Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62001CJ0475

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tal-5 ta' Ottubru 2004.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ksur ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE - Taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku - Applikazzjoni fir-rigward ta' l-ouzo ta' rata inferjuri għal dik applikata fir-rigward ta' xarbiet alkoħoliċi oħra - Konformità ta' din ir-rata ma' direttiva li ma ġietx ikkontestata fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE.
    Kawża C-475/01.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:585

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

    5 ta' Ottubru 2004 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Ksur ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE – Taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Applikazzjoni fir-rigward ta' l-ouzo ta' rata inferjuri għal dik applikata fir-rigward ta' xarbiet alkoħoliċi oħra – Konformità ta' din ir-rata ma' direttiva li ma ġietx ikkontestata fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE"

    Fil-kawża C-475/01,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE,

    imressaq fis-6 ta' Diċembru 2001,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u Condou Durande, bħala agenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    sostnuta minn

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq, irrappreżentat minn K. Manji, bħala aġent,

    intervenjent,

    vs

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn A. Samoni-Rantou u P. Mylonopoulos, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, C. Gulmann, J.-P. Puissochet u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, F. Macken, N. Colneric, u S. von Bahr (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Settembru 2003,

    wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Jannar 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ fir-rigward ta' l-ouzo taxxa tas-sisa li hija inferjuri għal dik applikata fir-rigward ta' xarbiet alkoħoliċi oħra, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha bis-saħħa ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE.

    2       Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Lulju 2002, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq ġie ammess sabiex jintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Huwa ma ppreżenta l-ebda sottomissjonijiet bil-miktub u ma kienx irrappreżentat fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta' Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, p. 21), tiffissa r-regoli sabiex jiġu stabbiliti r-rati tat-taxxi tas-sisa fir-rigward ta' kull prodott li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Dan ta' l-aħħar huwa ddefinit fl-Artikoli 19 u 20 ta' din id-Direttiva.

    4       L-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/83 jipprovdi li:

    "1.      L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa lil alkoħol etiliku skond din id-Direttiva.

    2.      L-Istati Membri għandhom jiffissaw ir-rati tagħhom skond id-Direttiva 92/84/KEE.

    5       Skond l-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83:

    "Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva l-'alkoħol etiliku' jkopri:

    –       il-prodotti kollha b'qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-1,2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta' prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-NM,

    –       prodotti ta' kodiċi NM 2204, 2205 u 2206 li għandhom qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-22 % vol.,

    –       spirti li jinxtorbu li jkollhom prodotti, kemm jekk f'taħlita likwida jew le."

    6       L-ammont ta' taxxa tas-sisa huwa stabbilit skond l-Artikoli 21 sa 26 tad-Direttiva 92/83, bl-Artikolu 23 li jippermetti, f'ċerti kundizzjonijiet u għal ċerti tipi ta' prodotti, li jiġu applikati rati mnaqqsa ta' taxxa tas-sisa. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li ġej:

    "L-Istati Membri segwenti jistgħu japplikaw rata mnaqqsa, li tista taqa’ taħt ir-rata minima iżda mhux iffissata għal iżjed minn 50% taħt ir-rata standard nazzjonali ta' dazju fuq l-alkoħol etiliku, lil prodotti segwenti:

    […]

    2)      ir-Repubblika Griega, fir-rigward ta' dawk ix-xarbiet bit-togħma ta' l-anisetta definita fir-Regolament (KEE) Nru 1576/89 li huma bla kulur u li għandhom kontenut ta' zokkor ta' 50% jew inqas f'kull litru, u li fihom mill-anqas 20% tal-qawwa alkoħolika tal-prodott finali hi magħmula minn alkoħol mogħti t-togħma permezz tad-distillazzjoni f'lampiki tar-ram mhux kontinwi tradizzjonali b'kapaċità ta' 1 000 litru jew inqas."

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7       Il-liġi Nru 2127/93 għandha bħala suġġett it-traspożizzjoni tad-Direttiva 92/83 fis-sistema ġuridika Griega.

    8       Hija stabbiliet ir-rata ta' taxxa tas-sisa għal madwar 294 000 GRD għal kull mitt litru ta' alkoħol pur.

    9       Madankollu, l-Artikolu 26 ta' l-istess liġi jipprevedi tnaqqis ta' 50% ta' l-imsemmija rata bażika fir-rigward ta' l-ouzo, b'mod li l-ammont ta' taxxa tas-sisa li għandu jitħallas fuq dan il-prodott jammonta biss għal madwar 147 000 GRD għal kull mitt litru ta' alkoħol pur.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    10     Il-Kummissjoni rċeviet varji lmenti dwar l-applikazzjoni mill-awtoritajiet Griegi ta' rata mnaqqsa ta' taxxa tas-sisa fir-rigward ta' l-ouzo filwaqt li, fir-rigward ta' xorb alkoħoliku ieħor bħall-ġinn, il-vodka, il-wiski, ir-rum, it-tequila u l-arak, ir-rata applikata hija waħda inqas favorevoli.

    11     Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li din id-differenza fir-rati bħala inkompatibbli ma' l-Artikolu 90 KE, hija bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu. Wara li intimat lir-Repubblika Ellenika sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, fl-10 ta' Awwissu 1999, hija ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet li dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' l-istess opinjoni. Peress li l-awtoritajiet Griegi kkontestaw l-ksur tad-dritt Komunitarju li ġew akkużati bih, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

    12     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni enfasizzat li r-rikors tagħha huwa bbażat biss fuq l-Artikolu 90 KE u li ma jkoprix l-Artikolu 23 tad-Direttiva 92/83. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Kummissjoni ma ressqitx rikors għal annullament kontra din l-aħħar dispożizzjoni ma jeffettwax l-ammissibbiltà ta' dan ir-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.

    13     Il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Komunità għandha tiġi interpretata u trasposta fis-sistema ġuridika interna ta' l-Istati Membri b'mod li huwa kompatibbli mat-Trattat KE. Skond hi, dan jimplika li l-eżistenza ta' dispożizzjoni ta' leġiżlazzjoni sekondarja, li tawtorizza l-Istati Membri jimponu rata mnaqqsa ta' taxxa tas-sisa fir-rigward ta' prodott nazzjonali, ma teżentax lil dawn ta' l-aħħar bl-ebda mod mill-obbligu tagħhom li japplikaw il-prinċipji fundamentali stabbiliti mill-imsemmi Trattat, li fosthom hemm dak stabbilit fl-Artikolu 90 KE. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Repubblika Ellenika kisret l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE billi applikat rata mnaqqsa ta' taxxa tas-sisa fir-rigward ta' l-ouzo biss. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex sistema nazzjonali ta' tassazzjoni tkun kompatibbli ma' l-Artikolu 90 KE, hija għandha teskludi, f'kull każ, li l-prodotti barranin jiġu ntaxxati iktar mill-prodotti nazzjonali li huma simili.

    14     Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-allegazzjoni li l-leġiżlazzjoni tagħha tikser id-dritt Komunitarju. Hija ssostni li l-Kummissjoni, billi bbażat r-rikors tagħha fuq l-Artikolu 90 KE biss, naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-lex specialis applikabbli f'din il-kawża, jiġifieri l-Artikolu 23 tad-Direttiva 92/83, liema dispożizzjoni tippermetti lil dan l-Istat Membru li japplika rata mnaqqsa ta' taxxa tas-sisa fir-rigward ta' l-ouzo. Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta wkoll il-fatt li l-ouzo huwa simili għal xorb alkoħoliku ieħor, bħall-ġin, il-vodka u l-wiski.

    15     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-punt 2 ta' l-Artikolu 23 tad-Direttiva 92/83 jawtorizza lir-Repubblika Ellenika tapplika rata ta' taxxa tas-sisa fir-rigward ta' l-ouzo li hija inferjuri għar-rata minima, iżda li madankollu ma tkunx inqas minn 50 % tar-rata normali tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku.

    16     M'hemmx kontestazzjoni dwar il-fatt li r-Repubblika Ellenika bbażat ruħha fuq il-punt 2 ta' l-Artikolu 23(2) meta hija stabbiliet ir-rata ta' taxxa tas-sisa għal 50 % tar-rata prevista għal xorb alkoħoliku ieħor u li, billi għamlet dan, hija applikat din id-dispożizzjoni.

    17     F'dawn iċ-ċirkostanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni, li huwa intiż sabiex jikkontesta direttament ir-rata ta' taxxa tas-sisa li r-Repubblika Ellenika kienet ġiet awtorizzata tapplika fir-rigward ta' l-ouzi abbażi tal-punt 2 ta' l-Artikolu 23 tad-Direttiva 92/83, jammonta indirettament, iżda inevitabbilment, għal kontestazzjoni tal-legalità ta' din id-dispożizzjoni.

    18     L-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu, fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta' legalità u joħolqu, għaldaqstant, effetti ġuridiċi sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta' rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminiari jew eċċezzjoni ta' illegalità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C-137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 48, u tat-8 ta' Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, C-245/92 P, Ġabra p. I-4643, punt 93).

    19     B'eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti li huma vvizzjati b'irregolarità li l-serjetà tagħha hija tant ċara li ma tistax tiġi aċċettata fis-sistema ġuridika komunitarja, għandhom jiġu kkunsidrati bħala atti li ma taw lok għal ebda effett ġuridiku, anki provviżorju, jiġifieri jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti. Din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex iżżomm bilanċ bejn żewġ rekwiżiti fundamentali, iżda xi drabi kunfliġġenti, li sistema ġuridika trid tissodisfa, jiġifieri l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi u l-osservanza tal-legalità (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs BASF et, punt 49, u Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, punt 94).

    20     Is-serjetà tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni ta' l-ineżistenza ta' att ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità timplika li, għal raġunijiet ta' ċertezza legali, konstatazzjoni bħal din għandha ssir biss f'każijiet estremi (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs BASF et, punt 50, u Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, punt 95).

    21     Id-Direttiva 92/83 ma tistax, la fit-totalità tagħha u lanqas għal dak li jirrigwarda il-punt 2 ta' l-Artikolu 23 tagħha, tiġi kkunsidrata bħala att ineżistenti.

    22     Għandu jingħad ukoll li l-imsemmija Direttiva ma ġietx irtirata mill-Kunsill u li l-punt 2 ta' l-Artikolu 23 tagħha la ġie annullat u lanqas iddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    23     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 2 ta' l-Artikolu 23 tad-Direttiva 92/83 joħloq effetti ġuridiċi li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta' legalità.

    24     Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li r-Repubblika Ellenika limitat lilha nfisha f'li żżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali adottata abbażi tal-punt 2 ta' l-Artikolu 23 tad-Direttiva 92/83 u, konformement ma' din id-dispożizzjoni, hija ma naqsitx mill-obbligi imposti fuqha mid-dritt Komunitarju.

    25     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma naqsitx mill-obbligi imposti fuqha mid-dritt Komunitarju billi żammet fis-seħħ, fir-rigward ta' l-ouzo, rata ta' taxxa tas-sisa li hija inferjuri għal dik applikata fir-rigward ta' xorb alkoħoliku ieħor.

    26     Għaldaqstant, ir-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu mressaq mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq l-ispejjeż

    27     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Ellenika. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, ir-Renju Unit, li huwa l-parti intervenjenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.

    3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Fuq