/665, tibda proċeduri kontra l-Istat Membru in kwistjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skond l-Artikolu 226 KE(14). Jekk il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi ma tistax tiġi eskluża bħala mezz ta’ rikors, dan mhuwiex biss minħabba s-supremazija tad-dritt primarju fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li jinsabu fid-Direttiva 89/665, imma wkoll minħabba d-differenza fl-iskop tal-mekkaniżmi ta’ stħarriġ tal-legalità li huma previsti fiha(15).

46.      Ċertament, l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/165 jippermetti lill-Istati Membri, li wara l-konklużjoni tal-kuntratt, jillimitaw il-protezzjoni ġuridika nazzjonali għall-ħlas ta’ kumpens għal dannu lil kull persuna li ssofri minn ksur, iżda ma jistax iwassal sabiex l-imġiba ta’ awtorità kontraenti titqies, fi kwalunkwe każ, bħala konformi mad-dritt Komunitarju(16). Fil-fatt hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha l-kompetenza sabiex tiddetermina, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, jekk in-nuqqas ikkontestat jeżistix jew le(17).

47.      Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/665 – li jippermetti lill-Kummissjoni taġixxi fil-konfront ta’ Stat Membru meta hija jidhrilha li jkun hemm ksur ċar u manifest tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi – tikkostitwixxi miżura preventiva li la tista’ tidderoga u lanqas tissostitwixxi l-kompetenzi tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 226 KE(18).

48.      Il-proċedura ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/665 hija maħsuba sabiex tippermetti lill-Istati Membri jevitaw il-ksur prevedibbli tal-liġi dwar l-għoti tal-kuntratti u b’hekk jirregolaw mill-ewwel, inkluż sabiex inaqqsu ftit mix- xogħol tal-Kummissjoni, il-każijiet li ma jkun fihom ebda problema ta’ natura ġuridika. Għaldaqstant, hija tipprevjeni l-proċeduri twal u kumplessi fir-rigward ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’każijiet li ma jkunux ambigwi(19).

49.      Fid-dawl tal-funzjoni speċifika tagħhom fis-sistema ta’ kontroll tar-regolarità ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iż-żewġ proċeduri huma distinti minn xulxin ukoll minħabba l-kundizzjonijiet ta’ l-introduzzjoni tagħhom, peress li, b’differenza mill-proċedura ta’ korrezzjoni, dik għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mhijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ ksur ċar u manifest(20), fis-sens tad-Direttiva 89/665, imma teħtieġ sempliċement in-nuqqas ta’ osservanza ta’ xi obbligu Komunitarju(21). Dan huwa barra minn hekk għaliex id-diversi stadji tal-proċedura ma jistgħux jissostitwixxu lil xulxin minkejja li huma strutturati b’mod parallel: l-opinjoni motivata prevista fl-Artikolu 226 KE u l-osservazzjonijiet ta’ l-Istat Membru fuq din l-opinjoni ma jistgħux jiġu sostitwiti bi proċedura skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/665, imma jeħtieġu li jiġu implementati separatament sabiex tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja iktar ’il quddiem. Min-naħa l-oħra, il-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni permezz ta’ l-Artikolu 226 mhumiex esklużi f’każ li tinbeda l-proċedura skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva(22).

50.      Jeħtieġ li jingħad ukoll li l-proċedura ta’ korrezzjoni mhijiex strument li jippermetti li tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, peress li fi kwalunkwe każ il-preżervazzjoni tad-dritt Komunitarju titlob stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur Komunitarju ma setax kellu l-intenzjoni li jeskludi dan l-istħarriġ billi jelimina l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

51.      Għal dak li jirrigwarda l-kompetenzi tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, bħala gwardjan tat-Trattat, hija mhijiex obbligata tagħti priorità lill-proċedura ta’ korrezzjoni. Min-naħa l-oħra, hija libera li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk jidhrilha li Stat Membru naqas milli jwettaq xi obbligu li huwa għandu skond it-Trattat u ma kkonformax ruħu ma’ l-opinjoni motivata li tkun intbagħtitlu(23).

52.      Fil-fehma tiegħi, l-istess konklużjonijiet japplikaw għall-proċedura skond l-Artikolu 228(2) KE. Din il-proċedura, li ġiet inkluża fid-dritt primarju permezz tat-Trattat ta’ Maastricht, hija bbażata fuq dik ta’ l-Artikolu 226 KE. Hija tiftaħ il-possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li ma tillimitax lilha nnifisha li tikkonstata n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ l-ewwel sentenza, imma li barra minn hekk timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew penali fuq l-Istat Membru li jkun kiser il-liġi. Huwa b’dan il-mod li l-proċedura skond l-Artikolu 228(2) KE hija maħsuba biex tinċentiva lill-Istat Membru li ma jikkooperax sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza li tikkonstata l-ksur billi jiġu imposti fuqu xi penali pekunjarji(24). Min-naħa l-oħra, il-miżuri ta’ kontroll li l-Kummissjoni tista’ tadotta skond id-Direttiva 89/665 huma maħsuba biex jipprevjenu l-ksur tad-dritt Komunitarju fl-iktar stadju bikri possibbli. Il-mekkaniżmi tad-dritt primarju u dawk tad-dritt sekondarju għalhekk ma jeskludux lil xulxin, imma jikkumplementaw lil xulxin biex jiggarantixxu r-regolarità ta’ l-imġiba ta’ l-Istati Membri(25).

53.      Minn daqshekk, il-Gvern Ġermaniż ma jistax jibbaża l-eċċezzjoni tiegħu ta’ l-inammissibbiltà tar-rikors fuq il-mekkaniżmi ta’ stħarriġ u ta’ sanzjoni previsti fid-Direttiva 89/665.

3.      Nuqqas ta’ interess ġuridiku u nuqqas tas-suġġett tal-kawża

54.      Fil-kontroreplika, il-Gvern Ġermaniż jinvoka n-nuqqas ta’ interess ġuridiku fir-rigward tal-kumplament tas-suġġett tal-kawża wara r-replika tas-26 ta’ April 2005; fil-fatt, wara r-rexissjoni tal-kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart konkluż mill-belt ta’ Brunswick u l-Braunschweigische Kohlebergwerke (iktar ’il quddiem, il-BKB), ma kienx għad hemm lok li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun meħtieġa tbiddel l-imġiba tagħha billi jiġu imposti fuqha penali jew multa ta’ somma f’daqqa. Il-Gvern Ġermaniż jitlob l-għeluq tal-proċedura u sussidjarjament, l-inammissibbiltà tar-rikors peress li, wara r-rexissjoni tal-kuntratti in kwistjoni, ma kienx għad hemm iktar miżuri li kellhom jittieħdu sabiex tiġi eżegwita s-sentenza mogħtija fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01. Huwa jibbaża t-talbiet tiegħu fuq il-fatt li, biex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk hemmx interess ġuridiku fil-kuntest ta’ rikors taħt l-Artikolu 228(2) KE, id-data determinanti hija dik ta’ l-aħħar seduta.

55.      Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-kompetenzi li hija għandha taħt l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni m’għandhiex bżonn turi l-eżistenza ta’ interess ġuridiku. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-inkarigu li tiżgura, ex officio, kif ukoll fl-interess ġenerali, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri u li tikkonstata, bil-ħsieb li dawn jintemmu, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi taħt id-dritt Komunitarju(26).

56.      Barra minn dan, hija l-Kummissjoni li hija responsabbli sabiex tevalwa l-opportunità li jitressaq u li jinżamm rikors kontra Stat Membru, li tivverifika d-dispożizzjonijiet li dan ikun kiser u li tagħżel il-mument meta hija tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, u l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tar-rikors(27).

57.      Fl-aħħar nett għandu jiġi mfakkar li, filwaqt li hija l-Kummissjoni biss li tikkunsidra l-opportunità li jitressaq u li jinżamm rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li teżamina jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestat jeżistix jew le, mingħajr ma tista’ tiddeċiedi fuq l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tad-diskrezzjoni tagħha(28).

58.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jeħtieġ li l-eċċezzjoni ta’ l-inammissibbiltà tiġi miċħuda in kwantu hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-Kummissjoni.

59.      Skond l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata ex officio li s-suġġett tar-rikors m’għadux jeżisti, meta hija tqis li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni. Hija tista’ wkoll tintalab tagħmel dan mill-partijiet(29). Madankollu l-intervent ta’ l-istess partijiet mhuwiex meħtieġ. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, tista’ twaqqaf il-proċeduri ex officio. Iktar ’il quddiem, ser neżamina jekk kienx hemm xi avveniment li jiġġustifika deċiżjoni li ma tingħatax sentenza.

60.      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li permezz tal-kuntratt ta’ rexissjoni konkluż fis-7 ta’ Lulju 2005 bejn il-belt ta’ Brunswick u l-kumpannija BKB, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonformat ruħha mat-talba li jiġi mitmum il-kuntratt għall-provvista tas-servizzi kkontestati, kif previst fl-opinjoni motivata tat-30 ta’ Marzu 2004(30). Għalhekk, in-nuqqas waqaf milli jeżisti wara l-għeluq tat-terminu ta’ xahrejn previst fl-opinjoni motivata, iżda f’mument li fih il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx għadha ġiet fi tmiem.

61.      Il-possibbiltà li ma tingħatax sentenza hija kontradetta mill-fatt li, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi għandha tiġi analizzata fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru fil-mument li fih jagħlaq it-terminu li jkun ġie impost fuqu fl-opinjoni motivata. Huwa għalhekk li l-eliminazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wara dan it-terminu ma jitteħidx in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u ma jbiddel xejn fl-ammissibbiltà tar-rikors(31).

62.      Dan ma jirriżultax biss direttament mid-diċitura ta’ l-Artikolu 226 KE, imma wkoll mill-iskop ta’ din il-fażi tal-proċedura preliminari, li huwa li l-Istat Membru tingħatalu l-aħħar possibbiltà biex iġib in-nuqqas fi tmiem qabel ma jitressaq ir-rikors. Madankollu, jeħtieġ li wieħed jistaqsi jekk dan japplikax ukoll għall-proċedura taħt l-Artikolu 228(2) KE. L-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż li l-verifika, dwar jekk is-suġġett ta’ rikors ikunx għadu jeżisti, għandha ssir fid-data ta’ l-aħħar seduta tidher li hija, essenzjalment, konformi mat-teżi sostnuta mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja. Fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża, l-Avukat Ġenerali ddikjara li l-proċedura taħt l-Artikolu 228(2) KE mhijiex maħsuba biex jiġi kkonstatat mill-ġdid in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, imma biex tinċentiva lill-Istat Membru li ma jkunx ikkoopera sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza. Id-data tas-seduta jew, fin-nuqqas ta’ seduta, il-mument ta’ l-għeluq tal-proċedura bil-miktub huma d-dati li jikkostitwixxu l-aħħar terminu li fih ikunu jistgħu jiġu ppreżentati osservazzjonijiet mill-Istat konvenut għal dak li jikkonċerna l-livell ta’ konformità li huwa jkun laħaq jew mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ammont u l-forma tal-penali pekunjarja li jkun jeħtieġ li tiġi imposta(32).

63.      Jiena naqbel ma’ din il-fehma, imma biss safejn din tirrigwarda l-ħtieġa li tiġi imposta penali fuq l-Istat li jkun kiser il-liġi f’każ partikolari. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna t-talba biex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri li jeżegwixxu s-sentenza dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jeħtieġ bla dubju li wieħed jibqa’ jirreferi għat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata. Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-istess premessa fis-sentenza riċenti tagħha C-119/04, Il-Kummissjoni vs L-Italja, fejn hija eżaminat iż-żewġ talbiet b’mod indipendenti waħda mill-oħra billi applikat kull darba d-data ta’ referenza rilevanti(33).

64.      Għaldaqstant, ir-rexissjoni a posteriori tal-kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart ma jistax, fil-fehma tiegħi jiġi kkunsidrat bħala li jrendi l-kawża mingħajr suġġett fis-sens ta’ l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha wkoll tiġi miċħuda.

B –    Il-mertu tar-rikors

1.      Il-kontinwazzjoni ta’ l-effetti tal-ksur tal-liġi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

65.      Rikors abbażi ta’ l-Artikolu 228(2) KE huwa fondat meta l-Istat Membru li fil-konfront tiegħu jkun ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jkun naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jeżegwixxi din is-sentenza. Skond l-Artikolu 228(1) KE, dan l-Istat huwa obbligat li jġib fi tmiem is-sitwazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju. Dan l-obbligu li tittieħed azzjoni jestendi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha ta’ l-Istat li jkun ġie kkundannat(34).

66.      L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova tal-fatti, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat l-istat ta’ eżekuzzjoni, minn Stat Membru, ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu(35). Barra minn dan, fil-mument li l-Kummissjoni tipprovdi biżżejjed elementi li juru l-kontinwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-Istat Membru interessat li għandu jikkontesta, b’mod sostanzjali u dettaljat, l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenzi tagħha(36).

67.      Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ħarsitx l-obbligu tagħha li twaqqaf in-nuqqasijiet ikkonstatati fis-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003. Hija jidhrilha li l-istruzzjonijiet espressi li ngħataw lil-Land u lill-Bund, fir-rigward ta’ l-osservanza stretta tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kienu insuffiċjenti. Fil-fehma tagħha, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dam minħabba ż-żamma fis-seħħ tal-kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart bejn il-belt ta’ Brunswick u l-BKB. Hija tibbaża l-argument tagħha, essenzjalment, fuq il-kunsiderazzjonijiet elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 36 u 37 tas-sentenza tagħha. Għalhekk, hija tikkunsidra li r-rexissjoni ta’ dak il-kuntratt hija l-unika miżura adattata biex jiġu eliminati l-effetti tal-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

68.      Jiena naqbel ma’ l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti lis-siltiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitati iktar ’il fuq. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tħalli ebda dubju fir-rigward tal-fatt li l-effetti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jibqgħu jinħassu matul it-tul kollu ta’ l-applikazzjoni ta’ kuntratt li jikser ir-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi(37).

69.      Din l-interpretazzjoni taqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li, fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi jitqies li waqaf fil-każ biss li, fid-data ta’ għeluq it-terminu stabbiliti fl-opinjoni motivata, l-effetti ta’ l-avviż tal-kuntratt in kwistjoni jkunu spiċċaw(38). Din l-ipoteżi tista’ tiġi eskluża sakemm il-kuntratti konklużi bi ksur tad-dritt Komunitarju jibqgħu jipproduċu l-effetti tagħhom, jiġifieri sakemm ikunu għadhom qegħdin jiġu eżegwiti(39).

70.      Peress li l-kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart, previst inizjalment għal tletin sena, kien għadu validu fid-data rilevanti għall-istħarriġ ġuridika li jeħtieġ li jsir f’dan il-każ, aħna nistgħu nippreżumu li n-nuqqasijiet ikkonstatati fis-sentenza inizjali kienu għadhom qegħdin jipproduċu l-effetti tagħhom(40). Fil-fatt, il-Gvern Ġermaniż bl-ebda mod ma jikkontesta li l-kuntratt in kwistjoni regolat mid-dritt privat baqa’ jipproduċu effetti ġuridiċi anki wara s-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003. Madankollu, huwa jiċħad li għandu obbligu li jtemm l-istess kuntratt billi jibbaża ruħu fuq il-possibbiltà, taħt l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665, li wara l-konklużjoni ta’ kuntratt il-poteri tal-korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni jiġu limitati għall-ħlas ta’ kumpens għal dannu lill kull persuna li ssofri ksur(41).

2.      Il-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti fil-kuntest ta’ kuntratt li jkun kiser id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

71.      Jeħtieġ li minn hawn ’il quddiem jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kinitx legalment obbligata li ttemm il-kuntratt in kwistjoni jew jekk setgħetx tieħu miżuri oħra sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) KE.

72.      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-miżuri invokati mill-Gvern Ġermaniż, jiġifieri l-istruzzjonijiet espressi li ngħataw lil-Land u lill-Bund, fir-rigward ta’ l-osservanza stretta tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kif ukoll it-talba għall-għoti ta’ informazzjoni dwar il-miżuri meħuda u implementati, huma maħsubin esklużivament biex jipprevjenu ksur fil-futur u għalhekk mhumiex adattati biex iwaqqfu l-ksur tad-dritt Komunitarju li, bħal f’dan il-każ, kien diġà seħħ u dam għaddej. Peress li l-Gvern Ġermaniż ma bagħat ebda informazzjoni dwar miżuri oħrajn, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk huwa kienx obbligat itemm il-kuntratt.

73.      Naħseb li huwa neċessarju li jiġi mfakkar, preliminarjament, li Stat Membru għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex itemm in-nuqqas, mingħajr ma joħloq ebda ostaklu għal dan. B’mod partikolari, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jinvoka problemi interni fl-implementazzjoni u t-traspożizzjoni ta’ regola Komunitarja. Dan japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi tas-sistema legali tiegħu(42). Għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka l-fatt li fis-sistema legali tagħha, b’differenza minn dik ta’ Stati Membri oħra, is-sistema applikabbli għall-kuntratti pubbliċi fiha elementi tad-dritt ċivili, li minħabba fihom l-awtorità kontraenti jkollha l-istatus ta’ kontraent taħt id-dritt privat, li jkun l-istess bħal dak ta’ l-offerent magħżul(43). Li jiġi rikonoxxut li ċerti Stati Membri għandhom pożizzjoni partikolari, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt nazzjonali tagħhom, jkun kuntrarju għall-ħtieġa li d-dritt Komunitarju jiġi applikat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha ta’ l-Unjoni.

74.      Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Ġermaniż li r-rexissjoni tal-kuntratti tkun ħaġa eċċessiva, minħabba d-dritt tal-kontraenti għall-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi tagħhom, jeħtieġ li jiġi osservat li dan jibbaża ruħu fuq drittijiet ta’ terzi persuni maħluqa illegalment mill-awtorità kontraenti. Bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali Alber fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża C-328/96, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, għal dak li jikkonċerna l-obbligi fundamentali tiegħu fil-konfront tal-Komunità, l-Istat Membru ma jistax jinvoka l-konsegwenzi ta’ l-imġiba illegali tiegħu sabiex jikkontesta l-obbligu legali nnifsu(44). Għaldaqstant, il-prinċipju pacta sunt servanda jista’ jiġi invokat biss meta d-dritt Komunitarju jirrikonoxxi espressament il-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti għall-kuntratti konklużi bi ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

75.      Il-kwistjoni dwar l-obbligu li jiġu mitmuma kuntratti bħal dawn għadha ma ġietx deċiża b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, jekk wieħed jikkunsidra s-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003 fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, fejn jingħad li l-effetti tad-deċiżjonijiet li jagħtu l-kuntratti bi ksur tad-dritt Komunitarju għandhom jispiċċaw, kollox jidher li jindika li l-Qorti tal-Ġustizzja tafferma bla dubju l-prinċipju ta’ l-eżistenza ta’ l-obbligu li l-kuntratt in kwistjoni jiġi mitmum(45).

76.      Barra minn hekk mill-kunċett ta’ effet utile, fis-sens ta’ l-iktar effikaċità prattika possibbli tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, ma tista’ tiġi dedotta ebda konklużjoni oħra. L-effett utli huwa prinċipju ċentrali tad-dritt Komunitarju, li l-importanza partikolari tiegħu fid-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi ma tidhirx ħlief wara eżami fil-fond ta’ l-għan ta’ dawn id-direttivi(46). Fil-fatt, iktar milli tara fid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi sempliċi regoli formali dwar l-għoti ta’ kuntratti, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza wkoll l-għan tagħhom, li huwa li jiżguraw l-implementazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-prestazzjoni libera tas-servizzi(47). Għaldaqstant, il-ksur tad-direttivi ma jieqafx mal-konklużjoni tal-kuntratt, imma jibqa’ għaddej sakemm dan il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ jew sakemm jintemm b’xi mod jew ieħor. Sabiex din il-ġurisprudenza ma tiġix imċaħħda minn kull prattiċità tagħha, ksur ikkonstatat waqt proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu għalhekk jiġi eliminat permezz tar-rexissjoni tal-kuntratt korrispondenti(48).

77.      L-impożizzjoni ta’ obbligu li jiġu mitmuma l-kuntratti li jiksru l-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi hija meħtieġa wkoll minħabba l-effett disważiv tagħha, sabiex tiġi żgurata l-osservanza diliġenti tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni effikaċi tad-dritt Komunitarju. Fin-nuqqas ta’ sanzjoni adegwata, l-Istati Membri li jiksru d-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi jistgħu jiġu mħeġġa jipprattikaw politika ta’ fatt komplut(49), li ma tagħmilx ħlief tipperpetwa s-sitwazzjoni kuntrarja għad-dritt Komunitarju.

78.      F’dan il-każ, din il-miżura hija konformi wkoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tenut kont tat-tul ta’ 30 sena previst inizjalment għall-kuntratt tar-rimi ta’ l-iskart. Minħabba dan id-dewmien, ir-relazzjoni kuntrattwali kienet ta’ natura li toħloq fatti kompluti. Ir-rexissjoni kienet għalhekk l-unika soluzzjoni sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni kuntrarja għad-dritt komunitarja tiġi pperpetwata.

79.      L-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 ma jeskludix dan l-obbligu ta’ rexissjoni tal-kuntratt. Fl-ewwel lok, bħala test tad-dritt sekondarju, din id-direttiva ma tistax twassal għal restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali. Fit-tieni lok, il-protezzjoni kontra l-offerenti l-oħrajn li l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva jagħti lill-kuntratti li jiksru d-dritt Komunitarju fl-ebda mod ma tfisser li d-dritt Komunitarju jeskludi, b’mod ġenerali, kull obbligu li dawn il-kuntratti li jiksru l-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi jiġu mitmuma. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li offerent li jirrikorri għall-korp responsabbli għar-reviżjoni ma jistax jibbaża fuq l-Artikolu 228(1) KE sabiex jallega li l-Istat Membru għandu obbligu li jtemm il-kuntratti li jkunu jiksru r-regoli tal-kuntratti pubbliċi(50). Għalhekk, din id-dispożizzjoni tikkonċerna sempliċement l-iżvilupp tal-protezzjoni ġuridika individwali kontra d-deċiżjonijiet illegali ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meħuda fl-Istati Membri(51). Hija ma tgħid xejn dwar il-protezzjoni ta’ l-interess Komunitarju, li wieħed għandu jiddistingwi mill-interess individwali ta’ l-offerenti li ma jkunux ntgħażlu(52). Min-naħa l-oħra, ma jistax ikun mod ieħor peress li d-dritt primarju, li jieħu preċedenza, fih diġà regoli eżawrjenti f’dan ir-rigward. Din is-sistema Komunitarja ta’ protezzjoni ġuridika kontra d-deċiżjonijiet illegali ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali ġiet analizzata u maħsuba bir-reqqa sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-diversi interessi in kwistjoni. Fil-fatt, il-proċedura ta’ reviżjoni, li hija maħsuba biex tipproteġi l-interessi individwali, issib il-bażi tagħha fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u fil-proċedura ta’ korrezzjoni, li huma maħsubin biex jippreżervaw l-interess tal-Komunità għar-ripristinazzjoni tal-legalità. Kif osservajt fil-bidu, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħha, twassal sabiex tiġi evitata l-proċedura ta’ korrezzjoni. Peress li l-kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija maħsuba esklużivament biex tiddefendi l-interess ġenerali, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-dritt għar-reviżjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, inkluż l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 jistgħu jiġu meqjusa bħala irrilevanti f’dan il-każ.

80.      Indipendentement minn dan, u bil-għan li d-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi jiġi implementat bl-iktar mod effikaċi possibbli, ir-rexissjoni tal-kuntratt segwita minn sejħa għal offerti ġdida tidher ġeneralment bħala s-soluzzjoni li l-iktar tħares l-interess individwali ta’ l-offerenti mhux magħżula. Minn naħa, għall-offerent, il-konklużjoni tal-kuntratt u l-eżekuzzjoni tiegħu spiss huma iktar vantaġġjużi mill-ħlas ta’ kumpens għal dannu magħmul mill-awtorità kontraenti(53). Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ kawża għal ħlas ta’ kumpens għal dannu quddiem il-qrati nazzjonali, l-offerent jiġi kkonfrontat b’ċerti diffikultajiet, peress li huwa mhux biss għandu jagħti prova tal-ħsara li jkun ġarrab, imma wkoll tal-fatt li huwa kien ippreżenta l-iktar offerta attraenti, mingħajr ma nsemmu d-diffikultà ta’ dejjem diffiċli li jiġi ddeterminat l-ammont tad-dannu(54).

81.      Barra minn hekk, mhuwiex ċar għaliex kuntratt, li jkun qiegħed jikser id-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi u li jwassal għal ksur persistenti tal-libertajiet fundamentali, għandu jiġi eskluż a priori mill-miżuri maħsubin għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu(55).

82.      Għaldaqstant, dan l-argument tal-Gvern Ġermaniż għandu jiġi miċħud ukoll. Għalhekk jeħtieġ li jiġi preżunt li l-possibbiltajiet ipprovduti mid-dritt nazzjonali sabiex jiġi mitmum kuntratt għandhom jiġu użati u eżawriti, billi wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ l-effikaċità u l-ekwivalenza tal-mezzi ta’ reviżjoni li jistgħu jintużaw biex tiġi żgurata l-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju(56). Il-fatt li kemm il-belt ta’ Brunswick kif ukoll il-komun ta’ Bockhorn irnexxielhom jeħilsu mill-obbligi kuntrattwali tagħhom matul il-proċedura jmur kontra il-fehma tal-Gvern Ġermaniż li r-rexissjoni ta’ l-obbligi kuntrattwali mhijiex possibbli jew tkun possibbli bir-riskju li wieħed jiġi kkundannat iħallas danni li ma jkunux proporzjonati.

83.      Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx temmet il-kuntratt in kwistjoni fid-data rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li hija ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ April 2003, fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, għal dak li jikkonċerna l-għoti tal-kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart mill-belt ta’ Brunswick.

C –    Fuq in-nuqqas ta’ bżonn li jiġu imposti penali

84.      Dan il-każ jirrigwarda ksur min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ l-Artikolu 228(1) KE, li jagħti l-possibbiltà lill-Qorti tal-Ġustizzja li timponi penali.

85.      Anki jekk il-Kummissjoni rtirat it-talba inizjali tagħha għall-impożizzjoni ta’ penali u anki kieku ħadd ma qatt talab l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha diskrezzjoni wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar dan, peress li mhijiex marbuta mill-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji tad-dikjarazzjoni li Stat ma jkunx ikkonforma ruħu ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-proposti ma jikkostitwixxux ħlief bażi ta’ referenza utli għall-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha taħt l-Artikolu 228(2) KE(57). Fi kliem ieħor, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni taqa’ taħt il-kompetenzi ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja(58).

86.      Il-proċedura prevista fl-Artikolu 228(2) KE hija maħsuba sabiex tħeġġeġ lill-Istat Membru li jkun qiegħed f’sitwazzjoni ta’ illegalità sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, b’hekk tiżgura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju. Il-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri s-somma f’daqqa u l-penali, għandhom it-tnejn l-istess għan.

87.      Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza, l-applikazzjoni ta’ xi waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ miżuri tiddependi mill-kapaċità ta’ kull waħda minnhom li tissodisfa l-għan li jkun irid jintlaħaq fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari. Għalkemm l-impożizzjoni ta’ penali tidher partikolarment adattata sabiex tħeġġeġ lil Stat Membru biex iġib fit-tmiem, fl-iqsar żmien, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, jkollu t-tendenza li jibqa’ jeżisti, l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa hija bbażata iktar fuq l-analiżi tal-konsegwenzi, li jirriżultaw minn nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ l-obbligi ta’ l-Istat Membru kkonċernat, fuq l-interessi privati u pubbliċi, partikolarment meta n-nuqqas jkun ippersista tul perijodu twil wara li tkun ingħatat is-sentenza li jkun ġie kkonstatat inizjalment(59).

88.      Għal dak li jirrigwarda l-funzjoni ta’ penali bħala strument disważiv, li ddeskrivejt iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru in kwistjoni jkunx issodisfa l-obbligi tiegħu u jekk, konsegwentament, il-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ dik il-penali jkunux għadhom issodisfati għandha tiġi analizzata, kif diġà rajna, fid-data tas-seduta. Peress li l-kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart kien ġie mitmum matul il-proċedura bil-miktub, dawn il-kundizzjonijiet m’għadhomx issodisfati, b’mod li l-impożizzjoni ta’ penali ma tidhirx li hija xierqa.

89.      Min-naħa l-oħra, bħala penali pekunjarja li titħallas f’darba, is-somma f’daqqa tippermetti li jiġi punit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jappartjeni ċertament għall-passat, b’mod li l-eliminazzjoni tal-ksur ikun biss ta’ interess minuri għall-Komunità, imma li jeżiġi madankollu l-impożizzjoni ta’ penali għall-finijiet ta’ disważjoni(60). Jeħtieġ li wieħed jirrikorri għat-theddida ta’ impożizzjoni ta’ somma f’daqqa, b’mod partikolari, meta l-Istat Membru ma jkunx ikkonforma ruħu mas-sentenza ħlief minħabba biża mit-tieni proċedura(61), meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun partikolarment gravi(62) u meta jkun hemm riskju konkret li l-Istat ikun reċidiv(63).

90.      F’dan il-każ, xejn ma jindika li hemm riskju li l-Istat ikun reċidiv u n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jiġi meqjus bħala partikolarment gravi. Minħabba l-importanza purament lokali tal-kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart mogħti mill-belt ta’ Brunswick, l-ostaklu li nħoloq għall-funzjonament tas-suq intern jista’ jitqies bħala minimu.

91.      Ċertament, kull rifjut sabiex wieħed jikkonforma ruħu ma’ xi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa gravi, b’mod li, bħala prinċipju, huwa possibbli li n-nuqqas in kwistjoni jiġi sanzjonat simbolikament(64), bl-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa għall-perijodu bejn l-għoti tas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003 fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, u l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ rexissjoni; madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat, bħala ċirkustanza attenwanti, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonformat ruħha ma’ l-obbligi li joħorġu minn din l-ewwel sentenza filwaqt li l-proċedura bil-miktub kienet għadha għaddejja.

92.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li m’għandhomx jiġu imposti penali pekunjarji.

VII – L-ispejjeż

93.      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li fl-opinjoni tiegħi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ser titlef u peress li l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, jeħtieġ li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

94.      Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

VIII – Konklużjoni

95.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet elaborati iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma żammitx ir-rikors tagħha għal dak li jikkonċerna l-komun ta’ Bockhorn, jiena nipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tikkonstata li billi li ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003 fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, dwar l-għoti ta’ kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart tal-belt ta’ Brunswick, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) KE.

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tbati l-ispejjeż;

–        tikkonstata li r-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ l-Olanda, u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: is-Sloven.


2 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta‘ l-10 ta‘ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609).


3 – Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta‘ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1).


4 – Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta‘ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33).


5 – Sentenza ta‘ l-10 ta‘ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 2, punti 6 sa 20).


6 – Ara s-sentenzi tat-28 ta‘ Ġunju 1955, Assider vs L-Awtorità Għolja, 5/55, Ġabra p. 263, tas-7 ta‘ April 1965, L-Awtorità Għolja vs Collotti u l-Qorti tal-Ġustizzja, 70/63a, Ġabra p. 353, tat-13 ta‘ Lulju 1966, Willame vs Il-Kummissjoni tal-KEEA, 110/63a, Ġabra p. 411; digrieti tad-29 ta‘ Settembru 1983, Il-Qorti ta‘ l-Awdituri vs Williams, 9/81 Interpretazzjoni, Ġabra p. 2859, u Alvarez vs Il-Parlament, 206/81a, Ġabra p. 2865, tal-11 ta‘ Diċembru 1986, Suss vs Il-Kummissjoni, 25/86, Ġabra p. 3929, ta‘ l-20 ta‘ April 1988, Maindiaux et vs CES et, 146/85 u 431/85 Interpretazzjoni, Ġabra p. 2003; digriet tal-Qorti tal-Prim‘Istanza ta‘ l-14 ta‘ Lulju 1993, Raiola-Denti et vs Il-Kunsill, T-22/91 Interpretazzjoni, Ġabra p. II-817, punt 6.


7 – Konklużjonijiet ta‘ l-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżentati fl-24 ta‘ Novembru 2005 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Franċiża (C-177/04, Ġabra 2006, p. I-2461, punt 43).


8 – Sentenza tat-18 ta‘ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-126/03, Ġabra p. I-1197, punti 25 u 26); konklużjonijiet ta‘ l-Avukat Ġenerali Reischl tal-11 ta‘ Settembru 1979 fil-kawża Franza vs Ir-Renju Unit (141/78, Ġabra 1979, p. 2946). Schütz, H.-J./Bruha, T./König, D., Casebook Europarecht, Beck, München 2004, p. 333; Cremer, W., f‘Calliess/Ruffert (Hrsg.), Kommentar zu EU-Vertrag und EG-Vertrag, Artikolu 228, punt 1. P. u U. Karpenstein josservaw (fi Grabitz/Hilf (Ed.), Das Recht der Europäischen Union, Volum III, Artikolu 228 KE, punt 6) li, bħala sentenza li tagħmel dikjarazzjoni, hija la tista‘ tikkostitwixxi titolu eżekuttiv u lanqas tista‘ tbiddel sitwazzjoni ġuridika. Skond l-Artikolu 228(1) KE, il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta‘ twettiq ta‘ obbligu toħloq l-obbligu fuq l-Istat Membru in kwistjoni biex iġib dan in-nuqqas fi tmiem. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja m‘għandhiex dritt la li telimina hija stess il-miżura li tmur kontra t-Trattat u lanqas li timponi fuq l-Istat Membru li jkun wettaq il-ksur, l-obbligu li jelimina dan il-ksur.


9 – Sentenza tat-12 ta‘ Lulju 1973 fil-kawża 70/72 (Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, Ġabra p. 829, punt 13).


10 – Burgi, M.: f‘Handbuch des Rechtsschutzes der Europäischen Union (Ed. Rengeling/Middeke/Gellermann), Edizzjoni Nru 2, Beck, München 2003, § 6, punt  49 fil-marġni.


11 – Karpenstein, P. u Karpenstein, U., f‘Grabitz/Hilf (Ed.), Das Recht der Europäischen Union, Volum III Art. 228 KE, punt 6.


12 – Ara Fernández Martín, J. M., The EC Public Procurement Rules: A Critical Analysis, Clarendon Press, Oxford, 1996, p. 220.


13 – Frenz, W., Handbuch Europarecht, Band 3, Beihilfe- und Vergaberecht, Springer-Verlag, Berlin/Heidelberg 2007, punt 3399, p. 1016.


14 – Seidel, I., f‘Dauses (Ed.), Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts, H. IV., punt 173.


15 – Bitterich, K., Kein „Bestandsschutz“ für vergaberechtswidrige Verträge gegenüber Aufsichtsmaßnahmen nach Artikel 226 EG, Europäisches Wirtschafts- und Steuerrecht, 16 sena (2005), Nru 4, p. 164.


16 – Sentenza tad-9 ta‘ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑125/03, li għadha ma ġietx ippubblikata, punt 15).


17 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 16, punt 16).


18 – Ara s-sentenza tas-17 ta‘ Diċembru 1998, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-353/96, Ġabra 1998, I‑8565, punt 22), kif ukoll il-konklużjonijiet ta‘ l-Avukat Ġenerali Alber tas-16 ta‘ Lulju 1998 fl-istess kawża (Ġabra 1998, I‑8565, punt 18); sentenza tat-28 ta‘ Ottubru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-328/96, Ġabra 1999, p. I-7479, punt 57), ta‘ l-24 ta‘ Jannar 1995, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-359/93, Ġabra 1995, p. I-157, punt 13), u ta‘ l-4 ta‘ Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-79/94, Ġabra 1995, p. I-1071, punt 11).


19 – Seidel, I., f‘Dauses (Ed.), Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts, H. IV., punt  164, Frenz, W., Handbuch Europarecht, Volum 3, Beihilfe- und Vergaberecht, Springer-Verlag, Berlin/Heidelberg 2007, punt 3407, p. 1019. Dan jirriżulta mit-tmien premessa tad-Direttiva 89/665 fejn jingħad li l-Kummissjoni, meta tikkunsidra li jkun ġie kommess ksur ċar u evidenti fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, għandha tkun tista’ tiġbed l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru u ta’ l-awtorità kontraenti kkonċernata sabiex jittieħdu l-miżuri xierqa għall-korrezzjoni rapida ta’ kull allegat ksur.


20 – Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/665, il-Kummissjoni tista‘ tinvoka l-proċedura li jipprovdi għaliha dan l-Artikolu meta, qabel ma jiġi konkluż kuntratt, tikkunsidra li jkun hemm ksur ċar u evidenti tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi fl-għoti ta’ kuntratt li jaqa’ taħt l-applikazzjoni tad-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE.


21 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 18, punt 14).


22 – Konklużjonijiet ta‘ l-Avukat Ġenerali Tesauro tas-17 ta‘ Novembru 1994 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Olanda (punti 4 et seq).


23 – Għal dak li jikkonċerna l-ksur ta‘ l-obbligu tat-traspożizzjoni tad-direttivi, ara s-sentenzi tal-11 ta‘ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-433/93, Ġabra p. I-2303, punt 22), tal-5 ta‘ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-471/98, Ġabra p. I-9681, punt 39), u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 2, punt 30).


24 – Konklużjonijiet ta‘ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tat-28 ta‘ Settembru 1999 fil-kawża C-387/97 (Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, Ġabra 2000, p. I-5047, punt 58).


25 – Fil-kummentarju tiegħu fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta‘ l-10 ta‘ April 2003 fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01, Europäisches Wirtschafts- und Steuerrecht 2003, p. 566, P. Kalbe jirriferi għal sistema doppja ta‘ protezzjoni ġuridika kontra l-ksur ta‘ direttivi Komunitarji dwar l-għoti ta‘ kuntratti pubbliċi.


26 – Sentenzi tat-8 ta‘ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-33/04, Ġabra 2005, I‑10629, punt . 65), ta‘ l-1 ta‘ frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-333/99, Ġabra 2001, I-1025, punt 23), tat-2 ta‘ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑394/02, Ġabra 2005, I-4713, punt 14 u 15), ta‘ l-4 ta‘ April 1974, Il-Kummissjoni vs Franza (167/73, Ġabra p. 359, punt 15), u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 2, punt 29).


27 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 26, punt 66), ta‘ l-1 ta‘ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-317/92, Ġabra p. I-2039, punt 4); tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-35/96, Ġabra p. I -3851, punt 27) u, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 26, punt 24).


28 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 26, punt 67), flimkien mar-referenza għas-sentenza tat-13 ta‘ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, (C-474/99, Ġabra p. I-5293, punt 25).


29 – Sentenza tad-9 ta‘ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑400/99, Ġabra 2001, I‑7303, punt  49 sa 65).


30 – Ara l-paġna 4 ta‘ l-opinjoni motivata li, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fit-30 ta‘ Marzu 2004, skond l-Artikolu 228 KE minħabba li ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza mogħtija fl-10 ta‘ April 2003 fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01, fir-rigward ta‘ l-għoti ta‘ kuntratt għall-ġbir ta‘ l-ilma użat tal-komun ta‘ Bockhorn u ta‘ kuntratt għar-rimi ta‘ l-iskart tal-belt ta‘ Brunswick.


31 – Sentenza tat-18 ta‘ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra punti 27 u 28), tas-7 ta‘ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑29/01, Ġabra 2002, I‑2503, punt 11), tal-15 ta‘ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑147/00, Ġabra 2001, I‑2387, punt 26), tal-21 ta‘ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑119/00, Ġabra 2001, I‑4795, punt 14), tat-30 ta‘ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑384/99, Ġabra 2000, I‑10633, punt 16), tat-3 ta‘ Lulju 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑60/96, Ġabra 1997, I‑3827, punt 15), tas-17 ta‘ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑289/94, Ġabra 1996, I‑4405, punt 20), tat-12 ta‘ Diċemnbru 1996, Il-Kummissjoni vs L-Italja, Ġabra 1996, p. I‑6765, punt 13).


32 – Konklużjonijiet ta‘ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 24, punti 57 sa 59).


33 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 31). Fl-ewwel lok (fil-punti 27 sa 32) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma‘ l-għeluq tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana ma kinitx għadha adottat il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tas-26 ta‘ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-212/99, Ġabra p. I-4923). Sussegwentement (punti 33 sa 46) il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta‘ penali kinux issodisfati u, b‘mod partikolari, jekk in-nuqqas kienx dam sa meta hija eżaminat il-fatti. Ara wkoll is-sentenzi tat-12 ta‘ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, Ġabra 2005, I‑6263, punt 30 u 31), u Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 7, punti 20 u 21).


34 – Sentenza ta‘ l-10 ta‘ Marzu 1987 fil-kawża 199/85 (Il-Kummissjoni vs L-Italja, Ġabra p. 1039, punt 16).


35 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 31, punt 41) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 24, punt 73).


36 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 31, punt 41), flimkien mal-konklużjonijiet ta‘ l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tas-26 ta‘ Jannar 2006 fl-istess kawża (punt 24) u s-sentenza, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 33, punt 56). Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 24, punt 77), l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer jiddikjara li, fil-kuntest ta‘ rikors magħmul skond l-Artikolu 228 KE, huwa l-Istat Membru li għandu jipprova li huwa kkonforma ruħu kif xieraq mas-sentenza mogħtija li tikkonċerna ksur tat-Trattat.


37 – Ara wkoll, Heuvels, K., Fortwirkender Richtlinienverstoß nach De-facto-Vergaben, Neue Zeitschrift für Baurecht und Vergaberecht, is-6 sena (2005), Nru 1 p. 32; Bitterich, K., Kein “Bestandsschutz” für vergaberechtswidrige Verträge gegenüber Aufsichtsmaßnahmen nach Artikel 226 EG, Europäisches Wirtschafts- und Steuerrecht, is-16-il sena (2005), Nru 4, p. 164; Bitterich, K., Kündigung vergaberechtswidrig zu Stande gekommener Verträge durch öffentliche Auftraggeber, Neue Juristische Wochenschrift 26/2006, p. 1845; Prieß, G., Beendigung des Dogmas durch Kündigung: Keine Bestandsgarantie für vergaberechtswidrige Verträge, Neue Zeitschrift für Baurecht und Vergaberecht 2006, p. 220; Kalbe, P., Kommentar zum Urteil des Gerichtshofs vom 10. April 2003 in den verbundenen Rechtssachen C‑20/01 u C‑28/01, Europäisches Wirtschafts- und Steuerrecht 2003, p. 567; Griller, S., Qualifizierte Verstöße gegen das Vergaberecht – Der Fall St. Pölten, ecolex, 2000, p. 8; Hintersteininger, M., Fehlerhafte Anwendung des EG-Vergaberechts am Beispiel St. Pölten – Zum Urteil des EuGH vom 28. 10. 1999, Österreichische Juristen-Zeitung 2000, p. 634.


38 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 16, punt 12), flimkien ma‘ referenza għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 2, punti 34 sa 37) kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 18, punt 57) u s-sentenza tal-31 ta‘ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-362/90, Ġabra p. I-2353, punti 11 u 13).


39 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 16, punti 12 et seq). Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 18, punt 44) li tat bidu għas-sentenzi f‘dan il-qasam.


40 – Ara l-konklużjonijiet ta‘ l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawżi magħquda Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 2, punt 57).


41 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu minn din il-possibbiltà meta adottat l-ewwel sentenza ta‘ l-Artikolu 114(2) tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (GWB –Liġi kontra r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni), fil-verżjoni li tirriżulta mill-komunikazzjoni tal-15 ta‘ Lulju 2005 (BGB1, I p. 2114), emendata l-aħħar bl-Artikolu 132 tar-Regolament tal-31 ta‘ Ottubru 2006 (BGB1. I p. 2407). Skond din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni li jingħata kuntratt ma tistax tiġi annullata. Skond l-Artikolu 126 ta‘ l-istess liġi, impriża milquta bi ksur ta‘ xi regola tal-liġi dwar l-għoti ta‘ kuntratti pubbliċi tista‘ tinvoka dritt għall-ħlas ta‘ kumpens ta‘ dannu minħabba l-preġudizzju li tkun sofriet fir-rigward ta‘ l-aspettattivi leġittimi tagħha.


42 – Sentenzi tat-2 ta‘ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (239/85, Ġabra p. 3645, punt 13), tat-2 ta‘ Diċembru 1989, Il-Kummissjoni vs L-Italja (42/80, p. 3635, punt 4), u ta‘ l-14 ta‘ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-383/00, Ġabra p. I-4219, punt 18).


43 – Fl-Istati Membri li s-sistema legali tagħhom ġejja tardizzjonalment mid-dritt Ruman, il-kuntratti pubbliċi huma kompletament suġġetti għad-dritt pubbliku. Huwa għalhekk li fi Franza, fi Spanja u fil-Portugall il-proċedura għall-għoti ta‘ kuntratti pubbliċi u l-kuntratt bejn l-awtorità kontraenti u l-offerent magħżul huma suġġetti għad-dritt pubbliku. Konsegwentement, il-kawżi li jirrigwardaw il-proċedura għall-għoti u l-kuntratt jistgħu jiġu deċiżi biss mill-qrati amministrattivi jew mill-Conseil d‘Etat. L-għoti ta‘ kuntratt huwa għalhekk att amministrattiv individwali. Min-naħa l-oħra, taħt id-dritt Ġermaniż dwar il-kuntratti pubbliċi, l-għoti ta‘ kuntratt isegwi s-sistema ta‘ l-aċċettazzjoni ta‘ offerta taħt id-dritt ċivili. Bħala regola ġenerali, l-għoti ta‘ kuntratt jieħu l-forma ta‘ ordni jew ta‘ konferma (Seidel, I., fil: Dauses (Ed.), Handbuch des EU‑Wirtschaftsrechts, IV., punti 8 u 9).


44 – Konklużjonijiet ta‘ l-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 18, punt 83).


45 – Fil-kummentarju tiegħu dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta‘ l-10 ta‘ April 2003 fil-kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01 (Europäisches Wirtschafts- und Steuerrecht, 2003, p. 567), P. Kalbe jsostni li f‘kuntest ta‘ proċedura skond l-Artikolu 226 KE, il-konstatazzjoni u d-deskrizzjoni tan-nuqqas ta‘ twettiq ta‘ obbligu ma kinux jiddependu b‘mod esklużiv fuq il-kuntratti in kwistjoni. Konsegwentement, is-sentenza ma ħaditx pożizzjoni fuq il-kwistjoni ta‘ l-esklużività ta‘ dawn il-kuntratti. Madankollu, minn din is-sentenza jirriżulta ċar li n-nuqqas ta‘ twettiq ta‘ obbligu ma jistax jitneħħa ħlief bir-rexissjoni tal-kuntratti u bil-ftuħ ta‘ proċedura ġdida ta‘ kuntratti pubbliċi. Ara wkoll Gjørtler, P., Varemærker og udbud, Lov & ret, Ġunju 2003, p. 33, li jikkonkludi li l-obbligu ta‘ rexissjoni tal-kuntratt huwa ekwivalenti għall-prinċipju tal-lealtà stabbilit fl-Artikolu 10 KE.


46 – Leffler, H., Damages liability for breach of EC procurement law: governing principles and practical solutions, Public Procurement Law Review, Nru 4, 2003, p. 152, 153; Pachnou, D., Enforcement of the EC procurement rules: the standards required of national review systems under EC law in the context of the principle of effectiveness, Public Procurement Law Review, Nru 2, 2000, p. 69.


47 – Skond it-tieni premessa tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta‘ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta‘ proċeduri għall-għoti ta‘ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114), id-dritt sekondarju dwar l-għoti ta‘ kuntratti pubbliċi huwa maħsub li jiżgura l-implementazzjoni effikaċi tal-libertajiet fundamentali intraprenditorjali. Il-preambolu tad-Direttivi 92/50 u 89/665, li japplikaw għal dan il-każ, għandu kontenut simili. Id-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi għandhom għalhekk jinftehmu bħala li joħorġu mil-libertajiet fundamentali. Huma ġew adottati sabiex jiżguraw l-effettività tal-libertajiet fundamentali u l-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja mill-ewwel stabbiliet li l-għan tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi – u għaldaqstant, tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi – huwa l-applikazzjoni effettiva tal-libertajiet fundamentali. Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 34, punt 12), tat-12 ta‘ Frar 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (76/81, Ġabra p. 417, punt 7), tat-3 ta‘ Ottubru 2000, University of Cambridge (C‑380/98, Ġabra 2000, I‑8035, punt 16), u tat-18 ta‘ Ottubru 2001, SIAC (C‑19/00, Ġabra 2001, I‑7725, punt 32).


48 – Bitterich, K., Kein „Bestandsschutz“ für vergaberechtswidrige Verträge gegenüber Aufsichtsmaßnahmen nach Artikel 226 EG, Europäisches Wirtschafts- und Steuerrecht, 16. Jahrgang (2005), p. 165; Frenz, W., Handbuch Europarecht, Band 3, Beihilfe- und Vergaberecht, Springer-Verlag, Berlin/Heidelberg 2007, punt 3394 et seq p. 1015; f‘Qualifizierte Verstöße gegen das Vergaberecht – Der Fall St. Pölten, (ecolex, 2000, p. 8), P. Griller jafferma li ċerti ċirkustanzi jistgħu jinvolvu l-obbligu li jiġu l-kuntratti li jiksru l-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi jiġu mitmuma, bil-kundizzjoni madankollu li r-relazzjonijiet kuntrattwali ma‘ l-offerenti magħżul jippermettu din ir-rexissjoni.


49 – Għar-riskju ta‘ ksur irreversibbli tad-dritt Komunitarju meta Stat Membru jipprattika politika tal-fatt komplut, ara Fernández Martín, J. M., The EC Public Procurement Rules: A Critical Analysis, Clarendon Press, Oxford 1996, p. 157; f’ “Enforcing the Public Procurement Rules: Legal Remedies in the Court of Justice and the National Courts, Remedies for enforcing the public procurement rules”, (1993, p. 16), P. Arrowsmith isostni li n-nuqqas ta‘ din il-possibbiltà ta‘ rexissjoni tal-kuntratt jista‘ jnaqqas id-dispożizzjoni ta‘ l-amministrazzjonijiet li jikkonformaw mal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi. Jeżisti riskju li l-kuntratti jiġu konklużi bi ksur ta‘ l-obbligu ta‘ komunikazzjoni, sabiex ċerti kandidati jiġu skoraġġuti u sabiex il-possibbiltajiet ta‘ reviżjoni tagħhom jiġu limitati.


50 – Bitterich, K., Kündigung vergaberechtswidrig zu Stande gekommener Verträge durch öffentliche Auftraggeber, Neue Juristische Wochenschrift, 26/2006, p. 1846.


51 – Pachnou, D., Enforcement of the EC procurement rules: the standards required of national review systems under EC law in the context of the principle of effectiveness, Public Procurement Law Review, Nru 2, 2000, p. 57, 58.


52 – F‘Fehlerhafte Anwendung des EG-Vergaberechts am Beispiel St. Pölten – Zum Urteil des EuGH vom 28. 10.1999 (Österreichische Juristen-Zeitung, 2000, 55. Jahrgang, Nru 17, p. 633, 634), M. Hintersteininger isostni li l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 ma jippermettix li tiġi limitata r-responsabbiltà ta‘ l-Istat ħlief fir-rapporti bejn l-istess Stat u l-offerent li ma jkunx intgħażel. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk ta‘ natura derogatorja. Barra minn hekk, bħala sempliċi regola tad-dritt sekondarju, id-direttiva ma tistax tirrestrinġi l-obbligu fundamentali ta‘ l-Istat Membru li jistabbilixxi sitwazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju.


53 – J. M. Fernández Martín, J. M., (The EC Public Procurement Rules: A Critical Analysis, Clarendon Press, Oxford 1996, p. 213), u Pachnou, D., (Enforcement of the EC procurement rules: the standards required of national review systems under EC law in the context of the principle of effectiveness, Public Procurement Law Review, Nr. 2, 2000, p. 65) jikkunsidraw il-ħlas ta‘ kumpens għal dannu bħala t-tieni alternattiva fir-rigward ta‘ l-eżekuzzjoni stess; Hintersteininger, M (Fehlerhafte Anwendung des EG-Vergaberechts am Beispiel St. Pölten – Zum Urteil des EuGH vom 28. 10.1999, Österreichische Juristen-Zeitung, 2000, il-55 sena, Nru 17, p. 634) tikkunsidra l-ħlas ta‘ somma flus bħala forma defiċjenti ta‘ riżarċiment. Fil-fehma tagħha, ir-regola li għandha tingħata preferenza lir-restitutio in integrum milli lid-danni, hija prinċipju ġenerali tad-dritt.


54 – Leffler, H., (Damages liability for breach of EC procurement law: governing principles and practical solutions, Public Procurement Law Review, Nr. 4, 2003, p. 160) isemmi l-possibbiltajiet dgħajfin li offerent għandu li jirbaħ kawża għall-ħlas ta‘ danni wara telf ta‘ kuntratt pubbliku; Fernández Martín, J. M., (The EC Public Procurement Rules: A Critical Analysis, Clarendon Press, Oxford 1996, p. 214) ifakkar li, fil-parti l-kbira ta‘ l-Istati Membri, jeħtieġ li jiġi stabbilit li r-rikorrenti kieku kien jikseb il-kuntratt jew ta‘ l-inqas kellu possibbiltà tajba li jiksbu. Mingħajr din il-prova, il-qrati jirrifjutaw li jagħtu danni. L-awtur isostni li huwa improbabbli li r-rikorrent jissupera dan l-ostaklu.


55 – Arrowsmith, S., (Enforcing the Public Procurement Rules: Legal Remedies in the Court of Justice and the National Courts, Remedies for enforcing the public procurement rules, 1993, p. 8) jikkunsidra li, f‘kuntest ta‘ proċedura għal nuqqas ta‘ twettiq ta‘ obbligu, l-Istat Membru jista‘ jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jttemm il-kuntratt li jkun jikser il-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi.


56 – Fis-sentenza tagħha ta‘ l-20 ta‘ Diċembru 2005 (33 O 16465/05), il-Landgericht München I bbażat ruħha fuq l-Artikolu 313(3) des Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż – BGB) u fuq klawsola kuntrattwali ta‘ “lealtà” biex tiddikjara bħala legali r-rexissjoni straordinarja mill-belt ta‘ Munich ta‘ kuntratt għat-trasport li għalih ma kien ġie ppubblikat ebda sejħa għal offerti; din il-qorti, fil-fatt, sostniet li skond is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-proċedura għal nuqqas ta‘ twettiq ta‘ obbligu f‘din il-kawża (sentenza tat-18 ta‘ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 8), kien inkonċepibbli li l-belt in kwistjoni tiġi mitluba tagħti interpretazzjoni stretta lill-kuntratt. Fl-istess sens, ara Prieß, G., Beendigung des Dogmas durch Kündigung: Keine Bestandsgarantie für vergaberechtswidrige Verträge, Neue Zeitschrift für Baurecht und Vergaberecht, 2006, Nru 4, p. 221. Għall-kuntratti ta‘ tul indefinit, l-Artikolu 314 BGB jippermetti li dawn jiġu mitmuma għal raġunijiet gravi.


57 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 24, punt 89), u tal-25 ta‘ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-278/01, Ġabra p. I-14141, punt 41).


58 – Konklużjonijiet ta‘ l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 33, punt 84).


59 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta‘ qiegħ il-paġna 33, punti 80 u 81).


60 – Karpenstein, P. u Karpenstein, U., f‘Grabitz/Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Band III, Art. 228 KE, punt 28; Bonnie, A., Commission Discretion under Article 171 (2) E.C., European law review, Nru 6 (1998), p. 547. Burgi, M., fil-: Handbuch des Rechtsschutzes der Europäischen Union (Hrsg. Rengeling/Middeke/Gellermann), Edizzjoni 2, C. H. Beck, München 2003, § 6, punt 49.


61 – Karpenstein, P.u Karpenstein, U., f‘Grabitz/Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Band III, Art. 228 KE, punt 28; Gaitanides, C., Vertrag über die Europäische Union und Vertrag zur Gründung der Europäischen Union, von der Groeben/Schwarz (Hrsg.), Art. 228 KE, isostni li dan huwa l-każ meta Stat Membru ma jikkonformax ruħu mas-sentenza ħlief tardivament u li r-rikors il-ġdid ma jkunx għadu ġie ppreżentat jew meta l-proċess ikun għadu ma ngħalaqx.


62 – Candela Castillo, J., La loi européenne, désormais mieux protégée – Quelques réflexions sur la première décision de la Commission demandant à la Cour de Justice de prononcer une sanction pécuniaire au sens de l´article 171 du Traité à l´encontre de certains États membres pour violation du droit communautaire, Revue du Marché Unique Européen, Nru 1 (1997), p. 20, 21.


63 – Karpenstein, P. u Karpenstein, U., f‘Grabitz/Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Band III, Art. 228 KE, punt 28; Díez Hochleitner, J., Le traité de Maastricht et l´inexécution des arrêts de la Cour de Justice par les États membres, Revue du Marché Unique Européen, Nru 2 (1994), p. 140; Bonnie, A., Commission Discretion under Article 171 (2) E.C., European Law Review, Nru 6 (1998), p. 547; Burgi, M., f‘Handbuch des Rechtsschutzes der Europäischen Union (Ed. Rengeling/Middeke/Gellermann), 2. Auflage, C. H. Beck, München 2003, § 6, punt 51.


64 – Karpenstein, P u Karpenstein, U. (Grabitz/Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Band III, Art. 228 KE, punt 28 fil-marġni) jikkunsidraw li s-somma f‘daqqa għandha tiġi preferuta mill-penali meta l-prinċipju ta‘ proporzjonalità jitlob li tiġi imposta sanzjoni “simbolika” fuq l-Istat Membru, per eżempju minħabba li huwa prevedibbli li jkun ser jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu ftit qabel l-għoti tas-sentenza.

Fuq