EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CJ0437

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Marzu 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej - Immobbli mikrija mill-Komunitajiet Ewropej - Reġjun ta' Bruxelles-Capitale - Taxxa dovuta mis-sidien.
Kawża C-437/04.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:178

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta' Marzu 2007 (*)

“Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej – Immobbli mikrija mill-Komunitajiet Ewropej – Reġjun ta' Bruxelles-Capitale – Taxxa dovuta mis-sidien”

Fil-kawża C-437/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-15 ta' Ottubru 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J.-F. Pasquier, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta mill-

Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn G. Maganza u A.-M. Colaert, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn E. Dominkovits, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, E. Juhász (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: R. Grass,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta' Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li, bil-fatt li impona taxxa (iktar 'il quddiem it-"taxxa reġjonali") li tikser l-immunità fiskali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Renju tal-Belġju naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li inizjalment kien anness mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1967, 152, p. 13), u sussegwentement, bis-saħħa tat-Trattat ta' Amsterdam, mat-Trattat KE (iktar 'il quddiem il-"Protokoll").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Skond l-Artikolu 28(1) tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej u, wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Amsterdam, l-Artikolu 291 KE, kif ukoll skond l-unika premessa tal-Protokoll, il-Komunità Ewropeja għandha tgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħha, skond il-kundizzjonijiet kif stabbiliti fl-imsemmi Protokoll.

3       L-Artikolu 3 tal-Protokoll jgħid:

"Il-Komunitajiet, l-assi, id-dħul finanzjarju u proprjetà oħra tagħhom ikunu eżenti minn kull taxxa diretta.

Il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri għandhom, kull meta possibbli, jieħdu l-miżuri xierqa biex jirrinunzjaw għal jew iħallsu lura l-ammont ta’ taxxi indiretti jew taxxi fuq il-bejgħ inklużi fil-prezz ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, meta l-Komunitajiet jagħmlu, għall-użu uffiċjali tagħhom, xirjiet sostanzjali li l-prezz tagħhom ikun jinkludi taxxi ta’ din ix-xorta. Dawn id-dispożizzjonijiet m’għandhomx japplikaw, madankollu, b'mod illi jkollhom l-effett li jfixklu l-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunitajiet.

L-ebda eżenzjoni m’għandha tingħata għar-rigward ta’ taxxi u ammonti dovuti li jkunu biss ħlasijiet għal servizzi ta’ utilità pubblika."

4       Skond l-Artikolu 13 tal-Protokoll:

"Uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Komunitajiet, skond il-kundizzjonijiet u l-proċedura stipulata mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet."

5       L-Artikolu 19 tal-Protokoll jistipula li:

"L-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom, bl-iskop li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkooperaw ma' l-awtoritajiet responsabbli ta' l-Istati Membri involuti."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       L-Artikolu 2 ta' l-ordinanza tat-23 ta' Lulju 1992 dwar it-taxxa reġjonali dovuta mill-okkupanti ta' bini immobbli u mill-proprjetarji ta' drittijiet reali fuq ċerti immobbli tar-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale (Moniteur belge ta' l-1 ta' Awwissu 1992, p. 17334, iktar 'il quddiem l-"ordinanza") jgħid:

"B'effett mis-sena 1994, għandha tiġi imposta taxxa annwali fuq l-okkupanti ta' bini immobbli li jinsab fit-territorju tar-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale u fuq il-proprjetarji ta' drittijiet reali fuq ċerti immobbli mhux intiżi bħala residenza; din it-taxxa għandha tkun dovuta skond is-sitwazzjoni eżistenti fl-1 ta' Jannar tas-sena ta' stima."

7       L-Artikolu 3(1) ta' din l-ordinanza jistipula:

"It-taxxa [reġjonali] hi imposta:

a)      fuq kull kap tal-familja li jokkupa, bħala r-residenza prinċipali jew sekondarja, bini immobbli sħiħ jew parti minnu li jinsab fit-territorju tar-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale.

[…]

b)      fuq kull okkupant ta' bini immobbli sħiħ jew parti minnu li jinsab fit-territorju tar-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale u li fih jeżerċita attività f'ismu stess, kemm jekk bi skop ta' lukru kemm jekk le, inkluża professjoni liberali, u fuq kull persuna ġuridika jew assoċjazzjoni mingħajr personalità ġuridika li għandha l-uffiċċju reġistrat fih jew li fih twettaq l-amministrazzjoni, l-operazzjonijiet jew l-attivitajiet tagħha.

[…]

ċ)      fuq is-sid li għandu l-proprjetà sħiħa jew, fin-nuqqas ta' sid li għandu l-proprjetà sħiħa, fuq l-enfitewta, fuq l-użufruttwarju jew fuq id-detentur tad-dritt ta' l-użu tal-bini immobbli sħiħ jew parti minnu li jinsab fit-territorju tar-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale, li mhuwiex utilizzat għall-użu msemmi taħt a) iktar 'il fuq."

8       Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) ta' din l-ordinanza, it-taxxa reġjonali imposta fuq il-persuni taxxabbli msemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ) ta' l-imsemmija ordinanza hija stabbilita, għal kull bini immobbli, fl-ammont ta' EUR 6.36 kull metru kwadru ta' superfiċi ta' art li teċċedi l-ewwel 300 metru kwadru, jew l-ewwel 2 500 metru kwadru fil-każ ta' superfiċi użata għal attivitajiet industrijali jew artiġjanali, mingħajr ma din tkun tista' teċċedi ammont li jikkorrispondi għal 14% tad-dħul kadastrali indiċjat, fir-rigward tas-superfiċi ta' l-immobbli sħiħ jew parti minnu li huwa suġġett għal din it-taxxa.

 Il-proċedura prekontenzjuża

9       Il-Komunità u SA Vita (iktar 'il quddiem "Vita"), li d-drittijiet u l-obbligi tagħha ġew sussegwentement ittrasferiti lil SA Zurich, ikkonkludew, fit-3 ta' Frar 1988, kuntratt ta' kiri fir-rigward tal-kirja ta' immobbli li jinsab f'Ixelles (komun li jagħmel parti mir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale, il-Belġju). Dan il-kuntratt jistabbilixxi li, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, l-imposti u t-taxxi kollha, tkun xi tkun in-natura tagħhom, li jkunu imposti fuq l-immobbli mikri favur kull awtorità pubblika, u l-ispejjeż l-oħra kollha ta' l-istess natura għandhom jitħallsu mill-kerrej, ħlief jekk dan jikseb l-eżenzjoni tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti fil-konfront ta' sid il-kera, minħabba l-istatus partikolari tiegħu kif irregolat b'mod partikolari bl-Artikolu 3 tal-Protokoll.

10     Fuq il-bażi ta' l-ordinanza, ir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale impona fuq Vita diversi ammonti li jikkorrispondu għat-taxxa reġjonali dovuta għas-snin 1992 sa 1997. Wara li ġiet interpellata minn Vita sabiex tħallas dawn l-ammonti hekk imposti fuqha, il-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, irrifjutat li tħallas. Għaldaqstant, Vita fetħet kawża quddiem il-maġistrat ta' l-Ewwel Distrett ta' Ixelles li, permezz tas-sentenza tiegħu tas-26 ta' Mejju 1998, ikkundanna lill-Komunità sabiex tħallas lil Vita s-somom ta' BEF 20 000 277 u ta' BEF 290 211. Peress li l-appell tagħha ġie miċħud mit-tribunal de première instance (il-Qorti tal-Prim'Istanza) ta' Brussell, il-Komunità appellat kontra din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti ta' Kassazzjoni), iżda l-appell tagħha ġie miċħud permezz ta' sentenza ta' l-istess qorti ta' l-1 ta' Marzu 2002.

11     Matul din il-proċedura, il-Cour de cassation ma kkunsidratx li kien neċessarju li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari ssuġġerita mill-Komunità bil-għan li jsir magħruf jekk l-Artikolu 28 tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 3 tal-Protokoll, possibilment marbuta ma' l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna, tat-18 ta' April 1961, dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Vjenna") kellhomx jiġu interpretati fis-sens illi jipprojbixxu l-adozzjoni ta' kull liġi jew regola oħra nazzjonali li tistabbilixxi taxxa diretta li, fl-apparenza, tirrigwarda lill-persuni li jikkuntrattaw ma' persuni ġuridiċi rregolati bid-dritt internazzjonali (fosthom il-Komunità Ewropea), iżda li, fil-prattika jkollha neċessarjament l-għan jew l-effett li timponi fuq persuni ġuridiċi rregolati bid-dritt internazzjonali (fosthom il-Komunità Ewropea) jew li tittrasferixxi fuq persuni ġuridiċi rregolati bid-dritt internazzjonali (fosthom il-Komunità Ewropea) ir-responsabbiltà effettiva għall-ħlas ta' l-imsemmija taxxa.

12     Permezz ta' ittra ta' intimazzjoni tat-2 ta' April 2003, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE u stiednet lir-Renju tal-Belġju sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tan-nuqqas tiegħu li jwettaq l-obbligi imposti fuqu mill-Artikolu 3 tal-Protokoll.

13     Fir-risposta tagħhom tat-3 ta' Ġunju 2003, l-awtoritajiet Belġjani kkunsidraw li t-taxxa reġjonali ma kienet tolqot lill-istituzzjonijiet internazzjonali la direttament u lanqas indirettament, iżda kienet tolqot kull proprjetarju ta' bini immobbli mhux użat bħala residenza li s-superfiċi tiegħu kienet teċċedi kejl stabbilit u li, għaldaqstant, ir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale bl-ebda mod ma kiser il-prinċipju ta' l-eżekuzzjoni tat-trattati in bona fide.

14     Permezz ta' opinjoni motivata tas-16 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju tal-Belġju sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni f'terminu ta' xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni. B'ittra tat-30 ta' Lulju 2004, l-awtoritajiet Belġjani rrispondew li r-Renju tal-Belġju baqa' jżomm il-pożizzjoni tiegħu.

15     Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

16     B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' April 2005, il-Kunsill ġie awtorizzat jintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

17     Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tikser l-immunità fiskali li jgawdu minnha l-Komunitàjiet. Din l-immunità fiskali, stabbilita fl-Artikolu 28 tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej u rregolata mill-Artikolu 3 tal-Protokoll, tipprekludi l-effetti ta' l-ordinanza kkontestata.

18     Il-Kummissjoni u l-Kunsill jenfasizzaw li din l-ordinanza tippermetti li tiġi evitata l-immunità fiskali li jibbenifikaw minnha l-Komunitajiet billi timponi fuqhom b'mod indirett, bħala kerrejja, taxxa li din l-immunità fiskali tipprojbixxi li tinġabar mingħandhom b'mod dirett. Ir-rieda tal-leġislatur reġjonali tirriżulta kemm mill-Artikolu 3(1) ta' l-ordinanza li tagħti d-definizzjoni tal-persuni suġġetti għat-taxxa reġjonali kif ukoll mix-xogħol preparatorju.

19     Fil-fatt, filwaqt li l-leġiżlazzjoni preċedenti kienet immirata biss lejn l-okkupanti, l-ordinanza żiedet taxxa li l-persuni suġġetti għaliha huma s-sidien ta' immobbli li jintużaw għal attivitajiet professjonali u li jeċċedu ċerta superfiċi. Madankollu, din baqgħet taxxa fuq l-okkupazzjoni ta' l-immobbli, għaliex il-ħlas finali min-naħa ta' l-okkupant huwa ggarantit mill-fatt li s-sid suġġett għat-taxxa jittrasferixxi din it-taxxa fuq il-kerrej.

20     Il-Kummissjoni tikkunsidra bħala sinjifikattiv il-fatt li l-eżenzjonijiet li jista' jibbenefika minnhom is-sid ta' tali immobbli jiddependu fuq il-kwalità ta' l-okkupant. Għaldaqstant, meta l-okkupant huwa eżenti, is-sid huwa eżenti wkoll. Peress li l-eżenzjonijiet huma ddeterminati biss abbażi tal-kwalità ta' l-okkupant, il-Kunsill jiddeduċi wkoll li fir-realtà l-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tintaxxa lill-okkupanti ta' immobbli.

21     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel riferenza għall-istqarrija tal-Ministru tal-Finanzi, tal-Baġit u tas-Servizz Pubbliku tar-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale, li spjegat li s-settur pubbliku, inkluż dak ta' natura internazzjonali, għandu jikkontribwixxi wkoll għat-taxxa reġjonali l-ġdida, ħaġa li ma kinitx possibbli qabel. L-għan imfittex bl-introduzzjoni ta' din it-taxxa kien għalhekk iż-żieda fid-dħul fiskali, b'mod partikolari permezz ta' l-intaxxar fuq immobbli li fil-konfront tagħhom l-ebda taxxa ma kienet titħallas minħabba l-fatt li dawn kienu okkupati minn persuni jew istituzzjonijiet eżenti mit-taxxa.

22     Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li, kuntrarjament għall-kerrejja privati, il-Komunitajiet ma jibbenefikawx mit-tnaqqis fiskali tal-kera u ta' l-eventwali spejjeż, b'mod li dawn l-ispejjeż jikkostitwixxu piż relattivament qawwi għall-Komunitajiet. Bl-istess mod, il-kiri ta' immobbli lill-Komunitajiet huwa, mill-aspett fiskali, partikolarment vantaġġuż għar-Renju tal-Belġju, peress li dan jirċievi taxxi fuq il-kera li jdaħħal sid il-kera, mingħajr ma jkollu jagħti tnaqqis fiskali lill-kerrej.

23     Fir-rigward ta' l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna, il-Kunsill josserva li dan jistabbilixxi biss il-verżjoni minima tal-prinċipju ta' l-immunità fiskali u li t-test ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll huwa differenti. Barra minn hekk, l-immunità fiskali tal-Komunitajiet, fil-kuntest ta' organizzazzjoni internazzjonali ta' natura istituzzjonali, tiġġustifika, jekk mhux teżiġi, applikazzjoni wiesgħa ta' dan il-prinċipju. Il-Kunsill ifakkar li l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet huma ta' natura funzjonali u għandhom l-għan li jevitaw li jiġu ostakolati l-funzjonament u l-indipendenza tagħhom. Skond il-Kunsill, kull miżura li tolqot il-mezzi finanzjarji disponibbli għall-eżekuzzjoni tal-missjoni tal-Komunitajiet għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li tostakola l-funzjonament tagħhom.

24     Skond il-Kummissjoni u l-Kunsill, fir-rigward tat-taxxa reġjonali, l-istess riżultat jista' jintlaħaq billi jiġi ntaxxat l-okkupant jew is-sid. Meta għażel il-persuna suġġetta għat-taxxa, il-leġislatur reġjonali kien imissu għamel dan b'mod konformi ma' l-obbligu tiegħu ta' kooperazzjoni leali mal-Komunitajiet, li r-riżorsi tagħhom m'għandhomx iservu sabiex iżidu d-dħul ta' l-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, għandu jiġi evitat li Stat Membru, li fih għandhom sede l-Komunitajiet, jieħu vantaġġi mhux ġustifikati fil-konfront ta' l-Istati Membri l-oħra. F'kull każ, il-każ ta' l-immobbli użati mill-Komunitajiet kien imissu ġie miżjud mal-lista ta' eżenzjonijiet tas-sidien stabbiliti mill-ordinanza in kwistjoni.

25     Il-Gvern Belġjan jenfasizza li l-Komunitajiet, li huma, bis-saħħa tal-Protokoll, eżenti mit-taxxa reġjonali kemm bħala okkupanti kif ukoll bħala sidien jew sidien tal-kera, huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-ordinanza. Għaldaqstant ma jistgħax jingħad li l-Komunitajiet huma responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

26     Il-Gvern Belġjan iqis li din it-taxxa bl-ebda mod ma tikser il-prinċipju ta' l-eżekuzzjoni tat-trattati in bona fide, peress li din ma tiksirx l-immunità fiskali tal-Komunitajiet. Fil-fatt, l-eventwali obbligu tal-ħlas in kwistjoni mhuwiex ta' natura fiskali, iżda jirriżulta minn kuntratt konkluż mas-sid suġġett għal din it-taxxa. Huwa jfakkar ukoll li l-Cour de cassation iddeċidiet li dan it-trasferiment ta' l-obbligu huwa bbażat fuq kuntratt irregolat bid-dritt privat u li jkun eċċessiv li organizzazzjoni internazzjonali tkun tista' titlob l-eżenzjoni ta' parti mill-kera li tirriżulta minn żieda ġenerali fit-taxxi.

27     Il-Gvern Belġjan ifakkar li, skond l-Artikolu 23(2) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna, l-eżenzjoni fiskali ma tapplikax jekk l-Istat mandanti huwa kerrej u t-taxxa hija dovuta minn sid il-kera. L-immunità stabbilita mill-Protokoll, ispirata minn din il-Konvenzjoni, li għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt internazzjonali ġenerali, ma tistax tiġi invokata kontra t-trasferiment tal-piż tat-taxxa li seħħ abbażi ta' klawżola kuntrattwali.

28     Il-Gvern Belġjan iżid li l-eżenzjoni fiskali li jgawdu minnha l-organizzazzjonijiet internazzjonali m'għandhiex il-għan li tnaqqas l-ispiża tal-kera tagħhom, iżda tindika biss li bħala persuni regolati bid-dritt internazzjonali pubbliku, dawn mhumiex suġġetti għat-taxxa. Huwa jenfasizza li r-reġjun in kwistjoni ma jieħu l-ebda vantaġġ fiskali mill-preżenza ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali, għaliex indipendentement minn jekk l-immobbli jkunx mikri minn istituzzjoni tal-Komunitajiet, minn individwu jew anki jekk ma jkunx mikri, it-taxxa reġjonali hija dovuta mis-sid u minnu biss. Hija l-immunità fiskali in kwistjoni li tikser it-trattament ugwali bejn is-sidien, għaliex dawk li jikru l-assi immobiljari tagħhom lill-Komunitajiet ikunu ffavoriti fil-konfront tas-sidien l-oħra.

29     Rigward il-ġurisprudenza msemmija mill-Kummissjoni, il-Gvern Belġjan josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt m'esprimiet ruħha fuq l-immunità fiskali pretiża mill-Komunitajiet fil-każ fejn taxxa tkun imposta fuq sid ta' immobbli li jkun mikri minn istituzzjoni tal-Komunitajiet u fejn dan il-piż ikun trasferit fuq il-prezz tal-kirja. Madankollu, b'mod ġenerali, il-ġurisprudenza tikkonferma li l-privileġġi u l-immunitajiet rikonoxxuti lill-Komunitajiet mill-Protokoll huma ta' natura strettament funzjonali, peress li għandhom l-għan li jevitaw li jiġu ostakolati l-funzjonament u l-indipendenza tal-Komunitajiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma pprovat safejn it-taxxa reġjonali tista' tikkostitwixxi ostaklu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Komunitajiet u l-ħlas ta' supplement fil-kera mill-istituzzjonijiet Ewropej ma jistax jiġi kkunsidrat bħala miżura li taffettwa l-mezzi finanzjarji disponibbli għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet tagħhom.

30     Fir-rigward tal-ġurisprudenza relattiva għall-Artikolu 13 tal-Protokoll, il-Gvern Belġjan josserva li l-Kummissjoni ssostni li din tapplika għall-Artikolu 3 ta' l-istess Protokoll, mingħajr madankollu ma tispeċifika r-rabta bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet jew id-differenzi bejn l-għanijiet tagħhom u l-kampijiet ta' applikazzjoni materjali u personali rispettivi tagħhom. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni b'mod espliċitu bejn il-ġurisprudenza relattiva għall-Artikolu 13 u dik relattiva għall-Artikolu 3 tal-Protokoll.

31     Barra minn hekk, skond il-Gvern Belġjan, bit-tentattiv tagħha li tevita t-taxxa reġjonali, il-Kummissjoni qiegħda tinjora wkoll il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali li joħroġ mill-Artikolu 10 KE, li jistabbilixxi mhux biss obbligu għall-Istati Membri li jadottaw il-miżuri xierqa kollha sabiex jiġu ggarantiti l-portata u l-effettività tad-dritt Komunitarju, iżda li jimponi wkoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet obbligi reċiproċi ta' kooperazzjoni leali ma' l-Istati Membri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32     Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat il-kuntest ta' din il-kawża.

33     Fir-rigward ta' l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna li jirreferu għalih l-partijiet, għandu jiġi mfakkar li din il-Konvenzjoni hija ftehim tad-dritt internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri u Stati terzi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tar-relazzjonijiet diplomatiċi. Bħala prinċipju, din tirrigwarda r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati u mhux ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità, li barra minn hekk mhijiex parti f'din il-Konvenzjoni, u l-Istat li fih għandha s-sede f’Istituzzjoni tal-Komunitajiet, f'dan il-każ ir-Renju tal-Belġju.

34     F'kull każ, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punti 35 sa 37 tal-konklużjonijiet tagħha, anki jekk il-Komunità għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b'mod li tirrispetta d-dritt internazzjonali (sentenza ta' l-24 ta' Novembru 1992, C-286/90, Poulsen u Diva Navigation, Ġabra p. I-6019, punt 9), il-Konvenzjoni ta' Vjenna mhijiex ta' importanza determinanti f'din il-kawża.

35     Il-portata ta' l-immunità fiskali tal-Komunitajiet, li tifforma parti mid-dritt Komunitarju, hija qabel kollox stabbilita mill-Artikolu 3 tal-Protokoll, li ġie maħsub speċifikament fid-dawl tal-karatteristiċi tal-Komunitajiet.

36     Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3 tal-Protokoll jistabbilixxi żewġ sistemi ta' immunità, skond jekk it-taxxi humiex diretti jew indiretti. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll jikkonċerna l-immunità tal-Komunitajiet fir-rigward tat-taxxi diretti, filwaqt li t-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu jirrigwarda t-taxxi indiretti.

37     Fir-rigward tas-sistema dwar it-taxxi diretti, l-immunità hija inkundizzjonata u ġenerali, għaliex il-Komunitajiet kif ukoll l-assi, id-dħul u proprjetà oħra tagħhom huma eżenti minn kull tassazzjoni diretta fuq livell nazzjonali. Fir-rigward tas-sistema dwar it-taxxi indiretti, l-immunità mhijiex illimitata; għall-kuntrarju, hija ristretta u suġġetta għal kundizzjonijet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta' Ottubru 2006, Il-Komunità Ewropea, C-199/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

38     Peress li din id-differenza bejn is-sistemi hija essenzjali għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' immunità, huwa indispensabbli li jiġi stabbilit taħt liema waħda minn dawn iż-żewġ sistemi taqa' kawża li tikkonċerna allegata eżenzjoni fiskali.

39     Barra minn hekk, fil-kuntest ta' proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tindika, diġà waqt il-fażi prekontenzjuża, id-dispożizzjoni preċiża li tistabbilixxi l-obbligu li l-Istat Membru huwa allegat li naqas li josserva. Dan l-obbligu tal-Kummissjoni jirriżulta, b'mod partikolari, minn żewġ rekwiżiti, jiġifieri dak tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża ta' l-Istat Membru involut fi proċedura bħal din, kif ukoll dak tan-neċessità ta' definizzjoni ċara tas-suġġett tal-kawża.

40     Fil-fatt, il-proċedura prekontenzjuża għandha, b'mod partikolari, l-għan li tagħti lill-Istat ikkonċernat il-possibbiltà li jagħmel użu mid-dritt tiegħu li jiddefendi ruħu kontra l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni (sentenzi tal-15 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 10, u ta' l-24 ta' Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-350/02, Ġabra p. I-6213, punt 18), u li jiġi assigurat li s-suġġett ta' eventwali proċedura kontenzjuża tkun tirrigwarda kwistjoni definita b'mod ċar (sentenzi ta' l-20 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-287/00, Ġabra. p. I-5811, punt 17, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata aktar 'il fuq, punt 19).

41     Fir-rigward tas-suġġett ta' din il-kawża, għandu jiġi rilevat li l-Kummissjoni, meta tirreferi għall-Artikolu 3 tal-Protokoll fl-opinjoni motivata tagħha, kif ukoll fir-rikors promotorju tagħha, ma tispeċifikax fuq liema mit-tliet paragrafi qed tibbaża r-rikors tagħha. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ma tispeċifikax b'mod espress id-dispożizzjoni li timponi l-obbligu li r-Renju tal-Belġju allegatament naqas li josserva, l-opinjoni motivata u r-rikors jinkludu fihom elementi li jippermettu li tiġi identifikata b'mod ċar il-bażi tat-talbiet tagħha.

42     Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li huwa ċar li t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll ma jistax jintuża bħala bażi għall-finijiet ta' kwalunkwe immunità fiskali. Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, la fl-opinjoni motivata tagħha u lanqas fir-rikors tagħha, ma ssemmi argumenti speċifiċi sabiex issostni fejn ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu kif jirriżultaw mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 ta' dan il-Protokoll. Minn naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 11 ta' din is-sentenza, matul il-proċeduri quddiem il-Cour de cassation, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk l-immunità fiskali tal-Komunitajiet kinitx tipprekludi l-impożizzjoni ta' taxxa diretta, bħalma hija t-taxxa reġjonali.

43     Jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni tirriproduċi u tiċċita, fl-opinjoni motivata u fir-rikors tagħha, id-domanda li kienet indirizzat lill-Cour de cassation, li fiha tikkwalifika b'mod ċar it-taxxa reġjonali bħala "taxxa diretta", li l-ilment ippreżentat mill-Kummissjoni jaqa' fil-kuntest tas-sistema ta' l-immunità relattiva għat-taxxi diretti.

44     Barra minn hekk, għalkemm il-Protokoll ma fih l-ebda definizzjoni tat-taxxa diretta u ma jeżistux miżuri meħuda għall-finijiet ta' l-implementazzjoni tal-Protokoll, xi elementi ta' interpretazzjoni huma pprovduti fuq dan il-kunċett mid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/CEE, tad-19 ta' Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, p. 15). Din id-Direttiva, li l-kamp ta' l-applikazzjoni tagħha qabel ma ġiet emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 79/1070/KEE, tas-6 ta' Diċembru 1979 (ĠU L 331, p. 8), kien esklużivament irriżervat għat-taxxi diretti, iddefiniet, fl-Artikolu 1(2) tagħha, it-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital billi inkludiet f'dan il-kunċett it-taxxi fuq il-kapital kollu u fuq l-elementi ta' kapital irrispettivament mill-mod li bih dawn jinġabru. Fir-rigward tat-taxxa li, skond il-Kummissjoni u l-Kunsill, tqiegħdet a karigu tal-Komunitajiet, huwa paċifiku li din hija bbażata fuq l-Artikolu 3(1)(ċ) ta' l-ordinanza u li tirrigwarda lill-proprjetarji ta' drittijiet reali fuq l-immobbli. Peress li din it-taxxa tolqot direttament lil persuni abbażi tal-beni tagħhom jew tad-drittijiet reali tagħhom li għandhom valur ekonomiku, din tista' tiġi kkunsidrata bħala imposta fuq element ta' kapital, fis-sens tad-Direttiva 77/799.

45     Fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1)(ċ) ta' l-ordinanza, għandu wkoll jiġi mfakkar li l-karatteristiċi tat-taxxa reġjonali għandhom jiġu stabbiliti billi jittieħdu in kunsiderazzjoni dawk kollha li huma suġġetti għaliha, jiġifieri l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li fuqhom hija imposta, u mhux skond il-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw eventwalment u indirettament minn din it-taxxa fir-rigward tal-Komunitajiet.

46     Konsegwentement, it-taxxa reġjonali in kwistjoni għandha n-natura ta' taxxa diretta, u r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi evalwat fil-kuntest ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll.

47     Huwa paċifiku li, bis-saħħa ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 ta' dan il-Protokoll, il-Komunitajiet huma eżenti mit-taxxa stabbilita mill-ordinanza kemm bħala okkupant u kemm bħala sid jew sid il-kera ta' immobbli. Għaldaqstant, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-ordinanza, huma ma jistgħux ikunu ttrattati, skond il-liġi fiskali, bħala persuni suġġetti għat-taxxa.

48     Madankollu, il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni, li mingħajr ma tissuġġetta b'mod espress lill-Komunitajiet għal din it-taxxa, għandha l-effett u l-iskop, għalkemm b'mod indirett iżda madankollu neċessarjament, li ġġiegħel lill-Komunitajiet iġorru l-piż ta' din it-taxxa, tmur kontra l-prinċipju ta' l-immunità fiskali. Bil-fatt li jonqos li josserva din l-immunità, l-awtur ta' l-ordinanza jġiegħel lill-Komunitajiet jagħmlu kontribuzzjoni ta' natura fiskali, permezz ta' dispożizzjonijiet kuntrattwali li jittrasferixxu fuq il-Komunitajiet, b'mod ġenerali u sistematiku, il-piż tat-taxxi imposti fuq is-sidien ta' immobbli meta dawn l-immobbli jiġu mikrija lil dawn ta' l-aħħar, jew billi t-taxxa tiġi semplicement ittrasferita fil-prezz tal-kera.

49     Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

50     Għalkemm huwa stabbilit li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll jeżenta lill-Komunitajiet mit-taxxi diretti, min-naħa l-oħra, huwa ma jistabbilixxix eżenzjoni bħal din għall-persuni li jikkuntrattaw ma' dawn ta' l-aħħar. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma ssemmi xejn dwar it-trasferiment tal-piż tat-taxxi diretti li huma suġġetti għalihom l-imsemmija persuni li jikkuntrattaw mal-Komunitajiet. Għaldaqstant, it-trasferiment tat-taxxa reġjonali ma tistax tiġi kkontestata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill abbażi ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll.

51     Fil-fatt, minn naħa, meta dan it-trasferiment jirriżulta minn klawżola kuntrattwali mniżżla fil-kuntratt tal-kera, dan huwa neċessarjament konformi mar-rieda tal-partijiet kontraenti, peress li l-inklużjoni ta' klawżola bħal din tirriżulta mil-libertà kuntrattwali tagħhom. Min-naħa l-oħra, meta t-trasferiment tat-taxxa reġjonali jseħħ permezz ta' żieda fil-prezz tal-kera, dan ukoll jirriżulta mil-libertà kuntrattwali tal-partijiet, peress li d-definizzjoni tal-kontenut ta' kuntratt, inkluża d-determinazzjoni ta' element tal-kuntratt bħalma huwa dak ta' l-ammont tal-kera, tirrikjedi l-kunsens tagħhom. Barra minn hekk, f'dan l-aħħar każ, it-taxxa reġjonali imposta fuq is-sidien ma tiġix neċessarjament trasferita mingħandhom għal fuq il-kerrejja b'mod awtomatiku u sħiħ.

52     Huwa minnu li tista' teżisti sitwazzjoni fis-suq tal-kiri ta' l-immobbli li tista' tipperswadi jew saħansitra ġġiegħel lill-Komunità taċċetta klawżola kuntrattwali bħal din jew li tħallas prezz ta' kera li jneħħi jew inaqqas il-piż ta' taxxa diretta minn fuq il-persuna li tikkuntratta magħha.

53     Madankollu, kwalunkwe sitwazzjoni tas-suq li tkun ma tistax toħloq immunità fiskali, peress li din trid tirriżulta minn att tad-dritt internazzjonali, Komunitarju jew nazzjonali.

54     Barra minn hekk, l-adozzjoni ta' l-argument tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tista' ċċajpar id-delimitazzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l- immunità fiskali u dawk li ma jaqgħux taħtha, u tiftah it-triq għal talbiet ta' immunità fiskali fil-konfront ta' kull xorta ta' taxxi diretti, inklużi taxxi fuq id-dħul u taxxi fuq il-kumpanniji.

55     Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Kunsill, din l-interpretazzjoni ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll, li skondha din id-dispożizzjoni ma tistax tintuża bħala bażi għal eżenzjoni mit-taxxa reġjonali, ma tistax tiġi invalidata la mill-iskop ta' l-immunita fiskali tal-Komunitajiet u lanqas miċ-ċirkustanzi relattivi għall-impożizzjoni ta' din it-taxxa.

56     Għal dak li jirrigwarda l-iskop ta' din l-immunità, għandu jiġi mfakkar li din tirriżulta min-neċessità li jkunu ggarantiti l-indipendenza tal-Komunitajiet fir-rigward ta' l-Istati Membri u l-funzjonament tajjeb tagħhom (sentenza tat-28 ta' Marzu 1996, AGF Belgium, C-191/94, Ġabra p. I-1859, punt 19). Madankollu, anki jekk l-eżenzjoni mit-taxxa reġjonali tal-partijiet kontraenti l-oħra kienet tikkostitwixxi vantaġġ finanzjarju favur il-Komunitajiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda prova konklużiva ta' natura li tistabbilixxi li t-trasferiment ta' din it-taxxa fuqha jista' jippreġudika l-indipendenza tal-Komunitajiet jew jostakola l-funzjonament tajjeb tagħhom (sentenza Il-Komunità Ewropea, iċċitata aktar 'il fuq, punt 43). Barra minn hekk, interpretazzjoni fid-dawl ta' l-għan ta' dispożizzjoni ma jistax ikollha r-riżultat li tneħħi kull effett utli mill-kliem ċar u preċiż ta' din id-dispożizzjoni (ara, f'dan is-sens, sentenza Il-Komunità Ewropea, iċċitata aktar 'il fuq, punt 42, u, f'dak li jirrigwarda l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Bank Ċentrali Ewropew, is-sentenza tat-8 ta' Diċembru 2005, Il-BĊE vs Il-Ġermanja, C-220/03, Ġabra p. I-10595, punt 31).

57     Għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi relattivi għall-impożizzjoni tat-taxxa reġjonali, għandu jiġi ammess li l-għan imfittex mil-leġiżlatur reġjonali kien mingħajr dubju ż-żieda fid-dħul fiskali. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa' taħt l-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza b'rispett għad-dritt Komunitarju (sentenza tas-26 ta' Ottubru 2006, C‑345/05, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 10, u ta' l-14 ta' Novembru 2006, C‑513/04, Kerckhaert u Morres, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15). Kemm-il darba ma jseħħx ksur tad-dritt Komunitarju, din il-kompetenza tippermetti lill-Istati Membri, bħala prinċipju, li jintroduċu taxxi ġodda, li jispeċifikaw persuni taxxabbli u eżenzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti f'leġiżlazzjoni analoga preċedenti, jew li jżidu r-rata tat-taxxa.

58     Din il-konklużjoni mhijiex invalidata bil-fatt li, waqt id-diskussjoni relattiva għall-adozzjoni ta' l-ordinanza in kwistjoni, il-Ministru kompetenti tar-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale semma l-probabbiltà li l-emendi li tagħmel din l-ordinanza għal-liġi preċedenti jwasslu għal sitwazzjoni fejn xi sidien ta' immobbli jkunu f'pożizzjoni li jittrasferixxu din it-taxxa fuq il-prezz imħallas, b'mod partikolari, mill-Komunitajiet bħala kerrejja. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jiġi kkritikat talli jżid id-dħul fiskali tiegħu billi jinkludi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' taxxa persuni li jista' jkun li jaġixxu bħala kontraenti mal-Komunitajiet għas-sempliċi raġuni li dawn ta' l-aħħar, f'ċerti sitwazzjonijiet tas-suq, jistgħu jkunu f'pożizzjoni li jittrasferixxu parti mit-taxxa jew it-taxxa kollha fuq il-prezz ta' beni jew servizzi pprovduti lill-Komunitajiet.

59     Għandu jingħad ukoll li, skond l-Artikolu 3(1)(ċ) ta' l-ordinanza, it-taxxa reġjonali tapplika fil-konfront tas-sidien ta' immobbli li jeċċedu ċerta superfiċi u li din it-tip ta' taxxa diretta introdotta mil-leġiżlatur nazzjonali hija mifruxa fl-Istati Membri.

60     Fl-aħħar nett, għandhom jiġu skartati l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill ibbażati, minn naħa, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-Artikolu 13 tal-Protokoll, li tipproteġi l-eżenzjoni fiskali kontra tentattivi mill-Istati Membri biex jattakaw dan il-prinċipju b'mod dirett jew indirett (sentenzi ta' l-24 ta' Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 260/86, Ġabra p. 955, u ta' l-14 ta' Ottubru 1999, Vander Zwalmen u Massart, C-229/98, Ġabra p. I-7113) u, minn naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-Komunitajiet ibatu piż finanzjarju ikbar mill-kerrejja privati li jibbenefikaw mit-tnaqqis fiskali tal-kera u ta' l-ispejjeż.

61     Fil-fatt, kif josserva l-Gvern Belġjan, din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoniiet tal-Protokoll li jeżentaw lill-uffiċjali u lil impjegati oħra tal-Komunitajiet minn taxxi nazzjonali fuq is-salarji, pagi u emolumenti tagħhom. Din l-eżenzjoni tirrigwarda speċifikatament lill-impjegati tal-Komunitajiet, u hija limitata għat-taxxi nazzjonali li jistgħu jolqtu d-dħul li jkun ġej mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, liema dħul huwa suġġett għal taxxa Komunitarja. Min-naħa l-oħra, f'din il-kawża ma teżisti l-ebda taxxa fuq livell Komunitarju, u barra minn hekk, huma biss id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jeżentaw lill-Komunitajiet stess minn kull taxxa diretta (ara, f'dan is-sens, is-sentenza AGF Belgium, iċċitata aktar 'il fuq, punt 14).

62     Fir-rigward tat-tnaqqis mill-bażi taxxabbli tal-kera u ta' l-ispejjeż relatati mal-kiri ta' immobbli, fil-każ ta' persuni suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jista' jkollu l-ebda effett fuq l-eżitu ta' din il-kawża, peress li l-istituzzjonijiet Komunitarji m'għandhomx skop ta' lukru u huma ta' natura totalment differenti minn dik ta' l-impriżi li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

63     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-introduzzjoni tat-taxxa reġjonali la tikser il-kliem u lanqas l-għanijiet ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll.

64     Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

65     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju tal-Belġju. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, l-istituzzjoni li interveniet fil-kawża għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Għaldaqstant, il-Kunsill bħala intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.

3)      Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq