EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CC0227

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jacobs - 27 ta' Ottubru 2005.
Maria-Luise Lindorfer vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Appell - Uffiċjali - Trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni - Attivitajiet tax-xogħol imwettqa qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet - Kalkolu tas-snin tas-servizz pensjonabbli - Artikolu 11(2) ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal - Regoli ta' implementazzjoni - Prinċipju ta' non diskriminazzjoni - Prinċipju ta' trattament ugwali.
Kawża C-227/04 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2007 II-B-2-00157
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-06767;FP-I-B-2-00017

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2005:656

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JACOBS

ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2005 1(1)

Kawża C-227/04 P

Maria-Luise Lindorfer


vs


Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea






1.        Dan l-appell jirrigwarda l-kalkolu tas-snin ta’ servizz pensjonabbli kkreditati lil uffiċjal tal-Kunsill taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Komunità wara t-trasferiment tal-valur tar-redenzjoni b’rata fissa tad-drittijiet tal-pensjoni ta’ l-irtirar tagħha miksuba taħt skema nazzjonali. Madankollu tqajjem ukoll ċerti kwistjonijiet fundamentali dwar trattament ugwali.

2.        Il-kalkolu in kwistjoni kien sar skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti dwar il-Persunal u tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-Kunsill.

3.        Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjoni li permezz tagħha sar il-kalkolu, fejn eċċepiet l-illegalità ta’ dawk id-dispożizzjonijiet fuq il-bażi li dawn jiksru, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

4.        L-aspetti li għalihom l-appellanta toġġezzjona huma partikolarment li:

–        il-valuri attwarjali użati fil-kalkolu jiddiskriminaw kontra n-nisa;

–        dawn il-valuri attwarjali jiddiskriminaw ukoll abbażi ta’ età, peress li jaffettwaw progressivament b’mod negattiv lill-uffiċjali kollha aktar ma jkunu avvanzati fl-età meta jkunu ġew reklutati; u

–        iż-żewġ varjanti tal-formola ta’ konverżjoni tal-valuta użati sabiex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti f’euro ta’ ammont stabbilit f’valuta oħra jistgħu jagħtu lok għal differenzi fit-trattament, bi żvantaġġ għall-uffiċjali li jkunu kkontribuxxew għal skema tal-pensjoni fi Stat Membru b’valuta b’saħħitha.


 Il-kuntest ġuridiku

 Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni

5.        L-Artikolu 12 KE jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità fi ħdan l-isfera ta’ applikazzjoni tat-Trattat.

6.        L-Artikolu 141 KE jeħtieġ li l-Istati Membri japplikaw il-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa għall-istess xogħol. Għal dan l-iskop, il-paga tinkludi kull remunerazzjoni li jirċievi ħaddiem, direttament jew indirettament, fir-rigward ta’ l-impjieg tiegħu, mingħand min iħaddmu.

7.        Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE(2) tapplika għal, inter alia, skemi statutorji tal-pensjoni tax-xjuħija. L-Artikolu 4(1) jistabbilixxi:

“Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat [ta’ żwieġ] jew tal-familja f’dak li għandu x'jaqsam ma’:

–        l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

–        l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

–        il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

8.        Id-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE(3) tapplika, inter alia, għal skemi ta’ pensjoni tax-xogħol. L-Artikolu 5(1) jistabbilixxi:

“Taħt il-k[u]ndizzjonijiet [stabbiliti] fid-dispo[ż]izzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplika li m’ għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, kemm direttament jew indirettament, b’referenza partikolari għall-istat [ta’ żwieġ] jew tal-familja, speċjalment fir-rigward ta’ :

–        l-iskop ta’ l-iskemi u l-k[u]ndizzjonijiet ta’ aċċess għalihom;

–        l-obblig[u] biex jikkontribwixxu u l-kalk[olu] tal-kontribuzzjonijiet;

–        il-kalk[olu] ta’ benefiċċji, inkluż[i] benefiċċji supplimentari dovuti fir-rigward ta’ konjugi jew dipendenti, u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma ta’ l-intitolament ta’ benefiċċji.”

9.        Skond l-Artikolu 6(1):

“Dispo[ż]izzjonijiet kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali jinkludu dawk ibbażati fuq sess, kemm direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal żwieġ jew familja biex:

(h)       [jiġu ffissati] livelli differenti ta’ benefiċċj[i], ħlief fejn ikun hemm bżonn li [jitqiesu] l-fatturi ta’ kalk[oli] attwarji li huma differenti skond is-sess fil-każ ta’ benefiċċji msemmija bħala kontribuzzjoni[jiet] iddefiniti;’

Fil-każ ta’ skemi ta’ benefiċċju definit mogħtija fondi, ċerti elementi (li eżempji tagħhom huma annessi) jistgħu ma jkunux ugwali meta l-inegwaljanza ta’ l-ammonti tirriżulta mill-effetti ta’ l-użu ta’ fatturi attwarjali li jvarjaw skond is-sess fil-ħin meta l-għoti ta’ fondi ta’ l-iskema tiġi implimentata;

…”

10.      Eżempji ta’ elementi li jistgħu ma jkunux ugwali, fir-rigward ta’ skemi ta’ benefiċċju definit, kif imsemmija fl-Artikolu 6(1)(h) u mogħtija fl-anness, jinkludu t-‘trasferiment ta’ drittijiet tal-pensjoni’.

11.      Madankollu, l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità la hija skema statutorja u lanqas waħda tax-xogħol; hija stabbilita mir-Regolamenti dwar il-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (‘ir-Regolamenti dwar il-Personal’)(4)

12.      L-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti dwar il-Persunal kien jistipula, fiż-żmien rilevanti fil-każ preżenti: “L-uffiċjali għandhom ikunu ntitolati għal trattament indaqs taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal mingħajr riferenza, diretta jew indiretta, għar-razza, twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, sess jew xejra sesswali, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relevanti li jeħtieġu stat maritali.”(5)


 Dispożizzjonijiet tal-pensjoni rilevanti

 Ġenerali

13.      L-Artikoli 77 et seq tar-Regolamenti dwar il-Persunal jistabbilixxu skema tal-pensjoni għall-uffiċjali, li hija rregolata mir-regoli ddettaljati li jinsabu fl-Anness VIII tar-Regolamenti dwar il-Personal.

14.      Abbażi ta’ l-Artikolu 77, l-ammont tal-pensjoni fiż-żmien rilevanti kien essenzjalment 2 % tas-salarju finali ta’ l-uffiċjal għal kull sena ta’ servizz, sa massimu ta’ 70 %. Abbażi ta’ l-Artikolu 83, il-benefiċċji jitħallsu mill-baġit tal-Komunitajiet u l-ħlas huwa ggarantit konġuntament mill-Istati Membri; l-uffiċjali madankollu jikkontribwixxu terz ta’ l-ispiża tal-finanzjament ta’ l-iskema.

15.      Dik il-kontribuzzjoni tieħu l-forma ta’ tnaqqis mis-salarju ta’ perċentwali li huwa l-istess għall-uffiċjali kollha u huwa ffissat minn żmien għal żmien sabiex it-total fir-rigward ta’ l-uffiċjali kollha jammonta kemm jista’ jkun qrib għal terz ta’ l-ispiża tal-pensjonijiet imħallsa(6).

16.      Għalhekk, l-Artikolu 83(4)(7) tar-Regolamenti dwar il-Persunal kien jistabbilixxi fiż-żmien rilevanti:

“Jekk stima attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni, li ssir minn espert ikkwalifikat wieħed jew aktar fuq talba tal-Kunsill, turi li l-kontribuzzjonijiet ta’ l-uffiċjali mhux biżżejjed biex tiffinanzja terz tal-benefiċċji pagabbli taħt l-iskema tal-pensjoni, l-awtoritajiet ta’ l-estimi, [...] għandhom jistabbilixxu liema bidliet għandhom isiru fir-rati tal-kontribuzzjonijiet jew fl-età ta’ l-irtirar”


 Trasferiment ta’ drittijiet tal-pensjoni lejn l-iskema tal-Komunità

17.      Fiż-żmien rilevanti, l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII kien jgħid hekk:

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Komunitajiet wara:

–        li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali; jew

–        li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu

għandu jkun intitolat meta jkun stabbilit li ħallas lill-Komunitajiet jew l-ekwivalenza attwarjali jew il-valur tar-redenzjoni b’rata fissa [(8) ]tad-drittijiet tal-pensjoni ta’ l-irtirar miksuba bis-saħħa tat-tali servizz jew attivitajiet.

Fit-tali każ l-istituzzjoni li fiha jservi l-uffiċjal għandha, wara li tikkunsidra l-grad tiegħu ma’ l-istabbiliment, tistabbilixxi n-numru ta’ snin tas-servizz tal-pensjoni li għandu jkun ikkreditat bihom taħt l-iskema tal-pensjoni tiegħu stess dwar il-perijodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi ta’ l-ammont ta’ l-ekwivalenza attwarjali jew is-somom li tħallsu lura kif imsemmi qabel”.


 Kalkolu ta’ l-intitolament wara trasferiment

18.      Ir-regoli ġenerali li jimplementaw l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti dwar il-Persunal huma essenzjalment komuni għad-diversi istituzzjonijiet. Abbażi l-Artikolu 10(2) ta’ dawk adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 1992, in-numru ta’ snin pensjonabbli akkreditati għandu jiġi kkalkulat abbażi ta’ l-ammont totali ttrasferit, suġġett għat-tnaqqis ta’ imgħax sempliċi ta’ 3.5 % fis-sena għall-perijodu ta’ bejn id-data tal-ħatra ta’ l-uffiċjal u d-data tat-trasferiment attwali (bl-eċċezzjoni tal-perijodi li matulhom dak l-ammont ma kienx ġie evalwat mill-ġdid jew l-imgħax ma akkumulax taħt is-skema nazzjonali li qed tagħmel it-trasferiment).

19.      L-Artikolu 10(3) tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-Kunsill, jgħid, sa fejn huwa rilevanti:

“In-numru ta’ snin pensjonabbli li għandhom jiġu kkreditati għandu jiġi kkalkulat billi ssir konverżjoni:

–        ta’ l-ammont ittrasferit (A) f’pensjoni nozzjonali (P), li tvarja skond il-valuri attwarjali (V) stabbiliti mill-awtoritajiet baġitarji taħt l-Artikolu 39 ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti dwar il-Persunal …, skond il-formola P = A/V,

–        ta’ din il-pensjoni (P) fi snin pensjonabbli għall-finijiet tar-Regolamenti dwar il-Persunal (Y) skond is-salarju annwali bażiku (S) li jikkorrispondi mal-grad ta’ stabbiliment ta’ l-uffiċjal …, skond il-formola Y = P x l00/S x 2.

[...]”

20.      Il-valuri attwarjali li għandhom jintużaw, li jidhru fl-Anness II tar-regoli ta’ implementazzjoni, huma fil-każijiet kollha ogħla għan-nisa milli għall-irġiel, u jirriflettu differenzi fl-istatistiċi ta’ l-aspettattiva tal-ħajja. Il-valuri, u d-differenza bejn dawk għall-irġiel u għan-nisa, jiżdiedu bl-età.

21.      Mill-formoli hawn fuq imsemmija jirriżulta li, għal ammont partikolari A ttrasferit, il-pensjoni nozzjonali P tonqos hekk kif il-valur attwarjali V jiżdied, peress li P huwa ekwivalenti għal A diviż b’V. Barra minn hekk, in-numru ta’ snin pensjonabli Y jonqos hekk kif is-salarju bażiku fil-grad ta’ stabbiliment S jiżdied, peress li Y effettivament huwa multiplu ta’ P diviż b’S.


 Formoli għall-konverżjoni ta’ valuti

22.      L-Artikolu 10(4) ta’ l-istess regoli ta’ implementazzjoni jirrigwarda l-proċedura għall-konverżjoni ta’ l-ammont ittrasferit f’valuta differenti minn, oriġinarjament, il-frank Belġjan (issa l-Euro). Is-siltiet rilevanti jinsabu fit-tielet u r-raba’ subparagrafi ta’ l-Artikolu 10(4)(b), li jgħidu hekk:

“is-somma parzjali li tikkorrispondi għall-perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 1971 għandha tiġi kkonvertita abbażi tar-rata medja aġġornata ffissata mill-Kummissjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1972 sad-data ta’ l-istabbiliment ta’ l-uffiċjal …

Madankollu, fuq talba ta’ l-uffiċjal …, l-ammont (A) ikkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu għandu jiġi kkonvertit abbażi tar-rata aġġornata fis-seħħ fid-data tat-trasferiment. F’dan il-każ, is-salarju (S) u l-valur attwarjali (V) li għandhom jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tan-numru ta’ snin pensjonabbli li jridu jiġu kkreditati għandhom ikunu r-remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-grad ta’ stabbiliment ta’ l-uffiċjal … applikabbli fid-data tat-trasferiment u l-valur attwarjali li jikkorrispondi għall-… età ta’ l-uffiċjal f’dik id-data.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

23.      F’din il-proċedura l-ewwel waħda minn dawn il-formoli ta’ konverżjoni tissejjaħ ‘varjant (i)’ filwaqt li t-tieni tissejaħ ‘varjant (ii)’.

24.      Jekk il-valur tal-valuta li minnha jiġi ttrasferit l-ammont A jkun waqa’, fil-konfront tal-valuta li fiha jkun ġie kkonvertit, matul il-perjodu ta’ kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjoni preċedenti, l-uffiċjal in kwistjoni jista’ jkun żvantaġġat. Għalhekk il-varjant (i) huwa intiż sabiex jikkumpensa għal din is-sitwazzjoni perss li japplika rata ta’ kambju medja matul il-perjodu. Il-varjant (ii) jippermetti lill-uffiċjal li madankollu jagħżel r-rata tal-kambju fid-data tat-trasferiment, li aktarx tkun vantaġġuża jekk il-valur tal-valuta oriġinali jkun żdied, għalkemm il-vantaġġ jista’ jiġi nnewtralizzat sa ċertu grad peress li s-salarju S u l-valur attwarjali V jiġu kkalkulati fid-data tat-trasferiment u għalhekk jistgħu jkunu ogħla minn dawk fid-data ta’ stabbiliment.


 Il-fatti u l-proċedura amministrattiva

25.      L.M. Lindorfer, ir-rikorrenti fil-kawża preżenti, hija ċittadina Awstrijaka li ngħaqdet mal-persunal tal-Kunsill bħala uffiċjal fuq bażi ta’ prova f’Settembru 1996 u ġiet maħtura fil-grad A5 f’Ġunju 1997.

26.      Qabel ma daħlet taħdem mal-Kunsill, hija kienet ħadmet u kkontribwiet fi skema tal-pensjoni fl-Awstrija għal 13-il sena u tliet xhur. Fl-1999 u fl-2000, hija ħadet il-passi neċessarji sabiex l-intitolament tal-pensjoni Awstrijaka tagħha jiġi ttrasferit għall-iskema tal-Komunità. Fis-7 ta’ Novembru 2000, hija rċeviet nota (‘id-deċiżjoni kkontestata’)(9) fejn ġiet informata dwar in-numru ta’ snin pensjonabbli li kienu ser jiġu akkreditati lilha. Intużaw il-valuri attwarjali msemmija hawn fuq, u l-varjant (ii) intuża għall-finijiet tal-konverżjoni tal-valuta li rriżultaw f’total ta’ ħames snin, ħames xhur u tmint ijiem.

27.      L.M. Lindorfer ppreżentat ilment li permezz tiegħu hija kkontestat dik id-deċiżjoni, u allegat li l-Artikolu 11(2) tar-Regolamenti dwar il-Persunal u l-Artikoli 10(3) u (4) tar-regoli ta’ implementazzjoni kienu illegali peress li dawn imorru kontra d-drittijiet u l-prinċipji tad-dritt Komunitarju, u għalhekk m’għandhomx jiġu applikati. L-ilment ġie miċħud fil-31 ta’ Mejju 2001, u L.M. Lindorfer ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza(10).


 Sentenza appellata

28.      F’dak ir-rikors, L.M. Lindorfer għal darb’oħra allegat l-illegalità ta’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolamenti dwar il-Persunal u l-Artikoli 10(3) u (4) tar-regoli ta’ implementazjoni ġenerali. Madankollu mhuwiex neċessarju li jiġu kkunsidrati l-aspetti tas-sentenza appellata dwar l-ewwel dispożizzjoni peress li fl-appell hija tikkritika biss il-mod ta’ kif il-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat ċerti argumenti tagħha dwar ir-regoli ta’ implementazzjoni. Is-siltiet rilevanti jistgħu jinġabru fil-qosor skond kif ġej.


 Referenza għall-età u s-salarju fil-kalkolu

29.      L.M. Lindorfer sostniet li l-kalkolu previst mill-varjant (ii) jirreferi għall-età u s-salarju ta’ l-uffiċjal fid-data tat-trasferiment u mhux fid-data tal-ħatra, kif inhuwa l-każ għall-varjant (i), u għalhekk jiddiskrimina bejn uffiċjali skond liema varjant jintuża.

30.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat dan l-argument għall-ewwel darba fil-punt 69 tas-sentenza tagħha. Dan kien ibbażat – kif ġie ‘innutat’ mir-rikorrenti matul is-seduta – fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 10(4)(b) tar-regoli ta’ implementazzjoni, skond liema s-salarju rilevanti huwa dak għall-grad li fih ġie maħtur l-uffiċjal, aġġornat b’effett mid-data ta’ meta t-trasferiment effettivament isir, u mhux għall-grad attwalment miżmum mill-uffiċjal f’dik id-data.

31.      Sussegwentement, fil-punti 88 u 89, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li kien loġiku li, fil-varjant (ii), l-età u s-salarju jkunu dawk fid-data tat-trasferiment u li, fil-varjant (i), il-parametri kollha jiġu ffissati għall-istess data (dik tal-ħatra), filwaqt li osservat li fil-varjant (i) l-imgħax sempliċi ta’ 3.5 % fis-sena jitnaqqas mill-ammont ittrasferit għall-perijodu ta’ bejn il-ħatra ta’ l-uffiċjal u d-data tat-trasferiment effettiv (bl-eċċezzjoni ta’ perijodi li matulhom l-ammont ma ġiex evalwat mill-ġdid jew l-imgħax ma akkumulax taħt l-iskema nazzjonali trasferenti), filwaqt li ma jitnaqqasx dan l-imgħax jekk jintuża l-varjant (ii).


 Konverżjoni minn valuti “b’saħħithom” għal valuti “dgħajfin”

32.      L.M. Lindorfer sostniet li l-użu regolari tal-varjant (i) għall-konverżjoni minn valuti dgħajfin u l-varjant (ii) għall-konverżjoni minn valuti b’saħħithom iwassal sabiex aktar snin ta’ servizz pensjonabbli jiġu akkreditati fl-ewwel każ milli fit-tieni, bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

33.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan l-argument fil-punti 76 u 77 tas-sentenza tagħha, essenzjalment abbażi tal-fatt li ċ-ċifri dettaljati ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux qed iqabblu fatturi simili, fis-sens li s-sitwazzjonijiet imqabbla mas-sitwazzjoni tagħha kienu jvarjaw fil-karatteristiċi sinjifikanti ta’ l-età, sess u grad ta’ reklutaġġ, u kienu distorti bl-użu ta’ premessi inkonsistenti; u li l-effett li dwaru sar l-ilment kien il-konsegwenza mhux taż-żewġ varjanti fir-regoli ta’ implementazzjoni iżda tal-fluttwazzjonijiet infushom tal-valuta li fuqhom huma bbażati.


 Użu ta’ valuri attwarjali

34.      L.M. Lindorfer sostniet li l-użu ta’ valuri attwarjali fil-kalkolu previst mill-Artikolu 10(3) tar-regoli ta’ implementazzjoni jagħti lok għal diskriminazzjoni abbażi tas-sess u ta’ l-età, peress li dawn huma ogħla għan-nisa u jogħlew skond l-età. Din id-differenza fit-trattament m’għandha l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, u lanqas mhija meħtieġa taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità, li ma tagħmel ebda referenza għal dawn il-valuri attwarjali fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet mis-salarji ta’ l-uffiċjal jew l-età ta’ l-irtirar.

35.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat dawn l-argumenti fil-punti 82 u 83 tas-sentenza tagħha. L-ewwel nett, hija ddikjarat, fil-punt 82, li uffiċjal li jittrasferixxi d-drittijiet tal-pensjoni miksuba x’imkien ieħor jinsab f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn uffiċjal li jikkontribwixxi għall-iskema tal-pensjoni tal-Komunità permezz ta’ impjieg ma’ istituzzjoni.

36.      Il-punt 83 jgħid hekk:(11)

“It-tieni nett, u f’kull każ, l-użu ta’ fatturi li jvarjaw skond is-sess u l-età għal-finijiet tal-kalkolu tan-numru ta’ snin pensjonabbli addizzjonali akkredidati huwa oġġettivament iġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja soda ta’ l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità. Fil-fatt, meta, abbażi ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti dwar il-Personal, uffiċjal jittrasferixxi lejn il-baġit tal-Komunità l-ekwivalenti attwarjali jew il-valur tar-redenzjoni b’rata fissa ta’ drittijiet tal-pensjoni li huwa akkwista qabel ma ngħaqad mal-persunal tal-Komunitajiet, jakkwista bi skambju dritt għal benefiċċji futuri taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità, dritt rappreżentat fil-forma ta’ snin pensjonabbli addizzjonali akkreditati u l-portata tiegħu tiddependi fuq in-numru ta’ dawn is-snin pensjonabbli addizzjonali. Sabiex jiġi ddeterminat il-valur kurrenti ta’ dan id-dritt, l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata għandha tikkunsidra għadd ta’ fatturi, inkluż it-tul ta’ żmien probabbli li matulu l-kapital ittrasferit ser ikun preżenti fil-baġit tal-Komunità, il-progress mistenni fil-karriera ta’ l-uffiċjal, il-probabbiltà li l-benefiċċji in kwistjoni ser jitħallsu u t-tul ta’ żmien probabbli li matulu jkunu ser isiru dawn il-ħlasijiet. Huwa evidenti li dawn il-fatturi jiddependu b’mod partikolari fuq is-sess u l-età ta’ l-uffiċjal fiż-żmien ta’ meta dan/din jingħaqad/tingħaqad ma’ l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità. Minn naħa, huwa fatt stabbilit li, statistikament, in-nisa jgħixu aktar mill-irġiel. Min-naħa l-oħra, il-probabbiltà li persuna li tidħol taħdem mal-Komunità ħafna qabel l-età ta’ l-irtirar ser tmut qabel ma tilħaq dik l-età hija ogħla milli fil-każ ta’ persuna reklutata f’età qrib l-età meta hija ser tkun tista’ tgawdi mill-benefiċċji tal-pensjoni. Barra minn hekk, din il-persuna tħalli l-kapital ittrasferit għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Komuità għal żmien itwal minn uffiċjal li jkun eqreb l-età ta’ l-irtirar. Fi kliem ieħor, fatturi bħat-tul ta’ żmien tas-servizz bejn id-data tar-reklutaġġ u d-data ta’ l-irtirar u t-tul ta’ żmien probabbli, ikkalkulat fuq bażi statistika, li matulu l-uffiċjal ser jirċievi pensjoni ta’ l-irtirar tal-Komunità għandhom effett dirett fuq ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Komunità lejn kull uffiċjal individwalment ikkonċernat, u l-ġestjoni finanzjarja soda ta’ l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità teħtieġ li dawn il-fatturi jiġu kkunsidrati u evalwati sew. Għalhekk il-Kunsill huwa ġġusitfikat meta jikkunsidra, fil-formola ta’ konverżjoni tiegħu, fatturi attwarjali marbuta ma’ l-età u s-sess ta’ l-uffiċjal.”


 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

37.      Fl-appell preżenti tagħha kontra dik is-sentenza, L.M. Lindorfer essenzjalment tallega li fis-siltiet deskritti fil-qosor jew iċċitati aktar ’il fuq il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tapplika l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni (b’referenza inter alia għall-Artikolu 141 KE) b’mod korrett, u ma mmotivatx b’mod xierqa l-konklużjonijiet tagħha. Hija tagħmel dawn l-allegazzjonijiet separatament fir-rigward ta’ kull waħda mis-siltiet in kwistjoni. Il-Kunsill jindirizza s-siltiet kollettivament billi l-ewwel jindirizza l-allegazzjoni fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u wara l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni.

38.      Fil-kuntest ta’ appell, mhuwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra mill-ġdid il-kawża kollu jew li tistħarreġ ex-ufficio xi aspetti tas-sentenza – bl-eċċezzjoni eventwali ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ordni pubbliku – li ma jiġux ikkontestati mir-rikorrenti. Bil-kontra ta’ dan, ir-rwol tagħha huwa li teżamina kull wieħed mill-motivi ta’ l-appell u li tiddetermina jekk huwiex fondat.

39.      Fil-każ preżenti, insibha diffiċli li nsegwi dan l-aħħar metodu b’mod strett minħabba l-mod kif ġew ippreżenti l-argumenti tar-rikorrenti u tal-konvenut. Fil-fehma tiegħi jkun aħjar li l-motivi ta’ l-appell jiġu, sa ċertu punt, strutturati mill-ġdid billi jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti identifikax żbalji ta’ dritt jew vizzju ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

40.      Essenzjalment, it-teżi ta’ L.M. Lindorfer flewwel istanza kienet li r-regoli ta’ implementazzjoni jinkludu diskriminazzjoni illegali abbażi tas-sess, l-età u n-nazzjonalità (safejn din ta’ l-aħħar tista’ tirriżulta minn trattament differenti ta’ valuti nazzjonali differenti), u diskriminazzjoni li tirriżulta mid-determinazzjoni ta’ l-età u s-salarju f’punti ta’ żmien differenti skond liema varjant tal-formola ta’ konverżjoni jintuża. F’dan l-appell, issa hija tallega inadegwtezzi fis-sentenza appellata fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-motivi. Jiena ser nindirizzahom wieħed wara l-ieħor.


 Diskriminazzjoni abbażi tas- sess

41.      Fl-appell tagħha, L.M. Lindorfer irreferiet għall-Artikolu 141 KE u għal diversi Direttivi tal-Kunsill fil-qasam tat-trattament ugwali. Madankollu, hija tallega wkoll ksur tal-prinċipju ġenerali tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni – ta’ trattament ugwali jew ugwaljanza – li fuqu hija kienet ibbażat l-azzjoni tagħha fl-ewwel istanza.

42.      It-trattament ugwali huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali protett mis-sistema ġuridika tal-Komunità, li huwa espress b’mod speċifiku fl-Artikolu 141 KE(12). Evidentement il-prinċipju ta’ paga ndaqs stabbilit f’dan l-Artikolu huwa rilevanti għall-argument ta’ L.M. Lindorfer, peress li l-pensjonijiet huma forma ta’ ħlas diferit billi jitħallsu abbażi ta’ relazzjoni preċedenti ta’ impjieg(13). Barra minn hekk, għalkemm bħal fid-Direttivi msemmija, l-Artikolu tat-Trattat jimponi obbligi fuq l-Istati Membri aktar milli fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità, huwa evidenti li jkun hemm inkoerenza legali inaċċettabbli li kieku l-istituzzjonijiet jiġu awtorizzati jipprattikaw diskriminazzjoni li tkun ta’ l-istess tip bħal dik li għandha tiġi pprojbita mill-Istati Membri.

43.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza Razzouk u Beydoun(14), li “fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità […] u l-impjegati tagħhom […], ir-rekwiżiti imposti mill-prinċipju ta’ trattament ugwali bl-ebda mod mhuma limitati għal dawk li jirriżultaw mill-[Artikolu 141 KE] jew mid-direttivi tal-Komunità adottati f’dan il-qasam.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn dan, fis-sentenza Weiser(15) hija kkonfermat li l-prinċipju ġenerali jrid jiġi osservat speċifikatament fir-rigward tar-regoli li jirregolaw it-trasferiment ta’ drittijiet tal-pensjoni fl-iskema tal-Komunità.

44.      Ferm aktar rilevanti huwa r-rekwiżit espliċitu ta’ “trattament indaqs […] mingħajr referenza […] [għas-]sess" stabbilit fl-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti dwar il-Persona(16), għalkemm din id-dispożizzjoni ma ġietx invokata espressament fil-proċeduri.

45.      L-allegata diskriminazjoni hija dik li tirriżulta mill-użu ta’ fatturi attwarjali li joperaw għall-iżvantaġġ tan-nisa peress li, statistikament, in-nisa bħala medja jgħixu aktar mill-irġiel.

46.      Fil-punt 83 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li d-differenza fit-trattament kienet iġġustifikata oġġettivament mill-ħtieġa li tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja soda ta’ l-iskema tal-pensjoni, peress li fattur fil-kalkoli meħtieġ għal dak l-iskop huwa t-tul ta’ żmien probabbli li matulu l-benefiċċji jkunu ser jitħallsu, li huwa statistikament itwal għan-nisa.

47.      L.M. Lindorfer toġġezzjona li mhemm l-ebda trattament differenzjali ekwivalenti bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet li jitnaqsu mis-salarji ta’ l-uffiċjali attivi. Issa, dawn il-kontribuzzjonijiet ukoll għandhom jiġu kkalkulati fil-perspettiva ta’ ġestjoni finanzjarja soda billi jiġu kkunsidrati l-evalwazzjonijiet attwarjali(17). Għaldaqstant, il-ġestjoni finanzjarja soda ta’ l-iskema tal-pensjoni ma tistax teżiġi trattament differenzjali bejn uffiċjali rġiel u nisa fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet fil-forma ta’ trasferimenti minn skemi oħrajn.

48.      Essenzjalment, naqbel ma’ dan l-argument.

49.      L-ewwel nett, il-ħtieġa ta’ ġestjoni finanzjarja soda li tikkunsidra t-tul ta’ żmien probabbli li matulu jkunu ser jitħallsu l-pensjonijiet ma tistax, fiha nfisha, teżiġi differenza fit-trattament fir-rigward tat-trasferimenti ta’ drittijiet tal-pensjoni. Jekk il-valuri attwarjali differenti għall-irġiel u għan-nisa fi kwalunkwe età partikolari jinħadmu bħala medja biex jiġi pprovdut valur attwarjali ‘unisex’ – kif jidher li huwa l-każ meta jsiru aġġustamenti għar-rati ta’ kontribuzzjoni – l-irġiel jirċievu kemmxejn inqas snin pensjonabbli addizzjonali milli jirċievu issa għal somma partikolari ttrasferita u n-nisa jirċievu kemmxejn iktar, iżda d-dħul u n-nefqa ta’ l-iskema jibqgħu l-istess(18).

50.      It-tieni nett, anki jekk korrelazzjoni differenti bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji għall-irġiel u għan-nisa tista’ tkun ġġustifikata abbażi ta’ differenzi fl-aspettattiva tal-ħajja, din il-ġustifikazzjoni tista’ tiġi applikata fir-rigward ta’ wieħed miż-żewġ tipi ta’ kontribuzzjonit biss jekk jista’ jiġi ppruvat ukoll li hemm differenzi oġġettivi bejn it-tnejn, li jagħmlu l-ġustifikazzjoni valida għal wieħed biss minnhom.

51.      Is-sentenza appellata tillimita ruħha li tiddikjara, fil-punt 82, li uffiċjal li jittrasferixxi d-drittijiet tal-pensjoni miksuba x’imkien ieħor jinsab f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn uffiċjal li jikkontribwixxi għall-iskema tal-pensjoni tal-Komunità permezz ta’ impjieg ma’ istituzzjoni. Skond L.M. Lindorfer, din mhijiex spjegazzjoni suffiċjenti, u jiena naqbel magħha.

52.      Għalkemm huwa minnu li t-trasferimenti ta’ drittijiet tal-pensjoni huma oġġettivament differenti minn kontribuzzjonijiet mis-salarju, la s-sentenza appellata u lanqas il-Kunsill, fis-sottomissjonijiet tiegħu, ma jipprovdu xi spjegazzjoni dwar kif dawn id-differenzi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni tad-distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet ta’ uffiċjali rġiel u nisa.

53.      Għaldaqstant, il-fatt li l-benefiċċji aktarx li jitħallsu fuq perijodu ta’ żmien itwal għan-nisa milli għall-irġiel, anki meta jiġi kkunsidrat flimkien mal-ħtieġa għal ġestjoni finanzjarja soda ta’ l-iskema tal-pensjoni, ma jipprovdix ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-użu ta’ fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess fir-rigward tat-trasferimenti ta’ drittijiet tal-pensjoni weħidhom, u li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward ma tistax tiġi aċċettata.

54.      Barra minn hekk, minħabba r-rekwiżit ferm ċar ta’ trattament ugwali mingħajr referenza għas-sess, fil-fehma tiegħi hija meħtieġa raġuni ferm b’saħħitha biex tiġġustifika d-differenza fit-trattament in kwistjoni, u saħansitra għandi dubji dwar jekk legalment tistax tiġi ġġustifikata.

55.      Dan mhuwiex każ ta’ diskriminazzjoni indiretta, iżda ta’ diskriminazzjoni diretta abbażi tas-sess. Fi kliem ieħor, l-uniku kriterju li jiddistingwi bejn il-membri taż-żewġ kategoriji huwa dak tas-sess; id-differenza fit-trattament ma tirriżultax mill-pussess ta’ karatteristiċi oħrajn li jinsabu, l-aktar jew kważi dejjem, iżda mhux esklużivament, f’l-irġiel jew fin-nisa.

56.      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, differenza fit-trattament abbażi tas-sess ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni illegali sakemm tkun “iġġustifikata minn fatturi oġġettivi mhux relatati ma xi tip ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess”. (19) [Traduzzjoni mhux uffiċjali] Huwa evidenti li dan jista’ jkun il-każ biss meta d-diskriminazzjoni tkun indiretta, u mhux meta din tkun, min-natura tagħha stess, ibbażata fuq is-sess(20).

57.      Kif kienet qalet il-Qorti Suprema ta’ l-Istati Uniti fis-sentenza Manhart (21) f’ċirkustanzi li f’diversi aspetti jistgħu jiġu mqabbla ma’ dawk tal-kawża preżenti, “wieħed ma jistax 'jgħid li distinzjoni attwarjali bbażata għal kollox fuq is-sess hija “bbażata fuq fattur ieħor minbarra s-sess”. Is-sess huwa preċiżament dak li fuqu hija hija bbażata.”

58.      Il-Qorti Suprema enfasizzat li każijiet ta’ din ix-xorta jinvolvu ġeneralizzazzjoni li hija “mingħajr dubju verosimili: In-nisa, bħala klassi, fil-fatt jgħixu iktar mill-irġiel. ... Madankollu, huwa għaldaqstant minnu li mhux l-individwi kollha fil-klassijiet rispettivi għandhom dik il-karatteristika li tiddistingwi lir-rappreżentanti tal-klassi medja. Ħafna nisa ma jgħixux daqs ir-raġel medju u ħafna rġiel jgħixu iktar mill-mara medja.(22)”

59.      Fi kliem ieħor, id-diskriminazzjoni tat-tip in kwistjoni tinvolvi li jiġu attribwiti lill-individwi karatteristiċi medji ta’ klassi li għaliha jkunu jappartjenu. Fir-rigward ta’ l-individwu, naħseb li dawn il-karatteristiċi bl-ebda mod ma jistgħu jiġu deskritti bħala ‘oġġettivi’. Dak li hu oġġezzjonabbli (u għalhekk ipprojbit) f’diskriminazzjoni bħal din hija d-dipendenza fuq karatteristiċi estrapolati mill-klassi għall-individwu, minnflok l-użu ta’ karatteristiċi li ġenwinament jiddistingwu lill-individwu minn oħrajn u li jistgħu jiġġustifikaw differenza fit-trattament.

60.      Sabiex naraw din id-diskriminazzjoni fil-perspettiva tagħha, jista’ jkun utli li nimmaġinaw sitwazzjoni fejn (kif huwa perfettament plawżibbli) l-istatistiċi juru li l-membri ta’ grupp etniku medjament jgħixu għal żmien itwal minn dawk ta’ grupp etniku ieħor. Kieku dawn id-differenzi kellhom jiġu kkunsidrati meta tiġi ddeterminata l-korrelazzjoni bejn il-kontribuzzjonijiet u l-intitolamenti fil-kuntest ta’ l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità, din tkun għal kollox inaċċettabbli, u ma nistax nara kif l-użu tal-kriterju tas-sess minnflok l-oriġini etnika jista’ jkun aktar aċċettabbli(23).

61.      Lanqas, biex immorru lura għall-kunċett tal-pensjonijiet bħala ħlas diferit, ma jista’ qatt jiġi aċċettat li jitfasslu tabelli li juru t-tul medju tas-servizz fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunità għall-irġiel u għan-nisa rispettivament, u li membri ta’ sess jingħataw salarju li jkun għola minn dak li jingħata lill-membri tas-sess l-ieħor bil-pretest li kieku jirċievu inqas mill-membri tas-sess l-ieħor matul il-karriera tagħhom. Dan mhux biss ikun jiddiskrimina inġustament bejn individwi abbażi tal-valuri medji tal-klassi tagħhom iżda jonqos milli jagħti valur ugwali lil servizz ugwali. Madankollu, din hija ġustifikazzjoni ferm simili għal dik mogħtija fir-rigward tat-trattament differenzjali tat-trasferimenti – ta’ salarju diferit – fl-iskema tal-pensjoni tal-Komunità.

62.      Huwa minnu li ċerti dispożizzjonijiet Komunitarji li jipprojbixxu t-trattament inugwali f’oqsma partikolari jeskludu mill-projbizzjoni ċerti tipi speċifiċi ta’ trattament. Minn dawk iċċitati, id-Direttiva 86/378 tawtorizza trattament differenzjali fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ drittijiet tal-pensjoni fir-rigward ta’ skemi ta’ pensjoni b’benefiċċju definit mogħtija fondi(24).

63.      Madankollu, anke li kieku d-direttiva nnifisha kienet applikabbli – fil-fatt din hija indirizzata lill-Istati Membri u tapplika għal skemi tas-sigurtà soċjali għax-xogħol – l-eċċezzjoni ma tkunx applikabbli peress li l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità mhijiex skema b’fond.

64.      F’kull każ, fl-opinjoni tiegħi l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess tant hija fundamentali(25) li kull eċċezzjoni għaliha trid tiġi interpretata b’mod strett ħafna, u tista’ tapplika biss f’dawk l-oqsma limitati li għalihom ġiet espliċitament prevista. F’dan il-kuntest, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni prevista fid-Direttiva 86/378, mhemmx awtorizzazzjoni espliċita ta’ din ix-xorta, u lanqas ma tingħata ġustifikazzjoni fir-regoli ta’ implementazzjoni.

65.      Fl-aħħar nett, ma nistax naqbel ma l-argument tal-Kunsill li jgħid li t-tneħħija ta’ din id-differenza fit-trattament tirriżulta f’diskriminazzjoni kontra l-irġiel minħabba li l-uffiċjali rġiel irtirati, peress li jgħixu inqas, bħala klassi jirċievu inqas mill-pensjoni milli jirċievu uffiċjali rtirati nisa, fir-rigward ta’ l-istess ammont ittrasferit fl-iskema tal-Komunità (jekk jiġi kkunsidrat li l-fatturi l-oħra kollha huma l-istess).

66.      L-ewwel nett, jekk dan ir-raġunament huwa validu, dan għandu wkoll jiġi applikat għall-kontribuzzjonijiet imnaqqsa mis-salarji ta’ l-uffiċjali attivi – il-perċentwal ikollu jkun ogħla għall-persunal femminili – u ma naħsibx li dan kien dak li l-Kunsill kellu f’moħħu.

67.      B’mod aktar sinjifikattiv, iżda – u dan jidher li huwa vizzju fundamentali kemm fl-argument tal-Kunsill u forsi anke fis-sentenza appellata – il-Kunsill mhux qed jagħmel dinstinzjoni bejn l-ispiża għall-iskema u l-benefiċċju għar-reċipjenti.

68.      Ma jistax jiġi kkontestat li l-ispiża finali tal-ħlas ta’ pensjoni (għall-kuntrarju ta’ somma li titħallas f’daqqa ma’ l-irtirar, alternattiva li mhijiex disponibbli taħt l-iskema tal-Komunità) tiżdied aktar ma l-benefiċjarju jdum ħaj. Peress li bħala medja n-nisa jgħixu aktar mill-irġiel, aktarx li bħala klassi huma jiswew iktar lill-iskema tal-pensjonijiet. Madankollu, għal kull benefiċjarju, irrispettivament mis-sess tiegħu, il-pensjoni hija għal tul il-ħajja. Il-valur tagħha jiddependi għal kollox fuq l-ammont fil-ġimgħa, fix-xahar jew fis-sena tagħha, billi l-iskop tagħha hu li tipprovdi ċertu livell ta’ dħul regolari għal kemm jgħix il-benefiċjarju(26). It-total imħallas sal-mewt tal-benefiċjarju huwa għal kollox irrilevanti f’dan ir-rigward.

69.      Għaldaqstant, nasal għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-Kunsill jiddiskriminaw abbażi tas-sess u ma jistgħux jiġu ġġustifikati. Dawn jiksru kemm il-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza u l-espressjonijiet speċifiċi tiegħu fil-prinċipju tal-paga ugwali u fir-rekwiżit ta’ trattament ugwali mingħajr referenza għas-sess stabbiliti fl-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti dwar il-Persunal, u għaldaqstant il-motiv oriġinali ta’ L.M. Lindorfer bbażat fuq l-illegalità għandu jiġi milqugħ f’dan ir-rigward.

70.      Fl-aħħar nett, madankollu, nixtieq nagħmilha ċara li l-analiżi magħmula aktar ’il fuq tirrigwarda r-Regolamenti dwar il-Persunal u l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità. Anki jekk bosta mil-kunsiderazzjonijiet huma ta’ applikazzjoni ġenerali, ma jistax jiġi eskluż li dawn jistgħu jwasslu għal konklużjonijiet differenti f’ċirkustanzi oħra. L-iskemi tal-pensjoni nazzjonali huma suġġetti għar-regoli tad-direttivi msemmijin aktar ’il fuq u mhux għal dawk tar-Regolamenti dwar il-Personal, u aktarx li jkunu ffinanzjati b’mod differenti mill-iskema tal-Komunità; fil-fehma tiegħi, l-analiżi mogħtija minni hawnhekk ma tikkontestax, per eżempju, is-sentenzi mogħtija f’Coloroll(27) jew Neath(28). Huma esklużi wkoll in-negozji ta’ l-assigurazzjoni tal-vetturi jew dawk ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, fejn ikollhom jiġu kkunsidrati fatturi ferm differenti.


 Diskriminazzjoni abbażi ta’ età

71.      Il-motiv ta’ L.M. Lindorfer jirrigwarda l-użu ta’ valuri attwarjali li huma dejjem ogħla, u għalhekk inqas favorevoli, fil-każ ta’ uffiċjali aktar avvanzati fl-età(29); dan jista’ jiġi mqabbel mal-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni sesswali kkunsidrata hawn fuq.

72.      L-effett taż-żieda fil-valuri attwarjali skond l-età huwa li, għal ammont identiku ttrasferit fl-iskema tal-Komunità mill-istess skema nazzjonali, u jekk il-fatturi l-oħrajn kollha bħas-sess u l-grad ikunu l-istess, uffiċjal aktar avvanzat fl-età jiġi akkreditat inqas snin pensjonabbli addizzjonali – u għalhekk, finalment, pensjoni iżgħar – minn uffiċjal ta’ età aktar żgħira. Per eżempju, jekk nużaw il-valuri attwarjali in kwistjoni u l-formola fl-Artikolu 10(3) tar-regoli ta’ implementazzjoni kkontestati(30), it-trasferiment ta’ EUR 100 000 għall-iskema tal-Komunità minn mara ta’ 35 sena jidher li jagħti lok għal pensjoni nozzjonali ta’ EUR 9 032, u t-trasferiment ta’ l-istess ammont minn mara ta’ 55 sena jagħti lok għal pensjoni ta’ EUR 6 664(31).

73.      Fil-punt 83 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata essenzjalment minn erba’ fatturi li għandhom effett dirett fuq ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Komunità lejn kull uffiċjal ikkonċernat individwalment, li l-ġestjoni soda tagħha teħtieġ li dawn jiġu kkunsidrati. Ir-raġunament tagħha fuq dan il-punt jirriżulta mill-kunsiderazzjoni, esposta fil-punt 82, li uffiċjal li jittrasferixxi kapital fl-iskema Komunitarja jinsab f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn uffiċjal li jikkontribwixxi permezz ta’ impjieg ma’ istituzzjoni.

74.      L-oġġezzjonijiet ta’ L.M. Lindorfer huma ferm simili għal dawk li hija tagħmel fir-rigward tad-diskriminazzjoni sesswali: il-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx kif il-fatturi msemmija hawn fuq kienu rilevanti jew kif, jekk kienu rilevanti, setgħet issir distinzjoni oġġettiva bejn kontribuzzjonijiet permezz ta’ trasferimenti ta’ kapital u kontribuzzjonijiet permezz ta’ tnaqqis mis-salarju, peress li l-valuri attwarjali jintużaw biss meta jiġu kkalkulati l-intitolamenti li jirriżultaw minn din ta’ l-ewwel.

75.      Jiena diġà eżaminajt din il-kritika fir-rigward tar-raġunament li jiġġustifika d-diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, u f’diversi aspetti l-analiżi tiegħi hija kumparabbli f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ età.

76.      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-uffiċjali ta’ kull età huma ttrattati b’mod identifiku f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni fil-forma ta’ tnaqqis mis-salarju. Jekk jiġi meqjus li differenza fit-trattament skond l-età hija ġġustifikata fil-każ ta’ trasferimenti għall-iskema tal-Komunità, għaldaqstant għandu jiġi stabbilit li hemm differenza oġġettiva bejn dawn it-trasferimenti u l-kontribuzzjonijiet mis-salarju.

77.      Il-fatturi elenkati fir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma (i) it-tul ta’ żmien probabbli li matulu l-kapital ittrasferit ser ikun preżenti fil-baġit tal-Komunità, (ii) il-progress mistenni fil-karriera ta’ l-uffiċjal, (iii) il-probabbiltà li l-benefiċċji in kwistjoni ser jitħallsu u (iv) it-tul ta’ żmien probabbli li matulu ser isiru dawn il-ħlasijiet.

78.      Minn dawn l-erba’ fatturi, (iii) u (iv) huma evidentement relatati ma’ l-istatistiċi ta’ l-aspettattiva tal-ħajja kif riflessi fil-valuri attwarjali, u huma rilevanti biex tiġi stmata l-portata tar-responsabbiltà futura ta’ l-iskema tal-Komunità. Madankollu, fis-sentenza appellata mhemm l-ebda indikazzjoni li tispjega għala dawn jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward ta’ trasferimenti u mhux fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet permezz ta’ tnaqqis mis-salarju, u fil-fehma tiegħi huwa dubjuż kemm din id-distinzjoni tista ssir fuq bażi oġġettiva aktar milli fuq bażi ta’ politika.

79.      Il-progress mistenni fil-karriera ta’ l-uffiċjal (ii) huwa wkoll fattur li jista’ jkun rilevanti għall-ispiża totali tal-pensjoni li finalment trid titħallas, peress li l-pensjoni hija perċentwal tas-salarju finali. Madankollu, ma jidhirx li huwa ċar li, jekk il-fatturi l-oħrajn kollha fil-kalkolu tat-trasferiment ikunu l-stess,(32) uffiċjal reklutat fi stadju aktar tard fil-ħajja normalment jikseb salarju finali ogħla. Bil-kontra ta’ dan, jekk xejn, huwa aktarx l-uffiċjal ta’ età iżgħar, minħabba li jkollu karriera itwal, li għandu l-possibbiltà li jikseb salarju ogħla u għalhekk jirċievi aktar benefiċċji tal-pensjoni. Barra minn hekk, il-fatt li karriera itwal tinvolvi aktar kontribuzzjonijiet fil-forma ta’ tnaqqis mis-salarju huwa irrilevanti għall-finijiet tat-trattament ta’ kontribuzzjonijiet fil-forma ta’ trasferimenti minn skemi tal-pensjoni nazzjonali, peress li n-numru ta’ snin pensjonabbli ddeterminat minn dawn ta’ l-ewwel huwa kompletament indipendenti min-numru ta’ snin pensjonabbli addizzjonali ddeterminat abbażi ta’ dawn ta’ l-aħħar.

80.      Fl-aħħar nett, ir-referenza għat-tul ta’ żmien probabbli li matulu l-kapital ittrasferit ser ikunu preżenti fil-baġit tal-Komunità (i) fil-fehma tiegħi hija dubjuża. Fin-nuqqas ta’ fond, huwa diffiċli li wieħed jirraġuna abbażi ta’ kapital li jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-baġit, li fih id-dħul u n-nefqa jridu jkunu bbilanċjati(33) u li huwa suġġett għall-prinċipju fundamentali ta’ ‘annwalità’, li essenzjalment jeħtieġ li d-dħul u l-krediti jiġu ddeterminati fuq bażi annwali(34).

81.      Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li, minn naħa, id-drittijiet tal-pensjoni ttrasferiti fil-baġit tal-Komunità huma dħul veru meta mqabbel mas-sempliċi tnaqqis fl-infiq bħal fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet mis-salarju u li, min-naħa l-oħra, il-ħtiġijiet ta’ baġit ibbilanċjat u l-prinċipju ta’ annwalità mhumiex daqstant strinġenti li jipprekludu li xi ammonti jiġu ttrasferiti minn sena għall-oħra(35). Għalhekk hemm ċertu kapital li jista’ jiġi investit jew ittrasferit minn sena għall-oħra, u għalhekk, f’ċertu sens, jista’ jingħad li s-somom imħallsa jistgħu jitqiesu li jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-baġit għal perijodu itwal jew iqsar.

82.      Għalkemm jista’ jkun possibbli li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt jiġi kkontestat permezz ta’ analiżi finanzjarja aktar fid-dettall, fil-fehma tiegħi ma jistax jingħad li L.M. Lindorfer għamet dan.

83.      Barra minn hekk, nemmen li huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata n-natura tad-diskriminazzjoni abbażi ta’ l-età u l-projbizzjoni tagħha, meta mqabbla mad-diskriminazzjoni sesswali.

84.      Is-sess huwa essenzjalment kriterju binarju, filwaqt li l-età hija punt fuq skala. Id-diskriminazzjoni sesswali bbażata fuq tabelli attwarjali għalhekk hija forma estremament rudimentari ta’ diskriminazzjoni, li tinvolvi ġeneralizzazzjonijiet ferm kbar, filwaqt li d-diskriminazzjoni abbażi ta’ l-età tista’ tkun iggradwata u tista’ tkun ibbażata fuq ġeneralizzazzjonijiet aktar sottili.

85.      Barra minn hekk, fid-dritt u fis-soċjetà b’mod ġenerali, it-trattament ugwali irrispettivament mis-sess illum huwa meqjus bħala prinċipju fundamentali u suprem li għandu jiġi osservat u infurzat kull fejn possibbli, filwaqt li l-idea ta’ trattament ugwali irrispettivament mill-età huwa suġġett għal għadd kunsiderevoli ta’ kwalifiki u eċċezzjonijiet, bħal limiti ta’ età ta’ diversi tipi, ta’ spiss b’forza legali vinkolanti, li jitqiesu mhux biss bħala aċċettabbli iżda wkoll bħala effettivament ta’ benefiċċju u xi kultant essenzjali.

86.      B’mod partikolari, l-età hija kriterju inerenti fl-iskemi tal-pensjonijiet, u xi distinzjonijiet skond l-età huma inevitabbli f’dak il-kuntest.

87.      Fid-dritt Komunitarju, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi ta’ l-età mhux biss hija suġġetta għal riżervi u limitazzjoni li huma ħafna aktar minn dawk li għalihom hija suġġetta d-diskriminazzjoni sesswali, iżda hija wkoll fenomenu ferm aktar riċenti.

88.      Filwaqt li l-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-istess xogħol bejn l-irġiel u n-nisa kien diġà kkristalizzat fl-Artikolu 119 tat-Trattat KEE oriġinali (issa l-Artikolu 141 KE) fl-1957, l-ewwel referenza għad-diskriminazzjoni abbażi ta’ l-età fit-Trattati kienet fl-Artikolu 6a tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 13 KE), li ddaħħal fl-1997 mit-Trattat ta’ Amsterdam, li daħal fis-seħħ fl-1999. Barra minn hekk dik id-dispożizzjoni sempliċement tippermetti lill-Kunsill li jieħu azzjoni xierqa kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’, inter alia, l-età.

89.      Fis-27 ta’ Novembru 2000, ġiet adottata d-Direttiva dwar trattament ugwali fl-impjieg (36), li tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni abbażi ta’, inter alia, l-età fil-qasam ta’ l-impjieg, iżda b’għadd ta’ limitazzjonijiet. (37) Fis-7 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena, l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni li ġiet ipproklamata solennement f’Nizza f’Diċembru 2000 mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni (38) pprojbixxa kull diskriminazzjoni fuq kull bażi bħal, inter alia, l-età. U fl-1 ta’ Mejju 2004 projbizzjoni speċifika dwar id-diskriminazzjoni abbażi ta’ l-età ġiet inkluża fir-Regolamenti dwar il-Personal(39).

90.      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata fil-każ preżenti ttieħdet fit-3 ta’ Novembru 2000(40), u għalhekk ġiet qabel it-tliet miżuri hawn fuq imsemmija.

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li L.M. Lindorfer identifikat ċerti difetti fir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament skond l-età li mingħajr dubju hija preżenti fil-kalkolu ta’ drittijiet tal-pensjoni ttrasferiti. B’mod partikolari, jidher li huwa diffiċli biex wieħed jiġġustifika dik id-differenza abbażi tal-progress mistenni fil-karriera ta’ l-uffiċjal, il-probabbiltà li l-benefiċċji ser jitħallsu jew it-tul ta’ żmien probabbli li matulu ser isiru l-ħlasijiet.

92.      Madankollu, fir-rigward tat-tul probabbli ta’ żmien li matulu l-kapital ittrasferit ser ikun preżenti fil-baġit tal-Komunità, ma nemminx li L.M. Lindorfer uriet li l-ġustifikazzjoni hija infondata, minkejja li hemm xi dubji dwarha.

93.      Fid-dawl ta’ din il-ġustifikazzjoni possibbli flimkien mal-fatt li l-projbizzjoni leġiżlattiva tad-diskriminazzjoni abbażi ta’ l-età ma kinitx stabbilita b’mod daqstant ċar fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata daqs kemm hija llum, ma jidhirlix li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata f’dan ir-rigward. Madankollu, wieħed m’għandux jassumi li l-iskema preżenti ma tistax tiġi kkontestata abbażi tal-projbizzjoni ċara ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ l-età li issa tinsab fir-Regolamenti dwar il-Personal.


 Diskriminazzjoni abbażi tan- nazzjonalità

94.      Jekk l-użu awtomatiku f’kull każ ta’ l-aktar waħda favorevoli miż-żewġ formoli ta’ konverżjoni (varjanti (i) u (ii)) iwassal sistematikament għal aktar “valur għall-flus” fil-każ ta’ konverżjoni minn xi valuti nazzjonali aktar milli għal oħrajn, jidher li kull diskriminazzjoni involuta tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità. Għalkemm mhux l-uffiċjali kollha li jittrasferixxu somom minn valuta partikolari neċessarjament ikollhom n-nazzjonalità ta’ l-Istat tal-valuta in kwistjoni, huwa evidenti li hemm probabbiltà ferm għolja li dan ikun il-każ fil-maġġoranza kbira tal-każijiet.

95.      Fl-ewwel istanza, L.M. Lindorfer ippreżentat tabelli kumparattivi bil-għan li turi din id-diskriminazzjoni. Il-Kunsill ikkontesta l-preċiżjoni u/jew ir-relevanza taċ-ċifri in kwistjoni, u wieġeb bil-miktub għad-domandi fformulati mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward.

96.      Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li t-tabelli in kwistjoni kellhom xi inkonsistenzi, li kienu jirrigwardaw sitwazzjonijiet li, f’diversi aspetti, ma setgħux jiġu mqabbla ma’ dik ta’ L.M. Lindorfer u li għalhekk ma kinux rilevanti. Hija osservat ukoll li l-fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju li kkawżaw id-differenzi fit-trattament kienu fatturi li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-Komunità.

97.      L.M. Lindorfer issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għal konklużjonijiet mhux korretti mill-fatti u li, għalhekk, ir-raġunament tagħha kien ivvizzjat bi żbalji. Il-paragun tagħha ma’ każ veru ta’ uffiċjal Spanjol ma setax jiġi mwarrab minħabba differenzi fl-età, is-sess u l-grad. Hija ssostni li l-fattur importanti kien il-fatt li l-valur attwarjali u l-ammont ittrasferit kienu kważi identiċi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza barra minn hekk injorat il-kalkoli sinjifikattivi tagħha tar-riżultati jekk l-istess ammont jiġi ttrasferit minn valuti oħra.

98.      Naqbel mal-Qorti tal-Prim’Istanza li, minħabba li jużaw parametri varjabbli, it-tabelli in kwistjoni ma jurux b’mod ċar l-eżistenza jew il-portata tad-differenza fit-trattament.

99.      Min-naħa l-oħra, jista’ jingħad li l-Qorti tal-Prim’Istanza, bħala l-arbitru finali fi kwistjonijiet ta’ natura fattwali, kien imissha analizzat iċ-ċifri aktar mill-qrib, peress li ċertament jissuġġerixxu li kien hemm din id-differenza.

100. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, uħud mir-regoli li jirregolaw il-varjant (i) jistgħu jkunu dibattibbli. Per eżempju, jekk il-kontribuzzjonijiet għall-iskema nazzjonali saru bejn l-1985 u l-1995, għalfejn għandhom jiġu meqjusa r-rati tal-kambju ta’ bejn l-1972 u l-1984? U prima facie jidher li huwa diffiċli li wieħed jiġġustifika – speċjalment jekk il-ġestjoni finanzjarja soda hija kriterju – regola li permezz tagħha (bħal fil-każ ta’ l-uffiċjal Spanjol ippreżentat minn L.M. Lindorfer), jekk in-numru ta’ snin pensjonabbli addizzjonali milħuqa fl-iskema tal-Komunità skond l-użu ta’ rata ta’ kambju medja jaqbeż in-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjonijiet fl-iskema nazzjonali, il-porzjon żejjed korrispondenti ta’ l-ammont ittrasferit, wara l-konverżjoni, sempliċement jitħallas lill-uffiċjal in kwistjoni.

101. Madankollu, għalkemm L.M. Lindorfer identifikat difetti fil-metodi ta’ konverżjoni, li b’riżultat tagħhom l-uffiċjali li jittrasferixxu ammonti minn xi valuti jirċievu aktar ‘valur għall-flus’ minn dawk li jittrasferixxu minn valuti oħrajn, u anki jekk dawn id-difetti ma ġewx eżaminati mill-qrib mill-Qorti tal-Prim’Istanza daqs kemm suppost, ma jidhirlix li ġiet identifikata xi diskriminazzjoni li tista’ tiġi kkontestata.

102. Kif indikajt aktar ’il fuq(41), il-varjant (i) huwa ta’ vantaġġ għall-uffiċjal in kwistjoni jekk matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni l-valuta ta’ l-iskema nazzjonali tkun waqgħet fil-valur kontra l-euro (jew preċedentement il-Frank Belġjan), filwaqt li l-varjant (ii) huwa ta’ vantaġġ jekk il-valuta nazzjonali tkun issaħħet fil-valur. Jista’ jingħad ukoll li ebda varjant mhuwa vantaġġuż jew żvantaġġuż jekk il-valur ikun baqa’ l-istess. Il-possibbiltà ta’ għażla (jew fil-prattika l-applikazzjoni awtomatika tal-varjant l-aktar favorevoli) tfisser li kull uffiċjal huwa intitolat għall-aħjar alternattiva miż-żewġ alternattivi disponibbli.

103. Il-qofol tad-diskriminazzjoni huwa li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti, jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva u rilevanti(42). Madankollu, sabiex kontestazzjoni ta’ diskriminazzjoni tkun fondata, fil-fehma tiegħi, irid jiġi stabbilit ukoll li xi parti soffriet żvantaġġ b’riżultat tat-trattament mogħti.

104. F’dan il-każ, il-fatt innifsu li L.M. Lindorfer kienet ser tkun żvantaġġata iktar taħt il-varjant (i), u li l-uffiċjal Spanjol li l-każ tiegħu hija tqabbel ma’ tagħha kien ser ikun żvantaġġat iktar taħt il-varjant (ii), juri, minn naħa, li tabilħaqq hemm differenza oġġettiva u rilevanti bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li ħadd minnhom ma jista’ jilmenta li sofra xi żvantaġġ, peress li t-tnejn li huma ngħataw l-aktar trattament vantaġġuż.


 Determinatzzjoni ta’ l-età u s-salarju fi żminijiet differenti

105. Fl-aħħar nett, L.M. Lindorfer tikkritika l-mod ta’ kif il-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat l-argument tagħha li jgħid li l-użu taż-żewġ varjanti meta jsir il-kalkolu ta’ l-ekwivalenti f’euro ta’ l-ammont li jrid jiġi ttrasferit minn valuta oħra ta lok għal diskriminazzjoni mhux ġustifikata peress li l-varjant (i) juża l-età u s-salarju ta’ l-uffiċjal fid-data tal-ħatra, fil-waqt li l-varjant (ii) juża l-età u s-salarju fid-data tat-trasferiment effettiv. F’dan l-aħħar każ, l-età u l-valur attwarjali (V) huma neċessarjament ogħla u s-salarju (S) jista’ jkun ogħla, u għalhekk jaffettwaw il-kalkolu finali ‘l isfel.

106. Minkejja li L.M. Lindorfer tallega li s-sentenza appellata ma indirizzatx dan l-argument, il-Kunsill isostni li hija għamlet dan, fil-punt 89, billi indika li fil-varjant (i) l-imgħax sempliċi ta’ 3,5 % fis-sena jitnaqqas mill-ammont ittrasferit għall-perijodu mid-data tal-ħatra ta’ l-uffiċjal sad-data tat-trasferiment effettiv (bl-eċċezzjoni ta’ perijodi li matulhom l-ammont ma ġiex evalwat mill-ġdid jew l-imgħax ma akkumulax taħt l-iskema nazzjonali trasferenti)(43), filwaqt li dan l-imgħax ma jitnaqqasx jekk jintuża l-varjant (ii).

107. Evidentement, jekk dan huwa l-każ, l-iżvantaġġ li jirriżulta mir-referenza għal valur attwarjali ogħla, u possibbilment salarju ogħla, huwa f’dan l-aħħar każ ta’ mill-inqas immitigat kunsiderevolment, u jista’ saħansitra jsir vantaġġ. Għalkemm fil-fehma tiegħi mhuwiex evidenti, mill-kliem użat fl-Artikolu 10(2) sa (4) tar-regoli ta’ implementazzjoni, li l-imgħax jitnaqqas biss fil-varjant (i), din il-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ibbażata fuq dikjarazzjoni li għamel il-Kunsill bi tweġiba għal domanda bil-miktub u ma jidhirx li din ġiet ikkontestata fiha nnifisha minn L.M. Lindorfer.

108. F’dan iċ-ċirkustanzi, nikkonkludi li L.M. Lindorfer ma identifikat ebda vizzju fis-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-fatt li l-età u s-salarju huma ddeterminati fi żminijiet differenti fil-varjanti (i) u (ii).

 Kunsiderazzjonijiet finali

109. Għaldaqstant nasal għall-konklużjoni li s-sentenza appellata kienet ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti in kwantu ġie kkonstatat li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni abbażi tas-sess, u għandha tiġi annullata f’dan ir-rigward.

110. Peress li saret trattazzjoni sħiħa tal-każ, u peress li l-istat tal-proċeduri huwa tali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tagħti sentenza finali skond l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tagħha. Għaldaqstant hija għandha tilqa’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ L.M. fir-rigward tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-Kunsill in kwantu l-użu ta’ valuri attwarjali huwa diskriminatorju abbażi tas-sess, u tannulla d-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

111.  Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L.M. Lindorfer talbet l-ispejjeż kemm fil-kuntest ta’ l-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

 


 Konklużjoni

112. Jiena għaldaqstant tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Marzu 2004, Lindorfer vs Il-Kunsill (T-204/01) safejn din ċaħdet ir-rikors minħabba li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni abbażi tas-sess;

–        tiddikjara li l-Artikolu 10(3) tar-regoli li jimplementaw l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti dwar il-Persunal, adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 1992, huwa invalidu peress li jipprovdi għall-użu ta’ valuri attwarjali li jvarjaw skond is-sess;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill tat-3 ta’ Novembru 2000;

–        tikkundanna lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż, kemm ta’ l-ewwel istanza kif ukoll ta’ l-appell.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 6, 1979, p. 24)


3 – Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 225, 1986, p. 40), emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 96/97/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 46, 1997, p. 20)


4 – Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ Qaddejja Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri speċjali applikabbli temporanjament għal uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU, Edizzjoni Speċjali Ingliża 1968(I), pġ. 30), kif emendat f’diversi okkażjonijiet. L-Artikolu 1a ddaħħal mir-Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru 781/98 tas-7 ta’ April 1998 li jemenda r-Regolamenti dwar il-Persunal fir-rigward tat-trattament ugwali (ĠUL 113, 1998, p. 4).


5 – Id-dispożizzjoni ekwivalenti sa mill-1 ta’ Mejju 2004 hija l-Artikolu 1d(1), li tgħid:


“Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita”


6 – Ammont ekwivalenti għat-total jiddaħħal bħala ‘kontribuzzjonijiet tal-persunal għall-iskema tal-pensjoni’ fit-taqsima tad-dħul tal-baġit ta l-Unjoni Ewropea (għalkemm dan mhuwiex fil-fatt dħul iżda tnaqqis fin-nefqa), flimkien ma’ trasferimenti ta’ drittijiet tal-pensjoni, xiri ta’ drittiiet tal-pensjoni u kontribuzzjonijiet mill-persunal fuq leave (mhux imħallas) għal raġunijiet personali (li kollha huma dħul veru). Fil-fatt huwa t-total ta’ dawk il-kategoriji kollha li huwa intenzjonat li jammonta għal terz ta’ l-ispiża tal-pensjonijiet imħallsa, għalkemm bil-bosta l-akbar proporzjon huwa rappreżentat minn kontribuzzjonijiet mis-salarju.


7 – Issa abrogat u ssostitwit bl-Artiklu 83a, b’regoli ddettaljati ta’ implementazzjoni, inklużi dawk li jipprovdu għal evalwazzjoni attwarjali kull ħames snin mill-Eurostat, fl-Anness XII.


8 –      [It-terminu użat fil-verżjoni Ingliża, “flat-rate redemption value”, huwa] kemmxejn vag, u jidher li mhuwiex magħruf barra mir-Regolamenti dwar il-Persunal tal-Komunitajiet, u jista’ jkun traduzzjoni tat-terminu Franċiż ‘forfait de rachat’. Probabbilment għandu jinftiehem bħala l-valur ta’ somma li titħallas f’daqqa tad-drittijiet akkumulati ta’ individwu fi skema tal-pensjoni.


9 – Datata 3 ta’ Novembru 2000.


10 – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2004, Lindorfer vs Il-Kunsill (T-204/01Ġabra-SP p. I-A-83 u II-361).


11 – Traduzzjoni mhux uffiċjali tas-sentenza li teżisti biss bil-Franċiż, il-lingwa tal-kawża.


12 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, P/s (C-13/94P Ġabra p. I-2143, punt 18); ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Post (C-270/97 u C-271/97. Ġabra p. I-929, punti 56 u 57), u tat-13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C-256/01, Ġabra p. I-873, punt 65).


13 – Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C-4/02 u C-5/02, Ġabra p. I-12575, punti 56 sa 59, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


14 – Sentenzi ta’ l-20 ta’ Marzu 1984 (75/82 u 117/82, Ġabra p. 1509, punt 17); dan il-prinċipju ġie reċentement ikkonfermat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Jannar 2003, Hectors vs Il-Parlament (T-181/01, Ġabra-SP p. I-A-19 u II-103).


15 – Sentenza ta’ l-14 ta’ Ġunju 1990 (C-37/89, Ġabra p. I-2395, punt 13).


16 – Ara l-punt 12 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 aktar ’il fuq.


17 – Artikolu 83(4) tar-Regolamenti dwar il-Personal; ara l-punt 16 aktar ’il fuq.


18 – Huwa minnu li jista jkun hemm żieda temporanja fl-ispiża jekk ir-regoli kurrenti jinstabu li huma illegali; dan madankollu bl-ebda mod ma jirrigwarda l-ġestjoni finanzjarja ta’ l-iskema iżda jirriżulta min-nuqqas oriġinali li tiġi żgurata ġestjoni legali soda.


19 – Ara, per eżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez (C-167/97, Ġabra p. I-623, punti 60 u 65).


20 – Ara wkoll il-Konklużonijiet tiegħi fil-kawża Schnorbus, punti 30 et seq. (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, C-79/99, Ġabra p. I-10997).


21 – Los Angeles Department of Water and Power vs Manhart (1978) 435 US p. 702, 712 u 713.


22 – Ibid., p. 707-708.


23 – Jiena konxju li din id-distinzjoni jkollha karatteristika aktar oġġezzjonabbli peress li l-assenjament ta’ individwi għal gruppi etniċi tkun arbitrarja ħafna, iżda l-eżempju jibqa’ validu anki jekk dan l-aspett ma jiġix ikkunsidrat.


24 – Ara l-punti 8 sa 10 hawn fuq.


25 – Ara, per eżempju, il-premessa 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2000, p. 16): ‘Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni [jikkostitwixxi] dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet [tal-Bniedem], il-Konvenzjoni [tan-Nazzjonijiet Uniti] dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet [u l-Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem], iffirmata mill-Istati Membri kollha.’


26 – U, skond il-każ, il-konjuġi li jibqgħu ħajjin.


27 – Sentenza tat-28 ta’ Settembru 1994 (C-200/91, Ġabra p. I-4389).


28 – Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 1993 (C-152/91, Ġabra p. I-6935)


29 – Ara l-punti 18 u 19 aktar il-fuq.


30 – Ibid.


31 – Sa l-eqreb integer; il-valuri attwarjali huma 11.071 għal mara ta’ 35 sena u 15.007 għal mara ta’ 55 sena. Il-pensjoni nozzjonali naturalment ikollha tiġi kkonvertita fi snin pensjonabbli skond it-tieni parti tal-formola, iżda l-kalkolu inizjali juri d-differenza bejn iż-żewġ riżultati meta l-parametri l-oħrajn kollha jibqgħu l-istess.


32 – Meta wieħed iqis li l-valuri attwarjali jiddistingwu sempliċement fuq il-kriterju ta’ età, peress li fatturi bħall-grad ta’ reklutaġġ jiddaħħlu fil-kalkolu aktar tard.


33 – Artikolu 268 KE.


34 – Artikoli 6 et seq tar-Regolament Finanzjarju kurrenti (Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002, (ĠU L 248, p. 1) u d-dispożizzjonijiet korrispondenti, b’mod partikolari l-Artikoli 1(2) u 6 tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977 (ĠU L 356, p. 1).


35 – Fl-2004, per eżempju, l-ammont żejjed disponibbli mis-sena finanzjarja preċedenti kien ta’ madwar EUR 5,7 biljun.


36 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.


37 – B’mod partikolari, l-Artikolu 6(2) jippermetti lill-Istati Membri li “jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess”.


38 – ĠU C 364, 2000, p. 1-Artikolu 21.


39 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 aktar ’il fuq. Din segwiet, inter alia, it-tneħħija ta’ limiti ta’ l-età fir-reklutaġġ fl-2002, wara oġġezzjonijiet mill-Ombudsman Ewropew.


40 – Ara l-punt 26 hawn fuq.


41 – Fil-punt 24.


42 – Kif imfakkar fis-sentenza appellata, fil-punt 64.


43 – Ara l-punt 18 hawn fuq.

Fuq