Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002CJ0113

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-14 ta' Ottubru 2004.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' l-Olanda.
    Ir-Regolament (KEE) Nru 259/93 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' trasferimenti ta' skart - Id-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart - Miżura nazzjonali li tipprovdi għal oġġezzjonijiet kontra t-trasferiment ta' l-iskart li jkun ser jiġi rkuprat meta 20% ta' l-iskart huwa rkuprabbli fl-Istat Membru u l-persentaġġ ta' l-iskart irkuprat fil-pajjiż ta' destinazzjoni huwa inqas - Miżura ta' Stat Membru li tikklassifika ħidma fil-punt R 1 (irkupru permezz ta' inċinerazjoni) ta' l-Anness II B tad-Direttiva 75/442 jew fil-punt D 10 (rimi permezz ta' inċinerazzjoni) ta' l-Anness II A ta' din l-istess Direttiva mhux skond il-kriterju ta' l-użu effettiv, iżda skond il-kriterju tal-valur kaloriku ta' l-iskart inċinerit.
    Kawża C-113/02.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:616

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    14 ta’ Ottubru 2004 (*)

    "Ir-Regolament (KEE) Nru 259/93 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ trasferimenti ta’ skart – Id-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart – Miżura nazzjonali li tipprovdi għal oġġezzjonijiet kontra t-trasferiment ta’ l-iskart li jkun ser jiġi rkuprat meta 20% ta’ l-iskart huwa rkuprabbli fl-Istat Membru u l-persentaġġ ta’ l-iskart irkuprat fil-pajjiż ta' destinazzjoni huwa inqas – Miżura ta’ Stat Membru li tikklassifika ħidma fil-punt R 1 (irkupru permezz ta' inċinerazjoni) ta’ l-Anness II B tad-Direttiva 75/442 jew fil-punt D 10 (rimi permezz ta' inċinerazzjoni) ta’ l-Anness II A ta’ din l-istess Direttiva mhux skond il-kriterju ta’ l-użu effettiv, iżda skond il-kriterju tal-valur kaloriku ta’ l-iskart inċinerit"

    Fil-kawża C-113/02,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-24 ta’ Lulju 2003, fl-ismijiet,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Lier, bħala aġent, assistit minn M. van der Woude u R. Wezenbeek-Geuke, advocaten, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, bħala agent,

    konvenuta

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts u S. von Bahr, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, ta’ l-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ [trasferimenti] ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU L 30, p. 1), kif ukoll skond l-Artikoli 1(e) u (f), u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, (ĠU L 78, p. 32), u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, ta’ l-24 ta’ Mejju 1996 (ĠU L 135, p. 32, iktar ‘il quddiem id-"Direttiva 75/442"), kif ukoll skond l-Artikolu 82 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 86 KE.

    2       Il-Kummissjoni rtirat il-motivi tagħha dwar ksur ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 75/442 u ta’ l-Artikolu 82 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 86 KE.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

     Id-definizzjonijiet

    3       L-Artikolu 2(i) u (k) tar-Regolament Nru 259/93 jipprovdi, f’dak li jirrigwarda l-iskart, minn naħa, li "rimi huwa kif definit fl-Artikolu 1(e) tad-Direttiva 75/442/KEE" u, min-naħa l-oħra, li "irkupru huwa kif definit fl-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 75/442/KEE".

    4       Skond l-Artikolu 1(e) u (f) ta' l-imsemmija Direttiva, minn naħa, "rimi (ta’ l-iskart)" tfisser "kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II, A" u, min-naħa l-oħra, "irkupru" tfisser "kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II, B".

    5       Il-kunċett ta’ "inċinerazzjoni fuq l-art" jinsab fil-punt D 10 ta’ l-Anness II A tad-Direttiva 75/442 u għalhekk huwa kkunsidrat bħala ħidma ta’ "rimi". Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-punt R 1 ta’ l-Anness II B ta’ l-istess Direttiva li hemm "irkupru" (permezz ta' inċinerazzjoni) f'każ ta’ "użu prinċipali bħala karburant jew mezzi oħra ta’ ġenerazzjoni ta’ l-enerġija".

     Ir-regoli sostantivi

    6       F’dak li jirrigwarda l-iskart intiż biex jiġi rkuprat, il-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93 jipprovdi li "[l]-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tad-destinazzjoni jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet raġjonevoli dwar [it-trasferiment] ippjanat: […]

    –       jekk ir-rapport ta’ bejn l-iskart li jista’ jiġi rkuprat ma’ li ma jistax jiġi rkuprat, l-istima tal-valur tal-materjali li għandhom finalment ikunu rkuprati jew l-ispiża ta’ l-irkupru jew l-ispiża tar-rimi tal-frazzjoni li ma tistax tkun irkuprata ma jiġġustifikawx l-irkupru minħabba kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u ambjentali."

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7       Il-Meerjarenplan gevaarlijke afvalstoffen II 1997-2007 (pjan pluriannwali għall-immaneġġjar ta’ skart perikoluż, iktar ‘il quddiem l-"MJP-GA II"), jipprovdi, fl-ewwel parti tal-Kapitolu 8.3, dwar importazzjoni u esportazzjoni għall-finijiet ta' rkupru fl-Unjoni Ewropea, li:

    "Meta ssir l-oġġezzjoni imsemmija [fil-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a), tar-Regolament Nru 259/93], għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    It-trasferiment, li jaqsam il-fruntieri, ta’ skart perikoluż li jkun ser jiġi rkuprat għandu jkun konformi mar-rieda ta’ l-Unjoni Ewropea li tiffavorixxi l-użu mill-ġdid. F’dan ir-rigward, tingħata preferenza lill-irkupru fuq ir-rimi definittiv. Għal dan il-għan, għandu jsir riferiment għall-proporzjon bejn l-iskart li jkun ser jiġi rkuprat u l-iskart li ma jkunx ser jiġi rkuprat (il-grad ta’ irkupru).

    Kull notifika tkun evalwata fid-dawl ta’ dan il-motiv li jiġġustifika oġġezzjoni – mingħajr ma jiġu limitati l-aspetti sostantivi ta’ kull motiv li jiġġustifika oġġezzjoni – kif ġej:

    a)      Meta inqas minn 20% (persentaġġ tal-massa) tal-kwantità ta’ l-iskart intiża għal trasferiment li jaqsam il-fruntieri jiġi rkuprat fl-Istat Membru ta' tluq – meta tiġi kkunsidrata l-kwantità kbira ta’ skart li wara trid tiġi definittivament eliminata – il-motivi għat-tqajjim ta' oġġezzjoni imsemmija [fl-Artikolu 7 tar-]Regolament 259/93 ikunu kkunsidrati separatament fid-dawl ta’ kull talba konkreta. F’kull każ, il-marġni speċifikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna fil-punt (b) ma japplikax. Il-perċentwali ta’ 20% tal-materjal irkuprat jiġi kkalkulat skond il-piż fuq il-bażi tal-materjal inizjali mingħajr ma jiġi kkunsidrat materjal addizzjonali li jirriżulta mit-trattament […].

    b)      Fil-każijiet l-oħra, bħala regola jitqajjmu oġġezzjonijiet għat-trasferimenti jekk il-persentaġġ ta’ l-iskart irkuprat fl-Istat Membru ta' destinazzjoni huwa inferjuri għal dak ta’ l-Istat Membru ta' tluq."

    8       In-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ l-ewwel parti tal-Kapitolu 8.3(b), tal-MJP-GA II, hekk kif emendat mid-Digriet Ministerjali Nru MJZ200019786, tat-3 ta’ Marzu 2000 (Nederlandse Staatscourant ta’ l-24 ta’ Marzu 2000, Nru 60, p. 18), tiddisponi, fil-verżjoni applikabbli f'għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, li

    "Sabiex jiġu llimitati l-proċeduri ta’ oġġezzjonijiet u appelli, jista’ jiġi applikat marġni jekk ma jistax jiġi stabbilit b’mod ċar li l-persentaġġ ta’ l-iskart effettivament irkuprat fil-pajjiż ta' destinazzjoni huwa inferjuri. Il-marġni ma jistax jaqbeż l-20% tal-valur relativ. It-total huwa dejjem evalwat fid-dawl tat-trasferiment speċifiku previst. Il-metodu ta' kalkolu tal-perċentwali huwa identiku għal dak imsemmi fil-paragrafu (a), billi huwa bbażat fuq il-kwantità ta’ l-iskart li għandha tiġi rkuprata fil-pajjiż ta' tluq."

    9       It-tieni parti tal-Kapitolu 18 tal-MJP-GA II jirrigwarda b’mod partikolari d-distinzjoni bejn l-irkupru (permezz ta' inċinerazzjoni), fejn l-iskart jintuża prinċipalment bħala karburant, u r-rimi definittiv (permezz ta' inċinerazzjoni). Din id-distinzjoni ssir skond kriterju li jippreċiża li l-iskart perikoluż li għandu kontenut ta’ kloru ta' inqas minn 1% huwa rkuprat jekk il-valur kalorifiku tiegħu huwa għola minn 11500 KJ/kg u li l-iskart perikoluż li għandu kontenut ta’ kloru għola minn 1% huwa rkuprat jekk il-valur kalorifiku tiegħu huwa għola minn 15000 KJ/kg.

     Il-proċedura ta' qabel il-kawża

    10     Wara li stiednet lir-Renju ta’ l-Olanda jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni bagħtitlu, fl-1 ta’ Awwissu 2000, opinjoni motivata li fiha rrilevat li hija tikkunsidra ċertu aspetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart perikoluż inkompatibbli mar-Regolament Nru 259/93, id-Direttiva 75/442, u l-Artikolu 86 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 82. Għalhekk, stiednet lil dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din l-opinjoni. Peress li ma kinitx sodisfatta bit-tweġiba ta’ l-awtoritajiet Olandiżi permezz ta’ l-ittra tat-8 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni ddeċidiet tippreżenta dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

    11     In sostenn ta’ dan ir-rikors il-Kummissjoni tressaq żewġ ilmenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Olandiża dwar l-iskart perikoluż.

    12     Dawn l-ilmenti huma bbażati, essenzjalmet, rispettivament fuq:

    –       l-inkompatibbiltà ma’ l-Atikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93 tas-sistema Olandiża li tipprovdi li, bħala regola, tista' titqajjem oġġezzjoni għal trasferiment ta’ l-iskart meta għallinqas 20% ta’ l-iskart jista' jiġi rkuprat fl-Olanda u meta l-persentaġġ ta’ l-iskart li jista' jiġi rkuprat fl-Istat Membru ta' destinazzjoni huwa inferjuri għal dak fl-Istat Membru ta' tluq (iktar ‘il quddiem is-"sistema Olandiża ta’ trasferiment ta’ l-iskart in kwistjoni");

    –       it-traspożizzjoni inkorretta fid-dritt nazzjonali ta’ l-Artikolu 1(e) u (f), tad-Direttiva 75/442, permezz tal-miżura Olandiża li tipprovdi li l-irkupru (permezz ta' inċenerazzjoni) għandu jiġi distint mir-rimi (permezz ta' inċenerazzjoni) skond kriterju li jgħaqqad rekwiżit li jirrigwarda l-ammont kalorifiku marbut mal-kombustjoni ta’ l-iskart mal-kontenut ta’ kloru ta’ dan (iktar ‘il quddiem il-"miżura in kwistjoni li tittratta d-distinzjoni bejn l-irkupru (permezz ta' inċenerazzjoni) u r-rimi (permezz ta' inċenerazzjoni)").

     Fuq l-ewwel ilment

     L-argumenti tal-partijiet

    13     Il-Kummissjoni tqis li s-sistema Olandiża ta’ trasferiment ta’ l-iskart, in kwantu hija bbażata fuq il-persentaġġi ta’ l-iskart li jistgħu jiġu rkuprati fl-Olanda u fil-pajjiż ta' destinazzjoni, ma żżomx mal-kriterji previsti fl-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93, li hija tenuta tapplika, u, konsegwentement, hija inkompatibbli ma’ dan.

    14     Meta mqabbel mas-sistema Olandiża preċedenti tat-trasferiment ta’ l-iskart, li taħtha ġew mqajjma oġġezzjonijiet kontra l-esportazzjoni ta’ l-iskart meta t-trattament barra mill-pajjiż ma kienx iktar effettiv, ħlief f'każ li l-kapaċità ta' trattament fl-Olanda ma kinitx biżżejjed jew kienet ineżistenti, is-sistema Olandiża ta’ bħalissa ma tagħmilx għajr li tissostitwixxi l-kriterju dwar in-nuqqas ta’ trattament "iktar effettiv" bil-kunċett ta’ "grad ta’ rkupru inferjuri".

    15     Il-Gvern Olandiż iqis li s-sistema ta’ trasferimenti ta' l-iskart in kwistjoni tidħol fil-parametri stabbiliti fil-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a), tar-Regolament Nru 259/93.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    16     Skond ġurisprudenza kostanti, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ Regolament jekk ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jaħbux in-natura Komunitarja tiegħu u jekk jispeċifikaw li qed jeżerċitaw diskrezzjoni mogħtija minn dan ir-Regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1978, Zerbone, 94/77, Ġabra p. 99, punt 27).

    17     Għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ħames inċiż ta’ l-AArtikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93 li l-awtoritajiet kompetenti ta' destinazzjoni u ta' tluq jistgħu jqajjmu oġġezzjonijiet immotivati kontra trasferiment ippjanat ta’ skart jekk id-differenza bejn l-iskart li jista' jiġi rkuprat u li ma jistax jiġi rkuprat, il-valur stmat tal-materji li finalment għandhom jiġu rkuprati jew l-ispejjeż ta’ l-irkuprar u l-ispejjeż tar-rimi tal-parti li ma tistax tiġi rkuprata ma jiġġustifikawx l-irkupru mill-perspettiva ekonomika u ekoloġika.

    18     Sabiex jiġi stabbilit jekk ħidma ta’ rkupru tistax tiġi ġġustifikata jew le mill-perspettiva ekonomika u ekoloġika, il-ħames inċiż ta’ dan l-Artikolu 7(4)(a) għalhekk jirreferi għal tliet kriterji, jiġifieri d-differenza bejn l-iskart li jista' jiġi rkuprat u dak li ma jistax jiġi rkuprat, il-valur stmat tal-materji li finalment jistgħu jiġu rkuprati u l-ispejjeż għar-rimi tal-parti li ma tistax tiġi rkuprata.

    19     F'din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema Olandiża ta’ trasferiment ta’ l-iskart tikser l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93, billi tmur lil hinn mid-dispożizzjoni li suppost tikkjarifika.

    20     Fil-fatt, is-sistema Olandiża tat-trasferiment ta’ l-iskart tirreferi biss għad-differenza bejn l-iskart li jista' jiġi rkuprat u dak li ma jistax jiġi rkuprat.

    21     Minbarra dan, billi tiffoka fuq tqabbil tal-persentaġġ ta’ l-iskart li jista' jiġi rkuprat fl-Istati ta' destinazzjoni u ta' tluq, is-sistema Olandiża ta’ trasferimenti ta’ l-iskart tippermetti li titqajjem oġġezzjoni kontra trasferiment ta’ l-iskart li jkun se jiġi rkuprat fondata mhux biss fuq evalwazzjoni indipendenti ta’ l-aspetti ekonomiċi u ekoloġiċi tal-ħidmiet ta’ rkupru fl-Istat ta' destinazzjoni, iżda wkoll fuq il-kapaċità ta' trattament li teżisti fl-Istat ta' tluq. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tas-sistema Komunitarja tat-trasferimenti ta’ l-iskart, il-kunsiderazzjonijiet ta’ awto-suffiċjenza u ta’ qrubija mhumiex applikabbli għat-trasferimenti ta’ l-iskart li jkun se jiġi rkuprat (is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, Dusseldorp et, C-203/96, Ġabra p. I-4075, punti 27 sa 34).

    22     F’dan il-kuntest, l-argument tal-Gvern Olandiż biex jiġġustifika l-kompatibbiltà tas-sistema ta’ trasferiment ta’ l-iskart in kwistjoni ma’ l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93 ma jistax jintlaqa’.

    23     Fil-fatt, skond il-Gvern Olandiż, l-al-analiżi għandha tinkludi tqabbil tal-kwalità ta’ l-installazzjonijiet ta’ trattatament fl-Istat Membru ta' tluq u fl-Istat Membru ta' destinazzjoni, għaliex il-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ l-għanijiet previsti fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 75/442 u fl-Artikolu 174(2) KE sabiex ikun jista’ jiġi rkuprat l-ogħla ammont possibbli ta’ skart fil-Komunita. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-għan imfittex ma jiġġustifikax li jitqabblu biss ir-relazzjoni bejn l-iskart li jista' jiġi rkuprat u dak li ma jistax jiġi rkuprat kif ukoll l-installazzjonijiet ta’ trattament disponibbli fl-Istat Membru ta' tluq u fl-Istat Membru ta' destinazzjoni u li l-kriterji l-oħra stabbiliti mill-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a) ta’ dan ir-Regolament, jiġu skartati.

    24     F’dak li jirrigwarda l-argument li s-sistema ta’ trasferimenti ta’ l-iskart in kwistjoni ma tostakolax lill-awtoritajiet OlOlandiżi milli jevalwaw kull talba ta’ trasferiment ta’ l-iskart individwalment u li l-oġġezzjonijiet jibqgħu l-eċċezzjoni u mhux ir-regola, għandu jiġi osservat li, billi s-sistema Olandiża tat-trasferiment ta’ l-iskart mhijiex kompatibbli mal-kuntest ġuridiku Komunitarju, tali kunsiderazzjoni hija rrilevanti għall-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta’ ksur tal-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93.

    25     F’dak li jirrigwarda l-argument li s-sistema ta' trasferiment ta’ l-iskart in kwistjoni hija newtrali inkwantu tapplika kemm għall-esportazzjonijiet kif ukoll għall-importazzjonijiet ta’ l-iskart, għandu jiġi rrilevat li, kif ġustament enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, din iċ-ċirkustanza wkoll hija rrilevanti għall-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ ksur tal-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a) ta’ dan ir-Regolament. Fiż-żewġ każijiet, il-kriterji stabbiliti mis-sistema Olandiża ta' trasferiment ta’ l-iskart imorru lil hinn mill-motivi ta’ oġġezzjoni stabbiliti b’mod eżawrjenti mill-kuntest ġuridiku Komunitarju.

    26     Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment huwa fondat.

     Fuq it-tieni ilment

     L-argumenti tal-partijiet

    27     Il-Kummissjoni tqis li l-miżura Olandiża in kwistjoni dwar id-distinzjoni bejn l-irkupru (permezz ta' inċenerazzjoni) u r-rimi (permezz ta' inċenerazzjoni) tittrasponi b’mod inkorrett fid-dritt intern l-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva 75/442, moqri flimkien mal-punti D 10 ta’ l-Anness II A u R1 ta’ l-Anness II B ta’ din l-istess Direttiva.

    28     Il-Gvern Olandiż isostni li d-distinzjoni bejn l-irkupru (permezz ta' inċinerazzjoni) u rimi (permezz ta' inċinerazzjoni) effetwata mill-miżura in kwistjoni hija konformi mal-klassifikazzjoni magħmula mid-Direttiva 75/442.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    29     Skond l-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva 75/442, "rimi" tfisser kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II A u "irkupru" tfisser kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II B.

    30     Skond il-punt D 10 ta’ l-Anness II A tad-Direttiva 75/442, l-"inċinerazzjoni fuq l-art" huwa kkunsidrat bħala ħidma ta’ "rimi". Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-punt R 1 ta’ l-Anness II B tad-Direttiva 75/442 li hemm "irkupru" (permezz ta' inċinerazzjoni) fil-każ ta’ "użu prinċipali bħala karburant jew mezzi oħra ta’ ġenerazzjoni ta’ l-enerġija".

    31     Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, C-228/00, Ġabra p. I-1439, punti 41 sa 43) tliet kundizzjonijiet biex jiġi determinat jekk l-użu ta’ skart bħala karburant huwiex ħidma ta’ rkupru tat-tip imsemmi fil-punt R 1 ta’ l-Anness II B tad-Direttiva 75/442. L-ewwel nett, l-għan ewlieni tal-ħidma li għaliha tagħmel referenza din id-dispożizzjoni jrid ikun il-produzzjoni ta’ l-enerġija. It-tieni nett, l-enerġija ġġenerata mill-kombustjoni ta’ l-iskart u rkuprata trid tkun iktar minn dik ikkonsmata waqt il-proċess ta’ kombustjoni u parti mill-enerġija żejda ġġenerata waqt din il-kombustjoni trid tkun effettivament użata, kemm jekk immedjatament fil-forma ta’ sħana kkreata mill-inċinerazzjoni, jew, wara trasformazzjoni, fil-forma ta’ elettriku. It-tielet nett, il-biċċa l-kbira ta’ l-iskart trid tkun ikkonsmata waqt il-ħidma u l-biċċa l-kbira ta’ l-enerġija ġġenerata trid tkun irkuprata u użata.

    32     Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, kriterji bħall-valur kalorifiku talta’ l-iskart, l-ammont ta’ sustanzi fl-iskart maħruq li jagħmlu ħsara jew il-kwistjoni jekk l-iskart kienx imħallat jew le ma jistgħux, min-naħa l-oħra, jittieħdu in kunsiderazzjoni (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 47).

    33     F'din il-kawża, billi l-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat espressament l-inkompatibbiltà mad-Direttiva 75/442 tal-kriterji bbażati fuq il-valur kalorifiku jew fuq il-kompożizzjoni ta’ l-iskart, l-argument tal-Ġvern Olandiż f’dan ir-rigward għandu jiġi respint.

    34     Għaldaqstant, il-miżura Olandiża in kwistjoni dwar id-distinzjoni bejn l-irkupru (permezz ta' inċinerazzjoni) u r-rimi (permezz ta' inċinerazzjoni) mhijiex konformi ma’ l-Artikolu 1(e) u (f) ta’ din l-istess Direttiva, moqri flimkien mal-punti D 10 ta’ l-Anness II A u R 1 ta’ l-Anness II B ta’ din l-istess Direttiva. Għalhekk, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jittrasponi l-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva 75/442 fid-dritt intern.

    35     Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment huwa fondat.

    36     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 259/93 kif ukoll skond l-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva 75/442.

     Fuq l-ispejjeż

    37     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ l-Olanda tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeciedi:

    1)      Ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, ta’ l-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ [trasferimenti] ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea, kif ukoll skond l-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, ta’ l-24 ta’ Mejju 1996.

    2)      Ir-Renju ta’ l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq