Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62005CJ0192
Judgment of the Court (Second Chamber) of 26 October 2006.#K. Tas-Hagen and R. A. Tas v Raadskamer WUBO van de Pensioen- en Uitkeringsraad.#Reference for a preliminary ruling: Centrale Raad van Beroep - Netherlands.#Benefit awarded to civilian war victims by a Member State - Condition of residence in the territory of that State at the time when the application for the benefit is submitted - Article 18(1) EC.#Case C-192/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-26 ta' Ottubru 2006.
K. Tas-Hagen u R. A. Tas vs Raadskamer WUBO van de Pensioen- en Uitkeringsraad.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Centrale Raad van Beroep - l-Olanda.
Benefiċċju mogħti lill-vittmi pajżani tal-gwerra minn Stat Membru - Kundizzjoni ta' residenza fit-territorju ta' dan l-Istat fid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata t-talba għal benefiċċju - Artikolu 18(1) KE.
Kawża C-192/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-26 ta' Ottubru 2006.
K. Tas-Hagen u R. A. Tas vs Raadskamer WUBO van de Pensioen- en Uitkeringsraad.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Centrale Raad van Beroep - l-Olanda.
Benefiċċju mogħti lill-vittmi pajżani tal-gwerra minn Stat Membru - Kundizzjoni ta' residenza fit-territorju ta' dan l-Istat fid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata t-talba għal benefiċċju - Artikolu 18(1) KE.
Kawża C-192/05.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:676
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
26 ta' Ottubru 2006 (*)
"Benefiċċju mogħti lill-vittmi pajżani tal-gwerra minn Stat Membru – Kundizzjoni ta' residenza fit-territorju ta' dan l-Istat fid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata t-talba għal benefiċċju – Artikolu 18(1) KE"
Fil-kawża C-192/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' April 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' April 2005, fil-kawża
K. Tas-Hagen,
R. A. Tas
vs
Raadskamer WUBO van de Pensioen- en Uitkeringsraad,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Frar 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għar-Raadskamer WUBO van de Pensioen- en Uitkeringsraad, minn B. Drijber, advocaat,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,
– għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs, bħala aġent, assistita minn M. Chamberlain, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Marzu 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 18(1) KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn K. Tas-Hagen u R. A. Tas minn naħa waħda u r-Raadskamer WUBO van de Pensioen- en Uitkeringsraad (il-Bord tal-pensjonijiet u benefiċċji, iktar 'il quddiem il-"PUR") min-naħa l-oħra dwar iċ-ċaħda ta' dan ta' l-aħħar li jagħtihom diversi benefiċċji li huma jallegaw li għandhom dritt għalihom bħala vittmi pajżani ta' gwerra.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
3 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kkostitwita mill-liġi dwar il-benefiċċji mogħtija lill-vittmi pajżani tal-gwerra 1940-1945 (Wet uitkeringen burger-oorlogsslachtoffers 1940-1945), ta' l-10 ta' Marzu 1984 (Staatsblad 1984, Nru 94, iktar 'il quddiem il-"WUBO").
4 L-Artikolu 2(1) tal-WUBO jiddisponi:
"1. Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' din il-liġi u tad-dispożizzjoniijiet meħuda għall-implementazzjoni tagħha, "vittmi pajżani ta' gwerra" tfisser:
[…]
f) kull pajżan li sostna ħsara mentali jew fiżika li wasslet għal invalidità permanenti jew għall-mewt, waqt l-inkwiet – simili mill-perspettiva tan-natura u tal-konsegwenzi tagħhom għaċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafi (a), (b), (c) u (d) - li kien hemm wara l-gwerra u li dam sas-27 ta' Diċembru 1949 f'dawk li qabel kienu l-East Indies Olandiżi."
5 Skond l-Artikolu 3 tal-WUBO:
"1. Din il-liġi tapplika għal:
a) kull vittma pajżana ta' fatti relatati mal-gwerra – fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) – matul is-snin 1940 sa l-1945 jew fis-snin sussegwenti, li kienet ta’ nazzjonalità Olandiża fil-mument tal-fatti, bil-kundizzjoni li, […] hija tkun ta’ nazzjonalità Olandiża u tirrisjedi fil-pajjiż fid-data tat-talba;
b) kull vittma pajżana ta' fatti relatati mal-gwerra – fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) – matul is-snin 1940 sa l-1945 jew fis-snin sussegwenti, li kienet ta’ nazzjonalità barranija u kienet stabbilita, fil-mument tal-fatti, fl-Olanda fejn hija kienet residenti għal raġunijiet li mhumiex l-ordni ta' setgħa ta' l-għadu, bil-kundizzjoni li hija tkun ta’ nazzjonalità Olandiża u tkun ilha tgħix b'mod kontinwu fil-pajjiż sad-data tat-talba;
c) kull vittma pajżana ta' fatti relatati mal-gwerra – fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) – matul is-snin 1940 sa l-1945 jew fis-snin sussegwenti, li kienet ta’ nazzjonalità barranija u li kienet stabbilita, fil-mument tal-fatti, f'dawk li qabel kienu l-East Indies Olandiżi, fejn hija kienet residenti għal raġunijiet li mhumiex l-ordni ta' setgħa ta' l-għadu, bil-kundizzjoni li kienet hija ta’ nazzjonalità Olandiża u li kienet ilha tgħix b'mod kontinwu fl-East Indies Olandiżi, fl-Indonesżja jew f'dak li qabel kienet il-Ginea Ġdida Olandiża sad-data tal-wasla tagħha fl-Olanda, u mhux iktar tard mill-1 ta' April 1964, qabel ma stabbiliet ruħha fl-Olanda u għexet hemm b'mod kontinwu sad-data tat-talba […]
2. Jekk il-persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1(b) u (c) jew il-qraba intimi tagħha […] kisbu n-nazzjonalità Olandiża matul ir-residenza kontinwa tagħhom fl-Olanda jew fl-ex East Indies Olandiżi, fl-Indonesja jew fl-ex Ginea Ġdida Olandiża, ir-rekwiżit ta’ residenza kontinwa ma jibqax applikabbli, bil-kundizzjoni li l-interessat jew qarib intimu tiegħu jkun ta’ nazzjonalità Olandiża jew kien ta’ nazzjonalità Olandiża sal-mewt tiegħu u li jkun stabbilit fil-pajjiż fid-data tat-talba.
3. Jekk il-persuna li tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(a) u fil-paragrafu 2, jew il-qraba intimi tagħha […] jistabbilixxu ruħhom fil-pajjiż wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-liġi, huma għandhom jiġu miċħuda mid-dritt għal-benefiċċju li huma intitolati għalih abbażi ta' din il-liġi jekk jistabbilixxu ruħhom mill-ġdid x'imkien ieħor qabel ma jkunu għaddew ħames snin.
4. "Wasla fl-Olanda" fis-sens tal-paragrafu 1(c), […] tfisser, b'mod partikolari, il-preżentazzjoni ta' talba ta' awtorizzazzjoni ta' stabbiliment fl-Olanda, bil-kundizzjoni li r-risposta għal din id-domanda kienet favorevoli.
5. "Residenza kontinwa" fis-sens tal-paragrafu 1 tfisser kull residenza li ma kinitx ġiet interrotta minn residenza għal iktar minn sena f'pajjiż ieħor.
6. F'każ li n-nuqqas ta' applikazzjoni ta' din il-liġi jikkostitwixxi inġustizzja manifesta, ir-"Raad" jista' jestendi l-applikazzjoni tagħha lil kull persuna pajżana li kienet, matul is-snin 1940 sa 1945 jew matul is-snin sussegwenti, il-vittma ta' fatti relatati mal-gwerra fis-sens ta' l-Artikolu 2(1), kif ukoll lill-qraba intimi ta' din il-persuna, u dan anki jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 1, 2 jew 3 mhumiex sodisfatti."
6 Il-"klawsola ta' ekwità" prevista fl-Artikolu 3(6) tal-WUBO tippermetti li ssir deroga f'ċerti każijiet mill-kundizzjonijiet ta' nazzjonalità u ta' residenza, sakemm ikun hemm rabta partikolari tal-vittma pażjana ta' fatti relatati mal-gwerra mas-soċjetà Olandiża fil-mument tal-gwerra u fid-data tat-talba għall-benefiċċju. Il-kriterju ġenerali applikabbli f’dawn il-każijiet huwa bbażat fuq il-fatt li l-istabbiliment barra mill-Olanda għandu jkun dovut għal ċirkustanzi li ma jaqgħux, b'mod oġġettiv, taħt il-kontroll dirett ta' l-interessat, b'mod partikolari fil-każ ta' allinjar mill-ġdid tal-fruntieri jew għal raġunijiet mediċi.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 K. Tas-Hagen twieldet fl-1943, f'dawk li kienu l-East Indies Olandiżi u hija waslet l-Olanda fl-1954. Fl-1961, hija kisbet in-nazzjonalità Olandiża. Fl-1987, wara li ġiet milquta minn inkapaċità milli taħdem li ġiegħlitha twaqqaf l-attività professjonali tagħha, hija stabbiliet ruħha fi Spanja.
8 Matul ix-xahar ta' Diċembru 1986, meta hija kienet għadha tgħix fl-Olanda, K. Tas-Hagen talbet, taħt il-WUBO, benefiċċju perjodiku u kumpens sabiex tiffinanzja diversi miżuri. Din it-talba kienet ibbażata fuq problemi ta' saħħa li rriżultaw minn avvenimenti li hija esperjenzat l-East Indies Olandiżi matul l-okkupazzjoni Ġappuniża u matul il-perijodu msejjaħ "Bersiap" li seħħ wara din l-okkupazzjoni.
9 Permezz ta' deċiżjoni tal-5 ta' Ġunju 1989, il-PUR ċaħad din it-talba. Minn din id-deċiżjoni, li hija konformi ma' l-opinjoni ta’ espert mediku, jirriżulta li K. Tas-Hagen ma sostniet ebda ħsara li tista' twassal għal invalidità permanenti, b'tali mod li hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala vittma pajżana ta' gwerra fis-sens tal-WUBO. Il-parti interessata ma ressqet ebda appell kontra din id-deċiżjoni.
10 Fl-1999, K. Tas-Hagen ippreżentat talba ġdida sabiex tikseb ir-rikonoxximent tal-kwalità tagħha ta' vittma pajżana ta' gwerra kif ukoll benefiċċju perjodiku u benefiċċju addizzjonali sabiex ikopri l-ispejjeż intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħha.
11 Permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Diċembru 2000, din it-talba ġiet miċħuda mill-PUR. Fid-dawl tal-linji gwida applikati mill-1 ta' Lulju 1998 sabiex tiġi stabbilita l-invalidità permanenti, dan ta' l-aħħar irrikonoxxa, abbażi ta' l-opinjoni ta' l-esperti mediċi tiegħu, lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala li tipposjedi l-istatus ta' vittma pajżana ta' gwerra. Madankollu, minħabba l-fatt li din kienet stabbilita fi Spanja fid-data tat-talba tagħha, il-PUR ikkunsidra li l-kundizzjoni ta' territorjalità stabbilita mill-WUBO ma kinitx sodisfatta. Din id-deċiżjoni żiedet li ċ-ċirkustanzi f'dan il-każ ma kinux suffiċjentement partikolari sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-klawsola ta' ekwità. Permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Diċembru 2001, il-PUR ċaħad l-ilment imressaq minn K. Tas-Hagen kontra d-deċiżjoni tad-29 ta' Diċembru 2000.
12 R. A. Tas twieled fl-East Indies Olandiżi fl-1931. Matul is-sena 1947, huwa stabbilixxxa ruħu fl-Olanda. Mill-1951 sa l-1971 huwa kellu n-nazzjonalità Indoneżjana. Fl-1971, huwa kiseb mill-ġdid in-nazzjonalità Olandiża.
13 Fl-1983, l-attività ta' R. A. Tas bħala uffiċjal tal-muniċipalità ta' l-Aja ntemmet u dan ta' l-aħħar ġie ddikjarat 100% invalidu minħabba raġunijiet mentali. Fl-1987, l-interessat stabbilixxa ruħu fi Spanja.
14 F'April ta’ l-1999, huwa talab, taħt il-WUBO, b'mod partikolari benefiċċju perjodiku u benefiċċju addizzjonali intiż sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja tiegħu. Permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Diċembru 2000, il-PUR ċaħad din it-talba. Huwa sostna li l-interessat effettivament kellu l-kwalità ta' vittma pajżana ta' gwerra, iżda huwa ma ssodisfax il-kundizzjoni ta' territorjalità rikjesta mill-WUBO, peress li, fid-data tat-talba, huwa kien stabbilit fi Spanja. Il-PUR ikkunsidra wkoll li ċ-ċirkustanzi ma kinux suffiċjentement partikolari sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-kwasola ta' ekwità. Permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Diċembru 2001, il-PUR ċaħad l-ilment imressaq minn R. A. Tas kontra d-deċiżjoni tat-28 ta' Diċembru 2000 minħabba li dan kien infondat.
15 Għalhekk, K. Tas-Hagen u R. A. Tas appellaw kontra l-imsemmija deċiżjonijiet ta' ċaħda billi sostnew, b'mod partikolari, li l-kundizzjoni ta' residenza fl-Olanda fid-data tat-talba, prevista fl-Artikolu 3 tal-WUBO tmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni.
16 F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"Id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-Artikolu 18 KE, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-dritt għal benefiċċju għal vittmi pajżani ta' gwerra jiġi miċħud unikament għar-raġuni li, fil-mument meta ssir it-talba, l-interessat, li jkollu n-nazzjonalità ta' l-Istat Membru kkonċernat, ma kienx residenti fit-territorju nazzjonali, iżda f'dak ta' Stat Membru ieħor?"
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 18(1) KE
17 Sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula, għandu jiġi stabbilit, mill-ewwel, jekk sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, ta' l-Artikolu 18(1) KE.
18 Għal dak li jikkonċerna l-kamp ta' applikazzjoni ratione personae ta' l-imsemmija dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li skond l-Artikolu 17(1) KE, kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta' Stat Membru għandha l-istatus ta' ċittadin ta' l-Unjoni. Barra minn hekk, il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu 17 jattribwixxi lill-istatus ta' ċittadin ta' l-Unjoni d-drittijiet u d-dmirijiet previsti mit-Trattat, fosthom dawk imsemmija fl-Artikolu 18(1) tat-Trattat KE.
19 Bħala ċittadini Olandiżi, K. Tas-Hagen u R.A. Hagen għandhom l-istatus ta' ċittadini ta' l-Unjoni skond l-imsemmi Artikolu 17(1) u għaldaqstant jistgħu jirrikorru eventwalment għad-drittijiet marbuta ma' tali status, b'mod partikolari d-dritt tal-moviment u tar-residenza liberi fit-territorju ta’ l-Istati Membri kif mogħti mill-Artikolu 18(1) KE.
20 Rigward il-kamp ta' applikazzjoni materjali ta' l-Artikolu 18(1) KE, il-kwistjoni ta' l-applikabbiltà ratione materiae ta' din id-dispożizzjoni għall-kontroversja fil-kawża prinċipali kienet ġiet imqajma matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skond il-PUR u ċerti Stati Membri li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem dan ta' l-aħħar, l-imsemmija dispożizzjoni tista tiġi invokata biss meta, oltri s-sempliċi eżerċizzju tad-dritt ta' moviment liberu, il-fatti fil-kawża prinċipali jirrigwardaw qasam irregolat mid-dritt Komunitarju, b'tali mod li dan ta' l-aħħar japplika ratione materiae għall-imsemmija kontroversja. Skond din l-interpretazzjoni, K. Tas-Hagen u R. A. Tas ma jistgħu jsostnu, f'dan il-każ, ebda ksur ta' l-Artikolu 18(1) KE, peress li l-benefiċċji għall-vittmi pajżani ta' gwerra ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.
21 F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat li, fl-istadju attwali ta' l-iżvilupp tad-dritt Komunitarju, benefiċċju bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu l-għan li jikkumpensa lill-vittmi pajżani ta' gwerra għall-ħsara mentali jew fiżika li huma sostnew, jaqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri.
22 Madankollu, dawn ta' l-aħħar għandhom jeżerċitaw tali kompetenza filwaqt li jirrispettaw id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt mogħti lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni ta' moviment u ta' residenza liberi fit-territorju ta' l-Istati Membri.
23 Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-għan taċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni, prevista fl-Artikolu 17 KE, mhuwiex li testendi l-kamp ta' applikazzjoni materjali tat-Trattat għal sitwazzjonijiet interni li m'għandhom ebda rabta mad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-5 ta' Ġunju 1997, Uecker u Jacquet, C-64/96 u C-65/96, Ġabra p. I-3171, punt 23, kif ukoll tat-2 ta' Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 26).
24 F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa' taħt d-dritt ta' moviment liberu u ta’ residenza libera taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fl-Istati Membri.
25 F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi mfakkar li meta stabbilixxew ir-residenza tagħhom fi Spanja, K. Tas-Hagen u R. A. Tas eżerċitaw id-dritt rikonoxxut fl-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin ta' moviment u residenza liberi fit-territorju ta' Stat Membru li mhuwiex dak li huwa jkun ċittadin tiegħu.
26 Barra minn hekk, jirriżulta b'mod ċar mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li ċ-ċaħda tat-talbiet għal benefiċċju ppreżentati minn K. Tas-Hagen u R. A. Tas tirriżulta mill-fatt li, fid-data tal-preżentazzjoni tagħhom, l-interessati kienu stabbilixxew ir-residenza tagħhom fi Spanja.
27 Issa, safejn, għall-kisba ta' benefiċċju mogħti lill-vittmi pajżani ta' gwerra bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-WUBO teżiġi li l-applikanti jkollhom, fid-data tal-preżentazzjoni tat-talba, ir-residenza tagħhom fl-Olanda, għandu jiġi kkonstatat li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżerċizzju mill-interessati tad-dritt ta' moviment liberu u residenza liberi fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat taċ-ċittadinanza tagħhom affettwa l-possibbiltà li jinkiseb il-ħlas ta' l-imsemmi benefiċċju.
28 Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, peress li l-eżerċizzju minn K. Tas-Hagen u minn R. A. Tas ta' dritt rikonoxxut mill-ordinament ġuridiku Komunitarju affettwa d-dritt ta' dawn ta' l-aħħar li jiksbu benefiċċju previst mill-leġiżlazzjoni nazzjoni, tali sitwazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala purament interna u li m'għandha ebda rabta mad-dritt Komunitarju.
29 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 18(1) KE, li huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ li l-applikanti għal benefiċċju mogħti lill-vittmi pajżani ta' gwerra jirrisjedu, fid-data tal-preżentazzjoni tat-talba tagħhom, fl-Olanda.
Fuq il-ħtieġa ta' residenza
30 Rigward il-portata ta' l-Artikolu 18(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-opportunitajiet offerti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu ma jistgħux ikunu kompletament effettivi jekk ċittadin ta' Stat Membru jista' jiġi ddisważ milli jagħmel użu minnhom permezz ta' l-ostakoli għar-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti minħabba leġiżlazzjoni ta' l-Istat ta' oriġini tiegħu li tippenalizza l-fatt li huwa jkun eżerċithom (sentenza tad-29 ta' April 2004, Pusa, C-224/02, Ġabra p. I‑5763, punt 19).
31 Leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini minħabba l-fatt biss li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment u residenza liberi fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin ta' l-Unjoni (sentenza tat-18 ta' Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).
32 Issa, il-WUBO tikkostitwixxi tali restrizzjoni. Fil-fatt, billi tissuġġetta l-benefiċċju stabbilit favur il-vittmi pajżani ta' gwerra għall-kundizzjoni li l-interessati jirrisjedu fit-territorju nazzjonali fid-data tal-preżentazzjoni tat-talba tagħhom, din il-liġi tista' tiddiswadi liċ-ċittadini Olandiżi li huma f'sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment u ta' residenza liberi barra mill-Olanda.
33 Tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata, fir-rigward tad-dritt Komunitarju, biss meta din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta' interess ġenerali indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u hija proporzjonali għall-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali jipprova jilħaq (sentenza De Cuyper, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).
34 Rigward l-ewwel kundizzjoni, li tikkonċerna l-eżistenza ta' kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta' interess ġenerali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-limitazzjoni mill-WUBO, permezz tal-kundizzjoni ta' residenza, tan-numru ta' dawk li jistgħu jibbenefikaw minn benefiċċji stabbiliti minn din il-liġi tirriżulta mix-xewqa tal-leġiżlatur Olandiż li jillimita l-obbligu ta' solidarjetà fir-rigward tal-vittmi pajżani ta' gwerra biss għall-persuni li kellhom rabta mal-poplu Olandiż matul u wara l-gwerra. Għaldaqstant, il-kundizzjoni ta' residenza hija manifestazzjoni tal-grad tar-rabta li dawn għandhom ma' din is-soċjetà.
35 Ċertament, dan l-għan ta' solidarjetà jista' jikkostitwixxi kunsiderazzjoni oġġettiva ta' interess ġenerali. Madankollu, il-kundizzjoni ta' proporzjonalità mfakkra fil-punt 33 ta' din is-sentenza għandha tiġi rispettata. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li miżura hija proporzjonali meta, filwaqt li tkun adatta għat-tilħiq ta' l-għan in kwistjoni, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan.
36 F'dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-benefiċċji li mhumiex irregolati mid-dritt Komunitarju, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa għal dak li jikkonċerna l-għażla ta' kriterji għall-evalwazzjoni ta' tali rabta, filwaqt li jirrispettaw il-limiti imposti mid-dritt Komunitarju.
37 Madankollu, kundizzjoni ta' residenza bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi definita bħala mezz xieraq sabiex jinkiseb l-għan li jrid jintlaħaq.
38 Fil-fatt, hekk kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 u 68 tal-konklużjonijiet tagħha, kriterju li jeħtieġ kundizzjoni ta' residenza ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi sinjal suffiċjentement indikattiv tar-rabta ta' l-applikanti ma' l-Istat Membru li qed jagħti l-benefiċċju, peress li dan jista', bħall-każ tal-kriterju in kwistjoni fil-kawża prinċipali, iwassal għal riżultati diverġenti għal persuni stabbiliti barra mill-pajjiż u li l-livell ta' integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ta' l-Istat Membru li jagħti l-benefiċċju kkonċernat huwa paragunabbli f’kull aspett.
39 Għaldastant, l-istabbiliment ta' kriterju ta' residenza bħal dak użat fil-kawża prinċipali, relatat esklużivament mad-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal benefiċċju, mhuwiex kriterju suffiċjentement indikattiv tal-grad ta' rabta ta' l-applikant mas-soċjetà li qed turih, b'hekk, is-solidarjetà tagħha. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din il-kundizzjoni ta' residenza ma tirrispettax il-prinċipju ta' proporzjonalità mfakkra fil-punti 33 u 35 ta' din is-sentenza.
40 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 18(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li abbażi tagħha dan ta' l-aħħar jiċħad lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu l-għoti ta' benefiċċju għall-vittmi pajżani ta' gwerra unikament għar-raġuni li, fid-data tal-preżentazzjoni tat-talba, l-interessat ma kienx residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat, iżda f'dak ta' Stat Membru ieħor.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 18(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li abbażi tagħha dan ta' l-aħħar jiċħad lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu l-għoti ta' benefiċċju għall-vittmi pajżani ta' gwerra unikament għar-raġuni li, fid-data tal-preżentazzjoni tat-talba, l-interessat ma kienx residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat, iżda f'dak ta' Stat Membru ieħor.
Firem
*Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.