Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62003CJ0136

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-2 ta' Ġunju 2005.
    Georg Dörr vs Sicherheitsdirektion für das Bundesland Kärnten u Ibrahim Ünal vs Sicherheitsdirektion für das Bundesland Vorarlberg.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija.
    Moviment liberu tal-persuni - Ordni pubbliku - Direttiva 64/221/KEE - Artikoli 8 u 9 - Projbizzjoni ta' residenza u deċiżjoni ta' tkeċċija bbażati fuq ksur kriminali - Appell li jirrigwarda biss il-legalità tal-miżura li ttemm ir-residenza tal-persuna kkonċernata - Nuqqas ta' effett ta' sospensjoni ta' l-imsemmi appell - Dritt tal-persuna kkonċernata li tressaq kunsiderazzjonijiet ta' proprjetà quddiem awtorità msejħa tagħti opinjoni - Ftehim ta' assoċjazzjoni KEE-Turkija - Moviment liberu tal-ħaddiema - Artikoli 6(1) u 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.
    Kawża C-136/03.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2005:340

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    2 ta’ Ġunju 2005 (*)

    "Moviment liberu tal-persuni – Ordni pubbliku – Direttiva 64/221/KEE – Artikoli 8 u 9 – Projbizzjoni ta' residenza u deċiżjoni ta' tkeċċija bbażati fuq ksur kriminali – Appell li jirrigwarda biss il-legalità tal-miżura li ttemm ir-residenza tal-persuna kkonċernata – Nuqqas ta' effett ta' sospensjoni ta' l-imsemmi appell – Dritt tal-persuna kkonċernata li tressaq kunsiderazzjonijiet ta' proprjetà quddiem awtorità msejħa tagħti opinjoni – Ftehim ta' assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikoli 6(1) u 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni"

    Fil-kawża C-136/03

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), b'deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2003, fil-kawża

    Georg Dörr

    vs

    Sicherheitsdirektion für das Bundesland Kärnten,

    u

    Ibrahim Ünal

    vs

    Sicherheitsdirektion für das Bundesland Vorarlberg,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, S. von Bahr, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Poiares Maduro,

    Reġistratur: Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2004,

    wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

    –       għal B. Dörr u I. Ünal, minn W. Weh, Rechtsanwalt, u M. Alge,

    –       għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi u Burgstaller, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann, bħala aġent,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande kif ukoll minn D. Martin u H. Kreppel, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta' Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin li huma ġġustifikati għar-raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU 56, 1964, p. 850), kif ukoll ta' l-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta' l-assoċjazzjoni (iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Nru 1/80") [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim dwar il-ħolqien ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat f'Ankara fit-12 ta' Settembru 1963 mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem ta' din ta' l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta' Diċembru 1963 (ĠU 217, 1964, p. 3685, iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Assoċjazzjoni").

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' żewġ kawżi, waħda bejn B. Dörr, ċittadin Ġermaniż u l-Sicherheitsdirektion für das Bundesland Kärnten, u l-oħra bejn I. Ünal, ċittadin Tork u l-Sicherheitsdirektion für das Bundesland Vorarlberg, wara li dawn l-awtoritajiet nazzjonali ddeċidew li jtemmu r-residenza tal-persuni kkonċernati fit-territorju Awstrijak wara atti kriminali li huma kienu wettqu hemmhekk.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

     Id-Direttiva 64/221

    3       Id-Direttiva 64/221 tirreferi, skond l-Artikolu 1(1) tagħha, għaċ-ċittadini ta' Stat Membru li huma residenti fi, jew jivvjaġġaw lejn, Stat Membru ieħor tal-Komunità, sabiex jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata, bħala impjegati għal rashom, jew bħala destinatarji ta' servizzi.

    4       L-imsemmija Direttiva tirrigwarda, skond l-Artikolu 2(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet relatati b'mod partikolari mal-ħruġ jew mat-tiġdid tal-permess ta' residenza, jew mat-tkeċċija mit-territorju, li jiġu adottati mill-Istati Membri għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

    5       L-Artikolu 8 ta' l-istess Direttiva jipprovdi kif ġej:

    "Il-persuna kkonċernata għandu jkollha l-istess rimedji legali f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwalunkwe deċiżjoni dwar id-dħul, jew dwar ir-rifjut tal-ħruġ jew tat-tiġdid tal-permess tar-residenza, jew dwar l-ordni għat-tkeċċija mit-territorju, kif dawn ikun disponibbli għaċ-ċittadini ta' l-Istat ikkonċernat f'dak li għandu x'jaqsam ma' atti ta' l-amministrazzjoni."

    6       Skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221:

    "Fejn ma jkunx hemm ebda dritt għal appell quddiem qorti tal-liġi, jew fejn dan l-appell jista' jsir biss f'dak li għandu x'jaqsam mal-validità legali tad-deċiżjoni, jew fejn l-appell ma jkunx jista’ jkollu effett ta' sospensjoni, ma għandhiex tittieħed deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid tal-permess tar-residenza jew li tordna t-tkeċċija tad-detentur tal-permess tar-residenza mit-territorju mill-awtorità amministrattiva, minbarra f'każijiet ta' urġenza, sakemm ma tingħatax opinjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż [ospitanti] li fih il-persuna kkonċernata tkun tgawdi dawk id-drittijiet ta' difiża u ta' assistenza jew rappreżentanza bħalma jkun ipprovdut bil-liġi domestika ta' dak il-pajjiż.

    Din l-awtorità ma għandhiex tkun l-istess bħal dik li tingħata s-setgħa li tieħu d-deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid tal-permess tar-residenza jew li tordna t-tkeċċija."

     L-assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija

    7       Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għandu l-għan, skond l-Artikolu 2(1) tiegħu, li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti. Skond l-Artikolu 12 ta' l-imsemmi Ftehim, tali għan jintlaħaq partikolarment permezz tat-twettiq progressiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Skond ir-raba' premessa u skond l-Artikolu 28 ta' l-istess Ftehim, dan għandu l-għan li jtejjeb il-livell tal-ħajja tal-poplu Tork u mbagħad li jiffaċilita iktar l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità.

    8       Il-protokoll addizzjonali, iffirmat fit-23 ta' Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta' Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1, iktar 'il quddiem il-"protokoll addizzjonali"), jistabbilixxi, skond l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, il-metodi u l-iskedi ta' żmien għall-implementazzjoni tal-fażi tranżitorja msemmija fl-Artikolu 4 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Skond l-Artikolu 62 tiegħu, l-imsemmi protokoll huwa parti integrali minn dan il-Ftehim.

    9       Il-protokoll addizzjonali jinkludi Titolu II, intitolat "Moviment tal-persuni u tas-servizzi", bil-Kapitolu I tiegħu ddedikat għall-ħaddiema.

    10     L-Artikolu 36 tal-protokoll addizzjonali, li huwa parti minn dan il-Kapitolu I, jipprovdi:

    "Il-libertà tal-moviment ta' ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija għandha tkun assigurata fi stadji progressivi b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn it-tmiem tat-tnax u tat-tnejn u għoxrin sena wara d-dħul b'effett ta' dan il-Ftehim.

    Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi dwar ir-regoli meħtieġa għal dan il-għan."

    11     Id-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha l-iskop, skond it-tielet premessa tagħha, li ttejjeb, fil-qasam soċjali, it-trattament li jgawdu minnu l-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom.

    12     L-Artikoli 6, 7 u 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jinsabu fil-Kapitolu II tagħha, intitolat "Dispożizzjonijiet soċjali", bis-sezzjoni I li jittratta l-"Kwistjonijiet rigward l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema".

    13     L-Artikolu 6(1) jipprovdi hekk:

    "Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 dwar aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork li huwa parti mis-suq ta' l-impjieg ta' Stat Membru

    –       għandu dritt, f'dan l-Istat Membru, wara li jkun impjegat legalment għal sena, għat-tiġdid tal-permess tiegħu sabiex jaħdem għall-istess prinċipal, jekk l-impjieg għadu disponibbli

    –       għandu dritt f'dak l-Istat Membru, wara tliet snin ta' impjieg regolari u suġġett għal prijorità li tingħata lil ħaddiema ta' Stati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta' impjieg, fl-istess kategorija ta' xogħol, ma' prinċipal magħżul minnu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mas-servizzi ta' l-impjieg ta' dak l-Istat Membru;

    –       igawdi moviment liberu f'dak l-Istat Membru għal kull impjieg bi ħlas li jagħżel hu, u dan wara erba' snin ta' impjieg regolari." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    14     L-Artikolu 7 jirrigwarda l-aċċess liberu għall-impjieg tal-membri tal-familja ta' ħaddiem Tork li ġew awtorizzati jingħaqdu ma' dan ta' l-aħħar.

    15     L-Artikolu 14(1) jipprovdi:

    "Id-dispożizzjonijiet ta' din it-taqsima għandhom ikunu applikabbli salv għal limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta' ordni pubbliku, ta' sigurtà u ta' saħħa pubblika." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    16     L-Artikolu 10(2)(3) tal-liġi federali dwar id-dħul, is-soġġorn u l-istabbiliment tal-barranin (Fremdengesetz, iktar 'il quddiem il-"liġi dwar il-barranin"), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi li l-ħruġ ta' permess ta' residenza jista' jiġi miċħud b'mod partikolari jekk is-soġġorn tal-barrani għandu mnejn jhedded il-paċi, l-ordni u s-sigurtà pubblika.

    17     Skond l-Artikolu 34(1) u (2) ta' l-imsemmija liġi, il-barranin li għandhom soġġorn fit-territorju federali bis-saħħa ta' permess ta' residenza jew li għandhom residenza hemm waqt il-proċedura għall-għoti ta' permess ġdid ta' residenza jistgħu jitkeċċew jekk ikun hemm raġuni għal rifjut kontra l-ħruġ ta' permess ġdid ta' residenza.

    18     L-Artikolu 36(1) u (2) tal-liġi dwar il-barranin jipprovdi li tista' tinħareġ projbizzjoni ta' soġġorn kontra barrani jekk ċerti fatti jagħtu l-impressjoni li s-soġġorn tiegħu huwa ta' theddida għas-sigurtà u l-ordni pubbliku jew imur kontra interessi pubbliċi oħra msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950. Skond il-paragrafu (2)(1) ta' l-istess Artikolu, fatt fis-sens tal-paragrafu (1) jista' jikkonsisti b'mod partikolari fil-fatt li barrani ġie kkundannat minn qorti nazzjonali għal piena ta' priġunerija mhux sospiża ta' iktar minn tliet xhur, għal piena ta' priġunerija sospiża parzjalment, għal piena ta' priġunerija sospiża għal iktar minn sitt xhur jew li ġie kkundannat iktar minn darba għal reati bbażati fuq l-istess aġir kriminali.

    19     Il-paragrafu 48(1) tal-Fremdengesetz jipprovdi li projbizzjoni ta' residenza kontra ċittadin taż-żona ekonomika Ewropea jew kontra ċittadin ta' Stat terz privileġġat hija possibbli biss jekk l-aġir tal-persuna kkonċernata tkun theddida għall-ordni jew għas-sigurtà pubblika. Il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jippreċiża li dawn il-persuni, suġġetti ta' deċiżjoni ta' tkeċċija jew ta' projbizzjoni ta' residenza għandhom jingħataw ex officio sospensjoni ta' xahar għall-infurzar tas-sentenza, ħlief jekk kunsiderazzjonijiet ta' ordni pubbliku jew ta' sigurtà nazzjonali jeżiġu t-tluq minnufih tal-persuna kkonċernata.

    20     Skond l-Artikolu 88 ta' l-imsemmija liġi, l-awtoritajiet amministrattivi tad-distrett (Bezirksverwaltungsbehörde) għandhom jiddeċiedu, bla ħsara għal kull dispożizzjoni kontrarja, dwar il-projbizzjonijiet ta' residenza.

    21     L-Artikolu 66 tal-Kodiċi ta' proċedura amministrattiva (Allgemeine Verwaltungsverfahrensgesetz) fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali jipprovdi:

    "1) L-awtorità li quddiemha jitressaq l-appell għandha tinkariga lil awtorità ta’ grad inferjuri sabiex tinvestiga iktar jew tagħmel din hija stess.

    2) Jekk il-fatti tal-kawża huma f’dan il-punt insuffiċjenti għall-awtorità li quddiemha jitressaq l-appell, b’mod li jidher inevitabbli li għandha ssir jew tiġi rripetuta t-trattazzjoni orali, l-awtorità li quddiemha jitressaq l-appell tista' tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tirrinvija l-kawża, għall-finijiet ta' istruttorja ġdida u ta' deċiżjoni ġdida, lill-awtorità ta’ grad inferjuri.

    3) Madankollu, l-awtorità li quddiemha jitressaq l-appell tista' torganizza hija nfisha trattazzjoni orali u tipproċedi direttament għall-istruttorja tal-kawża jekk dan jippermeti li jiġu ffrankati żmien u spejjeż.

    4) Barra mill-każ previst fil-paragrafu 2, l-awtorità li quddiemha jitressaq l-appell tista' wkoll tiddeċiedi hija nnifisha dwar il-kawża, safejn l-appell ma għandux jiġi miċħud għar-raġuni li jkun inammissibbli jew tardiv. Hija tista' tissostitwixxi l-verdett tagħha u l-motivazzjoni ta' l-awtorità ta’ grad inferjuri b'dawk tagħha u, konsegwentement, tibdel id-deċiżjoni kkontestata fi kwalunkwe sens."

    22     Skond l-Artikolu 144 tal-liġi kostituzzjonali federali (Bundes-Verfassungsgesetz), il-Verfassungsgerichtshof għandu jara li d-drittijiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni jiġu rrispettati.

    23     L-Artikolu 85 tal-liġi dwar il-Verfassungsgerichtshof (Verfassungsgerichtshofgesetz), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

    "1) L-appell m'għandux effett ta' sospensjoni.

    2) Il-Verfassungsgerichtshof, fuq talba tar-rikorrent, għandu jirrikonoxxi l-effett ta' sospensjoni sakemm ebda interess pubbliku imperattiv ma jmur kontra dan u sakemm, wara evalwazzjoni ta' l-interessi kollha kkonċernati, l-infurzar jew l-eżerċizzju minn terz ta' dritt mogħti bid-deċiżjoni jirriżulta f'dannu sproporzjonat għar-rikorrent. Jekk il-kundizzjonijiet applikabbli għad-deċiżjoni fuq l-effett ta' sospensjoni ta' l-appell ġew mibdula kunsiderevolment, għandha ssir deċiżjoni mill-ġdid fuq talba tar-rikorrent, ta' l-awtorità (Artikolu 83(1)) jew ta' kwalunkwe parti oħra.

    3) Id-deċiżjonijiet adottati bis-saħħa tal-paragrafu 2 għandhom jiġu nnotifikati lir-rikorrent, lill-awtorità […] u lill-partijiet l-oħra. Fil-każ ta' rikonoxximent ta' l-effett ta' sospensjoni, l-awtorità għandha tissospendi l-infurzar ta' l-att amministrattiv ikkontestat u tieħu l-miżuri neċessarji għal dan il-għan; il-persuna li tibbenefika mid-deċiżjoni kkontestata ma tistax teżerċita d-dritt tagħha.

    4) Jekk il-Verfassungsgerichtshof ma jkunx f'sessjoni, id-deċiżjonijiet fis-sens tal-paragrafu 2 għandhom jiġu adattati fuq talba tar-référendaire tal-President tal-Verfassungsgerichtshof."

    24     Skond l-Artikolu 87(1) ta' din l-istess liġi, il-Verfassungsgerichtshof għandu jivverfika jekk id-drittijiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni ġewx miksura jew jekk id-drittijiet tar-rikorrent ġewx miksura minħabba l-applikazzjoni ta' regolament illegali, ta' liġi antikostituzzjonali jew ta' trattat illegali u, jekk ikun il-każ, għandu jannulla l-att amministrattiv ikkontestat.

    25     L-Artikolu 30 tal-liġi dwar il-Verwaltungsgerichtshof (Verwaltungsgerichtshofgesetz), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi:

    "1) L-appelli m'għandhomx effett ta' sospensjoni bis-saħħa tal-liġi […]

    2) Madankollu, fuq talba tar-rikorrent, il-Verwaltungsgerichtshof għandu jirrikonoxxi l-effett ta' sospensjoni sakemm ebda interess pubbliku imperattiv ma jmur kontrih u sakemm, wara evalwazzjoni ta' l-interessi kollha kkonċernati, l-infurzar jew l-eżerċizzju minn terz ta' dritt mogħti bid-deċiżjoni jirriżulta f'dannu sproporzjonat għar-rikorrent. […]

    3) Id-deċiżjonijiet adottati bis-saħħa tal-paragrafu 2 għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet kollha. Fil-każ ta' rikonoxximent ta' l-effett ta' sospensjoni, l-awtorità għandha tissospendi l-infurzar ta' l-att amministrattiv ikkontestat u tieħu l-miżuri neċessarji għal dan il-għan; il-persuna li tibbenefika mid-deċiżjoni kkontestata ma tistax teżerċita d-dritt tagħha."

    26     L-Artikolu 41(1) ta' l-imsemmija liġi jipprovdi li huwa l-Verwaltungsgerichtshof li għandu jeżamina d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-fatti aċċettati mill-awtorità amministrattiva.

    27     L-Artikolu 42(1) ta' l-istess liġi jipprovdi li l-Verwaltungsgerichtshof għandu jiddeċiedi kull kawża. Din għandha, bħala regola ġenerali, tiċħad l-appell għar-raġuni li ma jkunx fondat, jew tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

     Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    28     B. Dörr huwa ċittadin Ġermaniż miżżewweġ. Huwa residenti fl-Awstrija mill-1992, peress li l-familja tiegħu ngħaqdet miegħu fl-1995, u jeżerċita attività professjonali hemmhekk. Huwa ġie kkundannat għal tmintax-il xahar ta' priġunerija, fosthom tnax li huma sospiżi, għal, fost l-oħrajn, frodi aggravata.

    29     B'deċiżjoni ta' l-1 ta' Ottubru 1998 tal-Bezirkshauptmannschaft Klagenfurt (awtorità amministrattiva ta' l-ewwel istanza ta' Klagenfurt) B. Dörr ġie nnotifikat bi projbizzjoni ta' residenza għal għaxar snin, skond l-Artikoli 48(1) u (3) kif ukoll 36(1) tal-liġi dwar il-barranin.

    30     Wara li l-appell tiegħu quddiem il-Sicherheitsdirektion für das Bundesland Kärnten ġie miċħud, skond l-Artikolu 66(4) tal-Kodiċi ta' proċedura amministrattiva, B. Dörr appella quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.

    31     I. Ünal huwa ċittadin Tork. Huwa residenti legalment għal diversi snin fl-Awstrija u jeżerċita impjieg bi ħlas hemmhekk. Huwa ġie kkundannat tliet darbiet għal ammendi, darbtejn għal ġlieda u darba għal ksur tal-liġi dwar il-liċenzja tas-sewqan (Führerscheingesetz).

    32     B'deċiżjoni tat-23 ta' Marzu 2001, il-Bezirkshauptmannschaft Dornbirn (awtorità amministrattiva ta' l-ewwel istanza ta' Dornhirn) ordna t-tkeċċija ta' I. Ünal, skond id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, ta' l-Artikoli 34(1)(2) u 10(2)(3) tal-liġi dwar il-barranin.

    33     Wara li l-appell tiegħu quddiem il-Sicherheitsdirektion für das Bundesland Vorarlberg ġie miċħud b'deċiżjoni tat-3 ta' Ottubru 2001, skond l-Artikolu 66(4) tal-Kodiċi ta' proċedura amministrattiva, I. Ünal appella wkoll quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.

    34     Dan ta' l-aħħar għaqqad iż-żewġ proċedimenti għall-finijiet ta' deliberazzjoni u deċiżjoni komuni. Huwa jistaqsi, minn naħa, fuq il-kompatibbiltà tal-protezzjoni ġuridika prevista mis-sistema legali Awstrijaka ma' l-eżiġenzi tad-Direttiva 64/221 u, min-naħa l-oħra, dwar l-applikabbiltà tagħhom għall-ħaddiema Torok li l-istatus legali tagħhom huwa ddefinit mid-deċiżjoni Nru 1/80.

    35     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet amministrattivi – indipendentement mill-eżistenza ta' proċedura ta' appell interna fl-amministrazzjoni – ma jistgħux jadottaw deċiżjoni dwar it-tkeċċija mit-territorju mingħajr ma jkunu kisbu l-opinjoni ta' awtorità kompetenti (li mhijiex prevista fis-sistema legali Awstrijaka) skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva – ħlief f'każijiet ta' urġenza – meta appelli mid-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta' liġi pubblika biss bir-restrizzjonijiet li ġejjin: dawn l-appelli m'għandhomx effett ta' sospensjoni, il-qrati ma jistgħux jiddeċiedu dwar in-neċessità tal-miżuri adottati u jistgħu biss jannullaw id-deċiżjoni kkontestata; barra minn hekk, waħda mill-qrati (Verwaltungsgerichtshof), f'dak li jikkonċerna l-fatti, hija ristretta għall-eżami tal-mertu, u minbarra dan, il-qorti l-oħra (Verfassungsgerichtshof) hija ristretta għall-eżami tal-ksur tad-drittijiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni?

    2)      Il-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva [64/221] […] huma applikabbli għaċ-ċittadini Torok li l-istatus legali tagħhom huwa ddefinit mill-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […]"

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    36     Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li bis-saħħa tagħha, minn naħa, deċiżjoni ta' tkeċċija mit-territorju ta' dan ta' l-aħħar meħuda kontra ċittadin ta' Stat Membru ieħor tista' biss tkun is-suġġett, waqt l-eżami ta' l-appelli mressqa minn tali deċiżjoni, ta' evalwazzjoni ta' legalità u, min-naħa l-oħra, dawn l-appelli ma jkollhomx effett ta' sospensjoni.

    37     Din id-domanda tirrigwarda s-sitwazzjoni ta' B. Dörr. Hija rilevanti wkoll, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' I. Ünal, fil-każ li t-tieni domanda tiġi mwieġba fl-affermattiv.

    38     Il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż iqisu li l-protezzjoni ġudizzjarja prevista mis-sistema legali Awstrijaka tissodisfa l-eżiġenzi tad-Direttiva 64/221. Fl-opinjoni tagħhom, il-qrati kompetenti għandhom jeżaminaw mhux biss il-legalità ta' l-att ikkontestat, iżda wkoll il-mertu ta' l-evalwazzjoni tal-provi mill-awtoritajiet amministrattivi. F'dan il-kuntest, hemm ukoll, f'ċertu sens, eżami fl-ambitu tal-fatti. Barra minn hekk, l-appelli jista' jkollhom, fuq talba tar-rikorrent, effett ta' sospensjoni. F'ċirkustanzi bħal dawn, l-intervent ta' awtorità kompetenti fis-sens ta' l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221 mhijiex meħtieġa.

    39     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu l-argument oppost. Il-qrati kompetenti m'għandhomx is-setgħa li jiddeċiedu fuq il-mertu, iżda għandhom biss setgħa li jħassru sentenza. Huma ma jistgħux jevalwaw il-fatti, iżda huma marbuta bl-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti kif magħmula mill-awtoritajiet amministrattivi. Huma preklużi milli jieħdu in kunsiderazzjoni elementi ġodda. Id-deċiżjoni ġudizzjarja tista' biss tirreferi għas-sitwazzjoni fattwali u legali li kienet teżisti fid-data ta' l-adozzjoni ta' l-att ikkontestat. F'ċirkustanzi bħal dawn, il-persuna kkonċernata għandha jkollha l-possibbiltà li tistrieħ fuq kunsiderazzjonijiet ta' neċessità quddiem l-awtorità prevista fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221.

    40     Skond il-Kummissjoni, ma jistax jiġi eskluż li d-dritt amministrattiv proċedurali fis-seħħ fl-Awstrija mhuwiex għal kollox konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221, ladarba ebda awtorità kompetenti fis-sens ta' dan l-Artikolu ta' l-aħħar ma ġiet imwaqqfa.

    41     F'dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 64/221 li kull persuna koperta minn din id-Direttiva għandha jkollha l-istess rimedji legali, b'mod partikolari kontra d-deċiżjoni ta' rifjut ta' tiġdid tal-permess ta' residenza jew kontra d-deċiżjoni ta' tkeċċija mit-territorju, li għandhom iċ-ċittadini kontra l-atti ta' l-amministrazzjoni (ara s-sentenzi tal-5 ta' Marzu 1980, Pecastaing, 98/79, Ġabra p. 691, punti 9 u 10, kif ukoll tat-18 ta' Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-97/89, Ġabra p. I-3763, punti 57 u 58).

    42     L-għan ta' l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221 huwa l-garanzija proċedurali minima għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li lilhom ikun ġie rrifjutat tiġdid tal-permess ta' residenza jew li nħareġ ordni ta' tkeċċija mit-territorju kontrihom. Din id-dispożizzjoni, li hija applikabbli fi tliet każijiet, jiġifieri fin-nuqqas ta' possibbiltajiet ta' appelli ġudizzjarji jew jekk dawn l-appelli jirrigwardaw biss il-legalità tad-deċiżjoni jew m'għandhomx effett ta' sospensjoni, tipprovdi għall-intervent ta' awtorità kompetenti differenti minn dik ikkwalifikata sabiex tieħu d-deċiżjoni. Ħlief f'każ ta' urġenza, l-awtorità amministrattiva ma tistax tieħu d-deċiżjoni tagħha ħlief wara l-opinjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti l-oħra. Il-persuna kkonċernata għandha tkun tista' tistrieħ fuq il-motivi ta' difiża tagħha quddiem din l-awtorità ta' l-aħħar u tiġi assistita jew irrappreżentata fil-kundizzjonijiet ta' proċedura previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Dzodzi, iċċitata iktar 'il fuq, punt 62, kif ukoll tad-29 ta' April 2004, Orfanpoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 105).

    43     Wara, għandu jiġu eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, hekk kif inhi fis-seħħ fl-Awstrija, hijiex tali li tassigura liċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra, li kontrihom ikunu nħarġu deċiżjonijiet li jtemmu r-residenza tagħhom, il-garanzija proċedurali minima prevista mid-Direttiva 64/221 u aktar partikolarment jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża bejn B. Dörr u s-Sicherheitsdirektion für das Bundesland Kärnten, almenu waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) ta' din id-Direttiva hija preżenti.

    44     L-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-isħarriġ ġudizzjarju, huwa paċifiku li d-deċiżjonijiet li jtemmu r-residenza taċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra jistgħu jkunu s-suġġett ta' appell, fl-Awstrija, min-naħa, quddiem il-Verwaltungsgerichtshof u, min-naħa l-oħra, fil-każ ta' ksur allegat tad-drittijiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni, quddiem il-Verfassungsgerichtshof.

    45     It-tieni nett, fir-rigward tal-portata ta' dan l-istħarriġ, id-deċiżjoni tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa li l-imsemmija qrati ma jistgħux jiddeċiedu fuq in-neċessità ta' l-atti amministrattivi kkontestati. Il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż madankollu ma jaqblux għal kollox mad-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali magħmula fl-imsemmija deċiżjoni.

    46     F'dan ir-rigward, biżżejjed li jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' rinviju preliminari, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li hija kompetenti li tiddikjara ruħha dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li tagħti tagħhom il-qorti tar-rinviju hijiex korretta (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta' Ottubru 2000, Corsten, C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 24). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu in kunsiderazzjoni, fl-ambitu tad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih huma inklużi d-domandi preliminari, kif iddefiniti mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara s-sentenzi tal-25 ta' Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 10, kif ukoll Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42).

    47     Issa, fl-eżami b'dan il-mod tal-kwistjoni tal-portata ta' l-istħarriġ ġudizzjarju, fil-kuntest leġiżlattiv kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li tassigura liċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra, li tkun inħarġet kontrihom deċiżjoni li ttemm ir-residenza tagħhom fit-territorju Awstrijak, il-garanzija ta' eżami eżawrjenti tan-neċessità tal-miżura kkunsidrata u ma tissodisfax għaldaqstant l-eżiġenzi ta' protezzjoni effettiva biżżejjed (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 17; tal-15 ta' Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punti 14 u 15, kif ukoll Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar 'il fuq, punt 110).

    48     It-tielet nett, fir-rigward ta’ l-effett ta' l-appelli quddiem il-qrati kompetenti, il-mod kif inhi fformulata d-domanda jagħti l-impressjoni li dawn m'għandhomx l-effett ta' sospensjoni. Madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija rikorsi jista' jkollhom, taħt ċerti kundizzjonijiet, effett bħal dan fuq talba tar-rikorrent. Il-Gvern Awstrijak jallega li s-sospensjoni tad-deċiżjoni ta' tkeċċija, fil-prattika, tista' tingħata mill-imsemmija qrati.

    49     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha sabiex jassiguraw, liċ-ċittadini kollha ta' Stat Membru ieħor li kontrihom tkun inħarġet ordni ta' tkeċċija mit-territorju kontrihom, it-tgawdija tal-garanzija li jikkostitwixxi, għalihom, l-eżerċizzju tad-dritt ta' appell iggarantit mid-Direttiva 64/221. Madankollu din il-garanzija tisfa illużorja jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu, bl-infurzar immedjat ta' tali deċiżjoni, iċaħħdu lill-persuna kkonċernata mill-possibbiltà li tgawdi mill-fatt li l-motivi invokati fir-rikors tagħha ntlaqgħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' April 1976, Royer, 48/75, Ġabra p. 497, punti 55 u 56).

    50     Mhuwiex diskutibbli li leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li ma tagħtix effett ta' sospensjoni lill-appelli relatati mad-deċiżjonijiet li jtemmu r-residenza ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra mhijiex konformi ma' l-eżiġenzi tad-Direttiva 64/221, sakemm ma tiġix mwaqqfa awtorità kompetenti fis-sens ta' l-Artikolu 9(1) ta' din id-Direttiva.

    51     L-appell disponibbli għall-persuni msemmija mid-Direttiva 64/221 għandu jkollu effett awtomatiku ta' sospensjoni sabiex jitqies li għandu effett ta' sospensjoni fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu. Mhuwiex biżżejjed li l-qorti kompetenti tkun kompetenti li tiddikjara, fuq talba tal-persuna kkonċernata u taħt ċerti kundizzjonijiet, is-sospensjoni ta' l-infurzar tad-deċiżjoni li ttemm ir-residenza ta' din il-persuna. L-allegazzjoni tal-Gvern Awstrijak li s-sospensjoni ta' tali deċiżjoni tista', fil-prattika, tiġi ordnata mill-imsemmija qorti, mhijiex tali li tinvalida din il-konklużjoni.

    52     Fil-fatt, l-eżiġenza ta' ċertezza legali timplika li l-istatus legali li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għandu jkun preċiż u ċar biżżejjed sabiex jippermetti lill-individwi kkonċernati li jkunu jafu l-portata tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Rigward b'mod iktar partikolari l-prassi segwita mill-qrati nazzjonali, hekk kif deskritta mill-Gvern Awstrijak, għandu jiġi enfasizzat li tali prassi, li minnha nfisha tista' tiġi emendata u li ma tingħatax pubbliċità xierqa, ma tistax titqies li tikkostitwixxi implementazzjoni valida ta' l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 64/221.

    53     Għaldaqstant, jidher li, fiċ-ċirkustanzi li taw lok għall-kawża bejn B. Dörr u l-Sicherheitsdirektion für das Bundesland Kärnten, it-tieni u t-tielet sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221 huma preżenti. Għaldaqstant leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fis-seħħ fl-Awstrija, mhijiex konformi ma' l-eżiġenzi ta' din id-Direttiva ħlief fil-każ li tiġi sodisfatta l-kundizzjoni ta' l-intervent, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva mill-awtoritajiet amministrattivi, ta' awtorità indipendenti fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 9(1).

    54     Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat jekk ġietx imwaqqfa awtorità kompetenti fis-sens ta' l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221 fis-sistema legali Awstrijaka.

    55     Għandu jiġi mfakkar li l-intervent ta' tali awtorità għandu jippermetti lill-persuna kkonċernata li tikseb eżami eżawrjenti tal-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha, inkluż tan-neċessità tal-miżura kkunsidrata, qabel ma d-deċiżjoni tiġi adottata definittivament (sentenzi tat-22 ta' Mejju 1980, Santillo, 131/79, Ġabra p. 1585, punt 12, kif ukoll tat-18 ta' Mejju 1982, Adoui u Cornuaille, 115/81 u 116/81, Ġabra p. 1665, punt 15). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, ħlief fil-każ ta' urġenza, l-awtorità amministrattiva tista' tieħu d-deċiżjoni tagħha biss wara l-opinjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Pecastaing, punt 17; Dzodzi, punt 62, kif ukoll Orfanopoulos u Oliveri, punt 106).

    56     Id-deċiżjoni tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa li awtorità kompetenti ma ġietx imwaqqfa. Għandu jingħad ukoll li l-inkartament mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju ma ppermettiex li jiġi stabbilit la l-intervent ta' tali awtorità u lanqas li kienet teżisti, fiċ-ċirkustanzi li taw lok għall-kawża bejn B. Dörr u l-Sicherheitsdirektion für das Bundesland Kärnten, sitwazzjoni ta' urġenza.

    57     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li bis-saħħa tiegħu l-appelli minn deċiżjoni ta' tkeċċija mit-territorju ta' dan ta' l-aħħar meħuda kontra ċittadin ta' Stat Membru ieħor m'għandhomx effett ta' sospensjoni u d-deċiżjoni ta' tkeċċija tista' biss tkun is-suġġett, waqt l-eżami ta' dawn l-appelli, ta' evalwazzjoni ta' legalità, ladarba ebda awtorità kompetenti fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni ma ġiet imwaqqfa.

     Fuq it-tieni domanda

    58     Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221 japplikawx għaċ-ċittadini Torok li l-istatus legali tagħhom huwa ddefinit mill-Artikoli 6 jew 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

    59     Il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż iqisu li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Minkejja li huwa minnu li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221 jippreċiżaw il-metodi ta' applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni ta' ordni pubbliku msemmija fl-Artikolu 48(3) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 48(3) tat-Trattat KE, u wara emenda, l-Artikolu 39(3) KE), jibqa' l-fatt li dawn ma jistgħux jiġu dedotti direttament minn din id-dispożizzjoni. Issa, sabiex ikunu applikabbli għall-ħaddiema Torok, l-imsemmija Artikoli 8 u 9 jeħtieġu miżura legali addizzjonali. Dawn il-gvernijiet isostnu, minbarra dan, li l-argument żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ta' l-10 ta' Frar 2000, Nazli (C-340/97, Ġabra p. I-957) jikkonċerna essenzjalment l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' ordni pubbliku li jinsab fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u mhux l-aspetti proċedurali relatati mad-Direttiva 64/221. F'dawn iċ-ċirkustanzi, applikazzjoni b'analoġija ta' l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221 għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom ma hija bl-ebda mod xierqa.

    60     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Kummissjoni, huma ta' l-opinjoni opposta. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat espliċitament li, safejn huwa possibbli, huwa essenzjali li jiġu trasposti, għall-ħaddiema Torok li jibbenefikaw minn dritt rikonoxxut mid-Deċiżjoni Nru 1/80, il-prinċipji stabbiliti fuq il-bażi ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat. B'hekk, għandu jkun possibbli li l-protezzjoni ġuridika minima li tirriżulta mill-garanziji proċedurali previsti mid-Direttiva 64/221 tiġi trasposta għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Deċiżjoni 1/80.

    61     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, "il-Partijiet kontraenti jaqblu li jimxu fuq il-gwida ta' l-Artikoli 48, 49 u 50 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità sabiex jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom".[traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-protokoll addizzjonali jistabbilixxi, fl-Artikolu 36 tiegħu, it-termini għat-twettiq progressiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u r-Repubblika tat-Turkija u jipprovdi li "il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi dwar il-metodi neċessarji għal dan il-għan". [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha l-għan, skond it-tielet premessa tagħha, li ttejjeb, fil-qasam soċjali, it-trattament li jibbenefikaw minnu l-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom.

    62     Mill-mod kif inhuma fformulati dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ġibdet il-konklużjoni li l-prinċipji ammessi fil-kuntest ta' l-Artikolu 48 (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE) tat-Trattat għandhom jiġu trasposti, safejn huwa possibbli, għaċ-ċittadini Torok li jgawdu mid-drittijiet mogħtija bid-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta' Settembru 2004, Ayaz, C-275/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44, u tal-11 ta' Novembru 2004, Cetinkaya, C-467/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42).

    63     Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata ta' l-eċċezzjoni ta' ordni pubbliku fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li għandha ssir referenza għall-interpretazzjoni mogħtija ta' l-istess eċċezzjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità (sentenza Nazli, iċċitata iktar 'il fuq, punt 56). Tali interpretazzjoni ssib ġustifikazzjoni ikbar mill-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni hija mfassla fi kliem kważi identiku għal dak ta' l-Artikolu 48(3) (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39(3) KE) tat-Trattat (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Nazli, punt 56, u Cetinkaya, punt 43).

    64     Billi bbażat ruħha fuq dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punti 46 u 47 tas-sentenza Cetinkaya, iċċitata iktar 'il fuq, li l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti limiti analogi għal dawk li japplikaw għal miżura ta' tkeċċija kontra ċittadin ta' Stat Membru u li l-prinċipji stabbiliti fil-kuntest ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221 jistgħu jiġu trasposti għall-ħaddiema Torok li jgawdu mid-drittijiet mogħtija bid-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-qrati nazzjonali għandhom għaldaqstant jieħdu in kunsiderazzjoni dawn il-prinċipji meta jivverifikaw il-legalità ta' miżura ta' tkeċċija ordnata kontra tali ħaddiem Tork.

    65     L-istess kunsiderazzjonijiet jeżiġu li l-prinċipji stabbiliti fil-kuntest ta' l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221 jitqiesu li jistgħu jiġu trasposti għall-ħaddiema Torok li jgawdu mid-drittijiet rikonoxxuti bid-Deċiżjoni Nru 1/80.

    66     Interpretazzjoni bħal din hija ġġustifikata mill-għan ta' twettiq progressiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok, imsemmi fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' assoċjazzjoni. Id-dispożizzjonijiet soċjali tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jikkostitwixxu pass addizzjonali lejn it-twettiq ta' din il-libertà (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta' Novembru 1998, Birden, C-1/97, Ġabra p. I-7747, punt 52, u tad-19 ta' Novembru 2002, Kurz, C-188/00, Ġabra p. I-10691, punt 40). B'mod partikolari, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tagħti lill-ħaddiema migranti Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet drittijiet preċiżi fil-qasam ta' l-eżerċizzju ta' impjieg (ara s-sentenza tal-21 ta' Ottubru 2003, Abatay et, C-317/01 u C-369/01, Ġabra p. I-12301, punt 78). Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni, li ġiet irrikonoxxuta li għandha effett dirett, toħloq dritt individwali fil-qasam ta' l-impjieg u dritt korrelattiv ta' residenza (ara s-sentenzi ta' l-20 ta' Settembru 1990, Sevince, C-182/89, Ġabra p. I-3461, punti 29 u 31; tas-16 ta' Diċembru 1992, Kus, C-237/91, Ġabra p. I-6781, punt 33; tat-23 ta' Jannar 1997, Tetik, C-171/95, Ġabra p. I-329, punti 26, 30 u 31, kif ukoll Kurz, iċċitata iktar 'il fuq, punti 26 u 27).

    67     Sabiex ikunu effettivi, dawn id-drittijiet individwali għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati mill-ħaddiema Torok quddiem il-qrati nazzjonali. Sabiex tiġi assigurata l-effikaċja ta' din il-protezzjoni ġudizzjarja, huwa essenzjali li l-imsemmija ħaddiema jingħataw l-istess garanziji proċedurali bħal dawk mogħtija mid-dritt Komunitarju liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri u, għaldaqstant, li dawn il-ħaddiema jingħataw il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221. Fil-fatt, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali garanziji huma inseparabbli mid-drittijiet li huma relatati magħhom.

    68     Din l-interpretazzjoni hija valida mhux biss għaċ-ċittadini Torok li l-istatus legali tagħhom huwa ddefinit fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, iżda wkoll għall-membri tal-familja tagħhom li l-istatus tagħhom jaqa' taħt l-Artikolu 7 ta' l-istess Deċiżjoni. Xejn ma jiġġustifika l-fatt li l-imsemmija ċittadini li huma legalment residenti fit-territorju ta' Stat Membru, f'dak li jikkonċerna d-drittijiet li huma rikonoxxuti lilhom bid-Deċiżjoni Nru 1/80, jingħataw livell ta' protezzjoni awtonomu li huwa inqas minn dak previst fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 14(1) ta' l-imsemmija Deċiżjoni ma jimponix fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti limiti proċedurali analogi għal dawk li japplikaw għal miżura ta' tkeċċija kontra ċittadin ta' Stat Membru, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza Cetinkaya, iċċitata iktar 'il fuq, l-Istati Membri l-oħra jkollhom il-libertà kollha li jirrendu impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet li ċ-ċittadini Torok, li jgawdu minn dritt irrikonoxxut bid-Deċiżjoni Nru 1/80, ikunu jistgħu jinvokaw.

    69     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221 japplikaw għaċ-ċittadini Torok li l-istatus legali tagħhom huwa ddefinit mill-Artikoli 6 jew 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

     Fuq l-ispejjeż

    70     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE, tal-25 ta' Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin li huma ġġustifikati għar-raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li bis-saħħa tiegħu appelli minn deċiżjoni ta' tkeċċija mit-territorju ta' dan ta' l-aħħar meħuda kontra ċittadin ta' Stat Membru ieħor m'għandhomx l-effett ta' sospensjoni u d-deċiżjoni ta' tkeċċija ma tistax tkun is-suġġett, waqt l-eżami ta' dawn l-appelli, ta' evalwazzjoni ta' legalità, ladarba ebda awtorità kompetenti fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni ma tkun ġiet imwaqqfa.

    2)      Il-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221 japplikaw għaċ-ċittadini Torok li l-istatus legali tagħhom huwa ddefinit mill-Artikoli 6 jew 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, relatat ma' l-iżvilupp ta' l-assoċjazzjoni.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq