Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62004CJ0438
Judgment of the Court (Second Chamber) of 13 July 2006.#Mobistar SA v Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT).#Reference for a preliminary ruling: Cour d'appel de Bruxelles - Belgium.#Telecommunications sector - Universal service and users' rights - Telephone number portability - Set-up costs for the provision of number portability for mobile phones - Article 30(2) of Directive 2002/22/EC (Universal Service Directive) - Pricing for interconnection related to the provision of number portability - Price orientation by reference to costs - Regulatory power of national regulatory authorities - Article 4(1) of Directive 2002/21/EC (Framework Directive) - Effective legal protection - Protection of confidential information.#Case C-438/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-13 ta' Lulju 2006.
Mobistar SA vs Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour d'appel de Bruxelles - il-Belġju.
Settur tat-telekomunikazzjonijiet - Servizz universali u drittijiet ta' l-utenti - Portabbiltà tan-numri tat-telefon - Spiża ta' stabbiliment fil-każ ta' trasferiment ta' numru tat-telefon mobbli - Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali) - Ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabbiltà tan-numri - Orjentazzjoni tal-prezzijiet skond l-ispejjeż - Setgħa regolatorja ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali- Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) - Protezzjoni ġuridika effettiva - Protezzjoni ta' data kunfidenzjali.
Kawża C-438/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-13 ta' Lulju 2006.
Mobistar SA vs Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour d'appel de Bruxelles - il-Belġju.
Settur tat-telekomunikazzjonijiet - Servizz universali u drittijiet ta' l-utenti - Portabbiltà tan-numri tat-telefon - Spiża ta' stabbiliment fil-każ ta' trasferiment ta' numru tat-telefon mobbli - Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali) - Ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabbiltà tan-numri - Orjentazzjoni tal-prezzijiet skond l-ispejjeż - Setgħa regolatorja ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali- Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) - Protezzjoni ġuridika effettiva - Protezzjoni ta' data kunfidenzjali.
Kawża C-438/04.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:463
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
tat-13 ta' Lulju 2006 (*)
"Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Servizz universali u drittijiet ta' l-utenti – Portabbiltà tan-numri tat-telefon – Spiża ta' stabbiliment fil-każ ta' trasferiment ta' numru tat-telefon mobbli – Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali) – Ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabbiltà tan-numri – Orjentazzjoni tal-prezzijiet skond l-ispejjeż – Setgħa regolatorja ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali– Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) – Protezzjoni ġuridika effettiva – Protezzjoni ta' data kunfidenzjali"
Fil-kawża C-438/04
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Ottubru 2004, fil-kawża
Mobistar SA
vs
Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT),
fil-preżenza ta’ :
Belgacom Mobile SA,
Base SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris (Relatur), G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Mobistar SA, minn F. Louis u A. Vallery, avocats,
– għall-Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT), minn S. Depré, C. Janssens u S. Adam, avocats,
– għal Belgacom Mobile SA, minn D. Van Liedekerke, avocat,
– għal Base SA, minn A. Verheyden u Y. Desmedt, avocats,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Ċiprijot, minn D. Lysandou, bħala aġent,
– għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn K. Smith u G. Peretz, barristers,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Maidani u M. Shotter, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Marzu 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/21/KE, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, p. 33, iktar 'il quddiem id-"Direttiva Kwadru"), kif ukoll tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/22/KE, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, p. 51, iktar 'il quddiem id-"Direttiva Servizz Universali").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Mobistar SA (iktar 'il quddiem "Mobistar") u l-Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT), entità tad-dritt pubbliku, dwar id-deċiżjoni ta' dan ta' l-aħħar tas-16 ta' Settembru 2003 li tiffissa l-ispiża ta' stabbiliment li għandha titħallas mill-operatur ta' telefonija mobbli li jirċievi f'każ ta' trasferiment ta' numru minn operatur għal ieħor għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2002 sa l-1 ta' Ottubru 2005 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").
Il-kuntest guridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Id-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill, Nru 97/33/KE tat-30 ta’ Ġunju 1997, dwar l-interkonnessjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet sabiex ikunu żgurati servizz universali u l-interoperabilità permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-forniment ta’ netwerk miftuħ (ONP) (ĠU L 199, p. 32), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 98/61/KE, ta' l-24 ta' Settembru 1998 (ĠU L 268, p. 37, iktar 'il quddiem id-"direttiva 97/33"), kienet ġiet abrogata mid-Direttiva Kwadru b'effett mill-25 ta' Lulju 2003. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 97/33 stabbilixxiet qafas regolatorju li jassigura, fil-Komunità Ewropea, l-interkonnessjoni tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet u b’mod partikulari, l-interoperabbiltà tas-servizzi u l-provvista ta’ servizz universali f’ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi.
4 L-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva kien jiddefinixxi l-kunċett ta' “interkonnessjoni” bħala "il-konnessjoni fiżika u loġika tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet użati mill-istess organizzazzjoni jew minn organizzazzjoni differenti sabiex tippermetti lill-utenti ta’ korp jikkomunikaw ma’ l-utenti ta’ l-istess organizzazzjoni jew ta' organizzazzjoni oħra jew ikollhom aċċess għas-servizzi pprovduti minn organizzazzjoni oħra" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
5 L-Artikolu 7 ta’ l-istess direttiva kien jistabbilixxi l-prinċipji ta' ipprezzar għal interkonnessjoni u kien jirregola s-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż fil-qasam ta' l-interkonnessjoni. L-Anness IV ta' din id-direttiva kien jinkludi "lista ta' eżempji ta' elementi tal-ħlasijiet għal interkonnessjoni". Dan l-Anness kien jipprovdi, b'mod partikolari li "[il-]ħlasijiet għal interkonnessjoni jistgħu jinkludu parti xierqa, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, ta' l-ispejjeż konnessi u komuni u ta' l-ispejjeż sostnuti sabiex jiġu żgurati l-ugwaljanza ta' aċċess, il-portabbiltà tan-numru u l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali (żamma ta' l-integrità tan-netwerk, sigurtà tan-netwerk f'sitwazzjonijiet ta' urġenza, interoperabilità tas-servizzi u protezzjoni ta' data)" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
6 L-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 97/33 jiddisponi:
"L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinkoraġġixxu l-introduzzjoni, fl-inqas żmien possibbli, tas-servizz ta' portabilità tan-numru ta' l-operatur li jippermetti lill-abbonat, li hekk jitlob, li jżomm in-numru/i tiegħu fin-netwerk telefoniku pubbliku fiss u fin-Netwerk Integrat ta' Servizzi Diġitali (ISDN), indipendentament mill-organizzazzjoni li tipprovdi s-servizzi, f'lok speċifiku fil-każ ta' numri ġeografiċi u f'kull lok fil-każ ta' numri mhux ġeografiċi, u għandhom jiżguraw li dan is-servizz ikun disponibili, l-iktar tard, fl-1 ta' Jannar 2000, jew, fil-pajjiżi li jibbenefikaw minn perijodu tranżitorju addizzjonali, kemm jista' jkun malajr wara din id-data iżda mhux iktar tard minn sentejn wara d-data sussegwenti deċiza għal-liberazzazzjoni kompluta tas-servizzi ta' telefonija bil-leħen.
Sabiex jiżguraw li l-ħlasijiet li għandhom jitħallsu mill-konsumatur ikunu raġonevoli, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-provvista ta' dan is-servizz ikun raġjonevoli." [traduzzjoni mhux uffiċjali].
7 Kien ġie adottat qafas ġuridiku ġdid għan-netwerks u għas-servizzi ta' trażmissjoni kollha taħt il-forma ta' erba' direttivi, jiġifieri, barra mid-Direttiva Kwadru u mid-Direttiva Servizz Univerali, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/19/KE, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' l-Aċċess) (ĠU L 108, p. 7, iktar 'il quddiem id-"Direttiva ta' l-Aċċess") u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2000/20/KE, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, p. 21, iktar 'il quddiem id-"Direttiva ta' Awtorizzazzjoni").
8 L-Artikolu 30 tad-Direttiva Servizz Universal jiddisponi:
"1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-abbonati kollha ta' servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon, [inklużi s-servizzi mobbli], li hekk jitolbu li jkunu jistgħu jżommu n-numru/i tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz:
a) fil-każ ta' numri ġeografiċi, f'lok speċifiku; u
b) fil-każ ta' numri mhux ġeografiċi, f'kull lok.
Dan il-paragrafu ma japplikax għall-portabilità ta' numri bejn networks li jfornu servizzi f'lok fiss u networks mobbli.
2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabilità tan-numru tkun orjentata ma' l-ispejjeż u li ħlasijiet diretti mitluba mill-abbonati, jekk ikun hemm, ma jservux ta' disinċentiv għall-użu ta' dawn il-faċilitajiet.
3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m'għandhomx jimponu tariffi bl-imnut għall-portabilità tan-numri b'mod li jiddistortjaw il-kompetizzjoni, bħal per eżempju billi jiffissaw tariffi bl-imnut speċifiċi jew komuni."
9 L-Artikolu 4(1) tad-direttiva kwadru jiddisponi:
"L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom kull utent jew impriża li tipprovdi networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b'deċiżjoni ta' l-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta' appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta' appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp, li jista' jkun qorti, għandu jkollu l-ħila adattata disponibbli biex tippermettilu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jingħata kont debitu tagħhom u li jkun hemm mekkaniżmu effettiv ta' appell. Sakemm jinqata' dak l-appell, id-deċiżjoni ta' l-awtorità għandha tibqa' sakemm il-bord ta' l-appell ma jiddeċidix xort'oħra."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10 Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, meħuda skond il-liġi Belġjana tas-17 ta' Jannar 2003 dwar l-istatut tar-regolatur tas-setturi tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet Belġjani (Moniteur belge ta' l-24 ta' Jannar 2003, iktar 'il quddiem il-"liġi tas-17 ta' Jannar 2003") u u d-Digriet Irjali tat-23 ta' Settembru 2002 dwar il-portabbiltà tan-numri ta' l-utenti finali tas-servizzi ta' telekomunikazzjonijiet mobbli offruti lill-pubbliku (Moniteur belge ta' l-1 ta' Ottubru 2002, iktar 'il quddiem id-"Digriet Irjali tat-23 ta' Settembru 2002), l-IBPT, awtorità nazzjonali regolatorja fis-sens ta' l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Kwadru, stabbilixxa l-ispiża ta' stabbiliment għal kull numru ta' telefonija mobbli trasferit b'suċċess minn operatur għal ieħor għal EUR 3.86 għal installazzjoni sempliċi u għal EUR 23.41 għal installazzjoni kumplessa u dan għall-perijodu li jibda mill-1 ta' Ottubru 2002 sa l-1 ta' Ottubru 2005. Skond l-Artikolu 19 tad-Digriet Irjali msemmi hawn fuq, l-imsemmija spiża kienet ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-kunċett ta' "spejjeż teoretiċi ta' operatur mobbli effiċjenti". Mill-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan l-imsemmi operatur mhuwiex neċessarjament dak li l-ispejjeż tiegħu huma l-inqas għoljin, iżda huwa dak li għandu jiġi meqjus bħala kompettitiv fost il-grupp ta' ċirkustanzi li jistgħu jiġi mqabbla. Sabiex adotta d-deċiżjoni kkontestata l-IBPT ikkunsidra informazzjoni pprovduta minn Mobistar, Belgacom Mobile SA (iktar 'il quddiem "Belgacom Mobile") u Base SA (iktar 'il quddiem "Base"), li huma t-tliet operaturi ta' telefonija mobbli attivi fil-Belġjum.
11 Id-Digriet Irjali tat-23 ta' Settembru 2002 fih, fost oħrajn, dispożizzjonijiet relatati mad-distribuzzjoni ta' l-ispejjeż li dak li jużaw tan-netwerk isostnu fir-rigward tat-trasferiment tan-numri tat-telefon mobbli. Dan jiddistingwi bejn erba' tipi ta' spejjeż: l-ispejjeż relatati ma' l-implementazzjoni tal-portabbiltà, l-ispejjeż ta' stabbiliment b'linja jew b'numru (iktar 'il quddiem "l-ispejjeż ta' stabbiliment"), l-ispejjeż relatati maċ-ċentru ta' data ta' riferiment kif ukoll l-ispejjeż ta' traffiku relatati mal-portabbiltà (iktar 'il quddiem "l-ispejjeż ta' traffiku").
12 L-Artikolu 18 ta' dan id-Digriet Irjali jiddefinixxi l-ispejjeż ta' stabbiliment bħala "l-ispiża addizzjonali li mhijiex rikorrenti li tirriżulta mit-trasferiment ta' wieħed jew iktar numri mobbli, flimkien ma' l-ispejjeż relatati mat-trasferiment ta' klijenti mingħajr portabbilità tan-numri lil operatur ieħor jew fornitur ta' servizzi mobbli jew sabiex tintemm il-provvista tas-servizz".
13 Skond l-Artikolu 19 ta' l-imsemmi Digriet Irjali, "l-ispejjeż ta' stabbiliment b'linja jew b'numru […] huma ffissati mill-[IBPT] fuq il-bażi ta' spejjeż teoretiċi ta' operatur mobbli effiċjenti. L-ammonti ffissati mill-IBPT sabiex ikopru l-ispejjeż ta' stabbiliment b'linja jew b'numru […] huma orjentati skond l-ispejjeż".
14 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huma biss in kwistjoni l-ispejjeż ta' stabbiliment li jsostni l-operatur ta' netwerk ta' telefonija mobbli li minnu numru tat-telefon jiġi ttrasferit (iktar 'il quddiem l-"operatur li jagħti"). L-operatur li jagħti jista' jiffattura lill-operatur mobbli li lilu n-numru tat-telefon mobbli huwa trasferit (iktar 'il quddiem "l-operatur li jirċievi") l-ispejjeż ta' stabbiliment skond l-ammont iffissat mill-IBPT. L-imsemmi ammont huwa ammont massimu, b'tali mod li l-operaturi ta' telefonija mobbli jistgħu jaqblu fuq ammont iżgħar minn dan. Min-naħa l-oħra, operatur li jagħti jista', bħala regola ġenerali, jeżiġi l-ammont iffissat mill-IBPT anki jekk l-ispejjeż ta' stabbiliment veri tiegħu huma inqas minn dan.
15 Skond l-Artikolu 11 tad-Digriet Irjali tat-23 ta' Settembru 2002, l-operatur ċendenti ma jistax jitlob kumpens mill-konsumatur finali li ttrasferixxa n-numru tiegħu. Barra minn hekk, l-operatur li jirċievi ma jistax jitlob lil dan l-utent kumpens ta' iktar minn EUR 15 għat-trasferiment tan-numru tiegħu.
16 Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 18 ta' dan id-Digriet Irjali, l-ispejjeż ta' traffiku huma "l-ispejjeż addizzjonali li jsiru fuq in-netwerk minn telefonati lil numri trasferiti meta mqabbla ma' telefonati lil numri li mhumiex trasferiti". Dawn l-ispejjeż għandhom ikunu proporzjonalment rimborsati lill-operatur li jagħti mill-operatur tan-netwerk minn fejn saret it-telefonata u li jiffattura t-telefonata lill-utent finali.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 Mobistar ressqet rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-cour d’appel de Bruxelles, fejn qieset li l-ispejjeż iffissati mill-imsemmija deċiżjoni kienu għoljin wisq. Mobistar ressqet dan ir-rikors kontra l-IBPT, Belgacom Mobile u Base. Għall-kuntraru ta' Mobistar, Belgacom Mobile tqis li l-imsemmija spejjeż mhumiex għoljin biżżejjed filwaqt li Base, li ssostni lil Mobistar fit-talbiet tagħha, tqajjem l-illegalità tad-Digriet Irjali tat-23 ta' Settembru 2002 u, għaldaqstant, tad-deċiżjoni kkontestata bbażata fuqu, billi tinvoka, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' osservanza ta' l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva Servizz Universali.
18 Il-cour d’appel de Bruxelles tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata għandha titqis li għandha effetti ta' miżura li biha prezz massimu komuni huwa impost għat-trasferiment ta' numru, prezz li għaldaqstant tista' issir deroga minnu għal prezz inqas biss bil-kunsens ta' l-operatur li jagħti, u tqis li l-fondatezza tar-rikors tiddependi fuq ir-risposti għad-domandi differenti dwar il-legalità tad-Digriet Irjali tat-23 ta' Settembru 2002 li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika ta' l-imsemmija deċiżjoni.
19 F'dawn iċ-ċikustanzi, il-cour d’appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Għal dak li jikkonċerna s-servizz ta' portabbiltà tan-numri previst fl-Artikolu 30 tad-Direttiva [Servizz Universali]:
a) L-Artikolu 30(2) tad-[Direttiva Servizz Universali], li jipprevedi li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabbiltà tan-numri jkun orjentat ma' l-ispejjeż, jirreferi biss għall-ispejjeż relatati mat-traffiku lejn in-numru trasferit jew ukoll għall-ipprezzar ta' l-ispejjeż sostnuti mill-operaturi għall-eżekuzzjoni tat-talbiet għal trasferiment tan-numru?
b) Jekk l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva [Servizz Universali] jirreferi biss għall-ispejjeż ta' interkonnessjoni relatati mat-traffiku lejn in-numru trasferit, dan għandu jiġi interpretat:
i) fis-sens li jħalli lill-operaturi liberi li jinnegozjaw il-kundizzjonijiet kummerċjali tas-servizz u li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu ex ante kundizzjonijiet kummerċjali fuq l-impriżi li għandhom l-obbligu li jipprovdu s-servizz ta' portabbiltà tan-numru għal dak li jikkonċerna l-provvisti relatati ma' l-eżekuzzjoni ta' talba għal trasferiment?
ii) fis-sens li ma jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jimponu ex ante kundizzjonijiet kummerċjali għall-imsemmi servizz fuq l-operaturi li kienu ġew indikati bħala li għandhom poter sinjifikattiv f'suq partikolari?
c) Jekk l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva [Servizz Universali] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq l-operaturi kollha l-obbligu ta' l-orjentazzjoni ma' l-ispejjeż għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż ta' trasferiment tan-numru, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi:
i) miżura regolatorja nazzjonali li timponi metodu ta' kalkolu speċifiku għall-kalkolu ta' l-ispejjeż?
ii) miżura nazzjonali li tistabbilixxi ex ante d-distribuzzjoni ta' l-ispejjeż bejn l-operaturi?
iii) miżura nazzjonali li tawtorizza lill-awtorità regolatorja tiffissa ex ante għall-operaturi kollha u għal perijodu determinat l-ammont massimu ta' ħlasijiet li l-operatur li jagħti jista' jitlob lill-operataur li jirċievi?
iv) miżura nazzjonali li tagħti lill-operatur li jagħti d-dritt li japplika t-tariffa stabbilta mill-awtorità regolatorja nazzjonali billi tneħħilu l-obbligu li jipprova li t-tariffa li huwa applika hija orjentata ma' l-ispejjeż proprji?
2) Għal dak li jikkonċerna d-dritt ta' appell previst mill-Artikolu 4 tad-Direttiva [Kwadru]:
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [Kwadru] għandu jiġi interpretata fis-sens li l-awtorità indikata sabiex tisma' l-appelli għandha jkollha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex il-mertu tal-kawża jkun jista' jittieħed in kunsiderazzjoni b'mod xieraq, inkluża l-informazzjoni kunfidenzjali fuq il-bażi ta' liema l-awtorità regolatorja adottat id-deċiżjoni li hija s-suġġett ta' l-appell?
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel domanda
20 Permezz ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabbiltà tan-numri, hekk kif previst fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva Servizz Universali, jikkonċernax, barra mill-ispejjeż tat-traffiku, ukoll l-ispejjeż ta' stabbiliment.
21 Mobistar u Belgacom Mobile kif ukoll l-IBPT, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvernijet Ċiprijott u Litwan jsostnu li d-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Artikolu 30(2) jikkonċernaw biss l-ispejjeż relatati mat-traffiku lejn in-numru portabbilitat u mhux l-ispejjeż sostnuti għall-eżekuzzjoni ta' talba għal trasferiment ta' numri bejn operaturi mobbli.
22 Għall-kuntrarju, Base kif ukoll il-Gvernijiet Taljan u tar-Renju Unit iqisu li l-ipprezzar għal interkonnessjoni previst fl-imsemmi Artikolu jkopri s-servizzi kollha relatati ma' l-eżekuzzjoni tal-portabbiltà tan-numri li għalihom l-operaturi għandhom id-dritt jitolbu kumpens.
23 L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta' portabbiltà tan-numri jkopri l-faċilità li tippermetti lil abbonat ta' telefonija mobbli jżomm l-istess numru tat-telefon fil-każ ta' bidla ta' l-operatur.
24 L-implementazzjoni ta' din il-faċilità teħtieġ li l-pjattaformi bejn operaturi jkunu kompatibbli, li n-numru ta' l-abbonat ikun trasferit minn operatur għal ieħor u li l-operazzjonijiet tekniċi jippermettu t-twassil ta' telefonati lejn in-numru trasferit.
25 Il-portabbiltà tan-numri għandha bħala għan li tneħħi l-ixkiel għal għażla ħielsa tal-konsumaturi b'mod partikolari bejn l-operaturi tat-telefonija mobbli u għalhekk li tiggarantixxi l-iżvilupp ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi telefoniċi.
26 Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-leġiżlatur Komunitarju ppreveda fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva Servizz Universali li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabbiltà tan-numri jkun orjentat ma' l-ispejjeż u li, jekk ikun il-każ, il-ħlasijiet li għandhom jitħallsu mill-abbonati ma jservux ta' disinċentiv għall-użu ta' dawn il-faċilitajiet.
27 Issa, l-interpretazzjoni li l-ispejjeż ta' stabbiliment mhumiex koperti mill-imsemmija dispożizzjoni tmur kontra l-għan u l-finalità tad-Direttiva Servizz Universali u tqiegħed f'riskju li jiġi limitat l-effett utli ta' din mil-lat tal-forniment tal-portabbiltà.
28 Fil-fatt, l-ispejjeż ta' stabbiliment jirrapreżentaw parti sostanzjali mill-ispejjeż li jistgħu direttament jew indirettament jiġu mgħoddija mill-operatur li jagħti lill-abbonat li jrid juża din il-faċilità tal-portabbiltà ta' numru mobbli tiegħu.
29 Għalkemm tali spejjeż ma jaqawx taħt l-obbligu ta' sorveljanza li jimponi l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva Servizz Universali, l-iffissar tagħhom fuq livelli għolja wisq mill-operaturi li jagħtu, b'mod partikolari dawk diġà stabbiliti fis-suq u li għandhom klijentela kbira, iwassal għar-riskju li l-konsumaturi jkunu ddisswadati milli jużaw din il-faċilità jew anki li jrendi din il-faċilità illużorja ħafna fil-fatti.
30 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda għandha tkun li l-ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabbiltà tan-numri previst fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva Servizz Universali jikkonċerna l-ispejjeż ta' traffiku tan-numri trasferiti u l-ispejjeż ta' stabbiliment sostnuti mill-operaturi tat-telefonija mobbli sabiex jiġu eżegwiti t-talbiet għal portabbilità ta' numru.
Fuq it-tieni u t-tielet parti ta' l-ewwel domanda
31 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti ta' l-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata tweġiba għat-tielet parti ta' din id-domanda.
32 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħux jiffissaw minn qabel prezzijiet massimi għall-operaturi kollha tat-telefonija mobbli permezz ta' mudell teoretiku ta' spejjeż.
33 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva Servizz Universali jobbliga lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiżguraw li l-operaturi jiddeterminaw il-prezzijiet abbażi ta' l-ispejjeż tagħhom u, barra minn hekk, li l-prezzijiet ma jkunux dissważivi għall-konsumatur.
34 Peress li ġie kkonstatat li t-tariffi huma ffissati abbażi ta' l-ispejjeż, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti ċerta marġni ta' diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni u jiddefinixxu l-metodu li jidrilhom l-iktar xieraq sabiex tiġi implementata kompletament l-effettività tal-portabbiltà, b'tali mod li l-konsumaturi ma jkunux ddisswadati milli jużaw din il-faċilità.
35 Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija marġni ta' diskrezzjoni ma kinitx eċċeduta, f'dan il-każ, mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Fil-fatt, metodu li jikkonsisti fid-definizzjoni ta' ammont massimu ta' prezz, bħal dak stabbilit f'dan il-każ mill-awtoritajiet Belġjani, jista' jiġi kkunisdrat bħala kompatibbli ma' l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva Servizz Universali sakemm l-operaturi l-ġodda jkollhom il-possibbiltà effettiva li jikkontestaw l-applikazzjoni ta' prezzijiet massimi mill-operaturi diġà preżenti fis-suq, billi juru li dawn il-prezzijiet huma għoljin wisq meta mqabbla ma' l-istruttura ta' l-ispejjeż ta' dawn l-operaturi.
36 B'hekk, minn dak li ntaq qabel jirriżulta li, bħala regola ġenerali, id-Direttiva Servizz Universali ma tipprekludix li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiffissaw minn qabel il-prezzijiet massimi għall-operaturi kollha tat-telefonija mobbli permezz ta' mudell teoretiku ta' l-ispejjeż.
37 Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tielet parti ta' l-ewwel domanda għanda tkun li l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva Servizz Universali ma jipprekludix l-adozzjoni ta' miżura nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi minn qabel u permezz ta' mudell teoretiku ta' l-ispejjeż, il-prezzijiet massimi li jistgħu jiġu mitluba mill-operatur li jagħti mingħand l-operatur li jirċievi, bħala spejjeż ta' stabbiliment, peress li t-tariffi huma ffissati abbażi ta' l-ispejjeż b'tali mod li l-konsumaturi mhumiex ddisswadati milli jużaw din il-faċilità tal-portabbiltà.
Fuq it-tieni domanda
38 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tipprova, essenzjalment, tistabbilixxi, jekk mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Kwadru jirriżultax li korp indipendenti kopert minn din id-dispożizzjoni, bħall-qorti tar-rinviju, għandux ikollu d-data kollha neċessarja għall-eżami tal-fondatezza ta' appell imressaq quddiemu, inkluża d-data li, skond il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-kunfidenzjalità tal-kummerċ, hija kunfidenzjali.
39 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-IBPT jinvoka l-obbligu ta' kunfidenzjalità li huwa għandu b'applikazzjoni ta' l-istatut tiegħu kif definit mil-liġi tas-17 ta' Jannar 2003.
40 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-korp awtorizzat li jisma' l-appelli mressqa kontra d-deċiżjonijiet ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali skond l-Artikolu 4 tad-direttiva kwadru għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ikun jista' jiddeċiedi fid-dawl tal-fatti kollha magħrufa, fuq il-fondatezza ta' l-imsemmija appelli, inkluża l-informazzjoni kunfidenzjali. Madankollu, il-protezzjoni ta' tali informazzjoni kif ukoll tal-kunfidenzjalità tal-kummerċ għanda tiġi garantita u għandha tiġi adattata b'mod illi tkun irrikonċiljata mar-rekwiżiti ta' protezzjoni ġuridika effettiva u l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-kawża.
41 Mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Kwadru jirriżulta b'mod espliċitu li d-dritt ta' appell li jista' jiġi eżerċitat minn kull utent jew fornitur kontra d-deċiżjonijiet ta' l-awtorità regolatorja li jaffettwawh għandu jkun ibbażat fuq mekkaniżmu ta' appell effettiv li jippermetti li l-mertu tal-kawża jittieħed in kunsiderazzjoni b'mod xieraq.
42 Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) ta' l-istess direttiva jipprevedi li, fil-kuntest ta' skambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Kummissjoni, l-informazzjoni meqjusa kunfidenzjali mill-imsemmija awtoritajiet tista' tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni li għandha, manadkollu, tiggarantixxi din il-kunfidenzjalità.
43 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Kwadru għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp awtorizzat li jisma' l-appelli mressqa kontra d-deċiżjonijiet ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali għandu jiddisponi mill-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ikun jista' jeżamina l-mertu ta' appell, inkluża, f'dan il-każ, l-informazzjoni kunfidenzjali li l-imsemmija awtoritajiet ħadu in kunsiderazzjoni sabiex jadottaw id-deċiżjoni li hija s-suġġett ta' l-appell. Madankollu, dan il-korp għandu jiggarantixxi t-trattament kunfidenzjali tad-data in kwistjoni filwaqt li josserva r-rekwiżiti ta' protezzjoni ġuridika effettiva u jiżgura l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-kawża.
Fuq l-ispejjeż
44 Peress illi din l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabbiltà tan-numri previst fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/22/KE, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) jikkonċerna l-ispejjeż ta' traffiku tan-numri trasferiti u l-ispejjeż ta' stabbiliment sostnuti mill-operaturi tat-telefonija mobbli sabiex jiġu eżegwiti t-talbiet għal trasferiment ta' numru.
2) L-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2002/22 ma jipprekludix l-adozzjoni ta' miżura nazzjonali li tiddefinixxi metodu speċifiku u li tistabbilixxi minn qabel u permezz ta' mudell teoretiku ta' l-ispejjeż, il-prezzijiet massimi li jistgħu jiġu mitluba mill-operatur li jagħti mingħand l-operatur li jirċievi, bħala spejjeż ta' stabbiliment, peress li t-tariffi huma ffissati abbażi ta' l-ispejjeż b'tali mod li l-konsumaturi mhumiex ddisswadati milli jużaw din il-faċilità tal-portabbiltà.
3) L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/21/KE, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp awtorizzat li jisma' l-appelli mressqa kontra d-deċiżjonijiet ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali għandu jiddisponi mill-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ikun jista' jeżamina l-mertu ta' appell, inkluża, f'dan il-każ, l-informazzjoni kunfidenzjali li l-imsemmija awtoritajiet ħadu in kunsiderazzjoni sabiex jadottaw id-deċiżjoni li hija s-suġġett ta' l-appell. Madankollu, dan il-korp għandu jiggarantixxi t-trattament kunfidenzjali tad-data in kwistjoni filwaqt li josserva r-rekwiżiti ta' protezzjoni ġuridika effettiva u jiżgura l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-kawża.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.