Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62003CJ0188

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-27 ta' Jannar 2005.
    Irmtraud Junk vs Wolfgang Kühnel.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Arbeitsgericht Berlin - il-Ġermanja.
    Direttiva 98/59/KE - Sensji kollettivi - Konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema - Notifika lill-awtorità pubblika kompetenti - Kunċett ta' 'redundancy' (sensja) - Mument tas-sensja.
    Kawża C-188/03.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2005:59

    SENTENZA TAL-QORTI (It-Tieni Awla)

    27 ta' Jannar 2005 (*)

    "Direttiva 98/59/KE – Sensji kollettivi – Konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema – Notifika lill-awtorità pubblika kompetenti – Kunċett ta' 'redundancy' (sensja) – Mument tas-sensja"

    Fil-kawża C-188/03

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Arbeitsgerich Berlin (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' April 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta' Mejju 2003, fil-kawża

    Irmtraud Junk

    vs

    Wolfgang Kühnel,


    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla,  R. Silva de Lapuerta, C. Gulmann (Relatur), P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: A . Tizzano,

    Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Lulju 2004,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    -      għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

    -      għall-gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister

    -      għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u H. Kreppel, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-30 ta' Settembru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 1 sa 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, p. 16, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn I. Junk u W. Kühnel, fil-kwalità tiegħu bħala stralċjarju ta' l-attività tal-kumpannija li kienet timpjega lir-rikorrenti, rigward is-sensja ta' din ta' l-aħħar.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt Komunitarju

    3       L-Artikoli 1 sa 4 tad-Direttiva jipprovdu:

    "Artikolu 1

    1.      Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

    a)      'redundancies kollettivi' ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta' l-Istati Membri, in-numru tar-redundancies huwa:

    i)      jew, fuq perijodu ta' 30 ġurnata:

    –       mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

    –       mill-inqas 10 % tan-numru ta' ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

    –       mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed;

    ii)      jew, fuq perijodu ta' 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta' impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti in kwistjoni;

    […]

    Artikolu 2

    1.      Meta dak li iħaddem jkun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

    2.      Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta' numri ta' impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

    L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jużaw is-servizzi ta' esperti skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

    3.      Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:

    a)      jfornihom bl-informazzjoni rilevanti kollha u

    b)      f'kull każ jagħtihom notifika bil-miktub ta':

    i)      ir-raġunijiet għar-redundancies proġettati;

    ii)      in-numri tal-kategoriji ta' ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;

    iii)      in-numri u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;

    iv)      il-perijodu meta r-redundancies proġettati għandhom jiġu effettwati;

    v)      il-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sakemm u safejn il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu l-poter għal dan lil min iħaddem;

    vi)      il-metodu għall-kalkolu ta' xi pagamenti tar-redundancy ta' xort' oħra minn dawk ikkawżati mil-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

    Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta', mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), is-subpunti (i) sa (v).

    […]

    Artikolu 3

    1.      Kull min iħaddem għandu jinnotifika lil awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta' redundancies kollettivi.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li f'każ ta' redundancies kollettivi ppjanat ikkawżat mit-terminu ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment bħala riżultat ta' deċiżjoni ġudizzjarja, min iħaddem għandu jkun obbligat jinnotifika lil awtorità pubblika kompetenti bil-miktub biss jekk hi titlob hekk.

    Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għall-redundancy, in-numru ta' ħaddiema li ser jisfaw mingħajr xogħol, in-numru ta' ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat.

    2.      Min iħaddem għandu jgħaddi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema kopja tan-notifika prevista fil-paragrafu 1.

    Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jibgħatu xi kummenti li jista' jkollhom lill-awtorità pubblika kompetenti.

    Artikolu 4

    1.      Il-redundancies kollettivi proġettati nnotifikati lil awtorità pubblika kompetenti m'għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta' l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

    2.      Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir-redundancies kollettivi proġettati.

    3.      Meta l-perijodu inizjali previst fil-paragrafu 1 huwa iqsar minn 60 ġurnata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorià pubblika kompetenti biex testendi l-perijodu inizjali ta' 60 ġurnata wara n-notika meta l-problemi kkawżati mill-pjanijiet proġettati ta' redundancies kollettivi x'aktarx ma tinstabx soluzzjoni għalihom fil-perijodu inizjali.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtorità pubblika kompetenti poteri iktar wiesa' ta' estensjoni.

    Min iħaddem għandu jkun infurmat bl-estensjoni u l-bażi tagħha qabel ma jiskadi l-perijodu tal-bidu msemmi fil-paragrafu 1.

    4.      L-Istati Membri m'għandhomx bżonn japplikaw dan l-Artikolu għar-redundancies kollettivi kkawżati mit-tmiem ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment meta dan huwa r-riżultat ta' deċiżjoni ġudizzjarja."

     ld-dritt nazzjonali

    4       Fil-liġi Ġermaniża, l-Artikoli 17 u 18 tal-Kündigungsschutzgesetz (Liġi dwar il-ħarsien fil-qasam ta' sensji), fil-versjoni tagħha tal-25 ta' Awwissu 1969 (BGB1. 1969 I, p. 1317), emendata mil-liġi tat-23 ta' Lulju 2001 (BGB1. 2001 I, p. 1852, iktar 'il quddiem il-"KSchG"), dispożizzjonijiet applikabbli fil-kuntest ta' proċedimenti ta' insolvenza, jirregolaw il-proċeduri ta' sensji kollettivi.

    5       L-Artikolu 17 tal-KSchG jipprovdi li, meta min iħaddem ikollu l-intenzjoni jagħti ċertu numru ta' sensji f'perijodu ta' 30 jum kalendarju, huwa għandu:

    –       jipprovdi fi żmien xieraq lill-kunsill tax-xogħol l-informazzjonijiet kollha rilevanti rigward, b'mod partikolari, ir-raġunijiet tal-proġett ta' sensja, in-numru u l-kategoriji tal-ħaddiema li se jiġu ssensjati kif ukoll il-ħaddiema li normalment jimpjega, l-perijodu li matulu huwa maħsub li jingħataw is-sensji u l-kriterji previsti għall-għażla tal-ħaddiema li se jingħataw is-sensji;

    –       jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lid-dipartiment tax-xogħol billi jibgħatlu kopja tal-komunikazzjoni li jkun bagħat lill-kunsill tax-xogħol u kopja ta' l-opinjoni ta' dan ta' l-aħħar fuq is-sensji.

    6       L-Artikolu 18 tal-KSchG jipprovdi:

    "(1)      Is-sensji li għandhom jiġu nnotifikati skond l-Artikolu 17 isiru effettivi qabel it-tmiem ta' xahar minn meta d-Dipartiment tax-Xogħol jirċievi n-notifika biss bil-kunsens ta' dan ta' l-aħħar; l-imsemmi kunsens jista' wkoll jingħata b'mod retroattiv mid-data tal-preżentata tad-domanda.

    (2)      F'ċerti każijiet, id-Dipartiment tax-Xogħol jista' jiddeċiedi li s-sensji ma jsirux effettivi qabel it-tmien ta' perijodu massimu ta' xahrejn minn meta n-notifika tiġi rċevuta.

    […]"

    7       Barra minn hekk, l-Artikolu 102 tal-Betriebsverfassungsgesetz (Liġi dwar l-organizzazzjoni ta' l-impriżi) fil-versjoni tagħha tal-25 ta' Settembru 2001 (BGB1 2001 I, p. 2518), emendata bil-liġi ta' l-10 ta' Diċembru 2001 (BGB1 2001 I, p. 3443, iktar 'il quddiem il-"BetrVG"), jipprovdi li min iħaddem li jkollu l-intenzjoni jagħti sensji kollettivi għandu jirrispetta d-dritt ta' parteċipazzjoni b'vuċi konsultattiva tal-kunsill tax-xogħol. It-tmiem ta' kuntratti ta' xogħol imħabbar qabel l-għeluq ta' din il-proċedura huwa mingħajr effett.

    8       Fl-aħħar nett, l-Artikoli 111 et seq. tal-BetrVG jagħtu dritt ta' parteċipazzjoni lill-istess kunsill f'każ ta' bidla ta' l-operat, inkluż il-każ ta' sensja kollettiva. Il-bidla ta' l-operat magħmula mingħajr ma jiġu osservati dawn id-dispożizzjoniet hija ppenalizzata, skond l-Artikolu 113 tal-BetrVG, b'obbligu ta' kumpens għad-danni fl-għamla ta' kumpens li għandu jitħallas minn min iħaddem.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9       I. Junk kienet impjegata bħala assistenta-infermiera u persuna li tipprovdi għajnuna fid-dar mill-kumpannija AWO Gemeinnützige Pflegegesellschaft Südwest mbh (iktar 'il quddiem "AWO"). AWO, li kellha madwar 430 ħaddiem, kellha bħala għan il-provvista ta' servizzi ta' kura fid-dar. Kunsill tax-xogħol kien ġie stabbilit.

    10     Fil-31 ta' Jannar 2002, AWO ppreżentat domanda għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza, minħabba diffikultajiet finanzjarji. Hija eżentat il-ħaddiema kollha, b'effett mill-1 ta' Jannar 2002, mill-obbligu li jagħmlu xogħolhom u ma ħallsithomx is-salarju tax-xahar ta' Jannar 2002. F'nofs Ġunju 2002, 176 ħaddiem kienu għadhom impjegati. Fl-aħħar tax-xahar ta' Awwissu 2002, dan in-numru tnaqqas għal 172.

    11     Fil-5 ta' Frar 2002, il-proċedimenti ta' insolvenza nfetħu, segwiti, fl-1 ta' Mejju 2002, bi proċedura ta' stralċ definittiv. W. Kühnel ġie maħtur bħala stralċjarju.

    12     B'ittra tad-19 ta' Ġunju 2002, li waslet fl-istess jum, W. Kühnel informa lill-President tal-kunsill tax-xogħol li huwa kellu l-intenzjoni, minħabba l-għeluq ta' l-istabbiliment, itemm il-kuntratti kollha ta' xogħol li kien fadal, fosthom dak ta' I. Junk, b'osservazzjoni tal-perijodu massimu ta' notifika ta' tliet xhur previst mill-proċedimenti ta' insolvenza, jiġifieri b'effett mit-30 ta' Settembru 2002, u li jagħmel sensja kollettiva. Ma' l-ittra ġiet annessa lista ta' l-ismijiet, l-indirizzi, id-dati tat-twelid tal-ħaddiema li kienu se jingħataw is-sensja kif ukoll informazzjoni oħra dwarhom.

    13     B'ittra tas-26 ta' Ġunju 2002, il-President tal-kunsill tax-xogħol informa lill-istralċjarju li l-imsemmi kumitat xtaq ukoll li l-kwistjoni tiġi solvuta malajr.

    14     Qabel, W. Kühnel kien ikkonkluda mal-kunsill tax-xogħol, fit-23 ta' Mejju 2002, ftehim ta' kumpens fuq it-tmiem ta' attività ta' AWO kif ukoll pjan soċjali skond l-Artikolu 112 tal-BetrVG.

    15     B'ittra tas-27 ta' Ġunju 2002, li I. Junk irċeviet fid-29 ta' Ġunju 2002, W. Kühnel temm il-kuntratt ta' xogħol tagħha, b'effett mit-30 ta' Settembru 2002, għal raġunijiet relatati ma' l-impriża.

    16     B'rikors ippreżentat quddiem l-Arbeitsgerich Berlin fis-17 ta' Lulju 2002, I. Junk ikkontesta din is-sensja.

    17     B'ittra tas-27 ta' Awwissu 2002, li waslet fl-istess jum, W. Kühnel innotifika lid-Dipartiment tax-Xogħol bis-sensja ta' 172 ħaddiem, b'effett mit-30 ta' Settembru 2002, skond l-Artikolu 17(3) tal-KSchG. Huwa annetta ma' din in-notifika l-opinjoni tal-kunsill tax-xogħol.

    18     I. Junk invokat in-nullità tas-sensja tagħha quddiem l-Arbeitgericht.

    19     Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha tiddependi mill-kwistjoni jekk is-sensja in kwistjoni hijiex nulla skond l-Artikolu 18(1) tal-KSchG, minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sensji kollettivi.

    20     Hija tosserva li, skond opinjoni li s'issa kienet dominanti fid-dritt Ġermaniż, id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta' sensja kollettiva jirreferu mhux għat-tmiem tal-kuntratti ta' xogħol, iżda għad-data li fiha l-ħaddiema jitilqu effettivament mill-impriża, jiġifieri, bħala regola ġenerali, mat-tmiem tal-perijodu ta' notifika ta' sensja.

    21     Hija tinnota li l-Artikoli 17 u 18 tal-KSchG kif ukoll il-versjoni fil-lingwa Ġermaniża tad-Direttiva jużaw l-istess kelma "Entlassung".

    22     Hija tenfasizza li d-dritt Ġermaniż jiddistingwi l-kunċett ta' "Kündigung" minn dak ta' "Entlassung". L-ewwel tirreferi għad-dikjarazzjoni ta' volontà unilaterali ta' waħda mill-partijiet tal-kuntratt ta' xogħol intiża sabiex ittemm ir-relazzjoni ta' impjieg. It-tieni tirreferi għat-twaqqif effettiv tar-relazzjoni ta' impjieg, minħabba t-tmiem tal-kuntratt ta' xogħol deċiż minn min iħaddem.

    23     Il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li, jekk tiġi applikata għad-dispożizzjonijiet dwar is-sensji kollettivi, id-distinzjoni bejn "Kündigung" u "Entlassung" jkollha bħala effett li l-eżistenza ta' sensja kollettiva ma tistax tiġi ddeterminata mid-data tat-tmiem tal-kuntratti ta' xogħol, imma mid-data ta' tmiem tal-perijodi ta' notifika individwali ta' sensja. F'dawn iċ-ċirkustanzi, min iħaddem jista' jressaq il-kwistjoni quddiem il-kunsill tax-xogħol u jinnotifika lid-Dipartiment tax-Xogħol wara t-tmiem tal-kuntratti ta' xogħol, peress illi jkun qed jagħmel hekk qabel it-twaqqif effettiv tar-relazzjonijiet ta' xogħol.

    24     Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, skond id-Direttiva, li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ħaddiema, il-kunċett ta' "sensja" għandu jiġi interpretat bħala wieħed li jikkoinċidi mat-tmiem tal-kuntratt minn min iħaddem, b'tali mod li l-proċedura ta' konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' notifika lill-awtorità kompetenti għandha tkun ġiet osservata kompletament qabel it-tmiem tal-kuntratti ta' xogħol.

    25     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeitsgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1)      Id-Direttiva […] għandha tiġi interpretata fis-sens li 'redundancy' ['Entlassung'] fis-sens ta' l-Artikolu 1(1)(a) ta' l-imsemmija Direttiva tfisser it-tmiem tal-kuntratt ta' xogħol ['Kündigung'], l-ewwel att tat-twaqqif tar-relazzjoni ta' xogħol, jew inkella r-'redundancy' ['Entlassung'] tirreferi għat-twaqqif tar-relazzjoni ta' xogħol, mat-tmiem tal-perijodu ta' notifika ta' sensja?

    2)      Jekk wieħed għandu jifhem b''redundancy' ['Entlassung'] it-tmiem tal-kuntratt ta' xogħol, id-Direttiva teżiġi li l-proċedura ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva, kif ukoll il-proċedura ta' notifika msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva, għandhom ikunu magħluqa qabel it-tmiem tal-kuntratti ta' xogħol ['Kündigung']?"

     Fuq id-domandi preliminari

    26     Il-kawża prinċipali għandha bħala għan l-evalwazzjoni tar-regolarità ta' sensja fir-rigward tal-proċeduri ta' konsultazzjoni u ta' notifika previsti rispettivament fl-Artikolu 2 kif ukoll fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva. Għall-finijiet ta' din l-evalwazzjoni, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat il-mument li fih issir sensja, jiġifieri dak li fih isir l-avveniment li jikkostitwixxi sensja.

    27     Is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali timplika għaldaqstant li jiġi ppreċiżat il-kontenut tal-kunċett ta' "redundancy" fis-sens tad-Direttiva.

    28     L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva jagħti definizzjoni tal-kunċett ta' "redundancies kollettivi", imma ma jindikax l-element li jwassal għal sensja u lanqas ma jirreferi għad-dritt ta' l-Istati Membri fuq dan il-punt.

    29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-eżiġenzi kemm ta' l-implementazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll mill-prinċipju ta' ugwaljanza li t-termini ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarji li ma tinkludix riferiment espliċitu għad-dritt ta' l-Istati Membri sabiex tiddetermina s-sens tagħha u l-portata tagħha għandhom normalment ikollhom, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43, u tat-12 ta' Ottubru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-55/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).

    30     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta' "redundancy" imsemmi fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fis-sistema legali Komunitarja.

     Fuq l-ewwel domanda

    31     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-avveniment li jikkostitwixxi s-sensja jikkonsistix fit-turija tar-rieda ta' dak li jħaddem li jtemm il-kuntratt ta' xogħol jew inkella fit-twaqqif effettiv tar-relazzjoni ta' xogħol mat-terminu tal-perijodu ta' notifika ta' sensja.

    32     Skond l-indikazzjonijiet ta' din il-qorti, il-kelma "Entlassung" użata fil-versjoni fil-lingwa Ġermaniża tad-Direttiva tirreferi, fid-dritt Ġermaniż, għat-twaqqif effettiv tar-relazzjoni ta' xogħol u mhux it-turija tar-rieda tal-ħaddiem li jtemm il-kuntratt ta' xogħol.

    33     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-ħtieġa ta' implementazzjoni u, għaldaqstant, ta' interpretazzjoni uniformi ta' att Komunitarju teskludi li dan jiġi meqjus separatament f'waħda mill-verżjonijet tiegħu, imma titlob li jiġi interpretat kemm skond ir-rieda reali ta' l-awtur tiegħu kif ukoll skond l-għan imfittex minn dan ta l-aħħar, fid-dawl, b'mod partikolari, tal-versjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Novembru 1969, Stauder, 29/69, Ġabra p. 419, punt 3; tas-7 ta' Lulju 1988, Moksel, 55/87, Ġabra p. 3845, punt 15, u ta' l-20 ta' Novembru 2001, Jany et, C-268/99, Ġabra p. I-8615, punt 47).

    34     Fir-rigward tad-Direttiva, għandu jiġi osservat li, fil-versjonijiet lingwistiċi tahħhom barra l-versjoni fil-lingwa Ġermaniża, il-kelma użata minflok "Entlassung" jew tkopri fl-istess waqt iż-żewġ avvenimenti msemmija mill-qorti tar-rinviju jew inkella tirreferi pjuttost għall-espressjoni tar-rieda ta' dak li jħaddem li jtemm il-kuntratt ta' xogħol.

    35     Għandu wara jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva jipprevedi obbligu ta' dak li jħaddem li jagħmel, fi żmien xieraq, konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema meta jkun "qed jikkontempla redundancies kollettivi". L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jsemmi l-obbligu ta' dak li jħaddem li jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti b'"kull pjan ta' redundancies kollettivi".

    36     Il-fatt li dak li jħaddem "jikkontempla" sensji kollettivi u li jkun stabbilixxa "pjan" f'dan is-sens jikkorrispondi għal każ li fih ebda deċiżjoni ma tkun għadha ttieħdet. Min-naħa l-oħra, in-notifika lill-ħaddiem tat-temm tal-kuntratt ta' xogħol hija l-espressjoni ta' deċiżjoni ta' qtugħ tar-relazzjoni ta' xogħol, peress li t-twaqqif effettiv ta' dan ir-relazzjoni mat-terminu tal-perijodu ta' notifika jikkostitwixxi biss l-effett ta' din id-deċiżjoni.

    37     B'hekk, il-kliem użat mil-leġiżlatur Komunitarju jindika li l-obbligi ta' konsultazzjoni u ta' notifika jibdew qabel deċiżjoni ta' dak li jħaddem li jtemm kuntratti ta' xogħol.

    38     Fl-aħħar nett, għandu jingħad li din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, f'dak li jikkonċerna l-proċedura ta' konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, mill-għan, imsemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva, li jiġu evitati sensji kollettivi jew li jitnaqqas in-numru tagħhom. It-twettiq ta' dan il-għan jitqiegħed f'periklu jekk il-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema ssir wara d-deċiżjoni ta' dak li jħaddem.

    39     Għaldaqstant it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avveniment li jikkostitwixxi sensja jikkonsisti fl-espressjoni tar-rieda ta' dak li jħaddem li jtemm il-kuntratt ta' xogħol.

     Fuq it-tieni domanda

    40     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dak li jħaddem għandux dritt jagħti sensji kollettivi qabel it-tmiem tal-proċedura ta' konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva kif ukoll il-proċedura ta' notifika prevista fl-Artikoli 3 u 4 ta' din l-istess Direttiva.

    41     Mit-tweġiba mogħtija għall-ewwel domanda diġà jirriżulta li dak li jħaddem jista' jtemm kuntratti ta' xogħol qabel ma jkun beda ż-żewġ proċeduri in kwistjoni.

    42     Dwar il-proċedura ta' konsultazzjoni, hija prevista, skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva "bl-iskop li jintlaħaq ftehim". Skond il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu, hija tkopri, "mill-inqas, […] mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta' numri ta' impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati".

    43     Għaldaqstant jidher li l-Artikolu 2 tad-Direttiva jimponi obbligu li jsir negozjat.

    44     L-effikaċja ta' tali obbligu titqiegħed f'periklu jekk dak li jħaddem kellu d-dritt itemm il-kuntratti ta' xogħol waqt il-proċedura, u aktar minn hekk mill-bidu tagħha. Għar-rappreżentanti tal-ħaddiema, ikun kunsiderevolment aktar diffiċli li jiksbu l-irtirar ta' deċiżjoni meħuda milli rinunzjar ta' deċiżjoni ppjanata.

    45     Għaldaqstant, it-temm tal-kuntratt ta' xogħol jista' jsir biss mat-tmiem tal-proċedura ta' konsultazzjoni, jiġifieri wara li dak li jħaddem ikun osserva l-obbligi msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva.

    46     Rigward il-proċedura ta' notifika lill-awtorità pubblika kompetenti, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva, dak li jħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti b'"kull pjan ta' redundancies kollettivi".

    47     Skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, in-notifika għandha l-għan li tippermetti lill-awtorità kompetenti li ssib soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mis-sensji kollettivi ppjanati.

    48     L-istess dispożizzjoni tispjega li l-awtorità kompetenti għandha tuża l-perijodu ta' notifika msemmi fil-paragrafu 1 sabiex issib tali soluzzjonijiet.

    49     Il-perijodu in kwistjoni huwa ta' mill-inqas 30 jum wara n-notifika. Fiċ-ċirkustanzi previsti fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) u 4(3) tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtorità pubblika kompetenti l-possibbiltà li tnaqqas jew ittawwal dan il-perijodu.

    50     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, is-sensji kollettivi, jiġifieri t-temm tal-kuntratti ta' xogħol, isiru effettivi biss mat-tmiem tal-perijodu applikabbli.

    51     Għaldaqstant, dan jikkorrispondi għall-perijodu minimu li l-awtorità kompetenti għandha biex issib soluzzjonijiet.

    52     Billi rriżerva espliċitament id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fil-qasam ta' perijodu ta' notifika, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva bilfors qed jirreferi għall-każ ta' temm li diġà sar, li jġiegħel tali terminu jibda jiddekorri. Fil-fatt, ir-riżerva tat-terminu tal-perijodu ta' notifika differenti mill-perijodu previst mid-Direttiva ma jkollhiex sens jekk l-ebda perijodu ta' notifika ma jkun beda jiddekorri.

    53     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva ma jipprekludux li jsir temm tal-kuntratti ta' xogħol matul il-proċedura li huma jibdew, bil-kundizzjoni li tali temm isir wara n-notifika tal-pjan ta' sensja kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti.

    54     Għaldaqstant it-tweġiba għat-tieni domanda għandha tkun li dak li jħaddem għandu d-dritt jagħti sensji kollettivi wara t-tmiem tal-proċedura ta' konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva u wara n-notifika tal-pjan ta' sensja kollettiva prevista fl-Artikoli 3 u 4 ta' l-istess Direttiva.

     Fuq l-ispejjeż

    55     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avveniment li jikkostitwixxi sensja jikkonsisti fit-turija tar-rieda ta' min iħaddem li jtemm il-kuntratt ta' xogħol.

    2)      Min iħaddem għandu d-dritt jagħti sensji kollettivi wara t-tmiem tal-proċedura ta' konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 u wara n-notifika tal-pjan ta' sensji kollettivi prevista fl-Artikoli 3 u 4 ta' din l-istess Direttiva.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq