EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CJ0028

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-30 ta' Ġunju 2005.
Tod's SpA u Tod's France SARL vs Heyraud SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de grande instance de Paris - Franza.
Ugwaljanza ta' trattament - Prinċipju ta' non-diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza - Dritt ta' l-awtur u drittijiet relatati.
Kawża C-28/04.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2005:418

62004J0028



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-28/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal de grande instance de Paris (Franza), permezz ta' deċiżjoni tal-5 ta' Diċembru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Jannar 2004, fil-proċedura

Tod's SpA,

Tod's France SARL

vs

Heyraud SA,

fil-preżenza ta':

Technisynthèse,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), il-President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen, P. Kris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

- għal Tod's SpA u Tod's France SARL, minn C. de Haas, avukat,

- għal Heyraud SA u Technisynthèse, minn C. Menage, avukat,

- għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Bodard-Hermant, bħala aġenti,

- għall-Gvern Taljan, minn I.M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Banks, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, biex tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 12 KE.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Tod's SpA (iktar 'il quddiem "Tod's") u Tod's France SARL (iktar 'il quddiem "Tod's France"), l-atturi fil-kawża prinċipali, u Heyraud SA (iktar 'il quddiem Heyraud, il-konvenut fil-kawża prinċipali, u Technisynthèse, intervenjenti fil-kawża prinċipali, rigward azzjoni ta' falsifikar ta' mudelli ta' żraben.

Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

3. L-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta' Berna għall-protezzjoni tax-xogħolijiet letterarji u artistiċi (Att ta' Pariġi ta' l-24 ta' Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta' Settembru 1979 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Berna"), jgħid:

"Hija leġiżlazzjoni tal-pajjiżi ta' l-Unjoni [għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awturi fuq ix-xogħlijiet letterarji u artistiċi tagħhom, iktar 'il quddiem l-'Unjoni'] li tirregola l-qasam ta' l-applikazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw ix-xogħlijiet ta' l-arti applikata u d-disinji u mudelli industrijali, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta' protezzjoni ta' dawk ix-xogħlijiet, disinji u mudelli, [...]. Xogħlijiet protetti unikament bħala disinji u mudelli fil-pajjiż ta' oriġini, f'pajjiż ieħor ta' l-Unjoni huma ntitolati biss għal dik il-protezzjoni speċjali li hija mogħtija f'dak il-pajjiż lil disinji u mudelli; madankollu, jekk protezzjoni speċjali bħal din ma tingħatax f'dak il-pajjiż, dawn ix-xogħlijiet għandhom jiġu protetti bħala xogħlijiet artistiċi."

4. Skond l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta' Berna:

L-awturi igawdu, għal dak li jikkonċerna x-xogħlijiet li għalihom huma protetti bis-saħħa ta' din il-Konvenzjoni, fil-pajjiżi ta' l-Unjoni barra l-pajjiż ta' oriġini tax-xogħol, id-drittijiet li l-liġijiet rispettivi jagħtu fiż-żmien preżenti jew li jistgħu jagħtu sussegwentement liċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll id-drittijiet speċjali mogħtija minn din il-Konvenzjoni.

5. L-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni ta' Berna jgħid:

Huwa kkunsidrat bħala pajjiż ta' oriġini:

a) għax-xogħijiet ippubblikati għall-ewwel darba f'wieħed mill-pajjiżi ta' l-Unjoni, dak il-pajjiż; madankollu, fil-każ ta' xogħlijiet ippubblikati simultanjament f'bosta pajjiżi ta' l-Unjoni li jagħtu żmien ta' protezzjoni differenti, dak il-pajjiż minn fosthom li l-leġiżlazzjoni tiegħu tagħti l-iqsar żmien ta' protezzjoni;

b) għax-xogħlijiet ippubblikati simultanjament f'pajjiż barra l-Unjoni u f'pajjiż ta' l-Unjoni, dan l-aħħar pajjiż;

c) għax-xogħlijiet li mhumiex ippubblikati jew għax-xogħlijiet ippubblikati għall-ewwel darba f'pajjiż barra l-Unjoni, mingħajr pubblikazzjoni simultanja f'pajjiż ta' l-Unjoni, il-pajjiż ta' l-Unjoni li tiegħu l-awtur huwa ċittadin; madankollu,

i) jekk dan jirrigwarda xogħlijiet ċinematografiċi li l-produttur tagħhom għandu s-sede jew ir-residenza normali tiegħu f'pajjiż ta' l-Unjoni, il-pajjiż ta' oriġini għandu ikun dan l-aħħar pajjiż, u

ii) jekk dan jirrigwarda xogħlijiet ta' arkitettura li nbnew f'pajjiż ta' l-Unjoni, jew xogħlijiet ta' arti grafika u skultura nkorporati f' bini li jinsab f'pajjiż ta' l-Unjoni, il-pajjiż ta' oriġini għandu jkun dan l-aħħar pajjiż.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Tod's hija kumpannija li taqa' taħt il-liġi Taljana li ssostni li għandha d-drittijiet intellettuali ta' propjetà artistiċi fuq iż-żraben distribwiti taħt it- trademarks Tod's u Hogan. Tod's France hija d-distributur ta' dawn iż-żraben fi Franza.

7. Billi saret taf li Heyraud kienet qed toffri għal bejgħ u li kienet qed tbiegħ taħt l-isem Heyraud, mudelli ta' żraben li kienu jirriproduċu jew, għall-anqas, kienu jimitaw il-karatteristiċi prinċipali tal-mudelli Tod's u Hogan, Tod's talbet għal rapport uffiċjali (constat d' huissier) fit-8 ta' Frar 2000. Fit-13 ta' Frar 2002, l-atturi fil-kawża ressqu lil Heyraud quddiem il-qorti tar-rinviju. Technisynthèse hija sussidjarja tal-grupp Eram li interveniet volontarjament fil-kawża għas-sostenn it-talbiet ta' Heyraud.

8. Is-suġġett tal-kawża prinċipali jikkonsisti, partikolarment, f'azzjoni ta' falsifikar ta' mudelli taż-żraben tat- trademark Tod's u Hogan, azzjoni li kontra tagħha Heyraud tressaq eċċezzjoni ta' inammissibilità bbażata fuq l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta' Berna. Heyraud issostni li, fl-applikazzjoni ta' dik id-dispożizzjoni, Tod's ma jistax titlob, fi Franza, il-protezzjoni tad-dritt ta' l-awtur fuq mudelli li ma jistgħux jiġu protetti b'dan il-mod fl-Italja.

9. Tod's irreplika, b'mod particolari li l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni skond l-Artikolu 12KE.

10. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-użu ta' l-espressjoni "huma intitolati biss għal" fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta' Berna, għandha bħala effett li ċċaħħad iċ-ċittadini ta' l-Unjoni li, fil-pajjiż ta' oriġini tax-xogħol tagħhom, jibbenefikaw biss mill-protezzjoni abbażi tad-dritt tad-disinji u mudelli l-possibiltà li jaġixxu fuq il-bażi tad-dritt ta' l-awtur fil-pajjiżi ta' l-Unjoni li jaċċettaw il-kumulu tal-protezzjonijiet.

11. Madankollu, skond din l-imsemmija qorti, jekk jidher li din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni skond iċ-ċittadinanza tas-sid tad-dritt ta' l-awtur, fir-rigward tad-dritt komunitajru jiġu xorta diskutibbli, peress li l-pajjiż ta' oriġini tax-xogħol "ippubblikat" jikkoinċidi l-iktar spiss mal-pajjiż li tiegħu min joħloq ix-xogħol huwa ċittadin jew li fih huwa għandu r-residenza normali tiegħu u minħabba li l-pajjiż ta' oriġini ta' xogħol "mhux ippubblikat" ikun, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5(4)(c) ta' l-imsemmija Konvenzjoni, il-pajjiż li tiegħu l-awtur huwa ċittadin.

12. Billi kkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawza mressqa quddiemha tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 12KE, it-tribunal de grande istance de Paris iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lil Qorti:

L-Artikolu 12 [...] KE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta' non-diskriminazzjoni għar-raġuni ta' ċittadinanza, jipprekludi li l-ammissibilità ta' awtur sabiex jitlob fi Stat Membru l-protezzjoni tad-dritt ta' l-awtur mogħti mill-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat tkun suġġetta għal kriterju ta' distinzjoni bbażat fuq il-pajjiż ta' oriġini tax-xogħol?

Osservazzjonijiet preliminari

13. Tod's u Tod's France jistaqsu dwar ir-rilevanza tad-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, huma jsostnu li l-kundizzjonijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta' Berna għall-kawża prinċipali ma ġewx sodisfatti. Barra minn dan, huma sorpriżi b'din id-domanda meta jiġi kkunsidrat il-fatt li teżisti direzzjoni ċara fil-ġurisprudenza Franċiża - li huma madankollu jikkontestaw - li tgħid li din id-dispożizzjoni ma tagħtix lok għal diskriminazzjoni.

14. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-applikabilità ta' dispożizzjonijiet nazzjonali jew, f'dan il-każ, internazzjonali, rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkunsidra, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati komunitarji u nazzjonali, il-kuntest leġiżlattiv li fih tidħol id-domanda preliminari, kif definita permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta' Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 10, u tat-13 ta' Novembru 2003, Neri, C-153/02, Ġabra p. I-13555, punti 34 u 35.

15. Fir-rigward ta' l-allegata direzzjoni fil-ġurisprudenza tal-qrati Franċiżi, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 234KE, kull qorti jew tribunal ta' wieħed mill-Istati Membri jista', jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni dwar kwistjoni ta' interpretazzjoni hija meħtieġa sabiex ikun jista' jagħti d-deċiżjoni tiegħu, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni (sentenza tas-6 ta' Ottubru 1982, Cilfit et , 283/81, Ġabra p. 3415, punt 6).

16. Barra minn dan, jekk il-parti l-kbira ta' l-osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw ukoll ta' l-inqas parzjalment, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/71/KE tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' disinji (ĠU L 289, p. 28), mhemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva.

17. Fil-fatt, għandu jiġi nnutat li d-domanda tal-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda biss l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 12KE. Minbarra dan, hekk kif sostniet korrettament il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-fatti fil-kawża prinċipali, li taw lok għal rapport uffiċjali (constat d' huissier) magħmul fit-8 ta' Frar 2000, seħħew qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 98/71, jiġifieri t-28 ta' Ottubru 2001.

Fuq id-domanda preliminari

18. Hemm lok li jiġi mfakkar li d-dritt ta' l-awtur u d-drittijiet relatati, li partikolarment minħabba l-effetti tagħhom fuq il-kummerċ interkomunitarju ta' beni u ta' servizzi, li jaqgħu fil-kamp ta' l-applikazzjoni tat-Trattat KE, huma neċessarjamemnt suġġetti għall-prinċipju ġenerali ta' non-diskriminazzjoni stabbilit fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 12 KE (sentenzi ta' l-20 ta' Ottubru 1993, Phil Collins et , C-92/92 u C-326/92, Ġabra p. I-5145, punt 27, u tas-6 ta' Ġunju 2002, Ricordi, C-360/00, Ġabra p. I-5089, punt 24).

19. Barra minn dan, hija ġurisprudenza kostanti li r-regoli ta' ugwaljanza ta' trattament bejn ċittadini u persuni li m'humiex ċittadini jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjoni ċara bbażata fuq iċ-ċittadinanza, imma wkoll il-forom moħbija ta' diskriminazzjoni kollha li, permezz ta' l-applikazzjoni ta' kriterji oħra ta' distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara, b'mod partikolari, sentenzi tat-23 ta' Jannar 1997, Pastoors u Trans-Cap, C-29/95, Ġabra p. I-285, punt 16, u tad-19 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni vs Italja, C-224/00, Ġabra p. I-2965, punt 15).

20. Mid-deċiżjoni tar-rinviju joħroġ l-applikazzjoni, fil-liġi nazzjonali ta' Stat Membru, ta' l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta' Berna twassal għal distinzjoni bbażata fuq il-kriterju tal-pajjiż ta' oriġini tax-xogħol. B'mod partikolari, minn din l-applikazzjoni jirriżulta li trattament vantaġġuż, jiġifieri il-benefiċċju ta' protezzjoni doppja bbażata, min-naħa, fuq id-dritt tad-disinji u mudelli kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq id-dritt ta' l-awtur, għandu jkun irrifjutat lill-awturi ta' xogħol li l-pajjiż ta' orġini tagħhom huwa Stat membru ieħor li għal dak ix-xogħol jagħti biss il-protezzjoni bbażata fuq id-dritt tad-disinji u tal-mudelli. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi trattament vantaġġjuż huwa mogħti, b'mod partikolari, lill-awturi ta' xogħol li l-pajjiż ta' oriġini tagħhom huwa l-ewwel Stat membru.

21. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk, billi ġie adottat kriterju ta' distinzjoni bbażat fuq il-pajjiż ta' oriġini tax-xogħol, l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni bħal dik ikkonċernata fil-kawża prinċipali tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba ċ-ċittadinanza skond il-ġurisprudenza ċitata fil-punt 19 ta' din is-sentenza.

22. Heyraud u Technisynthèse, kif ukoll il-Gvern Franċiż, isostnu li dan m'huwiex il-każ. Dan ta' l-aħħar isostni aktar partikolarment li, fid-dawl tal-mobbiltà kbira tal-kreaturi u l-aventi kawża tagħhom fil-qasam ta' l-arti applikata, il-lok ta' l-ewwel pubblikazzjoni ta' disinn jew ta' mudell ma jikkoinċidix neċessarjament maċ-ċittadinanza ta' l-awtur tiegħu u li, l-aktar spiss, koinċidenza bħal din ma teżistix. Minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta' Berna ma jisfavorixxix essenzjalment, jew fil-parti l-kbira tagħhom, iċ-ċittadini ta' l-Istati membri oħra u li din id-dispożizzjoni ma twassalx għaldaqstant għal diskriminazzjoni indiretta.

23. Dan l-argument ma jistax madankollu jintlaqa'.

24. Fil-fatt, l-eżistenza ta' konnessjoni bejn il-pajjiż ta' oriġini ta' xogħol skond il-Konvenzjoni ta' Berna, min-naħa, u ċ-ċittadinanza ta' l-awtur ta' dak ix-xogħol, min-oħra, ma tistax tiġi miċħuda.

25. Fir-rigward tax-xogħlijiet mhux ippubblikati, m'hemm ebda dubju fuq din il-konnessjoni peress li din hija espliċitament prevista fl-Artikolu 5(4) (c) tal-Konvenzjoni ta' Berna.

26. Fir-rigward tax-xogħlijiet ippubblikati, il-pajjiż ta' oriġini huwa fis-sustanza, hekk kif joħroġ ukoll mill-Artikolu 5(4)(a) ta' din il-Konvenzjoni, il-pajjiż fejn dik il-pubblikazzjoni isseħħ għall-ewwel darba. Mandankollu, ix-xogħlijiet ippubblikati għall-ewwel darba fi Stat Membru ikollhom bħala awtur, fil-parti kbira tal-każijiet, ċittadin ta' dak l-Istat Membru, filwaqt li x-xogħlijiet ippubblikati fi Stat Membru ieħor ġeneralment ikollhom bħala awtur persuna li mhijiex ċittadina ta' l-ewwel Stat Membru.

27. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni bħal dik ikkonċernata fil-kawża prinċipali tirriskja li topera prinċipalment għad-dannu taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri oħra u għaldaqstant tista' twassal għal diskriminazzjoni indiretta abbażi taċ-ċittadinanza (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punti 28 u 29, kif ukoll Pastoors u Trans-Cap, ċitat iktar 'il fuq, punt 17).

28. Madankollu, dik il-kostatazzjoni m'hijiex biżżejjed, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni hija inkompatibbli ma' l-Artikolu 12KE. Għal min jeħtieġ ukoll li l-applikazzjoni tagħha mhijiex iġġustifikata minn ċirkostanzi oġġettivi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-10 ta' Frar 1994, Mund & Fester, C-398/92, Ġabra p. I-467, punti 16 u 17, kif ukoll Pastoors u Trans-Cap, ċitat iktar 'il fuq, punt 19).

29. Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-Art ikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta' Berna huwa f'kull każ iġġustifikat minn għan leġittimu u li huwa xieraq u neċessarju għar-realizzazzjoni ta' dan il-għan.

30. Dan il-Gvern isostni li l-għan tal-Konvenzjoni ta' Berna huwa l-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi u li l-Artikolu 2(7) kif ukoll l-Artikolu 5(4) jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li fihom dawn ix-xogħlijiet huma protetti mid-dritt ta' l-awtur abbażi ta' kriterju oġġettiv ibbażat fuq il-liġi applikabbli għall-kwalifika tax-xogħol. Skond dan il-Gvern, meta kreazzjoni ma tistax tikkwalifika bħala xogħol artistiku fil-pajjiż fejn din ġiet ippubblikata għall-ewwel darba, hija ma tistax tiġi protetta b'dan il-mod fl-Istati Membri tal-Konvenzjoni ta' Berna billi hija ma teżistix bħala xogħol artistiku. Għaldaqstant, l-Artikolu 2(7) jirrigwarda mhux il-modalitajiet ta' l-eżerċizzju tad-dritt ta' l-awtur, imma l-liġi applikabbli għall-klassifikazzjoni artistika tax-xogħol.

31. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettux madankollu li jiġi konkluż li hemm ċirkostanzi oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni bħal dik ikkonċernata fil-kawża prinċipali.

32. Fil-fatt, hekk kif joħroġ mill-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta' Berna, din m'għandhiex bħala għan li tiddetermina l-liġi applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tax-xogħlijijet letterarji u artistiċi, imma hija tistabbilixxi, bħala regola ġenerali, sistema ta' trattament nazzjonali tad-drittijet ta' dawn ix-xogħlijiet.

33. L-Artikolu 2(7) ta' l-imsemmija konvenzjoni jinkludi min-naħa tiegħu hekk kif osservat b'mod korrett il-Kummissjoni, regola ta' reċiproċità li bis-saħħa tagħha pajjiż ta' l-Unjoni jagħti it-trattament nazzjonali, jiġifieri il-protezzjoni doppja, biss jekk il-pajjiż ta' oriġini tax-xogħol jagħmel l-istess ħaġa.

34. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta' l-obbligi li t-Trattat jew id-dritt sussidjarju jimponu lill-Istati Membri ma jistax jiġi suġġettat għal kundizzjoni ta' reċiproċità (sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, C-405/01, Ġabra p. I-10391, punt 61 u l-ġurisprudenza ċitata).

35. Peress li ebda ċirkostanza oġġettiva oħra ta' natura li tiġġustifika leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma ġiet invokata, din għandha tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretti minħabba ċ-ċittadinanza pprojbita mill-Artikolu 12KE.

36. Għaldaqstant it-tweġiba għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 12KE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta' non-diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, għandu jiġi nterpretat li fis-sens li jipprekludi l-ammissibilità ta' awtur li jitlob fi Stat Membru l-protezzjoni tad-dritt ta' l-awtur mogħtija mill-leġiżlazzjoni ta' l-istess Stat għandha tkun soġġetta għal kriterju ta' distinzjoni bbażat fuq il-pajjiż ta' oriġini tax-xogħol.

Dwar l-ispejjeż

37. Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' inċident imqajjem quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra minn dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Fuq