EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002CJ0245

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Novembru 2004.
Anheuser-Busch Inc. vs Budĕjovický Budvar, národní podnik.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein oikeus - il-Finlandja.
Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ - Artikoli 2(1), 16(1) u 70 tal-Ftehim TRIPS - Trade marks - Firxa tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark - Allegat użu tas-sinjal bħala isem kummerċjali.
Kawża C-245/02.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:717

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta' Novembru 2004 (*)

"Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – Artikoli 2(1), 16(1) u 70 tal-Ftehim TRIPS – Trade marks – Firxa tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark – Allegat użu tas-sinjal bħala isem kummerċjali"

Fil-kawża C-245/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja), permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Lulju 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta' Lulju 2002, fil-proċedura

Anheuser-Busch Inc.

vs

Budĕjovický Budvar, národní podnik,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, Presidenti ta' Awli, C. Gulmann, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues u K. Schiemann, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' April 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Anheuser-Busch Inc., minn R. Hilli, asianajaja, u minn D. Ohlgart u B. Goebel, Rechtsanwälte,

–       għal Budĕjovický Budvar, národní podnik, minn P. Backström u P. Eskola, asianajajat,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Paasivirta u R. Raith, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 2(1), 16(1) u 70 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (aktar 'il quddiem il-"Ftehim TRIPS"), li jinsab fl-Anness I C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (aktar 'il quddiem il-"Ftehim WTO", approvat f'isem il-Komunità, safejn għandhom x'jaqsmu l-oqsma li huma fil-kompetenza tagħha, permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KEE tal-Kunsill, tat-22 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 336, p. 1, 214).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-birrerija Anheuser-Busch Inc. (aktar 'il quddiem "Anheuser-Busch", stabbilita f'Saint Louis, Missouri (L-Istati Uniti), u l-birrerija Budĕjovický Budvar, národní podnik (aktar 'il quddiem "Budvar"), stabbilita fil-belt ta' Česke Budějovice (Ir-Repubblika Ċeka), dwar it-tikketta użata minn Budvar fil-kummerċjalizzazzjoni tal-birra tagħha fil-Finlandja u li, skond Anheuser-Busch, tikkostitwixxi ksur tat-trade marks Budweiser, Bud, Bud Light u Budweiser King of Beers li tagħhom din ta' l-aħħar hija l-proprjetarja fl-Istat Membru msemmi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3       L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, ta' l-20 ta' Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 828, Nru 11847, p. 108, aktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Pariġi"), jipprovdi li:

"L-isem kummerċjali għandu jkun protett fil-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni mingħajr l-obbligu ta' depożitu jew reġistrazzjoni, irrispettivament minn jekk jagħmilx parti minn trade mark." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Il-Ftehim WTO u l-Ftehim TRIPS, li jagħmel parti integrali minnu, daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995. Madankollu, skond l-Artikolu 65(1) tal-Ftehim TRIPS, il-Membri ma kinux obbligati japplikaw id-dispożizzjonijiet tiegħu qabel ma jiskadi perijodu ġenerali ta' sena, jiġifieri qabel l-1 ta' Jannar 1996 (aktar 'il quddiem id-"data ta' applikazzjoni").

5       L-Artikolu 1(2) tal-Ftehim TRIPS, intitolat "Natura u portata ta' l-obbligi", jipprovdi li:

"Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, l-espressjoni "proprjetà intellettwali" tirreferi għas-setturi kollha tal-proprjetà intellettwali li huma s-suġġett tas-Sezzjonijiet 1 sa 7 tal-Parti II." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 2 ta' l-imsemmi ftehim, intitolat "Konvenzjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali" jipprovdi li:

"1.      Fir-rigward tal-Partijiet II, III u IV ta' dan il-Ftehim, il-Membri għandhom jikkonformaw rwieħhom ma' l-Aritkoli 1 sa 12 u ma' l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi (1967).

2.      L-ebda dispożizzjoni tal-Partijiet I sa IV ta' dan il-Ftehim m'għandha toħloq deroga mill-obbligi li l-Membri jista' jkollhom lejn xulxin taħt il-Konvenzjoni ta' Pariġi, il-Konvenzjoni ta' Berne, il-Konvenzjoni ta' Roma jew taħt it-Trattat dwar il-proprjetà intellettwali fil-qasam ta' ċirkwiti integrati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       L-Artikolu 15(1) tal-Ftehim TRIPS, intitolat "Is-suġġett tal-protezzjoni", li jinsab fit-Taqsima 2 tal-Parti II ta' dan il-ftehim li tikkonċerna normi dwar l-eżistenza, il-portata u l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' trade mark, jipprovdi li:

"Kull sinjal, jew kull taħlita ta' sinjali, li jkun kapaċi li jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra jista' jammonta għal trade mark . Sinjali bħal dawn, b'mod partikolari, il-kliem, inklużi l-ismijiet ta' persuni, l-ittri, iċ-ċifri, l-elementi figurattivi u t-taħlitiet ta' kuluri, kif ukoll kull taħlita ta' dawn is-sinjali, jkunu jistgħu jiġu rreġistrati bħala trade marks. […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       L-Artikolu 16(1) ta' l-imsemmi ftehim, intitolat "Drittijiet mogħtija", jipprovdi li:

"Il-proprjetarju ta' trade mark reġistrata għandu jkollu d-dritt esklużiv li jwaqqaf lil kull terza persuna milli, mingħajr il-kunsens tiegħu, tagħmel użu matul operazzjonijiet kummerċjali minn sinjali identiċi jew simili għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk li fir-rigward tagħhom it-trade mark kienet irreġistrata fil-każ fejn użu bħal dan iwassal għal probabbiltà ta' konfużjoni. Fil-każ ta' użu ta' sinjal identiku fir-rigward ta' prodotti jew servizzi identiċi, l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi preżunta. Id-drittijiet deskritti aktar 'il fuq m'għandhomx jippreġudikaw xi dritt preċedenti eżistenti u lanqas m'għandhom jaffettwaw il-possibbiltà tal-Membri li jagħmlu l-eżistenza tad-drittijiet suġġetta għall-użu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       Skond l-Artikolu 17 tal-Ftehim TRIPS, intitolat "Eċċezzjonijiet":

"Il-Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet limitati għad-drittijiet mogħtija minn trade mark, per eżempju, fir-rigward ta' l-użu xieraq ta' termini deskrittivi, bil-kundizzjoni li dawn l-eċċezzjonijiet jieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark u tal-persuni terzi." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10     L-Artikolu 70 ta' dan il-ftehim, intitolat "Protezzjoni ta' suġġetti eżistenti", jipprovdi li:

"1.      Dan il-Ftehim ma joħloqx obbligi fir-rigward ta' atti li twettqu qabel id-data ta' applikazzjoni għall-Membru in kwistjoni.

2.      Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f'dan il-Ftehim, dan il-Ftehim joħloq obbligi fir-rigward tas-suġġetti kollha eżistenti fid-data ta' applikazzjoni tiegħu għall-Membru in kwistjoni u li huma protetti f'dan il-Membru f'din id-data, jew li jissodisfaw jew jaslu sabiex sussegwentament jissodisfaw il-kriterji ta' protezzjoni definiti f'dan il-Ftehim. […]

[…]

4.      Fir-rigward ta' l-atti kollha dwar suġġetti speċifiċi li jinkorporaw suġġetti protetti li jisfaw in vjolazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tkun in konformità ma' dan il-Ftehim, u li kienu nbdew, jew li, fir-rigward tagħhom, kien sar investiment sinjifikanti, qabel id-data ta' aċċettazzjoni tal-Ftehim WTO minn dan il-Membru, kull Membru jista' jipprovdi għal limitazzjoni tal-miżuri korrettivi li l-proprjetarju tad-dritt jista' jikseb fir-rigward tal-kontinwazzjoni ta' dawn l-atti wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għal dan il-Membru. F'każijiet bħal dawn, madankollu, il-Membru għandu jipprovdi, minn ta' l-anqas, għall-ħlas ta' remunerazzjoni ekwa.

[…]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Komunitarju

11     L-għan ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1) huwa, skond l-ewwel premessa tagħha, li jiġu approssimati l-liġijiet nazzjonali dwar it-trade marks sabiex jiġu eliminati d-differenzi eżistenti li jistgħu jfixklu l-moviment liberu ta' prodotti u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jistgħu jgħawwġu l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq komuni.

12     Madankollu, kif jirriżulta mit-tielet premessa tad-Direttiva 89/104, l-għan ta' din id-direttiva mhux li tintlaħaq approssimazzjoni kompleta tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar trade marks.

13     L-Artikolu 5(1), (2), (3) u (5) tad-Direttiva 89/104, li prinċipalment jiddetermina l-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata mid-dritt għal trade mark, jipprovdi li:

"1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-propjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-propjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)       kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

b)       kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità, jew li jixba[h] it-trade mark u l-identità jew xeb[h] [tal]-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibilità ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibilità ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2. Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-propjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul ill-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu [i]dentiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhu[mie]x simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-[sinjal] mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddivrenzja wieħed għall-ieħor jew [għar-]reputazzjoni tat-trade mark.

3. Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

a) li jitwaħħal is-[sinjal] ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

[...]

5. Il-paragrafi 1 sa 4 m'għandhomx jaffettwaw id-disposizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru dwar protezzjoni kontra l-użu tas-sinjal barra dak għall-iskopijiet li jiddistingwu bejn merkanzija jew servizzi, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ minn, jew hu ta’ detriment għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark."

14     L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104, intitolat "Limitazzjoni ta' l-effetti ta' trade mark", jipprovdi li:

"1. It-trade mark m'għandhiex tagħti d-dritt lill-propjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ,

a) l-isem jew l-indirizz tiegħu;

[…]

sakemm jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali."

 Id-dritt nazzjonali

 Id-dritt dwar it-trade marks

15     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tat-tavaramerkkilaki (liġi dwar it-trade marks) (7/1964), ta' l-10 ta' Jannar 1964:

"Kull persuna tista' tuża, fil-kuntest ta' l-attivitajiet kummerċjali tagħha, l-isem tagħha, l-indirizz tagħha jew l-isem kummerċjali tagħha bħala simbolu kummerċjali tal-prodotti tagħha sakemm l-użu ta' dan is-simbolu ma jkunx tali li jkun jista' joħloq konfużjoni mat-trade mark protetta ta' terza persuna, jew ma' l-isem, l-indirizz jew l-isem kummerċjali legalment użat minn terza persuna fl-attivitajiet kummerċjali tagħha."

16     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4 tat-tavaramerkkilaki jipprovdi li:

"Id-dritt, previst fl-Artikoli 1 sa 3 ta' din il-liġi, li wieħed juża sinjal distintiv fuq il-merkanzija tiegħu jfisser li l-ebda persuna oħra, għajr il-proprjetarja tas-sinjal, ma tista', fil-kummerċ, tuża bħala sinjal għall-prodotti tagħha sinjali li jistgħu joħolqu konfużjoni, kemm jekk fuq il-prodotti tagħha u fuq l-ippakkjar tagħhom, fil-pubbliċità jew f'dokumenti tan-negozju jew b'xi mod ieħor, inkluż l-użu orali. […]"

17     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6 tat-tavaramerkkilaki jipprovdi li:

"Is-sinjali għandhom biss jitqiesu li jistgħu joħolqu konfużjoni fis-sens ta' din il-liġi jekk jidentifikaw tipi identiċi jew simili ta' merkanzija."

18     Skond l-Artikolu 7 tat-tavaramerkkilaki, meta diversi persuni jippretendu li għandhom id-dritt esklużiv li, fuq il-merkanzija tagħhom, jużaw sinjali li jistgħu jiġu konfużi, għandha tingħata preferenza lil dik il-persuna li tkun tista' tinvoka bażi ġuridika preċedenti safejn id-dritt mitlub ma jkunx intilef minħabba, per eżempju, l-passività min-naħa tal-proprjetarju.

19     Skond il-punt 6 ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 14 tat-tavaramerkkilaki, trade marks li jistgħu jiġu konfużi ma' l-isem kummerċjali protett, mas-sinjal sekondarju jew mat-trade mark ta' operatur ekonomiku ieħor ma jistgħux jiġu reġistrati.

20     Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-leġiżlatur nazzjonali deherlu li t-tavaramerkkilaki hija konformi mal-Ftehim TRIPS u li, għaldaqstant, ma kienx hemm bżonn li tiġi emendata f'dan ir-rigward. Bl-istess mod, il-leġiżlatur nazzjonali qies li d-dispożizzjonijiet tat-tavaramerkkilaki dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni ta' trade marks fir-rigward ta' tipi prodotti identiċi jew simili ta' merkanzija huma kompatibbli mad-Direttiva 89/104 b'tali mod li setgħu jitħallew kif inhuma.

 Id-dritt dwar l-ismijiet kummerċjali

21     Skond l-Artikolu 2(1) tat-toiminimilaki (liġi dwar l-ismijiet kummerċjali) (128/1979), tat-2 ta' Frar 1979, id-dritt esklużiv għall-użu ta' isem kummerċjali jinkiseb jew permezz tar-reġistrazzjoni ta' dan l-isem jew permezz ta' l-istabbiliment tiegħu permezz ta' l-użu.

22     L-Artikolu 2(3) tat-toiminimilaki jipprovdi li:

"Isem kummerċjali għandu jitqies bħala stabbilit permezz ta' l-użu jekk ikun magħruf b'mod ġenerali fost il-pubbliku kopert mill-attività ta' l-operatur ekonomiku."

23     Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-ġurisprudenza tagħha, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi ġie interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipproteġi, minbarra l-ismijiet kummerċjali rreġistrati jew stabbiliti permezz ta' l-użu fil-Finlandja, l-ismijiet kummerċjali barranin irreġistrati fi Stat ieħor li jkun parti f'din il-konvenzjoni, kif ukoll is-sinjali anċillari li jinsabu f'dan l-isem kummerċjali. Madankollu, skond din il-ġurisprudenza, il-protezzjoni ta' ismijiet kummerċjali barranin bħal dawn hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-element "effettiv" ta' l-isem kummerċjali jkun magħruf, ta' l-anqas sa ċertu livell, mill-pubbliku professjonali kkonċernat fil-Finlandja.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24     Anheuser-Busch hija l-proprjetarja fil-Finlandja tat-trade marks, relatati mal-birra, Budweiser, Bud, Bud Light u Budweiser King of Beers, irreġistrati bejn il-5 ta' Ġunju 1985 u l-5 ta' Awwissu 1992. L-ewwel applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' dawn it-trade marks, jiġifieri dik ta' Budweiser, saret fl-24 ta' Ottubru 1980.

25     Fl-1 ta' Frar 1967, Budvar irreġistrat l-isem kummerċjali tagħha fir-reġistru tal-kummerċ Ċekoslovakk. Din ir-reġistrazzjoni kienet saret biċ-Ċek ("Budĕjovický Budvar, národní podnik"), bl-Ingliż ("Budweiser Budvar, National Corporation") u bil-Franċiż ("Budweiser Budvar, Entreprise nationale"). Barra minn hekk, Budvar kienet il-proprjetarja fil-Finlandja tat-trade marks Budvar u Budweiser Budvar, li jirrigwardaw il-birra, irreġistrati fil-21 ta' Mejju 1962 u fit-13 ta' Novembru 1972 rispettivament, iżda kienet ġiet imneżża' minn dawn id-drittijiet mill-qrati Finlandiżi minħabba li m'għamlitx użu minnhom.

26     Permezz ta' rikors imressaq fil-11 ta' Ottubru 1996 quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (Qorti tal-Prim'Istanza ta' Helsinki) (Il-Finlandja), Anheuser-Busch talbet li Budvar tiġi pprojbita milli żżomm jew iġġedded l-użu fil-Finlandja tat-trade marks Budĕjovický Budvar, Budweiser Budvar, Budweiser, Budweis, Budvar, Bud u Budweiser Budbraü bħala sinjali għall-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta' birra prodotta minn Budvar. Barra minn hekk, Anheuser-Busch talbet li jitneħħew it-tikketti kollha li jiksru din il-projbizzjoni u li Budvar tiġi kkundannata tħallas id-danni u l-interessi li jirriżultaw mill-ksur tad-drittijiet tagħha fil-qasam tat-trade marks.

27     F'dan ir-rigward, Anheuser-Busch sostniet li s-sinjali użati minn Budvar jistgħu jiġu konfużi fis-sens tat-tavaramerkkilaki mat-trade marks tagħha peress li l-imsemmija sinjali u trade marks ikopru tipi ta' prodotti identiċi jew simili.

28     Permezz ta' l-istess azzjoni, Anheuser-Busch talbet ukoll li Budvar tiġi pprojbita milli tuża fil-Finlandja, taħt piena ta' ammenda skond it-toiminimilaki, l-ismijiet kummerċjali "Budĕjovický Budvar, národní podnik", "Budweiser Budvar", "Budweiser Budvar, national enterprise", "Budweiser Budvar, Entreprise nationale" u "Budweiser Budvar, National Corporation" minħabba li hemm il-probabbiltà li dawn ikunu konfużi mat-trade marks tagħha.

29     Fid-difiża tagħha, Budvar sostniet li s-sinjali użati fil-Finlandja għall-kummerċjalizzazzjoni tal-birra tagħha ma jistgħux jiġu konfużi mat-trade marks ta' Anheuser-Busch. Barra minn hekk, Budvar sostniet li, fir-rigward tas-sinjal "Budweiser Budvar", ir-reġistrazzjoni ta' l-isem kummerċjali tagħha kemm biċ-Ċek kif ukoll bl-Ingliż u bil-Franċiż, kienet tagħtiha, skond l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, dritt preċedenti fil-Finlandja meta mqabbel mat-trade marks ta' Anheuser-Busch u li għaldaqstant dan id-dritt kien protett bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni.

30     Permezz tad-deċiżjoni tagħha ta' l-1 ta' Ottubru 1998, il-Helsingin käräjäoikeus ikkonkludiet li t-tikketti tal-fliexken tal-birra użati minn Budvar fil-Finlandja u b'mod partikolari s-sinjal dominanti "Budĕjovický Budvar" li jinsab fuqhom kienu, b'mod partikolari fid-dawl tal-preżentazzjoni sħiħa tagħhom, tant differenti mit-trade marks u mit-tikketti ta' Anheuser-Busch li l-prodotti in kwistjoni ma setgħux jiġu konfużi.

31     Barra minn hekk, hija ddeċidiet li s-sinjal "BREWED AND BOTTLED BY THE BREWERY BUDWEISER BUDVAR national enterprise", li jidher fuq it-tikketti taħt l-imsemmi sinjal dominanti u li huwa f'ittri konsiderevolment iżgħar minnu, ma kienx użat bħala trade mark iżda sempliċement bħala indikazzjoni ta' l-isem kummerċjali tal-birrerija. F'dan ir-rigward, hija qieset li Budvar għandha d-dritt li tuża dan is-sinjal peress li jirrappreżenta l-verżjoni bl-Ingliż ta' l-isem kummerċjali tagħha, irreġistrat bħala tali, li, skond id-dikjarazzjoni tax-xhieda u ta' l-anqas sa ċertu livell, kien magħruf mill-pubbliku professjonali kkonċernat fil-mument tar-reġistrazzjoni tat-trade marks ta' Anheuser-Busch, b'tali mod li, fil-Finlandja, dan is-sinjal huwa wkoll protett mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi.

32     Fl-appell, il-Helsingin hovioikeus (Qorti ta' l-Appell ta' Helsinki) (Il-Finlandja) iddeċidiet, permezz ta' sentenza tas-27 ta' Ġunju 2000, li d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda msemmija aktar 'il fuq ma kinux biżżejjed sabiex jippruvaw li l-verżjoni bl-Ingliż ta' l-isem kummerċjali ta' Budvar kienet magħrufa, minn ta' l-anqas sa ċertu livell, mill-pubbliku professjonali kkonċernat fil-Finlandja qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade marks ta' Anheuser-Busch. Għaldaqstant, hija warrbet id-deċiżjoni tal-Helsingin käräjäoikeus safejn din ikkunsidrat li l-verżjoni bl-Ingliż ta' l-isem kummerċjali ta' Budvar kellu jkun protett fil-Finlandja taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi.

33     Sussegwentament, kemm Anheuser-Busch u kemm Budvar appellaw quddiem il-Korkein oikeus (Qorti Suprema) kontra s-sentenza tal-Helsingin hovioikeus fejn ibbażaw ruħhom essenzjalment fuq l-argumenti li kienu diġà invokaw fl-ewwel istanza u fl-appell.

34     Fid-deċiżjoni ta' rinviju tagħha, il-Korkein oikeus tikkonstata li, mill-punt 35 tas-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 2000, Dior et (C-300/98 u C-392/98, Ġabra p. I-11307), jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tinterpreta dispożizzjoni tal-Ftehim TRIPS meta din tkun tista' tapplika kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali u kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju, bħalma huwa l-każ fil-qasam tat-trade marks.

35     Il-qorti tar-rinviju żżid li fil-punti 47 sa 49 ta' l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-oqsma li fihom japplika l-Ftehim TRIPS, wieħed ikollu quddiemu sitwazzjoni li taqa' taħt id-dritt Komunitarju meta jkun involut qasam li fih il-Komunità tkun diġà lleġiżlat iżda dan ma jkunx il-każ meta jkun involut qasam li fih il-Komunità tkun għadha ma lleġiżlatx u li, għaldaqstant, jaqa' fil-kompetenza ta' l-Istati Membri.

36     Skond il-Korkein oikeus, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS fir-rigward tat-trade marks jikkonċernaw qasam li fih il-Komunità diġà lleġiżlat u li, għaldaqstant, jaqa' taħt id-dritt Komunitarju. Mill-banda l-oħra, s'issa, il-Komunità għadha ma lleġiżlatx fil-qasam ta' ismijiet kummerċjali.

37     Fir-rigward ta' l-applikabbiltà ratione temporis tal-Ftehim TRIPS għall-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tosserva li, mill-punti 49 u 50 tas-sentenza tat-13 ta' Settembru 2001, Schieving-Nijstad et (C-89/99, Ġabra p. I-5851), jirriżulta li l-Ftehim TRIPS huwa, skond l-Artikolu 70(1) tiegħu, applikabbli safejn il-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jkompli wara d-data li fiha d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS ikunu saru applikabbli fir-rigward tal-Komunità u ta' l-Istati Membri.

38     Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Artikolu 70(2) tal-Ftehim TRIPS jipprovdi, sakemm m'hemmx xi dispożizzjoni kuntrarja fl-istess ftehim, dan joħloq obbligi fir-rigward tas-suġġetti kollha eżistenti fid-data ta' applikazzjoni tiegħu għall-Membru in kwistjoni u li huma protetti f'dan il-Membru f'din id-data, jew li jissodisfaw jew jaslu sabiex sussegwentament jissodisfaw il-kriterji ta' protezzjoni definiti f'dan il-ftehim.

39     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Meta jkun hemm kunflitt bejn trade mark u sinjal li allegatament jikser din it-trade mark u meta dan il-kunflitt ikun seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim TRIPS, jekk ikun indikat li l-allegat ksur tat-trade mark kompla jseħħ wara d-data li fiha l-Ftehim TRIPS sar applikabbli fil-Komunità u fl-Istati Membri tagħha, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim sabiex jiġi ddeterminat liema wieħed minn dawn iż-żewġ drittijiet għandu bażi ġuridika preċedenti?

2)      Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

a)      l-isem kummerċjali ta' kumpannija jista' jitqies, huwa wkoll, bħala sinjal għal prodotti jew għal servizzi fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS?

b)      fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a):

f'liema ċirkustanzi jista' isem kummerċjali jitqies bħala sinjal għal prodotti jew għal servizzi fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS?

3)      Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a):

a)      kif għandu jiġi interpretat ir-riferiment għad-drittijiet preċedenti eżistenti, magħmul fit-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS? Jista' wieħed iqis li d-dritt li jirrigwarda isem kummerċjali huwa wkoll dritt preċedenti eżistenti fis-sens tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1)?

b)      fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(a), kif għandu jiġi interpretat ir-riferiment iċċitat aktar 'il fuq għal dritt preċedenti eżistenti, imsemmi fit-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS, meta jkun involut isem kummerċjali li la jkun irreġistrat u lanqas stabbilit permezz ta' l-użu fl-Istat fejn it-trade mark hija rreġistrata u fejn qed tiġi mitluba l-protezzjoni tagħha fir-rigward ta' l-isem kummerċjali in kwistjoni, fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, jeżisti obbligu ta' protezzjoni ta' l-isem kummerċjali indipendentament mir-reġistrazzjoni tiegħu u li, skond il-Korp ta' l-Appell Permanenti tal-WTO, ir-riferiment li l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim TRIPS jagħmel għall-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, jfisser li l-membri tal-WTO huma, taħt dan il-ftehim, obbligati jipproteġu l-isem kummerċjali bis-saħħa ta' din l-aħħar dispożizzjoni? F'każ bħal dan, li jirrigwarda evalwazzjoni dwar jekk isem kummerċjali għandux bażi ġuridika li tippreċedi dik ta' trade mark għall-finijiet tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS, wieħed jista' jqis bħala deċiżiv:

i)      il-fatt li, fl-Istat fejn it-trade mark hija rreġistrata u fejn intalbet il-protezzjoni tagħha, l-isem kummerċjali kien, ta' l-anqas sa ċertu livell, magħruf fost il-pubbliku professjonali rilevanti ta' l-Istat ikkonċernat qabel id-data li fiha ntalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark f'dak l-Istat;

ii)      jew li, fir-relazzjonijiet kummerċjali li jirrigwardaw l-Istat fejn it-trade mark hija rreġistrata u fejn intalbet il-protezzjoni tagħha, l-isem kummerċjali kien ġie użat qabel id-data li fiha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark f'dan l-Istat;

iii)      jew xi fattur ieħor li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-isem kummerċjali għandux jitqies bħala dritt preċedenti eżistenti fis-sens tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

40     Skond Anheuser-Busch, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fl-intier tagħha peress li, fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-Ftehim TRIPS mhux applikabbli la ratione temporis u lanqas ratione materiae. Għaldaqstant, f'din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet ikkonċernati ta' dan il-ftehim.

41     Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din hija kompetenti sabiex tinterpreta dispożizzjoni tal-Ftehim TRIPS bil-għan li twieġeb għall-ħtiġijiet ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istati Membri meta dawn ikunu msejħa sabiex japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom bil-għan li jordnaw miżuri għall-protezzjoni tad-drittijiet li joħorġu minn leġiżlazzjoni Komunitarja li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-ftehim (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dior et, iċċitata aktar 'il fuq, punti 35 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42     Minħabba li hija parti fil-Ftehim TRIPS, il-Komunità hija, fil-fatt, marbuta li tinterpreta, safejn ikun possibbli, il-leġiżlazzjoni tagħha fuq it-trade marks fid-dawl tat-test u ta' l-għan ta' dan il-ftehim (ara, fir-rigward ta' sitwazzjoni li taqa', fl-istess ħin, kemm taħt dispożizzjoni tal-Ftehim TRIPS kif ukoll tad-Direttiva 89/104, is-sentenza ta' l-24 ta' Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C-49/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).

43     Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tinterpreta l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS, id-dispożizzjoni li hija s-suġġett tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari.

44     Il-kwistjoni dwar jekk il-Ftehim TRIPS u, b'mod partikolari, l-Artikolu 16 tiegħu, huwiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni, liema interpretazzjoni fil-fatt hija s-suġġett tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari. Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni ta' l-applikabbiltà ratione materiae tal-Ftehim TRIPS hija inkluża fl-aħħar żewġ domandi preliminari u ser tiġi kkunsidrata fil-kuntest tar-risposta li ser tingħata lil dawn id-domandi.

45     Min-naħa tagħha, il-kwistjoni ta' l-applikabbiltà ratione temporis hija s-suġġett ta' l-ewwel domanda preliminari.

46     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

47     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk il-Ftehim TRIPS japplikax fil-każ ta' kunflitt bejn trade mark u sinjal li allegatament jikser din it-trade mark meta dan il-kunflitt ikun beda qabel id-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim TRIPS, iżda jkun kompla wara din id-data.

48     Fil-punti 49 u 50 tas-sentenza Schieving-Nijstad et, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jekk l-allegat ksur ta' trade mark beda qabel id-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim TRIPS fir-rigward tal-Komunità u ta' l-Istati Membri – jiġifieri qabel l-1 ta' Jannar 1996 –, dan ma jfissirx neċessarjament li atti bħal dawn kienu "twettqu", fis-sens ta' l-Artikolu 70(1) tal-Ftehim TRIPS, qabel din id-data. Hija ppreċiżat li, jekk l-atti li bihom huma akkużati terzi persuni tkomplew sad-data li fiha l-qorti tat id-deċiżjoni tagħha – jiġifieri, fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, wara d-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim TRIPS –, id-dispożizzjoni kkonċernata ta' l-imsemmi ftehim kienet rilevanti, ratione temporis, sabiex tinqata' l-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

49     L-effett ta' l-Artikolu 70(1) tal-Ftehim TRIPS huwa biss li dan il-ftehim ma jimponix obbligi fir-rigward ta' "atti li twettqu" qabel id-data ta' applikazzjoni tiegħu iżda ma jeskludix dawn l-obbligi fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li jkomplu jeżistu wara din id-data. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 70(2) ta' dan il-ftehim jippreċiża li obbligi li jirriżultaw minn dan il-ftehim jinħolqu, b'mod partikolari, fir-rigward "tas-suġġetti kollha eżistenti [...] li huma protetti" fid-data ta' applikazzjoni tiegħu fir-rigward ta' Membru ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (aktar 'il quddiem il-"WTO"), b'tali mod li membru bħal dan huwa obbligat li, minn din id-data, li jissodisfa l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-Ftehim TRIPS fir-rigward tas-suġġetti eżistenti [ara wkoll, f'dan is-sens, ir-rapport tal-Korp ta' Appell stabbilit fi ħdan id-WTO, maħruġ fit-18 ta' Settembru 2000, Canada – Tul tal-protezzjoni mogħtija minn privattiva (AB-2000-7), WT/DS170/AB/R, punti 69, 70 u 71].

50     Barra minn hekk, l-Artikolu 70(4) tal-Ftehim TRIPS ikopri l-atti li jirrigwardaw suġġetti speċifiċi li jinkorporaw suġġetti protetti li jwasslu għal ksur ta' dritt fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li tkun konformi ma' l-imsemmi ftehim, u li kienu nbdew, jew li fir-rigward tagħhom kien sar investiment sinjifikanti, qabel id-data ta' aċċettazzjoni tal-Ftehim WTO. F'sitwazzjoni bħal din, l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti li l-Membri jipprovdu għal limitazzjonijiet fir-rigward tal-miżuri korrettivi li l-proprjetarju tad-dritt ikun jista' jikseb fir-rigward tal-kontinwazzjoni ta' dawn l-atti wara d-data ta' applikazzjoni ta' l-imsemmi ftehim għall-Membru tal-WTO kkonċernat.

51     F'din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-atti li bihom hija akkużata Budvar fil-Finlandja kienu ċertament bdew qabel id-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim TRIPS, iżda komplew wara din id-data. Barra minn hekk, hemm qbil li l-proċedura għal ksur tikkonċerna sinjali protetti bħala trade marks fil-Finlandja fid-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim TRIPS, jiġifieri, fir-rigward ta' dan l-Istat Membru, l-1 ta' Jannar 1996, u li din il-proċedura ġiet mibdija fil-11 ta' Ottubru 1996, jiġifieri wara din id-data.

52     Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li, skond l-Artikolu 70(1) u (2) tal-Ftehim TRIPS, dan il-ftehim japplika għal sitwazzjoni bħal din.

53     Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Ftehim TRIPS japplika fil-każ ta' kunflitt bejn trade mark u sinjal li allegatament jikser din it-trade mark, meta l-imsemmi kunflitt ikun beda qabel id-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim TRIPS iżda jkun tkompla wara din id-data.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

 Osservazzjonijiet preliminari

54     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura u ta' l-istruttura tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS m'għandhomx effett dirett. Fil-prinċipju, dawn id-dispożizzjonijiet la huma fost dawk in-normi li l-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji fil-konfront tagħhom bis-saħħa ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE u lanqas ma huma ta' natura tali li joħolqu drittijiet għall-individwi li dawn ikunu jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti bis-saħħa tad-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dior et, iċċitata aktar 'il fuq, punti 42 sa 45).

55     Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, il-qrati nazzjonali huma obbligati li, meta jkunu msejħa sabiex japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom bil-għan li jordnaw miżuri għall-protezzjoni ta' drittijiet li jaqgħu f'qasam li għalih japplika l-Ftehim TRIPS u li fih il-Komunità diġà lleġiżlat, bħalma huwa l-każ fil-qasam tat-trade mark, jagħmlu dan, safejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS ikkonċernati (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenza Dior et, iċċitata aktar 'il fuq, punti 42 sa 47).

56     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond l-imsemmija ġurisprudenza, l-awtoritajiet kompetenti msejħa sabiex japplikaw u jinterpretaw id-dritt nazzjonali rilevanti huma marbutin ukoll li jagħmlu dan, safejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-Direttiva 89/104 sabiex jintlaħaq ir-riżultat intenzjonat minn din id-direttiva u sabiex b'hekk jirrispettaw it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta' Frar 2004, Henkel, C-218/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57     Għaldaqstant, f'din il-kawża, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali dwar it-trade marks għandhom jiġu applikati u interpretati, safejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati kemm tad-Direttiva 89/104 kif ukoll tal-Ftehim TRIPS.

 Fuq it-tieni domanda

58     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk u, jekk ikun il-każ, f'liema ċirkustanzi, isem kummerċjali jista' jikkostitwixxi sinjal fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS b'tali mod li, bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni, il-proprjetarju ta' trade mark ikollu d-dritt esklużiv li jwaqqaf l-użu tagħha minn terza persuna li tkun qiegħda taġixxi mingħajr il-kunsens tiegħu.

59     Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-Direttiva 89/104, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta' użu minn terza persuna previst fl-Artikolu 5(1) ta' din id-direttiva, jirriżulta li d-dritt esklużiv li ġġib magħha trade mark ingħata sabiex jippermetti lill-proprjetarju tagħha jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju tat-trade mark, jiġifieri sabiex jassigura li din it-trade mark tkun tista' taqdi l-funzjonijiet tagħha u li, għaldaqstant, l-eżerċizzju ta' dan id-dritt għandu jkun riżervat għall-każijiet li fihom l-użu tas-sinjal minn terza persuna jagħmel ħsara jew jista' jagħmel ħsara lill-funzjonijiet tat-trade mark u, b'mod partikolari, lill-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott (ara s-sentenza tat-12 ta' Novembru 2002, Arsenal Football Club, C-206/01, Ġabra p. I-10273, punti 51 u 54).

60     Dan ikun b'mod partikolari l-każ jekk l-użu tas-sinjal li bih tkun akkużata t-terza persuna jkun ta' natura li jagħti l-impressjoni li teżisti rabta kummerċjali materjali bejn il-prodotti tat-terza persuna u l-impriża ta' oriġini ta' dawn il-prodotti. F'dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk il-konsumaturi li għalihom huwa mmirat il-prodott, inklużi dawk li lilhom ikunu ppreżentati l-prodotti wara li jkunu nħarġu mill-post tal-bejgħ tat-terza persuna, jistgħux jinterpretaw is-sinjal kif użat mit-terza persuna bħala li jagħti indikazzjoni jew li x'aktarx jagħti indikazzjoni ta' l-impriża ta' oriġini tal-prodotti tat-terza persuna (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Arsenal Football Club, iċċitata aktar 'il fuq, punti 56 u 57).

61     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel din il-verifika fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti ta' l-użu tas-sinjal li bih hija akkużata t-terza persuna fil-kawża prinċipali, jiġifieri, f'din il-kawża, it-tikketti użati minn Budvar fil-Finlandja.

62     Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tikkonferma jekk fil-kawża prinċipali huwiex involut użu "matul il-kummerċ" u li sar "fejn għandhom x'jaqsmu merkanzija" fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Arsenal Football Club, iċċitata aktar 'il fuq, punti 40 u 41).

63     Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ li s-sinjal u t-trade mark, kif ukoll il-prodotti jew is-servizzi, ikunu identiċi, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 hija assoluta filwaqt li, fl-eventwalità koperta mill-Artikolu 5(1)(b), il-protezzjoni tal-proprjetarju teħtieġ ukoll il-prova ta' l-eżistenza, f'moħħ il-pubbliku, ta' probabbiltà ta' konfużjoni minħabba l-identità jew ix-xebh bejn is-sinjali u t-trade marks u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti (ara f'dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta' Jannar 2003, Davidoff, C-292/00, Ġabra p. I-389, punt 28, u ta' l-20 ta' Marzu 2003, LTJ Diffusion, C-291/00, Ġabra p. I-2799, punti 48 u 49).

64     Madankollu, jekk mill-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, imsemmija fil-punt 60 ta' din is-sentenza, jirriżulta li l-użu tas-sinjal in kwistjoni fil-kawża prinċipali sar għal finijiet għajr milli sabiex jiġu distinti l-prodotti kkonċernati – b'mod partikolari bħala isem kummerċjali jew bħala isem ta' kumpannija –, għandu jsir riferiment, skond l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 89/104, għas-sistema ġuridika ta' l-Istat Membru kkonċernat sabiex tiġi determinata l-portata u, jekk ikun il-każ, il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark li jallega li sofra dannu minħabba l-użu ta' dan is-sinjal bħala isem kummerċjali jew isem ta' kumpannija (ara s-sentenza tal-21 ta' Novembru 2002, Robelco, C-23/01, Ġabra p. I-10913, punti 31 u 34).

65     Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Ftehim TRIPS, għandu jiġi mfakkar li l-għan prinċipali ta' dan il-ftehim huwa li jsaħħaħ u jarmonizza l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fuq il-livell dinji (ara s-sentenza Schieving-Nijstad et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66     Skond il-preambolu tiegħu, l-għan tal-Ftehim TRIPS huwa li "jitnaqqsu d-distorsjonijiet u l-ostakoli fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali" billi "jittieħed in kunsiderazzjoni l-bżonn li tkun promossa protezzjoni effettiva u suffiċjenti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali" filwaqt li jkun assigurat li "l-miżuri u l-proċeduri intiżi sabiex jassiguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jsirux huma stess ostakoli għall-kummerċ leġittimu".

67     L-Artikolu 16 tal-Ftehim TRIPS jagħti lill-proprjetarju ta' trade mark reġistrata livell minimu ta' drittijiet esklużivi, miftiehem fuq il-livell internazzjonali, li l-Membri kollha tal-WTO huma obbligati jiggarantixxu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Dawn id-drittijiet esklużivi jipproteġu l-proprjetarju kontra l-ħsara li terzi persuni, li ma jkunux awtorizzati, jistgħu jagħmlu lit-trade mark reġistrata [ara wkoll ir-rapport tal-Korp ta' Appell fi ħdan il-WTO, maħruġ fit-2 ta' Jannar 2002, L-Istati Uniti – Artikolu 211 tal-Liġi Ġenerali ta' l-1998 dwar l-Għoti ta' Krediti (AB-2001-7), WT/DS/176/AB/R, punt 186].

68     L-Artikolu 15 tal-Ftehim TRIPS jipprovdi, b'mod partikolari, li kull sinjal, jew kull taħlita ta' sinjali, li jista' jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra għandu jkun jista' jammonta għal trade mark.

69     B'dan il-mod, din id-dispożizzjoni tal-Ftehim TRIPS tistabbilixxi, l-istess bħall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104, il-garanzija ta' oriġini li hija l-funzjoni essenzjali tat-trade mark (ara fir-rigward ta' din id-direttiva, b'mod partikolari, is-sentenza Arsenal Football Club, iċċitata aktar 'il fuq, punt 49).

70     Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-interpretazzjoni, safejn ikun possibbli, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali dwar it-trade marks fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju, f'dan il-każ id-Direttiva 89/104, ma tkunx ippreġudikata minn interpretazzjoni skond it-test u l-għan tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Ftehim TRIPS (ara l-punt 57 ta' din is-sentenza).

71     Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali dwar trade marks għandhom jiġu applikati u interpretati fis-sens li l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mogħti lill-proprjetarju tat-trade mark li jipprekludi l-użu tas-sinjal li jikkostitwixxi din it-trade mark jew ta' sinjal simili għal din it-trade mark għandu jkun irriżervat għall-każijiet fejn l-użu tas-sinjal minn terza persuna jagħmel ħsara jew jista' jagħmel ħsara lill-funzjonijiet tat-trade mark u, b'mod partikolari, lill-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott.

72     Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal din hija sostnuta mill-għan ġenerali tal-Ftehim TRIPS, imfakkar fil-punt 66 ta' din is-sentenza, li jimplika li għandu jkun assigurat bilanċ bejn l-għan li jitnaqqsu d-distorsjonijiet u l-ostakoli fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali u l-għan li tkun promossa protezzjoni effettiva u suffiċjenti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali b'tali mod li l-miżuri u l-proċeduri intiżi sabiex jassiguraw ir-rispett tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ma jsirux huma stess ostakoli għall-kummerċ leġittimu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Schieving-Nijstad et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38). Din id-distinzjoni tidher ukoll approprjata fid-dawl ta' l-għan partikolari ta' l-Artikolu 16 tal-Ftehim TRIPS, imfakkar fil-punt 67 ta' din is-sentenza, li jkun assigurat livell minimu ta' drittijiet esklużivi miftiehem fuq il-livell internazzjonali.

73     Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 16 tal-Ftehim TRIPS, li, fil-verżjonijiet bil-Franċiż, bl-Ingliż u bl-Ispanjol, li huma awtentiċi, jeħtieġu li l-użu għandu jsir "matul operazzjonijiet kummerċjali" ("au cours d'opérations commerciales", "in the course of trade", "en el curso de operaciones comerciales") u "għal prodotti" ("pour des produits", "for goods", "para bienes") jidhru li jikkorrispondu għal dawk stabbiliti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104, li jippreċiżaw li l-użu għandu jsir "matul il-kummerċ" (fil-verżjonijiet bil-Franċiż, bl-Ingliż u bl-Ispanjol, "dans la vie des affaires", "in the course of trade" u "en el tráfico económico" rispettivament) u "fejn għandhom x'jaqsmu merkanzija" (fl-imsemmija verżjonijiet, "pour des produits", "in relation to goods" u "para productos" rispettivament).

74     Għandu jingħad ukoll li, jekk mill-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju jirriżulta li, f'din il-kawża, il-proprjetarju tat-trade mark jista' jinvoka d-drittijiet esklużivi tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS sabiex iwaqqaf l-użu li huma akkużati bih terzi persuni, l-imsemmi ftehim jinkludi dispożizzjoni oħra li tista' tkun rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

75     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi ta' interpretazzjoni kollha tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli sabiex taqta' l-kawża li għandha quddiemha, irrispettivament minn jekk tagħmilx referenza għalihom fid-domandi tagħha (ara s-sentenza tas-7 ta' Settembru 2004, Trojani, C-456/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76     Fil-kuntest ta' din il-kawża, għandu, b'mod aktar partikolari, jiġi eżaminat l-impatt possibbli ta' l-Artikolu 17 tal-Ftehim TRIPS li jippermetti lill-Membri tal-WTO li jipprovdu għal eċċezzjonijiet limitati għad-drittijiet mogħtija minn trade mark, per eżempju fir-rigward ta' l-użu xieraq ta' termini deskrittivi, bil-kundizzjoni li dawn l-eċċezzjonijiet jieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark u ta' terzi persuni. Din l-eċċezzjoni tista' tkopri l-użu tas-sinjal magħmul in bona fede minn terza persuna, b'mod partikolari jekk tkun involuta l-indikazzjoni ta' l-isem jew ta' l-indirizz tagħha.

77     Issa, fir-rigward tal-Komunità, eċċezzjoni bħal din hija prevista fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 89/104 li, fis-sustanza, jippermetti lit-terzi persuni jużaw is-sinjal sabiex jindikaw l-isem jew l-indirizz tagħhom, bil-kundizzjoni li dan l-użu jkun konformi ma' prattiċi onesti fl-oqsma industrijali jew kummerċjali.

78     Ċertament, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għamlu dikjarazzjoni konġunta, li ġiet imniżżla fil-minuti tal-Kunsill meta d-Direttiva 89/104 ġiet adottata, li din id-dispożizzjoni tkopri biss l-isem ta' persuni fiżiċi.

79     Madankollu, l-interpretazzjoni mogħtija f'dikjarazzjoni bħal din ma tistax tiġi utilizzata meta t-test tad-dispożizzjoni in kwistjoni ma jkun fih l-ebda referenza għall-kontenut tagħha u, għaldaqstant, il-kontenut tagħha ma jkollu l-ebda portata ġuridika. Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew espressament din il-limitazzjoni fil-preambolu tad-dikjarazzjoni tagħhom fejn iddikjaraw li "peress li d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li t-test tagħhom jinsab aktar 'il quddiem, ma jagħmlux parti mit-test leġiżlattiv, huma bla ħsara għall-interpretazzjoni tat-test leġiżlattiv mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej" (ara, is-sentenza Heidelberger Bauchemie, iċċitata aktar 'il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80     Issa, ir-restrizzjoni importanti għall-kunċett ta' "isem" kif tirriżulta mid-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 78 ta' din is-sentenza mhijiex imsemmija fit-test ta' l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 89/104. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni m'għandhiex portata ġuridika.

81     L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 89/104 tista', fil-prinċipju, tiġi invokata minn terza persuna sabiex titħalla tuża sinjal identiku jew simili għal trade mark sabiex tindika l-isem kummerċjali tagħha minkejja li jkun involut użu li jaqa' taħt l-Artikolu 5(1) ta' l-imsemmija direttiva li, fil-prinċipju, il-proprjetarju tat-trade mark jista' jipprojbixxi bis-saħħa tad-drittijiet esklużivi li huwa jgawdi taħt din id-dispożizzjoni.

82     Huwa meħtieġ ukoll li dan l-użu jkun konformi mal-prattiċi onesti fl-oqsma industrijali jew kummerċjali, li huwa l-uniku kriterju ta' evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104. Il-kundizzjoni ta' "użu onest" tikkostitwixxi, fis-sustanza, l-espressjoni ta' obbligu ta' lealtà fir-rigward ta' l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark (ara s-sentenza tas-7 ta' Jannar 2004, Gerolsteiner Brunnen, C-100/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, din hija, fis-sustanza, l-istess kundizzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 17 tal-Ftehim TRIPS.

83     F'dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li r-rispett ta' l-imsemmija kundizzjoni ta' użu onest għandu jiġi evalwat fid-dawl, minn naħa, ta' safejn l-użu ta' l-isem kummerċjali ta' terza persuna jinftiehem mill-pubbliku rilevanti, jew minn ta' l-anqas parti sinjifikanti ta' dan il-pubbliku, bħala indikazzjoni ta' rabta bejn il-prodotti tat-terza persuna u l-proprjetarju tat-trade mark jew persuna awtorizzata li tuża t-trade mark u, min-naħa l-oħra, safejn it-terza persuna kien imissha kienet konxja ta' dan. Fattur ieħor li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni meta tkun qiegħda ssir din l-evalwazzjoni huwa jekk hijiex involuta trade mark ta' ċerta fama fl-Istat Membru fejn hija rreġistrata u fejn intalbet il-protezzjoni tagħha li minnha t-terza persuna tkun tista' tagħmel profitt fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha.

84     Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li fosthom hemm ukoll it-tikketti tal-flixkun, sabiex tistħarreġ, b'mod aktar partikolari, jekk il-produttur tax-xarba li jkollha l-isem kummerċjali jistax jitqies li qiegħed jikkompeti b'mod mhux leali fir-rigward tal-proprjetarju tat-trade mark (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Gerolsteiner Brunnen, iċċitata aktar 'il fuq, punti 25 u 26).

85     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun is-segwenti:

–       isem kummerċjali jista' jikkostitwixxi sinjal fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tagħti lill-proprjetarju ta' trade mark id-dritt esklużiv li jwaqqaf lil terza persuna milli tagħmel użu minn dan is-sinjal jekk l-użu in kwistjoni jagħmel ħsara jew jista' jagħmel ħsara lill-funzjonijiet tat-trade mark u, b'mod partikolari, lill-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott;

–       l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 17 tal-Ftehim TRIPS huma intiżi, b'mod partikolari, sabiex jippermettu lil terza persuna tagħmel użu minn sinjal identiku jew simili għal trade mark sabiex tindika l-isem kummerċjali tagħha, bil-kundizzjoni madankollu li dan l-użu jkun konformi mal-prattiċi onesti fl-oqsma industrijali jew kummerċjali.

 Fuq it-tielet domanda

86     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk u, jekk ikun il-każ, f'liema ċirkustanzi, isem kummerċjali li la jkun irreġistrat u lanqas stabbilit permezz ta' l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark hija rreġistrata u fejn intalbet il-protezzjoni tagħha fir-rigward ta' l-isem kummerċjali in kwistjoni, jista' jitqies li għandu dritt preċedenti eżistenti fis-sens tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS, fid-dawl, b'mod partikolari, ta' l-obbligi ta' protezzjoni ta' l-isem kummerċjali li jirriżultaw għal dan l-Istat Membru mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi u mill-Artikolu 2(1) tal-Ftehim TRIPS.

87     Jekk mill-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, skond il-prinċipji stabbiliti fil-punt 60 ta' din is-sentenza b'risposta għat-tieni domanda, jirriżulta li l-użu magħmul mill-isem kummerċjali jaqa' taħt l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS, il-proprjetarju ta' trade mark għandu d-dritt esklużiv li jwaqqaf użu bħal dan sakemm ikunu rrispettati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17 ta' l-imsemmi ftehim.

88     Madankollu, it-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS tipprovdi li dan id-dritt esklużiv m'għandu jippreġudika l-ebda "dritt preċedenti eżistenti".

89     Din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li, jekk il-proprjetarju ta' isem kummerċjali jgawdi dritt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim TRIPS, li nħoloq qabel dak tat-trade mark li magħha huwa allegatament joħloq kunflitt u li jippermettilu li juża sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark, użu bħal dan ma jistax jiġi pprojbit bis-saħħa tad-dritt esklużiv li t-trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 16(1) ta' l-imsemmi ftehim.

90     Sabiex l-imsemmija dispożizzjoni, mifhuma b'dan il-mod, tkun applikabbli, huwa meħtieġ qabel kollox li t-terza persuna tkun tista' tinvoka dritt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni materjali tal-Ftehim TRIPS.

91     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-isem kummerċjali jammonta għal dritt li jaqa' fl-iskop ta' l-espressjoni "proprjetà intellettwali" fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tal-Ftehim TRIPS. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(1) ta' dan il-ftehim jirriżulta li l-protezzjoni ta' l-ismijiet kummerċjali, stabbilita speċifikament mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, hija espressament inkorporata fl-imsemmi ftehim. Il-protezzjoni ta' l-ismijiet kummerċjali hija, għaldaqstant, ir-responsabbiltà tal-Membri tal-WTO bis-saħħa tal-Ftehim TRIPS (ara wkoll ir-rapport tal-Korp ta' l-Appell stabbilit fi ħdan il-WTO, L-Istati Uniti – Artikolu 211 tal-Liġi Ġenerali ta' l-1998 dwar l-Għoti ta' Krediti, iċċitat aktar 'il fuq, punti 326 sa 341).

92     Minn dan jirriżulta li l-isem kummerċjali in kwistjoni, safejn jammonta għal suġġett eżistenti fis-sens ta' l-Artikolu 70(2) tal-Ftehim TRIPS, kif ingħad fil-punt 49 ta' din is-sentenza, għandu jiġi protett bis-saħħa tal-Ftehim TRIPS.

93     Għaldaqstant, l-isem kummerċjali jikkostitwixxi dritt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni materjali tal-Ftehim TRIPS b'tali mod li din l-ewwel kundizzjoni stabbilita mit-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS hija sodisfatta.

94     Barra minn hekk, għandu jkun involut dritt eżistenti. L-espressjoni "eżistenti" tfisser li d-dritt ikkonċernat għandu jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni temporali tal-Ftehim TRIPS u għandu jkun għadu protett fil-mument meta dan id-dritt huwa invokat mill-proprjetarju tiegħu sabiex jikkontesta l-pretensjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark li magħha allegatament huwa ħoloq kunflitt.

95     Għaldaqstant, f'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat jekk l-isem kummerċjali in kwistjoni, li dwaru hemm qbil li la kien irreġistrat u lanqas stabbilit permezz ta' l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark hija rreġistrata u fejn intalbet il-protezzjoni tagħha fir-rigward ta' l-isem kummerċjali in kwistjoni, jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta' din is-sentenza.

96     F'dan ir-rigward, mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, dispożizzjoni li l-Ftehim TRIPS jeżiġi li tkun irrispettata, kif intqal fil-punt 91 ta' din is-sentenza, jirriżulta li l-protezzjoni ta' l-isem kummerċjali għandha tkun assigurata mingħajr ma din ma tista' tkun suġġetta għal xi rekwiżit ta' reġistrazzjoni.

97     Fir-rigward ta' eventwali kundizzjonijiet dwar użu minimu jew dwar għarfien minimu ta' l-isem kummerċjali li għalihom, skond il-qorti tar-rinviju, hija suġġetta l-eżistenza ta' dan l-isem taħt id-dritt Finlandiż, għandu jiġi osservat li, fil-prinċipju, la l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS u lanqas l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi ma jipprekludu kundizzjonijiet bħal dawn.

98     Finalment, fir-rigward tal-kunċett tal-preċedenza tad-dritt in kwistjoni fis-sens tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS, dan il-kunċett ifisser li l-bażi tad-dritt ikkonċernat għandha tippreċedi fiż-żmien il-kisba tat-trade mark li magħha allegatament hemm kunflitt. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-kunċett huwa l-espressjoni tal-prinċipju tas-supremazija tat-titolu preċedenti ta' esklużività, li jirrappreżenta wieħed mill-bażijiet tad-dritt dwar it-trade marks u, b'mod aktar ġenerali, tad-dritt kollu dwar il-proprjetà industrijali.

99     F'dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li dan il-prinċipju ta' preċedenza jinsab ukoll fid-Direttiva 89/104, b'mod aktar partikolari, fl-Artikoli 4(2) u 6(2) tagħha.

100   Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li isem kummerċjali li la jkun irreġistrat u lanqas stabbilit permezz ta' l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark hija rreġistrata u fejn intalbet il-protezzjoni tagħha fir-rigward ta' l-isem kummerċjali in kwistjoni jista' jitqies bħala dritt preċedenti eżistenti fis-sens tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS jekk il-proprjetarju ta' l-isem kummerċjali jkollu dritt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni materjali u temporali tal-Ftehim TRIPS, li jkun inħoloq qabel dak tat-trade mark li magħha dan id-dritt huwa allegat li joħloq kunflitt u li jippermetti lill-proprjetarju li juża sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark.

 Fuq l-ispejjeż

101   L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Finlandiż u mill-Kummissjoni sabiex jissottomettu osservazzjonijiet lill-Qorti ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (il-Ftehim TRIPS), li jinsab fl-Anness I C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, approvat f'isem il-Komunità, safejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KEE tal-Kunsill, tat-22 ta' Diċembru 1994, japplika fil-każ ta' kunflitt bejn trade mark u sinjal li allegatament jikser din it-trade mark, meta l-imsemmi kunflitt ikun beda qabel id-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim TRIPS iżda jkun tkompla wara din id-data.

2)      Isem kummerċjali jista' jikkostitwixxi sinjal fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (il-Ftehim TRIPS). Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tagħti lill-proprjetarju ta' trade mark id-dritt esklużiv li jwaqqaf lil terza persuna milli tagħmel użu minn dan is-sinjal jekk l-użu in kwistjoni jagħmel ħsara jew jista' jagħmel ħsara lill-funzjonijiet tat-trade mark u, b'mod partikolari, lill-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott.

L-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 17 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (il-Ftehim TRIPS) huma intiżi, b'mod partikolari, sabiex jippermettu lil terza persuna tagħmel użu minn sinjal identiku jew simili għal trade mark sabiex tindika l-isem kummerċjali tagħha, bil-kundizzjoni madankollu li dan l-użu jkun konformi mal-prattiċi onesti fl-oqsma industrijali jew kummerċjali.

3)      Isem kummerċjali li la jkun irreġistrat u lanqas stabbilit permezz ta' l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark hija rreġistrata u fejn intalbet il-protezzjoni tagħha fir-rigward ta' l-isem kummerċjali in kwistjoni jista' jitqies bħala dritt preċedenti eżistenti fis-sens tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (il-Ftehim TRIPS) jekk il-proprjetarju ta' l-isem kummerċjali jkollu dritt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni materjali u temporali ta' dan il-ftehim, li jkun inħoloq qabel dak tat-trade mark li magħha dan id-dritt huwa allegat li joħloq kunflitt u li jippermetti lill-proprjetarju li juża sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Fuq