Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0140

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-5 ta' Ottubru 2006.
    Amalia Valeško vs Zollamt Klagenfurt.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Klagenfurt - l-Awstrija.
    Att ta' adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea - Miżuri tranżitorji - Anness XIII - Tassazzjoni - Sigaretti li ġejjin mis-Slovenja - Dħul fit-territorju Awstrijak fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi - Eżenzjoni mid-dazji tas-sisa limitata għal ċerti kwantitajiet - Possibbiltà li jinżammu sal-31 ta' Diċembru 2007 il-limiti kwantitattivi applikati għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi - Direttiva 69/169/KEE.
    Kawża C-140/05.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:647

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    5 ta' Ottubru 2006 (*)

    "Att ta' adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea – Miżuri tranżitorji – Anness XIII – Tassazzjoni – Sigaretti li ġejjin mis-Slovenja – Dħul fit-territorju Awstrijak fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi – Eżenzjoni mid-dazji tas-sisa limitata għal ċerti kwantitajiet – Possibbiltà li jinżammu sal-31 ta' Diċembru 2007 il-limiti kwantitattivi applikati għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi – Direttiva 69/169/KEE"

    Fil-kawża C-140/05

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Klagenfurt (l-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Marzu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta' Marzu 2005, fil-proċedimenti

    Amalia Valeško

    vs

    Zollamt Klagenfurt,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Frar 2006,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal Valeško, minn R. Vouk, Rechtsanwalt,

    –       għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi u J. Bauer, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

    –       għall-Gvern Sloven, T. Mihelič u V. Klemenc, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Heller u K. Gross, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-punt 6 ta' l-Anness XIII ta' l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar 'il quddiem l-"Att ta' Adeżjoni"), kif ukoll ta' l-Artikoli 23 KE, 25 KE u 26 KE.

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn A. Valeško u z-Zollamt Klagenfurt (Uffiċċju tad-Dwana ta' Klagenfurt, iktar 'il quddiem iz-"Zollamt") dwar l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa applikabbli matul id-dħul fit-territorju Awstrijak ta' 200 sigarett li ġejjin mis-Slovenja.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt komunitarju

    3       L-Artikolu 2 ta' l-Att ta' Adeżjoni jipprovdi li :

    "Mid-data ta' l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f'dawk l-Istati Membri bil-kundizzjonijiet kif imniżżla f'dawk it-Trattati u f'dan l-Att."

    4       L-Artikolu 10 ta' dan l-Att jipprovdi li:

    "L-applikazzjoni tat-Trattati oriġinali u ta' l-atti adottati mill-istituzzjonijiet għandha, bħala miżura transitorja, tkun suġġetta għad-derogi kif provdut f'dan l-Att."

    5       Skond l-Artikolu 24 ta' l-Att ta' Adeżjoni:

    "Il-miżuri mniżżla fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta' dan l-Att għandhom japplikaw fir-rigward ta' l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'dawk l-Annessi."

    6       It-tieni paragrafu tal-punt 6 ta' l-Anness XIII ta' l-Att ta' Adeżjoni jipprovdi li:

    "31992 L 0079: Id-Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 8), kif l-aħħar emendata bi:

    –      32002 L 0010: Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE tat-12. 2. 2002 (ĠU L 46, 16.2.2002, p. 26).

    B'deroga mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 92/79/KEE, is-Slovenja tista’ tipposponi sal-31 ta’ Diċembru 2007 l-applikazzjoni tat-taxxa tas-sisa minima globali ta’ EUR 60 u EUR 64 għal kull 1 000 sigarett għas-sigaretti li jaqgħu fil-kategorija tal-prezz l-aktar imfittex, sakemm matul dak il-perijodu s-Slovenja tressaq b’mod gradwali r-rati tat-taxxa tas-sisa tagħha lejn it-taxxa tas-sisa minima globali stipulata fid-Direttiva.

    Bla preġudizzju għall-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għat-taxxa tas-sisa u għaż-żamma, iċ-ċirkolazzjoni u l-kontroll ta’ dawn il-prodotti [ĠU L 76 tat-23.3.1992, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/47/KE (ĠU L 193, 29.7.2000, p.73)] sakemm id-deroga ta’ hawn qabel tkun tapplika, l-Istati Membri, wara li jkunu għarrfu lill-Kummissjoni, jistgħu jżommu fis-seħħ l-istess limiti kwantitattivi applikati għall-importazzjoni minn terzi pajjiżi għas-sigaretti li jistgħu jiddaħħlu fit-territorji tagħhom mis-Slovenja mingħajr ma titħallas taxxa tas-sisa aktar. L-Istati Membri li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà jistgħu jagħmlu l-kontrolli meħtieġa sakemm dawn il-kontrolli jħallu s-suq intern jaħdem kif għandu jaħdem."

    7       L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/12 jipprevedi li:

    "Fir-rigward ta’ prodotti akkwistati minn individwi privati għall-użu proprju tagħhom u trasportati minnhom, il-prinċipju li jirregola s-suq intern jipprovdi li d-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat Membru li fih ikunu ġew akkwistati."

    8       Skond l-Artikolu 45(1), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 tat-28 ta' Marzu 1983 li jwaqqaf sistema Komunitarja ta' eżenzjonijiet minn dazju doganali (ĠU L 105, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill Nru 1315/88, tat-3 ta' Mejju 1988 (ĠU L 123, p. 2, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 918/83"):

    "Bla ħsara għall-Artikoli 46 sa 49, oġġetti li jinsabu fil-bagoll personali ta' vjaġġaturi li ġejjin minn pajjiż terz għandhom jiddaħħlu mingħajr dazju fuq l-importazzjoni, sakemm tali importazzjonijiet huma ta' natura mhux kummerċjali."

    9       Fir-rigward tas-sigaretti, l-Artikolu 46(1)(a) ta' dan ir-Regolament jiffissa għal 200 il-kwantità massima li għaliha hija limitata l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 45(1), ta' l-istess Regolament.

    10     L-Artikolu 49(1), tar-Regolament Nru 918/83 jipprovdi li:

    "L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-valur u/jew il-kwanitajiet ta' oġġetti li jitħallew jidħlu mingħajr dazju jekk huma imporatati minn:

    –       Persuni li jirrisjedu fiż-żona tal-fruntiera,

    –       Ħaddiema tal-fruntiera,

    –       Ekwipaġġ ta' mezzi ta' trasport użat bejn terzi pajjiżi u l-Komunità.

    [...]"

    11     L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/169/KEE tat-28 ta’ Mejju 1969 fuq l-armonizzazzjoni tad-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva relatata ma’ l-eżenzjoni minn taxxa fuq il-bejgħ u minn taxxa tas-sisa fuq l-importazzjoni fi vvjaġġar internazzjonali (ĠU L 133, p. 6), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 94/4/KE, ta' l-4 ta' Frar 1994, li temenda d-Direttivi 69/169/KEE u 77/388/KEE u li żżid il-livell ta’ allowances lil vjaġġaturi minn pajjiżi terzi u l-limiti fuq xiri ħieles mit-taxxi fil-każ ta’ vjaġġi ġewwa l-Komunità (ĠU L 60, p. 14, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 69/169"), tipprovdi li:

    "L-oġġetti li jkunu jinsabu fil-bagalja personali ta' vjaġġanti ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom ikunu eżentati mit-taxxa fuq id-dħul u taxxa tas-sisa fuq importazzjonijiet jekk l-oġġetti importati ma jkunux ta' kwalità kummerċjali u l-valur totali tal-oġġetti ma jeċċedix 175 ECU kull persuna".

    12     Bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(1)(a), tad-Direttiva 69/169, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi, f'dak li jikkonċerna l-importazzjoni minn pajjiż terz ta' sigaretti b'eżenzjoni mit-taxxa fuq il-bejgħ u t-taxxa tas-sisa, limitu kwantitattiv ta' 200.

    13     L-Artikolu 5 tad-Direttiva 69/169 jipprovdi li:

    "1. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-valur u/jew il-kwantità ta' oġġetti li jistgħu jiddaħħlu mingħajr ħlas ta' dazju, sa wieħed minn għaxra tal-valuri u/jew kwantitajiet li hemm provvdut għalihom fl-Artikoli […] 4 (1), kolonna II, fejn it-tali oġġetti importati minn Stat Membru ieħor minn persuni residenti fiż-żona tal-fruntiera ta' l-Istat Membru li qed jimporta jew f'dik ta' l-Istat Membru ġar, minn ħaddiema li jaħdmu fiż-żona tal-fruntiera, jew mill-ekwipaġġ ta' mezzi ta' trasport użati fi vjaġġar internazzjonali

    Madankollu, id-dritt li ma jitħallasx dazju fuq l-oġġetti mniżżla hawn taħt jista' jkun kif ġej:

    a)      prodotti tat-tabakk

    sigaretti:                             40

    […]

    2.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-limiti l-aktar baxxi f'dak li għandu x'jaqsam mal-valur u/jew il-kwantità għall-eżenzjoni ta' oġġetti meta dawn ikunu mpurtati minn pajjiż terz mill-persuni residenti fuq iż-żona tal-fruntiera, minn ħaddiema li jaħdmu fiż-żona tal-fruntiera jew mill-ekwipaġġ ta' mezzi ta' trasport użati fl-ivjaġġar bejn pajjiżi terzi u l-Komunità

    3. L-Istati Membri jisgħu jistabbilixxu l-limiti l-aktar baxxi għal dak li għandu x'jaqsam mal-valur u/jew il-kwantità għall-eżenzjoni ta' oġġetti meta dawn huma importati minn Stat Membru ieħor minn membri tal-forzi armati ta' Stat Membru, inklużi l-ħaddiema mhux militari u l-irġiel jew nisa tagħhom u t-tfal dipendenti minnhom, stazzjonati fi Stat Membru ieħor

    […]

    8. L-Istati Membri jistgħu inaqqsu l-kwantitajiet ta' l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) u (d) għal vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn xi pajjiż terzi u jidħlu fi Stat Membru

     Id-dritt nazzjonali

    14     L-Artikolu 6(3), tal-liġi relattiva għat-taxxi fuq it-tabakk Tabaksteuergesetz (Liġi dwar it-Taxxi fuq it-Tabakk), tal-31 ta' Awwissu 1994 (BGBl. 704/1994), kif emendata mill-liġi li temenda t-tassazzjoni (Abgabenänderungsgesetz), tad-19 ta' Diċembru 2003 (BGBl. I, 124/2003, iktar 'il quddiem it- "TabStG") jipprovdi li:

    "Il-Ministru federali tal-finanzi huwa awtorizzat jaġixxi permezz ta' regolament sabiex:

    (1)      fil-każ ta' importazzjoni ta' prodotti tat-tabakk, jordna l-eżenzjoni tagħha taħt il-kundizzjonijiet li skondhom l-importazzjoni tista' tiġi eżenti mid-dazji doganali jew mid-dazji tas-sisa skond ir-Regolament Nru 918/83 u dispożizzjonijiet ġuridiċi oħra adottati mill-Komunità Ewropea,

    (2)      jirregola l-importazzjoni eżenti fit-territorju fiskali ta' prodotti tat-tabakk li ġejjin minn Stati Membri oħra taħt il-kundizzjonijiet li skondhom importazzjoni eżenti hija permessa skond il-punt 1,

    […]

    (5)      jeskludi t-taxxa fuq tabakk mill-eżenzjoni ta' taxxa fuq l-importazzjoni skond l-Artikolu 2(1) tal-liġi li timplementa d-dazju doganali safejn din hija neċessarja għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi adottati mill-Komunità Ewropea jew sabiex tiġi assigurata t-tassazzjoni ugwali."

    15     Skond l-Artikolu 29 (1) tat-TabStG:

    "Il-prodotti tat-tabakk li persuna fiżika takkwista fil-kummerċ liberu għall-konsum personali fi Stat Membru ieħor u li hija timporta hija stess fit-territorju fiskali huma eżenti meta dawn huma ddestinati għal użu privat u mhux kummerċjali."

    16     Skond l-Artikolu 29a tat-TabStG:

    "1.      Matul il-perijodi transitorji imsemmija fl-Artikolu 44 f(2) l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa skond l-Artikolu 29 għall-prodotti tat-tabakk li huma importati fit-territorju fiskali fil-bagalji personali tal- vjaġġaturi hija limitata għal

    […]

    (3)      200 sigarett meta l-importazzjoni tkun mir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka.

    2.      B'deroga għal paragrafu 1, l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għall-prodotti ta' tabakk importati fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju fiskali u li jidħlu diretamment fit-territorju fiskali minn fruntiera terrestri jew mill-ibħra territorjali matul il-perijodi transitorji imsemmija fl-Artikolu 44 f, paragrafu 2 hija limitata għal:

    […]

    (2)      25 sigarett meta l-importazzjoni tkun mir-Repubblika Slovakka, mir-Repubblika tas-Slovenja jew mir-Repubblika ta' l-Ungerija."

    17     Il-punt 4 ta' l-Artikolu 44 f(2) tat-TabStG jipprovdi li:

    "L-Artikolu 29a […] jidħol fis-seħħ fl-istess żmien bħat-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Republika Ċeka, tar-Repubblika Slovakka, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Repubblika tal-Latvja, u tar-Repubblika tal-Litwanja ma' l-Unjoni Ewropea u japplika matul il-perijodu transitorju għar-

    […]

    (4)      Repubblika tas-Slovenja sal-31 ta' Diċembru 2007.

    […]"

    18     Abbażi tas-setgħat mogħtija lilu bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(3) tat-TabStG, il-Ministru Federali tal-Finanzi adotta ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni mid-Dazji tas-Sisa (Verbrauchsteuerbefreiungsverordnung), tal-5 ta' Jannar 1995 (BGBl. 3/1995) li, b'effett mill-1 ta' Lulju 1997, ġie emendat mid-Digriet li jemenda d-Digriet dwar l-Eżenzjoni mid-Dazji tas-Sisa (Verordnung: Änderung der Verbrauchsteuerbefreiungsverordnung), tad-19 ta' Ġunju 1997 (BGBl. II, 162/1997, iktar 'il quddiem il-"VerbStBefV").

    19     L-Artikolu 1 ta' VerbStBefV jipprovdi li:

    "1.      Il-merkanzija suġġetta għas-sisa li hija importata fit-territorju fiskali skond il-liġijiet fuq id-dazji tas-sisa li titlaq minn pajjiż terz, sakemm xejn ma huwa speċifikat fl-Artikoli 2 sa 5, hija eżenti mid-dazju tas-sisa jekk hija eżenti waqt l-importazzjoni tagħha fit-territorju doganali tal-Komunità bis-saħħa:

    (1)      tar-Regolament Nru 918/83 u tad-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni tiegħu,

    (2)      tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (KEE) (ĠU L 302, p. 1), u tad-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni tiegħu,

    (3)      tal-liġi li timplementa d-dazju doganali, BGBl. 659/1994.

    2.      Sakemm xejn iktar mhuwa speċifikat fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan id-digriet, għall-finijiet ta' l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, it-teritorju fiskali skond il-liġijiet fuq id-dazji tas-sisa għandu jiġi sostitwit bit-territorju doganali tal-Komunità u kull Stat li fir-rigward tiegħu d-Direttiva 92/12 ma tapplikax għal Stat terz."

    20     Skond l-Artikolu 3a tal-VerbStBefV:

    "1.      L-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għall-prodotti tat-tabakk importati fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta' applikazzjoni ta' dan id-digriet u li jidħlu f'dan it-territorju minn fruntiera terrestri li tikkolegah ma' pajjiżi oħra għajr milli ma' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-membri ta' l-Assoċċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles hija limitata għal:

    (1)      25 sigarett […]

    […]

    2.      Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-prodotti tat-tabakk fejn jiġi muri li dawn ġew akkwistati fit-territorju ta' applikazzjoni jew fil-kummerċ liberu fi Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni Ewropea u li għalihom ma kienx hemm ħlas lura jew ħlas tas-sisa.

    3.      Il-paragrafu 1 japplika wkoll għall-prodotti tat-tabakk li huma importati miż-żona ħielsa Żvizzera ta' Samnauntal.

    […]"

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    21     Fl-10 ta' Ġunju, hija u ġejja mis-Slovenja, A. Valeško, ċittadina Awstrijaka daħlet lura fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Awstrija, Stat Membru li fih hija tirrisjedi.

    22     Waqt il-kontroll mwettaq fil-fruntiera Awstrijaka ta' Grablach, il-parti kkonċernata ddikjarat 200 sigarett tat-trade mark Davidoff Gold 200.

    23     B'deċiżjoni tat-30 ta' Lulju 2004, abbażi ta' l-Artikolu 29a tat-TabStG u ta' l-eżenzjoni limitata għal 25 sigarett prevista minn din id-dispożizzjoni, iz-Zollamt issuġġetta għat-taxxa fuq it-tabbakk 175 sigarett mill-200 importat minn A. Valeško, għall-ammont ta' EUR 16.80.

    24     A.Valeško ressqet oġġezzjoni kontra din id-deċiżjoni billi kkunsidrat li l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa limitata għal 25 sigarett bis-saħħa ta' l-Artikolu 29a tat-TabStG tmur kontra d-dritt Komunitarju. B'deċiżjoni tas-17 ta' Diċembru 2004, iz-Zollamt ċaħad din l-oġġezzjoni.

    25     A.Valeško ressqet rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Klagenfurt. Hija talbet li, fil-każ ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 29a tat-TabStG, ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    26     Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skond id-dritt Awstrijak, id-dispożizzjonijiet tad-dritt doganali japplikaw, bħala regola ġenerali, għall-ġbir tad-dazji tas-sisa f'każ ta' importazzjoni jekk merkanzija suġġetta għal tali dazji hija importata direttament fit-territorju fiskali minn Stat terz.

    27     Skond din il-qorti, it-tieni paragrafu tal-punt 6 ta' l-Anness XII ta' l-Att ta' Adeżjoni jista' jiġi interpetat fis-sens illi l-Istati Membri jistgħu jżommu l-limitazzjonijiet kwantitattivi bil-kundizzjoni li dawn diġa kienu applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward tar-Repubblika tas-Slovenja bħala pajjiż terz, fil-mument ta' l-adeżjoni ta' dan l-Istat ma' l-Unjoni Ewropea.

    28     Jekk din l-interpretazzjoni hija kkunsidrata, din il-kundizzjoni tkun sodisfatta fir-rigward ta' l-Artikolu 29a tat-TabStG peress li l-limitu kwantitattiv ta' 25 sigarett previst minn din id-dispożizzjoni kien diġa preskitt fl-Artikolu 3a tal-VerbStBefV qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja ma' l-Unjoni Ewropea.

    29     Madankollu, skond il-qorti tar-rinviju, interpretazzjoni oħra hija wkoll possibbli. Fil-fatt, il-kliem tat-tieni paragrafu tal-punt 6 ta' l-Anness XIII ta' l-Att ta' Adeżjoni, b'mod partikolari l-espressjoni "l-istess limiti kwantitattivi applikati għall-importazzjoni minn terzi pajjiżi […]", jippermetti approċċ bbażat fuq l-istat tad-dritt fis-seħħ wara l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja ma' l-Unjoni Ewropea.

    30     Skond din l-interpretazzjoni, għas-sigaretti li ġejjin mis-Slovenja, l-istess limiti kwantitattivi bħal dawk previsti għas-sigaretti importati minn pajjiżi terzi li baqgħu wara l-aħħar tkabbir ta' l-Unjoni għandhom japplikaw.

    31     Jekk din it-tieni interpretazzjoni hija kkunsidrata, il-limitu kwantitattiv ta' 25 sigarett prevsit fl-Artikoli 29a tat-TabStG u 3a tal-VerbStBefV japplika biss għall-importazzjonijiet li ġejjin miż-żona ħielsa Żvizzera ta' Samnauntal peress li, minbarra l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, pajjiżi membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, ebda pajjiż terz ieħor ma għad għandu fruntiera komuni mar-Repubblika ta' l-Awstrija.

    32     Il-qorti tar-rinviju għandha dubbji fuq l-applikabbiltà għall-importazzjonijiet li ġejjin mis-Slovenja tal-limitu kwantitattiv ta' 25 sigarett, peress illi ż-żamma ta' sistema restrittiva bħal din tidher li tmur lil hinn mir-rieda tal-leġiżlatur u għalhekk tidher tmur kontra l-Att ta' Adeżjoni kif ukoll kontra l-prinċipji stipulati fl-Artikoli 23 KE, 25 KE u 26 KE.

    33     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Klagenfurt iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1)      Id-dispożizzjonijiet li jinstabu fit-tieni paragrafu tal-punt 6, ta' l-Anness XIII ta' l-Att [ta' Adeżjoni], li skondhom, bla ħsara għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/12 […] u wara li jkunu infurmaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu 'iżommu', sakemm id-deroga imsemmija iktar 'il fuq hija applikabbli, l-istess limiti kwantitattivi għas-sigaretti li jistgħu jiddaħħlu fit-territorju tagħhom mis-Slovenja mingħajr ħlas ta' dazji tas-sisa supplementari bħal dawk li japplikaw għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi, għandhom jiġu interpretati, għal dak li jikkonċerna l-kelma teknika 'iżommu', fis-sens li dawn id-dispożizzjonijet tat-Trattat jippermettu restrizzjonijiet kwantitattivi li japplikaw fi Stat Membru fil-konfront, inter alia, tar-Repubblika tas-Slovenja, bħala pajjiż terz, sa l-adeżjoni ta' din ta' l-aħħar?

    2)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha madankollu tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni tat-Trattat m'għandhomx jiġu interpretati fis-sens illi dawn jippermettu r-restrizzjonijiet kwantitattivi li japplikaw fi Stat Membru fil-konfront, inter alia, tar-Repubblika tas-Slovenja, bħala pajjiż terz, sa l-adeżjoni ta' din ta' l-aħħar, l-Artikoli 23 KE, 25 KE u 26 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens illi l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, li tgħid li l-eżenzjoni tad-dazji tas-sisa għat-tabakk li huwa importat fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju fiskali ta' l-Istat Membru u li jidħlu direttament f'dan it-territorju fiskali permezz ta' fruntiera terrestri jew permezz ta' l-ibħra territorjali, hija limitata għal 25 sigarett meta l-importazzjoni ssir minn ċerti Stati Membri oħra, ma tmurx kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija meta restrizzjoni kwantitattiva teżisti biss fir-rigward ta' żona ħielsa ta' Stat terz wieħed (il-Konfederazzjoni żvizzera) u huwa permess fl-istess żmien li jiġu importati mill-Istati terzi l-oħra kollha 200 sigarett b' eżenzjoni mid-dazji tas-sisa f'dan l-Istat Membru?"

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    34     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk it-tieni paragrafu tal-punt 6 ta' l-Anness XIII ta' l-Att ta' Adeżjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lir-Repubblika ta' l-Awstrija żżomm, b'mod tranżitorju, il-leġiżlazzjoni tagħha li tinkludi eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għas-sigaretti importati fil-bagalji personali ta' vjaġġaturi limitata għal 25, peress illi, qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja ma' l-Unjoni Ewropea, din l-eżenzjoni kienet diġa fis-seħħ, jew jekk din id-dispożizzjoni ta' l-Att ta' Adeżjoni għandhiex tifthiem fis-sens li ż-żamma ta' tali eżenzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li din tiġi applikata mir-Repubblika ta' l-Awstrija għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tagħha attwalment fis-seħħ.

    35     Qabel kollox, irid jiġi rrilevat li l-materja ta' eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa għall-importazzjoni ta' merkanzija li tinsab fil-bagalji personali ta' vjaġġaturi li ġejjin minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari ta' sigaretti, hija rregolata mid-Direttiva 69/169.

    36     Din id-Direttiva, kif jindika t-titolu tagħha, għandha bħala għan li tarmonizza l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-bejgħ u mit-taxxa tas-sisa fuq l-importazzjoni fi vvjaġġar internazzjonali. Din, kif jidher mill-premessi tagħha u tad-Direttivi li emendawha ulterjorment, tilliberalizza iktar is-sistema ta' taxxa fuq l-importazzjonijiet fl-ivvjaġġar sabiex tiffaċilitah (sentenza tal-15 ta' Ġunju 1999, Heinonen, C-394/97, Ġabra p. I-3599, punt 25).

    37     Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom biss, fil-kuntest kopert mid-Direttiva 69/169, il-kompetenza limitata li hija rikonoxxuta lihom mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u minn dawk li emedawha (sentenza tad-9 ta' Ġunju 1992, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-96/91, Ġabra p. I-3789, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38     Fir-rigward b'mod partikolari tas-sigaretti, jidher mill-Artikolu 4 (1)(a) ta' din id-Direttiva 69/169 li l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, għall-ivvjaġġar bejn pajjiżi terzi u l-Komunità, hija limitata għal 200 sigarett. Madankollu, bis-saħħa ta' l-Artikolu 5 (2) u (8), ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex inaqqsu dan il-limitu taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

    39     Dawn id-dispożizzjonijiet, kif applikabbli kemm qabel u kif ukoll wara l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja ma' l-Unjoni Ewropea, inkluż fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, ma ġewx emendati.

    40     Barra minhekk huwa kostanti li r-Repubblika ta' l-Awstrija adottat l-Artikolu 29a tat-TabStG u stabbiliet l-eżenzjoni limitata għal 25 sigarett prevista minn din id-dispożizzjoni abbażi ta' l-Artikolu 5 (8), tad-Direttiva 69/169 u li din id-dispożizzjoni nazzjonali ġiet notifikata mill-awtoritajiet ta' dan l-Istat Membru lill-Kummissjoni taħt il-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 24 ta' l-Att ta' Adeżjoni.

    41     Barra minnhekk, mhuwiex ikkontestat li din id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rriproduċiet, f'termini sostanzjalment identiċi, l-eżenzjoni diġà prevista fl-Artikolu 3a tal-VerbStBefV, li kienet applikabbli, mill-bidu ta' l-1 ta' Jannar 1997, għall-importazzjoni minn vjaġġaturi ta' sigaretti li ġejjin minn pajjiżi terzi fil-fruntiera mar-Repubblika ta' l-Awstrija, b'mod partikolari mis-Slovenja, u li, wara l-aħħar tkabbir ta' l-Unjoni Europea, tapplika biss għaż-żona ħielsa Żvizzera ta' Samnauntal.

    42     Għaldaqstant, tqum id-domanda dwar jekk, qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja ma' l-Unjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-eżenzjoni mnaqqsa għal 25 sigarett, setgħetx tkun ibbażata fuq il-kompetenza limitata li għandha r-Repubblika ta' l-Awstrija bis-saħħa ta' l-Artikolu 5(8) tad-Direttiva 69/169, u jekk, wara din l-adeżjoni, din il-leġiżlazzjoni għadx tista', fid-dawl ta' l-intervent ta' l-Artikolu 24 ta' l-Att ta' Adeżjoni, tkun ibbażata fuq din il-kompetenza.

    43     Issa, il-Kummissjoni ssostni li din id-domanda teħtieġ risposta negattiva.

    44     L-eċċezzjoni li hemm fl-Artikolu 5(8) tad-Direttiva 69/169 ma tistax tiġi invokata, fir-rigward ta' eżenzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, peress illi hija applikabbli biss għall-importazzjonijiet ta' merkanzija minn ċerti pajjiżi terzi u li barra minnhekk hija limitata għal kategorija speċifika ta' vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn dawn il-pajjiżi, jiġifieri dawk li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Awstrija u li jidħlu direttament fit-territorju ta' dan l-Istat Membru permezz ta' fruntiera terrestri jew ta' l-ibħra territorjali.

    45     L-ewwel tliet paragrafi ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 69/169 jipprovdu eċċezzjonijiet applikabbli għal ċerti kategoriji ta' vjaġġaturi speċifikament definiti. Issa, dawn l-eċċezzjonijiet jkunu superfluwi u barra minnhekk jistgħu jiġu evitati jekk il-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu kellu jiġi mifthiem bħala li jikkonferixxi lill-Istati Membri kompetenza ġenerali sabiex iżidu kategoriji speċifiċi ta' vjaġġaturi oħra ma' dawk definiti f'dawn l-ewwel tliet paragrafi.

    46     Ir-rikonoxximent ta' tali kompetenza jista' barra minn hekk ikollu bħala konsegwenza li jiġu introdotti sistemi differenti ta' eżenzjonijiet fl-Istati Membri. L-iżvilupp ta' tali sistemi jista' jkun tali li jikkomprometti l-għan previst mid-Direttiva 69/169, jiġifieri li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar.

    47     Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni li hija tirrakomanda hija barra minn hekk neċessarja sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bejn pajjiżi terzi fil-kummerċ internazzjonali.

    48     Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

    49     F'dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq in-numerazzjoni, fl-Artikolu 5(1) sa (3) tad-Direttiva 69/169, ta' eċċezzjonijiet speċifiċi applikabbli għal ċerti kategoriji ta' vjaġġaturi, hemm lok li jiġi rrilevat li, fost dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 5(2) biss jista' jkun rilevanti fil-kawża prinċipali, peress li huwa jikkonċerna importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi u l-Artikoli 5(1) u (3) jikkonċernaw merkanzija li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor.

    50     Jekk huwa minnu li l-kategorija ta' vjaġġaturi kostitwita mill-persuni li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Awstrija, koperta mill-miżura nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hija definita b'mod iktar wiesa' minn dawk kostitwiti mill-persuni li għandhom ir-residenza tagħhom fiż-żona tal-fruntiera, mill-ħaddiema tal-fruntiera jew mill-ekwipaġġ ta' mezzi ta' trasport użat bejn terzi pajjiżi u l-Komunità skond l-Artikolu 5(2), tad-Direttiva 69/169, in-natura speċifika tal-kategoriji koperti minn din l-aħħar eċċezzjoni ma tipprekludix l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni prevista fl-Aritkolu 5(8) għal kategorija oħra ta' vjaġġaturi, definita b'mod iktar wiesa'.

    51     Fil-fatt din l-aħħar eċċezzjoni hija wkoll ta' natura speċifika peress li din tapplika biss għal ċerti merkanzija limittivament elenkata, b'mod partikolari għas-sigaretti.

    52     Skond il-kliem ta' l-Artikolu 5(8) tad-Direttiva 69/169, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jnaqqsu l-kwantitajiet tal-merkanzija previsti fl-Artikolu 4(1)(a) u (d), ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari tas-sigaretti, għall-vjaġġaturi li, huma u ġejjin minn pajjiż terz, jidħlu fi Stat Membru.

    53     Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura ġenerali tat-termini użati, il-kliem ta' din id-dispożizzjoni ma jistax ikun il-bażi ta' interpretazzjoni restrittiva, bħal dik proposta mill-Kummissjoni, li tgħid li eżenzjonijiet imnaqqsa, adottati bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni, jistgħu jkunu permessi biss jekk dawn japplikaw għall-pajjiżi terzi kollha mingħajr distinzjoni u għall-kategoriji kollha ta' vjaġġaturi.

    54     In-natura ġenerali ta' dan il-kliem timplika b'mod kuntrarju li, fir-rigward ta' prodotti speċifiċi previsti fl-Artikolu 4(1)(a) u (d) tad-Direttiva 69/169, b'mod partikolari s-sigaretti, fakultà wiesa' hija rriżervata għall-Istati Membri sabiex inaqqsu l-kwantitajiet tal-merkanzija kkonċernata.

    55     Huwa minnu li ċerta tensjoni teżisti bejn din il-fakultà u l-għan ġenerali tad-Direttiva 69/169 li, kif ġie mfakkar fil-punt 36 ta' din is-sentenza, jikkonsisti f'li tiġi lliberalizzata iktar is-sistema ta' tassazzjoni fuq l-importazzjonijiet fl-ivvjaġġar sabiex tiffaċilitah.

    56     Billi jagħmlu użu minn din il-fakultà, l-Istati Membri huma għalhekk obbligati jillimitaw kemm jista' jkun possibbli l-effetti negattivi li l-miżuri adottati jista' jkollhom fuq it-twettiq ta' l-għan ġenerali tad-Direttiva 69/169 u li josservaw ukoll ekwilibriju raġjonevoli bejn dan il-għan u l-għan speċifiku previst fl-Artikolu 5 (8) ta' din l-istess Direttiva 69/169.

    57     Dan l-għan speċifiku għandu jieħu in kunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-prodotti in kwistjoni, jiġifieri l-prodotti tat-tabakk bħalma huma s-sigaretti, u ta' l-interessi li d-dispożizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li tipproteġi.

    58     Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali f'punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu fir-rigward ta' tali prodotti, il-leġiżlazzjoni fiskali tikkostitwixxi instrument importanti u effikaċi għal ġlieda kontra l-konsum ta' dawn il-prodotti u, għaldaqstant għal protezzjoni tas-saħħa pubblika.

    59     Huwa kostanti li l-Artikolu 3a tal-VerbStBefV li jipprevedi l-eżenzjoni limitata għal 25 sigarett ġie introdott sabiex jimpedixxi li residenti Awstrijaċi jevitaw b'mod sistematiku l-ħlas tas-sisa minima globali fuq is-sigaretti li r-rati tagħha huma ffissati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/79, kif emendata mid-Direttiva 2002/10, billi jixtru, ta' spiss waqt vjaġġi ta' sikwit jew ta' ftit żmien, sigaretti minn pajjiżi terzi mal-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Awstrija li jipprattikaw livell ta' tassazzjoni u għalhekk prezzijiet konsiderevolment inqas minn dawk fis-seħħ f'dan l-aħħar Stat Membru, u billi wara jimportaw dawn is-sigaretti, sa 200 wieħed, b'eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, f'kull wieħed minn dawn il-vjaġġi.

    60     Dan ir-riskju speċifiku ta' evażjoni tal-politika fiskali u ta' theddida għall-għan ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika jibqa' hemm anke wara l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja ma' l-Unjoni Ewropea, peress li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-punt 6 ta' l-Anness XIII ta' l-Att ta' Adeżjoni, dan l-Istat Membru l-ġdid jista', anki jekk huwa obbligat jgħolli progressivament ir-rati tiegħu, jipposponi l-applikazzjoni tas-sisa minima globali fuq is-sigaretti sal-31 ta' Diċembru 2007.

    61     Hemm lok li jiġi osservat ukoll li l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa speċifikament limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġu miġġielda dawn il-prattiċi, li huma kkunsidrati li huma, fir-rigward b'mod partikolari ta' l-effeti kumulattivi tagħhom, ta' riskju sinifjikattiv għall-effiċjenza tal-politika fiskali relattiva għall-prodotti tat-tabakk u, għaldaqstant, għall-eżiġenza li tiġi protetta s-saħħa pubblika.

    62     Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li din il-miżura tikkonċerna biss il-persuni li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Awstrija, li l-protezzjoni tagħhom fil-qasam tas-saħħa taqa' fuq il-leġiżlatur Awstrijak, li huma hu ġejjin minn pajjiż terz mal-fruntiera li jipprattika livell ta' tassazzjoni iktar baxx minn dak li timponi l-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ, jidħlu direttament fit-territorju ta' dan l-Istat.

    63     Dan jispjega r-raġunijiet li għalihom din il-miżura tapplika mhux għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi mal-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Awstrija, bħall- Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein li jipprattikaw livell ta' tassazzjoni ta' prodotti tat-tabakk li mhuwiex iktar baxx minn dak impost mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, imma għal dawk li ġejjin miż-żona ħielsa Żvizzera ta' Samnauntal, peress illi l-livell ta' tassazzjoni f'din iż-żona huwa iktar baxx minn dak preskritt mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    64     Il-miżura nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas mhija applikabbli waqt vjaġġi li mhumiex ikkunsidrati bħala li huma ta' riskju sinifjikattiv għall-effiċċjenza tal-politika fiskali relattiva għal dawn il-prodotti, bħal dawk magħmula permezz ta' l-ajruplan, jew fl-okkażżjoni ta' vjaġġi f'pajjiżi terzi li mhumiex mal-fruntiera.

    65     Għalhekk jidher li, fid-dawl tal-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha minħabba partikolaritajiet marbuta mar-riskju ta' theddid għall-politika fiskali u għall-għan ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika li jirriżulta mill-prossimità tal-pajjiżi kkonċernati u l-livell ta' impożizzjoni applikat għall-prodotti tat-tabakk minn dawn ta' l-aħħar, il-miżura nazzjonali in kwistjoni toħloq ekwilibriju raġjonevoli bejn l-għan ġenerali tad-Direttiva 69/169 u l-għan speċifiku previst fl-Artikolu 5 (8) ta' din id-Direttiva.

    66     Fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja wara l-adeżjoni tagħha ma' l-Unjoni Ewropea, huwa kostanti li r-rati ta' impożizzjoni applikabbli f'dan l-Istat Membru għall-prodotti tat-tabakk, li ċertament ġew mgħollija wara din l-adeżjoni, jibqgħu iktar baxxi minn dawk li timponi l-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ.

    67     Għaldaqstant ir-riskju speċifiku li l-eżenzjoni limitata għal 25 sigarett hija intiża li tikkumbatti jibqa' jeżisti, b'tali mod li din il-miżura għad tista' tkun ibbażata fuq l-Artikolu 5 (8) tad-Direttiva 69/169, moqri flimkien ma' l-Artikolu 24 ta' l-Att ta' Adeżjoni.

    68     F'dawn il-kundizzjonijiet, l-argument tal-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija diskriminatorja lanqas ma jista' jiġi milqugħ.

    69     Fil-fatt, jidher minn dak li ntqal qabel li, skond l-għanijiet mħaddna, il-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa limitat għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi u minn Stati Membri ġodda mal-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Awstrija li jipprattikaw għall-prodotti tat-tabakk livell ta' tassazzjoni iktar baxx minn dak li timponi l-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    70     Għaldaqstant, peress illi s-sitwazzjoni ta' dawn il-pajjiżi terzi u ta' l-Istati Membri l-ġodda mal-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Awstrija mhijiex komparabbli ma' dik ta' pajjiżi terzi oħra, id-differenza tat-trattament li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward ta' l-importazzjonijiet li ġejjin minn dawn il-pajjiżi terzi u l-Istati Membri l-ġodda.

    71     Fir-rigward ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni paragrafu tal-punt 6 ta' l-Anness XIII ta' l-Att ta' adeżjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix li r-Repubblika ta' l-Awstrija żżomm, b'mod transitorju, il-leġiżlazzjoni tagħha li tinkludi eżenzjoni mid-dazji tas-sisa limitata għal 25 għas-sigaretti li ġejjin mis-Slovenja mdaħħla fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Awstrija fil-bagalji personali ta' vjaġġaturi li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom f'dan l-Istat Membru u li jidħlu direttament f'dan it-territorju permezz ta' fruntiera terrestri jew mill-ibħra territorjali ta' dan l-Istat Membru.

     Fuq it-tieni domanda

    72     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 23 KE, 25 KE u 26 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens illi dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għas-sigaretti importati fil-bagalji personali ta' vjaġġaturi hija limitata għal 25 waqt id-dħul fit-territorju tar-Repubbblika ta' l-Awstrija minn ċerti Stati Membri oħra, b'mod partikolari mir-Repubblika tas-Slovenja, minħabba l-fatt li, wara l-aħħar tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea, din l-eżenzjoni tapplika biss għal Stat terz wieħed li jinsab qrib iż-żona ħielsa Żvizzera ta' Samnauntal, filwaqt li l-importazzjonijiet ta' sigaretti li ġejjin minn pajjiżi terzi ġeneralment jibbenefikaw minn eżenzjoni ta' 200 wieħed.

    73     F'dan ir-rigward, f'dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni sussegwenti għall-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja ma' l-Unjoni Ewropea, jirriżulta mill-punt 67 ta' din is-sentenza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali għad tista' tkun ibbażata fuq l-Artikolu 5(8) tad-Direttiva 69/169, moqri flimkien ma' l-Artikolu 24 ta' l-Att ta' Adeżjoni.

    74     Peress li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija ġġustifikata fir-rigward ta' waħda mill-miżuri previsti fl-Artikolu 24 ta' l-Att ta' Adeżjoni, f'dan il-każ il-miżura tranżitorja prevista fit-tieni paragrafu tal-punt 6 ta' l-Anness XIII ta' dan l-Att, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta' din il-leġiżlazzjoni ma' dispożizzjonijiet oħra tad- dritt primarju, bħall-Artikoli 23 KE, 25 KE u 26 KE, ma tistax titqajjem iktar.

    75     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 23 KE, 25 KE u 26 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens illi dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għas-sigaretti importati fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi hija limitata għal 25 waqt id-dħul fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Awstrija minn ċerti Stati Membri oħra, b'mod partikolari mir-Repubblika tas-Slovenja, minkejja l-fatt li, wara l-aħħar tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea, din l-eżenzjoni mnaqssa tapplika biss għal Stat terz wieħed li jinsab qrib iż-żona ħielsa Żvizzera ta' Samnauntal, filwaqt li l-importazzjonijiet ta' sigaretti minn pajjiżi terzi jibbenefikaw ġeneralment minn eżenzjoni ta' 200 wieħed.

     Fuq l-ispejjeż

    76     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      It-tieni paragrafu tal-punt 6 ta' l-Anness XIII ta' l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix li r-Repubblika ta' l-Awstrija żżomm, b'mod tranżitorju, il-leġiżlazzjoni tagħha li tinkludi eżenzjoni mid-dazji tas-sisa limitata għal 25 għas-sigaretti li ġejjin mis-Slovenja mdaħħla fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Awstrija fil-bagalji personali ta' vjaġġaturi li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom f'dan l-Istat Membru u li dawn jidħlu direttament f'dan it-territorju permezz ta' fruntiera terrestri jew mill-ibħra territorjali ta' dan l-Istat Membru.

    2)      L-Artikoli 23 KE, 25 KE u 26 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens illi dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għas-sigaretti importati fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi hija limitata għal 25 waqt id-dħul fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Awstrija minn ċerti Stati Membri oħra, b'mod partikolari mir-Repubblika tas-Slovenja, minkejja l-fatt li, wara l-aħħar tkabbir ta' l-Unjoni, din l-eżenzjoni mnaqssa tapplika biss għal Stat terz wieħed li jinsab qrib iz-żona ħielsa Żvizzera Samnauntal, filwaqt li l-importazzjonijiet ta' sigaretti minn pajjiżi terzi jibbenefikaw ġeneralment minn eżenzjoni ta' 200 wieħed.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq