Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002CJ0377

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ta' l-1 ta' Marzu 2005.
    Léon Van Parys NV vs Belgisch Interventie- en Restitutiebureau (BIRB).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - il-Belġju.
    Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Banana - GATT ta' l-1994 - Artikoli I u XIII - Ftehim qafas tat-23 ta' April 1993 bejn il-KEE u l-grupp ta' Kartaġena - Effett dirett - Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-korp ta' riżoluzzjoni tat-tilwim ta' l-ODK - Effetti ġuridiċi.
    Kawża C-377/02.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2005:121

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    1 ta' Marzu 2005 (*)

    "Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Banana – GATT ta' l-1994 – Artikoli I u XIII – Ftehim qafas tat-23 ta' April 1993 bejn il-KEE u l-grupp ta' Kartaġena – Effett dirett – Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-korp ta' riżoluzzjoni tat-tilwim ta' l-ODK – Effetti ġuridiċi"

    Fil-kawża C-377/02

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (Il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tas-7 ta' Ottubru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Ottubru 2002, fil-kawża

    Léon Van Parys NV

    vs

    Belgisch Interventie- en Restitutiebureau (BIRB),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Borg Barthet, Presidenti ta' l-Awla J.-P. Puissochet u R. Schintgen (Relatur) N. Colneric, S. von Bahr, G. Arestis, M. Ilešič, J. Malenovský, J. Klučka u U. Lõhmus, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

    Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta' Settembru 2004,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal Léon Van Parys NV, minn P. Vlaemminck u C. Huys, advocaten,

    –       għall-Belgisch Interventie- en Restitutiebureau (BIRB), minn E. Vervaeke, advocaat,

    –       għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn M. Balta u K. Michoel kif ukoll minn F. P. Ruggeri Laderchi, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. van Rijn, C. Brown u L. Visaggio, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Novembru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta' Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU L 47, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1637/98, ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 210, p. 28), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2362/98 tat-28 ta' Ottubru 1998, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 fir-rigward ta' l-iskema ta' importazzjoni ta' banana fil-Komunità (ĠU L 293, p. 32), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2806/98 tat-23 ta' Diċembru 1998, dwar il-ħruġ ta' liċenzji ta’ importazzjoni ta' banana fil-kuntest tal-kwoti tat-tariffa u tal-banana tradizzjonali AKP għall-ewwel trimester tas-sena 1999 u dwar is-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet ġodda (ĠU L 349, p.32), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 102/1999, tal-15 ta' Jannar 1999, dwar il-ħruġ tal-liċenzji ta’ importazzjoni ta' banana fil-kuntest tal-kwoti tat-tariffa u tal-banana tradizzjonali AKP għall-ewwel trimester ta' l-1999 (it-tieni perijodu) (ĠU L 11, p. 16) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/1999, tad-19 ta' Marzu 1999, dwar il-ħruġ tal-liċenzji ta’ importazzjoni ta' banana fil-kuntest tal-kwoti tat-tariffa u tal-banana tradizzjonali AKP għat-tieni trimester tas-sena 1999 u dwar is-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet ġodda (ĠU L 75, p. 18), fid-dawl ta' l-Artikoli I u XIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta' l-1994 (ĠU 1994, L 336,p.103, iktar 'il quddiem il-"GATT ta' l-1994"), li jinsab fl-Anness 1A tal-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar 'il quddiem l-"ODK"), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta' Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni għan-nom tal-Komunità Ewropea, f'dak li jirrigwarda l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1), u ta' l-Artikolu 4 tal-ftehim qafas dwar il-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Ftehim ta' Kartaġena u l-pajjiżi membri tiegħu, li huma r-Repubblika tal-Bolivja, ir-Repubblika tal-Kolumbja, ir-Repubblika ta' l-Ekwador, ir-Repubblika tal-Peru u r-Repubblika tal-Venezuela, approvat, f'isem il-Komunità, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/278/KE, tas-7 ta' April 1998 (ĠU L 127, p.10, iktar 'il quddiem il-"ftehim qafas").

    2       Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' kawża bejn Léon Van Parys NV (iktar il-quddiem "Van Parys") u l-Belgisch Interventie- en Restitutiebureau (L-Uffiċċju Belġjan ta' Intervent u Restituzzjoni, iktar 'il quddiem il-"BIRB") dwar ir-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li joħroġ lill-imsemmija kumpannija liċenzji ta' importazzjoni għal ċerti kwantitajiet ta' banana li ġejjin mill-Ekwador u minn Panama.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-ftehim ODK

    3       Bid-deċiżjoni 94/800, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabilixxi l-ODK kif ukoll il-ftehim li jinsab fl-Annessi 1, 2 u 3 ta' dan il-ftehim (iktar 'il quddiem il-"ftehim ODK"), li fosthom jinsab il-GATT ta' l-1994.

    4       Il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu II tal-Ftehim li jistabbilixxi l-ODK jipprovdi:

    "Il-ftehim u l-istrumenti legali relatati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 […] huma parti integrali minn dan il-Ftehim, u jorbtu lill-Membri kollha." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5       Skond l-Artikolu I(1) tal-GATT ta' l-1994:

    "Il-vantaġġi, benefiċċji, privileġġi jew immunitajiet kollha mogħtija minn parti kontraenti lil prodott li ġej minn jew għandu bħala destinazzjoni pajjiż ieħor għandhom, immedjatament u mingħajr kundizzjoni jiġu estiżi għall-prodotti kollha simili li ġejjin minn jew għandhom bħala destinazzjoni t-territorju tal-partijiet kontraenti l-oħra kollha. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna d-dazji tad-dwana u t-taxxi ta' kull tip imposti fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, jew meta jkun hemm l-importazzjoni jew l-esportazzjoni […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    6       L-Artikolu XIII tal-GATT ta' l-1994, dwar l-applikazzjoni mhux diskriminatorja tar-restrizzjonijiet kwantitattivi, jipprovdi:

    "1.      Ebda projbizzjoni jew restrizzjoni m'għandha tiġi applikata minn parti kontraenti fuq l-importazzjoni ta' prodott li ġej minn territorju ta' parti kontraenti oħra […] sakemm ma jiġux applikati projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet simili fuq l-importazzjoni tal-prodott simili li ġej minn kwalunkwe pajjiż terz […].

    2.      Fl-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta' kwalunkwe prodott, il-partijiet kontraenti għandhom jipprovaw jaslu għal distribuzzjoni tal-kummerċ ta' dan il-prodott li toqrob kemm jista' għal dik li, fin-nuqqas ta' dawn ir-restrizzjonijiet, id-diversi partijiet kontraenti jkollhom id-dritt jistennew u għandhom josservaw, għal dan l-iskop, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    a)      Kull darba li dan ikun possibbli, għandhom jiġu stabbiliti kwoti li jirrapreżentaw l-ammont globali ta' l-importazzjonijiet awtorizzati (kemm jekk ikunu mqassma bejn il-pajjiżi fornituri jew le) […].

    b)      Meta ma jkunx possibbli li jiġu stabbiliti kwoti globali, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu applikati permezz ta' liċenzji jew permessi ta' importazzjoni mingħajr kwota globali.

    ċ)      Il-partijiet kontraenti m'għandhomx, ħlief sabiex japplikaw kwoti allokati skond l-inċiż (d) ta' dan il-paragrafu, jeħtieġu l-użu tal-liċenzji jew tal-permessi ta' importazzjoni għall-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat li ġej minn sors ta' provvista jew minn pajjiż partikolari.

    d)      Meta kwota hija mqassma bejn il-pajjiżi fornituri, il-parti kontraenti li tapplika r-restrizzjonijiet tista' tiftiehem dwar it-tqassim tal-kwota mal-partijiet kontraenti l-oħra kollha li għandhom interess sostanzjali fil-provvista tal-prodott ikkonċernat. Meta ma jkunx raġonevolment possibbli li dan il-metodu jiġi applikat, il-parti kontraenti in kwistjoni għandha tattribwixxi, lill-partijiet kontraenti li għandhom interess sostanzjali fil-provvista ta' dan il-prodott, kwoti in proporzjon għall-kontribuzzjoni ta' l-imsemmija partijiet kontraenti fil-volum totali jew fil-valur totali ta' l-importazzjonijiet tal-prodott in kwistjoni matul perijodu ta' riferiment preċedenti, b'kunsiderazzjoni tal-fatturi speċjali kollha li setgħu jew li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ ta' dan il-prodott [...]

    5.      Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kwalunkwe kwota tat-tariffa stabbilita jew miżmuma fis-seħħ minn parti kontraenti; [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7       Skond l-Artikolu 3(2), (3), (5) u (7) tal-Ftehim dwar ir-regoli u proċeduri li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tat-tilwim (iktar 'il quddiem il-"memorandum ta' ftehim"), li jikkosititwixxi fl-Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-ODK:

    "2.      Is-sistema ta' riżoluzzjoni tat-tilwim ta' l-ODK hija element ċentrali sabiex tassigura s-sigurtà u n-natura prevedibbli tas-sistema kummerċjali multilaterali. […]

    3.      Ir-riżoluzzjoni f'waqtha tas-sitwazzjonijiet li fihom Membru jqis li benefiċċju li jirriżultalu direttament jew indirettament mill-ftehim kopert huwa ppreġudikat minn miżuri meħuda minn Membru ieħor hija indispensabbli għall-ħidma effettiva ta' l-ODK u għall-eżistenza ta' bilanċ xieraq bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-Membri.

    […]

    5.      Is-soluzzjonijiet kollha ta' kwistjonijiet imqajma formalment taħt id-dispożizzjonijiet tal-ftehim koperti relatati mal-konsultazzjoni u mar-riżoluzzjoni tat-tilwim, inklużi d-deċiżjonijiet ta' arbitraġġ, għandhom ikunu kompatibbli ma' dan il-ftehim u ma għandhom la jannullaw u lanqas jippreġudikaw il-benefiċċji li jirriżultaw għal kull Membru taħt l-imsemmija ftehim, u lanqas jimpedixxu t-twettiq ta' xi wieħed mill-għanijiet ta' dan il-ftehim.

    […]

    7.      Qabel ma jressaq kawża, Membru għandu juża l-ġudizzju tiegħu biex jiddeċiedi jekk azzjoni taħt dawn il-proċeduri tistax twassal għal riżultat utli. L-għan tal-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim huwa li tinstab riżoluzzjoni pożittiva għal tilwima. Mingħajr dubju, huwa preferibbli li tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għall-partijiet kollha involuti fit-tilwima u li tkun konsistenti mal-Ftehim kopert. Fil-każ li ma tkunx tista' tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet kollha, l-ewwel għan tal-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim għandu normalment ikun it-tneħħija tal-miżuri kkonċernati jekk jinstab li dawn huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' xi wieħed mill-Ftehim kopert. Ir-rimedju tal-kumpens għandu jintuża biss f'dawk il-każijiet fejn it-tneħħija immedjata tal-miżura in kwistjoni ma tkunx prattikabbli u bħala miżura temporanja sakemm titneħħa l-miżura li tkun inkompatibbli ma' Ftehim kopert. Ir-rimedju aħħari li dan il-ftehim jipprovdi lill-Membru li jirrikorri għall-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim huwa li jissospendi l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt il-Ftehim kopert, fuq bażi diskriminatorja fir-rigward tal-Membru l-ieħor, bil-kundizzjoni li l-[Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim (iktar 'il quddiem DSB)] ikun awtorizza dawn il-miżuri." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8       L-Artikolu 21 tal-memorandum ta' ftehim, intitolat "Sorveljanza ta' l-Implementazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet u d-Deċiżjonijiet" tad-DSB, jipprovdi:

    "1.      Konformità fl-iqsar żmien possibbli, mar-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tad-DSB hija essenzjali sabiex tiġi aċċertata riżoluzzjoni effettiva tat-tilwim għall-benefiċċju tal-Membri kollha.

    […]

    3.      F'laqgħa tad-DSB li ssir fi żmien 30 jum wara d-data ta' l-adozzjoni tar-rapport tal-panel jew tal-korp ta' l-appell, il-Membru kkonċernat għandu jgħarraf lid-DSB bl-intenzjonijiet tiegħu dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta' dan. Jekk il-Membru jsibha impratikabbli li jikkonforma ruħu immedjatament mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tad-DSB, dan il-Membru għandu jingħata terminu raġonevoli sabiex jagħmel dan. [...]

    […]

    5.      Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar l-eżistenza jew il-kompatibbiltà ma' ftehim kopert tal-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet jew mad-deċiżjonijiet, din it-tilwima għandha tiġi solvuta billi jiġu segwiti dawn il-proċeduri ta' riżoluzzjoni tat-tilwim, inkluż, kull meta huwa possibbli, rikors għall-panel oriġinali. […]

    6.      Id-DSB għandu jissorvelja l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet adottati. Il-kwistjoni ta' l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet tista' titqajjem quddiem id-DSB minn kwalunkwe Membru fi kwalunkwe ħin wara l-adozzjoni tagħhom. […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9       Fl-aħħar nett, l-Artikolu 22 tal-memorandum ta' ftehim, intitolat "Kumpens u Sospensjoni ta' Konċessjonijiet", huwa fformulat kif ġej:

    "1.      Il-kumpens u s-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra huma miżuri temporanji li jistgħu jintużaw meta r-rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet ma jiġux implementati fi żmien raġonevoli. Madankollu, la l-kumpens u lanqas is-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra ma huma preferibbli minflok l-implementazzjoni sħiħa ta' rakkomandazzjoni biex miżura inkompatibbli tinġab f'konformità mal-Ftehim koperti. Il-kumpens huwa volontarju u, jekk jingħata, għandu jkun kompatibbli mal-Ftehim koperti.

    2.      Jekk il-Membru kkonċernat ma jqiegħedx il-miżura ddikjarata inkompatibbli ma' Ftehim kopert konformi ma' dan il-Ftehim jew jonqos, b'xi mod ieħor, milli jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet fit-terminu raġonevoli stabbilit skond l-Artikolu 21(3), dan il-Membru għandu, jekk jiġi mitlub u mhux iktar tard minn meta jiskadi t-terminu raġonevoli, jidħol fi trattativi mal-partijiet kollha li jkunu invokaw il-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, bil-għan li jinstab kumpens aċċettabbli għall-partijiet kollha. Jekk fi żmien 20 jum minn meta jiskadi t-terminu raġonevoli ma jkunx intlaħaq ftehim dwar kumpens sodisfaċenti, kull parti li tkun invokat il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim tista' titlob l-awtorizzazzjoni tad-DSB sabiex tissospendi, fir-rigward tal-Membru kkonċernat, l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra taħt il-Ftehim koperti.

    […]

    8.      Is-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra għandha tkun temporanja u għandha tiġi applikata biss sakemm titneħħa l-miżura dikjarata inkompatibbli ma' Ftehim kopert, jew sakemm il-Membru li għandu jimplementa r-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ikun sab soluzzjoni għall-annullament jew għat-tnaqqis ta' benefiċċji jew sakemm tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għall-partijiet kollha. Skond [l-Artikolu 21(6) tad-DSU], id-DSB għandu jibqa' jissorvelja l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet adottati, anki f'dawk il-każijiet meta jkun ingħata kumpens jew meta jkunu ġew sospiżi konċessjonijiet jew obbligi oħra iżda meta r-rakkomandazzjonijiet biex miżura titqiegħed f'konformità mal-Ftehim koperti ma jkunux ġew implementati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-ftehim qafas

    10     L-Artikolu 4 tal-ftehim qafas jipprovdi:

    "Il-partijiet kontraenti jiftiehmu li jagħtu lil xulxin, fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, it-trattament tan-nazzjon l-iktar favorit, skond id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT).

    Iż-żewġ partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rieda tagħhom li jwettqu l-kummerċ tagħhom b'mod konformi ma' dan il-ftehim." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    11     It-Titolu IV tar-Regolament Nru 404/93 issostitwixxa, fil-qasam tal-banana, skema komuni ta' kummerċ bejn l-Istati terzi għad-diversi skemi nazzjonali preċedenti.

    12     Wara lmenti mressqa minn ċerti Stati terzi, din l-iskema komuni ta' importazzjoni kienet is-suġġett ta' proċedura ta' riżoluzzjoni tat-tilwim fil-kuntest ta' l-ODK.

    13     F'rapport bid-data tad-9 ta' Settembru 1997, l-Korp Permanenti ta' l-Appell, stabbilit fl-Artikolu 17 tal-memorandum ta' ftehim, iddikjara li ċerti elementi ta' l-iskema ta' kummerċ ma' l-Istati terzi stabbiliti bir-Regolament Nru 404/93 kienu inkompatibbli ma' l-Artikoli I(1) u XIII tal-GATT ta' l-1994. Dan ir-rapport ġie adottat mid-DSB b'deċiżjoni tal-25 ta' Settembru 1997.

    14     Wara din id-deċiżjoni, il-Kunsill emenda t-Titolu IV tar-Regolament Nru 404/93 permezz tar-Regolament Nru 1637/98, sabiex jikkonforma ruħu, kif jirriżulta mit-tieni premessa ta' dan, mar-"rabtiet internazzjonali tal-Komunità taħt l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK)" kif ukoll mal-"firmatarji tar-Raba’ Konvenzjoni AKP-KE [ta' Lomé] filwaqt li jinkisbu fl-istess waqt l-għanijiet ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana." Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 tiegħu, ir-Regolament Nru 1637/98 beda' japplika mill-1 ta' Jannar 1999, data ta' l-iskadenza tat-terminu ta' ħmistax-il xahar mogħti lill-Komunità Ewropea mid-DSB sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni ta' dan ta' l-aħħar tal-25 ta' Settembru 1997.

    15     L-iskema ta' importazzjoni ta' banana, kif emendata, iżżomm id-distinzjoni bejn, minn naħa, il-banana tradizzjonali u mhux tradizzjonali li ġejja mill-Istati ta' l-Afrika, tal-Karajbi u tal-Paċifiku (iktar 'il quddiem l-Istati "AKP") u min-naħa l-oħra, il-banana li ġejja minn Stati terzi, li kienet topera taħt l-iskema preċedenti tal-kummerċ.

    16     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98 (iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 404/93"), jipprovdi hekk:

    "Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, [intitolat "Il-kummerċ ma' pajjiżi terzi"]:

    1)      importazzjoni tradizzjonali mill-Istati AKP tfisser importazzjoni fil-Komunità ta’ banana li toriġina fl-Istati elenkati fl-Anness ta’ hawn sal-limitu ta’ 857 700 tunnellata metrika (piż nett) kull sena; din tissejjaħ banana tradizzjonali AKP;

    2)      importazzjoni mhux tradizzjonali minn Stati AKP tfisser importazzjoni fil-Komunità ta’ banana li toriġina fl-Istati AKP iżda li ma tkunx koperta bid-definizzjoni 1; din tissejjaħ banana mhux tradizzjonali AKP;

    3)      importazzjoni minn Stati terzi li m’humiex AKP tfisser banana importata fil-Komunità li toriġina fi Stati terzi li ma jkunux Stati AKP; din tissejjaħ banana ta’ Stati terzi.

    17     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 404/93 "[k]ull importazzjoni ta' banana fil-Komunità għandha tkun bla ħsara għas-sottomissjoni ta' liċenzja ta' l-importazzjoni maħruġa mill-Istati Membri fuq it-talba ta' kull persuna interessata […], mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali magħmula sabiex jiġu implementati l-Artikoli 18 u 19".

    18     L-Artikolu 18 ta' l-istess Regolament jipprovdi:

    "1.      Kwota ta’ tariffa ta’ 2200000 tunnellata metrika (piż nett) għandha tinfetaħ kull sena għall-importazzjoni tal-banana ta’ Stati terzi u dik mhux tradizzjonali AKP.

    L-importazzjoni tal-banana ta’ Stati terzi skond il-kwota tat-tariffa għandha tkun suġġetta għal dazju ta’ 75 ECU kull tunnellata metrika, filwaqt li l-importazzjoni ta’ banana AKP mhux tradizzjonali għandha tkun ħielsa mid-dazju.

    2.      Kwota addizzjonali tat-tariffa ta’ 353000 tunnellata metrika (piż nett) għandha tinfetaħ kull sena għall-importazzjoni tal-banana ta’ Stati terzi u AKP mhux tradizzjonali.

    L-importazzjoni tal-banana ta’ Stati terzi skond il-kwota tat-tariffa għandha tkun suġġetta għal dazju ta’ 75 ECU kull tunnellata metrika filwaqt li l-importazzjoni tal-banana AKP mhux tradizzjonali għandha tkun ħielsa mid-dazju.

    3.      Ebda dazju m’għandu jitħallas fuq l-importazzjoni tal-banana tradizzjonali AKP.

    4.      Jekk ma jkunx hemm possibbiltà raġonevoli li jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet kontraenti kollha tal-WTO li għandhom interess sostanzjali fil-provvista tal-banana, il-Kummissjoni tista’ skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 27 talloka l-kwoti tat-tariffa previsti fil-paragrafi 1 u 2 u l-kwantità AKP tradizzjonali fost dawk l-Istati b’interess sostanzjali fil-provvista."

    19     L-Anness tar-Regolament Nru 404/93, imsemmi fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 16(2) ta' l-imsemmi Regolament, li ġie emendat bir-Regolament Nru 1637/98, jinkludi lista ta' tnax-il Stat fornitur ta' banana tradizzjonali AKP li għalihom hija riservata kwota annwali ta' 857 700 tunnellata (piż nett), mingħajr ma jattribwixxu kwantitajiet massimi għal kull wieħed minn dawn l-Istati.

    20     L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 404/93 jipprovdi li l-importazzjonijiet għandhom jiġu amministrati b’mod konformi ma' "metodu bbażat fuq il-kunsiderazzjoni tal-flussi tradizzjonali tal-kummerċ ("dawk tradizzjonali/dawk reċenti")".

    21     Il-Kummissjoni, responsabbli għall-implementazzjoni tas-sistema l-ġdida tal-kummerċ ma' l-Istati terżi taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 404/93, adottat ir-Regolament Nru 2362/98. L-Artikolu 4 ta' dan huwa fformulat kif ġej:

    "1.      Kull operatur tradizzjonali, irreġistrat fi Stat Membru skond l-Artikolu 5, għandu jirċievi, għal kull sena u fir-rigward ta' l-oriġini kollha msemmija fl-Anness I, kwantità ta' riferiment unika stabbilita fuq il-bażi tal-kwantitajiet ta' banana li fil-fatt ikunu ġew importati matul il-perijodu ta' riferiment.

    2.      Għall-importazzjonijiet li se jitwettqu fl-1999, fil-kuntest tal-kwoti tat-tariffa u tal-banana tradizzjonali ta' l-AKP, il-perijodu ta' riferiment għandu jkun magħmul mis-snin 1994, 1995 u 1996." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    22     L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2362/98 jikkonċerna l-metodu sabiex tiġi stabbilita l-kwantità ta' riferiment.

    23     Rigward il-metodi ta' ħruġ ta' liċenzji ta' importazzjoni, l-Artikolu 17 ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi:

    "Jekk għal trimester, u għal oriġini waħda jew iktar imsemmija fl-Anness I, il-kwantitajiet li huma s-suġġett ta' applikazzjonijiet ta' liċenzja jaqbżu kunsiderevolment il-kwantità indikattiva stabbilita, jekk ikun il-każ, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 14, jew jekk jaqbżu l-kwantitajiet disponibbli, għandha tiġi stabbilita perċentwali ta' tnaqqis applikabbli għall-applikazzjonijiet ". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    24     L-Artikolu 18 ta' l-istess Regolament jipprovdi:

    "1.      Meta, għal oriġini waħda jew iktar partikolari, tiġi stabbilita perċentwali ta' tnaqqis b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 17, l-operatur li jkun ressaq applikazzjoni għal liċenzja ta' importazzjoni għal waħda jew bosta oriġini jista' b'mod partikolari:

    a)      jirrinunzja għall-użu tal-liċenzja permezz ta' komunikazzjoni indirizzata lill-awtorità kompetenti għall-ħruġ tal-liċenzji, fi żmien għaxart ijiem li jibdew jiddekorru mid-data tal-pubblikazzjoni tar-regolament li jistabbilixxi perċentwali ta' tnaqqis; f'każ bħal dan, il-garanzija relatata mal-liċenzja għandha tiġi lliberata immedjatament jew

    b)      fil-limitu globali ta' kwantità ugwali jew inferjuri għall-kwantità mhux attribwit ta' l-applikazzjoni, jippreżenta waħda jew bosta applikazzjonijiet ġodda oħra għal liċenzja għall-oriġini li għalihom ġew ippubblikati kwantitajiet disponibbli mill-Kummissjoni. Applikazzjoni bħal din għandha titressaq fiż-żmien indikat fil-punt a) u hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-introduzzjoni ta' applikazzjoni għal liċenzja.

    2.      Il-Kummissjoni għandha tiddetermina mingħajr dewmien il-kwantitajiet li għalihom ċertifikati jistgħu jinħarġu għall-oriġni kkonċernata/i." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    25     L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 2362/98 jipprovdi:

    "Jekk, għal oriġini waħda jew iktar msemmija fl-Anness I, il-kwantitajiet li huma s-suġġett ta' applikazzjonijiet għal liċenzja għall-ewwel trimester tas-sena 1999 ikunu iktar minn 26 % tal-kwantitajiet indikati fl-imsemmi anness, il-Kummissjoni għandha tiffissa perċentwali ta' tnaqqis applikabbli għal kull applikazzjoni li tikkonċerna l-oriġini kkonċernati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    26     B'applikazjoni ta' l-imsemmi Artikolu 29, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2806/98 jistabbilixxi l-koeffiċjenti ta' riduzzjoni b'dan il-mod:

    "Fil-kuntest ta' l-iskema ta' importazzjoni ta' banana, il-kwoti tat-tariffa u l-banana tradizzjonali AKP, għall-ewwel trimester tas-sena 1999, il-liċenzji ta' importazzjoni għandhom jinħarġu għall-kwantità indikata fl-applikazzjoni tal-liċenzja, wara li jiġu applikati l-koeffiċjenti ta' tnaqqis ta' 0,5793, ta' 0.6740 u ta' 0.7080 għall-applikazzjonijiet li jindikaw rispettivament l-oriġini "Kolombja", "Kosta Rika" u "Ekwador." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    27     Ir-Regolament Nru 2806/98 stabbilixxa wkoll, skond l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 2362/98, il-kwantitajiet li għalihom għadhom jistgħu jitressqu applikazzjonijiet għal liċenzji fl-ewwel trimester tas-sena 1999. Dawn l-applikazzjonijiet il-ġodda huma s-suġġett tar-Regolament Nru 102/1999, li jistabbilixxi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, koeffiċjenti ta' tnaqqis ta' 0.9701 għall-applikazzjonijiet ta' importazzjoni ta' banana tradizzjonali AKP li ġejja minn Panama u ta' 0.7198 għall-banana li l-oriġini tagħha hija "Oħrajn". L-applikazzjonijiet relatati ma' l-oriġini oħra jistgħu, skond il-punt 2 ta' l-istess Artikolu, jiġu milqugħa kompletament.

    28     Ir-Regolament Nru 608/1999 jikkonċerna l-applikazzjonijiet għal liċenzji għat-tieni trimester tas-sena 1999. Huwa jistabbilixxi l-koeffiċjenti ta' tnaqqis għall-applikazzjonijiet ta' importazzjoni ta' banana li jindikaw l-oriġini "Kolombja", "Kosta Rika" u "Ekwador" għal 0.5403, 0.6743 u 0.5934 rispettivament. Għall-orġini oħra, l-Istati Membri jistgħu joħorġu liċenzji ta' importazzjoni għall-kwantitajiet indikati fl-applikazzjoni.

    29     Panel, imwaqqaf fuq talba tar-Repubblika ta' l-Ekwador skond l-Artikolu 21(5) tal-memorandum tal-ftehim, ikkonstata, f'rapport tat-12 ta' April 1999, li l-iskema l-ġdida ta' kummerċ ma' l-Istati terzi, kif tirriżulta mir-Regolament Nru 1637/98, ma waqqfitx il-ksur ta' l-Artikoli 1(1) u XIII tal-Gatt ta' l-1994. Id-DSB adotta l-imsemmi rapport fis-6 ta' Mejju 1999.

    30     Sussegwentement, saru emendi ġodda fl-iskema Komunitarja, introdotti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 216/2001 tad-29 ta Jannar 2001 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 404/93 (ĠU L 31, p.2)

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    31     Van Parys, stabbilta fil-Belġju, ilha iktar minn 20 sena timporta fil-Komunità Ewropea banana li ġejja mill-Ekwador.

    32     Fl-14 ta' Diċembru 1998, Van Parys ressqet quddiem il-BIRB applikazzjoni għal liċenzji għall-importazzjoni, matul l-ewwel trimester tas-sena 1999, ta' 26 685 935 kilo ta' banana li ġejja mill-Ekwador. Il-BIRB ħarġet il-liċenzji għall-kwantitajiet imsemmija fl-applikazzjonijiet, wara li ġie applikat koeffiċjent ta' tnaqqis ta' 0.7080 stabbilit bir-Regolament Nru 2806/98.

    33     Rigward l-kwantità mhux attribwita, Van Parys ressqet fit-8 ta' Jannar 1999, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 2362/98, tliet applikazzjonijiet ġodda għal liċenzji għall-importazzjoni ta' banana li ġejja minn Panama u minn Stati terżi oħra. Il-BIRB applikat ukoll koeffiċjent ta' tnaqqis għal dawn l-applikazzjonijiet skond ir-Regolament Nru 109/1999.

    34     Fil-5 ta' Marzu 1999, Van Parys ressqet, fir-rigward tat-tieni trimester tas-sena 1999, applikazzjoni għal 32 224 757 kilo ta' banana li ġejja mill-Ekwador. Din l-applikazzjoni ntlaqgħet, wara tnaqqis ta' kwantità li tikkorrispondi għall-koeffiċjent ta' tnaqqis ta' 0.5934 stabbilit bir-Regolament Nru 608/1999.

    35     Van Parys ressqet żewġ rikorsi quddiem ir-Raad van State kontra d-deċiżjonijiet tal-BIRB li jirrifjutaw l-liċenzji għal importazzjoni għat-totalità tal-kwantitajiet mitluba. Fir-rikorsi tagħha, hija sostniet li dawn id-deċiżjonijiet huma illegali minħabba l-illegalità, fid-dawl tar-regoli ta' l-ODK, tar-Regolamenti li jirregolaw l-importazzjoni ta' banana fil-Komunità u li fuqhom jibbażaw ruħhom l-imsemmija deċiżjonijiet.

    36     Wara li qies li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali mhijiex kompetenti li tiddeċiedi fuq il-validità ta' atti Komunitarji, ir-Raad van State ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1)      Ir-Regolament (KEE) Nru 404/93 […] kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98 […], ir-Regolament (KE) Nru 2362/98 […], ir-Regolament (KE) Nru 2806/98 […], ir-Regolament (KE) Nru 102/[19]99 […] u r-Regolament (KE) Nru 608/[19]99 [...], meqjusa weħedhom jew flimkien, jiksru l-Artikolu I, l-Artikolu XIII(1), u l-Artikolu XIII(2)(d) tal-GATT ta' l-1994 safejn dawn:

    –       jintroduċu kwota globali ta' massimu ta' 857 700 [tunnellata] ta' banana favur it-tnax-il pajjiż imniżżel fl-Anness tar-Regolament Nru 1637/98 (il-'banana tradizzjonali AKP') u, sussidjarjament, safejn din il-kwota mhijiex konformi ma' tqassim li toqrob kummerċ mingħajr restrizzjonijiet safejn din hija parti mill-iskema introdotta bir-Regolament Nru 1637/98 li jirregola l-importazzjonijiet ta' banana biss fuq il-bażi ta' kwota tat-tariffa biss;

    –       jintroduċu kwota tat-tariffa għal kwantità totali ta' 2 535 000 tunnellata fir-rigward ta' pajjiżi terzi u għal banana mhux tradizzjonali AKP u wara jallokaw din il-kwota tat-tariffa proporzjonalment abbażi rata kkalkulata skond perijodu li mhuwiex rappreżentatattiv, peress li l-importazzjonijiet ta' banana kienu diġà suġġetti għal kundizzjonijiet restrittivi?

    2)      Ir-Regolamenti msemmija hawn fuq fil-punt 1 jiksru l-Artikolu 4 tal-ftehim qafas [...] inkwantu l-Komunità Ewropea impenjat ruħha f'din id-dispożizzjoni li tagħmel l-kummerċ tagħha ma' l-Ekwador skond id-dispożizzjonijiet tal-GATT u li tagħti lil dan il-pajjiż trattament tan-nazzjon l-iktar favorit?

    3)      Ir-Regolamenti msemmija hawn fuq fil-punt 1 jiksru l-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġġittimi u l-prinċipju ta' bona fede li jinsabu fid-drittijiet tal-bniedem u fil-konswetudini internazzjonali billi l-Kummissjoni ma tosservax l-obbligi imposti fuq il-Komunità taħt il-GATT ta' l-1994, inkwantu l-Kummissjoni abbużat minn proċeduri legali u ma tosservax l-eżitu ta' proċedura internazzjonali ta' riżoluzzjoni ta' tilwim u inkwantu, minkejja dikjarazzjonijiet magħmula waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1637/98, hija ma stabbilixxietx skema li fiha l-liċenzji ta' importazzjoni ta' banana jinħarġu lil "importaturi ġenwini"?

    4)      Il-Kummissjoni ħarġet barra mill-kompetenzi mogħtija lilha mir-Regolament Nru 404/93 […], emendat mir-Regolament Nru 1637/98, billi stabbiliet kwota tat-tariffa għall-importazzjonijiet ta' banana mingħajr ma tikkunsidra l-obbligi imposti fuq il-Komunità skond il-ftehim GATT ta' l-1994 u GATS [ftehim ġenerali dwar il-kummerċ fis-servizzi] jew li, jekk ikun il-każ, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni bħala regoli ta' dritt pożittiv fid-dritt Komunitarju minħabba l-intenzjoni manifestata li tadatta l-iskema għall-importazzjonijiet ta' banana fil-Komunità għall-ftehim fis-seħħ ta' l-ODK ?"

     Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba' domandi

    37     Permezz ta' l-ewwel, it-tielet u r-raba domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-validità tar-Regolament Nru 404/93, kif ukoll tar-Regolamenti Nri 2362/98, 2806/98, 102/1999 u 608/1999 fid-dawl ta' l-Artikoli I u XIII tal-GATT ta' l-1994.

    38     Qabel ma jsir dan l-eżami, għandha tiġi deċiża l-kwistjoni jekk il-Ftehim ODK jagħtux lill-individwi suġġetti għad-dritt Komunitarju d-dritt li jinvokawhom fil-qorti sabiex jikkontestaw il-validità ta' leġiżlazzjoni Komunitarja fil-każ meta d-DSB ikun iddikjara li kemm din il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-leġiżlazzjoni adottata sussegwentament mill-Komunità, b'mod partikolari sabiex tikkonforma ruħha mar-regoli ta' l-ODK kkonċernati, kienu inkompatibbli ma' dawn ta' l-aħħar.

    39     F'dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, minħabba n-natura u l-istruttura tagħhom, il-Ftehim ODK mhumiex, bħala regola, inklużi fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-legalità ta' l-azzjoni ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji (is-sentenza tat-23 ta' Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 47; digriet tat-2 ta' Mejju 2001, OGT Fruchthandelsgesellschaft, C-307/99, Ġabra p. I-3159, punt 24; sentenzi tat-12 ta' Marzu 2002, Omega Air et, C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punt 93; tad-9 ta' Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punt 53, u tat-30 ta' Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill, C-93/02 P, Ġabra p. I-10497, punt 52).

    40     Huwa biss meta l-Komunità kellha l-intenzjoni li timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta' l-ODK jew metal-att Komunitarju jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim ODK li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżamina l-legalità ta' l-att Komunitarju in kwistjoni fid-dawl tar-regoli ta' l-ODK (ara, għal dak li jirrigwarda l-GATT ta' l-1947, is-sentenzi tat-22 ta' Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni, 70/87, Ġabra p. 1781, punti 19 sa 22, u tas-7 ta' Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 31, kif ukoll, għal dak li jirrigwarda l-Ftehim ODK, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Il-Portugall vs Il-Kunsill, punt 49, u Biret International vs Il-Kunsill, punt 53).

    41     Issa, f'dan il-każ, billi ntrabtet, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' l-ODK tal-25 ta' Settembru 1997, li tikkonforma ruħha mar-regoli ta' l-ODK u, b'mod partikolari, ma' l-Artikoli I(1) u XIII tal-GATT ta' l-1994, il-Komunità ma kellhiex l-intenzjoni li tassumi obbligu partikolari fil-kuntest ta' l-ODK, li jista' jiġġustifika eċċezzjoni għall-impossibbiltà li r-regoli ta' l-ODK jkunu invokati quddiem il-qorti Komunitarja u li jippermetti lil din ta' l-aħħar teżamina l-legalità tad-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni fid-dawl ta' dawn ir-regoli.

    42     L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat fil-fatt, li anki fil-każ ta' deċiżjoni tad-DSB li tiddikjara l-inkompatibbiltà ta' miżuri meħuda minn membru mar-regoli ta' l-ODK, is-sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim fi ħdan din l-organizzazzjoni, hekk kif diġà osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, mandakollu, tagħti rwol importanti lit-trattativi bejn il-partijiet (is-sentenza Il-Potugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punti 36 sa 40).

    43     B'hekk, għalkemm, fin-nuqqas ta' soluzzjoni miftiehma bejn il-partijiet u kompatibbli mal-ftehim imsemmi, l-ewwel għan tal-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim normalment ikun li tinkiseb, skond l-Artikolu 3(7) tal-memorandum ta' ftehim, it-tneħħija tal-miżuri kkonċernati jekk jinstab li dawn huma inkompatibbli mar-regoli ta' l-ODK, mandakollu din l-istess dispożizzjoni tipprovdi, meta t-tneħħija immedjata tal-miżura in kwistjoni ma tkunx prattikabbli, il-possibbiltà li jingħata kumpens jew li tiġi sospiża l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew l-eżekuzzjoni ta' obbligi oħra bħala miżura temporanja sakemm titneħħa l-miżura inkompatibbli (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

    44     Huwa minnu li, skond l-Artikoli 3(7) u 22(1) ta' l-imsemmi memorandum, il-kumpens jew is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra jikkostitwixxu miżuri temporanji li jistgħu jintużaw meta r-rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet ta' l-ODK ma jiġux implementati fi żmien raġonevoli, peress li t-tieni dispożizzjoni turi preferenza għall-implementazzjoni kompleta ta' rakkomandazzjoni li għandha bħala għan li tikkonforma miżura adottata mal-Ftehim ODK kkonċernati (is-sentenza Il-Potugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punti 38).

    45     Madankollu, il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu 22 jipprovdi li, jekk il-Membru kkonċernat ma josservax l-obbligu tiegħu li jimplementa l-imsemmija rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet fi żmien raġonevoli, dan il-membru għandu, jekk jiġi mitlub, u sa mhux iktar tard mill-iskadenza taż-żmien raġonevoli, jidħol fi trattativi ma' kull parti li invokat il-proċeduri tar-riżoluzzjoni ta' tilwim, sabiex jinstab kumpens aċċettabli għat-tnejn. Jekk l-ebda kumpens sodisfaċenti ma jkun ġie miftiehem fi żmien 20 jum wara l-iskadenza taż-żmien raġonevoli, il-parti li tkun għamlet ilment tista' titlob lill-ODK sabiex tiġi awtorizzata tissospendi, għall-imsemmi Membru, l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt il-Ftehim ODK.

    46     Barra minn hekk, l-Artikolu 22(8) tal-memorandum ta' ftehim jipprovdi li t-tilwima tibqa' fl-aġenda tad-DSB, skond l-Artikolu 21(6) ta' dan il-memorandum ta' ftehim, sakemm din tiġi riżolta, jiġifieri sakemm il-miżura ddikjarata inkompatibbli mar-regoli ta' l-ODK tiġi "eliminata" jew sakemm il-partijiet jsibu "soluzzjoni sodisfaċenti għat-tnejn".

    47     Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil fuq il-kompatibbiltà ta' miżuri meħuda għal konformità mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tad-DSB, l-Artikolu 21(5) tal-memorandum ta' ftehim jipprovdi li t-tilwima "għandha tkun deċiża billi jiġu segwiti l-proċeduri tar-riżoluzzjoni tat-tilwim", u dan jinkludi t-tentattiv tal-partijiet għal soluzzjoni miftiehma.

    48     F'dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-korpi ġudizzjarji jiġu obbligati ma japplikawx regoli tad-dritt nazzjonali li jkunu inkompatibbli mal-Ftehim ODK, il-korpi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-partijiet kontraenti jiġu konsegwentement imċaħħda mill-possibbiltà, ipprovduta fl-Artikolu 22 ta' l-imsemmi memorandum, li jaslu, anki jekk fuq bażi temporanja, għal soluzzjoni miftiehma (is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punti 40).

    49     Fil-kawża prinċipali, mill-inkartament jirriżulta dan li ġej:

    –       wara li ddikjarat lid-DSB l-intenzjoni tagħha li tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni ta' din ta' l-aħħar tal-25 ta' Settembru 1997, il-Komunità emendat, fid-data ta' l-iskadenza tat-terminu li kien mogħti lilha għal dan l-iskop, l-iskema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana;

    –       wara li r-Repubblika ta' l-Ekwador ikkontestat il-kompatibblità mar-regoli ta' l-ODK ta' l-iskema l-ġdida tal-kummerċ ma' l-Istati terzi li tirriżulta mir-Regolament Nru 1637/98, il-kwistjoni tressqet quddiem panel ad hoc, skond l-Artikolu 21(5) tal-memorandum ta' ftehim, u dan ikkonstata, f'rapport adottat mid-DSB fis-6 ta' Mejju 1999, li l-imsemmija skema għadha fi ksur ta' l-Artikoli I(1) u XIII tal-GATT ta' l-1994;

    –       b'mod partikolari, l-Istati Uniti ta' l-Amerika ġew awtorizzati, fl-1999, skond l-Artikolu 22(2) tal-memorandum ta' ftehim u wara proċedura ta' arbitraġġ, jissospendu fir-rigward tal-Komunità l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet sa ċertu livell;

    –       l-iskema Komunitarja kienet is-suġġett ta' emendi ġodda introdotti bir-Regolament Nru 216/2001, applikabbli mill-1 ta' April 2001 skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2;

    –       saru trattativi għal ftehim ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika fil-11 ta' April 2001 u mar-Repubblika ta' l-Ekwador fit-30 ta' April 2001 bil-għan li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tinġab f'konformità mar-regoli ta' l-ODK.

    50     Tali riżultat, li bih il-Komunità pprovat tikkonċilja l-impenji tagħha taħt il-Ftehim ODK ma' dawk li għandha ma' l-Istati AKP kif ukoll ma' l-eżiġenzi inerenti fl-implementazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni, seta' jiġi kompromess mill-possibbiltà mogħtija lill-qorti Komunitarja li tistħarreġ il-legalità tal-miżuri Komunitarji in kwistjoni fid-dawl tar-regoli ta' l-ODK fl-iskadenza tat-terminu, f'Jannar 1999, mogħti mid-DSB sabiex jassigura l-implementazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 1997.

    51     Fil-fatt, l-iskadenza ta' dan it-terminu ma timplikax li l-Komunità eżawriet il-possibbilitajiet kollha previsti mill-memorandum ta' ftehim sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima bejnha u l-partijiet l-oħra. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-qorti Komunitarja tkun obbligata, minħabba l-iskadenza ta' dan it-terminu biss, tistħarreġ il-legalità tal-miżuri Komunitarji kkonċernati fid-dawl tar-regoli ta' l-ODK, dan jista' jkollu l-effett li jdgħajjef il-pożizzjoni tal-Komunità fit-tentattiv ta' soluzzjoni tat-tilwima li hija aċċettabbli għat-tnejn u konformi ma l-imsemmija regoli.

    52     Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-Regolament Nru 1637/98 u r-Regolamenti adottati għall-implementazzjoni tiegħu, in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri intiżi sabiex jassiguraw l-eżekuzzjoni fl-ordni ġuridiku Komunitarju ta' obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta' l-ODK. Dawn l-atti lanqas ma jirreferu espliċitament għal dispożizzjonijiet partikolari tal-Ftehim ODK.

    53     It-tieni nett, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza tagħha Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar' il fuq, jekk jiġi ammess li r-responsabbiltà li tassigura l-konformità tad-dritt Komunitarju mar-regoli ta' l-ODK taqa' direttament fuq il-qorti Komunitarja, il-korpi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Komunità jkunu mċaħħda mill-marġni ta' diskrezzjoni li għandhom il-korpi simili tal-kontroparti kummerċjali tal-Komunità. Huwa paċifiku li x'uħud mill-partijiet kontraenti, fosthom il-kontropartijiet l-iktar importanti tal-Komunità fuq il-livell kummerċjali, ikkonkludew speċifikament, fid-dawl ta' l-għan u ta' l-iskop tal-Ftehim ODK, li dawn mhumiex parti mir-regoli li fid-dawl tagħhom il-korpi ġudizzjarji tagħhom jistħarrġu l-legalità tar-regoli tagħhom ta' dritt nazzjonali. Tali nuqqas ta' reċiproċità, jekk jiġi rikonoxxut, għandu mnejn iwassal għal żbilanċ fl-applikazzjoni tar-regoli ta' l-ODK.

    54     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li operatur ekonomiku, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma jistax isostni quddiem qorti ta' Stat Membru li leġiżlazzjoni Komunitarja hija inkompatibbli ma' ċerti regoli ta' l-ODK, anki meta d-DSB iddikjara l-imsemmija leġiżlazzjoni inkompatibbli ma' dawn.

     Fuq it-tieni domanda

    55     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk ir-Regolamenti Nri 404/93, 2362/98, 2806/98, 102/1999 u 608/1999 humiex kompatibbli ma' l-Artikolu 4 tal-ftehim qafas.

    56     Għandu jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu, li jipprovdi li l-partijiet kontraenti jaqblu li jagħtu lil xulxin, fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, it-trattament tan-nazzjon l-iktar favorit previst fl-Artikolu I tal-GATT ta' l-1994, ma jżid xejn ma' l-obbligi diġà imposti fuq l-imsemmija partijiet taħt ir-regoli tal-ODK.

    57     Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, l-imsemmi Artikolu 4 kien ġie mdaħħal fil-ftehim qafas fi żmien meta l-Istati Membri tal-Patt Andin kienu għadhom mhumiex membri ta' l-ODK, u dan sar mingħajr tibdil fil-portata jew fin-natura ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-GATT ta' l-1994.

    58     F'dan iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni mogħtija bħala risposta għall-ewwel, għat-tielet u għar-raba' domandi, dwar il-possibbiltà li r-regoli ta' l-ODK jiġu invokati quddiem qorti ta' Stat Membru, tgħodd ukoll għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4 tal-ftehim qafas.

     Fuq l-ispejjeż

    59     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    Operatur ekonomiku, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma jistax isostni quddiem qorti ta' Stat Membru li leġiżlazzjoni Komunitarja hija inkompatibbli ma' ċerti regoli ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ anki meta l-Korp tar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim, previst fl-Artikolu 2(1) tal-Ftehim dwar regoli u proċeduri li jirregolaw konklużjonijiet ta' tilwim, li jikkostitwixxi l-Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi din l-Organizzazzjoni, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta' Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni għan-nom tal-Komunità Ewropea, f'dak li jirrigwarda l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994), iddikjara l-imsemmija leġiżlazzjoni inkompatibbli ma' l-imsemmija regoli.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq