EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002CJ0409

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-14 ta' Ottubru 2004.
Jan Pflugradt vs il-Bank Ċentrali Ewropew.
Appell - Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew - Natura kuntrattwali tar-relazzjoni ta' xogħol - Bidla fir-responsabbiltajiet previsti fil-kuntratt tax-xogħol.
Kawża C-409/02 P.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:625

SENTENZA TAL-QORTI tal-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta' Ottubru 2004 (*)

"Appell – Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Natura kuntrattwali tar-relazzjoni ta' xogħol – Bidla fir-responsabbiltajiet previsti fil-kuntratt tax-xogħol"

Fil-kawża C-409/02 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja,

ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta' Novembru 2002  minn

Jan Pflugradt, irrappreżentat minn N. Pflüger, Rechtsanwalt, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent

bil-parti l-oħra fil-kawża li hija

Il-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentat minn  V. Saintot u T. Gilliams, bħala aġenti, assistiti minn  B. Wägenbaur, Rechtsanwalt, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta (Relatur), K. Lenaerts u S. von Bahr,   u Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Marzu 2004,

wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tiegħu Jan Pflugradt qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewriopej (Il-Ħames Awla) tat-22 ta' Ottubru Pflugradt vs Il-BĊE (T-178/00 u T-341/00, Ġabra p. II‑4035, aktar 'il-quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha din ċaħdet ir-rikorsi tiegħu għall-annullament ta' żewġ atti ("aktar 'il quddiem l-atti kkontestati") tal-Bank Ċentrali Ewropew (aktar 'il quddiem il-"BĊE"), l-ewwel wieħed, datat 23 ta' Novembru 1999 dwar l-evalwazzjoni tax-xogħol ta' l-interessat (aktar 'il quddiem ir-"rapport ta' evalwazzjoni għall-1999"), it-tieni, datat 28 ta' Ġunju 2000, li jistabbilixxi lista tar-responsabbiltajiet prinċipali tiegħu (aktar 'il quddiem in- "nota tat-28 ta' Ġunju 2000").

 Il-kuntest ġuridiku

2       Il-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (aktar 'il quddiem l-"istatut ta' SEBĊ"), li hu anness mat-Trattat, jinkludi, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

"Artikolu 12

Responsabbiltajiet tal-korpi deċiżjonali

12.3. Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli ta' Proċedura li jistabbilixxu l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpi deċiżjonali [tiegħu].

[...]

Artikolu 36

Il-Persunal

36.1. Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabilixxi l-kondizzjonijiet [ta' l]-impjegati tal-BĊE.

36.2. Il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha kompetenza f'kull tilwima bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu fil-limiti u taħt il-kondizzjoni stipulati fil-kondizzjonijiet ta' l-impieg."

3       Fuq il-bażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet il-Kunsill Regolatorju adotta, permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Ġunju 1998, emendata fil-31 ta' Marzu 1999 (ĠU L 125, p.32), il-kondizzjonijiet ta' l-impieg tal-persunal tal-BĊE (aktar 'il quddiem "kondizzjonijiet ta' l-impieg"), li b'mod partikolari jipprovdi:

"9. (a) Ir-relazzjoni ta' l-impjieg bejn il-BĊE u l-persunal tiegħu huma rregolati permezz ta' kuntratti ta' xogħol li ntlaħqu skond il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg preżenti. L-istatut tal-persunal adottat mill-Bord eżekuttiv jispeċifika aktar l-applikazzjoni ta' dawn il-kondizzjonijiet ta' l-impieg.

[...]

(c) Il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg ma huma regolati minn ebda dritt nazzjonali speċifiku. Il-BĊE japplika i) il-prinċipji ġenerali ta' dritt li huwa komuni għall-Istati Membri, ii) il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (KE) u iii) ir-regoli inklużi fir-regolamenti u direttivi (KE) dwar il-politika soċjali li huma indirizzati lill-Istati Membri. Kull darba li ser jkun neċessarju, dawn l-istrumenti legali ser jiġu implimentati mill-BĊE. Ser tingħata l-konsiderazzjoni neċessarja lir-rakkomandazzjonijiet (KE) fil-qasam tal-politika soċjali. Għall-interpretazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti taħt dawn il-kondizzjonijiet ta' l-impieg, il-BĊE ser jieħu debitament in konsiderazzjoni l-prinċipji stabbiliti mir-regolamenti, ir-regoli u l-ġurisprudenza li japplikaw għall-persunal ta' l-Istituzzjonijiet Kommunitarji.

10. (a) Il-kuntratti ta' xogħol bejn il-BĊE u l-persunal tiegħu għandhom jieħdu l-forma ta' ittri ta' ħatra li jiġu kontrafirmati mill-membri tal-persunal. L-ittri ta' ħatra għandhom jinkludu l-kondizzjonijiettal-kuntratt stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE ta' l-14 ta' Ottubru 1991 [...]

 [...]

42. Wara li jiġu eżawriti l-proċeduri interni kollha disponibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni f'kull kwistjoni bejn il-BĊE u xi membru preżenti jew membru preċedenti tal-persunal li għalih japplikaw dawn il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg.

Tali ġurisdizzjoni hija limitata għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-miżuri jew tad-deċiżjoni, sakemm il-kwistjoni ma tkunx ta' natura finanzjarja, f'liema każ il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sħiħa."]

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Fuq il-bażi ta' l-Artikolu 13.3 ta' l-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Regolatorju adotta r-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, li ġew emendati fit-22 ta' April 1999 (ĠU L 125, p. 34, rettifika fil-ĠU 2000, L 273, p. 40), li, b'mod partikolari, tipprovdi:

"Artikolu 11

Il-Persunal tal-BĊE

11.1. Kull membru tal-persunal tal-BĊE għandu jiġi infurmat bil-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-istruttura tal-BĊE, il-linja ta’ rappurtaġġ tiegħu u r-responsabbiltajiet professjonali tiegħu.

[...]

Artikolu 21

Il-kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg

21.1Il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg u r-Regoli tal-Persunal għandhom jiddeterminaw ir-relazzjoni ta’ l-impjieg bejn il-BĊE u l-l-persunal tiegħu.

21.2 Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandhu japprova u jemenda l-kundizzjonijet ta' l-impjieg. Il-Kunsill ġenerali għandu jiġi kkonsultat konformement mal-proċedura prevista permezz minn dawn ir-i Regoli tal-Proċedura.

21.3. Il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg għandhom jiġi jiġu implimentati mir-Regoli tal-Persunal li għandhom jiġu adottati u emendati mill- Bord Eżekuttiv."

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5       Jan Pflugradt ilu impjegat mal-BĊE mill-1 ta' Lulju 1998. Huwa ġie assenjat lid-Direttorat-Ġenerali għas-"Sistemi ta' l-Informazzjoni" (aktar 'il quddiem id-"DĠ SI") fejn huwa ilu ħadem bħala "Ko-ordinatur UNIX" minn meta ġie ingaġġat

6       Fid-9 ta' Ottubru 1998, ir-rikorrent qabel mat-termini ta' dokument intitolat "UNIX co-ordinator responsibilities" li kien jinkludi lista ta' dmirijiet differenti marbuta ma' l-impjieg tiegħu. Fost dawn id-dmirijiet kien hemm dak tal-preparazzjoni ta' rapporti ta' evalwazzjoni tal-membri tat-tim UNIX.

7       Fit-13 ta' Ottubru 1998 il-BĊE indirizza ittra ta' ħatra, b'effett retroattiv mill-1 ta' Lulju 1998, lir-rikorrent.

8       Fl-14 ta' Ottubru 1999, id-Direttur Ġenerali tad-DG SI informa lir-rikorrent li huwa ma kienx ser ikun responsabbli għall-preparazzjoni tar-rapporti ta' evalwazzjoni tal-membri tat-tim UNIX.

9       Fit-23 ta' Novembru 1999, ir-rikorrent kellu intervista ta' evalwazzjoni mal-kap tad-diviżjoni tiegħu. Dan ta' l-aħħar niżżel l-evalwazzjonijiet tiegħu fir-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999, liema rapport huwa l-att li ġie kkontestat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-178/00.

10     Fit-12 ta' Jannar 2000, ir-rikorrent ressaq diversi osservazzjonijiet fuq l-evalwazzjonijiet li huwa kien is-suġġett tagħhom u indika li huwa kien qiegħed jirriserva d-"dritt li jirrifjuta evalwazzjoni inġusta".

11     Fl-10 ta' Marzu 2000, ir-rikorrent, skond l-Artikolu 41 tal-kondizzjonijiet ta' l-impjieg, talab reviżjoni amministrattiva ("administrative review") tar-rapport ta' evalwazzjoni ta' l-1999 minħabba li huwa kien ibbażat fuq fatti żbaljati u li konsegwentement kien jikser id-drittijiet kuntrattwali tiegħu. Huwa talab ukoll li ssir proċedura ta' evalwazzjoni ġdida għall-1999 minn nies oħra imparzjali.

12     Fl-10 ta' April 2000, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ SI ċaħad, minn naħa l-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar żbalji fuq il-fatti fir-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999 u, min-naħa l-oħra, it-talba sabiex issir proċedura ta' evalwazzjoni ġdida.

13     Fid-9 ta' Mejju 2000, ir-rikorrent ressaq ilment mal-President tal-BĊE ("grievance procedure") li essenzjalment kien ibbażat fuq ir-raġunijiet invokati fil-kuntest tal-proċedura ta' reviżjoni amministrattiva.

14     Fit-8 ta' Ġunju 2000, il-President tal-BĊE ċaħad dan l-ilment.

15     Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ SI bagħat lir-rikorrent in-nota tat-28 ta' Ġunju, li tinkludi lista tar-responsabbilitajiet prinċipali tiegħu filwaqt li ġie ppreċiżat li din il-lista kienet ser isservi bħala bażi ta' l-evalwazzjoni annwali tiegħu. Dan id-dokument ġie kkontestat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-341/00.

 Is-sentenza kkontestata

16     Fl-ewwel lok, wara li għaqqdet iż-żewġ kawżi (T-178/00 u T-341/00), il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li, fil-każ tar-rikors fil-kawża T-178/00, Jan Pflugradt kien qed jitlob l-annullament tar-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999, safejn, minn naħa, dan kien neħħielu r-responsabbiltà li jevalwa l-membru tat-tim UNIX u, min-naħa l-oħra, fih numru evalwazzjonijiet żbaljati.

17     Sabiex tiċħad dawn it-talbiet, fil-punti 49 u 53 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat għalkemm ir-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-BĊE u l-persunal tiegħu humiex ta' natura kuntrattwali u għalkemm huwa minnu li s-saħħa vinkolanti tal-kuntratti tipprekludi l-BĊE, bħala min qiegħed iħaddem, milli timponi bidliet fil-kondizzjonijiet li taħthom jitwettqu l-kuntratti tax-xogħol mingħajr il-kunsens ta' l-impjegati kkonċernati, madankollu, dan il-prinċipju japplika biss għall-elementi essenzjali tal-kuntratt ta' l-impjiegbħala mingħajr il-kunsens tal-membri ta' l-Ismin .

18     F'dan ir-rigward, fil-punt 54 ta' l-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li:

"54 Fil-fatt, il-BĊE, bħal kull istituzzjoni jew impriża oħra, jiddisponi minn poter maniġerjali fl-organizzazzjoni tas-servizzi tiegħu u fil-ġestjoni tal-persunal tiegħu..Bħala istituzzjoni Komunitarja, huwa jgawdi wkoll minn poter diskrezzjonali wiesa' fl-organizzazzjoni tas-servizzi tiegħu u fl-allokazzjoni tal-persunal tiegħu sabiex iwettaq ir-responsabbilitajiet ta' interess pubbliku tiegħu (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ġunju 1984 Lux vs Il-Qorti ta' l-Awdituri, C-69/83, Ġabra p. 2447, punt 17, u tat-12 ta' Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C-294/95 P, Ġabra p. I‑5863, punt 40; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Novembru 1991, Von Bonkewitz-Lindner vs Il-Parlament, T-33/90, Ġabra p. II-1251, punt 88, u tad-9 ta' Ġunju 1998, Hick vs CES, T-176/97, Ġabra SP p. I‑A‑281 u II-845, punt 36). Huwa jista' għaldaqstant, matul iż-żmien, jiżviluppa r-relazzjonijiet ta' l-impjieg ma' l-impjegati tiegħu, fl-aħjar interessi tas-servizz sabiex tintlaħaq organizzazzjoni tax-xogħol effettiva u allokazzjoni koerenti tad-dmirijiet varji fost il-membri tal-persunal u sabiex jadatta ruħu għall-bżonnijiet li jinbidlu. Impjegat reklutat f'post għal żmien indeterminat li jista' eventwalment jibqa' sa ma jagħlaq il-65 sena ma jistax raġonevolment jistenna li kull aspett ta' l-organizzazzjoni interna ser jibqa' l-istess matul il-karriera kollha tiegħu, jew li jżomm, matul il-karriera tiegħu, ir-responsabbiltajiet li ġew assenjati lilu meta ġie maħtur".

19     Fil-punti 58 sa 60 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li:

"58 Hemm qbil li, minkejja l-bidla fir-responsabbiltajiet tiegħu, ir-rikorrent żamm l-impjieg tiegħu bħala 'koordinatur tal-UNIX' liema impjieg kien jaqa' fil-kategorija tal-professjonisti u tal-grad G kif ukoll tar-remunerazzjoni relevanti.

59 Mid-deskrizzjoni ta' l-impjieg tal-5 ta' Ottubru 1998, jirriżulta li l-post ta' koordinatur ta' tal-UNIX huwa essenzjalment ta' natura teknika u li d-dmirijiet marbuta mal-persunal u ma' l-amministrazzjoni għandhom biss natura sekondarja. Għalhekk, ir-revoka biss tad-dmir li jevalwa l-membri tat-tim UNIX m'għandiex il-konsegwenza li tbaxxi, mil-lat globali, , b'mod ċar, id-doveri ta' dan ta' l-aħħar meta mqabbla ma' dawk li jikkorrispondu ma' l-impjieg tiegħu. F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li hemm qbil li r-rikorrent qatt ma kellu l jagħmel l-evalwazzjoni tal-membri tat-tim UNIX, peress li din ir-responsabbiltà ġiet irtirata saħansitra qabel mal-BĊE beda bl-ewwel eżerċizzju ta' evalwazzjoni annwali tal-persunanl tiegħu. F'dawn iċ-ċirkustanzi l-bidla in kwistjoni ma tikkostitwixxix tnaqqis fil-livell ta' l-impjieg tar-rikorrent u, għaldaqstant, ma tistax titqies bħala li tikser element essenzjali tal-kuntratt ta' impjieg.

60 L-ilmenti tar-rikorrent għaldaqstant mhumiex fondati. Għaldaqstant hemm lok li din ir-raġuni tiġi miċħuda."

20     Barra minn dan, sabiex tiċħad ir-raġuni dwar l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999, fil-punti 68 sa 71 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li:

"68 Minkejja li r-rikorrent jallega li r-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999 huwa bbażat fuq fatti materjalment ineżatti, huwa fil-fatt qiegħed jikkontesta l-validità ta' l-evalwazzjonijiet magħmula mis-superjuri tiegħu fir-rigward ta' xogħolu matul is-sena 1999.

69 Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-persuni inkarigati milli jevalwaw ix-xogħol tar-rikorrent bl-evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-BĊE, bħal istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Komunità, jgawdi minn poter diskrezzjonali wiesa' sabiex jevalwa x-xogħol ta' l-impjegati tiegħu. L-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport annwali ta' evalwazzjoni ta' membru tal-persunal tal-BĊE jinvolvi biss l-eventwali irregolaritajiet proċedurali, l-żbalji manifesti dwar il-fatti li jivvizzjaw dawn l-evalwazzjonijiet kif ukoll l-eventwali użu ħażin tal-poter (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Jannar 1991, Latham vs Il-Kummissjoni T-63/89, Ġabra p. II-19, punt 19).

70 F'dan il-każ, minħabba li r-rikorrent ma ppruvax l-eżistenza ta' ċirkustanzi ta' din in-natura, l-ilmenti tiegħu ma jistgħux jintlaqgħu.

71 Barra minn hekk, il-motivazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999 hija biżżejjed preċiż sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE li hu applikabbli, bis-saħħa ta' l-Artikolu 34.2. ta' l-Istatut tas-SEBĊ, għad-deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE."

21     Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li, fir-rigward tar-rikors ippreżentat fil-kawża T-341/00, tt-talbiet ta' Jan Pflugradt huma intiżi sabiex jiksbu l-annullament tan-nota tat-28 ta' Ġunju 2000 li biha, skond hu, il-BĊE biddel ir-resposabbilitajiet tiegħu.

22     Fil-punti 81 u 82 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim'Istanza ammettiet li din in-nota kienet tammonta għal miżura li kienet toħloq effettinegattivi u, konsegwentement, iddikjarat ir-rikors ammissibbli.

23     Madankollu, fuq il-mertu, hija ċaħdet il-konklużjonijiet billi, fil-punti 89 u 90 ta' l-imsemmija sentenza, iddeċidiet li:

"89 Fl-ewwel lok, hekk kif iddeċidiet qabel fil-punt 54 tal-kawża T-178/00, ir-rikorrent ma setax raġonevolment jistenna li jżomm, sa meta jirtira, ċerti funzjonijiet speċifiċi li setgħu ġew attribwiti lilu meta nħatar mill-BĊE. Għaldaqstant, il-pretensjonijiet tar-rikorrent dwar l-allegati kompetenzi esklussivi tiegħu għandhom jiġu mwarrba.

90 Fit-tieni lok, dwar il-kwistjoni dwar jekk il-BĊE eċċediex manifestament il-limiti tal-poter ta' organizzazzjoni tiegħu meta mmodifika unilateralment ir-responsabbiltajiet tar-rikorrent, minn naħa, hemm lok li jiġi osservat li mhuwiex ikkontestat li l-imsemmija modifiki saru fl-interess tas-servizz. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma sostniex l-argumenti tiegħu permezz ta' elementi preċiżi ta' natura li juru li dawk il-modifiki għandhom effett negattiv fuq l-elementi essenzjali tal-kuntratt ta' l-impjieg tiegħu billi naqqsu, fit-totalità tagħhom, ir-responsabbiltajiet tiegħu għal-livell ta' dawk ir-responsabbilitajiet li jikkorrispondu għall-xogħolu u li huma għaldaqstant jikkostitwixxu miżura ta' tnaqqis fil-livell ta' dan l-impjieg. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent żamm ir-responsabbiltajiet essenzjali tiegħu fir-rigward tas-sistemi UNIX u tal-koordinazzjoni ta' l-ispeċjalisti UNIX. Għaldaqstant hemm lok li l-ilmenti tar-rikorrent dwar l-allegat tnaqqis fil-livell ta' l-impjieg tiegħu jiġu miċħuda."

 It-talbiet tal-partijiet

24     Jan Pflugradt jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tannulla r-rapport ta' evalwazzjoni għall-999;

–       tannulla n-nota tat-28 ta' Ġunju 2000 safejn din timmodifika r-responsabbiltajiet tar-rikorrent;

–       tikkundanna l-BĊE jbati l-ispejjeż.

25     Il-BĊE jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       –tiċħad l-appell;

–       –tikkundanna lil Jan Pflugradt jbati l-ispejjeż.

 Fuq l-appell

26     Fid-dawl tad-diversi argumenti mressqa minn Jan Pflugradt, dan għandu jiġi kkunsidrat li qiegħed jikkontesta li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żbalji ta' dritt, li għawwġet raġunijiet, argumenti u elementi ta' prova, li kisret ir-regoli li jirregolaw id-dritt ta' l-evidenza u li vvizzjat is-sentenza tagħha b'motivi kontradittorji.

27     Dawn l-ilmenti għandhom jiġu miġbura fi tliet sensieli ta' raġunijiet dwar, rispettivament, in-natura kuntrattwali tar-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-BĊE u l-persunal tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji li jirregolaw is-servizz pubbliku komunitarju u l-fatti li fuqhom ġiet ibbażata l-evalwazzjoni għall-1999.

 Fuq ir-raġunijiet dwar in-natura kuntrattwali tar-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-BĊE u l-persunal tiegħu

28     Jan Pflugradt isostni li minħabba li r-relazzjonijiet legali bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu huma ta' natura kuntrattwali, kif inhu previst mill-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 9(a) tal-kondizzjonijiet ta' l-impjieg, li ġew iddefiniet skond l-Artikolu 36.1 ta' l-Istatut tas-SEBĊ, il-Qorti tal-Prim'Istanza, ma setgħetx, mingħajr matwettaq żball ta' dritt, tiddetermina l-allegat poter ta' organizzazzjoni tal-BĊE billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza dwar ir-regoli ta' l-assenjazzjoni ta' l-uffiċċjali u ta' l-impjegati l-oħra imsemmija fl-Artikolu 283 KE.

29     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, fl-applikazjoni ta' l-Artikoli 36,2 ta' l-Istatut tas-SEBĊ u 42 tal-kondizzjonijiet ta' l-impjieg, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tal-kwistjonijiet bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu, hija limitata għall-eżami tal-legalità tal-miżuri jew tad-deċiżjoni meta l-kontroversja mhijiex ta' natura finanzjarja.

30     F'dan il-każ, huwa stabbilit li l-kwistjoni mressqa minn Jan Pflugradt quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex ta' natura finanzjarja. Konsegwentement din ta' l-aħħar kellha biss tiddeċiedi fuq il-legalità ta' l-atti kkontestati, jiġifieri hija kellha tivverifika jekk dawk li adottaw il-miżuri rrispettawx l-obbligi legali imposti fuqhom, u ma kellhiex tiddeċiedi dwar il-konformità tal-miżuri meħuda mill-BĊE mal-kuntratt tax-xogħol in kwistjoni u dwar il-modalitajiet ta' kif dan jiġi implimentat.

31     Hemm lok li jiġi osservat li r-relazzjoni ta' l-impjieg bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu hija ddefinita mill-kondizzjonijiet ta' impjieg adottati mill-Kunsill Regolatorju fuq proposta tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE fuq il-bażi ta' l-Artikolu 36.1 ta' l-Istatut SEBĊ. Fl-Artikolu 9 ta' dawn il-kondizzjonijiet hemm ipprovdut li "[i]r-relazzjoni ta' l-impjieg bejn il-BĊE u l-persunal tiegħu huma rregolati permezz ta' kuntratti ta' xogħol li ntlaħqu skond il-kondizzjonijiet preżenti." L-Artikolu 10 (a) ta' l-istess kondizzjonijiet jipprovdi li "[i]l-kuntratti ta' xogħol bejn il-BĊE u l-persunal tiegħu għandhom jieħdu l-forma ta' ittri ta' ħatra li jiġu kontrafirmati mill-membri tal-persunal".

32     Għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet huma analogi għal dawk tar-regolament tal-persunal tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (aktar 'il quddiem il-"BEI"), li minnhom il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonkludi li s-sistema adottata għar-relazzjonijiet tax-xogħol bejn BEI u l-impjegati tiegħu hija ta' natura kuntrattwali u b'hekk hija bbażata fuq il-prinċipju li l-kuntratti individwali konklużi bejn il-BEI u kull wieħed mill-impjegati tiegħu huma r-riżultat ta' ftehim reċiproku (sentenzi tal-15 ta' Ġunju 1976, Mills vs BEI, 110/75, Ġabra p. 955, punt 22, u tat-2 ta' Ottubru 2001, BEI vs Hautem, C-444/99 P, Ġabra p. I‑6733, punt 93).

33     Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li r-relazzjoni ta' l-impjieg bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu hija ta' natura kuntrattwali u mhux ta' natura statutorja .

34     Madankollu, il-kuntratt in kwistjoni ntlaħaq bejn korp Komunitarju, li huwa nkarigat b'responsabbiltà ta' interess ġenerali u li huwa awtorizzat li jipprovdi, permezz ta' regoli, għad-dispożizzjonijiet appikabbli għall-persunal tiegħu. Minn dan jirriżulta li r-rieda tal-partijiet f'kuntratt bħal dan issib neċessarjament il-limiti tagħha fl-obbligi ta' kull tip li jirriżultaw minn dinir-responsabbiltà partikolari u li huma imposti kemm fuq il-korpi ta' tmexxija tal-BĊE kif ukoll fuq l-impjegati tiegħu. Ma jistax jiġi kkontestat li l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg huma intiżi li jissodisfaw dawn l-obbligi u li jippermettu lill-BĊE, skond it-tielet premessa ta' dawn il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg "li jkollu persunal ta' l-ogħla livell ta' indipendenza, kompetenza, effettività u integrità […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

35     F'dan ir-rigward, skond l-Artikolu 9(a) tal-kondizzjonijiet ta' l-impjieg, il-kuntratti tax-xogħol għandhom jiġu konklużi in konformità ma' dawn l-kondizzjonijiet. Għaldaqstant, billi jikkontrofirmaw l-ittra ta' ħatra prevista fl-Artikolu 10(a) ta' l-imsemmija kondizzjonijiet, l-impjegati jaqblu ma' l-istess kondizzjonijiet mingħajr ma jkunu jistgħu jinnegozjaw individwalment xi element minnhom. Il-kunsens huwa għaldaqstant parzjalment limitat għall-aċċettazzjoni tad-drittijiet u l-obblige previsti minn dawn il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg. F'dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta' dawn id-drittijiet u obbligi, għandu wkoll jiġi mfakkar li l-Artikolu 9(c) tal-kondizzjonijiet ta' l-impjieg jipprovdi li l-BĊE għandha tqis debitament il-prinċipji stabbiliti fir-regolamenti, ir-regoli u l-ġurisprudenza applikabbli għall-persunal ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji.

36     Huwa veru li l-kuntratti tax-xogħol tal-membri tal-persunal tal-BĊE jistgħu jinkludu elementi oħra aċċettati mill-impjegat ikkonċernat wara diskussjonijiet marbuta ma', per eżempju, il-karatteristiċi essenzjali tad-dmirijiet li huma fdati lilu. Madankollu, l-eżistenza ta' elementi bħal dawn ma tipprekludix lill-korpi ta' tmexxija ta' BĊE milli jeżerċitaw il-poter ta' diskrezzjoni li għandhom sabiex jimplimentaw l-miżuri li jimplikaw l-obbligi ta' interess ġenerali li jirriżultaw mir-resopnsabbiltà partikolari fdata lill-BĊE. Dawn il-korpi jistgħu għaldaqstant jiġu imġiegħla, sabiex jissodisfaw eżiġenzi tas-servizz bħal dawn, u, b'mod partikolari, sabiex jippermettu lill-BĊE ta' l-aħħar jadatta ruħu għal bżonnijiet ġodda, jieħu deċiżjonijiet jew miżuri unilaterali li jistgħu jbiddlu, b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet ta' eżekuzzjoni tal-kuntratti ta' xogħol.

37     Minn dan jirriżulta li, fl-eżerċizzju ta' dan il-poter, il-korpi tat-tmexxija tal-BĊE ma jinsabu bl-ebda mod f'sitwazzjoni li hija distinta minn dik tal-korpi ta' tmexxija ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji l-oħra fir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-impjegati tagħhom.

38     F'dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li llimitat ruħha strettament għall-evalwazzjoni tal-legalità ta' l-atti kkontestati, kif kienet marbuta li tagħmel, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha raġun li tagħmel dan fid-dawl tal-prinċipji applikabbli għall-impjegati kollha tal-korpi u l-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma injoratx in-natura kuntrattwali tas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal tal-BĊE. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamiltx żball ta' dritt meta, fil-punt 59 tas-sentenza tagħha, hija ddeċidiet li l-bidla fir-responsabbiltajiet in kwistjoni ma kinitx tikser xi element essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol.

39     F'dawn iċ-ċirkustanzi, billi warrbet l-argumenti invokati fuq dawn il-punti, il-Qorti tal-Prim'Istanza, kuntrarjament għal dak li qiegħed isostni Jan Pflugradt, la kisret il-"prinċipju ta' ekwilibriju istituzzjonali" u lanqas "ir-regoli applikabbli għad-dritt tal-prova", u lanqas ma għawwġet l-argumenti invokati mir-rikorrent.

40     Għaldaqstant, ir-raġunijiet invokati fir-rigward tan-natura kuntrattwali tar-relazzjoni tax-xogħol bejn il-BĊE u l-persunal tiegħu għandhom jiġu imwarrba.

 Fuq ir-raġunijiet dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-assenjazzjoni tal-persunal

41     Jan Pflugradt isostni li, fl-opinjoni tiegħu, anki billi, li b'mod żbaljat, applikat il-prinċipji li jirregolaw l-assenjazzjoni tal-persunal għall-persunal tal-BĊE, fid-dawl tad-dritt tas-servizz pubbliku Komunitarju, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret dawk il-prinċpji.

42     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet poter diskrezzjonali wiesa' lill-istituzzjonijiet tal-Komunità fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom, skond id-dmirijiet li huma fdati lilhom, u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta' dawn id-dmirijiet, tal-persunal disponibbli bil-kundizzjoni, madankollu, li tali assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u sakemm li l-impjiegi jkunu ekwivalenti (sentenzi, Lux vs Il-Qorti ta' l-Awdituri, iċċitata aktar 'il fuq, punt 17; tat-23 ta' Marzu 1988, Hecq vs Il-Kummissjoni, 19/87, Ġabra p. 1681, punt 6, u Ojha vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 40).

43     Għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 34 ta' din is-sentenza, il-BĊE għandu, bl-istess mod, jiddisponi minn poter diskrezzjonali wiesa' fl-organizzazzjoni tas-servizzi tiegħu skond ir-responsabbiltajiet fdati lilu kif ukoll, konsegwentement, fid-definizzjoni jew id-definizzjoni mill-ġdid tad-dmirijiet li huma fdati lill-persunal tiegħu, bil-kundizzjoni li dan il-poter jiġi eżerċitat biss fl-interess tas-servizz u fir-rispett tal-gradi u l-klassifikazzjonijiet li kull impjegat jista' jeżiġi skond il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg.

44     Billi, fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim Istanza osservat li ma kienx ikkontestat li Jan Pflugradt, minkejja l-bidliet fir-responsabbiltajiet, kien żamm l-impjieg tiegħu bħala "Koordinatur ta' l-ispeċjalisti tal-UNIX" li jaqa' taħt il-kategorija tal- "professjonisti" u tal-grad G, kif ukoll ir-rinumerazzjoni marbuta miegħu, hija llimitat ruħha sabiex tikkonstata, mingħajr ma għamlet xi żball tad-dritt, li d-definizzjoni mill-ġdid tad-dmirijiet ta' l-interessat kienet seħħet fir-rispett tal-gradi u tal-klassifikazzjonijiet li dan ta' l-aħħar kien ibbenefika minnhom sa dak iż-żmien.

45     F'dan ir-rigward Jan Pflugradt ma setax effettivament jeċċepixxi quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-illegalità tad-deċiżjonijiet individwali ta' klassifikazzjoni li tagħhom hu u l-impjegati l-oħra tal-BĊE kienu s-suġġett, ġaladarba l-atti kkontestati huma, f'kull każ, mingħajr rabta ma' dawn id-deċiżjonijiet. Għaldaqstant ir-rikorrent ma jistax jilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tiddeċiedi fuq din l-eċċezzjoni ta' illegalità u lanqas jibbaża ruħu fuq ksur tar-regoli dwar il-provi fuq dan il-punt.

46     Jan Pflugradt isostni wkoll li, minħabba li l-interess tas-servizz ma ġiex invokat mill-BĊE, il-Qorti tal-Prim'Istnaza ma setgħetx, fil-punt 90 tas-sentenza kkontestata, tafferma, bi ksur tar-regoli fuq l-oneru tal-provi, li r-rikorrent ma kienx ikkontesta li l-modifiki tal-kuntratt tiegħu kienu saru fl-interess tas-servizz.

47     Madankollu, għandu jiġi osservat li, permezz ta' din l-affermazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza llimitat ruħha sabiex tkkonstata li ma kien seħħ l-ebda dibattitu bejn il-partijiet fuq il-kwistjoni dwar jekk l-adozzjoni ta' l-atti kkontestati kinitx seħħet fl-interess tas-servizz. Minħabba li kien Jan Pflugradt li kien qed jikkontesta l-legalità ta' dawn l-atti, kien hu, u mhux tal-BĊE, li kellu jsostni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li dawn ma kienux jissodisfaw il-kondizzjonijiet li għalihom kienu suġġetti sabiex ikunu legali u, b'mod partikolari, li ma kienux ittieħdu fl-interess tas-servizz. Minħabba li naqas milli jagħmel dan, ir-rikorrent m'għandu l-ebda bażi sabiex isostni li b'dan il-mod il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

48     Jan Pflugradt jilmenta wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza mmotivat b'mod kontradittorju l-punti 59 u 90 tas-sentenza kkontestata. F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punt 59 li, l-bidla magħmula, mir-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999, lid-dmirijiet fdati lil Jan Pflugradt ma kinitx tirrigwarda, safejn kienet tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-membri "tal-grupp UNIX", element essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol.i. Minkejja li l-Qorti tal-Prim'Istanza mbagħad ddeċidiet li din iċ-ċirkustanza kienet biżżejjed sabiex tiddeċiedi li dan ir-rapport ma kienx illegali minħabba li dan id-dmir kien ġie rrevokat, b'dan hija ma kellhiex l-intenzjoni li teskludi, fil-każ fejn revoka tirrigwarda element ieħor tal-kuntratt, il-possibbiltà li tali revoka tkun tikkorrispondi għal raġuni marbuta ma' l-interess tas-servizz. Għaldaqstant, meta fil-punt 90 tas-sentenza kkontestata, hija qieset il-legalità tan-nota tat-28 ta' Ġunju 2000 fid-dawl, b'mod partikolari, ta' kunsiderazzjonijiet relatati ma' l-interess tas-servizz, il-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma vvizzjat l-imsemmija sentenza minħabba raġunijiet kontradittorji.

49     Għaldaqstant, ir-raġunijiet relatati ma' l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-assenjazzjoni tal-membri tal-persunal għandhom ukoll jiġu imwarrba.

 Fuq ir-raġunijiet relatati mal-fatti li servew bħala bażi għar-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999

50     Jan Pflugradt isostni li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti tal-Prim'Istanza, hu ma kkontestax l-evalwazzjoni li saret fuqu mill-BĊE fir-rapport ta' evalwazzjoni tiegħu għall-1999, imma l-fatti li servew bħala bażi għal din l-evalwazzjoni

51     Huwa veru li, fil-punt 68 tas-sentenza kkontesata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li, minkejja li huwa jallega li r-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999 huwa bbażat fuq fatti materjalment ineżatti, ir-rikorrent fil-verità kellu l-intenzjoni li jikkontesta l-validità ta' l-evalwazzjonijiet li saru mis-superjuri tiegħu fir-rigward tax-xogħol tiegħu matul dik is-sena.

52     Madankollu, din l-analiżi, minkejja l-ambigwità tagħha, ma tistax tiġi kkunsidrata, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, bħala li twassal għal distorsjoni ta' l-argumenti tiegħu jew ksur tar-regoli dwar il-provi. Fil-fatt, minn naħa, meta r-rikorrent jikkontesta l-fatti li fuqhom hija bbażata evalwazzjoni, huwa neċessarjament għandu l-intenzjoni jikkontesta l-validità ta' tali evalwazzjoni.

53     Min-naħa l-oħra, wara li, fil-punt 69 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret li l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha seta' jirrigwarda biss eventwali irregolaritajiet proċedurali, żbalji manifesti ta' fatt li jivvizzjaw tali evalwazzjonijiet u użu żbaljat tal-poter, fil-punt 70 ta' l-imsemmija sentenza, hija qieset li Jan Pflugradt ma stabilixxiex l-eżistenza ta' ċirkustanzi ta' din in-natura. B'hekk, billi kkunsidrat li ma ġietx stabbilita l-eżistenza ta' żbalji manifesti ta' fatt, il-Qorti tal-Prim Istanza, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ddeċidiet fuq ir-raġuni tiegħu bbażata fuq l-ineżatezza materjali fuq il-fatti, il-prova ta' liema fatti kellha titressaq mir-rikkorent. Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma ppreżumiet li dawn l-evalwazzjonijiet kienu legaliu jew kisret ir-regoli dwar il-provi.

54     Barra min hekk, il-Qorti tal-Prim'istanza ma għamlet l-ebda żball ta' dritt billi kkunsidrat li hija ma setgħatx tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tan-nies inkarigati sabiex jevalwaw ix-xogħol tar-rikorrent (sentenzi tas-17 ta' Marzu 1971, Marcato vs Il-Kummissjoni, 29/70, Ġabra, p. 243, punt 7, u tal-5 ta' Mejju 1983, Ditterich vs Il-Kummissjoni, 207/81, Ġabra p. 1359, punt 13).

55     Fl-aħħarnett, jekk Jan Pflugradt kellu l-intenzjoni jikkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-allegazzjonijiet ta' fatt li fuqhom huwa bbażat ir-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999, raġuni bħal din hija inammissibbli fil-kuntest ta' dan l-appell. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li mill-Artikoli 225 KE u 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li appell huwa limitat għall-punti ta' liġi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Il-Parlament vs Ripa di Meana et, C-470/00 Pli għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).

56     Konsegwentement, ir-raġunijiet marbuta mal-fatti li servew bħala bażi għar-rapport ta' evalwazzjoni għall-1999 għandhom ukoll jiġu mwarrba.

57     Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-appell ta' Jan Pflugradt għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Dwar l-ispejjeż

58     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' l-appell taħt l-Artikolu 118 ta' dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 70 ta' dawn ir-Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Madankollu, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 122 ta' dawn l-imsemmija Regoli, l-Artikolu 70 mhuwiex applikabbli f'każ ta' appell imressaq minn uffiċjal jew impjegat ieħor ta' istituzzjoni kontra l-istess istituzzjoni. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-BĊE.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Is-Sur Pflugradt huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq