Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0302

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-26 ta' Ottubru 2006.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 2000/35/KE - Artikolu 4(1) - Ritenzjoni tat-titolu - Possibbiltà ta' infurzar.
    Kawża C-302/05.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:683

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    26 ta' Ottubru 2006 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2000/35/KE – Artikolu 4(1) – Ritenzjoni tat-titolu – Possibbiltà ta’ infurzar"

    Fil-kawża C-302/05,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-28 ta' Lulju 2005,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Schima u D. Recchia, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Repubbika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Massella Ducci Teri, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris, J. Klučka (Relatur) u G. Arestis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi pprevediet li, sabiex tiġi infurzata kontra l-kredituri terzi tax-xerrej, il-klawżola tar-ritenzjoni tat-titolu għandha tiġi kkonfermata fuq kull fattura relatata mal-fornituri sussegwenti, li jkollha data ċerta qabel il-proċedura ta' sekwestru u tiġi rreġistrata regolarment fil-kontijiet, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni 2000/35/KE, tad-29 ta' Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 200, p. 35).

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2       Id-Direttiva 2000/35 għandha l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi, jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi għall-provvista ta' merkanzija jew għall-għoti ta' servizzi bi ħlas.

    3       L-Artikolu 1 ta' l-imsemmija Direttiva jipprevedi:

    "Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali."

    4       Skond l-Artikolu 2 ta' l-istess Direttiva:

    "Għall-għanijiet ta’ din il-Direttiva:

    1)       'transazzjonijiet kummerċjali' tfisser transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas,

    […]

    3)       'ritenzjoni ta’ titolu' tfisser il-ftehim kuntrattwali li skond dan il-bejjiegħ iżomm it-titolu ta’ l-oġġetti in kwistjoni sakemm il-prezz sħiħ ikun tħallas;

    […]"

    5       L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/35 jiddisponi:

    "L-Istati Membri għandhom jipprovdu b’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli nazzjonali maħsuba mil-liġi [dritt] internazzjonali privata li l-bejjiegħ iżomm it-titolu ta’ l-oġġetti sakemm ikunu tħallsu kollha jekk klawżola ta’ ritenzjoni ta’ titolu kienet espressament miftiehma bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ qabel it-twassil [kunsinna] ta’ l-oġġetti."

    6       Skond il-wieħed u għoxrin premessa ta' l-imsemmija Direttiva:

    "Huwa mixtieq li jiġi żgurat li l-kredituri jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw ritenzjoni tat-titolu fuq bażi mhux diskriminatorju mal-Komunità kollha, jekk il-klawżola tat-titolu ta’ ritenzjoni hija valida taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli maħsuba bil-liġi privata internazzjonali."

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7       Il-bejgħ b'ritenzjoni ta’ titolu huwa rregolat fid-dritt Taljan mill-Kodiċi Ċivili, Ktieb IV, Titolu III, Kapitolu I, paragrafu 3.

    8       Skond l-Artikolu 1523 ta' l-imsemmi Kodiċi, intitolat "Trasferiment tal-proprjetà u riskji":

    "Fil-bejgħ bin-nifs bir-ritenzjoni tat-titolu, ix-xerrej isir proprjetarju ta' l-oġġett fil-mument tal-ħlas ta' l-aħħar pagament tal-prezz, iżda għandu jsostni r-riskji marbuta ma' l-oġġett tal-kunsinna tiegħu."

    9       L-Artikolu 1524(1) ta' l-istess Kodiċi jiddisponi li r-ritenzjoni tat-titolu tista' tiġi infurzata kontra l-kredituri biss meta din titniżżel bil-miktub f'dokument li għandu data ċerta li tippreċedi l-proċedura ta' sekwestru. Il-paragrafu 2 u 3 ta' l-istess Artikolu jirregolaw il-mekkaniżmu ta' infurzar ta' din il-klawżola fir-rigward tax-xerrejja terzi, kemm meta l-bejgħ ikun ta' magni li l-valur tagħhom ikun ogħla minn ITL 30000 (madwar EUR 16) kif ukoll meta dan jikkonċerna oġġetti mobbli mniżżla f'reġistru pubbliku.

    10     L-Artikolu 11(3) tad-digriet leġiżlattiv Nru 231 tad-9 ta' Ottubru 2002 (iktar 'il quddiem id-"digriet leġiżlattiv"), huwa fformulat kif ġej:

    "Ir-ritenzjoni tat-titolu previst fl-Artikolu 1523 tal-Kodiċi Ċivili, li tirriżulta minn akkordju preċedenti bil-miktub bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ, tista' tiġi infurzata kontra kredituri terzi tax-xerrej jekk din hija kkonfermata fuq kull fattura relatata mal-fornituri sussegwenti, li jkollha data ċerta qabel il-proċedura ta' sekwestru u jekk tiġi rreġistrata regolarment fil-kontijiet."

     Il-proċedura prekontenzjuża

    11     Il-Kummissjoni rċeviet ilment li fih min ressaq l-ilment sostna li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/35 ma kinitx ġiet trasposta korrettament fil-leġiżlazzjoni Taljana. Skond min ressaq l-ilment, l-Artikolu 11(3) tad-digriet leġiżlattiv, jobbliga lill-bejjiegħ isostni piżijiet amministrattivi kbar.

    12     Wara li intimat lir-Repubblika ta' l-Italja sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq din id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward ta' l-Artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva, fit-18 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn min-notifika tiegħu.

    13     Peress li dan ma rrispondiex, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    14     Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 11(3) tad-digriet leġiżlattiv imur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/35 kif ukoll kontra l-għan tagħha.

    15     Skondha, l-obbligu li tikkonferma fuq kull fattura l-klawżola ta' ritenzjoni tat-titolu, sabiex din tkun tista' tiġi infurzata kontra l-kredituri tax-xerrej, timponi kundizzjoni addizzjonali fuq il-bejjiegħ li, skond id-Direttiva 2000/35, huwa obbligat biss, sabiex jibqa’ proprjetarju ta' l-oġġetti tal-ħlas komplet tal-prezz, li jiftiehem max-xerrej qabel il-kunsinna ta' l-imsemmija oġġetti fuq din il-klawżola.

    16     Barra minn hekk, il-fatt li, skond l-Artikolu 11(3) tad-digriet leġiżlattiv, , id-data tal-fatturi li għandha tkun ċerta u preċedenti għall-proċedura ta’ sekwestru huwa wkoll inkompatibbli ma' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/35, liema dispożizzjoni tenfasizza li l-akkordju espressament miftiehem bejn il-bejjiegħ u x-xerrej għandu jsir qabel.

    17     Bħala risposta, il-gvern Taljan isostni li l-klawżola ta' ritenzjoni tat-titolu għandha tiġi konkluża bħala klawżola anċillari għall-kuntratt ta' bejgħ, li l-validità jew l-effikaċja tagħha mhija suġġetta għal ebda kundizzjoni speċifika, u l-unika kundizzjoni hija li din il-klawżola tiġi miftehma fil-mument ta' meta jiġi konkluż il-kuntratt ta' bejgħ.

    18     L-Artikolu 11(3) tad-digriet leġiżlattiv kien ġie adottat sabiex jiġu kkompletati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili u kienu jikkonċernaw biss is-sistema ta' l-infurzar tal-klawżola tar-ritenzjoni tat-titolu fir-rigward tal-kredituri tax-xerrej u mhux fir-rigward ta' xerrejja terzi. Huwa jikkompleta l-Artikolu 1524(1) tal-Kodiċi Ċivili biss. Fuq dan il-punt, il-gvern Taljan jindika li l-emenda li saret mill-Artikolu 11(3) tad-digriet leġiżlattiv jikkonċerna biss ċerti kategoriji ta' kuntratti ta' bejgħ, b'mod partikolari l-bejgħ b'kunsinna gradwali li għalih il-fornituri jistgħu jitqassmu matul iż-żmien u jistgħu jikkonċernaw merkanzija li tista' tiġi valutata individwalment u jkollha valur kunsiderevoli. Barra minn hekk, huwa josserva li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża għal ċerti mudelli ta' kuntratti mħallta, li għalihom il-bejjiegħ huwa obbligat jagħti diversi fatturi, ukoll mifruxa tul iż-żmien.

    19     Skond il-gvern Taljan, l-obbligu li tikkonferma l-klawżola ta' ritenzjoni tat-titolu fid-dokumenti li jiċċertifikaw l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-kuntratt oriġinali għandu b'mod partikolari l-għan li josserva l-prinċipju ta' ċertezza legali kif ukoll dak ta' aspettattivi tat-terzi li daħlu f'relazzjoni ta' negozju mal-pussessur ta' oġġett li huwa l-proprjetà ta' persuna oħra.

    20     Fl-aħħar nett, l-imsemmi gvern jinvoka s-sistema tal-prova prevista mill-Kodiċi Ċivili. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ kassazzjoni Taljana jirriżulta li l-użu ta' kull element ta' fatt huwa possibbli sabiex tiġi stabbilita d-data anterjuri ta' dokument. F'dan ir-rigward, l-imsemmija ġurisprudenza tirrikonoxxi b'mod partikolari dokument mill-persuna li kontriha wieħed ikun irid jinforza.

    21     Fuq dan l-aħħar punt, il-Kummissjoni tieħu att tal-fatt li n-natura ċerta tad-data tista' tiġi faċilment ipprovata, iżda tibqa’ ssostni l-ilment tagħha li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(3) tad-digriet leġiżlattiv huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/35.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    22     Sabiex tevalwa l-mertu tar-rikors tal-Kummissjoni, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/35 għandu jiġi analizzat, u għandu jiġi vverifikat jekk din id-dispożizzjoni taffettwax ir-regoli adottati minn Stat Membru fil-qasam ta' l-infurzar tal-klawżoli ta' ritenzjoni tat-titolu kontra terzi.

    23      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija Direttiva ma twettaqx armonizzazzjoni tar-regoli kollha relatati mad-dewmien fil-ħlas tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, peress li hija tirregola biss ċerti regoli speċifiċi intiżi sabiex iwaqqfu tali dewmien, jiġifieri l-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard (Artikolu 3), ir-ritenzjoni tat-titolu (Artikolu 4) u l-proċeduri ta’ rkupru għal talbiet mhux ikkontestati (Artikolu 5).

    24     Barra minn hekk, din l-istess Direttiva tirriferi fuq diversi punti għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan huwa partikolarment il-każ, kif jirriżulta mill-ħmistax u d-dsatax-il premessa, tal-proċeduri differenti ta' eżekuzzjoni furzata ta’ titolu eżekuttiv, tal-kundizzjonijiet li għalihom l-eżekuzzjoni furzata ta' dan it-titolu jista' jitwaqqaf jew jiġi sospiż kif ukoll tal-mod kif il-kuntratti jiġu konklużi.

    25     Fir-rigward tal-klawżoli ta' ritenzjoni tat-titolu li għalihom sar riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/35 jiddisponi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu, b’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli bis-saħħa tad-dritt internazzjonali privat, li l-bejjiegħ iżomm it-titolu ta’ l-oġġetti sa’ meta jsir il-pagament kollu meta klawżola ta’ ritenzjoni ta’ titolu tkun ġiet espressament miftiehma bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ qabel il-kunsinna ta’ l-oġġetti.

    26     Mill-kliem ta' din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tipprevedi l-effetti tal-klawżola ta' ritenzjoni tat-titolu fir-rigward tax-xerrej u tal-bejjiegħ, peress li dan ta' l-aħħar jista’ jżomm it-titolu ta’ l-oġġetti sakemm isir il-pagament kollu. Din tistabbilixxi wkoll, bħala kundizzjoni tal-validità ta' tali klawżola, li din għandha tiġi espressament miftiehma bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ qabel il-kunsinna ta’ l-oġġetti.

    27     Għandu jingħad ukoll li r-riferiment għad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli taħt id-dritt internazzjonali privat, magħmul mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/35, jipprevedi l-kundizzjonijiet ta' validità tal-klawżola tar-ritenzjoni tat-titolu.

    28     Fil-fatt, skond din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-wieħed u għoxrin premessa tad-direttiva 2000/35, il-leġiżlatur Komunitarju qies li jkun approprjat li jiġi żgurat li l-kredituri jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw ritenzjoni tat-titolu fuq bażi mhux diskriminatorja mal-Komunità kollha, jekk il-klawżola tat-titolu ta’ ritenzjoni tkun valida taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli skond id-dritt internazzjonali privat. Il-possibbiltà għall-kredituri li jirrikorru għal tali klawżola tidher bħala kontribuzzjoni speċifika sabiex jitwaqqaf id-dewmien fil-ħlas tat-tranżazzjonijiet kummerċjali.

    29     Issa, fid-dawl tal-kliem ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/35 u ta' l-għan ta' din id-Direttiva, ma jistax jiġi dedott mill-imsemmija dispożizzjoni li din hija intiża sabiex taffettwa r-regoli li mhumiex dawk li jipprevedu b'mod espress, minn naħa, il-possibbiltà għall-bejjiegħ u għax-xerrej li jiftehmu espressament fuq klawżola ta' ritenzjoni tat-titolu u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà għall-bejjiegħ li jżomm it-titolu ta’ l-oġġetti in kwistjoni sakemm il-pagament kollu jkun sar.

    30     Għaldaqstant, ir-regoli in kwistjoni f'dan il-każ, li jikkonċernaw l-infurzar tal-klawżoli ta' ritenzjoni tat-titolu kontra t-terzi, li d-drittijiet tagħhom ma jkunux affettwati mid-Direttiva 2000/35, jibqgħu esklużivament irregolati mill-ordinamenti ġuridiċi interni ta' l-Istati Membri.

    31     F'dawn iċ-ċirkustanzi, billi pprevediet li, sabiex tiġi infurzata kontra l-kredituri terzi tax-xerrej, il-klawżola tar-ritenzjoni tat-titolu għandha tiġi kkonfermata fuq kull fattura relatata mal-fornituri sussegwenti, li jkollha data ċerta qabel il-proċedura ta' sekwestru u jekk tiġi rreġistrata regolarment fil-kontijiet, ir-Repubblika Taljana ma naqsitx milli twettaq l-obbligi imposta fuqha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/35.

    32     Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    33     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li din tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mir-Repubblika Taljana.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq