Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CJ0484

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-7 ta' Settembru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema - Direttiva 93/104/KE - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Artikolu 17(1) - Deroga - Artikoli 3 u 5 - Drittijiet għal perijodi minimi ta' mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa.
Kawża C-484/04.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:526

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

tas-7 ta’ Settembru 2006 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 93/104/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 17(1) − Deroga − Artikoli 3 u 5 – Drittijiet għal perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa”

Fil-kawża C-484/04,

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-23 ta’ Novembru 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet u N. Yerrell, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn M. Bethell, u wara minn E. O’Neill, bħala aġenti, assistit minn K. Smith, barrister,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, S. von Bahr, A. Borg Barthet, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Jannar 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi applika fil-konfront ta’ ħaddiema, li parti mill-ħin tax-xogħol tagħhom mhuwiex imkejjel jew predeterminat jew jista' jkun determinat mill-ħaddiem innifsu, id-deroga prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/34/KE, tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 195, p. 41 iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/104”), u billi ma adottax il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tad-drittijiet għall-mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa tal-ħaddiema, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-imsemmi Artikolu 17(1) u l-Artikolu 249 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/104, id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fl-organizzazzazjoni tal-ħin tax-xogħol.

3       L-Artikoli 3 u 5 ta’ l-imsemmija Direttiva, li jinsabu fit-Taqsima II tagħha, jirregolaw il-perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa tal-ħaddiema. B'hekk, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-ħaddiema kollha jibbenefikaw minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva għal kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa (Artikolu 3) u, għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, minn perijodu minimu ta’ mistrieħ mhux interrott ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, minbarra l-11-il siegħa ta’ mistrieħ kuljum previsti mill-Artikolu 3 (l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 5).

4       Skond l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 93/104:

“Tenut kont xieraq tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 3, 4, 5, 6, 8 jew 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività konċernata, d-dewmien tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew pre-determinat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema infushom […]”

5       Skond l-Artikolu 18(1)(a) ta’ l-istess Direttiva, l-Istati Membri kellhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma din id-Direttiva sat-23 ta’ Novembru 1996.

6       Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88/KE, ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, li tirrigwarda ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, p. 9), issostitwiet id-Direttiva 93/104, mit-2 ta’ Awwissu 2004. Madankollu, hija din ta’ l-aħħar li hija s-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni u li kienet applikabbli meta għalaq it-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       Ir-Regolament fuq il-ħin tax-xogħol ta’ l-1998 (Working Time Regulations 1998), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-1999 (iktar ’il quddiem il-“WTR”), jipprovdi, fl-Artikolu 10, li ttraspona l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/104, li ħaddiem ta' età maġġuri għandu d-dritt, għal kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, għal perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva.

8       L-Artikolu 11 tal-WTR, li ttraspona l-Artikolu 5 ta’ l-imsemmija Direttiva, jgħid li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2), ħaddiem ta' età maġġuri għandu d-dritt, għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, għal perijodu minimu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta' erbgħa u għoxrin siegħa.

9       L-Artikolu 20(2) tal-WTR jipprovdi kif ġej:

“Meta parti mill-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiem huwa mkejjel jew predeterminat jew ma jistax jiġi ddeterminat mill-ħaddiem innifsu, iżda l-karatteristiċi partikolari ta’ l-attività huma tali li, mingħajr ma’ jkun mitlub jagħmel dan minn min jimpjega, il-ħaddiem jista' wkoll iwettaq xogħol li t-tul ta' żmien li jieħu mhuwiex imkejjel jew predeterminat jew jista' jiġi ddeterminat mill-ħaddiem innifsu, l-Artikolu 4(1) u (2), u l-Artikolu 6(1), (2) u (7) ikunu applikabbli biss għall-parti tax-xogħol tiegħu li tista' tiġi mkejla jew predeterminata jew li ma tistax tiġi ddeterminata mill-ħaddiem innifsu.”

10     Sabiex min jimpjega u l-ħaddiema jkunu jistgħu jifhmu l-WTR aħjar, id-Department of Trade and Industry (il-Ministeru tal-Kummerċ u ta' l-Industrija) ippubblika gwida li tinkludi ġabra ta' linji gwida dwar id-diversi dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Regolament (iktar 'il quddiem il-"linji gwida").

11     Skond uħud mill-paragrafi tas-sezzjonijiet 5 u 6 tal-linji gwida, "min jimpjega għandu jassigura li l-ħaddiema jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ħin ta' mistrieħ tagħhom, iżda mhumiex obbligati jivverifikaw li l-ħaddiema jkunu effettivament ħaduh".

 Il-proċedura prekontenzjuża

12     Fil-21 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 226 KE, bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Renju Unit li fiha lmentat li dan ta' l-aħħar ittraspona b'mod żbaljat l-Artikoli 3, 5, 8 u 17(1) tad-Direttiva 93/104. L-awtoritajiet tar-Renju Unit wieġbu permezz ta' ittra tal-31 ta' Mejju 2002.

13     Peress li ma kinitx sodisfatta b'din it-tweġiba, il-Kummissjoni, fit-2 ta' Mejju 2003, bagħtet opinjoni motivata lir-Renju Unit, li fiha talbet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu li joħorġu mid-Direttiva 93/104 fi żmien xagħrejn min-notifika ta' din l-opinjoni.

14     Permezz ta' ittra tat-30 ta' Ġunju 2003, l-awtoritajiet ta' l-imsemmi Stat Membru wieġbu l-opinjoni motivata billi indikaw li l-emenda relattiva għall-kalkolu tas-sigħat tal-ħaddiema ta' bil-lejl skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/104 kienet ġiet ippubblikata, filwaqt li insistew li l-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni, inklużi l-linji gwida, dwar l-Artikoli 17(1), 3 u 5 ta' din id-Direttiva kienu konformi magħha.

15     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, dwar id-deroga prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 93/104

16     Permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 20(2) tal-WTR jaqbeż il-limiti tad-deroga prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 93/104. Fil-fatt, tali deroga hija applikabbli biss għall-ħaddiema li l-ħin tax-xogħol kollu tagħhom mhuwiex imkejjel jew predeterminat jew jista' jiġi ddeterminat mill-ħaddiema nfushom. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonstata li l-WTR jipprovdi, għall-każijiet fejn parti biss mill-ħin tax-xogħol ta' ħaddiem jiġi mkejjel, predeterminat jew determinat minn dan ta' l-aħħar, li d-dispożizzjonijiet relattivi għall-perijodu ta' xogħol ta' kull ġimgħa u għax-xogħol ta' bil-lejl huma applikabbli biss għall-parti mix-xogħol li jiġi mkejjel, predeterminat jew li ma jistax jiġi ddeterminat mill-ħaddiem innifsu.

17     Ir-Renju Unit jindika, fir-risposta tiegħu, li m'għadux qed jikkontesta dan l-ilment u li qed jieħu r-responsabbiltà li jħassar id-dispożizzjoni tal-WTR in kwistjoni. Waqt is-seduta r-Renju Unit sostna li r-Regolament li jemenda l-Artikolu 20(2) tal-WTR ser jidħol fis-seħħ fis-6 ta' April 2006.

18     Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit għadu ma ħax il-miżuri neċessarji biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali ssir konformi ma' l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 93/104 u li, għaldaqstant, l-iskop tar-rikors tagħha ma nbidilx.

19     Għandu jiġi rrilevat li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru f'għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-420/01, Ġabra p. I-11175, punt 23, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-433/03, Ġabra p. I-6985, punt 32).

20     Għal dak li jirrigwarda l-portata tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 93/104, jirriżulta mill-kliem ta' din id-dispożizzjoni, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, li hija applikabbli biss għall-ħaddiema li l-ħin tax-xogħol kollu tagħhom mhuwiex imkejjel jew predeterminat jew jista' jiġi ddeterminat mill-ħaddiema nfushom minħabba t-tip ta' attività eżerċitata.

21     F'dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li, f'għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Renju unit ma kienx adotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' l-imsemmija dispożizzjoni, u b'hekk l-ewwel ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

 Fuq it-tieni lment, dwar il-linji gwida u l-perijodi ta' mistrieħ previsti fl-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/104

 Fuq l-ammissibbiltà

22     Ir-Renju Unit isostni li t-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Minn naħa waħda, huwa jsostni li, fl-opinjoni motivata, din ta' l-aħħar kienet illimitat il-kritiki tagħha esklużivament għal-linji gwida, filwaqt li r-rikors ma jillimitax ruħu b'dan il-mod inkwantu jsemmi nuqqas ta' miżuri adegwati biex tiġi ggarantita t-traspożizzjoni sħiħa u effikaċi tad-Direttiva 93/104, u b'hekk imur lil hinn mill-portata ta' l-opinjoni motivata.

23     Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit jikkunsidra li l-fatt li jiġi invokat ksur ta' l-obbligu ġenerali impost fuq l-Istati Membri abbażi tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE, jikkostitwixxi argument inadegwat fil-każ fejn hija t-traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva in kwisjtoni li kellha tiġi allegata. Hija l-Kummissjoni li għandha tidentifika b'mod ċar u dettaljat kull qasam li fih il-miżuri meħuda mill-Istati Membri mhumiex biżżejjed biex tiġi assigurata traspożizzjoni korretta tad-Direttiva in kwistjoni.

24     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li jippreżenta b'mod effettiv id-difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 23, u ta' l-10 ta' Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-29/04, Ġabra p. I-9705, punt 25).

25     Minn dan isegwi, fl-ewwel lok, li s-suġġett ta' rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE huwa ċirkoskritt mill-proċedura prekontenzjuża prevista f'din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26). Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi estiż sa fejn jimponi f'kull każ, li d-dikjarazzjoni ta' l-ilmenti fil-parti operattiva ta' l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors ikunu eżattament l-istess, sakemm is-suġġett tal-kawża, kif definit fl-opinjoni motivata, ma jkunx ġie estiż jew mibdul (ara s-sentenza tas-7 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punt 24).

26     Fit-tieni lok, l-opinjoni motivata għandha tinkludi dikjarazzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-Istat ikkonċernat naqas milli jwettaq xi wieħed mill-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 12, u ta' l-10 ta' Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

27     F'dan il-każ, jirriżulta b'mod ċar kemm mill-opinjoni motivata kif ukoll mir-rikors promotorju tal-Kummissjoni li t-tieni lment invokat minnha jirrigwarda ż-żamma fis-seħħ, taħt għamla ta' linji gwida, ta' istruzzjoni espressa indirizzata lil min iħaddem biex jiġi indikat lilu li mhuwiex obbligat jassigura li l-ħaddiema jibbenefikaw effettivament mill-ħin ta' mistrieħ tagħhom. Huwa fir-rigward ta' dan il-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra li r-Renju Unit ma ħax il-miżuri kollha neċessarji biex jilħaq l-għan tad-Direttiva 93/104.

28     Is-suġġett tar-rikors, li kien definit b'mod ċar, ma tbiddilx matul il-kawża u, għaldaqstant, l-ewwel eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit għandha tiġi miċħuda.

29     Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-Renju Unit li jgħid li mhuwiex adegwat ir-riferiment għat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE sabiex tingħata prova li d-Direttiva 93/104 ġiet implementata b'mod żbaljat, għandu jiġi mfakkar li t-tieni lment tal-Kummissjoni ma jirreferix għal traspożizzjoni żbaljata per se ta' l-Artikoli 3 u 5 ta' din id-Direttiva, iżda pjuttost għall-eżistenza, taħt għamla ta' linji gwida, ta' miżuri nazzjonali li jistgħu jħeġġu prattika li ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet tal-ħaddiema għall-mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa. Dan l-ilment joħroġ ċar mill-kliem ta' l-opinjoni motivata u mir-rikors.

30     F'dan il-każ, jirriżulta kemm mill-proċedura prekontenzjuża kif ukoll minn dik quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-Renju Unit seta' faċilment jiddefendi ruħu mill-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, peress li dawn ġew esposti b'mod dettaljat biżżejjed b'tali mod li dan l-Istat Membru seta' jirrispondi għalihom b'mod effettiv. Il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża t-tieni lment tagħha biss fuq it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE u mhux fuq l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/104, li huma d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva in kwistjoni b'mod indirett iżda li t-traspożizzjoni formali tagħhom fil-WTR mhijiex, bħala tali, is-suġġet tar-rikors tal-Kummissjoni, ma jistax, f'dawn iċ-ċirkustanzi, iwassal għall-inammissibbiltà tat-tieni lment invokat minn din ta' l-aħħar.

31     Għaldaqstant, it-tieni eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit għandha tiġi miċħuda u, f'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment tal-Kummissjoni għadnu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

32     Il-Kummissjoni ssostni li l-linji gwida japprovaw u jħeġġu prattika ta' nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligi imposti mid-Direttiva 93/104. Min iħaddem qed jiġi informat li mhuwiex obbligat jassigura li l-ħaddiema jitolbu li jibbenefikaw minn u effettivament jibbenefikaw mill-perijodi ta' mistrieħ li huma intitolati għalihom, iżda għandu biss jassigura li dawk li jixtiequ jgawdu minn tali perijodi ma jiġux ostakolati milli jagħmlu dan. Il-Kummissjoni ssostni li dan il-kliem espress indirizzat lil min iħaddem permezz tal-linji gwida jiddiswadi lil dan ta' l-aħħar milli jassigura li l-ħaddiema jibbenefikaw mill-obbligi minimi ta' mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa imposti mill-imsemmija Direttiva.

33     Ir-Renju Unit isostni li, mhux talli l-linji gwida ma jħeġġux in-nuqqas ta' osservanza tar-regoli ta' traspożizzjoni nazzjonali, iżda talli jagħmlu enfażi fuq l-obbligu ta' min iħaddem li jassigura li l-ħaddiema jkunu jistgħu jużaw il-perijodi ta' mistrieħ li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, filwaqt li jirrikonoxxu l-limiti evidenti tar-responsabbiltà ta' min iħaddem f'dan ir-rigward. Dan ta' l-aħħar m'għandux jaġixxi b'mod li l-ħaddiema jiġu ostakolati milli jużaw il-ħin ta' mistrieħ li huma intitolati għalih, per eżempju billi jiġu imposti fuqhom obbligi ta' xogħol li jkunu inkompatibbli ma' tali mistrieħ.

34     Ir-Renju Unit isostni li interpretazzjoni tad-Direttiva 93/104 li tgħid li din mhux biss teżiġi li min iħaddem għandu jippermetti lill-ħaddiema jibbenefikaw mill-perijodi ta' mistrieħ previsti, iżda tobbliga wkoll lil dawn ta' l-aħħar jieħdu dan il-mistrieħ ma tirriżulta minn ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta' din id-Direttiva, ma tistax titwettaq u hija vaga, meta jitqiesu l-inċertezzi li tqajmu fir-rigward tal-portata tal-miżuri li min iħaddem huwa obbligat jieħu u ċ-ċirkustanzi li fihom huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-mistrieħ ittieħed kif suppost.

35     Għal dak li jikkonċerna l-għan tad-Direttiva 93/104, għandu jiġi mfakkar li mill-Artikolu 118a tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti mill-Artikoli 136 KE sa 143 KE), li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva, mill-ewwel, mir-raba’, mis-seba’ u mit-tmien premessa tagħha, mill-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li nżammet fi Strażburgu fid-9 ta’ Diċembru 1989, imsemmija fl-Artikolu 136 KE u li l-paragrafu 8 u l-ewwel inċiż tal-paragrafu 19 tagħha huma msemmija fir-raba’ premessa ta’ l-imsemmija Direttiva, kif ukoll mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 1(1) tagħha, jirriżulta li l-għan tad-Direttiva huwa li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, b’mod partikolari, dwar it-tul tal-ħin tax-xogħol (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, Ġabra p. I‑4881, punt 37; u ta' l-1 ta' Diċembru 2005, Dellas et, C-14/04, Ġabra p. I-10253, punt 40).

36     Skond dawn l-istess dispożizzjonijiet, din l-armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, billi tassigura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa u billi tipprovdi limitu massimu ta’ 48 siegħa bħala ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa, limitu massimu li fir-rigward tiegħu huwa espressament speċifikat li jinkludi s-sigħat supplementari (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BECTU, punt 38 u Dellas et., punt 41).

37     Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/104, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-ħaddiema kollha jibbenefikaw minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva għal kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa u, għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, minn perijodu minimu ta’ mistrieħ mhux interrott ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, minbarra l-11-il siegħa ta’ mistrieħ kuljum previsti mill-Artikolu 3. Dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-Istati Membri obbligi ċari u preċiżi għal dak li jirrigwarda r-riżultat li għandu jinkiseb fir-rigward tat-tgawdija ta' tali drittijiet għal mistrieħ.

38     Barra minn hekk, fid-dawl kemm tal-kliem tad-Direttiva kif ukoll ta’ l-għan u l-iskema tagħha, ir-rekwiżiti differenti li hija tipprovdi dwar il-ħin minimu ta’ mistrieħ jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali Komunitarju ta’ importanza partikolari li minnhom għandu jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu neċessarju sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu (ara s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq BECTU, punti 43 u 47; tal-5 ta' Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 100, u Dellas et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49).

39     Għaldaqstant, jirriżulta kemm mill-kliem stess ta' l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/104, kif ukoll mit-tmien premessa tagħha, li tgħid li l-ħaddiema għandhom jingħataw perijodi minimi ta' mistrieħ, mill-għanijiet mixtieqa ta' din id-Direttiva, kif imfakkra fi-punti 35 sa 38 ta' din is-sentenza, u mis-sistema li tadotta, li l-ħaddiema għandhom effettivament jibbenefikaw minn perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa prevsiti mill-imsemmija Direttiva.

40     Fil-fatt, huwa importanti li l-effett prattiku tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema permezz tad-Direttiva 93/104 jkun iggarantit għal kollox, ħaġa li timplika neċessarjament l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jiggarantixxu l-osservanza ta’ kull rekwiżit minimu impost minn din id-Direttiva, inkluż id-dritt li l-ħaddiema jibbenefikaw minn mistrieħ effettiv (sentenza Dellas et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53). Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li hija konformi ma' l-għan ta' l-imsemmija Direttiva, li hu li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, billi jingħataw mezz li jibbenefikaw mill-perijodi minimi ta' mistrieħ li huma intitolati għalihom (ara s-sentenza tad-9 ta' Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, Ġabra p. I‑8389, punt 70).

41     Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta' l-għan essenzjali tad-Direttiva 93/104, li huwa li jiġu protetti b'mod effettiv is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, kull wieħed minnhom għandu b'mod partikolari jibbenefika minn perijodi ta' mistrieħ adegwati, li għandhom mhux biss ikunu effettivi, billi jippermettu lill-persuni kkonċernati jirkupraw l-għejja li tirriżulta mix-xogħol tagħhom, iżda wkoll ikunu ta' natura preventiva sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju li jiġu affettwati s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema li jista' jġib miegħu l-akkumulu ta' perijodi ta' xogħol mingħajr il-mistrieħ neċessarju (sentenza Jaeger, iċċitata iktar 'il fuq, punt 92).

42     Stat Membru li, fl-att nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 93/104, jipprovdi li l-ħaddiema jistgħu jibbenefikaw minn tali drittijiet ta' mistrieħ u li, fil-linji gwida indirizzati lil min iħaddem u lill-ħaddiema dwar l-implementazzjoni ta' l-imsemmija drittijiet, jindika li min iħaddem mhuwiex madankollu marbut li jassigura li l-ħaddiema jgawdu effettivament minn tali drittijiet ma jiggarantixxi la l-osservanza tar-rekwiżiti minimi stipulati fl-Artikoli 3 u 5 ta' l-imsemmija Direttiva u lanqas dak ta' l-għan essenzjali tagħha.

43     Kif ġustament irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, u kif il-Kummissjoni ammettiet waqt is-seduta, l-osservanza ta' l-obbligi stipulati fid-Direttiva 93/104 ma tistax, bħala regola ġenerali, tobbliga lil min iħaddem jimponi obbligu fuq il-ħaddiema tiegħu li jeżerċitaw effettivament il-perijodi ta' mistrieħ li huma intitolati għalihom. Ir-responsabbiltà ta' min iħaddem fir-rigward ta' l-osservanza tal-perijodi ta' mistrieħ previsti mid-Direttiva ma tistax, fil-fatt, tkun mingħajr limiti.

44     Madankollu, f'dan il-każ, billi jillimitaw l-obbligi imposti fuq min iħaddem f'dak li jikkonċerna d-dritt tal-ħaddiema li jgawdu b'mod effettiv mill-perijodi minimi ta' mistrieħ previsti mill-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/104 u, b'mod partikolari, billi jagħtu l-impressjoni li, għalkemm min iħaddem ma jistax iwaqqaf lill-ħaddiema milli jieħdu dawn il-perijodi ta' mistrieħ, huwa m'għandu ebda obbligu jassigura li l-ħaddiema jkunu effettivament f'pożizzjoni li jeżerċitaw tali dritt, il-linji gwida kjarament jistgħu jrendu d-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 3 u 5 ta' l-imsemmija Direttiva mingħajr skop u mhux konformi ma' l-għan ta' din ta' l-aħħar, li tqis il-perijodi minimi ta' mistrieħ bħala indispensabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema (ara, f'dan is-sens, is-sentenza BECTU, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49).

45     Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-Renju Unit li jgħid li jirriżulta mill-kliem stess tad-Direttiva 93/104 li hemm distinzjoni ċara bejn l-Artikoli 3, 4, 5 u 7 tagħha, li jirreferu għad-drittijiet ta' ħaddiem individwali u jindikaw sempliċi fakultà, u l-Artikoli 6 u 8 ta' l-istess Direttiva, li jimponu, b'mod ċar, obbligu preċiż dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb fir-rigward tal-limitu tal-ħin tax-xogħol, biżżejjed jingħad li din l-interpretazzjoni mhija kkorroborata la mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta' l-imsemmija Direttiva u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għal din id-Direttiva, għall-għan tagħha u għan-natura tad-drittijiet għal mistrieħ li hija tipprovdi għalihom.

46     Fil-fatt, fir-rigward ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/104, li, fl-istess kliem bħal dak użat fl-Artikoli 3 u 5 tagħha, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun "intitolat" għal-leave annwali mħallas għall-anqas għal erba' ġimgħat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 44 tas-sentenza BECTU, iċċitata iktar 'il fuq, li, skond din id-dispożizzjoni, il-ħaddiem għandu jkun intitolat għal mistrieħ effettiv, u dan sabiex tiġi assigurata protezzjoni effettiva tas-sigurtà u s-saħħa.

47     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, billi applika fil-konfront ta’ ħaddiema li parti mill-ħin tax-xogħol tagħhom mhuwiex imkejjel jew predeterminat jew jista' jiġi ddeterminat mill-ħaddiem innifsu, id-deroga prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104 u billi ma adottax il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tad-drittijiet għall-mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa tal-ħaddiema, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-imsemmi Artikolu 17(1).

 Fuq l-ispejjeż

48     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Billi applika fil-konfront ta’ ħaddiema li parti mill-ħin tax-xogħol tagħhom mhuwiex imkejjel jew predeterminat jew jista' jiġi ddeterminat mill-ħaddiem innifsu, id-deroga prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/34/KE, tat-22 ta’ Ġunju 2000 u billi ma adottax il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tad-drittijiet għall-mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa tal-ħaddiema, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-imsemmi Artikolu 17(1).

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Iralnda ta' Fuq għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq