Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CJ0259

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta* 30 ta' Marzu 2006.
Elizabeth Florence Emanuel vs Continental Shelf 128 Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari: The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of The Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks - ir-Renju Unit.
Trade marks li huma ta' natura tali li jqarrqu bil-pubbliku jew li jġegħluh jiżbalja dwar in-natura, il-kwalità u l-oriġini ġeografika ta' prodott - Trade mark ċeduta mill-propjetarju lill-impriża li tipproduċi l-oġġetti li magħhom hija assoċjata t-trade mark - Direttiva 89/104/KEE.
Kawża C-259/04.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:215

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

tat-30 ta' Marzu 2006 (*)

"Trade marks li huma ta' natura tali li jqarrqu bil-pubbliku jew li jġegħluh jiżbalja dwar in-natura, il-kwalità u l-oriġini ġeografika ta' prodott – Trade mark ċeduta mill-propjetarju lill-impriża li tipproduċi l-oġġetti li magħhom hija assoċjata t-trade mark – Direttiva 89/104/KEE"

Fil-kawża C‑259/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, ippreżentata mill-High Court of Justice, The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of The Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks (ir-Renju Unit) bid-deċiżjoni tas-26 ta' Mejju 2004, mogħtija mill-High Court of Justice (Ingilterra u Wales) u li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta' Ġunju 2004, fil-proċedura

Elizabeth Florence Emanuel

vs

Continental Shelf 128 Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn: A. Rosas, President ta' Awla , J. Malenovský, J.‑P. Puissochet (Relatur), A. Borġ Barthet u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub, u wara s-seduta ta' l-1 ta' Diċembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :

–       għal Elizabeth Florence Emanuel, minn J. Hill, barrister, H. Evans u C. Daniel, solicitors,

–       għal Continental Shelf 128 Ltd, minn R. Hacon, barrister,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill, bħala aġent, assistita minn M. Tappin, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N.B. Rasmussen, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-High Court of Justice, The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of The Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks (persuna maħtura mill-Lord Chancellor bis-saħħa ta' l-Artikolu 76 tal-liġi ta' l-1994 dwar it-trade marks sabiex tiddeċiedi, fi grad ta' Appell, fuq id-deċiżjonijiet tar-Reġistru tat-trade marks, iktar 'il quddiem "il-persuna maħtura") li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 3(1)(g), u 12(2)(b), tad-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru, 1988 sabiex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (89/104/KEE) (ĠU 1989, L 40, p. 1).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn id-diżinjatriċi tal-ħwejjeġ is-sinjura Emanuel u l-kumpannija Continental Shelf 128 Ltd (iktar 'il quddiem "CSL"). Din il-kawża għandha bħala suġġett żewġ azzjonijiet ippreżentati mis-sinjura Emanuel kontra din il-kumpannija, jiġifieri, minn naħa, oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark "ELIZABETH EMANUEL», b'ittri kbar (iktar 'il quddiem "it-trade mark ‘ELIZABETH EMANUEL’"), għall-ħwejjeġ prodotti minn CSL u, minn naħa l-oħra, talba għall-annullament tat-trade mark "Elizabeth Emanuel", b'ittri żgħar bl-eċċezzjoni ta' l-ittri tal-bidu, irreġistrata fl-1997 minn kumpannija oħra li wara ġiet ċeduta lil CSL (iktar 'il quddiem it-"trade mark Elizabeth Emanuel" jew it-"trade mark irreġistrata").

 Il-kuntest ġuridiku

3       Skond L-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 89/104:

"Is-segwenti m'għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati nvalidi:

[…]

g)       trade marks li huma ta’ tali natura li jqarrqu l-pubbliku, per eżempju dwar in-natura, kwalità jew oriġini ġeografika tal-merkanzija jew servizz;

[…]»

4       Skond l-Artikolu 12(2), ta' l-istess Direttiva:

"Trade mark tista’ ukoll tkun suġġetta għar-revokazzjoni jekk, wara d-data li fiha ġiet reġistrata:

[…]

b)       b'konsegwenza ta’ l-użu li jagħmel minnha l-propjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu għall-merkanzija jew is-servizzi li għalihom hi reġistrata, tista’ tqarraq bil-pubbliku, partikolarment fejn għandha x’taqsam man-natura, kwalità jew oriġini ġeografika ta’ dawk l-merkanzija jew servizzi."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5       Is-sinjura Emanuel, diżinjatriċi rinomata fis-settur tal-moda tal-ħwejjeġ tat-tieġ, fl-1990 ħolqot impriża bl-isem "Elizabeth Emanuel".

6       Fl-1996 is-sinjura Emanuel waqqfet, flimkien mall-kumpannija Hamlet International Plc, il-kumpannija Elizabeth Emanuel Plc (iktar 'il quddiem "EE Plc"). Is-sinjura Emanuel ċediet lil din il-kumpannija l-attivtà ta' kreazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ħwejjeġ tagħha, l-attivi kollha ta' l-impriża fosthom l-avvjament kif ukoll l-applikazzjoni ta' reġistrazzjoni tat-trade mark "Elizabeth Emanuel" li ġiet irregistrata fl-1997.

7       F'Settembru ta' l-1997, EE Plc ċediet in-negozju tagħha, l-avvjament u t-trade mark irreġistrata lill-kumpannija Frostprint Ltd., li mill-ewwel bidlet isimha, u saret il-kumpannija Elizabeth Emanuel International Ltd (iktar 'il quddiem "EE International"). EE International impjegat lis-sinjura Emanuel li waqqfet l-impjieg tagħha xahar wara.

8       F'Novembru 1997, EE International ċediet it-trade mark irreġistrata lill-kumpannija oħra, Oakridge Trading Ltd (iktar 'il quddiem "Oakridge"). Fit-18 ta' Marzu 1998, Oakridge ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark " ELIZABETH EMANUEL".

9       Fis-7 ta' Jannar 1999, ġie ppreżentat rikors kontra din l-applikazzjoni. Fid-9 ta' Settembru ta' wara ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-revoka tat-trade mark irreġistrata bħala "Elizabeth Emanuel".

10     Fil-Prim’Istanza, il-Hearing Officer ċaħad l-azzjonijiet ta' oppożizzjoni u ta' revoka, bid-deċiżjoni tas-17 ta' Ottubru 2002, minħabba li, anke jekk il-pubbliku seta' kien effettivament vittma ta' qerq u ta' konfużjoni, dawn l-azzjonijiet kienu leċiti peress li kienu l-konsegwenza inevitabbli tal-bejgħ ta' impriża u ta' l-avvjament preċedentement użati taħt l-isem tal-propjetarju originarju tagħhom.

11     Minkejja li ġie ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, l-persuna maħtura ma rreferietx il-kwistjoni lil High Court of Justice anke jekk CSL, li matul il-proċedura saret iċ-ċessjonarja tat-trade mark irreġistrata u ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, talbet dan bis-saħħa ta' l-Artikolu 76 tal-liġi ta' l-1994 dwar it-trade marks (Trade Marks Act 1994, ikar 'il quddiem il-"liġi fuq it-trade marks") li tipprevedi l-possibbiltà ta' tali rinviju jekk il-persuna maħtura jidrilha li l-kawża fiha kwistjoni ġuridika ta' importanza ġenerali.

12     Id-diskussjoni kienet ikkonċentrata, bħal dik quddiem il-Hearing Officer, fuq il-kwistjoni jekk l-Artikoli 3(1)(g), u 12(2)(b), tad-Direttiva 89/104 jistgħux iservu ta' bażi għall-azzjonijiet mressqa kontra CSL.

13     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna maħtura ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"1)      Fiċ-ċirkustanzi li ġejjin, hija Trade mark ta' natura tali li tqarraq bil-pubbliku u li, minħabba f'hekk, tkun projbita milli tiġi rreġistrata bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(1)(g), tad-Direttiva 89/104:

–       L-avvjament marbut ma' din it-trade mark ġie ċedut flimkien ma' l-impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fil-produzzjoni ta' prodotti koperti minn din it-trade mark;

–       qabel din iċ-ċessjoni, din it-trade mark kienet tfisser għall-parti l-kbira tal-pubbliku pertinenti li persuna partikolari kienet tipparteċipa fil-kreazzjoni jew il-produzzjoni tal-prodotti li għalihom l-imsemmija trade mark kienet ġiet użata;

–       wara din iċ-ċessjoni, iċ-ċessjonarju applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, u

–       fil-mument tad-depożitu ta' din l-applikazzjoni, il-parti l-kbira tal-pubbliku relevanti kienet temmen b'mod żbaljat li l-użu ta' l-imsemmija trade mark kien jindika li l-persuna msemmija kienet għadha tipparteċipa fil-kreazzjoni jew fil-produzzjoni tal-prodotti li għalihom din it-trade mark kienet ġiet użata, dan it-twemmin x'aktarx influwenza din il-parti tal-pubbliku fix-xiri tagħha?

2)      Jekk l-ewwel domanda ma tistax tingħata risposta affermattiva mingħajr eċċezzjonijiet, liema huma ċ-ċirkustanzi l-oħra li jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex ikun evalwat jekk trade mark hijiex ta' natura tali li tqarraq bil-pubbliku u r-reġistrazzjoni tagħha għandha, għalhekk, tiġi rrifjutata bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 89/104, u, b'mod partikolari, jista' jiġi kkunsidrat il-fatt li r-riskju ta' żball probabbilment jonqos bil-mogħdija taż-żmien?

3)      Tista’ trade mark irreġistrata tqarraq bil-pubbliku wara l-użu li sar minna mill-propjetarju jew bil-kunsens tiegħu b'tali mod li d-drittijiet ta' dan il-propjetaru jistgħu jiġu revokati skond l-Artikolu 12(2)(b), tad-Direttiva 89/104, f'dawn iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

–       din it-trade mark u l-avvjament marbut magħha ġew ċeduti flimkien ma' l-impriża b'attività li tikkonsisti fil-produzzjoni ta' prodotti koperti minn din it-trade mark,

–       qabel din iċ-ċessjoni, din it-trade mark kienet tfisser għal parti l-kbira tal-pubbliku rilevanti li persuna partikolari kienet tipparteċipa fil-kreazzjoni jew fil-produzzjoni tal-prodotti li għalihom l-imsemmija trade mark kienet ġiet użata;

–       wara din iċ-ċessjoni, ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-revoka, u

–       fil-mumnet tad-depożitu ta' din it-talba, il-parti l-kbira tal-pubbliku rilevanti kienet temmen b'mod żbaljat li l-użu ta' l-imsemmija trade mark kien jindika li l-persuna msemmija kienet għadha tipparteċipa fil-kreazzjoni jew fil-produzzjoni tal-prodotti li għalihom din it-trade mark kienet ġiet użata, dan it-twemmin x'aktarx influwenza din il-parti tal-pubbliku fix-xiri tagħha?

4)      Jekk it-tielet domanda ma tistax tingħata risposta affermattiva mingħajr eċċezzjonijiet, liema huma ċ-ċirkustanzi l-oħra li jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex ikun evalwat jekk trade mark hijiex ta' natura tali li tqarraq bil-pubbliku minħabba l-użu li jsir minnha mill-propjetarju jew bil-kunsens tiegħu b'tali mod li d-drittijiet ta' dan il-propjetarju jistgħu jiġu revokati skond l-Artikolu 12(2)(b), [tad-Direttiva 89/104] u, b'mod partikolari, jista' jiġi kkunsidrat il-fatt li r-riskju ta' żball probabbilment jonqos bil-mogħdija taż-żmien?"

 Fuq l-osservazzjonijiet imqajma mill-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali

14     B'ittra tat-22 ta' Frar 2006, is-Sinjura Emanuel ippreżentat osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali. Hija ċċitat l-iżbalji li saru mill-Avukat Ġenrali fl-interpretazzjoni, minn naħa, ta' l-Artikoli 3 u 12 tad-Direttiva 89/104 u, minn naħa l-oħra tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi preċedenti.

15     L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprevedux il-possibiltà li l-partijiet jiddepożitaw osservazzjonijiet b'risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara, Digriet ta' l-4 ta' Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 2), l-osservazzjonijiet tas-Sinjura Emanuel ma jistgħux jiġu milqugħha.

16     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' hi stess jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali, jew kif ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li ma ingħatatx biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta' argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara sentenzi tad-19 ta' Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I 1577, punt 42, kif ukoll ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Arnold André, C 434/02, Ġabra p. I 11825, punt 27, u Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 25).

17     F'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija tiddisponi mill-elementi kollha neċessarji sabiex twieġeb għal-mistoqsijiet magħmula. Għalhekk, m'hemmx bżonn li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

18     Qabel jiġu mwieġba d-domandi magħmula, għandu jiġi eżaminat jekk il-persuna maħtura għandhiex tiġi kkunsidrata bħala qorti fis-sens ta' l-Artikolu 234 KE.

19     Sabiex tevalwa jekk organu għandux il-karattru ta' qorti fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, kwistjoni li taqa' biss taħt id-dritt komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra ħafna elementi flimkien, bħall-oriġini legali ta' l-organu, il-permanenza tiegħu, il-karattru obligatorju tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni mill-organu tar-regoli tad-dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta' Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels, 61/65, Ġabra p. 377, 380; tas-17 ta' Settembru 1997, Dorsch Consult, C‑54/96, Ġabra p. I‑4961, punt 23, u tat-2 ta' Marzu 1999, Nour Eddline El-Yassini, C‑416/96, Ġabra p. I‑1209, punt 17).

20     Il-persuna maħtura ġiet maħtura mill-liġi fuq it-trade marks.

21     Skond l-Artikoli 76 u 77 ta' din il-liġi, il-persuna maħtura, innominata mill-Lord Chancellor wara konsultazzjoni mal-Lord Advocate, tista' tiġi ppreżentata b'rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Comptroller-General of Patents, Designs and Trade Marks (imsemmi wkoll Registrar of Trade Marks). Fl-Ingilterra u fil-pajjiż tal-Galles, din taqsam il-kompetenza tagħha mal-High Court of Justice u, fl-Iskozja, mal-Court of Session.

22     Hija r-rikorrenti li trid tagħżel quddiem liema qorti tippreżenta r-rikors tagħha. Madankollu, il-persuna maħtura tista', f'ċerti każijiet, tiddeċiedi li tirrinvija l-appell quddiem il-High Court of Justice, b'mod partikolari jekk jidhrilha li l-kawża fiha kwistjoni ġuridika ta' importanza ġenerali.

23     Il-persuna maħtura hija organu permanenti, li jiddeċiedi skond id-dritt, bl-applikazzjoni tal-liġi fuq it-trade marks u skond ir-regoli tal-proċedura previsti mill-Artikoli 63 sa 65 tar-regolament ta' l-2000 fuq it-trade marks (Trade Marks Rules 2000). Il-proċedura hija kontradittorja. Id-deċiżjonijiet tal-persuna maħtura għandhom saħħa obbligatorja u huma, fil-prinċipju, definittivi, sakemm ma jkunux, eċċezjonalment, s-suġġett ta' rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (judicial review).

24     Matul l-eżerċizzju tal-mandat tagħha, il-persuna maħtura tibbenefika mill-istess garanziji ta' indipendenza ta' l-imħallfin.

25     Mill-elementi kollha msemmija iktar 'il fuq jirriżulta li l-persuna maħtura għandha tiġi kkunsidrata bħala qorti fis-sens ta' l-Artikolu 234 KE, b'tali mod li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq l-ewwel żewġ domandi

26     Permezz ta' l-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tixtieq tkun taf il-kundizzjonijiet li fihom tista' tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta' trade mark minħabba li tkun ta' natura tali li tqarraq bil-pubbliku, skond l-Artikolu 3(1)(g), tad-Direttiva 89/104, meta l-avvjament marbut ma' din it-trade mark ġie ċedut flimkien ma' l-impriża li tipproduċi l-prodotti li biha kienu koperti, u li din it-trade mark, li tikkorrispondi għall-isem tal-kreatur u l-ewwel produttur ta' dawn il-prodotti, kienet ġiet irreġistrata qabel b'forma grafika differenti.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

27     Il-qorti tar-rinviju hija sensibbli għall-argumenti taż-żewġ teżijiet ippreżentati. Hija tqis, minn naħa, li l-interess ġenerali jeżiġi li t-trade mark ma tridx tkun tali li ġġiegħel konsumatur medju jiżbalja, ikkunsidrat bħala raġonevolment attent u avżat, u, minn naħa l-oħra, li jkun madankollu konformi ma' l-interess ġenerali l-fatt li jippermetti l-bejgħ u ċ-ċessjoni ta' l-impriżi u ta' avvjamenti flimkien mat-trade mark li dawn ta' l-aħħar huma marbutin magħha.

28     Is-sinjura Emanuel, rikorrenti fil-kawża prinċipali, issostni l-interess ġenerali tal-protezzjoni tal-konsumatur garantit mill-Artikolu 3(1)(g), tad-Direttiva 89/104. Sabiex dan jiġi applikat, huwa bizzejjed li għal ta' lanqas jeżisti riskju reali li l-użu tat-trade mark ikkontestata ġġiegħel lill-konsumatur medju ta' prodotti jew servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni tat-trade mark kienet ġiet mitluba, jiżbalja f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-oriġini tagħhom u jinfluwenza d-deċiżjonijiet tax-xiri ta' dan il-konsumatur. L-eżistenza ta' tali riskju hija kwistjoni ta' fatt, ta' tali natura li ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jwasslu lill-konsumatur jiżbalja għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni.

29     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis, b'riżultat ta' dan, li minn meta r-riskju ta' konfużjoni huwa stabbilit, ftit jimporta li l-avvjament u t-trademark ġew ċeduti lill-impriża li temmen li tista' tagħmel użu minn din it-trade mark.

30     CSL, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, issostni li l-Artikolu 3,(1)(g), tad-Direttiva 89/104 ma jagħmel l-ebda distinzjoni dwar jekk it-trademark tikkorispondix għal isem ta' persuna jew le. L-uniku kriterju rilevanti jikkonsisti f'li jiġi determinat, b'mod oġġettiv, jekk it-trade marks humiex ta' natura li jqarqu bil-pubbliku jew li jwassalhom għal żball, b'mod partikolari billi tinħoloq konfużjoni ma' prodotti oħra.

31     Skond il-konvenuta fil-kawża prinċipali, it-teżi tas-sinjura Emanuel dwar ir-riskji ta' konfużjoni għall-konsumatur medju hija bbażata fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar regolamenti speċifiċi li m’għandhomx jiġu użati sabiex jinterpretaw id-Direttiva 89/104.

32     Fir-rigward tal-perċezzjoni ta' konsumatur medju ta' trade mark li tikkorispondi għal isem, CSL tqis li dan il-konsumatur jaf, b'mod partikolari fil-qasam tal-moda, li isem kummerċjali jibqa' marbut ma’ prodott iffabbrikat minn impriża u li din tista' tiġi ċeduta flimkien ma' dan l-isem. Skond din il-kumpannija, din il-kunsiderazzjoni hija wkoll valida għall-funnara, għal min jagħmel l-inbid jew għal produtturi ta’ prodotti lussużi. Għalhekk, it-trasferiment ta' isem kummerċjali, waħdu, ma joħloqx konfużjoni awtomatika, kemm jekk dan it-trasferiment ikun akkumpanjat mill-pubbliċità u kemm jekk le.

33     CSL tinsisti b'mod partikolari fuq il-fatt li jekk it-teżi tas-sinjura Emanuel tiġi aċċettata, issir impossibbli li jkun hemm ċessjoni ta' impriża flimkien maċ-ċessjoni ta' l-avvjament u tat-trade mark tal-prodotti li huma ffabrikati hemm. Ħafna drabi, il-valur taċ-ċessjoni ta' impriża essenzjalment jiddependi fuq it-trade mark trasferita.

34     Skond il-Gvern tar-Renju Unit, l-għan ta’ l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 89/104 huwa li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta' trade marks li jqarrqu bil-pubbliku, mhux fuq l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati mir-reġistrazzjoni jew fuq il-karatteristiċi ta' din l-oriġini, iżda fuq il-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi stess.

35     Din id-dispożizzjoni ma ġietx ikkonċepita bl-għan li tippermetti l-projbizzjoni ta' trade mark sempliċiment għaliex il-prodotti kkonċernati ma jilħqux livell ta' kwalità konformi ma' dak li x-xerrej jistenna, kemm minħabba l-fatt li persuna determinata m'għadiex tipparteċipa fil-kreazzjoni u l-produzzjoni ta' dawn il-prodotti jew għal kull raġuni oħra. Jekk trade mark trid tippermetti li tiggrantixxi li prodotti jiġu minn impriża unika li twieġeb għal kwalità tagħhom, ġeneralment mhijiex it-trade mark stess li tirrifletti din il-kwalita'.

36     Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-pubbliku jaf li l-kwalità tal-prodotti li għandhom trade mark determinata tista' tvarja, kemm jekk dan jiddependi minn-deċiżjoni tal-propjetarju tat-trade mark, minn bdil ta' propjetarju jew ta' direzzjoni, jew inkella minn modifiki li seħħu ġewwa l-grupp li jikkrea jew fil-fabbrika li tipproduċihom. Konsumatur medju għalhekk ma jistax jiġi mqarraq mill-bdil ta' propjetarju ta’ trade mark.

37     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qabel kollox tikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tagħti interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(1)(g), tad-Direttiva 89/104 għall każijiet fejn trade mark hija ta' natura tali li tqarraq bil-pubbliku u, għalhekk, għadha ma identifikatx l-interess pubbliku li din id-dispożizzjoni tipproteġi, interess pubbliku li jista' jkun differenti minn dak analizzat għal motivi oħra ta' rifjut assolut ta' reġistrazzjoni bħal dawk eżaminati fis-sentenzi ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779), tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, Ġabra p. I‑5475) jew tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, Ġabra p. I‑3793).

38     Hija madankollu tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija dik li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-aħħar persuna li tuża l-prodott, li mingħajr possibiltà ta' konfużjoni tiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra. Fil-fatt, sabiex it-trade mark tista' twettaq ir-rwol tagħha bħala element essenzjali ta' sistema ta' kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat jixtieq jistabbilixxi u jżomm, hija trid tikkostitwixxi l-granzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha li hija ddisinjata għalihom ikunu ġew prodotti jew fornuti taħt il-kontroll ta' impriża unika li tista' tiġi attribwita lilha r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta' Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, Ġabra p. I‑10273, punt 48).

39     Il-Kummissjoni minn dan ikkonkludiet li din il-funzjoni ma tfissirx li l-konsumatur għandu jkun kapaċi li jidentifika l-produttur b'referenza għat-trade mark, iżda li t-trade mark tagħti l-garanzija li l-oġġetti tqegħdu fis-suq bil-kunsens tal-propjetarju tagħha.

40     Hija ssostni wkoll li l-uniku fatt li trade mark tikkorrispondi għal isem ta' persuna ma jfissirx li din il-persuna hija marbuta mall-propjetarju tat-trade mark jew li tali rabta trid tkun preżunta u, konsegwentement, ma tippermettix li tiġi konkluża l-implikazzjoni ta' l-imsemmija persuna fil-produzzjoni tal-prodotti li jġorru din it-trade mark. Il-Kummissjoni tqis li din it-teżi hija kkonfermata mir-raġunament mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta' Settembru 2004, Nichols (C‑404/02, Ġabra p. I-8499), li jgħid li l-ebda regola partikolari ta' dritt tat-trade marks ma tapplika għal isem ta' persuna.

41     Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li konsumatur medju jista' jiġi mqarraq, fis-sens ta' l-Artikolu 3(1)(g), tad-Direttiva 89/104, minn trade mark li tikkorispondi għal isem ta' persuna biss meta argument tal-bejgħ jikkonsisti f'li jġiegħel wieħed jemmen li din il-persuna tipparteċipa fil-produzzjoni tal-prodott kopert mit-trade mark kkonċernata filwaqt li din ma jkun fadlilha l-ebda rabta mall-propjetarju ta' l-imsemmija trade mark.

42     Fl-aħħar, l-osservazzjonijiet ta' l-interessati kollha flimkien li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jqisu li ż-żmien li għadda minn meta l-persuna li għandha l-isem li miegħu tikkorrispondi t-trade mark m’għadhiex propjetarja tagħha, ma jeffettwax il-fatt li din it-trade mark tista’ jew ma tistax tqarraq bil-konsumatur medju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43     L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104 fih lista, ikkwalifikata bħala illustrattiva mis-seba' premessa ta' din id-Direttiva, ta' sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark jekk ikunu xierqa sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra, jiġifieri li jaqdu l-funzjoni ta' l-oriġini tat-trade mark. Din il-lista tipprevedi espressament l-ismijiet ta' persuni (sentenza Nichols, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

44     Hekk kif fakkret il-Kummissjoni, sabiex trade mark tista' twettaq ir-rwol tagħha bħala element essenzjali ta' sistema ta' kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat jixtieq jistabbilixxi u jżomm, hija trid tikkostitwixxi l-granzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha li hija ddisinjata għalihom ikunu ġew prodotti jew fornuti taħt il-kontroll ta' impriża unika li tista' tiġi attribwita lilha r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Arsenal Football Club, iċċitata iktar 'il fuq, punt 48).

45     Trade mark bħal "ELIZABETH EMANUEL" jista' jkollha din il-funzjoni li tiddistingwi l-prodotti ffabbrikati minn impriża, b'mod partikolari meta din it-trade mark tkun ġiet ċeduta lill-imsemmija impriża u din ta' l-aħħar tipproduċi l-istess tip ta' prodotti bħal dawk li inizjalment kellhom it-trade mark in kwistjoni.

46     Madankollu, f'dak li jirrigwarda trade mark li tikkorrispondi ma' isem ta' persuna, il-motiv ta' ordni pubblika li jiġġustifika l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(g), tad-Direttiva 89/104 li tiġi reġistrata trade mark li tista' tqarraq bil-pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumatur, trid twassal għall-istħarriġ fuq ir-riskju ta' konfużjoni li tali trade mark tista' toħloq fl-ispirtu ta' konsumatur medju, b'mod partikolari meta l-persuna li isimha jikkorispondi mat-trade mark kien oriġinalment jippersonifika l-prodotti li għandhom din it-trade mark.

47     Madankollu l-każ ta' rifjut ta' reġistrazzjoni previst mill-Artikolu 3(1)(g), tad-Direttiva 89/104 jissoponi l-eżistenza propja ta' qerq jew ta' riskju gravi biżżejjed li jqarraq lill-konsumatur (sentenza ta' l-4 ta' Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, Ġabra p. I‑1301, punt 41).

48     F'dan il-każ, filwaqt li konsumatur medju jista' jiġi influwenzat fl-att ta' xiri tiegħu ta' libsa bit-trade mark "ELIZABETH EMANUEL" billi jimmaniġa li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali pparteċipat fil-kreazzjoni ta' din il-libsa, il-karatteristiċi u l-kwalitajiet ta' din il-libsa jibqgħu garantiti mill-impriza propjetarja tat-trade mark.

49     Konsegwentement, id-denominazzjoni Elisabeth Emanuel weħidha ma tistax tiġi kkunsidrata li hija ta' natura li tqarraq bil-pubbliku fuq in-natura, il-kwalità jew l-oriġini tal-merkanzija li hija timmarka.

50     Bil-kontra ta' dan, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk, fil-preżentazzjoni tat-trade mark "ELIZABETH EMANUEL", teżistix il-volontà ta' l-impriża li tkun applikat għar-reġistrazzjoni tagħha, li ġġiegħel lill-konsumatur jemmen li s-sinjura Emanuel hija dejjem il-kreatriċi tal-prodotti li għandhom din it-trade mark jew li hija tipparteċipa fil-kreazzjoni tagħhom. Fil-fatt, f'dan il-każ, din tikkonsisti f'manuvra li tista' tiġi ġġudikata doluża iżda li ma tistax tiġi analizzata bħala qerq fis-sens ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/104 u li, għalhekk, ma taffettwax it-trade mark innifisha u, konsegwentement il-possibiltà li tiġi rreġistrata.

51     Konsegwentement ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li t-trade mark li tikkorrispondi għal isem tal-kreatur u l-ewwel produttur tal-prodotti li għandhom din it-trade mark ma tistax, minħabba dan l-uniku dettal, tiġi rrifjutata għar-reġistrazzjoni minħabba li din tista’ tqarraq bil-pubbliku, skond l-Artikolu 3(1)(g), tad-Direttiva 89/104, b'mod partikolari meta l-avvjament marbut ma' l-imsemmija trade mark, preċedentement irreġistrata taħt forma grafika differenti, ġie ċedut flimkien ma' l-impriża li tipproduċi l-prodotti li hija tkopri.

 Fuq l-aħħar żewġ domandi

52     Permezz ta' l-aħħar żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tixtieq tkun taf il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu revokati d-drittijiet tal-propjetarju ta' trade mark minħabba li din it-trade mark tqarraq bil-pubbliku, fis-sens ta' l-Artikolu 12 (2)(b) tad-Direttiva 89/104, meta l-avvjament marbut ma' l-imsemmija trade mark ikun ġie ċedut flimkien ma' l-impriża li tipproduċi l-prodotti li hija tkopri u li din it-trade mark tikkorrispondi ma' l-isem tal-kreatur u l-ewwel produttur ta' dawn il-prodotti.

53     Peress li l-kundizzjonijiet ta' revoka previsti fl-Artikolu 12(2)(b), tad-Direttiva 89/104 huma identiċi għal dawk ta' rifjut ta' reġistrazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 3(1)(g), ta' l-istess Direttiva, li l-eżami tagħhom kien is-suġġett tar-risposta għall-ewwel żewġ domandi, hemm lok li r-risposta għall-aħħar żewġ domandi tkun li l-propjetarju ta' trade mark li tikkorrispondi ma' l-isem tal-kreatur u l-ewwel produttur tal-prodotti li għandhom din it-trade mark ma jistax, minħabba dan id-dettal biss, jara d-drittijiet tiegħu jiġu revokati minħabba li din it-trade mark tista' tqarraq bil-pubbliku, fis-sens ta' l-Artikolu 12(2)(b), tad-Direttiva 89/104, b'mod partikolari meta l-avvjament marbut ma' din it-trade mark ikun ġie ċedut flimkien ma' l-impriża li tipproduċi l-prodotti li taħtha huma koperti.

 Fuq l-ispejjeż

54     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Trade mark li tikkorrispondi għal isem tal-kreatur u l-ewwel produttur tal-prodotti li għandhom din it-trade mark ma tistax, minħabba dan l-uniku dettal, tiġi rrifjutata għar-reġistrazzjoni minħabba li din tista’ tqarraq bil-pubbliku, skond l-Artikolu 3(1)(g), tad-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (89/104/KEE), b'mod partikolari meta l-avvjament marbut ma' l-imsemmija trade mark, preċedentement irreġistrata taħt forma grafika differenti, ġie ċedut flimkien ma' l-impriża li tipproduċi l-prodotti li hija tkopri.

2)      Il-propjetarju ta' trade mark li tikkorrispondi ma' l-isem ta' kreatur u l-ewwel fabbrikant tal-prodotti li għandhom din it-trade mark ma jistax, minħabba dan id-dettal biss, jara d-drittijiet tiegħu jiġu revokati minħabba li din it-trade mark tista' tqarraq bil-pubbliku, fis-sens ta' l-Artikolu 12(2)(b), tad-Direttiva 89/104, b'mod partikolari meta l-avvjament marbuta ma' din it-trade mark ikun ġie ċedut flimkien ma' l-impriża li tipproduċi l-prodotti li taħtha huma koperti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq