EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CJ0453

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-1 ta' Ġunju 2006.
innoventif Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Berlin - il-Ġermanja.
Libertà ta' stabbiliment - Artikoli 43 KE u 48 KE - Fergħa ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata stabbilità fi Stat Membru ieħor - Reġistrazzjoni ta' l-għanijiet fir-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali - Rekwiżit li jsir ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż għall-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet kollha - Kumpatibbiltà.
Kawża C-453/04.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:361

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta' Ġunju 2006 (*)

"Libertà ta' stabbiliment – Artikoli 43 KE u 48 KE – Fergħa ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata stabbilità fi Stat Membru ieħor – Reġistrazzjoni ta' l-għanijiet fir-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali – Rekwiżit li jsir ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż għall-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet kollha – Kumpatibbiltà"

Fil-kawża C-453/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landgericht Berlin (il-Ġermanja), permezz ta' Deċiżjoni tat-31 ta' Awwissu 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-28 ta' Ottubru 2004, fil-proċedimenti mibdija minn

innoventif Limited,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr, bħala aġent,

–       għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–       għall-Gvern Slovakk, minn R. Procházka, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE u 48 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors imressaq minn innoventif Limited (iktar 'il quddiem "innoventif") kontra d-deċiżjoni ta' l-Amtsgericht Charlottenburg li tiċħad it-talba tagħha sabiex tiġi rreġistrata fir-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali l-fergħa tagħha stabbilità fil-Ġermanja, minħabba l-fatt li innoventif irrifjutat li tħallas bil-quddiem parti mill-ispejjeż previsti għall-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet li jinsabu fil-memorandum ta' assoċjazzjoni tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta' Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU L 65, p. 8, iktar 'il quddiem l-"Ewwel Direttiva"), hija applikabbli għall-kumpanniji. Billi għandha bħala għan is-salvagwardja ta' terzi li jinnegozjaw ma dawn il-kumpanniji, hija tipprevedi, b'mod partikolari, iż-żamma ta' fajl li jkun fih ċerta informazzjoni. Dan il-fajl jinżamm għal kull kumpannija rreġistrata fir-Reġistru Kummerċjali li jkopri territorju speċifiku.

4       Skond l-Artikolu 2(1)(a) ta' l-Ewwel Direttiva:

"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw żvelar obbligatorju minn kumpaniji ta’ għall-inqas id-dokumenti u dettalji li ġejjin:

a)       Id-dokument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk huma jinsabu f’dokument separat".

5       L-Artikolu 3(2) u (4) ta' l-Ewwel Direttiva jipprovdu li:

"2.      Id-dokumenti u dettalji kollha li għandhom jiġu żvelati skond l-Artikolu 2 għandhom jinżammu fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru […]

[…]

4.      Żvelar tad-dokumenti u dettalji msemmija f’paragrafu 2 għandu jiġi effettwat permezz ta’ pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali nominata għal dak l-iskop mill-Istat Membru, sew tat-test sħiħ u sew tat-test parzjali, jew permezz ta’ riferenza għad-dokument li ġie depożitat fil-fajl jew imdaħħal fir-reġistru.

6       Il-Ħdax-ilDirettiva tal-Kunsill 89/666/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-ħtiġiet ta' l-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor (ĠU L 395, p. 36, iktar 'il quddiem il-Ħdax-il Direttiva"), tkopri l-friegħi ta' kumpanniji.

7       Skond l-Artikolu 1(1) tal-Ħdax-il Direttiva:

"Id-dokumenti u l-partikolaritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ fergħa miftuħa fi Stat Membru minn kumpannija li hija rregolata bil-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor u li għalihom tapplika d-Direttiva 68/151/KEE għandhom jiġu żvelati skond il-liġijiet ta’ l-Istat Membru tal-fergħa, skond l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva."

8       L-Artikolu 2(1) tal-Ħdax-il Direttiva jipprevedi lista ta' dokumenti u partikolaritajiet li għandhom ikunu s-suġġett ta' pubblikazzjoni fl-Istat Membru fejn hija stabbilitàstabbilità l-fergħa. L-Artikolu 2(2)(b) jippermetti l-Istat Membru li fih tkun infetħet il-fergħa li jipprovdi obbligi supplementarji fil-qasam ta' żvelar, li jirrigwardaw, b'mod partikolari, "l-istrumenti tal-kostituzzjoni u l-memorandum u l-artikoli ta' l-assoċjazzjoni, jekk ikunu jinsabu fi strument separat skond l-Artikolu 2(1)(a), (b) u (ċ) ta' [l-Ewwel] Direttiva".

9       L-Artikolu 4 tal-Ħdax-il Direttiva jipprevedi li l-Istat Membru li fih tkun infetħet l-fergħa jista’ jitlob l-użu ta' lingwa oħra uffiċjali tal-Komunità Ewropea, kif ukoll it-traduzzjoni ċċertifikata tad-dokumenti ppubblikati, b'mod partikolari għall-iżvelar previst fl-Artikolu 2(2)(b) ta' l-imsemmija Direttiva.

 Id-dritt nazzjonali

10     L-Artikolu 8(1) u (2) tal-liġi federali dwar l-ispejjeż proċedurali f'qasam li mhuwiex ta’ xorta kontenzjuża (Gesetz über die Kosten in Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit), tas-26 ta' Lulju 1957 (BGBl. 1957 I, p. 960, iktar 'il quddiem il-"KostO"), intitolat "Ħlasijiet bil-quddiem", jiddisponi li:

"(1) Għal dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet amministrattivi li jitwettqu fuq talba, il-persuna li għandha tbati l-ispejjeż għandha tħallas parti bil-quddiem suffiċjenti li tkoprihom […]

(2) Għal dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet amministrattivi li jitwettqu fuq talba, l-eżekuzzjoni tagħhom hija suġġetta għall-ħlas jew garanzija ta' ħlas bil-quddiem."

11     L-Artikolu 14 tal-KostO, intitolat "Dikjarazzjoni ta' l-spejjeż, rikorsi, appelli", jipprevedi li:

"(1)      L-ispejjeż għandhom jiġu stabbiliti mill-qorti li quddiemha l-kawża hija pendenti jew li quddiemha kienet pendenti l-aħħar, anki jekk dawn jirriżultaw quddiem il-qorti li għandha tieħu konjizzjoni tal-kwistjoni […]

(2)      Il-qorti li tkun stabbiliet l-ispejjeż għandha tiddeċiedi dwar kull appell imressaq mid-debitur u mit-Teżor kontra d-dikjarazzjoni ta' l-ispejjeż.

(3)      Id-debitur u t-Teżor jistgħu jappellaw mid-deċiżjoni mogħtija fuq l-appell, jekk il-valur ta' l-oġġett li dwaru appellaw jeċċedi EUR 200."

12     Il-Kodiċi tal-Kummerċ (Handelsgesetzbuch), ta' l-10 ta' Mejju 1897 (RGBl. 1897, p. 219), kif emendat l-aħħar mill-Artikolu 1 tal-liġi tal-15 ta' Diċembru 2004 (BGBl. 2004 I, p. 3408, iktar 'il quddiem il-"HGB"), fih regoli dwar ir-reġistrazzjoni ta' friegħi fir-Reġistru Kummerċjali.

13     L-Artikolu 13b(2) u (3) tiegħu, intitolat "Friegħi ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata li jinsabu fit-territorju nazzjonali", jiddisponi li:

"(2) L-istabbiliment ta' fergħa għandha tiġi ddikjarata mid-diretturi. Kopja ċċertifikata ta' l-artikoli ta' assoċjazzjoni […] għandha tiġi mehmuża mad-dikjarazzjoni.

(3) Ir-reġistrazzjoni għandha jkun fiha wkoll id-dettalji msemmija fl-Artikolu 10(1) u (2) tal-liġi dwar il-kumpannija ta' responsabbiltà limitata."

14     Għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji ta' responsabbiltà limitata stabbiliti barra mill-pajjiż, l-Artikolu 13g(2) u (3) tal-HGB jiddisponi li:

"(2) Il-kopja ċċertifikata ta' l-artikoli ta' l-assoċjazzjoni u, jekk l-imsemmija artikoli mhumiex bil-Ġermaniż, traduzzjoni ċċertifikata f'din il-lingwa, u mehmuża mad-dikjarazzjoni […]

(3) Ir-reġistrazzjoni tal-ftuħ tal-fergħa għandha jkun fiha wkoll id-dettalji msemmija fl-Artikolu 10 (1) u (2) tal-liġi dwar il-kumpanniji ta' responsabbiltà limitata […]".

15     L-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar il-kumpanniji ta' responsabbiltà limitata (Gesetz betreffend die Gesellschaften mit beschränkter Haftung), ta' l-20 ta' April 1892 (RGBl. 1892, p. 477), kif emendata l-aħħar mill-Artikolu 13 tal-liġi tad-9 ta' Diċembru 2004 (BGBl. 2004 I, p. 3214, iktar 'il quddiem il-"GmbHG"), intitolat "Reġistrazzjoni fir-Reġistru Kummerċjali", jiddisponi li:

"Ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru Kummerċjali għandha tinkludi l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, l-għan ta' l-impriża […] u s-setgħat tagħha ta' rappreżentazzjoni."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16     Il-kumpannija ta' responsabbiltà limitata fil-liġi Ingliża li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f'Birmingham (ir-Renju Unit), innoventif, ġiet irreġistrata mal-"Companies House" ta' Cardiff (ir-Renju Unit) fl-1 ta' April 2004. L-għan tagħha huwa deskritt b'mod eżawrjenti fil-punt 3 tal-memorandum ta' assoċjazzjoni tagħha, intitolat "The objects of which the Company is established are". Dan il-punt 3 fih 23 punt, minn A sa W, u jieħu diversi paġni.

17     Fit-13 ta' April 2004, innoventif fetħet fergħa stabbilitàstabbilità f'Berlin u applikat ma' l-Amtsgericht Charlottenburg sabiex din il-fergħa tiġi rreġistrata fir-Reġistru Kummerċjali.

18     Permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' April 2004, l-Amtsgericht Charlottenburg sostniet li sabiex issir tali reġistrazzjoni mitluba kellu jsir ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż ta' EUR 3000. Hija stabbiliet dan l-ammont fuq l-ispiża prevista għall-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet kif deskritti fil-memorandum ta' assoċjazzjoni ta' innoventif, billi kkunsidrat li d-deskrizzjoni fil-punt 3, paragrafi A sa W ta' dan kienet tikkorrispondi għall-għanijiet u kellha għaldaqstant tiġi rreġistrata fit-totalità tagħha.

19     Fit-18 ta' Mejju 2004, billi kkunsidrat li l-għanijiet tagħha kienu jirriżultaw biss mill-punt 3, paragrafi A u B tal-memorandum ta' assoċjazzjoni tagħha, innoventif appellat, skond l-Artikolu 14(2) tal-KostO, quddiem l-Amtsgericht Charlottenburg.

20     Din ta' l-aħħar ċaħdet l-appell billi indikat li l-ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż previsti kif mitlub fil-kawża prinċipali huwa mitlub meta l-parti li għandha tbati l-ispejjeż proċedurali ma tkunx taf l-ammont ta' spejjeż li jkollha tħallas.

21     Il-kumpannija innoventif appellat quddiem il-qorti tar-rinviju skond l-Artikolu 14(3) tal-KostO, u sostniet li l-ħlas bil-quddiem tal-parti mitluba jmur kontra l-Ħdax-il Direttiva u jikser il-libertà ta' stabbiliment.

22     Għal-Landgericht Berlin, is-soluzzjoni tal-kwistjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni tal-fergħa ta' innoventif fir-Reġistru Kummerċjali tistax tiġi suġġetta għall-ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż previsti għall-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet ta' innoventif, kif jirrikjedi d-dritt nazzjonali, tiddependi mill-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE u 48 KE.

23     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Hija kompatibbli mal-libertà ta' stabbiliment ta' kumpanniji prevista fl-Artikoli 43 KE u 48 KE li, fil-Ġermanja, ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru Kummerċjali ta' fergħa ta' kumpannija stabbilità [fir-Renju Unit] tkun suġġetta għall-ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż previsti għall-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet tal-kumpannija, kif indikat fl-artikoli rilevanti tal-memorandum ta' assoċjazzjoni tal-kumpannija?"

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

24     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern Spanjol iqajmu dubju dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

25     Il-Kummissjoni ssostni li d-domanda tista' tkun inammissibbli peress li l-qorti tar-rinviju ma tatx ir-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel din id-domanda.

26     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq l-importanza ta' l-indikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tar-raġunijiet preċiżi li wassluha li ssaqsi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li tikkunsidra neċessarju li tressaq id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta' spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet ta' l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u fuq il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża (ara, b'mod partikolari, id-Digriet tat-8 ta' Ottubru 2002, Viacom, C-190/02, Ġabra p. I-8287, punt 16, u s-sentenza tas-6 ta' Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46).

27     Issa, fil-kawża prinċipali, l-qorti tar-rinviju, minn naħa, iddefiniet il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih tinsab id-domanda li hija għamlet u, min-naħa l-oħra, indikat b'mod konċiż iżda suffiċjenti li r-raġuni li wasslitha tagħmel id-domanda preliminari hija li għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk ir-rekwiżit, skond id-dritt nazzjonali, li jsir ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż previsti għall-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet ta' kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor u li tkun qed titlob ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali tal-fergħa jistax jostakola l-eżistenza tal-libertà ta' stabbiliment li t-Trattat KE jikkonferixxi lil din il-kumpannija.

28     Skond il-Gvern Spanjol, id-domanda preliminari hija inammissibbli peress li hija tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' regola nazzjonali.

29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata biss għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (ara d-Digriet tal-21 ta' Diċembru 1995, Max Mara, C-307/95, Ġabra p. I-5083, punt 5). Hija l-kompetenza tal-qorti nazzjonali li tevalwa l-iskop tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-mod kif huma għandhom jiġu applikati (ara s-sentenza tas-7 ta' Diċembru 1995, Ayuntamiento de Ceuta, C-45/94, Ġabra p. I-4385, punt 26).

30     Fil-kawża prinċipali, jekk hija biss il-qorti tar-rinviju li hija kompetenti, minn naħa, sabiex tiddetermina jekk jistax jintalab ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż kif previst fl-Artikolu 8 tal-KostO u, min-naħa l-oħra, sabiex tikkalkula, fejn neċessarju, tali ammont u tirrifjuta t-talba għal reġistrazzjoni f'każ li ma jsirx il-ħlas, il-kwistjoni jekk l-obbligu li jsir dan il-ħlas bil-quddiem jistax jiġi kkunsidrat bħala ostakolu għal-libertà ta' stabbiliment taqa' taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31     Minn dan jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

32     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali milli tissuġġetta r-reġistrazzjoni fir-Reġistru Kummerċjali ta' fergħa ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata stabbilità fi Stat Membru ieħor għall-ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż previsti għall-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet deskritti fil-memorandum ta' assoċjazzjoni ta' dik il-kumpannija.

33     L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit, fl-Istat Membru fejn hija stabbilità l-fergħa ta' kumpannija li tinsab fi Stat Membru ieħor, li jiġu ppubblikati l-għanijiet kollha ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata li jkunu qed jitolbu r-reġistrazzjoni fir-Reġistru Kummerċjali tal-friegħi tagħhom huwa konformi mal-Ħdax-il Direttiva.

34     Fil-fatt, l-Artikolu 2(2)(b) tal-Ħdax-il Direttiva tawtorizza espressament lill-Istati Membri li jitolbu l-pubblikazzjoni tal-memorandum u l-artikoli ta' assoċjazzjoni, jekk ikunu jinsabu fi strument separat, ta' kumpannija barranija meta jiġu rreġistrati l-friegħi tagħha fir-Reġistru Kummerċjali.

35     Issa, l-Artikoli 13b(3) u 13g(3) tal-HGB, li għandhom jinqraw flimkien ma' l-Artikolu 10(1) tal-GmbHG, li huwa applikabbli bl-istess mod għall-kumpanniji stabbiliti fit-territorju nazzjonali u barra mill-pajjiż, jirrikjedu biss il-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata li jkunu qed jitolbu r-reġistrazzjoni ta' fergħa fir-Reġistru Kummerċjali u mhux, kif tippermetti l-Ħdax-il Direttiva, dik tal-memorandum ta' assoċjazzjoni ta' dawn il-kumpanniji fit-totalità tiegħu.

36     Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 3 ta' l-Ewwel Direttiva, li għalih għandu jsir riferiment, skond l-Artikolu 1(1) tal-Ħdax-il Direttiva, għal dak li jirrigwarda l-friegħi, li d-dokumenti u d-dettalji li għandhom jiġu żvelati għandhom jiġu ppubblikati skond waħda mill-varjanti previsti fl-imsemmi Artikolu 3.

37     It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż ikkalkulat abbażi tal-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet kollha huwiex konformi ma' l-Artikoli 43 KE u 48 KE, għandu jiġi eżaminat jekk tali rekwiżit jikkostitwixxix ostaklu għal-libertà ta' stabbiliment meta huwa jimponi fuq il-fergħa ta' kumpannija kkostitwita skond il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor l-obbligu li tosserva r-regoli ta' l-Istat fejn hija stabbilità dwar il-ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż previsti għall-pubblikazzjoni.

38     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit ta' ħlas bil-quddiem li jirrifletti biss l-ispejjeż amministrattivi attwali ta' pubblikazzjoni skond il-
Ħdax-il Direttiva ma jistax jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment safejn dan ma jipprojbixxix, ma jostakolax jew ma jirrendix inqas attraenti l-eżerċizzju ta' din il-libertà.

39     Barra minn hekk, leġiżlazzjoni li, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, tirrikjedi l-ħlas bil-quddiem ma tistax tpoġġi lill-kumpanniji ta' Stati Membri oħrajn f'sitwazzjoni inqas vantaġġuza meta mqabbla ma' dik ta' kumpanniji ta' l-Istat Membru fejn huma stabbiliti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta' Ġunju 1997, Sodemare et, C-70/95, Ġabra p. I-3395, punt 33).

40     Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit ta' ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż previsti għall-pubblikazzjoni ma jikkostitwixxix, għal kumpannija ta' responsabbiltà limitata stabbilità fi Stat Membru, ostaklu fl-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tagħha, fi Stat Membru ieħor, permezz ta' fergħa intermedjarja li tinsab hemmhekk.

41     Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, abbażi tat-tul tat-test li jipproduċi l-għanijiet, li jassigura li l-parti li għandha titħallas bil-quddiem tikkorrispondi ma' l-ispejjeż previsti għall-pubblikazzjoni fil-bulettin rilevanti. Meta tagħmel dan, dik il-qorti jkollha tirreferi għall-għanijiet kif deskritti fil-memorandum ta' assoċjazzjoni tal-kumpannija li tkun qed titlob ir-reġistrazzjoni ta' fergħa.

42     F'dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-qorti nazzjonali ma tistax tiġi obbligata tivverifika jekk, skond id-dritt ta' l-Istat Membru li fih hija stabbilità l-kumpannija li tkun qed titlob ir-reġistrazzjoni tal-fergħa tagħha, l-għanijiet jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ddefiniti b'mod komplet minn parti biss tad-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt it-titolu "Għanijiet" fil-memorandum ta' assoċjazzjoni ta' din il-kumpannija.

43     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikoli 43 KE u 48 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali milli tissuġġetta r-reġistrazzjoni fir-Reġistru Kummerċjali ta' fergħa ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata stabbilità fi Stat Membru ieħor għall-ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż previsti għall-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet deskritti fil-memorandum ta' assoċjazzjoni ta' dik il-kumpannija.

 Fuq l-ispejjeż

44     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 43 KE u 48 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali milli tissuġġetta r-reġistrazzjoni fir-Reġistru Kummerċjali ta' fergħa ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata stabbilità fi Stat Membru ieħor għall-ħlas bil-quddiem ta' parti mill-ispejjeż previsti għall-pubblikazzjoni ta' l-għanijiet deskritti fil-memorandum ta' assoċjazzjoni ta' dik il-kumpannija.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq