Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CJ0500

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tas-16 ta' Frar 2006.
    Proxxon GmbH vs Oberfinanzdirektion Köln.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
    Klassifikazzjoni tariffarja - Spaners u wrenches ta' l-idejn u sokits ta' spaners li jistgħu jinbiddlu bejniethom.
    Kawża C-500/04.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2006:111

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    tas-16 ta' Frar 2006 (*)

    "Klassifikazzjoni tariffarja – Spaners u wrenches ta' l-idejn u sokits ta' spaners li jistgħu jinbiddlu bejniethom"

    Fil-kawża C-500/04,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Novembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Diċembru 2004, fil-kawża

    Proxxon GmbH

    vs

    Oberfinanzdirektion Köln,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. La Pergola (Relatur), Aġent President tas-Sitt Awla, S. von Bahr u A. Borg Barthet, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

    Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Settembru 2005,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal Proxxon GmbH, minn D. Ehle, Rechtsanwalt,

    –       għall-Gvern Lussemburgiż, minn S. Schreiner u J.-C. Nilles, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux u B. Schima, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni - li ttieħdet wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali - li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-intestatura 8204 tan-nomenklatura magħquda (iktar 'il quddiem "in-NM") li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, p. 1) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta' Ottubru 2000 (ĠU L 264, p. 1, u l-korriġendum ĠU L 276, p. 92).

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Proxxon GmbH (iktar 'il quddiem "Proxxon"), stabbilita fil-Ġermanja u l-Oberfinanzdirektion Köln, dwar il-klassifikazzjoni fin-NM ta' diversi għodod ta' l-idejn għall-invitar, jiġifieri spaners u wrenches, biċċiet ta' l-ispaners u wrenches jew tat-turnaviti, u ponot għat-turnaviti.

     Il-kuntest ġuridiku

    3       In-NM, stabbilita mir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifika ta' oġġetti (iktar 'il quddiem "is-SA"), imħejjija mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar L-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (World Customs Organisation), u stabbilita mill-konvenzjoni internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta' Ġunju 1983, approvata f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta' April 1987 (ĠU L 198, p. 1). Hija tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b'sitt figuri tas-SA u huma biss is-seba' u t-tmien figuri li jiffurmaw is-suddiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

    4       Il-Kapitolu 82 tat-Taqsima XV tat-tieni Parti tan-NM huwa intitolat: "Għodod, tagħmir, pożati, mgħaref u frieket, ta’ metall ta' valur baxx; bċejjeċ tagħhom ta’ metall ta' valur baxx".

    5       Skond in-noti ta' dan il-kapitolu:

    "1.       […] dan il-kapitolu jkopri biss oġġetti b’xafra, b’xifer tax-xogħol, b’wiċċ tax-xogħol jew b’xi parti oħra tax-xogħol:

    a) metall ta' valur baxx;

    […]

    2.       Bċejjeċ ta’ metall ta’ valur baxx ta’ l-oġġetti ta’ dan il-kapitolu għandhom ikunu kklassifikati ma’ l-oġġetti li minnhom jagħmlu parti, ħlief bċejjeċ speċifikati separatament bħala tali u oġġetti li jżommu l-għodda għal għodda ta’ l-idejn ([intestatura] 8466) […]".

    6       L-intestatura 8204, li tinsab fil-kapitolu 82, tgħid kif ġej: "Spaners u wrenches ta’ l-idejn (inklużi torque meter wrenches iżda ma jinkludux wrenches għall-viti); sokits ta’ spaners li jistgħu jinbid[d]lu bejniethom, b’manek jew le".

    7       L-intestatura 8205, li tinsab fl-istess kapitolu, tgħid hekk: "Għodod ta’ l-idejn (inklużi djamanti tal-vitrara), li mhumiex inklużi jew speċifikati band’ oħra; lampi għall-ħruq taż-żebgħa (blowlamps); moros, klampijiet u bħalhom, ħlief aċċessorji għal u bċejjeċ ta’, għodod tal-magni; inkwini; foroġ li jinġarru; moli ta’ l-idejn jew li jitħaddmu bil-pedala bil-qofsa tagħhom".

    8       L-intestatura 8206, li tinsab fil-kapitolu 82, tgħid kif ġej: "Għodod ta’ tnejn jew aktar mit-titoli 8202 sa 8205, ippreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet".

    9       L-intestatura 8207 li wkoll tinsab f'dan l-istess kapitolu, tgħid hekk: "Għodod li jistgħu jinbid[d]lu bejniethom għal għodod ta’ l-idejn, li jaħdmu permezz ta’ muturi jew le, jew għal għodod ta’ magni (per eżempju, ta’ l-ippressar, ta’ l-istampar (stamping), jagħmlu toqob, jaqtgħu kamini minn ġewwa u minn barra, għal titqib, tħaffir, tisfid, irfinar ta’ uċuħ (milling), inturnar jew invitar), inklużi dadi għal ġbid jew ħruġ ta’ metalli, u għodod għal tħaffir ta’ blat jew toqob fl-art".

    10     Din l-aħħar intestatura tinkludi s-subintestatura 8207 90 30, li tgħid kif ġej: "Biċċiet (ponot) għat-turnavit".

    11     Skond ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-ewwel Parti, Taqsima 1, A tagħha (iktar 'il quddiem "ir-regoli ġenerali"):

    "Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

    1.      It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta' l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

             […]

    3.      Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

    a)      l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk waħda minnhom tagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti.

    b)      taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli.

    c)      meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni".

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12     Proxxon timporta għodod ta' l-idejn għall-invitar minn Stati terzi lejn il-Ġermanja u Stati Membri oħra. Dawn l-għodod jiġu importati, kemm bħala settijiet f'kaxex li jinkludu diversi biċċiet, kif ukoll separatament.

    13     Wara li ġie effettwat kontroll doganali fil-Ġermanja, Proxxon talbet lill- Oberfinanzdirektion Köln għal informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa fir-rigward ta' diversi spaners u wrenches u, biċċiet ta' spaners u wrenches jew tat-turnaviti u ponot għat-turnaviti. F'dan ir-rigward, hija kienet ipproponiet li dawn l-oġġetti jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8204 tan-NM. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ħarġet tlettax-il dokument b'informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa, li fihom ikklassifikat l-għodod importati minn Proxxon taħt intestatari tarriffarji differenti, skond it-tip u l-kompożizzjoni tagħhom, jiġifieri l-intestaturi 8205, 8206 u 8207 tan-NM.

    14     Proxxon ippreżentat oġġezzjonijiet kontra din l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa. Permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Ottubru 2002, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ċaħdet l-imsemmija oġġezzjonijiet bħala infondati. Proxxon ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf, għar-raġuni li l-għodod kollha in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8204 tan-NM.

    15     Il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    "1)       Biċċiet tat-turnaviti bi drive kwadrata, għal vitijiet bir-ras slotted, għamla ta' salib (cross-head), stilla (TX (internal Torx)) u eżagona (hexagon socket head), tat-tip deskritt b'mod aktar dettaljat fid-digriet, li jiġu importati separatament, jaqgħu taħt l-intestatura 8204?

    2)       Biċċiet tas-sistema kwadrata deskritti b'mod aktar dettaljat fid-digriet, li meta jintużaw, ma jagħmlux kuntatt dirett mal-biċċa li tissikka (skorfina, vit), li jiġu importati separatament, jaqgħu taħt l-intestatura 8204?

    3)       Torque meter wrenches tas-sistema kwadrata tat-tip deskritt b'mod aktar dettaljat fid-digriet, li jiġu importati separatament, jaqgħu taħt l-intestatura 8204?"

     Fuq id-domandi preliminari

     Osservazzjoni preliminari

    16     Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Lussemburgiż essenzjalment jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifika "ċerti settijiet", imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tliet domandi għal deċiżjoni preliminari tagħha, billi tapplika r-regola ġenerali 3(b), taħt l-intestatura 8466 10 jew, fin-nuqqas, taħt l-intestatura 8204 tan-NM.

    17     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE hija strument ta' kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha, dik ta' l-ewwel tipprovdi lil dawn ta' l-aħħar b'interpretazzjoni tal-partijiet tad-dritt Komunitarju li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawżi miġjuba quddiemhom. Minn dan isegwi li huma biss il-qrati nazzjonali, li qed jisimgħu l-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jaqtgħu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763, punti 33 u 34; u tat-8 ta' Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher, C-231/89, Ġabra p. I-4003, punti 18 u 19, u tal-11 ta' Jannar 2001, Monte Arcosu, C-403/98, Ġabra p. I-103, punt 21).

    18     F'dan il-każ, il-qorti tar-rinviju llimitat il-kuntest fattwali tad-domandi għal deċiżjoni preliminari għal oġġetti "importati separatament" biss. Għaldaqstant, mhemmx għalfejn wieħed joħroġ mill-kuntest definit mill-qorti tar-rinviju biex tiġi stabbilita, kif jissuġġerixxi l-Gvern Lussembugiż, il-klassifikazzjoni tariffarja ta' ċerti settijiet ta' dawn l-oġġetti.

     Fuq l-ewwel domanda

     Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    19     Proxxon issostni li l-oġġetti msemmija fl-ewwel domanda għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8204 tan-NM. Fil-fatt, hija tikkontesta d-deskrizzjoni bħala "ponot għat-turnaviti" mogħtija mill-qorti tar-rinviju għal dawn l-oġġetti. Skond Proxxon, il-biċċiet ta' l-ispaners u wrenches jew tat-turnaviti in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ikunu kklassifikati skond il-fatt li jissejħu "femminili" (jiġifieri, dawk li l-biċċa li tissikka (skorfina, vit) tidħol ġo fihom) jew "maskili" (jiġifieri dawk li jidħlu fil-biċċa li tissikka (skorfina, vit)). Proxxon issostni li l-intestatura 8204 tan-NM ma tagħmilx distinzjoni bejn l-oġġetti kkonċernati skond jekk il-biċċa li tissikka (skorfina, vit) tidħolx fil-biċċiet jew jekk il-biċċiet jidħlux fil-biċċa li tissikka (skorfina, vit). Proxxon tikkunsidra wkoll li l-fattur partikolari ta' l-oġġetti in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa l-fatt li jistgħu jinbiddlu bejniethom, minħabba l-possibbiltà ta' kollegament bejn l-ispaners u wrenches kif ukoll bejn il-biċċiet ta' l-ispaners u wrenches jew tat-turnaviti maskili u femminili. Barra minn hekk, l-għodod kollha in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-istess skop – ħaġa li għandha tikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni tariffarja – jiġifieri li jissikkaw jew iħollu vitijiet bil-kamin, li jkollhom irjus differenti, permezz ta' sett speċifiku ta' għodod għall-invitar bl-idejn. Fl-aħħar nett, Proxxon issostni li s-subintestatura 8207 90 30 tan-NM tkopri biss il-punti tat-turnaviti li jistgħu jinbiddlu bejniethom, użati b'mod partikolari fl-għodod ta' l-idejn sempliċi, kif deskritti fl-intestatura 8205, filwaqt li l-intestatura 8204 tikkonċerna "għodod li għandhom spaners u wrenches ".

    20     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-oġġetti msemmija fl-ewwel domanda għandhom ikunu kklassifikati taħt l-intestatura 8207 tan-NM. Fil-fatt, dawn ġew deskritti mill-qorti tar-rinviju bħala "ponot għat-turnaviti". Is-subintestatura 8207 90 30 tan-NM titratta speċifikatament l-"ponot għat-turnaviti". Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl ta' din is-subintestatura speċifika, jekk il-klassifikazzjoni ta' l-oġġetti in kwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tiddependi mill-klassifikazzjoni ta' l-għodda li jintużaw fiha, dan żgur imur kontra l-għan imfittex meta nħalqet din is-subintestatura.

     Tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja

    21     Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta' l-oġġetti għandu jiġi mfittex, b'mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom, hekk kif iddefiniti mill-kliem ta' l-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta' Settembru 2000 Eru Portuguesa, C-42/99, Ġabra p. I-7691, punt 13; tal-15 ta' Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u tat-8 ta' Diċembru 2005, Possehl Erzkontor, C-445/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19).

    22     In-noti spjegattivi tan-NM kif ukoll dawk tas-SA jikkontribwixxu, min-naħa tagħhom, b'mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata ta' l-intestaturi tariffarji differenti mingħajr madankollu ma għandhom forza legali. Il-kontenut ta' dawn in-noti għalhekk għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax ibiddel il-portata tagħhom (sentenzi Intermodal Transports, iċċitata iktar 'il fuq, punt 48, u Possehl Erzkontor, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20).

    23     Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha hu li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista' tikklassifka b'mod korrett il-prodotti in kwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklasifikahom hi stess, u dan a fortiori minħabba li hi mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjon tagħha l-elementi indispensabbli kollha f'dan ir-rigward. B'hekk, jidher li l-qorti nazzjonali fi kwalunkwe każ hi f'pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan (sentenza tas-7 ta' Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C-260/00 sa C-263/00, Ġabra p. I-10045, punt 26).

    24     Fil-fatt, il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 234 KE tistabbilixxi kooperazzjoni stretta bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq it-tqassim ta' funzjonijiet bejniethom (sentenza tat-30 ta' Marzu 2000, JämO, C-236/98, Ġabra p. I-2189, punt 30), u tikkostitwixxi strument li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali b'interpretazzjoni tal-partijiet tad-dritt Komunitarju li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawżi miġjuba quddiemhom (sentenzi Monte Arcosu, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21, u Lohmann u Medi Bayreuth, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

    25     Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ddeskriviet l-oġġetti in kwistjoni bħala "ponot għat-turnaviti". Din id-deskrizzjoni tirriżulta minn konstatazzjoni purament fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti tqajjem dubji dwarha fil-kuntest ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju mhijiex qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar id-deskrizzjoni ta' dawn il-biċċiet, peress li tillimita ruħha li tistaqsi fuq il-klassifikazzjoni tariffiarja tagħhom.

    26     Skond ir-regoli ġenerali, l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali (is-sentenza Possehl Erzkontor, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21). F'dan ir-rigward, in-nota 2 tal-kapitolu 82 tan-NM tiddisponi li l-bċejjeċ ta' metall ta' valur baxx ta' l-oġġetti ta' l-imsemmi kapitolu għandhom ikunu kklassifikati ma' l-oġġetti li minnhom jagħmlu parti, ħlief b'mod partikolari għall-bċejjeċ speċifikati separatament bħala tali.

    27     Kif issostni l-Kummissjoni, huwa ċar li s-subintestatura 8207 90 30 tan-NM tkopri speċifikatament il-"ponot għat-turnaviti". Barra minn hekk, peress li tali biċċiet dejjem jintużaw f'għodod oħra, jekk il-klassifikazzjoni tagħhom tkun tiddependi mill-klassifikazzjoni ta' dawn l-għodod, dan imur kontra l-għan li l-ħolqien ta' subintestatura speċifika jfittex. Tali soluzzjoni effettivament tneżża' lis-subintestatura 8207 90 30 tan-NM minn kull sens.

    28     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li l-intestatura 8204 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tkoprix biċċiet tat-turnaviti bi drive kwadrata, għal vitijiet bir-ras slotted, għamla ta' salib (cross-head), stilla (TX (internal Torx)) u eżagona (hexagon socket head), kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju u li jiġu importati separatament.

     Fuq it-tieni domanda

     Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    29     Proxxon issostni li l-biċċiet tas-sistema kwadrata, kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jaqgħu taħt l-intestatura 8204 tan-NM. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-biċċiet li jikkollegaw jagħmlux kuntatt dirett mal-vitijiet jew l-iskorfini ma tistax tikkostitwixxi karatteristika oġġettiva li toħloq distinzjoni u għalhekk, lanqas ma tista' tikkostitwixxi kriterju għall-klassifikazzjoni tariffarja. Barra minn hekk, dawn il-biċċiet li jikkollegaw, anki jekk jiġu importati separatament, jikkostitwixxu partijiet minn sistema u jistgħu jintużaw biss flimkien ma' din ta' l-aħħar. Fl-aħħar nett, ma huma imsemmijin f'ebda intestatura oħra tal-kapitolu 82 tan-NM.

    30     Il-Kummissjoni, bħal Proxxon, tikkunsidra li l-oġġetti koperti mit-tieni domanda jaqgħu taħt l-intestatura 8204 tan-NM. Fil-fatt, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-funzjoni ta' dawn il-biċċiet li jikkollegaw (bħala komponenti tas-sistema kwadrata u safejn huma kapaċi jieħdu biċċiet differenti), klassifikazzjoni ta' dawn l-oġġetti bħala ponot għat-turnaviti skond it-tifsira ta' l-intestatura 8207 tan-NM għandha tiġi eskluża. Barra minn hekk, dawn l-oġġetti jistgħu jieħdu sokits ta' spaners li huma imsemmijin espressament fl-intestatura 8204 tan-NM. Fl-aħħar nett, filwaqt li tirreferi għan-nota 2 tal-kapitolu 82 tan-NM, il-Kummissjoni tfakkar li l-bċejjeċ ta' oġġetti li jaqgħu taħt dan il-kapitolu għandhom ikunu kklassifikati ma' l-oġġetti li minnhom jagħmlu parti.

     Tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31     Għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu li għalih prodott huwa intiż jista' jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja, sakemm dan ikun inerenti għal dan il-prodott u din l-inerenza għandha tkun tista' tiġi evalwata skond il-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' April 2001, Deutsche Nichimen, C-201/99, Ġabra p. I-2701, punt 20; ta' l-4 ta' Marzu 2004, Krings, C-130/02, Ġabra p. I-2121, punt 30, u tas-17 ta' Marzu 2005, Ikegami, C-467/03, Ġabra p. I-2389, punt 23).

    32     Kif irrilevaw Proxxon u l-Kummissjoni, il-biċċiet tas-sistema kwadrata, deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jaqgħu taħt l-intestatura 8204 tan-NM. Fil-fatt, dawn il-biċċiet jistgħu jieħdu sokits ta' spaners; dawn ta' l-aħħar, b'mankijiet jew le, huma msemmija espressament f'din l-intestatura. Minbarra dan, skond in-nota 2 tal-kapitolu 82 tan-NM, "bċejjeċ ta' metall ta' valur baxx ta' l-oġġetti ta' dan il-kapitolu għandhom ikunu kklassifikati ma' l-oġġetti li minnhom jagħmlu parti", li tfisser li biċċa li tikkollega li tinsab bejn il-manku jew id-driver u sokit ta' spaner għandha tiġi kklassifikata bħas-sokit ta' l-ispaner stess.

    33     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tweġiba għat-tieni domanda għandha tkun li l-intestatura 8204 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri biċċiet tas-sistema kwadrata, kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, li jiġu importati separatament u li meta jintużaw, ma jagħmlux kuntatt dirett mal-biċċa li tissikka (skorfina, vit).

     Fuq it-tielet domanda

     Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    34     Proxxon, il-Kummissjoni u l-Gvern Lussemburgiż isostnu li t-torque meter wrenches jaqgħu taħt l-intestatura 8204 tan-NM, peress li din l-intestatura ssemmi dan it-tip ta' għodda espressament.

     Tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja

    35     Huwa ċar li l-intestatura 8204 tan-NM issemmi t-torque meter wrenches espressament.

    36     Kif issostni l-Kummissjoni – filwaqt li tiġbed l-attenzjoni għar-rapport tal-qorti tar-rinviju – it-torque meter wrenches huma kkaratterizzati mill-kapaċità tagħhom li jieħdu biċċiet ta' tipi differenti, fosthom il-ponot għat-turnaviti. Barra minn hekk, mhemm xejn li jipprekludi l-inklużjoni fil-kunċett ta' torque meter wrenches imsemmija fl-intestatura 8204 tan-NM, ta' oġġetti li normalment jissejħu hekk fil-kummerċ, ladarba dawn l-oġġetti għandhom il-karatteristika oġġettiva li jistgħu jieħdu għodod li jistgħu jinbiddlu bejniethom u li jservu biex jiffaċilitaw il-proċess ta' l-invitar.

    37     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tweġiba għat-tielet domanda għandha tkun li l-intestatura 8204 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri torque meter wrenches tas-sistema kwadrata tat-tip deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju u li jiġu importati separatament.

     Fuq l-ispejjeż

    38     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      L-intestatura 8204 tan-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta' Ottubru 2000, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tkoprix biċċiet tat-turnaviti bi drive kwadrata, għal vitijiet bir-ras slotted, għamla ta' salib (cross-head), stilla (TX (internal Torx)) u eżagona (hexagon socket head), kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju u li jiġu importati separatament.

    2)      L-intestatura 8204 tan-nomenklatura magħquda għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri biċċiet tas-sistema kwadrata, kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, li jiġu importati separatament u li meta jintużaw, ma jagħmlux kuntatt dirett mal-biċċa li tissikka (skorfina, vit).

    3)      L-intestatura 8204 tan-nomenklatura magħquda għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri torque meter wrenches tas-sistema kwadrata tat-tip deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju u li jiġu importati separatament.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq