Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62005CJ0236
Judgment of the Court (Third Chamber) of 9 November 2006. # Commission of the European Communities v United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland. # Failure of a Member State to fulfil obligations - Regulation (EEC) No 2847/93 - Control system in the fisheries sector - Delay in communication of required data. # Case C-236/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-9 ta' Novembru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu -Regolament (KEE) Nru 2847/93 - Skema ta' kontroll fis-settur tas-sajd - Komunikazzjoni b'dewmien tad-data mitluba.
Kawża C-236/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-9 ta' Novembru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu -Regolament (KEE) Nru 2847/93 - Skema ta' kontroll fis-settur tas-sajd - Komunikazzjoni b'dewmien tad-data mitluba.
Kawża C-236/05.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:707
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-236/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-30 ta' Mejju 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Banks, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn S. Nwaokolo, bħala aġent, assistita minn D. J. Rhee, barrister,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' Awla, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet, J. Malenovský, u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. Permezz Permezz tar-rikors tagħha, l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, meta kkomunika b’dewmien kunsiderevoli, id-data mitluba taħt l-ewwel u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(i), tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 tal-Kunsill, tat-12 ta' Ottubru 1993, li jistabilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (ĠU L 261, p. 1), kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 ta' l-4 ta' Novembru 2003 (ĠU L 289, p. 1, iktar il-quddiem ir-"Regolament Nru 2847/93"), Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond dan ir-Regolament.
2. Skond l-ewwel u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(i) tar-Regolament 2847/93:
"Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni, permezz ta' mezzi komputerizzati skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 109/94, dwar l-informazzjoni aggregata ta' l-isforzi fis-sajd imwettqa:
– fix-xahar ta' qabel għal kull żona tas-sajd konċernata għal ispeċi tal-qiegħ, qabel il-15-il jum ta' kull xahar,
[…]
– għat-tliet xhur ta’ qabel għal kull żona tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 19a għal speċi pelaġiċi, qabel tmiem l-ewwel xahar ta’ kull perijodu ta’ tliet xhur".
Il-proċedura prekontenzjuża
3. Fil-21 ta' Novembru 2001 il-Kummissjoni indirizzat lir-Renju Unit ittra ta’ intimazzjoni li fiha hija sostniet li d-data meħtieġa taħt l-ewwel u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(i) tar-Regolament Nru 2847/93, ma ġewx mibgħuta lilha għas-snin 1999, 2000 u 2001.
4. B'ittra tal-11 ta' Jannar 2002, il-Gvern tar-Renju Unit spjega li, anke jekk kien ġarrab xi diffikultajiet tekniċi sabiex jiġbor u jikkomunika d-data in kwistjoni, l-informazzjoni kollha relattiva għall-perijodu bejn l-1999 sax-xahar ta' Novembru 2001 inkluż kienet ikkomunikaha fil-ħin lill-Kummissjoni.
5. Fil-15 ta' Lulju Fil-15 ta' Lulju 2004, wara li rrilevat li n-nuqqas jew id-dewmien tat-trasmissjoni baqa' għaddej ukoll waqt is-snin 2002 u 2003, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Brittaniċi opinjoni motivata li fiha hija kkonstatat li "billi ma kkomunikax, jew ikkomunika b'dewmien kunsiderevoli d-data meħtieġa skond l-ewwel u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(i), ir-Renju Unit [kien] naqas mill-obbligi tiegħu skond din id-dispożizzjoni". Għaldaqstant, hija stiednet dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni fi żmien xahrejn li jibdew jgħoddu mill-ġurnata tan-notifika tagħha.
6. B'ittra tad-9 ta' Settembru 2004, il-Gvern tar-Renju Unit ammetta l-eżistenza ta' dewmien. Madankollu, huwa jindika li ċerta data kienet ġiet mibgħuta b'dewmien li kien inqas gravi minn dak indikat fl-opinjoni motivata. Sussegwentement, huwa osserva li xi proċeduri ġew implementati sabiex jassiguraw li ’l quddiem r-Renju Unit jirrispetta r-Regolament Nru 2847/93 u jkompli fil-futur jikkonforma ruħu miegħu.
7. Meta kkunsidrat li d-dewmien fil-komunikazzjoni tad-data ppersistiet fl-2004 u 2005, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq ir-rikors preżenti.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
8. Qabel kollox, ir-Renju Unit issostni, fir-risposta tiegħu, żewġ eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà bbażati rispettivament fuq bidla tas-suġġett tar-rikors u n-nuqqas ta' suġġett ta’ dan ir-rikors.
Fuq il-bidla tas-suġġett tar-rikors
9. L-awtoritajiet tar-Renju Unit isostnu li l-ittra ta' intimazzjoni tal-21 ta' Novembru 2001 kien fiha kontestazzjonijiet relattivi biss għas-snin 1999, 2000 u 2001. Min-naħa l-oħra, l-opinjoni motivata tirreferi wkoll għas-snin 2002 u 2003 u r-rikors għas-snin 2004 u 2005. Ir-rikors huwa għaldaqstant inammissibbli fil-każ fejn jinkludi fis-suġġett ta’ l-allegazzjonijiet tiegħu nuqqasijiet li ġraw wara d-data ta' l-ittra ta' intimazzjoni.
10. F'danm F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li skond ġurisprudenza kostanti, is-suġġett ta' rikors għal nuqqas, skond l-Artikolu 226 KE, huwa stabbilit bl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni (ara s-sentenzi tat-18 ta' Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-29/90, Ġabra p. I-1971, punt 12, tat-2 ta' Diċembru 1992, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-280/89, Ġabra p. I-6185, punt 7), b’mod li li r-rikors ikollu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi ta' din l-opinjoni [motivata] (ara s-sentenzi tas-16 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-456/03, Ġabra p. I-5335, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-8 ta' Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-33/04, Ġabra p. I-10629, punt 36).
11. Min-naħa l-oħra l-Qorti tal-Ġustizzja affermat ukoll li madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi estiż sa fejn jimponi f'kull każ, li d-dikjarazzjoni ta' l-ilmenti fil-parti operattiva ta' l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors ikunu eżattament l-istess, sakemm is-suġġett tal-kawża, kif definit fl-opinjoni motivata, ma jkunx ġie estiż jew mibdul (ara s-sentenzi ta' l-14 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-433/03, Ġabra p. I-6985, punt 28, u tas-7 ta' Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-484/04, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).
12. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-suġġett tal-kawża jista' jiġi estiż għal fatti li ġraw wara l-opinjoni motivata sakemm huma ta' l-istess natura u kostituttivi ta' l-istess aġir tal-fatti msemmija minn din l-opinjoni (ara s-sentenzi tat-22 ta' Marzu 1983, Il-Kummissjoni vs Franza, 42/82, Ġabra p. 1013, punt 20; ta' l-4 ta' Frar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-113/86, Ġabra p. 607, punt 11 u tat-18 ta' Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-221/04, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).
13. Issa, għandu jiġi kkonstatat li fil-kawża preżenti s-suġġett tar-rikors ma nbidilx matul il-proċedimenti preżenti.
14. Fil-fatt, anke fil-parti operattiva ta' l-opinjoni motivata kif ukoll fit-talbiet tar-rikors, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju Unit li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu b'mod kontinwu billi dam sabiex bagħat id-data mitluba taħt l-ewwel u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(i) tar-Regolament Nru 2847/93.
15. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfassizat fir-rikors tagħha li filwaqt li n-nuqqas li kompla sal-mument tal-preżentazzjoni tar-rikors preżenti, il-Gvern tar-Renju Unit kien għadu ma kkomunikax il-kważi-totalità tad-data relattiva għas-sena 2004 u lanqas dik li tikkonċerna s-sena 2005.
16. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tirreferi, permezz tar-rikors tagħha, mhux għal atti speċifiċi relattivi għal perijodi determinati, iżda għan-nuqqas kontinwu u sistematiku tar-Renju Unit ta' l-obbligu tiegħu li jibgħat id-data in kwistjoni fit-termini previsti mir-Regolament Nru 2847/93.
17. Għan Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kawża preżenti, is-suġġett tal-kawża huwa kkostitwit min-nuqqas ta' rispett tat-termini msemmija iktar 'il fuq mill-awtoritajiet tar-Renju Unit kif ġie manifestat permezz tad-dewmien kontinwu, u dan mingħajr ma kien hemm lok li l-fatti li seħħew wara l-opinjoni motivata jiġu esklużi (ara s-sentenza ta' l-4 ta' Frar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja, ċċitata iktar 'il fuq, punt 13).
18. L-ewwel eċċezzjo Konsegwentement, l-ewwel eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mressqa mir-Renju Unit għandha tiġi miċħuda.
Fuq in-nuqqas ta' suġġett tar-rikors
19. Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li huwa kkonforma ruħu ma' l-opinjoni motivata billi kkomunika d-data rekwiżita kollha qabel id-data stabbilita f'din l-opinjoni [motivata] u li, għaldaqstant il-Kummissjoni ma kellhiex dritt li tressaq ir-rikors preżenti.
20. F'dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-kompetenzi li għandha skond l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni għandha l-inkarigu li tiżgura ex officio , u kif ukoll fl-interess ġenerali, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri u li tara, bil-ħsieb li dawn jintemmu, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi possibbli li jista jkun hemm (ara s-sentenzi ta' l-1 ta' Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-333/99, Ġabra p. I-1025, punt 23 u tat-2 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-394/02, Ġabra p. I-4713, punti 14 u 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
21. Issa, Madankollu, fil-kawża preżenti, għandu jiġi rrilevat li l-ksur akkużat lir-Renju Unit, kif ukoll dak li ġie rrilevat fil-punt 16 tas-sentenza preżenti, jikkonsisti fil-fatt li bagħat tard b'mod kontinwu u sistematiku, id-data rekwiżita skond l-ewwel u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 19(i) tar-Regolament Nru 2847/93.
22. Għandu jiġi kkonstatat li r-Renju Unit ma rrimedjax in-nuqqas hekk iddefinit billi kkomunika, qabel id-data stabbilita fl-opinjoni motivata, d-data rekwiżita skond ir-Regolament Nru 2847/93 li hija msemmija fih, minħabba li dawn it-trasmissjonijiet ta' data twettqu wara l-iskadenza tat-termini preskritti mir-Regolament Nru 2847/93.
23. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha interess li tikkonstata n-nuqqas in kwistjoni sabiex, b'mod partikolari, ir-Renju Unit jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jassigura t-trażmissjoni tad-data fiż-żmien stipulat kif ukoll sabiex jevita ripetizzjoni ta' tali ksur.
24. Fir-rigwar Fir-rigward ta' dak li ntqal qabel, għandha wkoll tiġi miċħuda t-tieni eċċezzjoni ta' inammissibblità u, bħala konsegwenza, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.
Fuq il-mertu tar-rikors
25. Filwaqt li l-Kummissjoni tilmenta li r-Renju Unit ipprovda d-data rekwiżita taħt l-ewwel u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(i) tar-Regolament Nru 2847/93 wara dewmien kunsiderevoli, il-komunika tad-data saret kif ġej:
– għall-1999, 2000 u 2001: id-data relattiva għal dawn is-snin ġiet ipprovduta biss fl-14 ta' Jannar 2002, bl-eċċezzjoni ta' dawk relatati għax-xahar ta' Frar, Marzu, April u Mejju 1999, trasmessi fid-9 ta' Ġunju 1999 u dawk relatati ma’ l-ewwel għaxar xhur ta' l-2001, trasmessi fid-29 ta' Novembru 2001;
– għall-2002: id-data relattiva għall-ispeċi ta' taħt l-ilma wkoll intbagħtet tard, ħlief f'ħames każijiet;
– għall-2003: id-data ġiet mibgħuta biss fid-29 ta' Marzu 2004;
– għall-2004 għall-2004: biss ċerta data intbagħtet lill-Kummissjoni, u barra minn hekk, hija takkuża dewmien medju rispettivament ta' 23 ġurnata għall-ispeċi pelaġiċi u ta' 48 ġurnata għall-ispeċi tal-qiegħ;
– għall-2005: ebda data ma kienet għada ġiet mibgħuta lill-Kummissjoni fil-mument tal-preżentazzjoni tar-rikors.
26. Il-Gvern tar-Renju Unit ma kkontestax it-trasmissjoni b'dewmien tad-data hekk deskritta.
27. Hu Madankollu, huwa jsostni li dan id-dewmien kien dovut għal diffikultajiet tekniċi. B'mod partikolari, f'dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni relattiva għas-snin 2004 u 2005, dawn id-diffikultajiet ġew ikkawżati minħabba l-bidla fis-sistema ta' dikjarazzjoni tad-data wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1954/2003.
28. Dan l-argument ma jistax jintlaqa'. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li hija ġurisprudenza kostanti li Stat Membru ma jistax juża sitwazzjonijiet interni, bħad-diffikultajiet ta' applikazzjoni li dehru fl-istadju ta' twettiq ta' att Komunitarju sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta' rispett ta' l-obbligi u termini li jirriżultaw min-normi tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-387/97, Ġabra p. I-5047, punt 70, kif ukoll tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-418/00 u C-419/00, Ġabra p. I-03969, punt 59).
29. Għaldaqst Għaldaqstant, ir-Renju Unit ma jistax jinvoka diffikultajiet tekniċi sabiex jevita l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju.
30. Fir-rigward Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, għandu jiġi kkonstatat li, peress illi kkomunika b'dewmien id-data rekwiżita skond l-ewwel u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(i) tar-Regolament Nru 2847/93, ir-Renju Unit naqas mill-obbligu li huwa għandu skond dan ir-Regolament.
Fuq l-ispejjeż
31. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, jekk issir talba f'dan ir-rigward. Peress li l-Kummissjoni kienet għamlet talba għall-kundanna tar-Renju Unit sabiex ibati l-ispejjeż u, peress li r-Renju Unit tilef il-kawża, hemm lok li jiġi kkundannat li jħallas l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi
1) Billi kkomunika b'dewmien id-data rekwiżita skond l-ewwel u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (ĠU L 261, p. 1), kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 ta' l-4 ta' Novembru 2003, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond dan ir-Regolament.
2) Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż.