Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CJ0293

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-9 ta' Marzu 2006.
    Beemsterboer Coldstore Services BV vs Inspecteur der Belastingdienst - Douanedistrict Arnhem.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Gerechtshof te Amsterdam - l-Olanda.
    Irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni - L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 - Applikazzjoni fiż-żmien - Sistema ta' kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-awtoritajiet ta' pajjiż terz - Kunċett ta' "ċertifikat żbaljat' - Oneru tal-provi.
    Kawża C-293/04.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:162

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    tad-9 ta’ Marzu 2006 (*)

    "Irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni – L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Applikazzjoni fiż-żmien – Sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz – Kunċett ta’ ‘ċertifikat żbaljat’ – Oneru tal-provi"

    Fil-kawża C-293/04

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2004, fil-kawża

    Beemsterboer Coldstore Services BV

    vs

    Inspecteur der Belastingdienst - Douanedistrict Arnhem,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Makarczyk, (Relatur), R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta u G. Arestis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

    –       għal Beemsterboer Coldstore Services BV, minn Jan van Nouhuys, advocaat,

    –       għall-Inspecteur der Belastingdienst - Douanedistrict Arnhem, minn B. C. Brouwer u G. E. Wijngaard, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. M. Wissels, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis, bħala aġent, assistit minn F. Tuytschaever, Avukat,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar ‘il quddiem il-"Kodiċi Doganali"), kemm fil-verżjoni oriġinali tiegħu kif ukoll f’dik li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2000, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (ĠU L 311, p.17).

    2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Olandiż Beemsterboer Coldstore Services BV (iktar ‘il quddiem "Beemsterboer") u d-direttur tad-distrett doganali ta’ Arnhem (iktar ‘il quddiem l-"ispettur") dwar irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-Kodiċi Doganali

    3       L-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, jippreċiża li:

    "1. Fejn l-ammont ta’ dazju li jirri[ż]ulta minn dejn doganali ma jkunx ddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti [a posteriori] fil-kontijiet). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skond l-Artikolu 219.

    Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti [a posteriori] fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

    […]

    l-ammont ta’ dazju li ried jitħallas legalment ma ġiex imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet tad-dwana li ma satax raġjonevolment jiġi notat mill-persuna responsabbli għall-pagament, u li din ta’ l-aħħar min-naħa tagħha tkun aġixxiet in bona fede u tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha preskritti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.

    […]"

    4       L-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, ġie emendat mid-19 ta’ Diċembru 2000 mir-Regolament Nru 2700/2000, u huwa fformulat hekk:

    "b)      L-ammont ta’ dazju li ried jitħallas legalment ma ġiex imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet tad-dwana li ma satax raġjonevolment jiġi notat mill-persuna responsabbli għall-pagament, u li din ta’ l-aħħar min-naħa tagħha tkun aġixxiet in bona fede u tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha preskritti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.

             Fejn l-istatus preferenzjali ta’ l-oġġetti huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ koperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawn l-awtoritajiet, jekk jiġi pruvat li hu inkorrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma satax raġjonevolment ikun notat fit-tifsira ta’ l-ewwel sotto-paragrafu.

             Il-ħruġ ta’ ċertifikat żbaljat ma għandux, iżda, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat ikun bażat fuq tagħrif inkorrett tal-fatti provdut mill-esportatur, minbarra fejn, partikolarment, jidher biċ-ċar illi l-awtoritajiet tal-ħruġ kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li l-oġġetti ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali.

             Il-persuna responsabbli għal dan tista’ ġġib il-bona fede tagħha bħala turija illi, matul il-perijodu taż-żmien ta’ l-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kundizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali.

    Madankollu, il-persuna responsabbli ma tistax tinvoka l-bona fede meta l-Kummissjoni ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li jindika dubji fondati f’dak li jirrigwarda applikazzjoni tajba tas-sistema preferenzjali mill-pajjiż benefiċjarju."

     Il-ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika ta’ l-Estonja dwar il-kummerċ ħieles u affarijiet li għandhom x’jaqsmu mall-kummerċ

    5       Il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, minn naħa, u r-Repubblika ta’ l-Estonja, min-naħa l-oħra, dwar il-kummerċ ħieles u affarijiet li għandhom x’jaqsmu mall-kummerċ, iffirmat fit-18 ta’ Lulju 1994 (ĠU L 373, p. 2) jinkludi Protokoll Nru 3 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ "prodotti li joriġinaw" u għall-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (iktar ‘il quddiem il-"Protokoll Nru 3") li ġie emendat mid-Deċiżjoni Nru 1/97 tal-Kummissjoni mħallta bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika ta’ l-Estonja tas-6 ta’ Marzu 1997 (ĠU L 111, p. 1).

    6       L-Artikolu 16(1) tal-Protokoll Nru 3, bit-titolu "Kundizzjonijiet ġenerali", inkluż fit-titolu V, dwar il-prova ta’ l-oriġini, jiddisponi li:

    "1.      Il-prodotti li joriġinaw mill-Komunità għandhom jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim għall-importazzjoni fl-Estonja, bl-istess mod tal-prodotti li joriġinaw mill-Estonja għall-importazzjoni fil-Komunità, meta jiġi ppreżentat

    a) […] ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1, li mudell tiegħu jinsab fl-Anness III;

    […]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7       L-Artikolu 17 ta’ dan il-Protokoll, bit-titolu "Proċedura għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1" jinkludi paragrafu 3, li huwa fformulat kif ġej:

    "3.      L-esportatur li japplika għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 għandu jkun lest jissottometti, f’kull waqt, fuq talba ta’ l-awtoritajiet tad-dwana tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jew fejn jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1, id-dokumenti approprjati kollha li juru l-oriġini tal-prodotti kkonċernati kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha l-oħra previsti minn dan il-Protokoll." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8       Skond l-Artikolu 28(1) ta’ l-istess Protokoll, bit-titolu "Preservazzjoni tal-provi ta’ l-oriġini u tad-dokumenti ta’ evidenza":

    "1.      L-esportatur li japplika għall-ħruġ ta’ ċertifikat EUR.1 għandu jżomm għal mill-inqas tliet snin id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 17(3)." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9       L-Artikolu 32, tal-Protokoll Nru 3, bit-titolu "Kontroll tal-prova ta’ l-oriġini" jiddisponi:

    "1.      Il-kontroll a posteriori tal-provi ta’ l-oriġini jsir permezz ta’ teħid ta' kampjuni, jew kull darba li l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat ta’ importazzjoni jkollhom dubji fondati għal dak li jirrigwarda l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti, l-oriġini tal-prodotti kkonċernati jew l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan il-Protokoll.

    […]

    3.      Il-kontroll isir mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni. Għal dan il-għan, huma jkollhom is-setgħa li jeżiġu l-provi kollha u li jagħmlu l-kontrolli kollha tal-kontijiet ta’ l-esportatur jew kull kontroll ieħor li jikkunsidraw neċessarju." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10     Fl-1997, Hoogwegt International BV (iktar ‘il quddiem "Hoogwegt") akkwistat lottijiet ta’ butir mill-impriża Estonjana AS Lacto Ltd. (iktar ‘il quddiem "Lacto"). Dawn il-lottijiet ġew iddikjarati fid-dħul tagħhom fl-Olanda minn Beemsterboer, aġent tad-dwana, f’isem Hoogwegt. L-Estonja kienet imsemmija bħala l-pajjiż ta’ oriġini tal-merkanzija, u għaldaqstant tqiegħdu għall-moviment liberu bl-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali fuq il-bażi tal-ftehim ta’ skambju liberu bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika ta’ l-Estonja, imsemmi iktar ‘il fuq. Biex jiġi ppruvat l-oriġini tal-butir, kull dikjarazzjoni fid-dwana kellha annessa magħha ċertifikat tal-merkanzija ta’ EUR.1 (iktar ‘il quddiem iċ-"ċertifikat EUR.1"), ippreżentat mill-awtoritajiet doganali Estonjani fuq talba ta’ Lacto.

    11     F’Marzu 2000, wara rapporti ta' frodi fuq butir ikkummerċjalizzat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Estonja, delegazzjoni mwaqqfa mill-Kummissjoni Ewropea, flimkien ma’ l-awtoritajiet doganali nazzjonali, effettwat kontroll f’dan ir-rigward.

    12     Fil-kuntest ta’ l-inkjesta, irriżulta li Lacto ma żammitx id-dokumenti inizjali li jikkonfermaw l-oriġini tal-butir esportat.

    13     B'deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Lulju 2000, l-ispezzjoni tad-dwana f’Tallin (l-Estonja) iddikjarat nulli ċ-ċertifikati EUR.1 u rtirathom. Wara ilment ta’ Lacto mas-servizzi tad-dwana Estonjani, id-deċiżjoni ta’ rtirar ta’ dawn iċ-ċertifikati ġiet iġġudikata illegali minħabba raġunijiet ta' formalità.

    14     Safejn l-oriġini tal-butir ma setax jiġi stabbilit, l-awtoritajiet doganali Olandiżi pproċedew għall-irkupru a posteriori mingħand Beemsterboer. Billi l-ilment li ppreżenta kontra dan l-avviż ta’ irkupru ġie miċħud, Beemsterboer ressaq rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

    15     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Gerechtshof te Amsterdam, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1)      It-test il-ġdid ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tal-[…] [Kodiċi Doganali] huwa applikabbli fil-każ fejn dejn doganali jiġi fis-seħħ u fejn l-irkupru a posteriori seħħ qabel ma din id-dispożizzjoni ġiet fis-seħħ?

    2)      Jekk l-ewwel domanda ta’ hawn fuq tingħatalha risposta pożittiva, ċertifikat EUR l, li ma jistax jiġi stabbilit li huwa effettivament żbaljat minħabba li l-oriġini tal-merkanzija li għaliha ġie maħruġ ma setax ikun ikkonfermat waqt kontroll a posteriori, waqt li l-merkanzija titlef it-trattament preferenzjali tagħha għal din ir-raġuni, huwa ‘ċertifikat żbaljat’ fis-sens tat-test il-ġdid ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tal-[…] [Kodiċi Doganali] u, jekk dan mhuwiex il-każ, parti interessata tista’ tinvoka din id-dispożizzjoni?

    3)      Jekk it-tieni domanda ta’ hawn fuq tingħata risposta pożittiva, min għandu jipprova li ċ-ċertifikat huwa bbażat fuq preżentazzjoni żbaljata tal-fatti mill-esportatur, jew min għandu jipprova li l-awtoritajiet li ħarġu ċ-ċertifikat kienu manifestament jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma setgħatx tibbenefika minn trattament preferenzjali?

    4)      Jekk l-ewwel domanda ta’ hawn fuq tingħata risposta negattiva, tista’ parti interessata tinvoka l-Artikolu 220(2)(b), tal-[…] [Kodiċi Doganali], kif ifformulat sad-19 ta’ Diċembru 2000, fil-każ fejn ma jistax jiġi stabbilit sussegwentement li l-awtoritajiet doganali ħarġu ċertifikat EUR l għal raġunijiet validi fiż-żmien fejn dawn ġew maħruġa?"

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    16     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 2700/2000, japplikax għal dejn doganali li ġie fis-seħħ u fejn l-irkupru a posteriori seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    17     Il-Gvern Olandiż, l-ispettur u l-Gvern Taljan iqisu li din id-domanda jistħoqqilha risposta negattiva. Filwaqt li jfakkar ir-regoli dwar l-applikazzjoni maż-żmien tar-regoli ta’ bażi tad-dritt Komunitarju, il-Gvern Olandiż jikkunsidra li l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali huwa dispożizzjoni ta’ sustanza normali u jiddeduċi li ma jistax ikollu effett retroattiv. Il-Gvern Taljan iqis li t-test il-ġdid ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali japplika biss għad-dejn li seħħ wara d-19 ta’ Diċembru 2000, data li fih ir-Regolament Nru 2700/2000 daħal fis-seħħ.

    18     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tipproponi li l-ewwel domanda titwieġeb fl-affermativ u tfakkar li fid-dawl tar-raġunijiet esposti fid-dokumenti preparatorji tar-Regolament Nru 2700/2000, id-dispożizzjonijiet li ġew miżjuda ma' l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali huma intiżi li jagħtu iktar preċiżjoni lit-test sabiex titjieb iċ-ċertezza legali, iktar milli biex jemendawh. Skond Beemsterboer, l-ifformular il-ġdid ta’ l-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali kjarament jikkostitwixxi preċiżazzjoni ta’ regola eżistenti qabel id-19 ta’ Diċembru 2000 u, konsegwentement, għandu jiġi applikat retroattivament.

    19     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fil-mument fejn jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p I‑3873, punt 22; tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan, C‑61/98, Ġabra p. I‑5003, punt 13; ta’ l-14 ta’ Novembru 2002, Illumitrónica, C‑251/00, Ġabra p. I‑10433, punt 29, u ta’ l-1 ta’ Lulju 2004, Tsapalos u Diamantakis, C‑361/02 u C‑362/02, Ġabra p. I‑6405, punt 19).

    20     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li safejn l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali jirregola l-kundizzjonijiet li fihom persuna taxxabbli hija eżenti mill-ġbir a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni wara żball ta’ l-awtoritajiet doganali, huwa jenunċja regola ta’ sustanza. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma tistax, bħala prinċipju, tkun applikabbli għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ.

    21     Madankollu, ir-regoli Komunitarji tad-dritt jistgħu jiġu eċċezzjonalment interpretati bħala applikabbli għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom safejn jirriżulta b’mod ċar mill-ifformular, mil-finalitajiet jew mill-ekonomija tagħhom li tali effett irid jiġi attribwit lilhom (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p.2735, punt 9, tal-15 ta’ Lulju 1993, Grußa Fleich, C-34/92, Ġabra p. I-4147, punt 22, u ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck et vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 119).

    22     Għandu jiġi osservat li jirriżulta, mill-ħdax-il premessa tal-preambolu tar-Regolament Nru 2700/2000, li l-emenda ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali tiddefinixxi, għal każijiet speċifiċi tas-sistemi preferenzjali, il-kunċetti ta’ żball ta' l-awtoritajiet doganali u l-bona fede tal-persuna taxxabbli. Għalhekk, mingħajr ma hemm bżonn ta’ emenda fuq il-mertu, dan l-Artikolu għandu bħala għan li jispjega l-kunċetti msemmija, li ġa jinsabu fil-verżjoni inizjali ta’ dan l-Artikolu 220, u li ġa huma ppreċiżati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94, Ġabra p. I‑2465, punti 92 u 97; tad-19 ta’ Ottubru 2000, Sommer, C‑15/99, Ġabra p. I‑989, punti 35 sa 37; id-digriet tal-11 ta’ Ottubru 2001, Wiliam Hinton & sons, C‑30/00, Ġabra p. I‑7511, punti 68 sa 73, u s-sentenza Illumitronica, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

    23     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat ;lli t-test il-ġdid ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali, għandu natura essenzjalment interpretattiva, u jeħtieġ li jiġi applikat għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

    24     Madankollu, l-effett hekk rikonoxxut ta’ dispożizzjoni tad-dritt sostantiva m’għandux jikkomprometti l-prinċipji fundamentali tal-Komunità, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ l-aspettattivi leġittimi li għalihom il-leġiżlazzjoni Komunitarja trid tkun ċara u prevedibbli għall-partijiet fil-kawża (ara f’dan is-sens, is-sentenzi Salumi et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 10; ta’ l-10 ta’ Frar 1982, Bout, 21/81, Ġabra p. 381, punt 13; Gruβa Fleisch, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22, u tas-26 ta’ April 2005, Goed Wonen, C-376/02, Ġabra p. I-3445, punt 33).

    25     F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li jirriżulta mill-Artikolu 1 u mir-raġunijiet esposti tal-proposta emendata tar-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità [dokument COM(99)/236 finali], li t-test il-ġdid ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali, pjuttost itejjeb iċ-ċertezza legali, billi jaqsam ir-riskju ta’ inċertezza bejn l-importatur u s-sistema u billi jippreċiża l-obbligi ta’ l-awtoritajiet doganali. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, it-test il-ġdid isaħħaħ il-protezzjoni tal-fiduċja ta’ l-operatur ekonomiku kkonċernat fil-każ ta’ żbalji ta’ l-awtoritajiet doganali fir-rigward ta’ l-istatut preferenzjali tal-merkanzija li toriġina minn pajjiżi terzi.

    26     Għalhekk, la l-l-prinċipju taċ-ċertezza legali la dak ta’ l-aspettattivi leġittimi ma jmorru kontra l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni fil-kawża għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

    27     Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, għandu jiġi mwieġeb għad-domanda mqiegħda li l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni introdotta mir-Regolament Nru 2700/2000, japplika għal dejn doganali li ġie fis-seħħ u li l-irkupru a posteriori tiegħu seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

     Fuq it-tieni domanda

    28     It-tieni domanda tinqasam f’żewġ partijiet. Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi fis-sustanza jekk, safejn, wara kontroll a posteriori, l-oriġini tal-merkanzija li għaliha nħareġ iċ-ċertifikat EUR.1 li m’għadux ikkonfermat, dan iċ-ċertifikat huwiex "ċertifikat żbaljat" fis-sens ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tal-[Kodiċi Doganali] fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 2700/2000. Permezz tat-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk, fl-ipoteżi fejn dan mhuwiex il-każ, parti interessata tistax tinvoka din id-dispożizzjoni.

    29     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li jirriżultali jirriżulta, mid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 3, li l-prodotti li joriġinaw mill-Komunità jew mill-Estonja jibbenefikaw mis-sistema preferenzjali prevista mill-ftehim, fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat EUR.1 li jikkostitwixxi t-titolu korrett ta’ din l-oriġini.

    30     Madankollu, jibqa’ possibbli, skond l-Artikolu 32 ta’ dan il-Protokoll, li jkun hemm kontroll a posteriori tal-provi ta’ l-oriġini meta l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ importazzjoni jkollhom dubji fondati fuq l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti, l-oriġini tal-prodotti kkonċernati jew l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-Protokoll.

    31     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kwistjoni li l-kwistjoni ta’ kontroll a posteriori magħmul għand Lacto, jirriżulta li din ta’ l-aħħar ma żammitx id-dokumenti inizjali li jippruvaw l-oriġini tal-prodotti kkonċernati u li, fuq il-bażi ta’ l-indikazzjonijiet disponibbli, l-oriġini tal-butir li esportat ma setax jiġi stabbilit.

    32     F’dan ir-rigward, il-Qorti ġa ddeċidiet li l-finalitajiet tal-kontroll a posteriori huwa li jivverifika l-oriġini eżatta indikata fiċ-ċertifikat EUR.1, maħruġ qabel (sentenzi tas-7 ta’Diċembru 1993, Huygen et, C‑12/92, Ġabra p. I‑6381, punt 16, u tas-17 ta’ Lulju 1997, Pascoal & Filhos, C‑97/95, Ġabra p. I‑4209, punt 30).

    33     Il-persuna taxxabbli ma tistax tibbaża aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-validità taċ-ċertifikati EUR.1 fuq il-fatt li ġew inizjalment aċċettati mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru, peress li r-rwol ta’ dawn id-dipartimenti, fil-kuntest ta’ l-ewwel aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ma jipprekludix kontrolli ulterjuri (sentenza Faroe Seafood et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 93).

    34     Għalhekk, meta kontroll a posteriori ma jippermettix li tiġi kkonfermata l-oriġini tal-merkanzija indikata fiċ-ċertifikat EUR.1, hemm lok li jiġi konkluż li hija ta’ oriġini mhux magħrufa u li, għalhekk, iċ-ċertifikat EUR.1 u t-tariffa preferenzjali inħarġu indebitament (sentenza ċċitata iktar ‘il fuq Huygen et, punti 17 u 18, kif ukoll Faroe Seafood et, punt 16).

    35     F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda tkun li, safejn, wara kontroll a posteriori, l-oriġini tal-merkanzija li tidher f’ċertifikat EUR.1 ma tistax tiġi iktar kkonfermata, dan iċ-ċertifikat għandu jiġi kkunsidrat bħala "ċertifikat żbaljat" fis-sens ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 2700/2000.

    36     Meta tiġi kkunsidrata r-risposta mogħtija għall-ewwel parti tat-tieni domanda, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tieni parti ta’ din id-domanda.

     Fuq it-tielet domanda

    37     It-tielet domanda tirrigwrad tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni introdotta mir-Regolament Nru 2700/2000.

    38     L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf min għandu juri li ċertifikat EUR.1 huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni żbaljata tal-fatti mill-esportatur.

    39     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ir-regoli tradizzjonali ta’ tqassim ta’ l-oneru tal-provi, huma l-awtoritajiet doganali li għandhom jinvokaw l-ewwel parti tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, sabiex jipproċedu għall-irkupru a posteriori, li jressqu, in sostenn tal-pretenzjonijiet tagħhom, il-prova li l-ħruġ ta’ ċertifikati żbaljati huwa dovut għal preżentazzjoni mhux eżatta tal-fatti mill-esportatur.

    40     Madankollu, jirriżulta, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju, li fil-kawża, l-awtoritajiet doganali ġew imċaħħda mill-possibbiltà li juru jekk l-informazzjonijiet mogħtija għall-ħruġ ta’ ċertifikat EUR.1 kinux korretti jew le, billi l-esportatur ma żammx id-dokumenti probatorji, minkejja l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 28(1) tal-Protokoll Nru 3, li jinżammu d-dokumenti approprjati kollha li jippruvaw l-oriġini tal-prodotti kkonċernati għal mill-inqas tliet snin.

    41     Huma għalhekk l-operaturi ekonomiċi li għandhom jieħdu, fil-kuntest ta' l-obbligi kontrattwali tagħhom, dawk il-miżuri neċessarji sabiex jikkawtelaw ruħhom kontra r-riskju ta’ azzjoni ta’ irkurpu a posteriori (sentenza Pascoal & Filhos, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 60).

    42     Barra minn hekk,, sabiex jilħaq il-finalità mfittxa mill-kontroll a posteriori, jiġifieri l-verifika ta’ l-awtentiċità u ta’ l-eżattezza taċ-ċertifikat EUR.1, hija l-persuna taxxabbli li trid, f'dan il-każ, juri li dawn iċ-ċertifikati stabbiliti mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz huma bbażati fuq preżentazzjoni eżatta tal-fatti.

    43     F’kull każ, huwa paċifiku li l-Komunità Ewropea m’għandhiex issofri l-konsegwenzi dannużi ta’ l-aġir żbaljat tal-fornituri ta’ l-importazzjonijiet (sentenza Pascoal & Filhos, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 59).

    44     It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju għandha tkun taf min għandu juri li l-awtoritajiet doganali li ħarġu ċ-ċertifikat EUR.1 kienu manifestament jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali.

    45     F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstat li huwa dak li jinvoka eċċezzjoni, li tinsab fit-tieni parti tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tal-Kodiċi Doganali, li għandu jsostni l-oneru tal-prova li kien evidenti li l-awtoritajiet li ħarġu dan iċ-ċertifikat kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali.

    46     Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi mwieġeb għat-tielet domanda, li huwa dak li jinvoka t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li jrid iressaq il-provi neċessarji sabiex jintlaqgħu it-talbiet tiegħu. Għalhekk, huma, bħala prinċipju, l-awtoritajiet doganali, li jridu jinvokaw l-ewwel parti tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 220(2)(b) ta’ dan il-kodiċi, sabiex jipproċedu għall-irkupru a posteriori, li għandhom iressqu l-prova li l-ħruġ ta’ ċertifikati żbaljati huwa dovut għal preżentazzjoni mhux eżatta tal-fatti mill-esportatur. Madankollu, meta, wara negliġenza dovuta unikament għall-esportatur, ikun impossibbli għall-awtoritajiet doganali li jressqu l-provi neċessarji li juru li ċ-ċertifikat EUR.1 ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni eżatta jew mhux eżatta tal-fatti minn dan ta’ l-aħħar, hija l-persuna taxxabbli li għandha turi li ċ-ċertifikat EUR.1, maħruġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, huwa bbażat fuq preżentazzjoni eżatta tal-fatti

     Fuq ir-raba’ domanda

    47     Fid-dawl tar-risposta mogħtija fl-ewwel domanda, mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq ir-raba’ domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    48     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      L-Artikolu 220(2)(b), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif ġie emendat mir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, japplika għal dejn doganali li ġie fis-seħħ u meta l-irkupru a posteriori seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    2)      Sa fejn, wara kontroll a posteriori, l-oriġini tal-merkanzija li tidher f’ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 ma jistax jiġi iktar ikkonfermat, dan iċ-ċertifikat għandu jkun kkunsidrat bħala "ċertifikat żbaljat" fis-sens ta’ l-Artikolu 220(2)(b), tar-Regolament Nru 2913/92, kif ġie emendat mir-Regolament Nru 2700/2000.

    3)      Huwa dak li jinvoka t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat mir-Regolament Nru 2700/2000, li jrid iressaq il-provi neċessarji sabiex it-talbiet tiegħu jintlaqgħu. Għalhekk, huma, bħala prinċipju, l-awtoritajiet doganali li jridu jinvokaw l-ewwel parti tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 220(2)(b) ta’ l-istess Regolament, sabiex jipproċedu għall-irkupru a posteriori, li għandhom iressqu l-prova li l-ħruġ ta’ ċertifikati żbaljati huwa dovut għal preżentazzjoni mhux eżatta tal-fatti mill-esportatur. Madankollu, meta, wara negliġenża dovuta unikament għall-esportatur, ikun impossibbli għall-awtoritajiet doganali li jressqu l-provi neċessarji li juru li ċ-ċertifikat EUR.1 ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni eżatta jew mhux eżatta tal-fatti minn dan ta’ l-aħħar, hija l-persuna taxxabbli li għandha turi li ċ-ċertifikat EUR.1, maħruġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, huwa bbażat fuq preżentazzjoni eżatta tal-fatti

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq