Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62003CJ0138

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-24 ta' Novembru 2005.
    ir-Repubblika Taljana vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Rikorsi għal annullament - Fondi strutturali - Kofinanzjament - Regolamenti (KE) Nru 1260/1999 u Nru 1685/2000 - Kundizzjonijiet ta' l-eliġibbiltà ta' ħlasijiet akkont minn korpi nazzjonali fil-kuntest ta' skemi ta' għajnuna mogħtija mill-Istat.
    Każijiet Magħquda C-138/03, C-324/03 u C-431/03.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2005:714

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

    24 ta' Novembru 2005(1)

    "Rikorsi għal annullament – Fondi strutturali – Kofinanzjament – Regolamenti (KE) Nru 1260/1999 u Nru 1685/2000 – Kundizzjonijiet ta' l-eliġibbiltà ta' ħlasijiet akkont minn korpi nazzjonali fil-kuntest ta' skemi ta' għajnuna mogħtija mill-Istat"

    Fil-kawżi magħquda C-138/03, C-324/03 u C-431/03

    li għandhom bħala suġġett rikorsi għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressqin fis-27 ta' Marzu 2003 (C-138/03), fl-24 ta' Lulju 2003 (C-324/03) u fid-9 ta' Ottubru 2003 (C‑431/03),

    ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn A. Cingolo, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. De March u L. Flynn, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avvocato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta

    IL-QORTI Tal-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta' Awla, K. Schiemann, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta' April 2005,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Ġunju 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikorsi tagħha, ir-Repubblika Taljana titlob għall-annullament ta'

    –       L-ittra tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-20 ta' Jannar 2003 intiża li tnaqqas parti mis-somom mitluba għall-iskema ta' għajnuna fil-kuntest tal-programm operattiv "Riċerka, żvilupp teknolġiku u taħriġ avvanzat" (iktar 'l isfel "l-ittra kkontestata ta' l-20 ta' Jannar 2003");

    –       L-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2003 li tistabbilixxi l-ammont definittiv ta' l-imsemmi tnaqqis (iktar 'l isfel l-"ittra kkontestata tat-3 ta' Marzu 2003");

    –       L-ittra tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Mejju 2003 fil-parti fejn hi tiċħad l-eliġibbiltà għall-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali ta' ħlasijiet akkont rigward l-għajnuna mill-Istat wara d-19 ta' Frar 2003 (iktar 'l isfel l-"ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003");

    –       L-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta' Lulju 2003 li tiċħad l-eliġibbiltà għall-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali tal-ħlasijiet akkont flimkien ma' l-għajnuna mill-Istat wara d-19 ta' Frar 2003 (iktar 'l isfel l-"ittra kkontestata tad-29 ta' Lulju 2003").

     Il-kuntest ġuridiku

    2       It-tnejn u erbgħin u t-tlieta u erbgħin premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-disposizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p.1), jipprovdu li:

    "(42) […] l-ħlasijiet għandhom isiru fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem segwit minn rimbors tan-nefqa li attwalment tkun saret; […]

    (43)      […] għandha tiġi assigurata amministrazzjoni finanzjarja serja billi jiġi provdut illi n-nefqa tkun debitament ġustifikata u ċertifikata […]".

    3       L-Artikolu 9 ta' l-imsemmi Regolament jipprevedi li:

    "[…]

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    l)      benefiċjarji finali; [:] tfisser il-korpi u l-azjendi pubbliċi jew privati responsabbli biex jikkummissjonaw l-operazzjonijiet. Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna skond l-Artikolu 87 tat-Trattat u fil-każ ta’ għajnuna mogħtija minn korpi nominati mill-Istati Membri, il-benefiċjarji finali huma l-korpi li jagħtu l-għajnuna;

    […]

    o)      l-awtorità li tħallas: tfisser awtorità waħda jew iktar nazzjonali, reġjonali jew lokali jew korpi nominati mill-Istati Membri bl-iskop li jfasslu u jissottomettu applikazzjonijiet għall-ħlas u jirċievu l-ħlasijiet mill-Kummissjoni. L-Istat Membru għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tar-relazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità li tħallas u tar-relazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar mal-Kummissjoni".

    4       It-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 32(1), ta' l-istess Regolament jipprevedi li:

    "Il-ħlasijiet jistgħu jsiru f’forma ta’ pagamenti akkont, pagamenti provisorji jew pagamenti tal-bilanċ finali. Il-ħlasjiet provisorji jew il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati ma’ l-ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali, sostanzjati b’riċevuti ta’ kontijiet jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv."

    5       Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru. 1260/1999, "Meta jsir l-ewwel obbligu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlas akkont lill-awtorità li tħallas. Dan il-ħlas akkont għandu jkun ta’ 7% tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-għajnuna in kwistjoni. […]".

    6       L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1685/2000 tal-Kummissjoni tat-28 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eliġibbilità ta' l-infiq ta' operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU L 193, p.39) jiddisponi li:

    "Ir-Regola Nru 1: infiq realment magħmul

    1.       Ħlasijiet minn benefiċjarji finali

    1.1.      Ħlasijiet magħmula minn benefiċjarji finali skond it-tifsira tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (minn hawn 'l quddiem "ir-Regolament Ġenerali") għandhom ikunu fil-forma ta' flus kontanti bla ħsara għall-eċċezzjonijiet indikati f'punt 1.4.

    1.2.      Fil-każ ta' skemi ta' għajnuna taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat u għajnuna mogħtija minn organizazzjonijiet maħtura minn Stati Membri, "ħlasijiet minn benefiċjarji finali" tfisser għajnuna mħallsa lil riċevituri individwali minn organizazzjonijiet li jagħtu l-għajnuna. Ħlasijiet ta' għajnuna minn benefiċjarji finali għandhom ikunu ġustifikati b'referenza għall-kondizzjonijiet u l-għanijiet ta' l-għajnuna.

    1.3.       F'każijiet għajr dawk li hemm referenza għalihom f'punt 1.2, "ħlasijiet minn benefiċjarji finali" tfisser ħlasijiet magħmula minn korpi jew ditti pubbliċi jew privati tat-tip imfisser fil-programm sħiħ b'mod konformi mal-Artikolu 18(3)(b) tar-Regolament Ġenerali li jkollu responsabbiltà diretta biex jikkommissjona l-ħidma speċifika.

    […]

    2.       Prova ta' nfiq

    Bħala regola, ħlasijiet minn benefiċjarji finali għandhom ikunu sostenuti b'irċevuti. Meta dan ma jistax isir, ħlasijiet għandhom ikunu sostenuti b'dokumenti ta' żamma ta' kontijiet ta' valur probattiv ekwivalenti.

    Magħduda ma dan, meta t-twettiq ta' ħidma ma tkunx suġġett għal kull proċedura ta' sejħa għall-offerti kompetittiva, ħlasijiet minn benefiċjarji finali għandhom ikunu ġġustifikati b'nefqa realment magħmula (li tinkludi nefqa li għaliha hemm referenza f'punt 1.4) mill-korpi jew ditti pubbliċi jew privati konċernati fl-implimentazzjoni tal-ħidma.

    […]"

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    7       Fit-8 ta' Awwissu 2000, il-Kummissjoni approvat il-programm operattiv "Riċerka, żvilupp teknolġiku, taħriġ avvanzat" (iktar 'l isfel il-"programm", li jaqa' fil-qafas komunitarju ta' appoġġ għall-interventi strutturali fir-reġjuni Taljani li huma kkonċernati mill-obbjettiv Nru 1 tar-Regolament Nru 1260/1999.

    8       Fis-7 ta' Settembru 2001, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Taljana nota interpretattiva dwar it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 (iktar 'l isfel in-"nota interpretattiva"). Fl-ittra ta' trażmissjoni, l-imsemmija istituzzjoni tindika li "l-għan ta' din in-nota huwa li tikkjarifika ċerti mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni rigward il-kunċetti ta' "l-ispiża attwalment imħallsa " u ta' "ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali". Fil-każ li l-benefiċjarju finali mhuwiex ir-riċevitur individwali tal-fondi komunitarji, in-nota interpretattiva tanalizza l-eliġibbiltà għall-kofinanzjament tal-"ħlasijiet akkont ta' l-għotjiet", jiġifieri l-pagamenti bil-quddiem ta' l-għajnuna li l-benefiċjarji finali jagħtu lir-riċevituri individwali. Filwaqt li tenfasizza n-neċessità li jiġi żgurat li l-infiq li jiġi ddikjarat ikun reali u sostenut b'dokumenti ta' evidenza, il-Kummissjoni tikkonkludi li "il-pagamenti ta' ħlasijiet akkont mill-benefiċjarju finali ma jistgħux ikunu inklużi fl-infiq iddikjarat lill-Kummissjoni, sakemm l-imsemmi benefiċjarju jkun jista' jipprova li r-reċivitur individwali uża dan il-ħlas akkont sabiex iħallas lura l-infiq li sar".

    9       Permezz ta' l-ittra kkontestata ta' l-20 ta' Jannar 2003, indirizzata lir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas l-ammonti li jirrigwardjaw il- ħlasijiet akkont u li tinterrompi l-proċedura ta' pagament fuq il-preżentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni ta' l-infiq relatat mal-programm.

    10     Permezz ta' l-ittra kkontestata tat-3 ta' Marzu 2003, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ordnat il-pagament ta' somma inferjuri għal dik li kienet is-suġġett tal-kawża fit-talba, meta jittieħed kont b'mod partikolari ta' l-ammont ta' 3 163 570.18 EUR li jirrigwardjaw l-imsemmija ħlasijiet akkont.

    11     Parallelmentgħal dawn il-fatti, ġiet mibdija proċedura ta' konsultazzjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Iżvilupp u r-Ristrutturazzjoni tar-Reġjuni (iktar 'l isfel "il-Kumitat"), bl-għan li tiddefinixxi l-modalitajiet ta' simplifikazzjoni tat-tmexxija tal-Fondi Strutturali. Fir-rigward, b'mod partikolari, tat-tmexxija finanzjarja, il-Kumitat eżamina l-kwistjoni li tirrigwarda l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont fil-kuntest ta' l-iskemi ta' għajnuna. Safejn, skond il-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ kienu jeskludu eliġibbiltà bħal din, din issottomettiet lill-Kumitat abbozz tta' emendi tar-Regolament nru. 1685/2000, li jifformula mill-ġdid, fost affarijiet oħra, ir-Regola Nru 1 fuq l-infiq realment magħmul li tinstab fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Peress li ma ntaħaq l-ebda ftehim ma' l-Istati Membri matul it-tlieta u sittin laqgħa tal-Kumtat fid-19 ta' Frar 2003, il-Kummissjoni ddeċidiet li tabbanduna l-imsemmi abbozz.

    12     Permezz ta' l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana fuq ir-riżultat tad-dibattitu li kien sar fi ħdan il-Kumitat, filwaqt li kkonfermat li l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-ħlasijiet akkont magħmula fil-kuntest ta' l-iskema ta' għajnuna baqgħet dik espressa fin-nota interprettiva. Madankollu, filwaqt li rreferiet għad-dubbji li jistgħu jinħolqu fir-rigward tan-natura preċiża tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ u sabiex ma tmurx kontra l-aspettativi li setgħu leġittimament jitqajjmu mid-dibattitu konkluż fid-19 ta' Frar 2003, il-Kummissjoni ddikjarat ruħha disposta li tikkunsidra bħala eliġibbli l-ħlasijiet akkont li għalihom id-deċiżjoni ta' l-għotja tagħhom jew il-konklużjoni ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti kienet saret qabel l-imsemmija data.

    13     Għalhekk, permezz ta' ittra datata t-23 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni informat l-awtoritajiet Taljani li kienet bdiet il-proċedura ta' pagament tas-somma li kienet ġiet imnaqqsa permezz ta' l-ittri kkontestati ta' l-20 ta' Jannar u tat-3 ta Marzu 2003, liema ittri kienu, konsegewtament annullati. Il-pagament tas-somma ta' 3 163 570.18 EUR sar fil-5 ta' Ġunju 2003.

    14     Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni bagħtet lill-Gvern Taljan l-ittra kkontestata tad-29 ta' Lulju 2003, fejn hija indikat li kienet ħejjiet verżjoni ġdida ta' l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003 sabiex jiġu eliminati xi żbalji ta' traduzzjoni. Din il-verżjoni ġdida hija biss differenti mill-preċedenti fil-każ ta' paragrafu wieħed li din tissostitwixxi fit-tali ittra preċedenti.

     It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

     Kawża C-138/03

    15     Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –       tannulla l-ittri kkontestati ta' l-20 ta' Jannar u tat-3 ta' Marzu 2003, kif ukoll l-atti kollha li jinstabu fil-bażi ta' dawn jew li huma marbuta magħhom;

    –       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    16     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –       tordna t-tħassir tal-kawża

     Kawża C-324/03

    17     Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –       tannulla l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003 safejn din tiċħad l-eliġibbiltà għall-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali tal-ħlasijiet akkont mħallsa fir-rigward ta' l-għajnuna mill-Istat wara d-19 ta' Frar 2003, kif ukoll l-atti kollha li huma konnessi magħha u preċedenti għaliha;

    –       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    18     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew alternattivament bħala infondat;

    –       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

     Kawża C-431/03

    19     Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –       tannulla l-ittra kkontestata tad-29 ta' Lulju 2003, kif ukoll l-atti kollha li huma konnessi magħha u preċedenti għaliha;

    –       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    20     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew alterattivament bħala infondat;

    –       tordna lir-rikkorrenti tbati l-ispejjeż.

    21     B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Jannar 2005, il-kawżi C-138/03, C-324/03 u C-431/03 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

     Kawża C-138/03

    22     Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana titlob l-annullament ta' l-ittri kkontestati ta' l-20 ta' Jannar u tat-3 ta' Marzu 2003 intiżi, respettivament, li jiċħdu l-ħlas lura ta' ħlasijiet akkont mħallsa mill-awtoritajiet Taljani fil-qafas tal-programm u li tistabbilixxi l-ammont ta' 3 163 570.18 EUR bħala ammont tat-tnaqqis korrispondenti.

    23     Madanakollu, huwa stabbilit li, permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni informat il-Gvern Taljan li d-deċiżjoni li jiġi miċħud il-ħlas lura tal-ħlasijiet akkont kienet kienet ġiet annullata u li l-proċedura relatata ta' pagament tas-somma kienet diġà saret.

    24     Huwa wkoll stabbilit li l-pagament tas-somma ta' 3 163 570.18 EUR lir-Repubblika Taljana seħħ fil-5 ta' Ġunju 2003.

    25     Għandu jiġi kkonstatat, bl-annullament ta' l-ittri kkontestati ta' l-20 ta' Jannar u t-23 ta' Marzu, ir-rikorrenti kisbet biss ir-riżultat li r-rikors tagħha seta' jiksibilha u għaldastant m'għadx hemm fuq hiex tista' tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-kuntest ta' rikors ippreżentat skond l-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tista' biss tiddikjara l-annullament ta' l-att li huwa s-suġġett tiegħu (digriet tat-8 ta' Marzu 1993, Lezzi Pietro/il-Kummissjoni, C-123/92, Ġabra p. I-809, punt 10).

    26     Minn dan jirriżulta li r-rikors fil-kawża C-138/03 sar mingħajr għan u li m'hemmx lok għal deċiżjoni.

     Kawża C-324/03

     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

    27     Il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà minħabba li l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003 ma tikkostitwix att li jista' jiġi kkontestat fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE.

     L-argumenti tal-partjiet

    28     Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa waħda, li l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003 tillimita ruħha sabiex tagħti interpretazzjoni ta' ċerti regoli ta' eliġibbiltà għall-finanzjament tal-Fondi Strutturali, u f'dan ir-rigward ma tipproduċix ebda effett ġuridiku tar-Repubblika Taljana. Effetti bħal dawn jistgħu jiġu prodotti biss mid-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta iktar tard fuq il-bażi tat-talbiet ta' pagament speċifiċi.

    29     Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tallega li l-imsemmija ittra għandha biss natura purament konfermattiva tal-pożizzjoni espressa minnha fin-nota interpretattiva.

    30     Ir-Repubblika Taljana tirrispondi li l-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fl-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003 tirrappreżenta, fil-fatt, att li jintroduċi element ġdid fis-sistema fis-seħħ fir-rigward ta' l-eliġibbiltà ta' l-infiq jiġifieri l-ineliġibbiltà għall-kofinanzjament komunitarju tal-ħlasijiet akkont fil-kuntest ta' l-iskemi ta' għajnuna, u li, preċiżament minħabba l-portata innovattiva tagħha, jista' jipproduċi effetti diretti fil-qasam legali tar-rikorrenti.

    31     Il-Gvern Taljan isostni wkoll li l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju ma tikkostitwixix att purament konfermattiv tal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fin-nota interpretattiva peress li hija r-riżultat ta' dibattitu istituzzjonali fi ħdan il-Kumitat intiż għall-emendi tar-Regolament Nru 1685/2000.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    32     Skond ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament jista' jiġi eżerċitat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma, li huwa intiżi li jipproduċu effetti ġuridiċi (sentenzi tal-31 ta' Marzu 1971, il-Kummissjoni/il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 42, u tas-16 ta' Ġunju 1993, Franza/il-Kummissjoni, C-325/91, Ġabra p. I-3283, punt 9).

    33     Din il-kawża tittratta ittra tal-Kummissjoni indirizzata lir-Repubblika Taljana u bl-għan huwa li ssir magħrufa l-pożizzjoni ta' din l-istituzzjoni fir-rigward ta' l-ineliġibbiltà għall-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali f'ċerti ħlasijiet akkont imħallsa mill-Istati Membri.

    34     Sabiex jiġi vverifikat jekk din l-ittra hijiex limitata sabiex tirrifletti l-opinjoni tal-Kummissjoni mingħajr ma tbiddel il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja jew jekk, għall-kuntrarju, hija tistax tipproduċi effetti legali, billi toħoloq obbligi ġodda għall-Istati Membri, għandu jiġi eżaminat il-kontenut ta' dan att.

    35     L-evalwazzjoni tal-fondatezza ta' l-argument tal-Kummissjoni għandha għalhekk issir permezz ta' eżaminazzjoni tal-kwistjonijiet ta' mertu mqajma mill-kontroversja (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza ta' l-20 ta' Marzu 1997, Franza/il-Kummissjoni, C-57/95, Ġabra p. I-1627, punti 9 u 10).

    36     Barra minn dan, għalhekk huwa ċert li fl-ewwel parti ta' l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni affermat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha rigward l-ineliġibbiltà għall-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali tal-ħlasijiet akkont mill-Istati Membri, kif espressa fin-nota interpretattiva, xorta waħda jibqa' l-każ li bl-għan li tiġġustifika ħlas luratal-ħlasijiet akkont mogħtija sad-19 ta' Frar 2003 fuq il-bażi tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi ta' l-Istati Membri, hija tirreferi b'mod espliċitu, fit-tieni parti ta' l-ittra, għad-dubji li setgħu nħolqu rigward in-natura preċiż tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

    37     Peress għaldaqstant li l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003 m'għandhiex in-natura konfermattiva tan-nota interpretattiva biss, din għandha tiġi kkonsidrata bħala r-riżultat definittiv ta' l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta' Marzu 1978, Herpels/il-Kummissjoni 54/77, Ġabra p.585, punt 14).

    38     Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors C-324/03 huwa ammissibbli.

     Fuq il-mertu

     Rigward l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 kif ukoll fuq il-punti 1 u 2 tar-Regola Nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000

    –       L-argumenti tal-partijiet

    39     Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet li hemm fir-Regolamenti Nru 1260/1999 u Nru 1685/2000 ma tippermetti r-rikonoxximent ta' xi rilevanza ta' l-attivitajiet tar-riċevituri individwali tal-finanzjament fil-każ l-eliġibbiltà ta' l-infiq magħmul mill-benefiċjarju finali fil-kuntest ta' l-iskema ta' għajnuna mill-Istat.

    40     Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, l-ewwelnett, mill-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999, billi dan l-Artikolu jipprevedi li l-pagamenti mwettqa mill-benefiċjarji finali għandhom ikunu ġġustifikati bil-preżentazzjoni, meta dan ikun possibbli, ta' rċevuti ta' kontijiet imħallsa u, fil-każijiet l-oħra kollha, b'dokumenti b'valur bħala prova li hu ekwivalenti. It-tieni nett, fil-punt 1.2 tar-regola Nru 1 fl-Anness tar-Regolament nru 1685/2000 huwa previst li l-pagamenti ta' l-għajnuna mħallsa mill-benefiċjarji finali għandhom ikunu ġġustifikati fid-dawl tal-kundizzjonijiet u ta' l-għanijiet ta' l-imsemmija għajnuna. Dan jeskludi, konsegwentament, kull tip ta' kundizzjoni oħra fir-rigward tad-dokumentazzjoni ta' spejjeż korrispondenti magħmula mir-riċevitur individwali tal-finanzjament. It-tielet nett, il-punt 2 ta' l-imsemmija Regola Nru 1 jipperemetti li, meta ma jkunx possibbli li jiġu ppreżentati kontijiet mħallsa, il-ħlasijiet ikunu jistgħu jiġu akkumpanjati minn dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv.

    41     Skond il-Kummissjoni, "dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv" fis-sens tar-Regolament Nru 1260/1999, għandhom ifissru dokumenti li jiġġustifikaw il-pagament li l-Kummissjoni tirrikonoxxi u taċċetta fil-każ meta, fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet fiskali u ta' kontabilità ta' l-Istat Membru ikkonċernat, m'hemmx lok li tinħareġ irċevuta għal ħlas tal-flus. M'hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jissopponi li dawn id-dokumenti jirreferu speċifikament għall-iskemi ta' għajnuna u, anki fil-kuntest ta' dawn l-iskemi, jista' jkun hemm fatturi mħallsa għal operazzjonijiet differenti ta' eżekuzzjoni.

    42     Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda l-fatt li l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 ma jsemmix ir-riċevituri individwali tal-finanzjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Gvern Taljan jinjora l-kompetenza mogħtija mill-Artikolu 30 ta' dan ir-Regolament lill-Kummissjoni sabiex tadotta, f'dan il-każ, regoli komuni fil-qasam ta' l-eliġibbiltà ta' l-infiq. Mhux possibbli mir-Regolament Nru. 1260/1999 li tiddeduċi leġiżlazzjoni eżawrjenti tal-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà ta' l-imsemmija nfiq.

    43     Il-Kummissjoni tippreċiża li l-punt 1.2 tar-Regola Nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament Nru. 1685/2000 għandu jinftiehem fis-sens li jeħtieġ id-dimostrazzjoni ta' l-użu effettiv tal-finanzjamenti għat-twettiq ta' proġetti li jissodisfaw l-għanjiet li għalihom l-għajnuna ġiet mogħtija. Din il-kundizzjoni tista tiġi vverifikata b'mod effettiv minnha waqt l-aħħar stadju ta' l-użu ta' l-għajnuna, jiġifieri dak li jirrigwarda r-riċevituri individwali tal-finanzjament bħala eżekuturi ta' l-inverventi jew l-operazzjonijiet differenti fuq il-lok.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    44     Mit-tlieta u erbgħin premessa tar-Regolament (KE) Nru. 1260/1999 jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jiġu stabbiliti garanziji ta' amministrazzjoni finanzjarja serja billi jiġi żgurat illi l-infiq ikunu ġġustifikati u ċċertifikati.

    45     Għal dan l-iskop, is-sistema stabbilita mill-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 kif wkoll mir-Regola Nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 hija bbażata fuq il-prinċipju tal-ħlas lura ta' l-infiq.

    46     Dan jimplika li, fil-prinċipju, l-eliġibbiltà mill-korpi nazzjonali għall-kontribut tal-Fondi Strutturali ta' l-infiq li sar hija soġġetta għall-preżentazzjoni fis-servizzi tal-Kummissjoni tal-prova ta' l-użu tagħhom fil-kuntest tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Prova bħal din tista' tikkonsisti minn irċevuti ta' kontijiet imħallsa jew, jekk dan ma jkunx possibbli, minn dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv ekwivalenti.

    47     Huwa biss fil-każ tal-pagament mill-Kummissjoni bħala ħlasijiet akkont ta' ammont li jirrappreżenta 7 % tal-kontribut tal-Fondi Strutturali fl-intervent in kwistjoni, previst fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru. 1260/1999, li l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex marbuta li jippreżentaw, diġà f'dan l-istadju, dokumenti li jiġġustifikaw l-inqif li sar.

    48     Il-ħlasijiet akkont li huma mħallsa mill-korpi nazzjonali li ma jaqbżux l-ammont ta' 7 % tal-parteċipazzjoni ta' l-imsemmija Fondi jistgħu għalhekk jingħataw mingħajr ebda rekwizt dwar il-prova ta' l-użu tagħhom. Għall-kuntrarju, jekk, bħal f'dan il-każ, dawn il-ħlasijiet akkont jaqbżu l-ammont imsemmi, il-ħlas lura tagħhom a posteriori mill-Kummissjoni jkun jiddependi mit-twettiq tal-formalitajiet imsemmija fil-punt 46 ta' din is-sentenza.

    49     F'dan l-aħħar każ figurattiv, il-pagament li għandu jsir mill-Kummissjoni ma jibqax ikollu aktar il-forma ta' ħlas akkont iżda pjuttost dak ta' pagament intermedjarju jew pagament tal-bilanċ, fis-sens ta' l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999, u jeħtieġ, konsegwentament, il-preżentazzjoni ta' dokumenti li jiġġustifikaw l-użu tas-somma in kwistjoni.

    50     L-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003, li tgħid li l-ħlasijiet akkont imħallsa mill-Istati Membri fil-kuntest ta' l-iskema ta' kontribuzzjoni mhumiex eliġibbli għall-għajnuna tal-Fondi Strutturali, sakemm dokumenti li jiġġustifikaw tali ħlasijiet huma ppreżentati, hija għalhekk konformi ma' l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 kif ukoll mar-Regola Nru 1, punti 1 u 2 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000.

    51     Għaldaqstant, l-ewwel motiv inkovat mir-Repubblika Taljana mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

     Fuq it­-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-formalitajiet sostanzjali

    –       L-argumenti tal-partijiet

    52     Skond il-Gvern Taljan, l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju ma fiha l-ebda element ta' motivazzjoni li jiġġustifika l-pożizzjoni adottata f'din l-okkażjoni. Il-motivazzjoni ta' l-imsemmija ittra hija insuffiċjenti u kontradittorja.

    53     Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa mingħajr bażi peress li l-kronoloġija ta' l-avvenimenti ppreżentata fl-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003 fiha l-elementi kollha neċessarji sabiex jinftiehmu ż-żewġ pożizzjonijiet espressi mill-Kummissjoni. Barra minn dan, ma teżisti ebda kontradizzjoni fil-fatt li din l-ittra tikkonferma r-regola ta' l-ineġibbiltà tal-ħlasijiet akkont fl-istess waqt li hija tikkunsidra bħala eliġibbli dawn imħallsa qabel id-19 ta' Frar 2003. Dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet jikkorrispondu rispettivament għar-regola ġenerali u għall-eċċezzjoni.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    54     Hemm lok li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi, b'mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament ta' l-istituzzjoni li ħarġet l-att, b'mod li tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Settembru 2003, l-Austrija/il-Kunsill, C-445/00, Ġabra p. I-8549, punt 49, u tad-9 ta' Settembru 2004, Spanja/il-Kummissjoni, C-304/01, Ġabra p. I-7655, punt 50).

    55     Dan ir-rekwiżit għandu jiġi vvalutat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari tal-kontenut ta' l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta' l-interess li riċevituri jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att jistgħu jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhux meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt relevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi vvalutata fir-rigward mhux biss tat-termini tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha huma li jirregolaw il-qasam in kwistjoni (ara s-sentenzi tat-22 ta' Marzu 2001, Franza/il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, punt 36, u tas-7 ta' Marzu 2002, l-Italja/ il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punt 48).

    56     Rigward din il-ġurisprudenza, ma jidhirx li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet b'mod suffiċjenti fl-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003.

    57     Fil-fatt, f'din l-ittra, hija tindika b'mod ċar u b'mod mhux ekwivoku r-raġunijiet li kienu fil-bażi, rispettivament, ta' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' l-ineliġibbiltà għall-kontrabuzzjoni tal-Fondi Strutturali ta' ċerti ħlasijiet akkont imħallsa mill-Istati Membri kif ukoll id-deċiżjoni li taċċetta l-ħlas lura tal-ħlasijiet akkont mogħtija sad-19 ta' Frar 2003, jiġifieri:

    –       in-nuqqas ta' ftehim fi ħdan il-Kumitat fid-dawl tal-modifikazzjoni tar-Regolament Nru. 1685/2000;

    –       il-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi ta' l-Istati Membri.

    58     Għalhekk hemm lok li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-formalitajiet sostanzjali jiġi miċħud bħala infondat.

    59     Peress li l-ebda mill-motivi invokati mir-Repubblika Taljana ma jista' jirnexxi, ir-rikors C-324/03 għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

     Il-kawża C-431/03

     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

    60     Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors C-431/03 peress illi huwa identiku għar-rikors C-324/03.

     L-agrumenti tal-partijiet

    61     Skond il-Kummissjoni, rikors introdott sussegwentament għal ieħor li jopponi l-istess partijiet, li għandu l-istess suġġett u li huwa bbażat fuq l-istess motivi għandu jkun miċħud bħala inammissibbli.

    62     Il-Gvern Taljan jirrispondi li għalkemm l-ittri kkontestati ta' l-14 ta' Mejju u d-29 ta' Lulju 2003 juru rabtiet evidenti ta' konnessjoni fuq il-livell tal-kontenut u dak tal-funzjoni tagħhom, huma jikkostitwixxu atti formalment distinti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    63     Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana titlob l-annullament ta' l-ittra kkontestata tad-29 ta' Lulju 2003, li tissostitwixxi l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003 b'effett mill-ġurnata ta' l-adozzjoni tagħha.

    64     Skond ġurisprudenza stabbilita, rikors introdott sussegwentament għal ieħor li jopponi l-istess partijiet, li huwa bbażat fuq l-istess motivi u li huwa intiż għall-annullament ta' l-istess att ġuridiku, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba l-lis pendens (ara, b'mod partikolari s-sentenza tat-22 ta' Settembru 1988, Franza/il-Parlament, 358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punt 12).

    65     Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-rikors C-431/03 jopponi l-istess partijiet u huwa bbażat fuq l-istess motivi tar-rikors C-324/03.

    66     Barra minn dan, hekk kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 15 tal-Konklużjonijiet tiegħu mill-ittra kkontestata tad-29 ta' Lulju 2003 jirriżulta li din kellha biss bħala uniku għan il-korrezzjoni ta' xi żbalji ta' traduzzjoni li kienu fl-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003, din ta' l-aħħar ma kinitx ġiet revokata u l-effetti ġuridiċi tagħha bdew mid-data ta' l-adozzjoni tagħha. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma kkontestatx, fiha nfisha, l-imsemmija korrezzjoni.

    67     Is-suġġett ta' dan ir-rikors huwa għalhekk eżattament l-istess bħal dak tal-kawża C-324/03, jiġifieri l-annullament ta' l-ittra kkontestata ta' l-14 ta' Mejju 2003 fejn, filwaqt li tafferma mill-ġdid l-ineligibbiltà għall-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali tal-ħlasijiet akkont imħallsa mill-korpi nnominati mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tammetti l-eliġibbiltà ta' dawn il-ħlasijiet akkont meta d-deċiżjoni finali ta' l-għotja ta' l-għajnuna lir-riċevituri kkonċernati ttieħdet sa l-iktar tard fid-19 ta' Frar 2003.

    68     Konsegwentament, ir-rikors C-431/03 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

     Fuq l-ispejjeż

    69     Skond l-Artikolu 69(6) tar-Regoli tal-Proċedura fil-każ li m'hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. F'dan il-każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustiżżja kkonsidrat li m'hemmx lok għal deċiżjoni fil-kuntest tal-kawża C-138/03 minħabba l-annullament mill-Kummissjoni tad-deċiżjonijiet li r-Repubblika Taljana talbet ir-revoka tagħhom, għandu jitqies il-fatt li dan l-annullament seħħ biss wara l-preżentazzjoni tar-rikors u għaldaqstant daħħal lir-rikkorrenti fi spejjeż inulti. Għalhekk jidher xieraq li l-Kummissjoni tiġi ordanta tbati l-ispejjeż.

    70     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż għall-kawżi C-324/04 u C-431/03, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi

    1)      M'hemmx lok għal deċiżjoni fuq ir-rikors fil-kawża C-138/03.

    2)      Ir-rikors fil-kawża C-324/03 huwa miċħud.

    3)      Ir-rikors fil-kawża C-431/03 huwa miċħud bħala inammissibbli.

    4)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż konesssi mal-kawża C-138/03.

    5)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż konesssi mal-kawżi C‑324/03 u C-431/03.

    Firem


    1 Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Fuq