Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62003CJ0199
Judgment of the Court (Second Chamber) of 15 September 2005. # Ireland v Commission of the European Communities. # Action for annulment - European Social Fund - Reduction of Community financial assistance - Manifest error of assessment - Proportionality - Legal certainty - Legitimate expectations. # Case C-199/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Settembru 2005.
I-Irlanda vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Rikors għal annullament - Fond Soċjali Ewropew - Tnaqqis ta' għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità - Żball ċar ta' evalwazzjoni - Proporzjonalità - Ċertezza legali - Aspettattivi leġittimi.
Kawża C-199/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Settembru 2005.
I-Irlanda vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Rikors għal annullament - Fond Soċjali Ewropew - Tnaqqis ta' għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità - Żball ċar ta' evalwazzjoni - Proporzjonalità - Ċertezza legali - Aspettattivi leġittimi.
Kawża C-199/03.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2005:548
European Court reports 2005 Page 00000
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-199/03,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fit-13 ta' Mejju 2003,
l-Irlanda , irrappreżentata minn D. O'Hagan, bħala aġent, assistit minn P. Gallagher, SC, u P. McGarry, BL, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , irrappreżentata minn L. Flynn, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), R. Schintgen, G. Arestis u J. Kluka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-mikub u wara s-seduta tat-13 ta' Jannar 2005,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fl-udjenza ta' l-24 ta' Frar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. Permezz tar-rikors tagħha, l-Irlanda qiegħda titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 99, tas-27 ta' Frar 2003, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Soċjali Ewropew mogħtija permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (94) 1972, tad-29 ta' Lulju 1994, C (94) 2613, tal-15 ta' Novembru 1994 u C (94) 3226, tad-29 ta' Novembru 1994 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88
2. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 ta' l-24 ta' Ġunju 1988, dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tagħhom bejniethom u ma' l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu (ĠU L 185, p. 9), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 5, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2052/88") jipprovdi li:
"L-azzjoni Komunitarja għandha tikkomplementa l-azzjonijiet nazzjonali korrispondenti jew tikkontribwixxi lejhom. Għandha tiġi stabbilita bis-saħħa ta' konsultazzjonijiet mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat u l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti - inklużi, fil-qafas tar-regoli nazzjonali u prassi kurrenti ta' kull Stat Membru, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali - nominati mill-Istat Membru fuq il-livelli nazzjonali, reġjonali, lokali jew oħrajn, fejn il-partijiet kollha jaġixxu bħala msieħba li jfittxu li jilħqu għan komuni. Dawn il-konsultazzjonijiet huma msejjħa iktar 'il quddiem "sħubija". Is-sħubija tkopri kemm il-preparazzjoni u l-iffinanzjar, kif ukoll l-evalwazzjoni ex ante , il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ex post ta' l-azzjonijiet.
Is-sħubija titmexxa b'konformità sħiħa mal-poteri istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta' kull sieħeb."
3. L-Artikolu 13(3) ta' dan ir-regolament jipprovdi li, għall-miżuri mwettqa fir-reġjuni eliġibbli għall-għajnuna taħt l-Objettiv 1, il-kontribuzzjoni Komunitarja mogħtija mill-Fondi Strutturali hija limitata għal mhux iktar minn 75 % ta' l-ispiża totali u, bħala regola ġenerali, mhux inqas minn 50 % tan-nefqa pubblika.
Ir-Regolament (KEE) Nru 4253/88
4. Skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta' Diċembru 1988 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, min-naħa waħda, bejniethom u ma' azzjonijiet tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u ta' l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar il quddiem ir-"Regolament Nru 4253/88"), l-approprjazzjonijiet mill-Fondi Strutturali m'għandhomx jissostitwixxu l-infiq strutturali pubbliku jew infiq simili ta' l-Istat Membru fit-territorji kollha li huma eliġibbli taħt objettiv.
5. Skond l-Artikolu 17(2) ta' dan ir-Regolament, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fondi tiġi kkalkulata skond l-ispiża totali eliġibbli, jew it-total ta' l-infiq pubbliku jew infiq eliġibbli simili (nazzjonali, reġjonali jew lokali u Komunitarju) relattivi għal kull azzjoni (programm operazzjonali, sistema ta' għajnuna, għotja globali, proġett, assistenza teknika jew studju).
6. L-Artikolu 23 ta' l-istess Regolament, bit-titolu "Kontroll Finanzjarju" jipprovdi li:
"1. Sabiex ikun iggarantit li l-azzjonijiet imwettqa mill-promoturi pubbliċi u privati jirnexxu, l-Istati Membri, fl-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex:
- jivverifikaw fuq bażi regolari li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità jkunu ġew imwettqa kif suppost,
- jipprevjenu u jieħdu azzjoni kontra l-irregolaritajiet,
- jiġbru lura l-ammonti ta' flus mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli sussidjarjament għall-ħlas lura ta' l- ammonti ta' flus imħallsa indebitament, ħlief meta l-Istat Membru u/jew l-intermedjarju u/jew il-promotur juru li mhumiex responsabbli għall-abbuż jew negliġenza. [...]
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ttieħdu għal dan l-għan u, b'mod partikolari, għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni d-deskrizzjoni tas-sistemi ta' kontroll u ta' amministrazzjoni stabbiliti sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effikaċi ta' l-azzjonijiet. Għandhom jinfurmaw regolarment lill-Kummissjoni bil-progress tal-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjali.
L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-rapporti nazzjonali kollha xierqa dwar il-kontroll tal-miżuri previsti fil-programmi jew azzjonijiet ikkonċernati.
Mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-modalitajiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan il-paragrafu billi ssegwi l-proċeduri taħt it-Titolu VIII u tinforma lill-Parlament Ewropew bihom.
2. Bla ħsara għall-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 206 tat-Trattat u għal kull ispezzjoni magħmula abbażi ta' l-Artikolu 209(c) tat-Trattat, uffiċjali jew impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu kontrolli fuq il-post, inklużi kontrolli f'forma ta' kampjuni, ta' l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u tas-sistemi ta' amministrazzjoni u ta' kontroll.
Qabel ma twettaq kontroll fuq il-post, il-Kummissjoni għandha tinforma b'dan lill-Istat Membru kkonċernat bl-għan li tikseb l-għajnuna kollha neċessarja. F'każ li l-Kummissjoni twettaq kontrolli fuq il-post mingħajr ebda avviż, hija tkun suġġetta għall-ftehim li jkunu ntlaħqu skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju fil-kuntest tas-sħubija. Uffiċjali jew impjegati ta' l-Istat Membru jistgħu jieħdu sehem fil-kontrolli.
Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jagħmel kontroll fuq il-post sabiex jivverifika r-regolarità tat-talba għall-ħlas. Uffiċjali jew impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem fil-kontrolli u għandhom jagħmlu dan fuq talba ta' l-Istat Membru kkonċernat.
Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-kontrolli li tagħmel jitwettqu b'mod koordinat sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-kontrolli dwar l-istess suġġett u matul l-istess perijodu. L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni għandhom jibgħatu lil xulxin mingħjr dewmien kull informazzjoni relevanti fir-rigward tar-riżultati tal-kontrolli mwettqa.
3. Għal perijodu ta' tliet snin wara l-aħħar ħlas relatat ma' azzjoni, il-korpi u l-awtoritajiet responsabbli għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni id-dokumenti kollha ta' sostenn dwar l-infiq u l-kontrolli li għandhom x'jaqsmu ma' dik l-azzjoni."
7. L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, bit-titolu Tnaqqis, sospensjoni u kanċellament ta' għajnuna jipprovdi li:
1. F'każ li t-twettiq ta' azzjoni jew miżura jidher li ma jiġġustifikax la parti u lanqas it-totalità ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija għalih, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tas-sħubija, b'mod partikolari billi titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet nominati minnu għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien determinat.
2. Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tista' tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew għall-miżura kkonċernata jekk jirriżulta mill-eżami li teżisti irregolarità jew bidla sinifikanti li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma ntalbitx l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.
3. Kull somma li tkun ġiet imħallsa indebitament u li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni [...]"
Il-fatti li wasslu għall-kawża
8. Permezz tad-Deċiżjoni 94/626/KE tat-13 ta' Lulju 1994 dwar it-twaqqif ta' qafas Komunitarju ta' sostenn għall-għajnuna strutturali Komunitarja fir-reġjuni ta' l-Irlanda milquta mill-Objettiv 1, jiġifieri t-territorju sħiħ (ĠU L 250, p. 12), il-Kummissjoni approvat dan il-qafas għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 1994 sal-31 ta' Diċembru 1999.
9. Abbażi ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni adottat sussegwentement id-Deċiżjonijiet C (94) 1972, tad-29 ta' Lulju 1994, C (94) 2613, tal-15 ta' Novembru 1994 u C (94) 3226, tad-29 ta' Novembru 1994, li permezz tagħhom hija tat is-somma ta' 1 897 206 226 EUR bħala għajnuna finanzjarja mill-Fond Soċjali Ewropew (iktar 'il quddiem il-"FSE") għal programmi operazzjonali li jirrigwardaw it-turiżmu, l-iżvilupp industrijali u l-iżvilupp tar-riżorsi umani rispettivament (iktar 'il quddiem il-"programmi operazzjonali").
10. L-awtorità amministrattiva magħżula mill-Irlanda għall-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi operazzjonali kienet id- Department of Enterprise, Trade and Employment (iktar 'il quddiem id-"DETE").
11. Mis-6 sa l-10 ta' Novembru u mill-4 sas-6 ta' Diċembru 2000, is-servizzi tal-Kummissjoni marru Dublin sabiex iwettqu kontrolli fuq il-post u investigazzjonijiet skond l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 4253/88, dwar azzjonijiet ko-finanzjati mill-FSE bejn l-1994 u l-1998. Dawn l-azzjonijiet kienu implimentati min- National Training and Development Institute (iktar 'il quddiem in-"NTDI") u s- Central Remedial Clinic , taħt ir-responsabbiltà tan- National Rehabilitation Board . Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu wkoll kontroll ta' l- audit trail mogħti mid-DETE sabiex jivverifikaw il-konnessjoni bejn l-ammonti mħallsa mill-Kummissjoni u s-somom mitluba mid-diversi benefiċjarji finali li jieħdu sehem fil-programmi operazzjonali.
12. B'riżultat ta' dawn il-kontrolli, il-Kummissjoni fasslet rapport tal-verifika tal-kontijiet u bagħtitu lill-awtoritajiet Irlandiżi permezz ta' ittra tat-13 ta' Frar 2001, fejn stiednet li dawn ta' l-aħħar jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Skond dan ir-rapport, it-talbiet għal ko-finanzjament magħmula fil-kuntest tal-programmi operazzjonali kellhom is-segwenti irregolaritajiet:
- minflok ma ġie ddikjarat l-ammont sħiħ tal-fondi nazzjonali li kien intiż għall-finanzjament tal-proġetti, in-NTDI ddikjara biss ir-riżorsi nazzjonali ta' finanzjament f'ammont li jikkorrispondi għal 25 % ta' l-ispiża totali ta' l-infiq, jiġifieri l-persentaġġ minimu ta' finanzjament nazzjonali neċessarju sabiex wieħed jibbenefika minn ko-finanzjament mill-FSE taħt l-Objettiv 1;
- wara li applika l-mekkaniżu ta' konverżjoni taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1866/90 tat-2 ta' Lulju 1990 dwar modalitajiet għall-użu ta' l-ecu fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondi Strutturali (ĠU L 170, p. 36), id-DETE biddel l-ammonti miksuba wara l-konverżjoni billi ttrasferixxa parti mill-infiq pubbliku li ma kienx ko-finanzjat lill-infiq ko-finanzjat;
- l-irregolaritajiet imsemmija hawn fuq taw lok għal ko-finanzjament Komunitarju eċċessiv u wasslu għal ksur fl- audit trail ta' l-azzjonijiet ko-finanzjati mill-FSE.
13. Permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Diċembru 2001, id-DETE informa lill-Kummissjoni bir-reżultat ta' l-investigazzjonijiet tiegħu dwar dawn l-irregolaritajiet u wieġeb għall-konklużjonijiet fir-rapport tal-verifika tal-kontijiet.
14. Skond il-Kummissjoni, dawn l-investigazzjonijiet ma rriżultaw f'ebda fatt ġdid u għalhekk, permezz ta' ittra tat-28 ta' Frar 2002, hija bdiet il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u stiednet lill-awtoritajiet Irlandiżi jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.
15. Fit-tweġiba tagħhom tat-18 ta' Ġunju 2002, ikkompletata b'ittra tal-25 ta' Lulju 2002, l-awtoritajiet Irlandiżi ammettew li t-talbiet għal ko-finanzjament ippreżentati min-NTDI ma kienux ġew imfassla skond il-prattiki tajbin tal-FSE. F'dan ir-rigward, huma jindikaw li, wara li saru verifiki, in-NTDI ppreżenta talbiet għal ko-finanzjament riveduti għas-snin 1997 u 1998 iżda li, min-naħa l-oħra, it-talbiet għal ko-finanzjament għas-snin mill-1994 sa l-1996 ma setgħux jiġu korretti bl-istess grad ta' preċiżjoni, partikularment minħabba telf ta' informazzjoni relatata mal-bidla fis-sistema tal-kompjuters tan-NDTI.
16. Bl-istess mod, dawn l-awtoritajiet irrikonoxxew li l-modifikazzjonijiet fit-talbiet għal ko-finanzjament imressqa mid-DETE ma kienux xierqa. Madankollu, huma jispeċifikaw li dawn il-modifikazzjonijiet ma rriżultaw f'ebda finanzjament indebitu jew żejjed mill-Komunità peress li dawn twettqu biss f'każijiet fejn l-infiq eliġibbli kien għoli biżżejjed u fejn, minħabba nuqqas li jittieħed in kunsiderazzjoni l-mekkaniżmu ta' konverżjoni, it-talbiet għal ko-finanzjament kienu ġew sottovalutati.
17. Fl-aħħarnett, billi ntweriet l-eżistenza ta' nfiq eliġibbli suffiċjenti, l-eżerċizzju ta' korrezzjoni u ta' reviżjoni tat-talbiet għal ko-finanzjament irrimedja l-ksur mhux intenzjonat fl- audit trail .
18. Wara li eżaminat l-osservazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Irlandiżi, il-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, naqqset l-ammont totali ta' l-għajnuna finanzjarja, mogħti fil-bidu mill-Komunità għall-programmi operazzjonali, bi 15 614 261 EUR.
Fuq ir-rikors
19. Sabiex issostni r-rikors tagħha, l-Irlanda invokat erba' raġunijiet ibbażati rispettivament fuq żball ċar ta' evalwazzjoni, ksur tar-regoli tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattat, ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, u ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.
Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq żball ċar ta' evalwazzjoni
20. Permezz ta' l-ewwel raġuni tagħha, l-Irlanda ssostni li bil-fatt li naqset li tieħu in kunsiderazzjoni l-korrezzjonijiet magħmula fit-talbiet għal ko-finanzjament, li saru bl-għan li juru li l-irregolaritajiet ikkonstatati ma tawx lok għal finanzjament indebitu jew żejjed mill-Komunità kif ukoll bil-fatt li naqqset l-għajnuna finanzjarja mill-FSE, il-Kummissjoni għamlet żbal ċar ta' evalwazzjoni kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt. Fil-fatt, sakemm l-irregolaritajiet ilmentati mill-Kummissjoni huma fir-realtà żbalji proċedurali ta' natura purament teknika u bla impatt fuq il-baġit Komunitarju, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni t-talbiet għal ko-finanzjament riveduti mhuwiex iġġustifikat. Barra minn hekk, il-fatt li t-twavel finanzjarji ( financial tables ) ġew magħluqa definittivament fil-31 ta' Diċembru 1999 ukoll ma jiġġustifikax tali rifjut.
21. L-ewwelnett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Irlanda ma tikkontestax il-fatt li t-talbiet għal ko-finanzjament kien fihom irregolaritajiet.
22. It-tieninett, hija ssostni li l-korrezzjonijiet li saru lit-talbiet għal ko-finanzjament kienu inammissibbli peress li ma kienux suġġetti għal proċedura ta' ċertifikazzjoni regolari u kienu ppreżentati wara d-data ta' għeluq definittiva tat-twavel finanzjarji.
23. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li, sakemm il-korrezzjonijiet li saru għat-talbiet għal ko-finanzjament għas-snin mill-1994 sa l-1996 kkienu bbażati fuq estrapolazzjonijiet mingħajr ebda dokument ta' sostenn, huma ma kienux jissodisfaw ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 4253/88.
24. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ssostni li l-irregolaritajiet li mmotivaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jinsabu mhux fl-eliġibilità ta' l-infiq, iżda fis-sors tal- finanzjament tagħhom u li, barra minn hekk, huma kellhom impatt fuq it-twavel finanzjarji u l-ippjanar tal-fondi.
25. Skond l-Artikolu 274 KE, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti ta' l-approprjazzjonijiet, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw li l-approprjazzjonijiet ikunu wżati skond il-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja tajba.
26. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija ta' l-infiq ta' l-awtoritajiet nazzjonali jaqa' taħt ir-regola li tgħid li huma biss l-ispejjeż minfuqa skond ir-regoli Komunitarji li huma koperti mill-baġit Komunitarju (sentenza tas-6 ta' Ottubru 1993, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-55/91, Ġabra p. I-4813, punt 67). Dan il-prinċipju huwa applikabbli wkoll f'każ li tingħata għajnuna finanzjarja mill-FSE.
27. B'mod partikolari, skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, meta eżami ta' azzjoni jew ta' miżura li għaliha ngħatat għajnuna finanzjarja mill-Komunità tikkonferma l-eżistenza ta' irregolarità, il-Kummissjoni tista' tnaqqas, tissospendi jew tikkanċella dik l-għajnuna.
28. Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li, kemm fl-osservazzjonijiet li ppreżentat fil-kuntest tal-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88 kif ukoll matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Irlanda la kkontestat l-eżistenza ta' irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni u lanqas ma ġabet xi provi li jistgħu jqajjmu dubju fuq l-eżattezza tagħhom.
29. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet ta' l-Irlanda li jgħidu li l-irregolaritajiet huma ta' natura "teknika" u li ma jikkawżawx dannu lill-baġit Komunitarju ma jistgħux jiġu aċċettati.
30. L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 ma jagħmel ebda distinzjoni ta' natura kwantitattiva jew kwalitattiva f'dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet li jistgħu jagħtu lok għat-tnaqqis ta' għajnuna.
31. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki irregolaritajiet li m'għandhomx impatt finanzjarju speċifiku jistgħu jkunu ta' ħsara serja għall-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni u għall-osservanza tad-dritt Komunitarju u għaldaqstant jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni.
32. Jirriżulta li l-Kummisjoni għamlet sewwa meta naqqset l-għajnuna finanzjarja Komunitarja mogħtija fil-bidu għall-programmi operazzjonali.
33. Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda d-data ta' għeluq definittiva tat-twavel finanzjarji, jirriżulta kemm mill-qafas Komunitarju ta' sostenn għall-għajnuna strutturali Komunitarja fir-reġjuni fl-Irlanda milquta mill-Objettiv 1, għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 1994 sal-31 ta' Diċembru 1999, kif ukoll mid-Deċiżjonijiet C (94) 1972, C (94) 2613 u C (94) 3226, li ebda bidla fit-twavel finanzjarji u ebda impenn finanzjarju ma setgħu jsiru wara l-31 ta' Diċembru 1999.
34. Għaldaqstant, sakemm it-talbiet għal ko-finanzjament riveduti ppreżentati mill-Irlanda wara din id-data kienu jinvolvu l-ipprogrammar mill-ġdid ta' l-impenji tal-FSE għall-perijodu kkonċernat, il-Kummissjoni kellha wkoll raġuni tajba li tiddikjara l-imsemmija talbiet inammissibli.
35. Jirriżulta għalhekk li l-ewwel raġuni ta' l-Irlanda hija mingħajr bażi u għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur tar-regoli tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattat
36. Permezz tat-tieni raġuni, l-Irlanda ssostni li, min-naħa, bil-fatt li naqset li tadotta l-modalitajiet dettaljati f'dak li jirrigwarda l-kontroll finanzjarju qabel l-1997 u, min-naħa l-oħra, bil-fatt li applikat b'mod retroattiv ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2064/97 tal-15 ta' Ottubru 1997 li jistabbilixxi l-modalitajiet dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 4253/88 fir-rigward tal-kontroll finanzjarju mill-Istati Membri tal-ħidmiet ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU L 290, p. 1), għal sitwazzjoni li seħħet fil-kuntest ta' l-għajnuna finanzjarja mill-FSE mogħtija lill-Irlanda għas-snin 1994 sa l-1997, il-Kummissjoni vvjolat l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88.
37. L-Irlanda tikkunsidra umbagħad li l-Kummissjoni vvjolat l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma wettqitx eżami xieraq tal-każ u l-fatti identifikati matul dak l-eżami ma jikkostitwixxux irregolarijiet serji li jiġġustifikaw tnaqqis ta' l-għajnuna finanzjarja.
38. Fl-aħħarnett, skond dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni vvjolat ukoll il-prinċipju tas-sħubija stabbilit mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88.
39. Il-Kummissjoni ssostni li l-adozzjoni magħmula tard tal-modalitajiet iddettaljati għall-kontroll finanzjarju m'għandhiex x'taqsam mad-deċiżjoni kkontestata u li, f'kull każ, l-Irlanda kien imissha ppreżentat rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skond l-Artikolu 232 KE jew rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, fi żmien xahrejn wara li ġew adottati.
40. Hija ssostni li r-Regolament Nru 2064/97 jillimita ruħu li jifformalizza l-prattiki preċedenti ta' kontrolli tal-kontijiet u ta' kontrolli finanzjarji u li, anki qabel l-1997, kwalsiasi ksur fl- audit trail kien imur kontra d-dispożizzjoniijiet tar-Regolament Nru 2052/88 u tar-Regolament Nru 4253/88.
41. F'dak li jirrigwarda l-ksur ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, skond il-Kummissjoni, l-Irlanda qiegħda tillimita ruħha li tirrepeti r-raġunijiet diġà mressqa fil-kuntest ta' l-ewwel raġuni. F'kull każ, il-Kummissjoni tinnega li hija qatt marret kontra din id-dispożizzjoni. Min-naħa, fil-fatt, l-investigazzjoni li hija wettqet u d-djalogu li hija stabbiliet ma' l-Irlanda kienu adegwati. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li l-irregolaritajiet ikkonstatati kienu partikularment serji u għalhekk kienu jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja Komunitarja mogħtija għall-programmi operazzjonali.
42. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88 huwa inammissibbli minħabba l-fatt li l-Irlanda tillimita ruħha li tinvoka din d-dispożizzjoni mingħajr ma tispeċifika b'liema mod seħħ dan il-ksur.
43. L-argument ta' l-Irlanda dwar ksur ta' l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 min-naħa tal-Kummissjoni ma jistax jiġi milqugħ.
44. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, min-naħa, rikors imressaq skond l-Artikolu 230 KE għall-annullament ta' deċiżjoni li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja Komunitarja ma jikkostitwixxix mezz xieraq sabiex tkun ikkontestata l-adozzjoni magħmula tard tal-modalitajiet iddettaljati fir-rigward tal-kontroll finanzjarju imsemmija fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament 4253/88. Għal dan l-iskop, l-Irlanda setgħet tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni ma ħadet ebda azzjoni abbażi ta' rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skond l-Artikolu 232 KE, qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2064/97, jew inkella tikkontesta l-validità ta' dan ir-Regolament billi tippreżenta rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, fi żmien xahrejn wara l-adozzjoni tiegħu.
45. Min-naħa l-oħra, f'dak li jikkonċerna l-allegata applikazzjoni retroattiva tar-Regolament Nru 2064/97, huwa biżżejjed li jingħad li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel referenza għal ebda dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament, iżda hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet fis-seħħ meta seħħew il-fatti, jiġifieri, b'mod partikolari, l-Artikoli 4(1) u 13(3) tar-Regolament Nru 2052/88 u l-Artikoli 9(1) u 17(2) tar-Regolament Nru 4253/88.
46. Barra minn hekk, kif isemmi l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki qabel ma ġie adottat r-Regolament Nru 2064/97, id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha fis-seħħ kienu jirrikjedu li l-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Komunità taħt il-Fondi Strutturali jipprovdu l-garanziji kollha li jippermettu li tiġi vverifikata l-konnessjoni eżatta bejn l-ispejjeż effettivament minfuqa fil-kuntest ta' proġetti ko-finanzjati u t-talbiet għal għajnuna finanzjarja mill-Komunità relattivi. F'dan ir-rigward, dawn id-dispożizzjoni waħedhom kienu biżżejjed sabiex tittieħed azzjoni kontra l-irregolaritajiet imwettqa mill-awtoritajiet Irlandiżi. B'mod partikolari, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 4253/88, li abbażi tiegħu ġie adottat ir-Regolament Nru 2064/97, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jivverifikaw regolarment li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità jkunu twettqu b'mod korrett, sabiex jipprevjenu u jieħdu azzjoni kontra l-irregolaritajiet u sabiex jitħallsu lura kull ammont mitluf minħabba irregolarità jew negliġenza.
47. L-argument ta' l-Irlanda bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 min-naħa tal-Kummissjoni ma jistax jiġi aċċettat.
48. Fil-fatt, jirriżulta kjarament mill-proċess li l-proċedura prevista f'din id-dispożizzjoni ġiet osservata. Għaldaqstant, wara li wettqet kontrolli fuq il-post f'Novembru u Diċembru 2000, il-Kummissjoni identifikat, f'rapport tal-verifika tal-kontijiet li hija bagħtet lill-awtoritajiet Irlandiżi fit-13 ta' Frar 2001, diversi irregolaritajiet li rriżultaw minn dawn il-kontrolli. Abbażi ta' dawn il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra tat-28 ta' Frar 2002, infurmat lil dawn l-awtoritajiet li kellha l-intenzjoni li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja mill-FSE relattivi għat-talbiet għal ko-finanzjament irregolari u talbithom sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahrejn, skond l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88.
49. Barra minn hekk, l-argument li jgħid li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxux irregolaritajiet serji biżżejjed sabiex jiġġustifikaw tnaqqis fl-għajnuna finanzjarja mill-FSE huwa repetizzjoni ta' l-ewwel raġuni eżaminata fil-kuntest tar-rikors preżenti.
50. Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju tas-sħubija invokat mill-Irlanda, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relattiva li kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi. Huwa għalhekk neċessarju li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b'mod koerenti u li jistgħu jiftehmu fir-rikors stess (sentenzi tad-9 ta' Jannar 2003, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-178/00, Ġabra p. I-303, punt 6, u ta' l-14 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni vs Spanja, C-55/03, li mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 23).
51. Dan mhuwiex il-każ fl-argument ta' l-Irlanda rigward il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-prinċipju tas-sħubija. Fil-fatt, fir-rikors tiegħu, l-imsemmi Stat Membru jillimita ruħu li jinvoka ksur ta' dan il-prinċipju mingħajr ma jindika l-elementi ta' fatt u ta' dritt li fuqhom hija bbażata din l-allegazzjoni.
52. Konsegwentement, safejn it-tieni raġuni tikkonċerna l-ksur tal-prinċipju tas-sħubija, din ir-raġuni hija inammissibbli u għandha tiġi miċħuda.
53. Jirriżulta min dak li ntqal qabel li t-tieni raġuni mqajjma mill-Irlanda hija in parti inammissibbli u in parti mingħajr bażi.
Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità
54. Permezz tat-tielet raġuni tagħha, l-Irlanda ssostni li d-deċiżjoni li titnaqqas l-għajnuna finanzjarja mill-FSE hija sproporzjonata. Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha soluzzjonijiet oħra li setgħu jwasslu għall-għan li xtaqet tilħaq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, b'mod partikolari, tieħu in kunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet u l-korrezzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Irlandiżi.
55. Sussidjarjament, l-Irlanda tikkunsidra li l-ammont mitlub huwa sproporzjonat.
56. Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba l-irregolaritajiet ikkonstatati f'dan il-każ u skond il-prinċipju ta' tmexxija finanzjarja tajba li l-Kummissjoni trid tosserva skond l-Artikolu 274 KE, hija ma kellha ebda għażla oħra ħlief li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja Komunitarja mill-inqas bl-ammont li jikkorrispondi għal dawk l-irregolaritajiet. Għaldaqstant, f'dawn iċ-ċirkostanzi d-deċiżjoni kkontestata ma tivvjolax il-prinċipju tal-proporzjonalità.
57. Għandu jiġi mfakkar li, f'dak li jirrigwarda l-Fondi Strutturali, huwa l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 li jikkostitwixxi l-bażi legali għal kull talba tal-Kummissjoni għal ħlas lura (sentenza ta' l-24 ta' Jannar 2002, Conserve Italia vs il-Kummissjoni, C-500/99 P, Ġabra p. I-867, punt 88).
58. B'mod partikolari, meta l-eżami tal-każ juri li, minħabba l-eżistenza ta' irregolarità, parti mill-għajnuna finanzjarja mhijiex ġustifikata, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni li tnaqqas l-għajnuna.
59. Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna finanzjarja tal-FSE bl-ammont li jikkorrispondi għall-irregolaritajiet ikkonstatati u bl-għan uniku li teskludi l-infiq illegali jew li mhuwiex ġustifikat mill-ko-finanzjament Komunitarju.
60. Jirriżulta li t-tnaqqis effettwat b'dak il-mod huwa konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
61. Għaldaqstant, it-tielet raġuni mqajjma mill-Irlanda hija mingħajr bażi.
Fuq ir-raba' raġuni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta' l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali
62. Permezz tar-raba' raġuni tagħha, l-Irlanda ssostni li meta l-Kummissjoni staqsietha biex tivverifika u tbiddel it-talbiet għal ko-finanzjament fil-kors ta' l-iskambji li seħħew wara li kienet wettqet il-kontrolli fuq il-post permezz tas-servizzi tagħha, il-Kummissjoni ħolqot l-aspettattiva leġittima li hija kienet se tieħu in kunsidrazzjoni dawk it-talbiet għal ko-finanzjament riveduti. Barra minn hekk, din l-aspettattiva leġittima kienet imsaħħa mill-fatt li, fil-prassi preċedenti tagħha, il-Kummissjoni kienet awtorizzat ir-reviżjoni ta' tali talbiet meta nfiq ineliġibbli kien ġie identifikat.
63. Barra minn hekk, l-Irlanda tikkunsidra li bil-fatt li ddiżappuntat din l-aspettattiva u bil-fatt li bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq regoli li ma kienux fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti jew li kienu impreċiżi, il-Kummissjoni vvjolat il-prinċipju taċ-ċertezza legali.
64. Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba l-irregolaritajiet ikkonstatati, l-awtoritajiet Irlandiżi ma kellhomx bażi biex jiffurmaw aspettattiva leġittima li l-ko-finanzjament mitlub kien se jingħatalhom. Fil-fatt, min-naħa, l-aspettattiva leġittima li l-benefiċjarju ta' għajnuna finanzjarja jista' jkollu dwar il-ħlas ta' l-għajnuna tispiċċa malli huwa jikkommetti irregolarità. Min-naħa l-oħra, m'hemm xejn li juri li l-awtoritajiet Irlandiżi ngħataw il-garanzija li t-talbiet għal ko-finanzjament ma kienx fihom xi irregolarità jew li dawn l-irregolaritajiet ma jagħtux lok għal tnaqqis fl-għajnuna finanzjarja mill-FSE.
65. Hija tikkunsidra li l-prinċipju taċ-ċertezza legali ġie osservat peress li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, hija sempliċement implimentat il-leġiżlazzjoni applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti, li skontha, il-ħlas lura tas-somom imħallsa indebitament mill-FSE jista' jintalab meta tiġi stabbilita irregolarità.
66. Fil-kawża preżenti, imkien ma jirriżulta mill-proċess li l-Kummissjoni tat xi garanziji preċiżi lill-Irlanda li setgħu jwasslu biex dan l-Istat Membru joħloq aspettattivi fondati li l-Kummissjoni se tieħu in kunsiderazzjoni t-talbiet għal ko-finanzjament riveduti u li ma kinitx se tnaqqas l-għajnuna finanzjarja relattiva għall-irregolaritajiet ikkonstatati.
67. Għaldaqstant, ma jistax jingħad li l-Kummissjoni vvjolat il-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.
68. Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, jekk il-Kummissjoni ma wettqitx il-korrezzjoni dovuta fir-rigward ta' sena preċedenti, iżda ttolerat xi irregolaritajiet minħabba raġunijiet ta' ekwità, l-Istat Membru kkonċernat ma jakkwistax ebda dritt li jitlob li jingħata l-istess trattament għall-irregolaritajiet imwettqa fis-sena finanzjarja ta' wara abbażi tal-prinċipju taċ-ċertezza legali jew ta' l-aspettattivi leġittimi (sentenzi tas-6 ta' Ottubru 1993, l-Italja vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 67; il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 12, u tas-6 ta' Diċembru 2001, il-Greċja vs il-Kummissjoni, C-373/99, Ġabra p. I-9619, punt 56).
69. Lanqas ma jista' jiġi kkunsidrat li l-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jirrikjedi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u li jfittex li jassigura li sitwazzjonijiet u relazzjonijiet ġuridiċi koperti mi d-dritt Komunitarju jkunu prevedibbli (sentenza tal-15 ta' Frar 1996, Duff et ., C-63/93, Ġabra p. I-569, punt 20), ġie vvjolat bid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-leġiżlazzjoni applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti kienet tipprovdi li l-Kummissjoni tista' tnaqqas l-għajnuna finanzjarja f'każ li sseħħ irregolarità.
70. Għaldaqstant, ir-raba' raġuni mqajjma mill-Irlanda hija mingħajr bażi.
71. Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal qabel, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
72. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż.