Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CJ0001

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta' Jannar 2006.
Susanne Staubitz-Schreiber.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili - Proċedimenti ta' falliment - Regolament (KE) Nru 1346/2000 - Applikazzjoni fiż-żmien - Qorti kompetenti.
Kawża C-1/04.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:39

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta' Jannar 2006 (*)

"Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedimenti ta’ falliment – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Applikazzjoni fiż-żmien – Qorti kompetenti"

Fil-kawża C-1/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Novembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Jannar 2004, fil-proċedura

Susanne Staubitz-Schreiber

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, A. La Pergola, J.-P. Puissochet (Relatur) u R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, J. Klučka, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruíz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann, bħala aġenta,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H.‑G. Sevenster u N. A. J. Bel, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Grünheid u A.‑M. Rouchaud‑Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment (ĠU L 160, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament").

2       Din it-talba kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedura ta' rikors imressaq quddiem il-Bundesgerichtshof mis-Sinjura Staubitz-Schreiber (iktar 'il quddiem "ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali") wara li t-talba tagħha biex tinfetaħ proċedura ta' falliment ("Insolvenzverfahren") kienet ġiet miċħuda mill-Amtsgericht Insolvenzgericht de Wuppertal u mbagħad, fuq appell, mil-Landgericht Wuppertal.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Skond ir-raba' u s-sitt premessi tiegħu, ir-Regolament jiddefinixxi regoli ta' kompetenza biex jinfetħu proċedimenti ta' falliment li għandhom effetti transfruntalieri, kif ukoll biex jingħataw deċiżjonijiet li huma bbażati direttament fuq dawn il-proċedimenti u li huma marbutin mill-qrib magħhom. Ir-Regolament jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-għarfien ta' dawn id-deċiżjonijiet u dwar id-dritt applikabbli u l-għan tiegħu huwa li, b'mod partikolari, jiġi evitat li l-partijiet ikollhom inċentivi biex jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat għal ieħor sabiex itejbu s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom.

4       Mit-tnax-il premessa tar-Regolament jirriżulta li r-Regolament jipprevedi l-ftuħ tal-proċedura prinċipali ta' falliment fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tiegħu. Din il-proċedura għandha portata universali u hija intiża, prinċipalment, biex tkopri l-assi kollha tad-debitur, bla ħsara, b'mod partikolari, għall-ftuħ ta' proċedimenti sekondarji, li jimxu flimkien ma' dawk prinċipali, fl-Istat jew Stati Membri fejn id-debitur ikollu stabbiliment u li l-effetti tagħhom huma limitati għall-assi li jinsabu f'dan l-Istat jew Stati.

5       Skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament, dan japplika, bla ħsara għall-każijiet partikolari msemmija fil-paragrafu (2) tiegħu, "għal proċedimenti kollettivi ta' falliment li jinvolvu t-tneħħija ta' l-assi parzjali jew totali [mill-pussess tad-] debitur u l-ħatra ta' likwidatur".

6       Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament:

"a)       'proċedimenti ta' falliment' għandu jfisser il-proċedimenti kollettivi msemmija fl-Artikolu 1(1). Dawn il-proċedimenti huma mniżżla fl-Anness A;

[…]

d)       'qorti' għandu jfisser korp ġudizzjarju jew korp kompetenti ieħor ta' Stat Membru li jkun awtorizzat li jiftaħ il-proċedimenti ta' falliment jew li jieħu deċiżjoni fil-kors ta' proċedimenti bħal dawn;

e)       'ġudizzju' b'relazzjoni mal-ftuħ ta' proċedimenti ta' falliment jew tal-ħatra ta' likwidatur għandu jinkludi d-deċiżjonijiet ta' [kull] qorti awtorizzata li tiftaħ proċedimenti bħal dawk jew li taħtar likwidatur;

f)       'iż-żmien tal-ftuħ ta' proċedimenti' għandha tfisser iż-żmien meta l-ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti jsir effettiv, sew jekk ikun ġudizzju finali u anki jekk ma jkunx;

[…]"

7       Fir-rigward ta' ġurisdizzjoni internazzjonali, l-Artikolu 3 tar-Regolament jipprovdi r-regoli segwenti:

"1.      Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkoll[hom] il-ġurisdizzjoni biex jift[ħu] l-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.      Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għand[hom ikunu] ristrett[i] għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

3.      Meta proċedimenti ta’ falliment jinfetħu permezz ta’ paragrafu 1, [kull] proċedimenti miftuħa sussegwentament permezz ta’ paragrafu 2 għandhom ikunu proċedimenti sekondarji. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikun proċedimenti ta’ [stralċ].

4.      Proċedimenti territorjali ta’ falliment imsemmija f’paragrafu 2 jistgħu jinfetħu qabel il-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali ta’ falliment skond il-paragrafu 1 biss:

a)       meta l-proċedimenti ta’ falliment [taħt] paragrafu 1 ma jistgħux jinfetħu minħabba l-kondizzjonijiet meħtieġa bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur;

jew

b)       meta l-ftuħ ta’ proċedimenti territorjali ta’ falliment ikun mitlub minn kreditur li jkollu d-domiċilju tiegħu, ir-residenza tas-soltu jew l-uffiċċju rreġistrat fl-Istat Membru fit-territorju li fih ikun jinstab l-istabbiliment, jew li t-talba tiegħu toriġina mill-operazzjoni ta’ dak l-istabbiliment."

8       L-Artikolu 4(1) tar-Regolament jindika bħala l-liġi applikabbli għall-proċedura ta' falliment u għall-effetti tagħha "dik ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn 'il quddiem imsemmija bħala l-'Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti'. Madankollu, l-Artikoli 5 sa 15 tar-Regolament jipprovdu diversi eċċezzjonijiet għal-liġi ta' l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti.

9       Skond l-Artikolu 16(1) tar-Regolament, "[kull] ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta' falliment mogħti minn qorti ta' Stat Membru li jkoll[ha] l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti. Din ir-regola għandha wkoll tapplika fejn, minħabba l-kapaċità tiegħu, proċedimenti ta' falliment ma jistgħux jinġiebu kontra debitur fi Stat Membru ieħor".

10     Skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament, "[i]l-ġudizzju [deċiżjoni] li jiftaħ il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) għandu, mingħajr aktar formalitajiet, jipproduċi l-istess effetti f'[kull] Stat Membru ieħor hekk kif jagħmel b'din il-liġi ta' l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti, sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor u sakemm l-ebda proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(2) ma jkunu nfetħu f'xi Stat Membru ieħor".

11     L-Artikolu 38 tar-Regolament jipprovdi li "[m]eta l-qorti ta' Stat Membru li jkollha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament taħtar amministratur temporanju sabiex tassigura l-preservazzjoni ta' l-assi tad-debitur, dak l-amministratur temporanju għandu jkun awtorizzat li jitlob [kull] miżur[a] sabiex jassigura u jippreserva [l-]assi tad-debitur li jkunu jinstabu fi Stat Membru ieħor, kif ipprovdut permezz tal-liġi ta' dak l-Istat, għal perijodu bejn it-talba għal bidu tal-proċedimenti ta' falliment u s-sentenza għal ftuħ tal-proċedimenti".

12     Taħt it-titolu ta' dispożizzjonijiet tranżitorji, l-Artikolu 43 tar-Regolament, intitolat "Applikabilità fiż-żmien", jipprovdi:

"Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għal proċedimenti ta' falliment miftuħa wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Atti magħmula minn debitur qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jibqgħu jiġu rregolati bil-liġi li tapplika għalihom fiż-żmien ta' meta saru."

13     L-Artikolu 44 tar-Regolament, intitolat "Relazzjonijiet għal Konvenzjonijiet", jipprovdi wkoll:

"1.      Wara li jidħol fis-seħħ, dan ir-Regolament jibdel, f'dak li għandu x'jaqsam ma' materji msemmija hemmhekk, […] il-Konvenzjonijiet konklużi bejn tnejn jew aktar Stati Membri […].

2.      Il-Konvenzjonijiet imsemmija f[il-]'paragrafu 1 għandhom jibqgħu effettivi fir-rigward ta' proċedimenti miftuħa qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

[…]"

14     Skond l-Artikolu 47 tiegħu, ir-Regolament daħal fis-seħħ fil-31 ta' Mejju 2002. L-Anness A tiegħu jsemmi l-"Insolvenzverfahren" tad-dritt Ġermaniż bħala proċedura ta' falliment fis-sens ta' l-Artikolu 2(a) ta' l-istess Regolament.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha r-residenza tagħha fil-Ġermanja fejn kienet tiġġestixxi negozju indipendenti ta' kummerċ f'apparat ta' telekomunikazzjoni u aċċessorji. Hija waqfet minn dan in-negozju matul is-sena 2001 u fis-6 ta' Diċembru 2001 talbet li tinfetaħ proċedura ta' falliment fil-rigward tal-patrimonju tagħha quddiem l-Amtsgericht-Insolvenzgericht ta' Wuppertal. Fl-1 ta' April 2002 hija trasferixxiet ir-residenza tagħha lejn Spanja sabiex tgħix u taħdem hemmhekk.

16     Din il-qorti, permezz ta' digriet ta' l-10 ta' April 2002, irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta' falliment mitluba minħabba n-nuqqas ta' assi. Ir-rikors imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra dan id-digriet kien ġie miċħud mil-Landgericht Wuppertal permezz tad-digrieti ta' l-14 ta' Awissu 2002 u tal-15 ta' Ottubru 2003 għar-raġuni li l-qrati Ġermaniżi, skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament, ma kinux kompetenti biex jiftħu l-proċedura ta' falliment minħabba li ċ-ċentru ta' interessi prinċipali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien jinsab fi Spanja.

17     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet rikors quddiem il-Bundesgerichtshof sabiex tikseb l-annullament tad-digrieti msemmija u r-rinviju tal-kawża quddiem il-Landgericht Wuppertal. Hija ssostni li l-ġurisdizzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-mument meta tressqet it-talba biex tinfetaħ il-proċedura ta' falliment, jiġifieri, f'dan il-każ, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li f'Diċembru 2001 id-domiċilju tagħha kien fil-Ġermanja.

18     Qabel kollox, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skond l-Artikoli 43 u 44(2) tar-Regolament, il-kawża prinċipali mressqa quddiemha taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament minħabba li ma kienet ittieħdet l-ebda deċiżjoni pożittiva biex tinfetaħ proċedura ta' falliment qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament fil-31 ta' Mejju 2002.

19     Din il-qorti tosserva wkoll li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali trasferiet iċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tagħha lejn Spanja wara li talbet il-ftuħ ta' proċedura ta' falliment fil-Ġermanja iżda qabel ma' din il-proċedura nfetħet u pproduċiet l-effetti tagħha skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

20     F'dan il-kuntest, il-Bundesgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Għandha l-qorti ta' Stat Membru li quddiemha tressqet talba biex tinfetaħ proċedura ta' falliment tibqa' kompetenti biex tiftaħ din il-proċedura meta d-debitur jittrasferixxi ċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tiegħu lejn it-territorju ta' Stat Membru ieħor wara li tkun saret it-talba iżda qabel ma tinfetaħ il-proċedura, jew hija l-qorti ta' dan l-Istat Membru l-ieħor li ssir kompetenti?"

 Fuq id-domanda preliminari

21     L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 43 tar-Regolament tistabbilixxi l-prinċipju li jirregola l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni fiż-żmien ta' dan ir-Regolament. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika sakemm ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni biex tinfetaħ proċedura ta' falliment qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, fil-31 ta' Mejju 2002, anki jekk it-talba għal deċiżjoni biex tinfetaħ proċedura tkun saret qabel din id-data. Din hija s-sitwazzjoni fil-każ in eżami minħabba li t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali saret fis-6 ta' Diċembru 2001 u qabel il-31 ta' Mejju 2002 kienet għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni biex tinfetaħ proċedura ta' falliment.

22     Minn dan isegwi li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina l-kompetenza tagħha fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament.

23     Din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-qrati ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tad-debitur huma kompetenti biex jiftħu l-proċedura ta' falliment, ma tippreċiżax jekk il-qorti li quddiemha titressaq l-ewwel it-talba tibqax kompetenti meta d-debitur jittrasferixxi ċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tiegħu wara li tkun saret it-talba biex tinfetaħ il-proċedura iżda qabel ma tingħata d-deċiżjoni biex tinfetaħ.

24     Madankollu, trasferiment, abbażi ta' dan, tal-kompetenza tal-qorti li quddiemha titressaq l-ewwel it-talba lejn qorti ta' Stat Membru ieħor huwa kontra l-għanijiet tar-Regolament Nru 1346/2000.

25     Fil-fatt, fir-raba' premessa ta' dan ir-Regolament, il-leġiżlatur Komunitarju jindika l-intenzjoni tiegħu li jevita li l-partijiet fil-proċedura jkollhom inċentivi biex jittrasferixxu assi jew proċeduri ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor sabiex itejbu s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom. Dan il-għan ma jkunx jista' jintlaħaq jekk id-debitur ikun jista' jittrasferixxi ċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tiegħu lejn Stat Membru ieħor bejn meta jressaq it-talba biex tinfetaħ il-proċedura u meta tittieħed id-deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura u b'hekk jiddetermina l-qorti kompetenti kif ukoll id-dritt applikabbli.

26     Trasferiment tal-kompetenza bħal dan imur ukoll kontra l-għan, indikat fit-tieni u fit-tmien premessi tar-Regolament, li l-funzjonament tal-proċeduri transfruntalieri jkun effettiv, aħjar u aktar mgħaġġel billi l-kredituri jkunu dejjem marbuta jfittxu lid-debitur fil-post fejn dan jiddeċiedi li jistabbilixxi b'mod, bejn wieħed u ieħor, definittiv, u joħloq ir-riskju li, fil-prattika, iwassal ħafna drabi għal dewmien fil-proċedura.

27     Barra minn hekk, jekk il-qorti li quddiemha titressaq l-ewwel it-talba tibqa' kompetenti, tkun assigurata l-aktar ċertezza legali għall-kredituri li, fil-mument meta stabbilixxew relazzjonijiet ġuridiċi mad-debitur, kienu eżaminaw ir-riskji li jkollhom jassumu fil-każ tal-falliment tiegħu fir-rigward tal-lokalizzazzjoni taċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tiegħu.

28     Il-portata universali tal-proċedura prinċipali ta' falliment, il-ftuħ, jekk ikun il-każ, ta' proċeduri sekondarji, kif ukoll il-possibbiltà li l-amministratur temporanju maħtur mill-qorti li quddiemha tressqet l-ewwel it-talba jitlob miżuri għall-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-proprjetà tad-debitur li tinsab fi Stat Membru ieħor, huma, barra minn hekk, garanziji importanti għall-kredituri li jippermettu li tiġi assigurata l-kopertura l-aktar wiesgħa tal-patrimonju tad-debitur, b'mod partikolari meta dan ikun ittrasferixxa ċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tiegħu wara t-talba biex tinfetaħ il-proċedura iżda qabel ma tinfetaħ il-proċedura.

29     Għaldaqstant, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tad-debitur meta dan iressaq it-talba biex tinfetaħ il-proċedura ta' falliment, tibqa' kompetenti biex tiftaħ din il-proċedura meta dan id-debitur jittrasferixxi ċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tiegħu lejn it-territorju ta' Stat Membru ieħor wara li jkun ressaq it-talba iżda qabel tinfetaħ il-proċedura.

 Fuq l-ispejjeż

30     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tad-debitur meta dan iressaq it-talba biex tinfetaħ il-proċedura ta' falliment, tibqa' kompetenti biex tiftaħ din il-proċedura meta dan id-debitur jittrasferixxi ċ-ċentru ta' l-interessi prinċipali tiegħu lejn it-territorju ta' Stat Membru ieħor wara li jkun ressaq it-talba iżda qabel tinfetaħ il-proċedura.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq