Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62003CJ0147
Judgment of the Court (Second Chamber) of 7 July 2005.#Commission of the European Communities v Republic of Austria.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Articles 12 EC, 149 EC and 150 EC - Conditions of access to university education - Discrimination.#Case C-147/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-7 ta' Lulju 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 12 KE, 149 KE u 150 KE - Kundizzjonijiet ta' aċċess għat-tagħlim ta' livell universitarju - Diskriminazzjoni.
Kawża C-147/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-7 ta' Lulju 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 12 KE, 149 KE u 150 KE - Kundizzjonijiet ta' aċċess għat-tagħlim ta' livell universitarju - Diskriminazzjoni.
Kawża C-147/03.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2005:427
SENTENZA TAL-QORTI (It-Tieni Awla)
7 ta’ Lulju 2005(*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 12 KE, 149 KE u 150 KE – Kundizzjonijiet ta' aċċess għat-tagħlim ta' livell universitarju – Diskriminazzjoni"
Fil-kawża C-147/03
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fil-31 ta’ Marzu 2003,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Bogensberger u D. Martin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
sostnuta minn
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski u T. Pynnä, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
parti intervenjenti
vs
Ir-Repubblika ta' l-Awstrija, irrappreżentata minn H. Dossi, E. Riedl, bħala aġenti assistiti minn C. Ruhs u H. Kasparovsky, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ħames Awla, bħala aġent President tat-Tieni Awla, C. Gulmann, J. Makarczyk (Relatur), P. Kūris u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: F. G. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-20 ta’ Jannar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tassigura li dawk il-persuni li għandhom diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju miksuba fi Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċedu għat-tagħlim ta' livell superjuri organizzat minnha taħt l-istess kundizzjonijiet ta' dawk li għandhom diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju miksuba fl-Awstrija, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 12 KE, 149 KE u 150 KE.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 L-Artikolu 3(1) KE jiddisponi:
"Għall-finijiet ta’ dak li hemm imsemmi fl-Artikolu 2, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu, kif provdut f’dan it-Trattat u skond il-programm li jinsab fih:
[…]
q) kontribuzzjoni għall-edukazzjoni u għat-taħriġ ta’ kwalità u sabiex jiffjorixxu l-kulturi ta’ l-Istati Membri".
3 L-ewwel subartikolu ta' l-Artikolu 12 KE jiddisponi:
"Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita."
4 Skond l-Artikolu 149 KE:
"1. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta' tagħlim u l-organizzazzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.
2. L-azzjoni komunitarja għandha tkun immirata lejn:
[...]
– l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi ir-rikonoxximent akkademiku ta' diplomi u perjodi ta' studju;
[...]
3. Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni, partikularment il- Kunsill ta' l-Ewropa.
[...]"
5 Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 150 KE:
"1. Il-Komunità għandha timplimenta politika ta' taħriġ vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissuplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.
2. L-azzjoni komunitarja għandha jkollha l-mira li:
[...]
– tħaffef l-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali u tinkoraġġixxi l-mobilità ta' l-edukaturi u ta' min ikun qiegħed jitħarreġ u partikolarment taż-żgħażagħ; [...]"
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 L-Artikolu 36 tal-liġi fuq l-istudji universitarji (Universitäts-Studiengesetz, iktar 'il quddiem l-"UniStG"), intitolat "diploma speċjali sabiex taċċedi għall-istudji universitarji" (Besondere Universitätsreife), jiddisponi:
"(1) Barra mid-diploma ta' studji sekondarji, l-istudenti għandhom juru wkoll li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' aċċess għal studi universitarji rikjesti għal kors partikolari, inluż id-dritt ta' aċċess immedjat għall-istudji, applikabbli fl-Istat li ħareġ iċ-ċertifikat li juri d-dritt ta' aċċess ġenerali għall-istudji
(2) Għal dak li jikkonċerna d-diplomi ta' studji sekondarji maħruġa fl-Awstrija, dawn jikkonċernaw eżamijiet addizzjonali ma' l-eżamijiet tad-diploma ta' studji sekondarji li huma previsti mill-Universitätsberechtigungsverordnung (regolament dwar l-aċċess għall-universitajiet), u li student ikun irid jgħaddi minnhom sabiex jiġi ammess għall-istudji universitarji.
(3) Jekk il-kors magħżul fl-Awstrija ma jeżistix fl-Istat li jkun ħareġ iċ-ċertifikat, il-kundizzjonijiet ta' aċċess rikjest għal dan il-kors għandhom jiġu sodisfatti minn kors li jeżisti fl-Istat li ħareġ iċ-ċertifikat u li huwa mill-aspett tal-kontenut tiegħu l-iktar qrib għall-kors magħżul fl-Awstrija.
(4) Il-Ministru Federali jista' jindika, permezz ta' regolament, gruppi ta' persuni li d-diploma ta' studji sekondarji tagħhom għandha titqies, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diploma speċifika ta' aċċess għall-istudji universitarji, kif maħruġa f'Awstrija minħabba r-rabtiet personali stretti ta' dawn il-persuni ma' l-Awstrija jew minħabba attività li twettqet f’isem ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
(5) Fuq il-bażi ta' ċertifikat prodott sabiex juri l-eżistenza tad-diploma ta' studji sekondarji, ir-rettur għandu jeżamina l-eżistenza tad-diploma speċifika ta' aċċess għall-istudji universitarji fir-rigward tal-kors magħżul."
Il-proċedura prekontenzjuża
7 Il-Kummissjoni ppreżentat lir-Repubblika ta' l-Awstrija, fid-9 ta' Novembru 1999, ittra ta' intimazzjoni li fiha kkonkludiet li l-Artikolu 36 ta' l-UniStG jmur kontra l-Artikoli 12 KE, 149 KE, 150 KE. Hija stiednet lir-Repubblika ta' l-Awstrija tippreżentalha l-osservazzjonijiet tagħha f'terminu ta' xahrejn.
8 Permezz ta' ittra tat-3 ta' Jannar 2000, ir-Repubblika ta' l-Awstrija rrispondiet għal din l-ittra ta' intimazzjoni.
9 Fid-29 ta' Jannar 2000, il-Kummissjoni nnotifikat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Awstrijaki, u dawn ta' l-aħħar irrispondewha permezz ta' ittra tat-3 ta' April 2001.
10 Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposti ppreżentati mir-Repubblika ta' l-Awstrija, il-Kummissjoni indirizzat lil din ta' l-aħħar, fis-17 ta' Jannar 2002, opinjoni motivata li fiha stiednitha tieħu, f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li dawk il-persuni li għandhom diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju miksuba fi Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċedu għat-tagħlim ta' livell superjuri jew universitarju Awstrijak taħt l-istess kundizzjonijiet ta' dawk li għandhom diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju miksuba fl-Awstrija
11 Peress li r-risposta tal-gvern Awstrijak, tat-22 ta' Marzu 2002, ma ġietx meqjusa sodisfaċenti mill-Kummissjoni, din ta' l-aħħar ressqet dan ir-rikors.
12 Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 2003, ir-Repubblika tal-Finlandja ġiet ammessa tintervjeni f’din il-kawża in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
Fuq it-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
13 Permezz ta' rikors tat-8 ta' Frar 2005, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Frar 2005, ir-Repubblika ta' l-Awstrija talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Hija bbażat it-talba tagħha fuq l-informazzjoni li ħarġet mill-mezzi tax-xandir wara s-seduta. Skond din l-informazzjoni, ħames Länder Ġermaniżi kienu qed jippjanaw li jintroduċu, mix-xitwa 2005-2006, ħlas ta' reġistrazzjoni ta' l-ammont ta' EUR 500. L-introduzzjoni ta' dan il-ħlas ta' reġistrazzjoni twassal sabiex jiġi miżmum l-effett regolatorju ta' l-aċċess għat-tagħlim ta' livell superjuri Awstrijak.
14 Barra minn hekk, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali jippermetti r-Repubblika ta' l-Awstrija tikkontesta l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali.
15 F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet li jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali (ara, b'mod parikolari, id-digriet ta' l-4 ta' Frar 2000, Emesa Sugar, C‑17/98, Ġabra p. I‑665, point 2).
16 Għal dak li jikkonċerna r-raġuni l-oħra mressqa mir-Repubblika ta' l-Awstrija, rigward il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali, jew fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C-209/01, Ġabra p. I-13389, punt 19 u tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry, C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 12).
17 Peress li din il-kawża ma tikkorrispondi għal ebda waħda minn dawn iż-żewġ ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li mhemmx lok li tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
18 Ir-Repubblika ta' l-Awsrtija tqis li r-rikors huwa inammissibbli peress li l-Kummissjoni biddlet is-suġġett tal-proċedura bejn il-fażi prekontenzjuża u dan ir-rikors. B'hekk, il-Kummissjoni sostniet, fir-rikors tagħha, li l-proċedimenti ma jikkonċernawx ir-rikonoxximent akkademiku tad-diplomi ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju kif imwettaq mill-awtoritajiet Awstrijaki filwaqt li, fl-opinjoni motivata, hija ddefinixxiet is-suġġett tal-proċedura bħala "il-kwistjoni tal-konformità mad-dritt Komunitarju tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tirregola r-rikonoxximent akkademiku tad-diplomi miksuba fi Stati membri oħra u l-aċċess ta' dawk li għandhom din id-diploma għat-tagħlim ta' livell superjuri".
19 Sussidjarjament, ir-Repubblika ta' l-Awsrtija tqis li r-rikors huwa inammissbbli minħabba r-raġuni relatata mas-setgħa regolatorja ta' l-awtoritajiet Awstrijaki li tirriżulta mill-Artikolu 36(4) ta' l-UniStG, peress li l-Kummissjoni tiżviluppa, fir-rikors tagħha u għall-ewwel darba, argument f'dan ir-rigward.
20 Bħala risposta, il-Kummissjoni ssostni li s-suġġett tal-proċedura mibdija kontra r-Repubblika ta' l-Awstrija baqgħet identika bejn il-fażi prekontenzjuża u dan ir-rikors. B'mod partikolari, hija tenfasizza li, fl-ittra ta' intimazzjoni addizzjonali li hija indirizzat lir-Repubblika ta' l-Awstrija, hija indikat li s-suġġett tal-proċedura kien jikkonċerna biss il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka mat-Trattat KE għal dak li jikkonċerna l-aċċess għat-tagħlim ta' livell superjuri ta' dawk li għandhom din id-diploma ta' studji sekondarji miksuba fl-Istati Membri l-oħra, b'esklużjoni tar-rikonoxximent akkademiku ta' diplomi.
21 Rigward l-Artikolu 36(4) ta' l-UniStG, il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma kellhiex il-ħsieb li tinvoka lment ġdid. Hija kellha biss il-ħsieb li tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-fatt li din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta kontra ċittadini ta' Stati Membri oħra, kienet issostitwiet dispożizzjoni simili li kienet toħloq diskriminazzjoni diretta bbażata fuq iċ-ċittadinanza. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ma invokatx ilment ġdid, iżda wriet biss il-fatt li, jekk hija taċċetta l-argument tar-Repubblika ta' l-Awstrija li l-Artikolu 36 ta' l-UniStG ma joħloqx diskriminazzjoni diretta, dan jikkostitwixxi madankollu diskriminazzjoni moħbija.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
22 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li jippreżenta b'mod effettiv id-difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 23; tal-15 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-435/99, Ġabra p. I‑305, punt 10 u tas-27 ta' Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-185/00, Ġabra p. I‑14189, punt 79).
23 Minn dan isegwi li l-ittra ta' intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll l-opinjoni motivata maħruġa minn din jiddelimitaw is-suġġett tal-kawża li, għaldaqstant, ma jistax jiġi estiż iktar. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq ilmenti identiċi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta' Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-191/95, Ġabra p. I‑5449, punt 55; tat-11 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-139/00, Ġabra p. I‑6407, punt 18 u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 80).
24 Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi estiż b'tali mod li jimponi, f'kull każ, koinċidenza perfetta bejn it-terminoloġija ta' l-ilmenti fl-ittra ta' intimazzjoni, id-dispożittiv ta' l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, peress li s-suġġett tal-kawża, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, ma ġiex estiż jew imbiddel (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitatati iktar 'il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 56; Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 19 u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punt 81).
25 Għandu jiġi kkonstatat li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ma biddlitx is-suġġett tal-kawża bejn il-fażi prekontenzjuża u dik kontenzjuża. Fil-fatt, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni fformulat ilmenti u raġunijiet identiċi għal dawk imsemmija fiż-żewġ ittri ta' intimazzjoni u fl-opinjoni motivata. B'hekk, ir-Repubblika ta' l-Awstrija kienet debitament informata bin-natura tal-ksur tad-dritt Komunitarju invokat mill-Kummissjoni u b'mod iktar partikolari bin-natura indirettament diskriminatorja tad-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni, li kkonċernat għaldaqstant il-kundizzjonijiet ta' aċċess għas-sistema ta' edukazzjoni ta' livell superjuri u universitarju Awstrijaka għall-istudenti li għandhom diplomi ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju ta' Stati Membri oħra.
26 Għal dak li jikkonċerna l-ilment fuq l-Artikolu 36(4) ta' l-UniStG, il-Kummissjoni indikat b'mod ċar li hija rreferiet għalih biss sabiex turi l-fatt li dan il-paragrafu ssostitwixxa dispożizzjoni simili li kienet direttament diskriminatorja. Għaldaqstant, dan mhuwiex ilment ġdid.
27 Min dan isegwi li l-Kummissjoni la biddlet u lanqas estendiet is-suġġett tal-kawża fir-rikors tagħha, u li r-rikors huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu
Fuq il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju
L-argumenti tal-partijiet
28 Il-Kummissjoni tqis li d-diskriminazzjoni li tinsab l-Artikolu 36 ta' l-UniStG tirrigwarda biss il-kundizzjonijiet ta' aċċess għat-tagħlim ta' livell superjuri jew universitarju Awstrijak li hija kwistjoni li taqa', skondha, taħt il-kamp ta' applikazzjoni materjali tat-Trattat.
29 Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis ukoll, in sostenn tal-Kummissjoni, li r-rikors jirrigwarda biss il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni, għat-tagħlim ta' livell superjuri Awstrijak, ta' dawk li għandhom diplomi miksuba fi Stat Membru ieħor u li ma jaffettwax il-kwistjoni tar-rikonoxximent akkademiku tad-diplomi.
30 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li l-Artikolu 36 ta' l-UniStG jirregola r-rikonoxximent ta' diplomi ta' livell sekondarju għall-aċċess għall-universitajiet Awstrijaki. Issa, hija ssostni li r-rikonoxximent akkademiku tad-diplomi għall-bidu jew għat-tkomplija ta' studji superjuri jew taħriġ ieħor ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 Skond l-Artikolu 12(1) KE, fil-kamp ta' l-applikazzjoni tat-Trattat, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali previsti minnu, kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza hija projbita.
32 Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 25 tas-sentenza tat-13 ta' Frar 1985, Gravier (293/83, Ġabra 593), il-kundizzjonijiet ta' aċċess għat-taħriġ vokazzjonali jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat (ara wkoll is-sentenza ta' l-1 ta' Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-65/03, Ġabra p. I-6427, punt 25).
33 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li kemm it-tagħlim ta' livell superjuri kif ukoll it-tagħlim universitarju jikkostitwixxu taħriġ vokazzjonali (ara s-sentenzi tat-2 ta' Frar 1988, Blaizot, 24/86, Ġabra p.379, punti 15 sa 20 u tas-27 ta' Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju 42/87, Ġabra p. 5445, punti 7 u 8).
34 F'dan il-każ, l-Artikolu 36 ta' l-UniStG jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' aċċess għat-tagħlim ta' livell superjuri jew universitarju fl-Awstrija. F'dan ir-rigward, huwa jipprevedi li dawk li għandhom diplomi ta' livell sekondarju miksuba fi Stati Membri oħra, apparti mill-kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess għall-istudji ta' livell superjuri jew universitarju, l-istudenti għandhom juru wkoll li jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifiċi ta' aċċess għall-kors magħżul stabbiliti mill-Istat li ħareġ dawn id-diplomi u li jagħtu d-dritt ta' ammissjoni diretta għal dawn l-istudji.
35 F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata fid-dawl tat-Trattat u, b'mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta' non diskriminazzjoni bbażata fuq ċittadinanza li tinsab fl-Artikolu 12 KE.
Fuq ir-raġuni bbażata fuq ksur tad-dritt Komunitarju
L-argumenti tal-partijiet
36 Il-Kummissjoni ssostni li d-dritt għall-ugwaljanza ta' trattament imniżżel fl-Artikolu 12 jinkludi neċessarjament, inkella jiġi pprivat minn kull effett utli, id-dritt li dawk li għandhom diplomi miksuba fi Stat Membru ieħor, ladarba d-diploma tagħhom titqies ekwivalenti, ma jiġux sottomessi għal kundizzjonijiet li mhumiex imposti fuq studenti li kisbu d-diploma tagħhom fl-Awstrija sabiex jaċċedu għall-istess kors tat-tagħlim ta' livell superjuri jew universitarju Awstrijak.
37 Issa, skond l-Artikolu 36(4) ta' l-UniStG, l-aċċess ta' dawk li għandhom diplomi miksuba li Stat Membru ieħor għal ċerti korsijiet ta’ tagħlim ta' livell superjuri jew universitarju Awstrijak huwa suġġett għal kundizzjoni li mhijiex imposta fuq dawk li għandhom diplomi ta' livell sekondarju miksuba fl-Awstrija.
38 Il-Kummissjoni ssostni li din il-kundizzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta peress li, anki jekk iċ-ċittadini Awstrijaki li kisbu diploma fi Stat Membru ieħor huma suġġetti wkoll għal din l-istess kundizzjoni, din taffettwa iktar iċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra milli ċ-ċittadini Awstrijaki.
39 Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis, bħall-Kummissjoni, li l-kundizzjoni mniżżla fl-Artikolu 36 ta' l-UniStG, li ma tikkonċernax dawk li għandhom diplomi Awstrijaki ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju, tmur kontra d-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-Artikolu 12 KE.
40 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni li l-aċċess għall-istudji ta' livell superjuri huwa suġġett, fl-Awstrija, għal proċedura f'żewġ fażijiet li tikkonsisti, l-ewwel, fir-rikonoxximent, fuq bażi ta’ ugwaljanza, tad-diplomi mogħtija wara l-istudji sekondarji u, it-tieni, fil-verifika ta' kundizzjonijiet oħra. L-ammissjoni għall-universitajiet Awstrijaki hija, fil-verita, suġġetta għall-prova ta’ kapaċità ġenerali u ta’ kapaċità partikolari għall-istudji universitarji u ebda kundizzjoni oħra ħlief ir-rikonoxximent akkademiku tal-kwalifika li tagħti aċċess għall-istudji universitarji ma hija meħtieġa.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
41 Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ovvji, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom moħbija kollha ta’ diskriminazzjoni li, skond kriterji ta’ distinzjoni oħra, fil-fatt iwasslu għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 1974, Sotgiu, 152/73, Ġabra p. 153, punt 11; ta' l-1 ta' Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28 u tal-15 ta' Marzu 2005, Bidar, C-209/03, li għad ma ġietx ippubbilkata fil-Ġabra, punt 51).
42 F'dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni tistabbilixxi li studenti li kisbu d-diploma tagħhom ta' studji sekondarji fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika ta' l-Awstrija u li jixtiequ jsegwu l-istudji superjuri jew universitarji tagħhom f'kors partikolari ta’ tagħlim Awstrijak għandhom mhux biss jipproduċu l-imsemmija diploma, iżda wkoll juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-istudji superjuri jew universitarji fl-Istat li fih dawn kisbu d-diploma tagħhom, bħal, b'mod partikolari, li għaddew minn eżami għad-dħul jew il-kisba ta' livell suffiċjenti sabiex ikunu inklużi fin-numerus clausus.
43 B'hekk jidher li l-Artikolu 36 ta' l-UniStG introduċa mhux biss differenza ta' trattament bi ħsara għall-istudenti li kisbu d-diploma ta' studji sekondarji tagħhom fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika ta' l-Awstrija, iżda wkoll li bejn dawn l-istess studenti, skond f'liema Stat Membru huma kisbu d-diploma tagħhom ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju.
44 Issa, il-faċilitajiet maħluqa mit-Trattat fil-qasam ta' moviment liberu mhumiex kompletament effettivi jekk persuna tiġi ppenalizzata bis-sempliċi fatt li hija tkun użathom. Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam ta' l-edukazzjoni fid-dawl ta' l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 3(1)(q) KE, u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 149(2) KE, jiġifieri l-inċentivazzjoni tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema (ara s-sentenza tal-11 ta' Lulju 2002, D'Hoop, C-224/98, Ġabra p. I‑6191, punti 30 sa 32).
45 Barra minn hekk, il-ġurisprudenza stabbiliet li l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u b’hekk jippermetti lil dawk fosthom li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni jiksbu, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenzi ta' l-20 ta' Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 31, u s-sentenza D’Hoop, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28).
46 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tagħti żvantaġġ lil dawk li għandhom diplomi ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju miksuba fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika ta' l-Awstrija, peress li dawn ma jistgħux jaċċedu għat-tagħlim ta' livell superjuri Awstrijak taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li għandhom diploma Awstrijaka ekwivalenti.
47 B'hekk, għalkemm l-Artikolu 36 ta' l-UniStG huwa applikabbli għall-istudenti kollha, dan jista' jaffettwa iktar liċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra milli ċ-ċittadini Awstrijaki, b'mod li d-differenza fit-trattament stabbilit minn din id-dispożizzjoni tinvolvi diskriminazzjoni indiretta.
48 Konsegwentement, id-differenza fit-trattament in kwistjoni tista' tiġi ġġustifikata biss jekk hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonati ma l-għan leġittimu mfittex mid-dritt nazzjonali (sentenzi ta' l-24 ta' Novembru 1998, Bickel u Franz, C-274/96, Ġabra p. I‑7637, punt 27 u D’Hoop, iċċitata iktar 'il-fuq, punt 36).
Fuq il-ġustifikazzjoni ta' diskriminazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni ta' l-omoġeneità tas-sistema ta' edukazzjoni ta' livell superjuri jew universitarju Awstrijaka
49 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li l-ġustifikazzjoni ta' trattament differenti li tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 12 mhijiex limitata għar-raġunijiet ta' ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika u li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li diskriminazzjonijiet ibbażati fuq in-nazzjonalità teżisti fil-każijiet ta' diskriminazzjoni indiretta.
50 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tinvoka, f'dan ir-rigward, il-protezzjoni ta' l-omoġeneità tas-sistema ta' taħriġ Awstrijaka. Billi bbażat ruħha, b'analoġija, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija ssostni li, jekk ma jittieħdux in kunsiderazzjoni d-drittijiet disponibbli fil-pajjiż ta' oriġini, hija tista' tistenna li numru ta' persuni li kisbu d-diploma fl-Istati Membri jippruvaw isegwu taħriġ universitarju jew tagħlim ta' livell superjuri fl-Awstrija u li din is-sitwazzjoni toħloq problemi ta' ordni strutturali, ta' persunal u ta' finanzi (ara s-sentenzi tat-28 ta' April 1998, Kohll, C-158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 41 u tat-12 ta' Lulju 2001, Vanbraekel et, C-368/98, Ġabra p. I‑5363, punt 47).
51 Il-Kummissjoni ssostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari s-sentenzi tal-15 ta' Ottubru 1969, Ugliola (15/69, Ġabra p. 363) u ta' l-14 ta' Novembru 1995, Svensson u Gustavsson (C-484/93, Ġabra p. I‑3955), li miżura diskriminatorja tista' tiġi ġġustifikata biss minn raġunijiet derogatorji espressament iċċitati mit-Trattat, jiġifieri l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika. Madankollu, ebda raġuni ta' dan it-tip ma tista' tiġi invokata mir-Repubblika ta' l-Awstrija.
52 Barra minn hekk, ir-rikonoxximent li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka tista' tiġi ġġustifikata minn raġunijiet oħra barra dawk li huma espresament previsti mit-Trattat jirrendi, skond il-Kummissjoni, il-kunċett ta' diskriminazzjoni indiretta mingħajr skop, kif jirriżulta mis-sentenza Sotgiu, iċċitata iktar 'il fuq, jiġifieri diskriminazzjoni li, għalkemm ibbażata fuq kriterju apparentement newtrali, fil-fatt twassal għall-istess riżultat ta' diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.
53 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, f'kull każ, l-Artikolu 36 ta' l-UniStG jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.
– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni ta' abbuż tad-dritt Komunitarju
54 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-7 ta' Frar 1979, Knoors (115/78, Ġabra p.399), u tat-3 ta' Ottubru 1990, Bouchoucha (C-61/89, Ġabra p. I-3551), irrikonoxxiet l-interess leġittimu li Stat Membru jista' jkollu li jimpedixxi li ċerti ċittadini tiegħu, bis-saħħa tal-faċilitajiet maħluqa mit-Trattat, jaħarbu abbużivament mill-influwenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam ta' taħriġ vokazzjonali u li d-dritt Komunitarju ma jippermettix li wieħed jaħrab mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta' taħriġ vokazzjonali.
55 Bħala risposta, il-Kummissjoni tfakkar li, permezz tas-sentenza tagħha tal-21 ta' Novembru 2002, X u Y (C-436/00, Ġabra p. I‑10829), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-eżistenza ta' mġiba abbużiva jew frawdolenti għandha tkun is-suġġett ta' eżami individwali, każ każ, u għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, u li s-sempliċi fatt li wieħed jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu ma jistax jitqies li huwa abbuż (sentenza tad-9 ta' Marzu 1999, Centros, C-212/97, Ġabra p. I‑1459).
– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq konvenzjonijiet internazzjonali
56 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li l-Artikolu 36 ta' l-UniStG huwa konformi mal-Konvenzjonijiet konklużi fil-qasam tal-Kunsill ta' l-Ewropa, f'dan il-każ dik tal-11 ta' Diċembru 1953 fuq l-ekwivalenza tad-diplomi li jwasslu għal ammissjoni fl-istabbilimenti universitarji (Serje ta’ Trattati Ewropej Nru 15, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' l-1953") u dik tal-11 ta' April 1997, fuq ir-rikonoxximent tal-kwalifiki relatati mat-tagħlim ta' livell superjuri fir-Reġjun Ewropew (Serje ta’ Trattati Ewropej Nru 15, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' l-1997").
57 Il-Kummissjoni tfakkar li skond l-Artikolu 307 KE, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konkluż qabel id-data ta' adeżjoni bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat terz wieħed jew iktar, m'għandux jintlaqat mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat. Madankollu, sa fejn dan il-ftehim mhuwiex kompatibbli ma' dan it-Trattat, l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni biex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet ikkonstatati.
58 Hija tirreferi wkoll għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li għalkemm l-Artikolu 307 jippermetti li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali konkluż qabel it-Trattat vis-à-vis l-Istati terzi, dan ma jawtorizzahomx jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw minn tali ftehim fir-relazzjonijiet intrakomunitarji (sentenza tat-2 ta' Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-473/93, Ġabra p. I‑3207, punt 40).
59 Konsegwentement, skond il-Kummissjoni, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ma tistax tinvoka l-Konvenzjoni ta' l-1953. Lanqas il-Konvenzjoni ta' l-1997 ma tista' tiġi invokata peress li din ġiet konkluża wara l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq protezzjoni ta' l-omoġeneità tas-sistema ta' edukazzjoni ta' livell superjuri jew universitarju Awstrijaka
60 Għandu jiġi mfakkar, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 47 ta' din is-sentenza, li l-Artikolu 36 ta' l-UniStG ħoloq diskriminazzjoni indiretta, peress li dan jista' jaffettwa iktar lill-istudenti ta' Stati Membri oħra milli l-istudenti Awstrijaki. Barra minn hekk, mit-trattazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka hija intiża li tirrestrinġi l-aċċess għall-universitajiet nazzjonali ta' dawk li kisbu d-dipolma tagħhom fi Stati Membri oħra.
61 Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, talba eċċessiva ta' aċċess għal ċertu taħriġ tista' tintlaqa' permezz ta' l-adozzjoni ta' miżuri mhux diskriminatorji speċifiċi bħal eżami ta' dħul jew ir-rekwiżit ta' livell minimu, u b'hekk jiġi osservat l-Artikolu 12 KE.
62 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-riskji msemmija mir-Repubblika ta' l-Awstrija mhumiex speċifiċi għas-sistema ta' edukazzjoni ta' livell superjuri jew universitarju tagħha, iżda ġew sostnuti u għadhom jiġu sostnuti minn Stati Membri l-oħra. Fost dawn l-Istati Membri jinsab ir-Renju tal-Belġju li kien stabbilixxa restrizzjonijiet simili li ġew meqjusa inkompatibbli mal-ħtiġijiet tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza ta' l-1 ta' Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar 'il fuq).
63 Għandu jingħad ukoll li huma l-awtoritajiet nazzjonali li jinvokaw deroga għall-prinċipju fundamentali ta' moviment liberu ta' persuni li għandhom jipprovaw, f'kull każ partikolari, li r-regoli tagħhom huma neċessarji u proporzjonati ma' l-għan imfittex. Ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom ikollhom magħhom analiżi ta‘ l-adattezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll elementi preċiżi li jissostanzjaw l-argument tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta' Novembru 2003, Lindman, C-42/02, Ġabra p. I‑13519, punt 25 u tat-18 ta' Marzu 2004, Leichtle, C‑8/02, Ġabra p. I-2641, punt 45).
64 F'dan il-każ, waqt is-seduta r-Repubblika ta' l-Awstrija sostniet biss li, fil-kors tal-mediċina, in-numru ta' reġistrazzjonijiet jista' jitla' għal ħames darbiet iktar min-numru tal-postijiet disponibbli u dan jhedded l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta' edukazzjoni ta' livell superjuri Awstrijaka u, konsewentement, l-eżistenza tagħha wkoll.
65 Għandu jiġi enfasizzat li ebda estimi fuq il-korsijiet l-oħra ma ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja u li r-Repubblika ta' l-Awstrija rrikonoxxiet li ma kellhiex iktar ċifri f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Awstrijaki rrikonoxxew in-natura essenzjalment preventiva tad-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni.
66 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika ta' l-Awstrija ma wrietx li, fin-nuqqas ta' l-Artikolu 36 ta' l-UniStG, l-eżistenza tas-sistema ta' edukazzjoni Awstrijaka in ġenerali u l-protezzjoni ta' l-omoġeneità tat-tagħlim ta' livell superjuri in partikolari jkunu fil-periklu. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni mhijiex kompatibbli ma' l-għanijiet tat-Trattat.
– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni ta' abbuż tad-dritt Komunitarju
67 It-tieni nett, il-gvern Awstrjak ressaq ġustifikazzjoni, ibbażata fuq in-neċessità għall-Istati Membri li jipprevjenu abbuż tad-dritt Komunitarju, billi enfasizza l-interess leġittimu li Stat Membru jista' jkollu li jimpedixxi li ċerti ċittadini tiegħu, bis-saħħa tal-faċilitajiet maħluqa mit-Trattat, jaħarbu abbużivament mill-influwenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam ta' taħriġ vokazzjonali.
68 Skond il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta' mġiba abbużiva jew frawdolenti għandha tkun is-suġġett ta' eżami individwali, każ każ, u għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi (ara s-sentenzi, iċċittati iktar 'il fuq, Centros, punti 24 u 25, kif ukoll X u Y, punti 42 u 43).
69 Għandu jiġi mfakkar ukoll li t-tieni inċiż l-Artikolu 149(2) KE jipprevedi espressament li l-azzjoni Komunitarja għandha tkun intiża li tinkorraġixxi l-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia, billi tinkoraġġixxi r-rikonoxximent akkademiku ta' diplomi u perjodi ta' studju. Barra minn hekk, it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 150(2) KE jiddisponi li l-azzjoni Komunitarja għandha tkun intiża li tħaffef l-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali u tinkoraġġixxi l-mobilità ta' l-edukaturi u ta' min ikun qiegħed jitħarreġ u partikolarment taż-żgħażagħ.
70 F'dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għal student ta' l-Unjoni Ewropea, li jkun kiseb id-diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju tiegħu fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika ta' l-Awstrija, li jaċċedi għat-tagħlim ta' livell superjuri jew universitarju Awsitrijak taħt l-istess kundizzjonijiet tikkostitwixxi l-essenza stess tal-prinċipju tal-moviment liberu ta' l-istudenti, iggarantit mit-Trattat u ma tistax, għaldaqstant, tikkostitwixxi fiha nfisha użu abbużiv ta' dan id-dritt.
– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq konvenzjonijiet internazzjonali
71 It-tielet nett, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li l-Artikolu 36 ta' l-UniStG huwa konformi mal-Konvenzjonijiet ta' l-1953 u ta' l-1997.
72 F'dan ir-rigward hemm lok li jiġi kkonstatat li, skond l-Artikolu 307 KE, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konkluż qabel id-data ta' adeżjoni bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat terz wieħed jew iktar, m'għandux jintlaqat mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat. Madankollu, sa fejn dawn il-ftehim mhuwiex kompatibbli ma' dan it-Trattat, l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni biex jitneħħew l-inkompatibilitajiet ikkonstatati.
73 Hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm l-Artikolu 307 jippermetti li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali konkluż qabel it-Trattat vis-à-vis l-Istati terzi, dan ma jawtorizzahomx jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw minn tali ftehim fir-relazzjonijiet intrakomunitarji (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40, u ta' l-1 ta' Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-203/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57 sa 59).
74 Konsegwentement, ir-Repubblika ta' l-Awstrija la tista' tivoka bħala ġustifikazzjoni l-Konvezjoni ta' l-1953 u lanqas, iktar u iktar, dik ta' l-1997, li ġiet konkluża wara l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija ma' l-Unjoni.
75 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tassigura li dawk il-persuni li għandhom diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju miksuba minn Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċedu għat-tagħlim ta' livell superjuri organizzat minnha taħt l-istess kundizzjonijiet ta' dawk li għandhom diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju miksuba fl-Awstrija, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 12 KE, 149 KE u 150 KE.
Fuq l-ispejjeż
76 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta' l-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeciedi
1) Billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tassigura li dawk il-persuni li għandhom diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju miksuba minn Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċedu għat-tagħlim ta' livell superjuri organizzat minnha taħt l-istess kundizzjonijiet ta' dawk li għandhom diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju miksuba fl-Awstrija, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 12 KE, 149 KE u 150 KE.
2) Ir-Repubblika ta' l-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.