EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62003CJ0177

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-9 ta' Diċembru 2004.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Franċiża.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 89/618/Euratom - Informazzjoni tal-pubbliku ġenerali fil-każ ta' emerġenza radjoloġika - Nuqqas ta' traspożizzjoni.
Kawża C-177/03.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:784

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta' Diċembru 2004 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 89/618/Euratom – Informazzjoni tal-pubbliku ġenerali fil-każ ta' emerġenza radjoloġika – Nuqqas ta' traspożizzjoni"

Fil-kawża C-177/03,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu skond l-Artikolu 141 EA, imressaq fis-16 ta' April 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Grunwald u B. Stromsky, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u E. Puisais, bħala aġenti,

konvenuta,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-1 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma' l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 7 u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/618/Euratom, tas-27 ta' Novembru 1989, dwar kif il-pubbliku ġenerali jkun informat dwar miżuri għal ħarsien tas-saħħa li għandhom ikunu applikati u dwar passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta' emerġenza radjoloġika (ĠU L 357, p. 31, aktar 'il quddiem id-"Direttiva"), ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

2       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva:

"Din id-Direttiva hija maħsuba biex tiddefinixxi, fuq livell tal-Komunità għanijiet komuni dwar il-miżuri u proċeduri ta’ informazzjoni lill-pubbliku ġenerali bil-għan li titjieb il-protezzjoni dwar ħidmiet għas-saħħa fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika."

3       L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi li:

"Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "emerġenza radjoloġika’ tfisser kull sitwazzjoni:

1)       li ġejja:

(a)      [minn] inċident fit-territorju ta’ Stat Membru li jinvolvi faċilitajiet jew attivitajiet imsemmijin fil-punt 2 li fih isir, jew jista’ jsir, rilaxx sinifikanti ta’ materjal radjoattiv;

jew

(b)      [mil]l-iskoperta, ġewwa jew barra t-territorju tiegħu, ta' livelli anormali ta' radjoattività li aktarx ikunu ta' ħsara għas-saħħa pubblika f'dak l-Istat Membru;

         jew

(ċ)       [minn] inċidenti minbarra dawk speċifkati f’(a) li jinvolvu faċilitajiet imsemmijin fil-punt 2 li minnhom toħroġ, jew tista’ toħroġ, materja radjoattiva sinifikanti;

jew

(d)       [minn] inċidenti oħra li minnhom toħroġ, jew tista' toħroġ, materja radjoattiva sinifikanti;

2)      li hija attribwibbli għall-faċilitajiet jew attivitajiet imsemmijin fil-punt 1 (a) u (ċ), jiġifieri:

(a)      kull reattur nukleari, ikun fejn ikun qiegħed;

(b)      kull faċilità oħra ta' ċiklu ta' karburant nukleari;

(ċ)      kull faċilità ta' maniġġjar ta' skart radjoattiv;

(d)      it-trasport u l-ħażna ta' karburanti nukleari jew skart radjoattiv;

(e)      il-fabbrikazzjoni, użu, ħażna, rimi u trasport ta' radjoisotopi għal finijiet ta' agrikoltura, industrija, mediċina u dawk relatati ma' xjenza u riċerka; u

(f)       l-użu ta' radjoisotopi għal ġenerazzjoni ta' elettriku f'vetturi spazjali."

4       Skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva:

"Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, it-termini 'rilaxx sinifikanti ta’ materjal radjoattiv' u 'livelli anormali ta’ radjoattività li aktarx ikunu ta’ ħsara għas-saħħa pubblika' għandhom jinftiehmu li jkopru sitwazzjonijiet li aktarx jirriżultaw f’membri tal-pubbliku li jkunu esposti għal dożi li jeċċedu l-limiti ta’ dożi preskritti fid-Direttivi li jippreskrivu standards ta’ sigurta` bażika fil-Komunità għal protezzjoni radjoloġika […]"

5       L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi li:

"1.      Stati Membri għandhom jiżguraw li l-popolazzjoni li aktarx tintlaqat fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika tingħata informazzjoni dwar il-miżuri ta’ protezzjoni għas-saħħa applikabbli għaliha u dwar l-azzjoni li għandha tieħu fil-każ ta’ din l-emerġenza.

2.      L-informazzjoni mogħtija għandha għall-inqas tinkludi l-elementi preskritti f’L-Anness I.

3.      Din l-informazzjoni għandha tkun komunikata lill-popolazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr ma ssir ebda talba.

4.      Stati Membri għandhom jaġġornaw l-informazzjoni u jiċċirkolawha f’intervalli regolari u kull meta jsiru bidliet sinifikanti fl-arranġamenti li hija tiddeskrivi. Din l-informazzjoni għandha tkun permanentement disponibbli ghall-pubbliku."

6       Skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva:

"1.      Stati Membri għandhom jiżguraw li, meta tinqala’ emerġenza radjoloġika, il-popolazzjoni li attwalment tintlaqat tkun infurmata bla dewmien bil-fatti ta’ l-emerġenza, bil-passi li għandhom jittieħdu u, kif xieraq fil-każ partikolari, bil-miżuri ta’ protezzjoni għas-saħħa applikabbli għaliha.

2.       L-informazzjoni moghtija għandha tkopri l-punti li jinsabu f’L-Anness II li huma relevanti għat-tip ta’ emerġenza radjoloġika."

7       L-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprovdi li:

"1.      Stati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li mhix parti mill-persunal tal-faċilitajiet u/jew li ma taħdimx fl-attivitajiet definiti fl-Artikolu 2(2) imma li tista’ tkun involuta fl-organizzazzjoni ta’ għajnuna ta’ emerġenza fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika tingħata informazzjoni adegwata u regolarment aġġornata dwar is-saħħa li tista’ tinvolvi l-intervent tagħha u dwar il-miżuri prekawzjonarji li għandhom jittieħdu f’dan il-każ; din l-informazzjoni għandha tqis il-firxa ta’ emerġenzi radjoloġiċi li jistgħu jinqalgħu.

2.      Hekk kif emerġenza radjoloġika isseħħ, din l-informazzjoni għandha tkun miżjuda kif xieraq, wara konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi."

8       L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi li:

"L-informazzjoni imsemmija [fl]-Artikoli 5, 6 u 7 għandha wkoll issemmi l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmijin f’dawk l-Artikoli."

9       Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 161 EA, id-Direttiva torbot lil kull Stat Membru li lilu hija indirizzata fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħalli l-għażla tal-forma u tal-mezzi fil-kompetenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali.

 Il-proċedura prekontenzjuża

10     Wara li intimat lir-Repubblika Franċiża sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fis-27 ta' Lulju 2000, indirizzatilha opinjoni motivata fejn ikkonstatat li dan l-Istat Membru ma kienx adotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva u fejn stednitu jadotta dawn il-miżuri f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni. Fuq talba ta' l-awtoritajiet Franċiżi, dan it-terminu ġie estiż sas-27 ta' Ottubru 2000.

11     Sussegwentament, ir-Repubblika Franċiża adottat diversi miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex jittrasponu d-Direttiva. Peress li ma kinitx sodisfatta b'dawn il-miżuri, il-Kummissjoni ressqet din l-azzjoni permezz ta' rikors ippreżentat fis-16 ta' April 2003.

 Il-pożizzjoni tal-partijiet

12     Il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma' l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 7 u 8 tad-Direttiva, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt din id-direttiva, u sabiex

–       tikkundanna lir-Repubblika Franċiża tbati l-ispejjeż.

13     In sostenn ta' dan ir-rikors, il-Kummissjoni qiegħda tinvoka sitt ilmenti bbażati fuq kull waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet rispettivament.

14     Fit-talbiet formali tar-risposta tiegħu, il-Gvern Franċiż isostni li l-Kummissjoni jmissha tirrinunzja għall-ewwel sar-raba' u s-sitt ilmenti tagħha. Madankollu, fil-kontroreplika tiegħu, huwa jitlob li dawn l-istess ilmenti jiġu miċħuda. Mill-banda l-oħra, huwa jammetti l-fondatezza tal-ħames ilment.

 Fuq it-talbiet alternattivi tal-Gvern Franċiż

15     Filwaqt li l-Gvern Franċiż talab prinċipalment li l-ewwel sar-raba' u s-sitt ilmenti mressqa mill-Kummissjoni jiġu miċħuda, huwa dehrlu wkoll li din ta' l-aħħar kien imissha abbandunat dawn l-istess ilmenti.

16     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tippronunzja ruħha dwar talba intiża sabiex il-Kummissjoni tabbanduna hija stess ilment fil-kuntest ta' rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu. Fil-fatt, fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 141 EA, il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni fir-rigward ta' jekk tressaqx rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu u mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ jekk l-eżerċizzju ta' din id-diskrezzjoni kienx opportun (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta' Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-236/99, Ġabra p. I-5657, punt 28, u ta' l-14 ta' Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-383/00, Ġabra p. I-4219, punt 19).

17     Mill-banda l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa, jekk ikun il-każ, jekk rikors imressaq taħt l-Artikolu 141 EA huwiex inammissibbli minħabba li jkun tressaq tard jew jekk jammontax għal użu ħażin tal-proċedura (ara s-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 1971, Il-Kummissjoni vs Franza, 7/71, Ġabra p. 1003, punti 2 sa 13).

18     F'dan il-każ, it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ntemm fis-27 ta' Ottubru 2000 filwaqt li r-rikors kien ippreżentat fis-16 ta' April 2003, jiġifieri kważi sentejn u nofs aktar tard. Matul dan il-perijodu, l-Istat Membru kkonċernat adotta diversi miżuri sostanzjali fil-qasam in kwistjoni. Kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni ddedikaw parti kbira mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għal diskussjoni dwar jekk dawn il-miżuri nazzjonali adottati wara s-27 ta' Ottubru 2000 kinux adegwati sabiex jimplementaw id-Direttiva minkejja li huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni din id-diskussjoni.

19     Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' kif kienet is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu seħħew wara m'għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta' Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-211/02, Ġabra p. I-2429, punt 6).

20     L-introduzzjoni ta' rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu f'ċirkustanzi bħal dawn ftit huwa kompatibbli mas-sistema stabbilita mill-Artikolu 141 EA. Fil-fatt, ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża prevista f'dan l-artikolu tikkostitwixxi garanzija essenzjali mit-Trattat mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-Istat Membru in kwistjoni imma wkoll sabiex jassigura li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett kawża ddefinita b'mod ċar (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-11 ta' Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-266/94, Ġabra p. I-1975, punt 17, u s-sentenza ta' l-10 ta' April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-392/99, Ġabra p. I-3373, punt 133).

21     Meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti jkunu nbidlu b'mod fundamentali bejn l-iskadenza tat-terminu preskritt sabiex l-Istat Membru jikkonforma ruħu ma' l-opinjoni motivata u l-introduzzjoni tar-rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, din il-bidla tista' ċċaħħad is-sentenza li tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja minn parti sinjifikanti ta' l-utilità tagħha. F'sitwazzjoni bħal din, jista' jkun preferibbli li l-Kummissjoni ma tressaqx rikors iżda toħroġ opinjoni motivata ġdida fejn tippreċiża l-ilmenti li hija jkollha l-intenzjoni ssostni fid-dawl tal-bidla fiċ-ċirkustanzi (ara, f'dan is-sens, id-digriet Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 24).

22     Madankollu, minkejja li l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors jagħmlu l-eżami tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja aktar kumpless, għandu jiġi aċċettat li huma mhumiex ta' natura li jiġġustifikaw li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ewwel ilment, dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva

23     Il-Kummissjoni taqsam dan l-ilment f'erba' partijiet. Fl-ewwel lok hija ssostni li r-Repubblika Franċiża ma ttrasponietx kompletament id-definizzjoni ta' "emerġenza radjoloġija" mogħtija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva peress li d-Digriet Nru 88-622, tas-6 ta' Mejju 1988, dwar il-pjanijiet ta' emerġenza, adottat taħt il-Liġi Nru 87-565, tat-22 ta' Lulju 1987, dwar l-organizzazzjoni tal-protezzjoni ċivili, dwar il-protezzjoni tal-foresti min-nirien u dwar il-prevenzjoni ta' riskji maġġuri (JORF tat-8 ta' Mejju 1988, p. 6636), jikkonċerna biss uħud mis-sitwazzjonijiet imsemmija f'dan l-artikolu. Fil-fatt, l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2)(d), (e) u (f) mhumiex koperti minn dan id-digriet. Fit-tieni lok, l-Artikolu 6(1) ta' l-imsemmi digriet ikopri biss ir-reatturi nukleari li jipproduċu enerġija termika ta' aktar minn għaxar MW u dan kuntrarjament għad-Direttiva li tapplika għar-reatturi nukleari kollha. Fit-tielet lok, skond il-Kummissjoni, l-Artikolu 6(2) ta' l-istess digriet ma jkoprix il-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva. Fl-aħħar nett, l-imsemmi digriet ikopri biss il-faċilitajiet li jinsabu fi Franza, kuntrarjament għar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 2(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva.

24     Il-Gvern Franċiż iwieġeb li n-nuqqasijiet allegati mill-Kummissjoni ġew irrettifikati permezz ta' l-emendi introdotti mid-Digriet Nru 2002-367, tat-13 ta' Marzu 2002 (JORF ta' l-20 ta' Marzu 2002, p. 4955) u d-Digriet Nru 2003-295, tal-31 ta' Marzu 2003 (JORF tat-2 ta' April 2003, p. 5776).

25     Kif ġie mfakkar fil-punt 19 ta' din is-sentenza, l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' kif kienet is-sitwazzjoni fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata sabiex l-Istati Membru jikkonforma ruħu magħha u l-bidliet li jkunu seħħew wara m'għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni. F'din il-kawża, hemm qbil li t-terminu preskritt f'din l-opinjoni, u estiż fuq talba ta' l-awtoritajiet Franċiżi, intemm fis-27 ta' Ottubru 2000. Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta' l-istat tal-leġiżlazzjoni Franċiża fis-seħħ f'dik id-data li għandu jiġi mistħarreġ jekk in-nuqqas allegat jeżistix jew le.

26     Fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fl-imsemmija data, l-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 88-622 kien jipprovdi li:

"Il-pjanijiet partikolari ta' intervent għandhom jiġu stabbiliti sabiex ikunu ffaċċjati r-riskji partikolari marbutin ma' l-eżistenza jew ma' l-operazzjoni ta' faċilitajiet jew ta' impjanti li jaqdu żona partikolari u definita.

Għandhom ikunu s-suġġett ta' pjan partikolari ta' intervent:

1o         Is-siti li jinvolvu minn ta' l-anqas faċilità nukleari bażika ta' wieħed mit-tipi segwenti:

a)      reattur nukleari li jipproduċi enerġija termika ta' aktar minn għaxar MW;

b)      impjant ta' pproċessar ta' karburant nukleari radjoattiv;

c)      impjant ta' separazzjoni ta' isotopi ta' karburanti nukleari;

d)      impjant ta' konverżjoni kimika ta' karburanti nukleari;

e)      impjant ta' fabrikazzjoni ta' karburanti nukleari.

[…]"

27     Fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' dan l-ilment, id-Digriet Nru 88-622 ma jsemmi b'mod espress l-ebda waħda mill-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 2(2)(d), (e) u (f) tad-Direttiva. Għalkemm is-sitwazzjonijiet imsemmija minn dan id-digriet jistgħu eventwalment jikkonċernaw waħda jew oħra minn dawn l-attivitajiet, dan ikun biss b'mod parzjali ħafna. Għandu jiġi kkonstatat li, minħabba dan il-fatt, l-imsemmi digriet mhux kompletament konformi mad-Direttiva.

28     Fir-rigward tat-tieni parti ta' dan l-ilment, l-Artikolu 6(1)(a) tad-Digriet Nru 88-622 jikkonċerna r-reatturi nukleari li jipproduċu enerġija termika ta' aktar minn għaxar MW filwaqt li d-Direttiva u, b'mod partikolari, l-Artikolu 2(2)(a) tagħha, tapplika għar-reatturi nukleari kollha. Għalhekk, minħabba dan il-fatt ukoll, dan id-digriet mhuwiex konformi mad-Direttiva.

29     Permezz tat-tielet parti ta' dan l-ilment, il-Kummissjoni qiegħda tallega li:

"[…] il-faċilitajiet ikklassifikati msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Digriet Nru 88-622 ma jinkludux il-faċilità msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva. Fil-fatt, permezz tar-riferiment inizjali tiegħu għad-Digriet previst fl-Artikolu 7-1 tal-Liġi Nru 76-663 u, kif emendat mid-Digriet Nru 2002-367, permezz tar-riferiment attwali tiegħu għall-Artikolu 515-8 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, l-Artikolu 6(2) tad-Digriet Nru 88-622 fil-fatt jikkonċerna dawk il-faċilitajiet ikklassifikati li, fir-rigward tagħhom, ġie stabbilit servitù fl-interess pubbliku. Fid-dawl tan-nomenklatura tal-faċilitajiet ikklassifikati li ġiet mibgħuta (u li, f'April 2000, ġiet innotifikata mill-awtoritajiet Franċiżi permezz ta' ittra tat-18 ta' Ottubru 2000), għandu jiġi osservat li l-intestaturi 1700 sa 1721, li jikkorrispondu għas-sustanzi radjoattivi, fl-ebda każ m'għandhom indikat 'S', li tirreferi għal 'servitù fl-interess pubbliku', u għaldaqstant mhumiex koperti mill-Artikolu 6(2) tad-Digriet Nru 88-622." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30     Is-sinjifikat ta' din il-parti ta' l-ilment huwa diffiċli biex jinftiehem. In-natura tan-nomenklatura allegata u r-relazzjoni tagħha ma' l-implementazzjoni tad-Direttiva mhumiex spjegati. Id-Digriet Nru 2002-367 ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punti 19 u 25 ta' din is-sentenza. Fl-aħħar nett, minkejja li l-Kummissjoni ssemmi diversi drabi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, din id-direttiva m'għandhiex dispożizzjoni bħal din.

31     Minn dan isegwi li, minħabba n-nuqqas taċ-ċarezza meħtieġa, it-tielet parti ta' l-ewwel ilment għandha tiġi miċħuda.

32     Fir-rigward tar-raba' parti ta' dan l-ilment, mid-Digriet Nru 88-622 jirriżulta li dan ikopri biss il-faċilitajiet li jinsabu fi Franza filwaqt li l-Artikolu 2(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva jkopru inċidenti li jseħħu barra t-territorju nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant l-imsemmi digriet mhuwiex konformi mad-Direttiva fuq dan il-punt.

33     Minn dan jirriżulta li, fis-27 ta' Ottubru 2000, u safejn kien ippreċiżat fil-punti 27, 28 u 32 ta' din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Franċiża fis-seħħ ma kinitx implementat l-Artikolu 2 tad-Direttiva b'mod adegwat.

 Fuq it-tieni lment, dwar l-Artikolu 3 tad-Direttiva

34     Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Franċiża ma tinkludix definizzjoni tat-termini "rilaxx sinjifikanti ta' materjal radjoattiv" u "livelli anormali ta' radjoattività li aktarx ikunu ta' ħsara għas-saħħa pubblika" fis-sens ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva. Definizzjoni bħal din hija meħtieġa sabiex ikunu ddeterminati liema huma s-sitwazzjonijiet li għalihom japplikaw il-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni bi preċiżjoni u b'livell ta' ċertezza legali suffiċjenti.

35     Il-Gvern Franċiż iwieġeb li definizzjoni adegwata kienet introdotta fil-leġiżlazzjoni Franċiża permezz tad-Digriet Nru 2003-295 u permezz ta' Ordni tat-2 ta' Ġunju 2003 (fil-verità tas-17 ta' Ottubru 2003), li tistabbilixxi netwerk nazzjonali ta' miżuri tar-radjoattività ambjentali (JORF tat-28 ta' Ottubru 2003, p. 18382).

36     Minħabba r-raġunijiet ippreċiżati fil-punti 19 sa 25 ta' din is-sentenza, dawn l-atti ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-eżistenza ta' l-allegat nuqqas għandha tiġi mistħarrġa fid-dawl ta' kif kienet il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru konvenut fis-27 ta' Ottubru 2000.

37     Il-Gvern Franċiż mhuwiex jikkontesta li, f'dik id-data, il-leġiżlazzjoni tiegħu ma kinitx tinkludi definizzjoni tal-kunċetti li għalihom għamlet riferiment il-Kummissjoni.

38     Skond il-provi sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet Franċiżi fis-seħħ fis-27 ta' Ottubru 2000 ma kienu jinkludu l-ebda indikazzjoni tal-limiti ta' dożi, limiti li, fil-każ li jkun hemm riskju li jinqabżu, għandhom jiġu applikati l-miżuri ta' informazzjoni tal-pubbliku ġenerali previsti mid-Direttiva.

39     Minn dan jirriżulta li, f'din id-data u safejn kien ippreċiżat, il-leġiżlazzjoni Franċiża fis-seħħ ma kinitx ittrasponiet b'mod adegwat l-Artikolu 3 tad-Direttiva.

 Fuq it-tielet ilment, dwar l-Artikolu 5 tad-Direttiva

40     Il-Kummissjoni ssostni li:

"Ladarba [jintlaqgħu l-ewwel u t-tieni lment], l-Artikolu 5 tad-Direttiva […], li jirregola l-informazzjoni minn qabel tal-popolazzjoni li aktarx tintlaqat fil-każ ta' emerġenza radjoloġika, għandu jitqies li mhux kompletament traspost fir-rigward tal-faċilitajiet u ta' l-attivitajiet kollha definiti fl-Artikolu 2 ta' din l-istess direttiva, minħabba r-raġunijiet diġà esposti fil-punti 29 sa 38 [punti li jrrigwardaw it-tieni u t-tielet ilment] ta' dan ir-rikors. Fil-fatt, il-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni tad-Direttiva ma jkoprux il-popolazzjoni kkonċernata kollha." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

41     Minn dan jirriżulta li t-tielet ilment huwa sempliċi konsegwenza ta' l-eżistenza tan-nuqqasijiet allegati fl-ewwel u fit-tieni lmenti. Għaldaqstant huwa m'għandux eżistenza awtonoma.

42     L-istess ilment ma jistax jintlaqa' darbtejn kontra Stat Membru konvenut fi proċedura għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu.

43     Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba' lment, dwar l-Artikolu 6 tad-Direttiva

44     Il-Kummissjoni ssostni li l-metodi ta' kif għandha tkun informata l-popolazzjoni li attwalment tintlaqat, previsti mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentorji Franċiżi, huma differenti minn dawk previsti mill-Artikolu 6 tad-Direttiva. Dan l-artikolu jeżiġi li din il-popolazzjoni għandha tkun informata "bla dewmien". Issa, it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 7 u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-Digriet Nru 90-394, tal-11 ta' Mejju 1990, dwar il-Kodiċi dwar Allarm Nazzjonali (JORF tal-15 ta' Mejju 1990, p. 9585), jipprovdu li l-popolazzjoni għandha tkun informata fit-termini preskritti mill-ministru jew mill-prefett rispettivament.

45     Fid-difiża tiegħu, il-Gvern Franċiżi jinvoka d-Digriet Nru 2001-368, tal-25 ta' April 2001, dwar l-informazzjoni dwar ir-riskji u dwar il-passi li għandhom jittieħdu f'sitwazzjoni ta' emerġenza u li jemenda d-Digriet Nru 90-394, tal-11 ta' Mejju 1990, dwar il-Kodiċi dwar Allarm Nazzjonali (JORF tat-28 ta' April 2001, p. 6737), u l-Ordni tat-30 ta' Novembru 2001, dwar l-implementazzjoni ta' sistema ta' allarm f'każ ta' emerġenza madwar faċilità nukleari bażika li, fir-rigward tagħha, hemm pjan partikolari ta' intervent (JORF ta' l-14 ta' Diċembru 2001, p. 19848). Fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Franċiż jinvoka wkoll l-Artikoli L.1333-3 u L.1333-8 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, kif jirriżultaw mid-Digriet Nru 2001-270, tat-28 ta' Marzu 2001 (JORF tal-31 ta' Marzu 2001, p. 5057), u mil-Liġi Nru 2001-398, tad-9 ta' Mejju 2001 (JORF ta' l-10 ta' Mejju 2001, p. 7325).

46     Peress li dawn id-dispożizzjonijiet kienu adottati wara s-27 ta' Ottubru 2000, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax toħodhom in kunsiderazzjoni minħabba r-raġunijiet mogħtija fil-punti 19 u 25 ta' din is-sentenza.

47     Għalhekk, l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għad-Digriet Nru 90-394. It-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 7 u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 9 ta' l-imsemmi digriet kienu jipprovdu li l-messaġġi, mxandra permezz tar-radju u tat-televiżjoni sabiex ikun ikkonfermat l-allarm u sabiex il-pubbliku ġenerali jkun informat dwar il-passi li għandu jieħu, kellhom jiġu mxandra fit-termini preskritti mill-ministru responsabbli għall-protezzjoni ċivili jew mill-prefett responsabbli għat-tmexxija tas-salvataġġi rispettivament u kellhom ikunu ripetuti, jekk ikun hemm bżonn, skond kif indikat mill-istess digriet.

48     Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizjoni ma timplementax kompletament l-Artikolu 6 tad-Direttiva li jeżiġi li l-popolazzjoni li attwalment tintlaqat għandha tkun informata, bla dewmien, bis-sitwazzjoni ta' emerġenza u bil-passi li għandhom jittieħdu.

49     Minn dan jirriżulta li, f'dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-jum meta skada t-terminu stabbilit sabiex tkun irrispettata l-opinjoni motivata ma kinitx ittrasponiet b'mod adegwat l-Artikolu 6 tad-Direttiva.

 Fuq il-ħames ilment, dwar l-Artikolu 7 tad-Direttiva

50     Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 7 tad-Direttiva, dwar l-informazzjoni tal-persuni involuti fl-organizzazzjoni ta' għajnuna ta' emerġenza, ma kienx traspost kompletament fid-dritt Franċiż. Iċ-ċirkulari 1102, tad-29 ta' Settembru 1987, dwar l-organizzazzjoni ta' l-għajnuna medika li għandha tingħata fl-ewwel ġurnata fil-każ ta' inċident radjoloġiku jew nukleari (għajnuna medika urġenti), mhijiex biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-imsemmi artikolu. Din iċ-ċirkulari ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' ċertezza legali li teżiġi l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

51     Il-Gvern Franċiż mhuwiex qed jikkontesta l-fondatezza ta' dan l-ilment. Huwa jgħarraf bl-intenzjoni tiegħu li jemenda, mingħajr dewmien, l-Artikolu R.1333-85 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika bil-għan li jassigura traspożizzjoni kompleta ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva.

52     Għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija ċirkulari 1102 ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar l-informazzjoni lill-persuni involuti fl-organizzazzjoni ta' għajnuna ta' emerġenza.

53     Barra minn hekk, l-Ordni tal-21 ta' Novembru 1994, dwar it-taħriġ tal-pompieri professjonali (JORF tas-7 ta' Jannar 1995, p. 319), fil-verżjoni oriġinali tagħha, hija applikabbli biss għall-pompieri u mhux għal persuni oħra li jistgħu jkunu involuti fl-organizzazzjoni ta' l-għajnuna tas-salvataġġ.

54     Minbarra dan, għalkemm din l-ordni tipprovdi għal taħriġ speċjalizzat fil-qasam ta' riskji radjoloġiċi, mill-Artikoli 23(2) u 27(2) tagħha jirriżulta li dan it-taħriġ huwa offrut biss b'mod fakultattiv għall-finijiet tal-promozzjoni fil-grad. Minħabba din ir-raġuni, dan it-taħriġ ma jammontax għat-taħriġ adegwat u regolari li huwa previst b'mod obbligatorju fl-Artikolu 7 tad-Direttiva.

55     Minn dan jirriżulta li, f'dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Franċiża fis-seħħ fis-27 ta' Ottubru 2002 ma kinitx implementat l-Artikolu 7 tad-Direttiva b'mod adegwat.

 Fuq is-sitt ilment, dwar l-Artikolu 8 tad-Direttiva

56     Il-Kummissjoni tfakkar li, skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva, l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7 tagħha "għandha wkoll issemmi l-awtoritajiet responsabbli għall-implementazzjoni tal-miżuri msemmijin f'dawk l-Artikoli". F'dan ir-rigward, il-prattika ta' l-awtoritajiet Franċiżi, jiġifieri li jsemmu l-awtoritajiet responsabbli fil-mezzi użati sabiex tingħata informazzjoni lill-pubbliku, ma tistax titqies bħala biżżejjed sabiex tkun assigurata t-traspożizzjoni korretta u kompleta ta' l-imsemmi Artikolu 8. Fil-fatt, din il-prattika ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' ċertezza legali.

57     Għandu jiġi mfakkar li, skond it-termini stess tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 161 EA, l-Istati Membri, fl-implementazzjoni tad-direttivi, jistgħu jagħżlu dik il-forma u dawk il-mezzi li l-aktar li jiggarantixxu r-riżultat li jrid jintlaħaq minn dawn id-direttivi. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-traspożizzjoni fid-dritt intern ta' direttiva ma tirrikjedix neċessarjament azzjoni leġiżlattiva f'kull Stat Membru. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li mhux dejjem huwa meħtieġ li l-preskrizzjonijiet ta' direttiva jkunu adottati formalment f'dispożizzjoni legali espressa u speċifika (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 76, u ta' l-20 ta' Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-296/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 55).

58     Huwa fid-dawl ta' din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat is-sitt ilment tal-Kummissjoni.

59     F'dan il-każ, din ta' l-aħħar bl-ebda mod ma pprovat li sabiex ikun irrispettat l-obbligu previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva huwa meħtieġ li jkunu adottati miżuri ta' traspożizzjoni speċifiċi fis-sistema legali nazzjonali.

60     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tammetti li teżisti prattika ta' l-awtoritajiet Franċiżi, li tikkonsisti fl-inklużjoni ta' indikazzjoni ta' l-awtoritajiet responsabbli fil-mezzi użati sabiex tingħata informazzjoni lill-pubbliku, mingħajr ma tindika kif din il-prattika tmur kontra l-obbligu previst fl-imsemmi Artikolu 8.

61     Għaldaqstant, is-sitt ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

62     Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba li fis-27 ta' Ottubru 2000 ma kinitix ħadet il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma' l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tad-Direttiva, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-istess direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

63     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, taħt l-Artikolu 69(3) ta' l-istess Regoli, il-Qorti tista' taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. F'dan il-każ, peress li kull parti tilfet parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Minħabba li, fis-27 ta' Ottubru 2000, ma kinitx ħadet il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma' l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/618/Euratom, tas-27 ta' Novembru 1989, dwar kif il-pubbliku ġenerali jkun informat dwar miżuri għal ħarsien tas-saħħa li għandhom ikunu applikati u dwar passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta' emerġenza radjoloġika, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq