EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0032

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-30 ta' Novembru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu- Ambjent -Direttiva 2000/60/KE- Nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni - Obbligu li tiġi adottata leġiżlazzjoni qafas fid-dritt nazzjonali- Nuqqas - Traspożizzjoni inkompleta jew nuqqas ta' traspożizzjoni ta' l-Artikoli 2, 7(2) u 14.
Kawża C-32/05.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:749

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C‑32/05

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fil-31 ta' Jannar 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán u J. Hottiaux, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn S. Schreiner, bħala aġent, assistit minn P. Kinsch, avocat,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. Borg Barthet u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Marzu 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. Bir- Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħax il-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 237, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Direttiva"), bl-eċċezzjoni ta' l-Artikoli 3(1) sa (3), u (5) sa (7) kif ukoll 7(3), u, fi kwalunkwe każ, ma kkomunikax l-imsemmija miżuri, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu skond din id-Direttiva.

Kuntest Ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2. It-tmintax-il premessa tad-Direttiva tiddisponi:

"Politika Komunitarja ta' l-ilma teħtieġ qafas leġiżlattiv trasparenti, effettiv u koerenti. Il-Komunità trid tipprovdi prinċipji komuni u l-qafas ġenerali għal azzjoni. Din id-Direttiva għandha tipprovdi għal dan il-qafas u tikkordina u ssaħħaħ, u, f'perspettiva itwal, tiżviluppa aktar il-prinċipji u strutturi ġenerali għall-protezzjoni u użu sostenibbli ta' ilma fil-Komunità skond il-prinċipji tas-sussidjarjeta‘".

3. Jirriżulta mid-disa u għoxrin premessa tad-Direttiva li l-Istati membri, sabiex jilħqu l-għanijiet stabiliti minnha, u jelaboraw programm ta' miżuri għal dan l-iskop, jistgħu jimplementaw il-programm ta' miżuri f'fażijiet sabiex jitqassmu l-ispejjeż tal-implementazzjoni.

4. Skond l-ewwel Artikolu tad-Direttiva, din "għandha bħala għan li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta' l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta' taħt l-art".

5. L-Artikolu 2 tad-Direttiva jiddefinixxi 41 kunċett rilevanti għall-finijiet tad-Direttiva. Xi wħud minn dawn il-kunċetti jikkonċernaw l-istandardijiet ta' kwalità ta' l-ilma li tiegħu d-Direttiva, b'mod partikolari fl-Artikolu 4 tagħha, timponi r-rispett fuq l-Istati membri. It-termini li fihom dawn l-istandardijiet għandhom jiġu rrispettati huma stabbiliti b'mod partikolari fl-Artikoli 4, 5, 6 u 8 tad-Direttiva.

6. L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat "Koordinazzjoni ta' arranġamenti amministrattivi fi ħdan id-distretti tal-baċin tax-xmara", jinqara kif ġej:

"1. L-istati Membri jridu jidentifikaw il-baċini individwali tax-xmara li qegħdin fi ħdan it-territorju nazzjonali tagħhom u, għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, iridu jassenjawhom għal distretti tal-baċin tax-xmara individwali. […]

2. L-Istati Membri jridu jiżguraw l-arranġamenti amministrattivi xierqa, inkluża l-identifikazzjoni ta' awtorità kompetenti xierqa, għall-applikazzjoni tar-regolamenti ta' din id-Direttiva fi ħdan kull distrett tal-baċin tax-xmara li qiegħed fi ħdan it-territorji tagħhom.

3. L-Istati Membri jridu jiżguraw li baċin tax-xmara li jkopri it-territorju ta' aktar minn Stati Membru wieħed huwa assenjat għal distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara. Fuq talba tal-Istati Membri involuti, il-Kummissjoni trid taħdem biex tiffaċilita l-assenjament ma' dawn id-distretti internazzjonali tal-baċini ta' l-ilma. […]

[…]

4. L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali skond l-Artikolu 4, u partikolarment li l-programmi kollha tal-miżuri huma kordinati għad-distrett kollu tal-baċin tax-xmara. Għad-distretti internazzjonali tal-baċin tad-distrett l-Istati Membri konċernati jridu flimkien jiżguraw din il-kordinazzjoni u jistgħu, għal dan l-iskop, jużaw strutturi eżistenti li jiġu minn ftehim internazzjonali. Fuq talba tal-Istati Membri involuti, il-Kummissjoni trid tagixxi biex tiffaċilita t-twaqqif tal-programmi tal-miżuri.

[…]

6. L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw korp nazzjonali jew internazzjonali eżistenti bħala awtorità kompetenti għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva.

7. L-Istati Membri jridu jidentifikaw l-awtorità kompetenti sad-data imsemmija fl-Artikolu 24.

[…]"

7. L L-Artikolu 4 tad-Direttiva jsemmi l-għanijiet ambjentali li l-Istati membri huma marbuta li jwettqu sabiex il-programmi ta' miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara jsiru operattivi għall-ilma tal-wiċċ, għall-ilma ta' taħt l-art u għaż-żoni protetti. Sostanzjalment, l-Istati membri huma marbuta li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-kwalita ta' l-ilma prevista u taż-żoni protetti u għat-titjib u l-irkuprar fuq livell iddefinit mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, b'mod partikolari mill-Artikolu 2 tagħha.

8. Skond l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva, "l-Istati membri jikkonformaw ma' kull standard u ma' l-għanijiet mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, sakemm ma' jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja taħt liema, l-oqsma protetti individwali jkunu twaqqfu".

9. Fir-rigward ta' l-ilmijiet użati għall-estrazzjoni ta' ilma tax-xorb, l-Artikolu 7 tad-Direttiva jsemmi:

"1. L-Istati Membri jridu jidentifikaw, fi ħdan kull distrett tal-baċin ta' l-ilma:

– il-korpi kollha ta' l-ilma użati għall-estrazzjoni ta' ilma maħsub għal konsum uman li jipprovdu aktar minn 10 m3 kuljum bħala medja jew li jservi aktar minn 50 persuna, u

– dawk il-korpi ta' ilma maħsuba għal dan l-użu fil-futur.

L-Istati Membri jridu jimmoniturjaw, bi qbil ma' l-Anness V, dawk il-korpi ta' l-ilma li skond l-Anness V, jipprovdu aktar minn 100 m3 kulljum bħala medja.

2. Għal kull korp ta' l-ilma identifikat taħt paragrafu 1, minbarra li jilħqu l-għanijiet ta' l-Artikolu 4 bi qbil mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva, għal korpi ta' l-ilma tal-wiċċ inklużi l-istandards ta' kwalità stabbiliti f'livell Komunitarju bl-Artikolu 16, l-Istati Membri jridu jiżguraw li taħt ir-reġim tat-trattament ta' l-ilma applikat, u skond leġislazzjoni Komunitarja, l-ilma li jirriżulta jrid jilħaq il-ħtiġiet tad-Direttiva 80/778/KEE [tal-Kunsill, tal-15 ta' Lulju 1980, dwar il-kwalità ta' l-ilma intiż għall-konsum uman (ĠU L 229, p. 11),] kif emendata bid-Direttiva 98/83/KE[tal-Kunsill, tat-20 ta' Diċembru 2001 (ĠU L 330, p. 32)].

L-Istati Membri jridu jiżguraw il-protezzjoni meħtieġa għall-korpi ta' l-ilma identifikati bl-għan li tiġi evitata deterjorazzjoni fil-kwalità tagħhom sabiex jitnaqqas il-livell ta' trattament ta' purifikazzjoni meħtieġ fil-produzzjoni ta' l-ilma tax-xorb. L-Istati Membri jistgħu iwaqqfu żoni ta' salvagwardja għal dawk il-korpi ta' l-ilma."

10. Skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva:

"1. L-Istati Membri jridu jinkoraġġixxu l-involviment attiv tal-partijiet kollha interessati fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, partikolarment fil-produzzjoni, reviżjoni u aġġornament tal-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara. Stati Membri jridu jiżguraw li, għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, iridu jippubblikaw u jagħmlu disponibbli għal kummenti lill-pubbliku, inklużi utenti:

a) orarju u programm tax-xogħol għall-produzzjoni tal-pjan, inkluż prospett tal-miżuri ta' konsultazzjoni li jridu jittieħdu, għall-anqas tlett snin qabel il-bidu tal-perjodu riferut mill-pjan;

b) deskrizzjoni interim tal-kwistjonijiet sinifikanti ta' l-immaniġġjar ta' l-ilma identifikat fil-baċin tax-xmara, għall-anqas sentejn qabel il-bidu tal-perjodu riferut fil-pjan;

ċ) kopji ta' abbozz tal-pjan ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara, għall-inqas sena qabel il-bidu tal-perjodu riferut fil-pjan.

Fuq talba, aċċess irid jingħata għal dokumenti u informazzjoni ta' l-isfond użati għall-iżvilupp ta' l-abbozz tal-pjan ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.

2. L-Istati Membri jridu jħallu għall-anqas sitt xhur biex jikkummentaw bil-kitba fuq dawk id-dokumenti sabiex jippermettu konsultazzjoni u involviment attiv.

3. Paragrafi 1 u 2 għandhom jgħoddu ugwalment biex jaġġornaw pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara."

11. L-Artikolu 24 tad-Direttiva jgħid:

"1. Stati Membri għandhom isaħħu l-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jaqblu ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru tas-sena 2003. Għandhom jinformaw immedjatament lill-istess Kummissjoni.

[…]

2. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat b'din id-Direttiva. Il-Kummissjoni trid tinforma l-Istati Membri l-oħra dwar dawk."

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12. O Il-liġi tad-29 ta' Lulju 1993, dwar il-produzzjoni u l-ġestjoni ta' l-ilma (Mem. A 1993. p. 1302, iktar 'il quddiem il-"liġi ta' l-1993"), tipprevedi l-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta' taħt l-art, pubbliku u privat.

13. Skond l-Artikolu 2 tal-liġi ta' l-1993 intitolata "Prinċipji ġenerali":

"1. Id-dispożizzjonijiet tal-liġi preżenti għandhom bħala għan il-ġlieda kontra t-tniġġis ta' l-ilma u r-riġenerazzjoni tieġħu sabiex jiġu ssodisfatti l-eżiġenzi b'mod partikolari:

– tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali kif ukoll ta' l-ekwilibriju ekoloġiku;

– tal-ħajja bijoloġika ta' l-ekosistemi akwatiċi, b’mod partikolari tal-fawna tal-ħut;

– tal-provvista ta' l-ilma għall-konsum u għall-użu industrijali;

– tal-preżervazzjoni ta' l-ilma;

– ta' l-għawm, l-isport akwatiku u ta' attivitajiet oħra ta' mogħdija ta' żmien;

– tal-protezzjoni tal-pajsaġġ u tas-siti;

– ta' l-agrikoltura, ta' l-industrija, tat-trasport u ta' l-attivitajiet l-oħra tal-bniedem ta' interess ġenerali.

2. Kull min jagħmel użu mill-ilma previst mil-liġi preżenti huwa marbut li jipprevjeni jew inaqqas, b'kull miżura possibbli, kull tniġġis ta' l-ilma billi juża d-diliġenza meħtieġa f'dawn iċ-ċirkustanzi."

14. L-Artikolu 3 ta' l-istess liġi fih lista ta' tnax-il definizzjoni ta' termini li jidhru fil-liġi.

15. F'dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni, il-kreazzjoni u l-immaniġġjar taż-żoni ta' protezzjoni ta' l-ilma, l-Artikoli 18 u 19 tal-liġi ta' l-1993 jinqaraw kif ġej:

"18. Żoni ta' protezzjoni ta' l-ilma

1. Sabiex tiġi assigurata l-kwalità ta' l-ilma ddestinat għall-konsum uman, xi artijiet li qegħdin madwar postijiet tal-kampjunar jistgħu jiġi ddikjarati żoni ta' protezzjoni immedjati, zoni ta' protezzjoni fil-qrib u żoni ta' protezzjoni remoti.

Din il-miżura ta' eżekuzzjoni għandha tirrispondi għall-pjan nazzjonali ta' maniġġjar ta' l-ilma previst fl-Artikolu 6 tal-liġi preżenti.

2. L-artijiet li qegħdin f'żona ta' protezzjoni immedjata għandhom jinxtraw bħala propjeta assoluta.

Dwn jistgħu jiġu esproprjati skond il-modalitajiet u forom previsti mil-liġi tal-15 ta' Marzu 1979 dwar l-esproprjazzjoni għal użu pubbliku.

3. F'żona ta' protezzjoni fil-qrib jistgħu jiġu pprojbiti, irregolati jew suġġetti għal awtorizzazzjoni speċjali l-attivitajiet kollha, kull installazzjoni u kull depożitu li jista' jagħmel ħsara b'mod dirett jew indirett għall-kwalità ta' l-ilma.

4. Fiż-żoni ta' protezzjoni remoti, jistgħu jiġu rregolati l-attivitajiet, l-installazzjonijiet u d-depożiti previsti fil-paragrafu 3.

19. Modalitajiet ta' kreazzjoni u ta' ġestjoni taż-żoni ta' protezzjoni ta' l-ilma.

1. Il-kreazzjoni ta' żoni ta' protezzjoni ta' l-ilma tiġi proposta mill-Ministru, bl-approvazzjoni tal-Gvern fil-Kunsill.

2. Il-Ministru għandu jordna l-istabbiliment ta' inkartament li fih:

– nota li tindika l-għan, il-motivi u l-portata ta' l-operazzjoni;

– ir-rapport ġeoloġiku li jikkonstata b'mod partikolari l-ħeffa tar-relazzjoni idroġeoloġika bejn iż-żoni ta' infiltrazzjoni u postijiet tal-kampjunar li għandhom jiġu protetti;

– il-lista ta' komuni inklużi, fit-totalità tagħhom jew parti minnhom, fiż-żona li għandha tiġi protetta flimkien ma', għal kull komuni, l-indikazzjoni tas-sezzjonijiet katastali korrispondenti;

– mappa mappa topografika u l-pjanijiet katastali flimkien ma’ l-indikazzjoni tal-limiti taż-żona li għandha tiġi protetta;

– il-pjan ta' ġestjoni għandu jistabilixxi

a) il-ħlas impost fuq il-proprjetarji u l-possessuri,

b) is-servitujiet validi għaż-żona protetta,

c) sa fejn huwa neċessarju, l-iżviluppi u x-xogħlijiet neċessarji għall-funzjoni taż-żona protetta.

3. Il-Ministru għandu jibgħat, għall-finijiet ta' inkjesta pubblika, l-inkartament lill-kummissarju tad-distrett territorjalment kompetenti. .

Il-Kummissarju tad-distrett għandu jordna d-depożitu, għal tletin ġurnata, ta’ l-inkartament fl-uffiċju muniċipali, għall-għarfien pubbliku. Dan id-depożitu jiġi ppubblikat b'permezz ta' kartelluni fil-komun bil-mod normali, li bih jistiednu lill-pubbliku jisiru jafu x'fihom id-dokumenti.

Fit-t Fit-terminu previst mis-subparagrafu ta' qabel, l-oġġezzjonijiet kontra l-proġett għandhom jiġu indirizzati lill-Kulleġġ tas-Sindki u Viċi-Sindki li jgħarrfu lill-kunsill komunali sabiex ikun jista' jagħti l-opinjoni tiegħu. Dan l-inkartament, flimkien ma' l-ilmenti u l-opinjoni tal-kunsill komunali, għandu jintbagħat fi żmien xahar wara l-għeluq tat-terminu għall-pubblikazzjoni lill-Kummissjarju tad-distrett, li jibgħat dawn id-dokumenti lill-Ministru flimkien ma' l-osservazzjonijiet tiegħu.

4. Id-dikjarazzjoni ta' żona ta' protezzjoni ta' l-ilma ssir permezz ta' regolament Gran Dukali, wara li tinstema’ l-opinjoni tal-Kunsill ta' l-Istat.

5. Ir-regolament Gran Dukali li jiddikjara żona ta' protezzjoni ta' l-ilma parti mit-territorju jista' jimponi fuq il-proprjetarji jew lill-pussessuri ta' l-art xi ħlasijiet u jimponi fuq l-art servitù li jirrigwardaw, b'mod partikolari:

– l-użu ta' l-ilma;

– leġiżlazzjoni dwar l-użu ta' pestiċidi u ta' fertilizzaturi li jniġġsu;

– il-projbizzjoni ta' bidla fl-użu ta' l-art.

L-effetti tad-dikjarazzjoni taż-żona ta' protezzjoni ta' l-ilma jsegwu l-art ikkonċernata u irrispettivament minn f’liema idejn taqa'."

Il-proċedura prekontenjuża

16. Billi d-Direttiva ma kinitx ġiet trasposta fid-dritt Lussemburgiż fit-terminu preskritt, fis-26 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni, wara li intimat lill-Grand Dukat tal-Lussemburgu sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu skond l-Artikolu 266 KE, b'ittra tad-9 ta' Lulju 2004, ħarġet opinjoni motivata li fiha stiednet dan l-Istat membru jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jikkonforma ma' l-obbligi li għandu skond din id-Direttiva f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni.

17. Fir-risposta tagħhom tas-27 ta' Settembru 2004 għall-imsemmija opinjoni motivata, l-awtoritajiet Lussemburgiżi indikaw ir-raġunijiet differenti sabiex jiġġustifikaw it-traspożizzjoni b'dewmien tad-Direttiva, fost oħrajn, in-nuqqas ta' ċarezza ta' ċerti kunċetti msemmija fiha u r-riżoluzzjoni tal-Gvern Lussemburgiż li japprofitta mill-imsemmija traspożizzjoni sabiex jipproċedi għar-reviżjoni fundamentali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti. Madankollu l-imsemmija awtoritajiet ippreċiżaw li d-dewmien fit-traspożizzjoni formali tad-Direttiva ma jikkostitwixxi bl-ebda mod ostaklu fir-rigward tad-differenzi ta' limiti imposti minnha.

18. Peress li ma kinitx sodisfatta b'din ir-risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors preżenti.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel ilment, dwar in-nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

19. Il-Kummissjoni tfakkar li, skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva, l-Istati membri għandhom iqegħdu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-22 ta' Diċemrbu 2003 u li għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni b’dan. Fir-rikors tagħha hija ssostni li l-awtoritajiet Lussemburgiżi ma informawhiex dwar il-miżuri meħuda.

20. Il-Kummissjoni, filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Lussemburgiż fir-risposta tiegħu relattiva għal ittra indirizzata lill-Kummissjoni mir-Rappreżentanza Permanenti tal-Lussemburgu għall-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem l-"ittra ta' l-24 ta' Awwissu 2004"), dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva, tammetti fir-replika tagħha li, minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni bejn id-dipartimenti tagħha, hija ma kinitx taf b'din l-ittra. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-komunikazzjoni meħtieġa skond l-imsemmi Artikolu 3, ingħatat, hija ssotni li din il-komunikazzjoni seħħet wara l-iskadenza tat-terminu ffissat mill-Artikolu 3(8), jiġifieri t-22 ta' Ġunju 2004, u barra minn hekk, wara li ntbagħtet l-opinjoni motivata.

21. Fir-rigward tal-liġi ta' l-1993, li skond il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tagħti lill-awtoritajiet ta' dan l-Istat membru setgħat suffiċjenti biex jitwettqu l-għanijiet operattivi tad-Direttiva, u li ġiet ikkomunikata lilha għall-ewwel darba mar-risposta, il-Kummissjoni tenfassiza li qabel din il-komunikazzjoni hija qatt ma kienet taf bl-eżistenza ta' din l-liġi u lanqas dwar il-kontenut tagħha. Għaldaqstant, hija tikkonkludi li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kkomunikax il-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħhu mad-Direttiva fit-terminu preskritt.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22. Skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru f'għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-14 ta' Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-168/03, Ġabra p. I-8227, punt 24, u tat-12 ta' Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, C-118/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 7).

23. Fil-kawża preżenti, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-ittra ta' l-24 ta' Awwissu 2004 ġiet indirizzata qabel l-iskadenza tat-terminu ta' xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata tad-9 ta' Lulju 2004. Jekk huwa veru, kif ukoll osservat il-Kummissjoni, li l-awtoritajiet Lussemburgiżi ma għamlu ebda riferiment għal din l-ittra waqt il-proċedura prekontenzjuża, jibqa' l-fatt li l-komunikazzjoni tal-miżuri adottati għat-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva twettaq qabel l-iskadenza ta' dan it-terminu.

24. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni mhuwiex fondat f'dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

25. Barra minn hekk, fir-rigward tan-notifika tal-miżuri l-oħra adottati mill-Gran Dukat tal-Lussembrugu sabiex jittrasponi d-Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat membru kkomunika għall-ewwel darba fir-risposta tiegħu kopja tal-liġi ta' l-1993 u sostna li b'hekk ittraspona b'mod adegwat id-Direttiva. Mingħajr ma jkun hemm lok li ssir riċerka, dwar jekk din il-liġi tikkostitwixxix traspożizzjoni adegwata jew le tad-Direttiva, din il-kwistjoni hija s-suġġett tat-tieni lment tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 22 tas-sentenza preżenti, mezz ta' difiża invokat b'daqshekk dewmien huwa bla effett fuq l-eżistenza ta' lment ibbażat fuq in-nuqqas ta' notifikazzjoni ta' informazzjoni meħtieġa waqt it-terminu stabblilit fl-opinjoni motivata.

26. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-miżuri adottati għat-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva, il-Kummissjoni rrkonoxxiet fir-replika tagħha li l-Artikoli 18 u 19 tal-liġi ta' l-1993 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jittrasponu b'mod sodisfaċjenti din id-dispożizzjoni. Madankollu din il-liġi ġiet ikkomunikata għall-ewwel darba lill-Kummissjoni fl-anness tar-risposta u għaldaqstant hemm lok, minħabba l-motivi msemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, li jitqies fondat l-ilment invokat mill-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri adottati għat-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva.

27. fir-rigward Fir-rigward ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi deċiż li billi ma kkomunikax lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji li jimplementaw id-Direttiva 2000/60, bl-eċċezzjoni ta' dawk li jikkonċernaw l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 24 ta' din id-Direttiva.

Fuq it-tieni lment, dwar in-nuqqas ta' adozzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva

L-argumenti tal-partijiet

28. Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva teżiġi minn naħa ta' l-Istati membri l-adozzjoni ta' miżuri ta' traspożizzjoni ġenerali u partikolari sabiex jirrendu s-sistema legali nazzjonali tagħhom kompatibbli ma' l-għanijiet li hija tistabilixxi. Hija timponi fuq l-Istati membri l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni qafas fis-settur ta' l-ilma li għandha tiġi adottata mhux iktar tard mit-22 ta' Diċembru 2003, kif ukoll l-adozzjoni ta' azzjonijiet konkreti sa din l-istess data, jew f'dati mifruxa tul iż-żmien. Skond il-Kummissjoni, l-elaborazzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi qafas ġenerali huwa l-istadju l-iktar importanti tat-traspożizzjoni peress li jirrigwarda l-istabbiliment ta' l-obbligi prinċipali ta' l-Istati membri u li tagħti bażi legali adegwata għall-adozzjoni ta’ miżuri iktar speċifiċi.

29. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-liġi ta' l-1993 ma jassigurawx it-traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva.

30. Il- Il-Gvern Lussemburgiż isostni li d-Direttiva ma tirrekjedix xi miżuri ta' traspożizzjoni effettivi sabiex jirrendu s-sistema legali Lussemburgiża kompatibbli ma' l-għanijiet stabbiliti minnha. Minn naħa, id-Direttiva tinsisti fuq azzjonijiet konkreti li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali, pjuttost milli fuq l-armonizzazzjoni formali tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Din mhijiex Direttiva ta' armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni, iżda biss Direttiva li teżiġi qafas għal politika Komunitarja fis-settur ta' l-ilma.

31. L-imsemmi Gvern isostni wkoll li kull wieħed mill-obbligi operattivi imposti fuq l-awtoritajiet ta' l-Istati membri huma ddefiniti bi skadenza li tmur mill-2006 sa l-2015 u li jagħmel mod li l-għanijiet hekk iddefiniti jintlaħqu fit-terminu pprovdut mid-Direttiva. Għall-bqija, huwa jsostni li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, b'mod partikolari l-liġi ta' l-1993, tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali b'numru ta' miżuri li jistgħu jkunu biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet operattivi tad-Direttiva.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-obbligu ta' adozzjoni ta' leġiżlazzjoni qafas għat-traspożizzjoni tad-Direttiva

32. Fir-rigward, qabel kollox tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk id-Direttiva timponix fuq l-Istati membri li jadottaw leġiżlazzjoni qafas sabiex jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li kull wieħed mill-Istati membri destinatarji ta' Direttiva għandu l-obbligu li jieħu, fis-sistema legali nazzjonali tiegħu, kull miżura neċessarja sabiex jassigura l-effett sħiħ tad-Direttiva, b'konformita ma' l-għan li hija ssegwi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta' mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C-478/99, Ġabra p. I-4147, punt 15, u tas-26 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 75).

33. Għandu jiġi ppreċiżat li l-ewwel parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni issemmi mhux il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandux l-obbligu li jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabbiex jassigura l-effett sħiħ tad-Direttiva, ħaġa li ma tikkontestax, iżda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-imsemmi Stat membru għandux l-obbligu li jadotta miżura preċiża, jiġifieri leġiżlazzjoni qafas, sabiex jassigura l-effett sħiħ tad-Direttiva u jirrispetta l-obbligi li hija timponi fuqu.

34. Skond Skond it-termini stess tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 249, KE, l-Istati membri jistgħu jibbenifikaw mill-għażla tal-forma u l-mezzi ta' l-implementazzjoni tad-Direttivi li tippermetti l-garanzija ta' l-aħjar riżultat li dawn ta' l-aħħar ikunu jridu jilħqu. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li t-traspożizzjoni fid-dritt intern ta' Direttiva mhux neċessarjament teħtieġ ażżjoni leġiżlattiva f'kull Stat membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess iddeċidiet b’mod kostanti li r-riproduzzjoni formali tal-preskrizzjonijiet ta' Direttiva f'dispożizzjoni legali espressa u speċifika mhijiex dejjem meħtieġa, peress li l-implementazzjoni ta' Direttiva tista', abbażi tal-kontenut tagħha, tiġi ssodisfatta b'kuntest legali ġenerali. B'mod partikolari, l-eżistenza ta' prinċipji ġenerali tad-dritt kostituzzjonali u amminsitrattiv jista' jirrendi superfluwa t-traspożizzjoni b’miżuri leġiżlattivi jew regolatorji speċifiċi bil-kundizzjoni, iżda, li dawn il-prinċipji jigarantixxu effettivament l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva mill-amministrazzjoni nazzjonali, u li, fil-każ fejn id-dispożizzjoni in kwistjoni tad-Direttiva tagħti drittijiet lill-individwi, is-sitwazzjoni legali li tirrizulta minn dawn il-prinċipji tkun suffiċjentment preċiża u ċara u li min jibbenifika minnha jitqiegħed f'pożizzjoni li jkun jaf it-totalità tad-drittijiet tiegħu u jekk ikun il-każ, li jużhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta' Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 29/84, Ġabra p. 1661, punti 22 u 23; tad-9 ta' Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-217/97, Ġabra p. I-5087, punti 31 u 32 u tas-26 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 76).

35. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dispożizzjoni li tirrigwarda biss ir-relazzjonijiet bejn l-Istati membri u l-Kummissjoni m'għandhiex, bħala prinċipju, tiġi trasposta. Madankollu, peress li l-Istati membri għandhom l-obbligu li jassiguraw ir-rispett sħiħ għad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni għandha l-fakultà li turi li r-rispett ta' dispożizzjoni ta' Direttiva li tirregola dawn ir-relazzjonijiet teħtieġ l-adozzjoni ta' miżuri ta' traspożizzjoni speċifiċi fis-sistema legali nazzjonali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-24 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-72/02, Ġabra I-6597, punti 19 u 20, u ta' l-20 ta' Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-296/01, Ġabra p. I-13909, punt 92).

36. Konsegwentement, huwa importanti li f'kull każ tiġi ddeterminata n-natura tad-dispożizzjoni prevista mid-direttiva, li dwarha jittratta r-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, sabiex jiġi ddeterminat safejn jasal l-obbligu ta' traspożizzjoni impost fuq l-Istati Membri.

37. Il-prattika leġiżlattiva Komunitarja turi li jistgħu jeżistu differenzi kbar fir-rigward tat-tipi ta' obbligi li d-Direttivi jimponu fuq l-Istati membri u għaldaqstant fir-rigward tar-riżultat li huma għandhom jiksbu (sentenza tat-18 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-60/01, Ġabra p. I-5679, punt 25).

38. Fil-fatt, ċerti Direttivi jeħtieġu li l-miżuri leġiżlattivi jiġu adottati fuq livell nazzjonali u li r-rispett tagħhom ikun suġġett għall-stħarriġ ġudizzjarju jew amministrattiv (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi tas-16 ta' Novembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-360/88, Ġabra p. 3803; tas-6 ta' Diċembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-329/88, Ġabra p. 4159, u tat-18 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza ċċitata iktar 'il fuq, punt 26).

39. Xi Direttivi oħra jippreskrivu li l-Istati membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jigarantixxu li ċerti għanijiet ifformulati b'mod ġenerali u mhux ikkwantifikati jintlaħqu, filwaqt li jħallu ċerta diskrezzjoni lill-Istati membri fir-rigward tan-natura tal-miżuri li għandhom jieħdu (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta' Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, imsejħa "San Rocco", C-365/97, Ġabra p. I-7773, punti 67 u 68, u tat-18 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

40. Xi Direttivi oħra jeżiġu wkoll mill-Istati membri li riżultati preċiżi u konkreti ħafna jinkisbu wara l-iskadenza ta' ċertu terminu (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi ta' l-14 ta' Lulju 1993, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-56/90, Ġabra p. I-4109, punti 42 sa 44; tad-19 ta' Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-268/00, Ġabra p. I-2995, punti 12 sa 14, u tat-18 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28).

41. Fir-rigward tar-rikors preżenti, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 2000/60 hija Direttiva adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 175(1) KE. Hija tistabilixxi xi prinċipji komuni u qafas globali ta' azzjoni għall-protezzjoni ta' l-ilma, l-integrazzjoni, kif ukoll, għal medda itwal ta’ żmien, l-iżvilupp tal-prinċipji ġenerali u ta' l-istrutturi li jippermettu l-protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli ta' l-ilma fil-Komunità Ewropea. Il-prinċipji komuni u l-qafas globali ta' azzjoni li hija twaqqaf għandhom jiġu żviluppati iktar mill-Istati membri li għandhom jadottaw serje ta' miżuri partikolari b'konformità mat-termini previsti mid-Direttiva. Madankollu din ta' l-aħħar ma tipprevedix armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati membri fis-settur ta' l-ilma.

42. Jirriżulta minn eżami ta' din id-Direttiva li hija fiha dispożizzjonijiet ta' natura varjata li jimponu obbligi fuq l-Istati membri (ara, bħala eżempju, l-Artikolu 4, li jobbliga lill-Istati membri jimplementaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jipprevjenu d-deterjorament ta' l-istat tal-korpi ta' ilma tal-wiċċ u ilma ta’ taħt l-art); fuq l-Istati membri fil-konfront tal-Kummissjoni u tal-Komunità (ara, bħala eżempju, l-Artikolu 24(2), dwar l-obbligu ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni) u fuq l-istituzzjonijiet stess (ara, bħala eżempju, l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva, li jistiednu lill-istituzzjonijiet Komunitarji jadottaw xi miżuri Komunitarji fir-rigward tat-tniġġis ta' l-ilma u ta' l-ilma taħt l-art).

43. Jirriżulta minn eżami globali tad-Direttiva li parti kbira mid-dispożizzjonijiet tagħha huma tat-tip imsemmi fil-punt 39 tas-sentenza preżenti, jiġifieri dawk li jippreskrivu li l-Istati membru jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu li ċerti għanijiet, kultant ifformulati b'mod ġenerali, jinkisbu, filwaqt li jħallu lill-imsemmija Stati diskrezzjoni fir-rigward tan-natura tal-miżuri li jieħdu.

44. Din id-Direttiva fiha wkoll xi dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 1, li jelenka sempliċiment l-għanijiet differenti li hija tixtieq tikseb, u li, kif ukoll irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess waqt is-seduta, m'għandhiex bżonn ta' traspożizzjoni.

45. Bħala risposta għad-domandi magħmula waqt is-seduta sabiex jiġi stabbilit fuq liema dispożizzjonijiet konkreti tad-Direttiva huwa bbażat l-obbligu li tiġi adottata leġiżlazzjoni qafas sabiex jiġu rrrispettati l-eżiġenzi tad-Direttiva, il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva li jsemmu l-għanijiet li hija trid tikseb u d-definizzjonijiet li hija bbażat ruħha fuqhom, mingħajr ma tippreċiża b’liema mod dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu l-adozzjoni ta' tali leġiżlazzjoni u lanqas għalfejn tali adozzjoni hija neċessarja sabiex tippermetti li l-Istati membri jiggarantixxu l-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva fit-termini preskritti.

46. Madankollu ma jirriżulta la mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u lanqas minn parti oħra tagħha li l-Istati membri huma obbligati, sabiex jittrasponu b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tagħha, li jadottaw tali leġiżlazzjoni qafas.

47. Ċertament, hekk kif il-Gvern Lussemburgiż irrikonoxxa waqt is-seduta, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni qafas jista' jkun mod adegwat, jew mod iktar sempliċi, ta' traspożizzjoni tad-Direttiva, peress li hija tista' tagħti, lill-awtoritajiet kompetenti f'test uniku, bażi legali ċara sabiex jiġu elaborati fuqha l-miżuri differenti previsti mid-Direttiva fis-settur ta' l-ilma u li t-terminu previst għall-implementazzjoni jkun mifrux fuq perijodu ta' żmien. L-adozzjoni ta' tali leġiżlazzjoni qafas tista' wkoll tirrendi iktar faċli x-xogħol tal-Kummissjoni li għandha taċċerta ruħha li l-obbligi li għandhom l-Istati membri skond din id-Direttiva jiġu rrispettati.

48. Madankollu, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni qafas ma tikkostitwixxix l-uniku mod li bih l-Istati membri jistgħu jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva u jipprovdu sistema organizzata u artikolata sabiex jiġu rrispettati l-għanijiet previsti minn din id-Direttiva.

49. Kieku l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jimponi fuq l-Istati membri l-obbligu li jadottaw fis-sistema legali intern tagħhom leġiżlazzjoni qafas sabiex jittrasponu d-Direttiva, seta’ liberament jinkludi dispożizzjoni f'dan ir-rigward fit-test. Issa, dan mhuwiex il-każ.

50. F'kull każ, il-fatt stess li, waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien ittraspona tajjeb ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, b'mod partikolari l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 kif ukoll l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva, u li hija ammettiet li ma kinitx neċessarja t-traspożizzjoni ta' l-ewwel Artikolu, juri li leġiżlazzjoni qafas mhijiex indispensabbli għat-traspożizzjoni ta' l-obbligi previsti minn din id-Direttiva.

51. Peress li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas tat-twettiq ta' obbligu allegat billi tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika ta' l-eżistenza ta' tali nuqqas, mingħajr ma tista' tibbaża ruħha fuq preżunzjoni kwalunkwe (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta' Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6; tas-26 ta' Ġunju, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-404/00, Ġabra p. I-6695, punt 26; tas-6 ta' Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-434/01, Ġabra p. I-3239, punt 21, u tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-194/01, Ġabra p. I-4579, punt 34), u l-Kummissjoni ma ġġustifikat fil-kawża preżenti la d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jobbligaw lill-Istati membri li jadottaw leġiżlazzjoni qafas u lanqas in-natura indispensabbli ta' tali miżura sabiex jiġi ggarantit ir-riżultat li trid tikseb id-Direttiva, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel parti tat-tieni lment mhuwiex fondat.

– Fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva mil-liġi ta' l-1993

52. B’risposta għall-argumenti ppreżentati mill-Gvern Lussemburgiż għall-ewwel darba fir-risposta tiegħu, il-Kummissjoni, sussidjarjament, issostni li l-liġi ta’ l-1993 ma ttrasponietx sew id-dispożizzjonijiet tad-Direttva.

53. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-opinjoni motivata, kif ukoll fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li fih il-Kummissjoni tikkontesta lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li ma adotta l-ebda miżura li hija neċessarja għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni ma fittitx li turi kif id-dritt Lussemburgiż fis-seħħ ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Kien biss fir-replika li din l-istittuzjoni sostniet li l-liġi ta’ l-1993 ma ttrasponietx b’mod adegwat l-imsemmija Direttiva.

54. Madankollu, dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rikors huwa riżultat ta’ l-imġiba ta’ l-awtoritajiet Lussemburgiżi li, fil-kors tal-proċedura prekontenzjuża ma ddikjarawx il-liġi ta’ l-1993 bħala miżura suffiċjenti għat-traspożizzjoni tad-Direttiva u ħallew x’wieħed jaħseb li d-dispożizzjonijiet neċessarji għal din it-traspożizzjoni kienu waslu biex jiġu adottati.

55. Peress li l-Gvern Lussemburgiż allega l-konformità tal-liġi ta’ l-1993 mad-Direttiva għall-ewwel darba fir-risposta tiegħu, il-Kummissjoni, bl-istess mod, ippreżentat fir-replika tagħha argumenti li juru li t-traspożizzjoni allegata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu hija f’kull każ, inkorretta jew inkompleta f’dak li jirrigwarda ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva u dan sabiex tieħu in kunsiderazzjoni informazzjoni kkomunikata tardivament mill-Gvern Lussemburgiż fir-risposta tiegħu.

56. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet, f’ċirkustanzi simili, li jekk il-proċedura prekontenzjuża kisbet l-għan tagħha li tipproteġi d-drittijiet ta’ Stat membru in kwistjoni, tali Stat membru li, fil-kors tal-proċedura prekontenzjuża, ma jkunx indika lill-Kummissjoni li d-Direttiva għandha tiġi kkunsidrata bhala ġà ttrasposta fid-dritt intern fis-seħħ, ma jistax jilmenta li l-Kummissjoni estendiet jew bidlet is-suġġett tar-rikors kif iddefinit mill-imsemmija proċedura prekontenzjuża. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkontesta lil Stat membru nuqqas ta’ traspożizzjoni sħiħa ta’ Direttiva, tippreċiza, fir-replika tagħha, li t-traspożizzjoni allegata mill-Istat membru li tidher għall-ewwel darba fir-risposta tiegħu, hija, f’kull każ, skorretta jew inkompleta f’dak li jirrigwarda ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, peress li tali lment għandu jiġi necessarjament inkluż ma’ dak ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni sħiħa u huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ din ta’ l-aħħar (sentenza tas-16 ta’ Gunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-456/03, Ġabra p. I 5335 punti 23 sa 42, u b’mod partikolari l-punt 40).

57. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma pproċediex għat-traspożizzjoni ta’ l-Artikoli 1, 2, 3(4), 7(1) u (2), u 14 tad-Direttiva.

58. Waqt is-seduta hija rrinunzjat għall-ilment dwar l-Artikolu 7(1). Barra minn hekk, kif ukoll jirriżulta mill-punt 44 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li mhijiex neċessarja t-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva, u għalhekk dan l-ilment jista’ jitqies li ġie ċedut.

59. Il-Kummissjoni sostniet ukoll, waqt is-seduta, li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma pproċediex għat-traspożizzjoni ta’ l-Artikoli 4, 8 sa 11, 13, moqrija flimkien ma’ l-Anness VI u 24 tad-Direttiva.

60. Madankollu, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-Istat ikkonċernat għandu jkollu l-okkażjoni li juża b'mod effikaċi l-mezzi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilment ifformulat mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, C 117/02, Ġabra p. I 5517, punt 53, u tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 36), għandha tiġi llimitata t-tieni parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li l-Kummissjoni ppreżentat fir-replika tagħha u li sussegwentament ma rrinunzjatx għalihom (jiġifieri l-Artikoli 2, 3(4), 7(2) u 14 ta' l-imsemmija Direttiva), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kellux l-opportunità, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva msemmija mill-Kummissjoni għall-ewwel darba waqt is-seduta, li juża b’mod effikaċi l-mezzi ta’ difiża tiegħu.

61. Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva, il-Kummissjoni ssostni li d-definizzjonijiet li fiha ma ġewx trasposti fid-dritt nazzjonali. Il-liġi ta’ l-1993 tiddefinixxi biss ħlief il-kunċetti ta’ "skarikar", ta' "tniġġis" u ta' "ilma ta' taħt l-art". Il-Kummissjoni tagħmel riferiment b'mod partikolari għall-kunċetti ta' "baċir ta’ xmara", "potenzjal ekoloġiku tajjeb" u "stat kimiku tajjeb" , li għalkemm jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva huma kollha nieqsa mil-liġi ta' l-1993.

62. Il-Gvern Lussemburgiż ma jippretendix li din il-liġi ta' l-aħħar fiha d-definizzjonijiet kollha elenkati fl-imsemmi Artikolu 2, iżda huwa jsostni li l-imsemmija definizzjonijiet mhumiex rilevanti ħlief sabiex jiġi ddefinit il-kontenut ta' l-obbligi operattivi li din id-Direttiva timponi fuq l-Istati membri. Huwa jssostni li dawn ma jeħtieġux traspożizzjoni fihom infushom.

63. L-Artikolu 2 tad-Direttiva, moqri flimkien ma', per eżempju, l-Artikolu 4 tagħha, jimponi fuq l-Istati membri obbligi preċiżi li għandhom jitwettqu matul termini ddeterminati sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-korpi ta' l-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art. Dan huwa applikabbli wkoll għal diversi kunċetti oħra ddefiniti fl-istess Artikolu 2, moqri flimkien ma', fost oħrajn, l-Artikoli 5, 6 u 8 tad-Direttiva.

64. In-nuqqas ta' kompatibbiltà ta' leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, anki dawk applikabbli direttament, ma jistgħux jiġu eliminati b'mod definittiv ħlief permezz ta' dispożizzjonijiet interni ta' natura vinkolanti (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta' Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/94, Ġabra p. I-1307, punt 30, u tat-13 ta' Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-197/96, Ġabra p. I-1489, punt 14).

65. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, bl-esklużjoni mil-liġi ta' l-1993 tad-definizzjonijiet tal-kunċetti li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva u tat-termini li fihom l-istandard tal-kwalita ta' l-ilma li għandu jiġu rrispettat, liema termini ġew ffissati mill-Artikoli 4 sa 6 u 8 ta' l-istess Direttiva, l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 2, moqrija flimkien ma' dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ma ġewx implementati bis-saħħa vinkolanti meħtieġa. Konsegwentement, għandhu jitqies bħala fondat l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva.

66. F'dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva, il-Kummissjoni ssostni li ebda dispożizzjoni tal-liġi ta' l-1993 ma tittrasponi b'mod korrett din id-dispożizzjoni.

67. Skond Skond it-termini tagħha, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali skond l-Artikolu 4 ta' l-istess Direttiva, u partikolarment li l-programmi kollha tal-miżuri, ikunu kkoordinati għad-distrett kollu tal-baċin tax-xmara. Madankollu, jirriżulta, mill-kliem ta' l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva, li l-obbligi li jirriżultaw minnha huma differenti skond jekk id-distrett tal-baċin tax-xmara in kwistjoni huwiex nazzjonali jew internazzjonali fis-sens tad-Direttiva. Għad-distretti internazzjonali tal-baċin tad-distrett l-Istati Membri kkonċernati jridu flimkien jiżguraw din il-koordinazzjoni u jistgħu, għal dan l-iskop, jużaw strutturi eżistenti li jiġu minn ftehim internazzjonali.

68. Il-Gvern Lussemburgiż ma kkontestax il-fatt li l-Artikolu 3(4) jimponi obbligu ta' koordinazzjoni, iżda huwa madankollu jsostni li ma jeżistux distretti nazzjonali tal-baċin fit-territorju tiegħu. Kif ukoll jirriżulta mill-ittra ta' l-24 ta' Awwissu 2004, l-uniċi żewġ distretti tal-baċin tax-xmara fis-sens tad-Direttiva preżenti fit-territorju tiegħu huma distretti internazzjonali tal-baċin, jiġifieri d-distrett tal-baċin tax-xmara tar-Renu via l-Moselle u dak tal-Meuse via l-Chiers.

69. F'dak F'dak li jirrigwarda d-distrett tal-baċin tax-xmara tar-Renu, dan il-Gvern żied bħala anness mal-kontroreplika tiegħu t-test tal-komunikazzjoni tal-Konferenza Ministerjali fuq ir-Renu tal-Kummissjoni internazzjonali għall-protezzjoni tar-Renu (iktar 'il quddiem il-"KIPR"), tad-29 ta' Jannar 2001. Jirriżulta minn dan id-dokument li kumitat ad hoc ta' koordinazzjoni, li jinkludi rappreżentanti mill-Istati membri kollha tal-KIPR, inħoloq speċjalment fi ħdanu sabiex jagħti effett lill-obbligu ta' koordinazzjoni stabbilit mid-Direttiva.

70. Fir- Fir-rigward tad-distrett tal-baċin tax-xmara tal-Meuse, jirriżulta mir-raba' u l-ħames premessi ta' l-Artikoli 1, 2 ,4 u 5 tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Meuse, tat-3 ta' Diċembru 2003, ukoll anness fil-kontroreplika, li Kummissjoni Internazzjonali għall-protezzjoni tal-Meuse inħolqot speċifikament sabiex, b’mod partikolari, tassigura l-koordinazzjoni meħtieġa mid-Direttiva. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa parti kontraenti għall-imsemmi ftehim internazzjonali li jindika li l-miżuri ta’ koordinazzjoni meħtieġa mid-Direttiva għad-distrett tal-baċin tax-xmara Meuse jiġu adottati fi ħdan dan il-korp internazzjonali.

71. Il-Kummissjoni ma kkontestatx l-argumenti tal-Gvern Lussemburgiż li jgħidu li ż-żewġ distretti tal-baċir tax-xmara li jinsabu fit-territorju tiegħu fis-sens tad-Direttiva huma distretti tal-baċir tax-xmara internazzjonali u mhux nazzjonali. Hija ma kkontestatx l-informazzjoni pprovduta minn dan l-Istat membru li tgħid li dawn il-korpi internazzjonali huma inkarigati mill-Istati membri kollha kkonċernati sabiex jassiguraw il-koordinazzjoni tal-miżuri ta' implementazzjoni tad-Direttiva f'dak li jirrigwarda dawn id-distretti tal-baċin tax-xmara internazzjonali.

72. Peress li l-Kummissjoni għaldaqstant ma wrietx li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, membru ta' dawn il-korpi internazzjonali ma wettaqx l-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 3(4), tad-Direttiva, f'dak li jirrigwarda d-distretti tal-baċin tax-xmara li qegħdin fit-territorju tiegħu, dan l-argument tat-tieni parti tat-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

73. Fir-rigward, fit-tielet lok, ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni ssostni li l-ebda dispożizzjoni tal-liġi ta' l-1993 ma tittrasponi, anki parzjalment, l-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, li timponi fuq l-Istati membri li jirrispettaw l-istandards speċifiċi tal-kwalità tal-korpi ta' l-ilma ddestinati għall-konsum uman.

74. Skond it-termini ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, għal kull korp ta' ilma identifika b’applikazzjoni ta' l-ewwel paragrafu ta' din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jridu jiżguraw, mhux biss li jilħqu l-għanijiet ta' l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva skond il-ħtiġiet tagħha, għal korpi ta' l-ilma tal-wiċċ, inklużi l-istandards ta' kwalità stabbiliti f'livell Komunitarju bl-Artikolu 16, iżda wkoll li taħt ir-reġim tat-trattament ta' l-ilma previst, u skond leġiżlazzjoni Komunitarja, l-ilma li jirriżulta jrid jilħaq il-ħtiġiet tad-Direttiva 80/778/KEE, kif emendata bid-Direttiva 98/83/KE.

75. Din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati membri l-obbligi li jirriżultaw, ifformulati b'mod ċar u mhux ekwivoku sabiex il-korpi ta' l-ilma tagħhom jilħqu, b’mod partikolari, l-għanijiet preċiżi ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva.

76. Isegwi li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kellu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 64 tas-sentenza preżenti, jittrasponi din id-dispożizzjoni permezz ta' miżuri li għandhon saħħa vinkolanti fis-sistema legali interna tiegħu l-iktar tard sad-data stabbilita fl-Artikolu 24 tad-Direttiva.

77. Peress li l-Gvern Lussemburgiż ma ressaq ebda mezz ta' difiża sabiex jiġġustifika n-nuqqas, fil-liġi ta' l-1993 jew fis-sistema legali Lussemburgiża, ta' dispożizzjoni li tikkorrispondi ma' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, għandu jiġi konkluż li l-argument tat-tieni parti tat-tieni lment huwa fondat.

78. F'dak li jirrigwarda, fl-aħħar lok, l-Artikolu 14 tad-Direttiva, il-Kummissjoni ssostni li l-liġi ta' l-1993 ma tipprevedi la l-konsultazzjoni u l-informazzjoni lill-pubbliku fuq l-elaborazzjoni tal-proġetti ta' pjan ta' maniġġjar u lanqas il-parteċipazzjoni tal-pubbliku għall-implementazzjoni tad-Direttiva meħtieġa minn din id-dispożizzjoni.

79. Il-Gvern Lussemburgiż jikkontesta li jirriżulta mill-Artikolu 14 tad-Direttiva, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 13 tagħha, li t-terminu mogħti sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi ta' informazzjoni għall-pubbliku kien skada. Huwa jsostni li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien se jiżgura li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14 jiġu rrispettati sad-dati indikati mid-Direttiva.

80. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14 tad-Direttiva jipprevedi li jingħata d-dritt lill-individwi u l-partijiet interessati li jieħdu sehem b'mod attiv fl-implementazzjoni tad-Direttiva u, b’mod partikolari, il-produzzjoni, ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-pjanijiet ta' mmaniġġjar tad-distrett tal-baċin tax-xmara.

81. In-nuqqas fid-dritt Lussemburgiż ta' kull miżura ta' traspożizzjoni ma jassigura bl-ebda mod l-obbligu li jgħid li l-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni għandu jirrendi t-terminu previst fl-Artikolu 13(6) tad-Direttiva legalment obbligatorju għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u jippermettu lill-individwi jsiru jafu minn ħafna qabel it-totalità tad-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva.

82. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-argument tat-tieni parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni, li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva, huwa fondat.

83. Fir-rigward Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi konkluż li, peress li naqas milli jadotta, fit-terminu preskritt, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' l-Artikoli 2, 7(2) u 14, tad-Direttiva, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 24 ta' din id-Direttiva. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Fuq l-ispejjeż

84. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

85. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(3) ta' dawn ir-Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, b’mod partikolari jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom.

86. Fil-kawża preżenti, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tilfet parzjalment fil-motiv tagħha li kien intiż li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' adozzjoni ta' leġiżlazzjoni qafas mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu sabiex tiġi trasposta d-Direttiva.

87. Minn naħa tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jipprovdi l-informazzjoni utli kollha li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li tgħid li huwa qies li kien wettaq l-obbligi differenti imposti fuqu mid-Direttiva.

88. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1) N Billi ma kkomunikax lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji li jimplementaw id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma, bl-eċċezzjoni ta' dawk li jikkonċernaw l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu skond l-Artikolu 24 ta' l-istess Direttiva.

2) Bill Billi naqas milli jadotta, fit-terminu preskritt, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' l-Artikoli 2, 7(2) u 14 tad-Direttiva 2000/06, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu skond l-Artikolu 24 ta' din id-Direttiva.

3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Fuq