Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0029

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta' Marzu 2007.
    l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI) vs Kaul GmbH.
    Appell - Trade Mark komunitarja - Proċedura ta' oppożizzjoni - Preżentazzjoni ta' fatti ta' provi ġodda in sostenn ta' appell imressaq quddiem il-Bord ta' Appell ta' l-UASI.
    Kawża C-29/05 P.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:162

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    tat-13 ta' Marzu 2007 (*)

    “Appell – Trade Mark komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Preżentazzjoni ta' fatti ta' provi ġodda in sostenn ta' appell imressaq quddiem il-Bord ta' Appell ta' l-UASI”

    Fil-kawża C‑29/05 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja mressaq fil- 25 ta' Jannar 2005,

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. von Mühlendahl u G. Schneider, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    bil-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Kaul GmbH, stabbilita f'Elmshorn (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn G. Würtenberger u R. Kunze, Rechtsanwälte,

    rikorrenti fl-ewwel istanza

    Bayer AG, stabbilita f'Leverkusen (Il-Ġermanja),

    parti fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u J. Klučka, Presidenti ta' Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann (Relatur), G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: K. Sztranc‑Sławiczek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' Ġunju 2006,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' 26 ta' Ottubru 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz ta' l-appell tiegħu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (l-"UASI") qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-10 ta' Novembru 2004, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL) (T-164/02, Ġabra p. II-3807, aktar 'il quddiem is-"sentenza appellata"), li permezz tagħha ġiet annullata d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-4 ta' Marzu 2002 (Każ R 782/2000-3) (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kontenzjuża"), li ċaħdet l-oppożizzjoni ta' Kaul GmbH (aktar 'il quddiem "Kaul") għar-reġistrazzjoni, bħala Trade Mark Komunitarja, tas-sinjal verbali "ARCOL".

    2       Fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Bord ta' l-Appell kien, b'mod żbaljat, ikkunsidra li elementi ta' natura fattwali li ma ġewx sottomessi lid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ta' l-UASI li ddeċidiet fl-ewwel istanza ma setgħux jitressqu għall-ewwel darba minn rikorrent sabiex isostni l-appell tiegħu quddiem Bord ta' l-Appell. Skond l-imsemmija sentenza, il-Bord ta' l-Appell huwa, għall-kuntrarju, marbuta li jieħu elementi bħal dawn in kunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedi fuq l-appell li jkollu quddiemu.

    3       Fl-appell tiegħu, l-UASI jsostni li, b'dan il-mod, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-Trade Mark Komunitarja [ĠU 1994, L 11, p.1] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 [ĠU L 303, p.1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' eżekuzzjoni"] b'mod inkorrett.

     Kuntest Ġuridiku

     Ir-Regolament Nru 40/94

    4       L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, intitolat "Raġunijiet relattivi għal rifjut", jipprovdi li:

    ""Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

    [...]

    b)      jekk minħabba identiċità jew xeb[h] bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xeb[h] tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probab[b]ilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probab[b]iltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probab[b]iltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti."

    5       L-Artikolu 42(3) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li:

    "L-oppo[ż]izzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda issir. L-oppo[ż]izzjoni ma tistax titqies li tkun ġiet preżentata kif dovut qabel ma jsir il-ħlas tad-dritt ta’ l-oppo[ż]izzjoni. Fi żmien perjodu stabbilit mill-Uffiċċju, l-opponent jista’ jissottometti fatti, x[hie]da u argumenti sabiex isaħħaħ il-każ tiegħu."

    6       L-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, intitolat "Raġunijiet relattivi ta’ invalidità" jipprovdi li:

    "It-trade mark Komunitarja għandha tiġi dikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

    (a)       meta jkun hemm trademark preċedenti kif msemmi fl-Artikolu 8(2) u l-kundizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu jkunu sodisfatti".

    7       L-Artikolu 57(1), li jinsab taħt it-Titolu VII tar-Regolament Nru 40/94 dwar il-proċedura ta' l-appell, jipprovdi, b'mod partikolari li: "[g]ħandu jkun hemm dritt ta’ appell minn deċiżjonijiet ta’ l-eżaminaturi, tad-Diviżjonijiet ta’ l-Opposizzjoni, ta’ l-Amministrazzjoni ta’ Trade Marks u Diviżjonijiet Legali u Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni."

    8       Skond l-Artikolu 59 ta' l-imsemmi Regolament:

    "Għandha tiġi preżentata notifika ta’ l-appell bil-miktub lill-Uffiċċju fi żmien xa[h]rejn wara id-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. [...] Fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni, għandha tiġi [ddepożitata] dikjarazzjoni bil-miktub fejn jissemmew il-raġunijiet ta’ l-appell."

    9       L-Artikolu 61 ta' l-istess Regolament, li huwa intitolat "Eżaminazzjoni ta' appelli", jipprovdi li:

    "1. Jekk l-appell ikun ammissibli, il-Bord ta’ l-Appell għandu jeżamina jekk l-appell huwiex permissibli.

    2. Waqt l-eżaminazzjoni ta’ l-appell, il-Bord ta’ l-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skond il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu ffissat mill-Bord ta’ l-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess."

    10     L-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 40/94, li hu intitolat "Deċiżjonijiet dwar appelli" jistabbilixxi li:

    "1. Wara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilit[à] ta’ l-appell, il-Bord ta’ l-Appell għandu jiddeċiedi l-appell. Il-Bord ta’ l-Appell jista['] jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ [lil] dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri.

    2. Jekk il-Bord ta’ l-Appell jirrinvija l-każ għal prosekuzzjoni ulterjuri lid-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu ġiet appellata, dak id-dipartiment huwa marbut bir-ratio decidendi tal-Bord ta’ l-Appell, sa fejn il-fatti [j]kunu l-istess.

    [...]"

    11     L-Artikolu 63 ta' l-imsemmi Regolament, intitolat "Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja" jipprovdi li:

    "1. Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell dwar appelli.

    2. Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

    3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata.

    [...]"

    12     L-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat "L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess", li jinsab fit-Taqsima 1, intitolata "Dispożizzjonijiet Ġenerali, jipprovdi li:

    "1. Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

    2. L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati."

    13     Skond l-Artikolu 76(1) ta' l-imsemmi Regolament:

    "F’kull proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, [i]l-miżati ta’ kif għandha tingħata jew tinkiseb ix-x[hie]da għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a) is-smigħ tal-partijiet;

    (b) talbiet għall-informazzjoni;

    (ċ) il-preżentata ta’ dokumenti u prodotti oħra ta’ x[hie]da;

    (d) is-smigħ ta’ xhieda;

    (e) l-opinjonijiet ta’ esperti;

    (f) stqarrijiet bil-miktub ġuramentati jew affermati jew li għandhom effett simili taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn tinkiteb l-istqarrija."

     Ir-Regolament ta' Eżekuzzjoni

    14     Ir-Regola 16(3) tar-Regolament ta' Eżekuzzjoni tipprovdi li:

    "Id-dettalji tal-fatti, provi u argumenti u dokumenti oħra annessi kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-provi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu, jekk ma jingħatawx flimkien ma’ l-avviż ta’ oppożizzjoni jew wara, jingħataw f’dak iż-żmien wara l-bidu tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kif l-Uffiċċju jista’ jispeċifika skond ir-Regola 20(2)."

    15     Ir-Regola 20(2) ta' l-imsemmi Regolament tipprovdi li:

    "Meta l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jkunx fih dettalji tal-fatti, provi u argumenti kif imsemmi f’Ir-Regola 16(1) u (2), l-Uffiċċju għandu jsejjaħ lill-parti li tkun qegħda topponi biex tagħti dawn id-dettalji fi żmien speċifikat mill-Uffiċċju. Kwalunkwe sottomissjoni mill-parti li tkun qegħda topponi għanda tkun komunikata lill-applikant li għandu jingħata opportunità li jirrispondi fi żmien speċifikat mill-Uffiċċju."

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    16     Il-fatti li wasslu għall-kawża li tressqet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

    17     Fit-3 ta' April 1996, Atlantic Richfield Co. talbet lill-UASI tirreġistra, bħala Trade Mark Komunitarja, is-sinjal verbali "ARCOL", b'mod partikolari, għall-"prodotti kimiċi intiżi għall-ippreservar tal-prodotti ta' l-ikel".

    18     Fl-20 ta' Ottubru 1998, Kaul ressqet oppożizzjoni kontra din it-talba fejn invokat l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. F'dan ir-rigward, Kaul ibbażat ruħha fuq it-Trade Mark Komunitarja preċedenti li hija kienet il-proprjetarja tagħha, jiġifieri s-sinjal verbali "CAPOL", irreġistrat għal "prodotti kimiċi għall-ippreservar tal-prodotti ta' l-ikel, jiġifieri materjali mhux raffinati għall-iffriżar u għall-ippreservar ta' prodotti ta' l-ikel lesti, b'mod partikolari l-ħelu".

    19     Fit-30 ta' Ġunju 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI ċaħdet din l-oppożizzjoni peress li kienet iddeċidiet li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni.

    20     In sostenn ta' l-appell li għamlet kontra din id-deċiżjoni Kaul, b'mod partikolari, saħqet, kif kienet sostniet preċedentement quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, li t-Trade Mark, li tagħha hija l-proprjetarja, għandha karattru li huwa tant distintiv li għandha, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tgawdi minn protezzjoni ogħla. F'dan ir-rigward, Kaul madankollu affermat li dan il-karattru distintiv ħafna kien jirriżulta mhux biss min-nuqqas ta' karattru deskrittiv tal-kelma "CAPOL" għall-prodotti in kwistjoni, kif kienet diġà sostniet quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, iżda wkoll mill-fatt li l-imsemmija Trade Mark kienet kisbet karattru notorju permezz ta' l-użu. Sabiex issostni dan il-karattru notorju. Kaul ressqet, bħala anness ma' l-att bil-miktub li ppreżentat quddiem il-Bord ta' l-Appell, dikjarazzjoni maħlufa mid-direttur ġenerali tagħha flimkien ma' lista tal-klijenti tagħha.dikjara

    21     Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kkunsidra, b'mod partikolari, li ma setax jieħu in kunsiderazzjoni l-possibbiltà tal-karattu distintiv ħafna tat-Trade Mark preċedenti, liema karattru huwa marbut man-notorjetà tagħha, peress li dan l-element u l-provi msemmija aktar 'il fuq, li kienu intiżi sabiex isostnuh, kienu ġew invokati għall-ewwel darba sabiex isostnu l-appell imressaq quddiemha.

     Is-sentenza appellata

    22     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-24 ta' Mejju 2002, Kaul fetħet kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ġew invokati erba' motivi in sostenn ta' l-imsemmi rikors, ibbażati rispettivament fuq il-ksur, l-ewwel nett, ta' l-obbligu li jiġu eżaminati l-elementi mressqa minn Kaul quddiem il-Bord ta' l-Appell, it-tieni nett, fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, it-tielet nett, fuq il-prinċipji ta' dritt proċedurali ammessi fl-Istati Membri u fuq ir-regoli tal-proċedura applikabbli quddiem l-UASI u r-raba' nett, fuq l-obbligu ta' motivazzjoni.

    23     Il-Qorti tal-Prim'Istanza laqgħet l-ewwel motiv u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża minħabba din ir-raġuni mingħajr ma tat deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra tar-rikors. F'dan ir-rigward, fil-punti 25 sa 30 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet dan li ġej:

    "25      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Bord ta' l-Appell jikkonsistu f'dikjarazzjoni maħlufa tad-direttur ġenerali tar-rikorrenti u f'lista tal-klijenti tar-rikorrenti.

    26  Dawn id-dokumenti, li jikkonċernaw l-intensità ta' l-użu tat-Trade Mark tar-rikorrenti, ġew ippreżentati minn din ta' l-aħħar in sostenn ta' l-argumenti li kienu diġà tqajmu quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni – u għalhekk ibbażati biss fuq kunsiderazzjonijiet dwar in-nuqqas ta' karattru deskrittiv tat-Trade Mark tar-rikorrenti – u li skondhom din it-Trade Mark tgawdi minn karattru sostanzjalment distintiv u għalhekk għandha tgawdi minn protezzjoni aktar għolja.

    27  Il-Bord ta' l-Appell, fil-punti 10 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, u sussegwentament l-UASI, fil-punt 30 tar-risposta tiegħu, ikkunsidraw li din id-dikjarazzjoni ġdida tal-fatti ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni peress li kienet saret wara li skadew it-termini stabbiliti mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

    28  Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-pożizzjoni mhijiex kompatibbli mal-kontinwità funzjonali li teżisti bejn id-dipartimenti ta' l-UASI kif ikkonstatata mill-Qorti tal-Prim'Istanza kemm fir-rigward tal-proċedura ex parte [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Procter & Gamble vs L-UASI (BABY-DRY), T-163/98, Ġabra p. II-2383, punti 38 sa 44, li ma kinitx invalidata fuq dan il-punt mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI (BABY-DRY), C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Procter & Gamble vs L-UASI (Forma ta' sapuna), T-63/01, Ġabra p. II-5255, punt 21] u kemm fir-rigward tal-proċedura inter partes [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 24 sa 32].

    29  Fil-fatt, ġie deċiż li mill-kontinwità funzjonali bejn id-dipartimenti ta' l-UASI jirriżulta li, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell huwa marbut li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-elementi fattwali u legali kollha li l-parti kkonċernata tkun introduċiet jew fil-proċedura quddiem id-dipartiment li jkun iddeċieda fl-ewwel istanza jew inkella, bla ħsara għall-Artikolu 74(2), fil-proċedura ta' l-appell (sentenza 'KLEENCARE', iċċitata aktar 'il fuq, punt 32). Għalhekk, kuntrarjament għal dak li qiegħed isostni l-UASI, fir-rigward tal-proċedura inter partes, il-kontinwità funzjonali li teżisti bejn id-diversi dipartimenti ta' l-UASI ma twassalx għall-konsegwenza li parti li, quddiem id-dipartiment li jiddeċiedi fl-ewwel istanza, ma pproduċietx quddiem dan id-dipartiment ċerti elementi fattwali jew legali fit-termini stabbiliti, tkun prekluża, taħt l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, milli tagħmel użu minn dawn l-elementi quddiem il-Bord ta' l-Appell. Għall-kuntrarju, il-kontinwità funzjonali għandha l-konsegwenza li parti bħal din tista' tagħmel użu minn dawn l-elementi quddiem il-Bord ta' l-Appell bil-kundizzjoni li, quddiem din l-istanza, tirrispetta l-Artikolu 74(2) ta' l-imsemmi regolament.

    30  Għaldaqstant, f'dan il-każ, peress li l-elementi fattwali kontenzjużi ma kinux prodotti tard, fis-sens ta' l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, iżda kienu prodotti f'anness tan-nota ppreżentata mir-rikorrenti quddiem il-Bord ta' l-Appell fit-30 ta' Ottubru 2000, jiġifieri fit-terminu ta' erba' xhur preskritt mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell ma setax jirrifjuta li jikkunsidra dawn l-elementi."

    24     Fil-punt 34 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li: "l-Bord ta' l-Appell ma setax, mingħajr ma jmur kontra l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, jirrifjuta li jeżamina l-elementi fattwali ppreżentati mir-rikorrenti fin-nota tagħha tat-30 ta' Ottubru 2000 bil-għan li tipprova kemm huwa sostanzjali l-livell tal-karattru distintiv tat-Trade Mark preċedenti, livell li jirriżulta mill-użu, allegat mir-rikorrenti, ta' din it-Trade Mark fuq is-suq."

     Fuq l-appell

    25     Fl-appell tiegħu, l-UASI qiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex din tiddeċiedi fuq il-motivi l-oħra tar-rikors. Huwa qiegħed jitlob ukoll li l-partijiet l-oħra fil-proċedura jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż.

    26     Kaul qiegħda titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-UASI jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż.

     L-argumenti tal-partijiet

    27     Permezz tal-motiv waħdieni tiegħu li hu maqsum f'żewġ partijiet, l-UASI qiegħed isostni li billi, fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kien marbut, fil-kuntest ta' proċedura ta' oppożizzjoni, li jqis elementi ta' fatt u ta' prova ppreżentati għall-ewwel darba in sostenn ta' l-att bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru, hija applikat b'mod żbaljat diversi dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Regolament u tar-Regolament ta' eżekuzzjoni.

    28     Permezz ta' l-ewwel parti ta' dan il-motiv, l-UASI qiegħed isostni li, billi ddeċidiet, fl-imsemmija punti, li l-prinċipju ta' kontinwità funzjonali jobbliga lill-Bord ta' l-Appell li jqis tali elementi ta' fatt u ta' prova, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat u applikat b'mod inkorrett id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 42(3) tar-Regolament 40/94 u tar-Regoli 16(3) u 20(2) tar-Regolament ta' eżekuzzjoni meħuda kif ukoll l-Artikolu 62(1) tar-Regolament 40/94.

    29     Fil-fatt, it-terminu mogħti lill-opponent mill-UASI fuq il-bażi ta' l-ewwel tlieta minn dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jippreżenta fatti u provi in sostenn ta' l-oppożizzjoni tiegħu jikkostitwixxi terminu perentorju li, ma' l-iskadenza tiegħu, tiġi eskluża l-preżentata ta' tali fatti u provi sakemm l-UASI ma jġeddux.

    30     Fatti u provi li ma jiġux ippreżentati fl-imsemmi terminu la jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-Bord ta' l-Appell u lanqas ma jistgħu jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Bil-kontra ta' dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-kontinwità funzjonali fost id-diviżjonijiet ta' l-oppożizzjoni u l-bordijiet ta' l-appell li tinsab fl-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 tirrigwarda l-kompetenza deċiżjonali ta' l-imsemmija istanzi iżda ma tistax iċċaħħad it-termini preċiżi previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarji sabiex tirregola l-iżvilupp tal-proċedura ta' l-oppożizzjoni mill-effett tagħhom.

    31     Interpretazzjoni bħal din hija wkoll mitluba mir-ratio legis tal-proċedura ta' oppożizzjoni li hija intiża sabiex tippermetti l-identifikazzjoni bikrija ta' kunflitti bejn it-Trade Marks u t-teħid ta' deċiżjoni amministrattiva rapida f'dan ir-rigward. Barra minn dan, deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni mhijiex ta' natura definittiva peress li, skond l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 40/94, hija ma twaqqafx il-formulazzjoni sussegwenti ta' rikors għal annullament jew ta' kontrotalba fil-kuntest ta' proċedimenti ta' ksur kontra Trade Mark, ibbażati fuq motivi li jkunu l-istess bħal dawk imressqa in sostenn ta' l-oppożizzjoni.

    32     Permezz tat-tieni parti tal-motiv, l-UASI qiegħed isostni li, billi, fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li sakemm il-preżentata ta' elementi ta' fatt jew ta' prova sseħħ fit-terminu ta' erba' xhur imsemmi fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, din issir "fil-ħin preskritt" fis-sens ta' l-Artikolu 74(2) ta' l-imsemmi Regolament u b'hekk l-Bord ta' l-Appell għandu jqis dawn l-elementi, hija applikat din l-aħħar dispożizzjoni b'mod inkorrett.

    33     F'dan ir-rigward, l-UASI qiegħed prinċipalment isostni li l-imsemmi Artikolu 74(2) mhuwiex intiż li japplika meta l-preżentata ta' elementi ta' fatt jew ta' prova tkun, kif inhu f'dan il-każ, suġġetta għal terminu perentorju quddiem id-dipartiment li jiddeċiedi fl-ewwel istanza. Billi tuża l-kliem "fil-ħin preskritt", jew "not in due time" jew ukoll "verspätet", l-imsemmija dispożizzjoni qiegħda turi preċiżament it-tama li jiġi evitat ittardjar inġustifikat meta termini perentorji bħal dawn ma jiġux rispettati.

    34     AlterLL-UASI qiegħed isostni, b'mod alternattiv, li l-Qorti tal-Prim'Istanza indebitament irrestrinġiet il-portata ta' l-imsemmi Artikolu 74(2) billi ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija biss intiża li tapplika, fil-kuntest tal-proċedura ta' rikors, meta l-preżentata ta' elementi ta' fatt u ta' prova sseħħ wara l-iskadenza tat-terminu ta' erba' xhur imsemmi fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, l-Artikolu 74(2) ta' dan ir-Regolament għandu wkoll ikun jista' japplika f'ċirkustanzi oħra, per eżempju minħabba li din il-preżentata setgħet u kellha diġà sseħħ quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

    35     Skond Kaul, li ttrattat il-motiv invokat fit-totalità tiegħu, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet li l-Bordijiet ta' l-Appell għandhom jieħdu elementi ġodda in kunsiderazzjoni sakemm il-preżentata tagħhom, inkluża quddiem dawn il-Bordijiet, ma sseħx tard fis-sens ta' l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. Dan huwa l-każ f'din il-kawża peress li l-preżentata kontenzjuża seħħet fit-terminu msemmi fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

    36     Il-Bord ta' l-Appell għaldaqstant jikkostitwixxi t-tieni dipartiment li jiġi mitlub jittratta mill-ġdid fil-mertu, mingħajr ebda restrizzjoni, qabel kull stħarriġ ġudizzjarju, liema stħarriġ, li hu fdat lill-Qorti tal-Prim'Istanza u lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa, min-naħa tiegħu, limitat għal kwistjonijiet ta' dritt.

    37     L-Artikoli 61(2) u 76 tar-Regolament Nru 40/94 jikkonfermaw li l-Bord ta' l-Appell għandu kompetenzi identiċi għad-dipartiment li jkun iddeċieda fl-ewwel istanza, b'mod partikolari, sabiex jistieden il-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet jew sabiex jordna miżuri istruttorji. L-Artikolu 62(1) ta' l-imsemmi Regolament, moqri flimkien ma' dawn id-dispożizzjonijiet, jindika li l-Bord ta' l-Appell huwa marbut jiddeċiedi, fid-dawl tal-fatti kollha li jkollu quddiemu, jekk huwa jqisx li huwa f'pożizzjoni li jadotta deċiżjoni b'parti dispożittiva identika għal dik tad-deċiżjoni li tkun ġiet irrinvijata lilu.

    38     Mill-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li huma biss il-partijiet li jistgħu jippreżentaw fatti u provi fi proċeduri inter partes. Il-partijiet b'dan il-mod għandhom iżommu d-dritt li japprofondixxu t-trattazzjoni fil-fażi tar-rikors b'mod partikolari fid-dawl tad-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza.

    39     Barra minn dan, il-fatt li d-deċiżjoni ta' l-UASI tista' tiġi adottata fuq l-aktar bażi fattwali wiesa' possibbli huwa konformi kemm mal-prinċipji ta' ċertezza legali u tal-ħtieġa li jitqassru l-proċeduri kif ukoll ma' l-għan tal-proċedura ta' oppożizzjoni, li hija intiża li tippermetti li l-kunflitti bejn it-Trade Marks jiġu deċiżi qabel ir-reġistrazzjoni ta' Trade Mark fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    40     Peress li ż-żewġ partijiet tal-motiv huma konnessi mill-qrib, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

     Fuq l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94

    41     Sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-motiv kkunsidrat fit-totalità tiegħu, għandu, l-ewwel nett, jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-kliem użat fl-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI ma jistax iqis fatti li ma jkunux ġew invokati jew provi li ma jkunx ġew ippreżentati mill-partijiet fil-ħin preskritt.

    42     Kuntrarjament għal dak li qiegħed isostni l-UASI, minn dawn il-kliem jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni mod ieħor, il-preżentata ta' fatti u ta' provi mill-partijiet tibqa' possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali preżentata skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u l-UASI mhuwa bl-ebda mod ipprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew prodotti hekk tard.

    43     Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija kliem jirriżulta wkoll b'mod ċert li tali invokazzjoni jew preżentata tard ta' fatti jew ta' provi mhijiex ta' natura tali li tagħti lill-parti li tinvoka jew tippreżenta tard fatti jew provi dritt inkundizzjonat li fatti jew provi bħal dawn jitqiesu mill-UASI. Billi jippreċiża li dan ta' l-aħħar "jista'", f'każ bħal dan, ma jqisx fatti u provi bħal dawn, l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jagħti fil-fatt lill-UASI marġni diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti l-motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħha fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li jqishom.

    44     Li, meta jiġi mitlub jiddeċiedi fil-kuntest ta' proċedura ta' oppożizzjoni, l-UASI jqis l-invokazzjoni jew il-preżentata tard ta' fatti jew ta' provi, jista' jkun iġġustifikat meta dan jikkunsidra, min-naħa, li l-elementi prodotti tard jistgħu ma' l-ewwel daqqa t'għajn ikollhom rilevanza vera għal dak li jirrigwarda r-riżultat ta' l-oppożizzjoni magħmula quddiemu u, min-naħa l-oħra, li l-istadju tal-proċedura li fih isseħħ din il-produzzjoni tard ta' fatti jew ta' provi u ċ-ċirkustanzi relatati ma jkunux jipprekludulu milli l-invokazzjoni jew il-preżentata tard ta' fatti jew ta' provi.

    45     Hekk kif isostni ġustament l-UASI, barra minn dan, il-fatt li jiġi obbligat li jqis, f'kull ċirkustanza, il-fatti u provi ppreżentati mill-partijiet fil-proċedura ta' oppożizzjoni barra mit-termini mogħtija għal dan l-għan bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 iwassal sabiex l-imsemmija dispożizzjonijiet jiċċaħħdu mill-effettività kollha tagħhom.

    46     Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punti 42 sa 44 ta' din is-sentenza dwar l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 hija ta' natura tali li żżomm effettività bħal din filwaqt li tippermetti li jiġu mħarsa d-diversi ħtiġijiet.

    47     Fil-Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li l-partijiet huma mħeġġa li jirrispettaw it-termini li jingħatawlhom mill-UASI għall-istruzzjoni tal-kawża huwa konformi mal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u man-neċessità li jiġu mħarsa l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċedimenti. Il-fatt li dan ta' l-aħħar jista', jekk ikun il-każ, jiddeċiedi li ma jqisx il-fatti u l-provi ppreżentati mill-partijiet barra mit-termini mogħtija għandu waħdu jkollu effett li jħeġġeġ bħal dan.

    48     Min-naħa l-oħra, billi żżomm madankollu l-possibbiltà għall-istanza mitluba li tiddeċiedi fuq kontroversja li tqis fatti u provi ppreżentati tard mill-partijiet, l-imsemmija interpretazzjoni hija, minn ta' l-anqas f'dak li jirrigwarda proċedura ta' oppożizzjoni, ta' natura tali li tikkontribwixxi sabiex jiġi evitat li t-Trade Marks, li l-użu tagħhom ikun jista' sussegwentement jiġi kkontestat b'suċċess permezz ta' proċedura għal annullament jew ta' proċedura għall-ksur ta' Trade Mark, tiġi rreġistrata. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm raġunijiet ta' ċertezza legali u ta' amministrazzzjoni tajba favur dan (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C 104/01, Ġabra p. I 3793, punt 59).

     Fuq in-natura tal-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI u fuq l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94

    49     Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li m'hemm ebda raġuni ta' prinċipju marbuta man-natura tal-proċedura segwita quddiem il-Bord ta' l-Appell jew mal-kompetenza ta' dan id-dipartiment li teskludi li, sabiex jiddeċiedi fuq l-appell li jkollu quddiemu, l-imsemmi Bord iqis fatti jew provi ppreżentati għall-ewwel darba fl-istadju ta' dan l-appell.

    50     Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-kontroversji li jitnisslu minn oppożizzjoni għal talba ta' reġistrazzjoni ta' Trade Mark huma potenzjalment suġġetti għal erba' livelli ta' stħarriġ.

    51     Fil-fatt, proċedura taqa' l-ewwel nett taħt ir-responsabbiltà ta' l-UASI, fil-bidu tad-diviżjonijiet ta' l-oppożizzjoni tiegħu u, fuq appell, tal-bordijiet ta' l-appell tiegħu li, minkejja l-garanziji ta' indipendenza li għandhom kemm huma stess kif ukoll il-membri tagħhom, xorta jibqgħu dipartimenti ta' l-UASI. Din il-proċedura hija segwita, it-tieni nett, mill-possibbiltà ta' stħarriġ ġudizzjarju li jinvolvi l-Qorti tal-Prim'Istanza, jekk ikun il-każ, fuq appell, il-Qorti tal-Ġustizzja.

    52     Kif jipprovdi l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' biss tannulla jew tbiddel deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell "fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ [l-imsemmi] Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter."

    53     Minn dan isegwi, b'mod partikolari, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tannulla jew temenda d-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors ħlief meta, fil-mument li ttieħdet, hija kienet ivvizzjata minħabba dawn ir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ tibdil. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tannulla jew tbiddel l-imsemmija deċiżjoni għal raġunijiet li jiġu esposti wara li din tkun ittieħdet (sentenza tal-11 ta' Mejju 2006, Sunrider vs L-UASI, C 416/04 P, Ġabra p. I 4237, punti 54 et 55).

    54     Mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta wkoll li, kif il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament u b'mod kostanti ddeċidiet, fatti li ma jiġux invokati mill-partijiet quddiem id-dipartimenti ta' l-UASI ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju tar-rikors imressaq quddiem din il-Qorti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza hija fil-fatt inkarigata tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarja li ssir minnu, fid-dawl, b'mod partikolari, ta' l-elementi ta' fatt li ġew sottomessi lill-imsemmi Bord (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta' Lulju 2006, Rossi vs L-UASI, C-214/05 P, Ġabra p. I-7057, punt 50), iżda hija ma tistax, min-naħa l-oħra, tagħmel stħarriġ bħal dan billi tqis elementi ta' fatt ġodda prodotti quddiemha.

    55     Fil-loġika ta' l-istruttura instituzzjonali mfakkra fil-punti 50 u 51 ta' din is-sentenza, l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq b'dan il-mod mill-Qorti tal-Prim'Istanza ma jistax jikkonsisti f'sempliċi duplikazzjoni ta' stħarriġ li jkun sar qabel mill-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI.

    56     F'dan ir-rigward, mill-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, wara l-eżami fil-mertu ta' l-appell, il-Bord ta' l-Appell jiddeċiedi fuq l-appell u jista', meta jagħmel dan "jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni", jiġifieri, f'dan il-każ, jagħti deċiżjoni huwa stess fuq l-oppożizzjoni billi jiċħadha jew billi jiddikjaraha fondata u b'hekk jikkonferma jew iwarrab id-deċiżjoni kkontestata.

    57     B'hekk, mill-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, bħala effett ta' l-appell li jsirlu, il-Bord ta' l-Appell huwa mitlub jagħmel eżami ġdid u komplut fil-mertu ta' l-oppożizzjoni kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt.

    58     Barra minn dan, hekk kif fakkret Kaul, mill-Artikoli 61(2) u 76 tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, għall-finijiet ta' l-eżami fil-mertu ta' l-appell li jkollu quddiemu, il-Bord ta' l-Appell jistieden il-partijiet, ta' spiss kemm ikun meħtieġ, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-notifiki li huwa jindirizzalhom u li huwa jista' wkoll jiddeċiedi fuq miżuri istruttorji, fosthom il-produzzjoni ta' elementi ta' fatt jew ta' prova. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 40/94 jippreċiża li, jekk il-Bord ta' l-Appell jirrinvija l-każ għal prosekuzzjoni ulterjuri lid-dipartiment li jkun ħa d-deċiżjoni kkontestata, dak id-dipartiment ikun marbut bir-ratio decidendi tal-Bord ta’ l-Appell "sa fejn il-fatti [j]kunu l-istess."

     Fuq l-Artikoli 42(3) u 59 tar-Regolament Nru 40/94

    59     Fit-tielet lok, mill-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li dak li jagħmel oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta' Trade Mark minħabba li din għandha tiġi miċħuda abbażi ta' l-Artikolu 8(1) ta' dan ir-Regolament jista' jippreżenta fatti, provi u osservazzjonijiet in sostenn ta' l-imsemmija oppożizzjoni fi-terminu li l-UASI tagħtih għal dan l-għan.

    60     B'differenza mill-Artikolu 42(3), l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex jiġi mressaq appell quddiem il-Bord ta' l-Appell, ma jirreferix għall-preżentata ta' fatti jew ta' provi iżda biss għad-depożitu, f'terminu ta' erba' xhur, ta' dikjarazzjoni bil-miktub fejn jissemmew ir-raġunijiet ta’ l-appell.

    61     Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 30 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 59 ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti lil min jagħmel appell bħal dan terminu ġdid sabiex jippreżenta fatti u provi in sostenn ta' l-oppożizzjoni tiegħu.

    62     B'hekk, meta l-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-imsemmi punt, ikkunsidrat li fatti u provi bħal dawn jitressqu "fil-ħin preskritt" fis-sens ta' l-Artikolu 74(2) u minn dan iddeduċiet li l-Bord ta' l-Appell huwa marbut iqishom fid-deċizjoni li għandu jagħti fl-appell li jkollu quddiemu, hija wettqet żball tad-dritt.

    63     Fil-fatt, mill-punti 41 sa 43 ta' din is-sentenza jirriżulta li, sakemm fatti u provi bħal dawn ma jkunux, bħal f'din il-kawża, ġew invokati u prodotti mill-parti kkonċernata fit-termini li jkunu ngħatawlha għal dan l-għan bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas, għaldaqstant, "fil-ħin preskritt" fis-sens ta' l-Artikolu 74(2) ta' l-imsemmi Regolament, l-imsemmija parti m'għandhiex dritt inkundizzjonat li dawn jitqiesu mill-Bord ta' l-Appell peress li dan ta' l-aħħar, għall-kuntrarju, għandu marġni diskrezzjonali wiesa' sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jieħux tali fatti jew provi in kunsiderazzjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni li ġie mitlub jagħti.

    64     Minn dak kollu li ntqal aktar 'il fuq, jirriżulta li, billi ddeċidiet, fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata, li l-Bord ta' l-Appell huwa obbligat iqis fatti u provi li l-parti li tkun opponiet talba għal reġistrazzjoni tippreżenta, għall-ewwel darba, fid-dikjarazzjoni bil-miktub li tippreżenta in sostenn ta' l-appell li tkun ressqet quddiem l-imsemmi Bord ta' l-Appell kontra deċiżjoni mogħtija minn diviżjoni ta' l-oppożizzjoni u billi annullat id-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-fatt waħdieni li l-Bord ta' l-Appell, f'dan il-każ, irrifjuta li jqis tali fatti u provi, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tirrispetta d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 42(3), 59 u 74(2) meħuda flimkien tar-Regolament Nru 40/94.

    65     Minn dan jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

     Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza

    66     Konformement ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 61 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ta' l-aħħar tista', f'każ ta' annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, jew tiddeċiedi hija stess definittivament dwar il-kawża meta din tkun f'pożizzjoni li tiġi ġġudikata jew inkella tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi din ta' l-aħħar.

    67     F'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, tikkonstata, kif qabilha kkonstatat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 27 tas-sentenza appellata li, fil-punti 10 sa 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord ta' l-Appell irrifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni l-fatti u l-provi ppreżentati minn Kaul in sostenn ta' l-appell tagħha billi essenzjalment qies li l-fatt li jieħu fatti u provi bħal dawn kien eskluż ex officio minħabba li dawn il-fatti u provi ma kinux ġew preċedentement ippreżentati quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni fit-termini mogħtija minn din ta' l-aħħar.

    68     Dan l-argument tal-Bord ta' l-Appell, li ġie wkoll sostnut mill-UASI kemm matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kif ukoll fil-kuntest ta' dan l-appell, ma jirrispettax l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 41 sa 43 ta' din is-sentenza, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-Bord ta' l-Appell, li quddiemu jiġu ppreżentati fatti jew provi tard, marġni diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jieħu in kunsiderazzjoni tali fatti jew provi għall-finijiet tad-deċiżjoni li huwa mitlub jagħti.

    69     Minflok li eżerċita l-poter diskrezzjonali li ngħatalu b'dan il-mod, il-Bord ta' l-Appell, f'dan il-każ, qies, b'mod żbaljat, li huwa ma kellu l-ebda poter diskrezzjonali sabiex eventwalment jieħu in kunsiderazzjoni l-fatti u l-provi in kwistjoni.

    70     Għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.

     Fuq l-ispejjeż

    71     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta' l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta' l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta' appell bis-saħħa ta' l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    72     F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li, minkejja li s-sentenza appellata, qiegħda tiġi annullata, b'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tilqa' l-appell ta' Kaul u tannulla d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI. Għaldaqstant, hemm lok li l-UASI jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn Kaul kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta' l-appell, konformement mat-talbiet ta' din ta' l-aħħar.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-10 ta' Novembru 2004, Kaul vs L-UASI – Bayer (ARCOL) (T-164/02), hija annullata.

    2)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (UASI) ta' l-4 ta' Marzu 2002 (Każ R 782/2000‑3) hija annullata.

    3)      L-UASI huwa kkundannat tbati l-ispejjeż li jirrigwardaw kemm il-proċedura ta' l-ewwel istanza kif ukoll l-appell.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq