EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0292

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Frar 2007.
Eirini Lechouritou et. vs Dimosio tis Omospondiakis Dimokratias tis Germanias.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Efeteio Patron - il-Greċja.
Konvenzjoni ta' Brussell - L-ewwel frażi ta' l-Artikolu 1(1) - Kamp ta' applikazzjoni - Materji ċivili u kummerċjali - Kunċett - Azzjoni għal kumpens imressqa fi Stat firmatarju mill-aventi kawża ta' vittmi ta' massakri tal-gwerra kontra Stat firmatarju ieħor minħabba fl-attivitajiet tal-forzi armati tiegħu.
Kawża C-292/05.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:102

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Frar 2007 (*)

"Konvenzjoni ta’ Brussell − L-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(1) − Kamp ta’ applikazzjoni − Materji ċivili u kummerċjali − Kunċett − Azzjoni għal kumpens imressqa fi Stat firmatarju mill-aventi kawża ta’ vittmi ta’ massakri tal-gwerra kontra Stat firmatarju ieħor minħabba fl-attivitajiet tal-forzi armati tiegħu"

Fil-kawża C-292/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt il-Protokoll tat-3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-Ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Efeteio Patron (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2005, fil-kawża

Eirini Lechouritou,

Vasileios Karkoulias,

Georgios Pavlopoulos,

Panagiotis Brátsikas,

Dimitrios Sotiropoulos,

Georgios Dimopoulos

vs

Dimosio tis Omospondiakis Dimokratias tis Germanias,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ Awla, R. Schintgen (Relatur), J. Klučka, R. Silva de Lapuerta u J. Makarczyk, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal E. Lechouritou kif ukoll V. Karkoulias, G. Pavlopoulos, P. Brátsikas, D. Sotiropoulos u G. Dimopoulos, minn I. Stamoulis, dikigoros, u J. Lau, Rechtsanwalt,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Wagner, bħala aġent, assistit minn B. Heß, professeur,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande u A.-M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978, dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, u − test emendat − p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1) u mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989, dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1, iktar ‘il quddiem il-"Konvenzjoni ta’ Brussell").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E. Lechouritou, kif ukoll V. Karkoulias, G. Pavlopoulos, P. Brátsikas, D. Sotiropoulos u G. Dimopoulos, ċittadini Griegi residenti fil-Greċja li huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar kumpens għad-dannu ta’ natura ekonomika u morali li batew minħabba fl-attivitajiet tal-forzi armati Ġermaniżi li tagħhom kienu vittmi l-ġenituri tagħhom matul l-okkupazzjoni tal-Greċja waqt it-tieni gwerra dinjija.

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jikkostitwixxi l-Kapitolu I tagħha, intitolat "Applikazzjoni", jiddisponi li:

"Din il-Konvenzjoni hija applikabbli f’materji ċivili u kummerċjali, indipendentament mill-qorti jew mit-tribunal. Hija ma tkoprix, b’mod partikolari, id-dħul minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

Dan ir-Regolament mhuwiex applikabbli għal:

1)      l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali, drittijiet ta’ proprjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni;

2)      fallimenti, likwidazzjonijiet jew proċedimenti analogi oħra;

3)      sigurtà soċjali;

4)      arbitraġġ." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Ir-regoli dwar ġurisdizzjoni stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell huma stabbiliti mill-Artikoli 2 sa 24, li jikkostitwixxu l-Kapitolu II tagħha.

5       L-Artikolu 2, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 ta’ dan il-Kapitolu II, bit-titolu "Dispożizzjonijiet ġenerali", jistabbilixxi fl-ewwel paragrafu tiegħu r-regola bażika tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li tipprovdi:

"Bla ħsara għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jidher fl-istess Sezzjoni 1, jipprovdi:

"Il-persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġu mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli indikati fis-Sezzjonijiet 2 sa 6 ta’ dan il-Kapitolu." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       L-Artikoli 5 sa 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jiffurmaw is-sezzjonijiet 2 sa 6 tal-Kapitolu II tagħha, jipprovdu regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, obbligatorja jew esklużiva.

8       Skond l-Artikolu 5, li jidher fis-Sezzjoni 2, bit-titolu "Ġurisdizzjoni speċjali", tal-Kapitolu II tal-Konvenzjoni ta’ Brussell:

"Il-konvenut domiċiljat fi Stat Membru jista’, fi Stat Membru ieħor, jiġi mfittex:

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

4)      f’dak li għandu x’jaqsam ma’ talba għad-danni jew restituzzjoni bbażata fuq att li jagħti bidu għal proċedimenti kriminali, fil-qorti li jkollha l-pussess ta’ dawk il-proċedimenti, sal-limitu li dik il-qorti jkollha ġurisdizzjoni permezz tal-liġi tagħha li tilqa’ proċedimenti ċivili bħal dawk;

[…]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9       Jirriżulta mill-inkartament trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li l-kawża prinċipali għandha bħala oriġini l-massakru ta’ nies ċivili minn suldati tal-forzi armati Ġermaniżi, imwettqa fit-13 ta’ Diċembru 1943 u li tagħhom sfaw vittma 676 abitant tal-komun ta’ Kalavrita (il-Greċja).

10     Matul is-sena 1995, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors quddiem il-Polymeles Protodikeio Kalavriton sabiex jiksbu l-kundanna tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkumpensa d-danni ta’ natura ekonomika kif ukoll id-dannu morali u s-sofferenzi fiżiċi lilhom ikkawżati mill-attivitajiet tal-forzi armati Ġermaniżi.

11     Fl-1998, il-Polymeles Protodikeio Kalavriton, li quddiemha ma dehritx ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ċaħdet dan ir-rikors, minħabba li l-qrati Griegi mhumiex kompetenti li jiddeċiedu dwarha peressi illi l-Istat konvenut, li huwa Stat sovran, jibbenefika mill-privileġġ ta’ l-immunità skond l-Artikolu 3(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili Griega.

12     F’Jannar 1999, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem l-Efeteio Patron li, wara li ddeċidiet matul is-sena 2001 li l-appell huwa formalment ammissibbli, issospendiet il-proċedimenti sa kemm l-Anotato Eidiko Dikastirio (il-Qorti suprema speċjali) iddeċidiet, f’kawża parallela, fuq l-interpretazzjoni tar-regoli ta’ dritt internazzjonali fil-qasam ta’ l-immunità ta’ Stat sovran minn proċeduri ġudizzjarji u l-kwalifika tagħha bħala regola ġeneralment aċċettata mill-Komunità internazzjonali. Din il-kawża kienet partikolarment tirrigwarda l-kwistjoni li jkun magħruf, minn naħa, jekk għandhiex tiġi kkunsidrata bħala regola ta’ dritt internazzjonali ġeneralment ammessa d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea fuq l-immunità ta’ l-Istati − iffirmata f’Bâle fis-16 ta’ Mejju 1972, iżda li tagħha r-Repubblika Ellenika ma kinitx firmatarja −, li skond din "Stat firmatarju ma jistax jinvoka l-immunità minn proċeduri ġudizzjarji quddiem Tribunal ta’ Stat firmatarju ieħor meta l-proċedura tirrigwarda l-kumpens għal dannu fuq il-persuna jew fuq materjali li jirriżulta minn fatt li twettaq fit-territorju ta’ l-Istat tal-forum u li l-awtur tad-dannu kien preżenti fil-mument fejn seħħ dan il-fatt" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, kienet tqajmet ukoll il-kwistjoni dwar jekk din l-eċċezzjoni għall-immunità ta’ Stati firmatarji tkoprix, skond l-użanza internazzjonali, talbiet għal kumpens għal reati mwettqa waqt kunflitt armat, iżda li tkun effettwat persuni, parti minn grupp speċifiku jew minn lokalità preċiża, li ma kinux involuti fil-ġlied u ma pparteċipawx f’operazzjonijiet ta’ gwerra.

13     Matul is-sena 2002, l-Anotato Eidiko Dikastirio ddeċidiet f’dan ir-rigward fil-kawża quddiemha li, "fl-istadju attwali ta’ l-evoluzzjoni tad-dritt internazzjonali, ir-regola ġeneralment aċċettata ta’ dan id-dritt, li skond din Stat ma jistax validament jitressaq quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor għal kumpens għal ħsara ta’ kull natura li seħħet fit-territorju ta’ l-Istat tal-forum u li fiha l-forzi armati ta’ l-Istat konvenut huma implikati bi kwalunkwe mod, kemm fi żmien ta’ gwerra kemm fi żmien ta’ paċi, għadu jeżisti", b’mod li l-Istat konvenut igawdi f’dan il-każ minn din l-immunità.

14     Skond l-Artikolu 100(4) tal-Kostituzzjoni Ellenika, is-sentenzi mogħtija mill-Anotato Eidiko Dikastirio huma "irrevokabbli". Barra minn dan, skond l-Artikolu 54(1) tal-kodiċi dwar din il-qorti, sentenza tagħha li tiddeċiedi dwar jekk regola ta’ dritt internazzjonali għandhiex titqies li hija ġeneralment aċċettata "vaut erga omnes", b’mod li sentenza ta’ l-Anotato Eidiko Dikastirio, li qajmet dubju fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk regola speċifika tad-dritt internazzjonali għandhiex titqies li hija ġeneralment aċċettata, u l-evalwazzjoni fformulata f’dan ir-rigward f’sentenza bħal din, jorbtu mhux biss lill-qrati li rreferu d-domanda lill-Anotato Eidiko Dikastirio jew il-partijiet li ppreżentaw ir-rikors li huwa l-oriġini ta’ din is-sentenza, iżda wkoll kull qorti jew organu tar-Repubblika Ellenika li titressaq quddiemha l-istess problema ġuridika.

15     Wara li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu invokaw il-Konvenzjoni ta’ Brussell u, b’mod iktar partikolari, il-punti 3 u 4 ta’ l-Artikolu 5 tagħha, li skond dawn, ħassar il-privileġġ ta’ immunità ta’ l-Istati f’kull każ ta’ reat imwettaq fit-territorju ta’ l-Istat tal-qorti li quddiemha hemm dan il-każ, il-qorti tar-rinviju madankollu ġiet f’dubju fuq il-punt dwar jekk ir-rikors ippreżentat quddiemha jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, billi qieset f’dan ir-rigward l-eżistenza ta’ privileġġ ta’ immunità ta’ l-Istat konvenut u, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-qrati Griegi li tiġi deċiża l-kwistjoni quddiemha jiddependu mir-risposta għall-kwistjonijiet ta’ dritt ikkontestati.

16     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Efeteio Patron iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Ir-rikors għal kumpens magħmul minn persuni fiżiċi kontra l-Istat konvenut minħabba li ċivilment responsabbli ta’ atti jew ommissjonijiet tal-forzi armati tiegħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Konvenzjoni ta’ Brussell skond l-Artikolu 1 tagħha, meta dawn l-atti jew ommissjonijiet seħħew waqt l-okkupazzjoni militari ta’ l-Istat ta’ residenza tar-rikorrenti wara gwerra ta’ agressjoni mmexxija mill-konvenut, huma manifestament kuntrarji għar-regoli tal-gwerra u jistgħu wkoll jitqiesu li huma krimini kontra l-bniedem?

2)      Huwa konformi ma l-ekonomija tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li l-Istat konvenut jinvoka l-eċċezzjoni ta’ immunità, b’mod li, fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-konvenzjoni awtomatikament tieqaf milli tkun applikabbli, u dan fir-rigward ta’ atti u ommissjonijiet tal-forzi armati tal-konvenut li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-konvenzjoni, jiġifieri matul is-snin 1941-1944?"

 Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17     B’ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali u talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja "tgħid li din il-kawża hija ta’ ‘importanza eċċezzjonali’ u [li] tirrinvija l-kawża quddiem is-sessjoni plenarja jew l-Awla Manja, skond l-Artikolu 16 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja".

18     F’dan ir-rigward, għandu jiġi l-ewwel nett imfakkar li la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprevedu l-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li talba magħmula għal dan il-għan għandha tiġi miċħuda (ara, b’mod partikolari, id-Digriet ta’ l-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, p. I-665, punti 2 u 19).

19     Għandu jitqies ukoll li, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 16 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, "[din] tiltaqa’ f’Awla Manja meta Stat Membru jew istituzzjoni tal-Komunitajiet li jkunu parti fil-kawża hekk jitolbu".

20     Minn naħa, jirriżulta mill-ifformular tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 16, li individwi ma jikkwalifikawx sabiex jippreżentaw talba bħal din u, min-naħa l-oħra, it-talba ta’ rinviju tal-kawża quddiem l-Awla Manja f’din il-kawża ma ġietx mitluba minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Komunitajiet li hija parti fil-kawża.

21     Barra minn dan, ħlief fil-każijiet elenkati fir-raba subparagrafu ta’ l-Artikolu 16, hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss li, b’applikazzjoni tal-ħames subparagrafu tagħha, tiddisponi mill-fakultà li tiddeċiedi, wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, li tirrinvija kawża quddiem quddiem is-sessjoni plenarja peress illi hija tqis li din il-kawża tkun ta’ importanza eċċezzjonali.

22     F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li mhemmx lok li tiddeċiedi għal rinviju.

23     F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba kif deskritta fil-punt 17 ta’ din is-sentenza għandha tiġi miċħuda.

24     Għandu jingħad ukoll li l-istess konklużjoni hija neċessarja fl-ipoteżi fejn it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha titqies li hija intiża li tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura.

25     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali, jew fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 42; ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, Ġabra p. I‑11763, punt 22, u tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-308/04 P, Ġabra, p. I-5977, punt 15).

26     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li, f’dan il-każ, hija tiddisponi mill-elementi kollha neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li dawn l-elementi kienu s-suġġett ta’ dibattiti li seħħew quddiemha.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tirriżulta mill-"materja ċivili", fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, azzjoni legali mressqa minn persuni fiżiċi fi Stat firmatarju kontra Stat firmatarju ieħor sabiex jiksbu kumpens għad-dannu subit mill-aventi kawża tal-vittmi ta’ attivitajiet tal-forzi armati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ gwerra fit-territorju ta’ l-ewwel Stat

28     Għandu jiġi kkonstatat li jekk, skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(1), il-Konvenzjoni ta’ Brussell tistabbilixxi l-prinċipju li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha hija limitat għall-"materji ċivili u kummerċjali", din il-konvenzjoni ma tiddefinixxix il-kontenut jew il-portata ta’ dan il-kunċett.

29     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, sabiex tassigura, safejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni kemm għall-Istati kontraenti kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jaqbel li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jiġux interpretati bħala sempliċi rinviju għad-dritt intern ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. Jirriżulta wkoll, minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kunċett ta’ "materji ċivili u kummerċjali" għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi kollha ta’ dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Ottubru 1976, LTU, 29/76, Ġabra p. 1541, punti 3 u 5; tas-16 ta’ Diċembru 1980, Rüffer, 814/79, Ġabra p. 3807, punt 7; ta’ l-14 ta’ Novembru 2002, Baten, C‑271/00, Ġabra p. I-10489, punt 28; tal-15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD, C-266/01, Ġabra p. I‑4867, punt 20, u tat-18 ta’ Mejju 2006, ČEZ, C-343/04, Ġabra p. I-4557, punt 22).

30     Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-interpretazzjoni twassal li teskludi ċerti azzjonijiet jew deċiżjonijiet legali tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell minħabba f’elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan ta’ din (ara s-sentenza ċċitata iktar ‘il fuq LTU, punt 4; Rüffer, punt 14; Baten, punt 29; Préservatrice foncière TIARD, punt 21; ČEZ, punt 22, u ta’ l-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C-167/00, Ġabra p. I-8111, punt 29).

31     Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, jekk ċerti kawżi bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ikun mod ieħor meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq LTU, punt 4; Rüffer, punt 8; Henkel, punt 26; Baten, punt 30; Préservatrice foncière TIARD, punt 22, u tal-21 ta’ April 1993, Sonntag, C-172/91, Ġabra p. I‑1963, punt 20).

32     Huwa fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li korpi nazzjonali jew internazzjonali mmexxija mil-liġi pubblika, bil-għan li jitħallsu ħlasijiet dovuti minn persuna rregolata mid-dritt privat għall-użu ta’ l-installazzjonijiet u tas-servizzi tagħhom, jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat, b’mod partikolari meta dan l-użu jkun obbligatorju u esklużiv u li d-drittijiet, il-metodi ta’ kalkolu kif ukoll il-metodi ta’ ħlas huma ffissati b’mod unilaterali fir-rigward ta’ dawk li jinqdew minnu (sentenza LTU, ċċitata iktar ‘il fuq, punt 4).

33     Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kunċett ta’ "materja ċivili u kummerċjali", skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ma jinkludix kawża mill-Istat responsabbli għal kanali pubbliċi kontra l-persuna legalment responsabbli, sabiex jinġabru l-ispejjeż esposti għat-tneħħija ta’ tifrik bi twettiq ta’ obbligu internazzjonali li min kien responsabbli wettaq jew ġiegħel li jitwettaw fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (sentenza Rüffer, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 9 u 16).

34     Kontestazzjonijiet ta’ dan it-tip jitwettqu fil-fatt minn manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità ta’ l-Istat minn waħda mill-partijiet fil-kawża, minħabba fl-eżerċizzju minnha ta’ setgħat li jeċċedu dawk tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċittata iktar ‘il fuq Sonntag, punt 22; Henkel, punt 30; Préservatrice foncière TIARD, punt 30, u tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil, C-265/02, Ġabra p. I‑1543, punt 21).

35     Evalwazzjoni bħal din hija iktar u iktar valida fir-rigward ta’ kawża bħal dik prinċipali.

36     Fil-fatt, l-azzjoni legali għal kumpens imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirriżulta minn operazzjoni mwettqa mill-forzi armati waqt it-tieni gwerra dinjija.

37     Hekk kif l-Avukat Ġenerali qies fil-punti 54 sa 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, m’hemmx dubju li l-operazzjonijiet imwettqa minn forzi armati jikkostitwixxu waħda mill-karatteristiċi mnissla mill-Istat sovran, b’mod partikolari peress illi huma deċiżi mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati b’mod unilaterali u jorbtu u huma ppreżentati bħala indissoċjabbilment marbuta mal-politika barranija u ta’ difiża ta’ l-Istati.

38     Jirriżulta li minn atti bħal dawn li jkunu taw lok għad-dannu invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, mir-rikors għad-danni u interessi ppreżentat minn dawn ta’ l-aħħar quddiem il-qrati Elleniċi għandhom ikunu kkunsidrati bħala li jirriżultaw minn manifestazzjoni ta’ awtorità ta’ l-Istat min-naħa ta’ l-Istat ikkonċernat fid-data li fiha dawn l-atti twettqu.

39     Fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, azzjoni legali bħal dik mibdija quddiem il-qorti tar-rinviju għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kif iddefinita mill-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(1) tagħha.

40     Interpretazzjoni bħal din ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti, żviluppati b’mod partikolari mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li skond dawn, minn naħa, l-azzjoni li dawn ta’ l-aħħar ippreżentaw quddiem il-qrati Elleniċi kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tammonta għal rikors għal responsabbiltà ta’ natura ċivili, li barra minn dan huwa kopert mill-Artikolu 5(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u, min-naħa l-oħra, l-atti mwettqa iure imperii ma jinkludux l-attivitajiet illegali jew illeċiti.

41     L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ġa ddeċidiet li l-fatt li l-applikant jaġixxi abbażi ta’ allegazzjoni li toriġina f’att ta’ awtorità ta’ l-Istat hija biżżejjed sabiex l-azzjoni tagħha titqies, tkun xi tkun in-natura tal-proċedura li tagħtih għal dan il-għan id-dritt nazzjonali, li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara s-sentenza Rüffer, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 13 u 15). Iċ-ċirkustanza li r-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju huwa ppreżentat bħala li għandu natura ċivili filwaqt li huwa intiż li jitlob kumpens finanzjarju għad-dannu materjali u morali kkawżat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija konsegwentement nieqsa minn kull rilevanza.

42     Wara, ir-riferiment magħmula għar-regoli dwar ġurisdizzjoni li b’mod partikolari jinsabu fl-Artikolu 5(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huwa irrilevanti, peress illi l-kwistjoni jekk dan huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi loġikament domanda preliminari li, fil-każ ta’ risposta negattiva bħal f’dan il-każ, jevita lill-qorti li għandha l-kawża quddiemha minn kull analiżi tar-regoli sostantivi previsti minn din l-istess konvenzjoni.

43     Fl-aħħar nett, il-kwistjoni tan-natura legali jew le ta’ atti ta’ awtorità ta’ l-Istat li jikkostitwixxu l-bażi ta’ l-azzjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw in-natura ta’ dawn l-atti, iżda mhux il-materja li minnha jirriżultaw. Għaldaqstant, peress illi din il-materja bħala tali għandha titqies li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, in-natura illegali ta’ atti bħal dawn ma jiġġustifikawx interpretazzjoni differenti.

44     Barra minn dan, it-teżi difiża f’dan ir-rigward mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jekk din hija aċċettata, hija ta’ natura li tqajjem kwistjonijiet ta’ fondatezza preliminari qabel ma’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jista’ jiġi ddeterminat b’ċertezza. Diffikultajiet bħal dawn huma ċertament inkompatibbli ma’ l-ekonomija u l-għan ta’ din il-konvenzjoni, li − hekk kif jirriżulta mill-premessi tagħha kif ukoll mir-rapport tas-Sur Jenard dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 1) − tibbaża fuq il-fiduċja reċiproka ta’ l-Istati firmatarji fis-sistemi legali tagħhom kif ukoll fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji u tfittex li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali billi tipprovdi regoli uniformi fil-qasam ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ċivili u kummerċjali kif ukoll is-semplifikazzjoni tal-formalitajiet għall-għarfien u li jitħaffu d-deċiżjonijiet ġuridiċi ta’ l-Istati firmatarji.

45     Min-naħa l-oħra, fl-istess qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ta’ natura ċivili, ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU L 143, p. 15), jiddisponi wkoll, fl-Artikolu 2(1), li huwa applikabbli "fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali", jippreċiża f’din l-istess dispożizzjoni "dan ma għandux jestendi […] ir-responsabbilità ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat ("acta iure imperii")", mingħajr ma ssir f’dan ir-rigward distinzjoni skond in-natura legali jew le ta’ dawn l-atti jew ommissjonijiet. L-istess jingħad dwar l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).

46     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandha tiġi interpretata fis-sens li mhijiex applikabbli fil-kuntest ta’ "materja ċivili", fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, azzjoni legali mressqa minn persuni fiżiċi fi Stat firmatarju kontra Stat firmatarju ieħor sabiex jiksbu kumpens għad-dannu subit mill-aventi kawża tal-vittmi ta’ attivitajiet tal-forzi armati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ gwerra fit-territorju ta’ l-ewwel Stat.

 Fuq it-tieni domanda

47     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

48     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978, dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika u mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989, dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża, għandha tiġi interpretata fis-sens li mhijiex applikabli fil-kuntest ta’ "materja ċivili", fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, azzjoni legali mressqa minn persuni fiżiċi fi Stat firmatarju kontra Stat firmatarju ieħor sabiex jiksbu kumpens għad-dannu subit mill-aventi kawża tal-vittmi ta’ attivitajiet tal-forzi armati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ gwerra fit-territorju ta’ l-ewwel Stat.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Fuq